Posts Tagged ‘emigrazzjoni’
-
KONTINENT IEĦOR
“F’żogħżiti l-Awstralja kienet meqjusa bħala dinja tal-ħolm, dinja ta’ opportunitajiet li ma kellniex f’pajjiżna. Ironikament it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija nissel problema ta’ qgħad kbir fil-gżejjer Maltin u speċjalment iż-żgħażagħ bdew jaħarquhom saqajhom biex jitilqu minn fuq din l-art ħalli jfittxu xortihom x’imkien ieħor. Jien kont waħda minn dawk iż-żgħażagħ li flimkien ma’ żewġ ħuti erħejnielha lejn dan il-kontinent b’sens qawwi ta’ avventura. Imma ġaladarba sibt ruħi hemm irrealizzajt x’kont napprezza tassew f’ħajti u dan kollu kien qiegħed f’art twelidi.”
Trabbejt nisma’ dawn ir-rakkonti t’ommi Angela Busuttil peress li spiss kienet issemmi ż-żminijiet li għexet fl-Awstralja. Barra minn hekk, minħabba li wieħed minn ħutha kien għadu jgħix hemmhekk, mhux darba u tnejn li n-nanna Fortunata Abela u z-zija Gracie Cilia talbuni biex niktbilhom xi ittra ħalli jibgħatuhielu. Niftakar li kienu ittri li kollha jibdew l-istess “Għażiż Ġużeppi, Vera u t-tfal, nispera li tinsabu tajbin bħal kif ninsabu aħna għall-grazzja t’Alla”.
Kont tgħallimt nikteb l-introduzzjoni bl-amment u kont nitbissem meta nara li dejjem kienu jiktbulu l-istess ħaġa. Il-bqija tal-ittri kienu jikkonsistu f’dak li jkunu għaddew minnu matul dawk l-aħħar ġimgħat jew dwar xi ħaġa li kienu beħsiebhom jagħmlu. Ta’ tifla li kont, ftit stajt napprezza dawk l-ittri ripetittivi. Kellhom jgħaddu ħafna snin qabel fhimt kemm kienu jfissru għalihom dawk il-karti ċelesti li kont niktbilhom l-ittri fuqhom u għaliex kienu jistennew ir-risposti tagħhom tant b’ħerqa. Ir-raġuni kienet dejjem spjegata ċara fir-rakkonti t’ommi. Imma kultant jekk ma ġġarrabx, għajnejk ma jinfetħux. Illum li jiena sirt omm u li s-snin gerrbu fuq ommi wkoll, kapaċi nixtarr aktar.
“Kien ħija l-kbir Ġużeppi li beda jħeġġiġna biex immorru l-Awstralja. Hu kien diġà miżżewweġ u kellu l-familja tiegħu. Jien kien għad kelli 17 il-sena, ommi ma riditnix immur, u missieri ma ried jagħti b’xejn il-kunsens tiegħu biex insiefer. Imma meta għalaqt it-18 il-sena, Ġużeppi rnexxielu jikkonvinċi lil missieri li kien ser jieħu ħsiebi hu. Wegħdu li ser iġib ruħu daqs li kieku kien it-tieni missier tiegħi u kelmtu żammha għax id-dixxiplina tiegħu kienet iebsa mhux ħażin!”
“Bilkemm niftakar kif saru l-preparazzjonijiet bil-ġenn li kelli biex nitlaq. Bsart li ser nimmissja lill-ġenituri tiegħi u lil ħuti l-oħra. Imma ta’ żagħżugħa li kont neħħejt dawk il-ħsibijiet minn quddiem għajnejja u minflok intfajt noħlom dwar dik l-opportunità sabiħa li ngħix u naħdem f’pajjiż ieħor. Dakinhar li tlaqna biex nibdew dan il-vjaġġ, ommi għafsitni magħha u reġgħet qaltli li ma xtaqitnix immur. Il-ħsieb tal-firda minni kien diġà qed ikiddha iżda meta ratni konvinta biex insiefer, talbitni biex ma ninsihiex u biex ma nibqax hemm. Madanakollu jien moħħi kien biss f’dak il-vapur sabiħ li kien qed jistenniena biex jeħodna lejn l-Awstralja.”
“Għal dan il-vjaġġ konna jiena, ħija Indrì u ħija Ġużeppi bil-familja tiegħu. Morna b’vapur lussuż, l-Angelina Lauro. Il-kmamar kienu spazzjużi u komdi. Ħallasna biss Lm10 kull wieħed biex vjaġġajna għal xahar sħiħ fuqu. Kien hemm ħafna Maltin oħra u kollha konna stmati tajjeb ħafna. Il-vjaġġ kien interessanti u pjaċevoli sakemm wasalna f’Port Said fil-Baħar l-Aħmar u nqbadna f’maltemp kbir. F’daqqa waħda kollox beda jitkaxkar ‘l hawn u ‘l hemm: l-imwejjed, is-siġġijiet, is-sodod. Tal-biża’! Ħafna mill-passiġġieri kellhom jingħataw il-mediċini għax ħassewhom ma jifilħux. Lili kieku m’għamilli xejn il-baħar imma ħassejtni tterrorizzata. Wara dakinhar bosta kienu b’qalbhom imtaqtqa kif ser naslu l-Awstralja għax il-vjaġġ donnu ma ried jispiċċa qatt! Niftakar li l-klieb il-baħar baqgħu jsegwuna matul il-vjaġġ kollu, dejjem jistennew lill-ħaddiema ta’ fuq il-vapur biex jarmu l-fdalijiet tal-ikel fil-baħar.”
“Malli wasalna Melbourne laqagħna temp imsaħħab u xejn ma ħadt grazzja mal-post. Xi ħbieb li kienu qed jistennewna ħaduna Adelaide li kien jumejn bogħod bil-karozza. Hemmhekk għamilna ftit taż-żmien. Kien post kwiet u ma tantx kien hemm xogħol. Tlaqna u morna Sydney, niġru minn xogħol għall-ieħor. Niftakar li l-ewwel darba li mort għax-xogħol, tlajt fi tren u marret għajni bija, u t-tren baqgħet sejra bija f’post ieħor. Tgħidx kemm bżajt meta stenbaħt u ma kontx naf x’se naqbad nagħmel. Tinkwieta għax la ma tkunx taf il-post, ma tafx ma’ min tista’ tiltaqa’. Ħdimt f’żewġ fabbriki imma ma nista’ ninsa qatt kemm laqgħuni b’mod sabiħ fl-ewwel fabbrika li dħalt fiha. Kont ilni naħdem hemm ftit ġranet biss u hekk kif skoprew li kont għadni kif għalaqt it-18 il-sena għamluli surprise party u tgħidx kemm tawni rigali! Lanqas wara għaxar snin xogħol ma jagħmlulek hekk f’Malta!”
“L-Awstralja kienet tgħaġġibni bil-kobor tagħha. Kienet sabiħa ħafna b’siġar twal u b’għelieqi spazzjużi u b’toroq li ma jispiċċaw qatt. Ġieli rajt ukoll xi annimali tal-post, l-aktar il-kangaroos kbar li mhux darba u tnejn fettlilhom jintasbu f’nofs ta’ triq u ma jkunu jridu jwarrbu b’xejn biex ngħaddu bil-karozza. Konna noqogħdu Greenacre fejn krejna dar pjuttost kbira. Ma tantx kien hemm Maltin. Kellna familja aboriġina fost il-ġirien tagħna u t-tfal tagħhom kienu jiġu jilgħabu magħna. Madwarna kienu joqgħodu nies minn kull pajjiż.”
“Kien hemm okkażżjonijiet fejn konna noħorġu xi ftit. Niftakar li ġieli morna naraw ir-wrestling. Kien ikollna l-ġellied favorit tagħna u erħilna ngħajjtu kemm nifilħu meta jibda jaqla’ xi daqqtejn sew mingħand l-ieħor. Konna nidħlu b’vuċi tajba u noħorġu maħnuqin imma konna nieħdu gost. Dejjem bqajt bil-kurżità jekk kienux ikunu qed jiġġieldu veru jew le. Tant kienu jaqilgħu li ma stajtx nemmen li kienu jagħtu bis-serjetà!”
“Il-kobor tal-post kien jaqtgħalna qalbna biex nimirħu ‘l bogħod. U l-biċċa l-kbira minn ħajjitna kienet iddedikata biss għax-xogħol. Agħar minn hekk, ommna spiss kienet tibgħatilna l-ittri jew xi casette irrekordjatha bil-vuċi tagħha fejn kienet twissina biex noqogħdu attenti ħalli ma nweġġgħux u b’mod speċjali, biex ma niżżewġux hemmhekk. “Fittxu ejjew ‘l hawn, ejjew lura,” kienet dejjem tirrepeti. Kemm tiflaħ tisma’ kliem bħal dan?”
“Ma domnix ma bdejna niddejqu u nixxenqu biex nirritornaw lejn pajjiżna fejn fiċ-ċokon tiegħu kellna dak kollu li ridna. Il-problema kienet li għalkemm biex morna l-Awstralja kellna nħallsu biss Lm10 kull wieħed, biex naqbdu vapur lura lejn Malta l-prezz kien Lm250 kull ras. Għamilna sentejn u nofs ngħixu hemm sakemm irnexxielna nfaddlu biżżejjed flus għalina kollha. Ġejna lura Malta bil-vapur Achille Lauro u mill-ġdid domna xahar nivvjaġġaw.”
“Kont kuntenta li rajt pajjiż ieħor imma ddispjaċini ħafna li tlaqt il-familja tiegħi. Ħadt ir-ruħ hekk kif wasalna lura Malta u rajthom kollha qawwijin u sħaħ. Tgħidx kemm għannaqthom u kien f’dak il-ħin li rrealizzajt kemm kont immissjajthom. “Ma nerġax nitla’ ma. Ma nerġax nitilqek,” wegħedt lil ommi hekk kif għafastha miegħi. U kelmti żammejtha.”
Wara xi snin, ħuha Ġużeppi reġa’ tela’ l-Awstralja bil-familja tiegħu fejn dam għal żmien twil sakemm eventwalment, ta’ età kbira rritorna Malta. Illum m’għadnix nikteb l-ittri fuq il-karti ċelesti. In-nanna, iz-zija u z-ziju ħallewna u issa fadal biss il-memorja tagħhom.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-Senior Times li ħareġ mal-ġurnal The Times of Malta tas-17 ta’ Novembru 2017)
-
LURA FIŻ-ŻMIEN – IL-MALTIN FL-AWSTRALJA
Ironikament it-tmiem tal-gwerra dinjija kien il-kawża ta’ qgħad kbir f’pajjiżna. Bosta ħaddiema sfaw bla xogħol u wħud ma rawx għażla aħjar minn dik li jħallu lil art twelidhom biex imorru jfittxu xortihom f’pajjiż ieħor. Il-kontinent Awstraljan kien wieħed minn dawk il-lokalitajiet li laqa’ għandu numru kbir ta’ emigranti Maltin. Hekk jew hekk fl-Awstralja kien hemm bżonn kbir ta’ nies biex jaħdmu u jippopolaw il-pajjiż. Kienet okkażżjoni f’waqtha li kienet qed toffri ċ-ċans lill-Maltin biex jgħixu f’pajjiż tant differenti b’artijiet bla tarf, bi ħlejqiet uniċi u bi staġuni strambi. Imma eventwalment l-Awstralja kienet dak il-pajjiż tal-ħolm?
Jiena trabbejt nisma’ r-rakkonti t’ommi Angela meta spiss kont nismagħha ssemmi ż-żminijiet li għexet fl-Awstralja. Barra minn hekk, peress li wieħed minn ħutha kien għadu jgħix hemmhekk, mhux
darba u tnejn li n-nanna Fortunata u z-zija Gracie talbuni biex niktbilhom xi ittra ħalli jibgħatuhielu. Niftakar li kienu ittri li kollha jibdew l-istess “Għażiż Ġużeppi, Vera u t-tfal, nispera li tinsabu tajbin bħal kif ninsabu aħna għall-grazzja t’Alla”.
Kont tgħallimt nikteb l-introduzzjoni bl-amment u kont nitbissem meta nara li dejjem kienu jiktbulu l-istess ħaġa. Il-bqija tal-ittri kienu jikkonsistu f’dak li jkunu għaddew minnu matul dawk l-aħħar ġimgħat jew dwar xi ħaġa li kienu beħsiebhom jagħmlu. Ta’ tifla li kont, ftit stajt napprezza dawk l-ittri ripetittivi imma sforz ir-rispett lejn qrabati kont niktibhomlhom bl-aħjar kaligrafija li stajt nikteb biha u bi preċiżjoni eżatt ta’ kif kienu jiddettawhomli.
Kellhom jgħaddu ħafna snin qabel fhimt kemm kienu jfissru għalihom dawk il-karti ċelesti li kont niktbilhom l-ittri fuqhom u għaliex kienu jistennew ir-risposti tagħhom tant b’ħerqa. U forsi kien dan it-tnebbiħ li llum wassalni biex naqsam magħkom l-esperjenza li għaddiet minnha ommi meta ta’ 18 il-sena ddeċidiet li tħalli pajjiżha sabiex tagħti lok għall-ħolma tagħha…
“Tnejn minn ħuti s-subien kienu ddeċidew li jmorru lejn l-Awstralja biex ifittxu xogħol u ħajjruni mmur magħhom. Ommi xejn ma ħadet pjaċir b’din l-aħbar u missieri
rriffjuta li jiffirmali l-karti biex insiefer peress li kont għadni taħt l-età. Imma inzerta li ftit wara għalaqt it-18 il-sena u allura ħija l-kbir Ġużeppi rnexxielu jikkonvinċi lil missieri li kien ser jieħu ħsiebi hu. Wegħdu li ser iġib ruħu daqs li kieku kien it-tieni missier tiegħi u kelmtu żammha għax id-dixxiplina tiegħu kienet iebsa mhux ħażin! Tlaqna tliet aħwa f’daqqa minn familja sħiħa: jiena u ħija Indrì u ħija Ġużeppi flimkien mal-familja tiegħu peress li kien miżżewweġ.”
Ommi tiftakarha qed tipprepara l-bagalji b’eċċitament kbir.
“Bsart li ser nimmissja lill-ġenituri tiegħi u lil ħuti imma ta’ żagħżugħa li kont neħħejt dawk il-ħsibijiet minn quddiem għajnejja u minflok intfajt noħlom dwar dik l-opportunità sabiħa li ngħix u naħdem f’pajjiż ieħor. Ma kont qed nara xejn ħlief dak il-vapur sabiħ li kellna nirkbu u li kellu jeħodna lejn l-Awstralja!
Qabel tlaqt ommi għafsitni magħha u reġgħet qaltli li ma xtaqitnix immur. Il-ħsieb tal-firda minni kien diġà qed ikiddha u talbitni biex ma ninsihiex u biex ma nibqax hemm. “Erġa’ ejja ‘l hawn, tinsinix!” lissnet waqt li bdiet ixxejjirli.”
Għajnejn ommi ntlew bid-dmugħ hekk kif it-tifkiriet t’ommha li ormaj m’għadhiex magħna, saru aktar ċari.
“Morna b’vapur lussuż u mill-isbaħ – is-Sydney. Il-kmamar kienu spazzjużi u komdi. Ħallasna biss għaxar liri kull wieħed biex vjaġġajna għal xahar sħiħ fuqu. Kien hemm ħafna Maltin oħra u kollha konna stmati tajjeb ħafna. Il-vjaġġ kien interessanti u pjaċevoli sakemm wasalna f’Port Said fil-Baħar l-Aħmar u nqbadna f’maltemp kbir. F’daqqa waħda kollox beda jitkaxkar ‘l hawn u ‘l hemm: l-imwejjed, is-siġġijiet, is-sodod. Tal-biża’! Ħafna mill-passiġġieri kellhom jingħataw il-mediċini għax ħassewhom ma jifilħux. Lili kieku m’għamilli xejn il-baħar imma ħassejtni tterrorizzata. Wara dakinhar bosta kienu b’qalbhom imtaqtqa kif ser naslu l-Awstralja għax il-vjaġġ donnu ma ried jispiċċa qatt!
Xeni oħra li ma ninsix kienet meta l-ħaddiema ta’ fuq il-vapur kienu jarmu l-fdalijiet tal-ikel il-baħar u trid tara l-klieb il-baħar jaqbżu fuqu u jsegwuna matul il-vjaġġ kollu, dejjem jistennew l-ikel ġej!”
Minn hemm u minn hawn fl-aħħar waslu Melbourne.
“Laqagħna temp imsaħħab u xejn ma ħadt grazzja mal-post. Xi ħbieb li kienu qed jistennewna ħaduna Adelaide li kien jumejn bogħod bil-karozza. Hemmhekk għamilna ftit taż-żmien. Kien post kwiet u ma
tantx kien hemm xogħol. Tlaqna u morna Sydney, niġru minn xogħol għall-ieħor. Ħdimt f’diversi fabbriki imma ma nista’ ninsa qatt kemm laqgħuni b’mod sabiħ fl-ewwel fabbrika li dħalt fiha. Kont ilni naħdem hemm ftit ġranet biss u hekk kif skoprew li kont għadni kif għalaqt it-18 il-sena għamluli surprise party u tgħidx kemm tawni rigali! Lanqas wara għaxar snin xogħol ma jagħmlulek hekk f’Malta.”
Ix-xogħol kien jagħmel il-parti l-kbira mill-ħajja tal-Maltin fl-Awstralja imma kien hemm lok għad-divertiment ukoll.
“Għalkemm ma tantx konna noħorġu niftakar li konna qbadna d-drawwa li mmorru naraw ir-wrestling. Spiss kien ikollna l-ġellied favorit tagħna u erħilna ngħajjtu kemm nifilħu meta jibda jaqla’ xi daqqtejn tajba mingħand l-ieħor. Konna nidħlu b’vuċi tajba u noħorġu maħnuqin imma konna nieħdu gost. Dejjem bqajt bil-kurżità jekk kienux ikunu qed jiġġieldu veru jew le. Tant kienu jaqilgħu li ma stajtx nemmen li kienu jagħtu bis-serjetà.
L-Awstralja kienet tgħaġġibni bil-kobor tagħha. Kienet sabiħa ħafna b’siġar twal u b’għelieqi spazzjużi u b’toroq li ma jispiċċaw qatt. Ġieli rajt ukoll xi annimali tal-post, l-aktar il-kangaroos kbar li mhux darba u tnejn fettlilhom jintasbu f’nofs ta’ triq u ma jkunu jridu jwarrbu b’xejn biex ngħaddu bil-karozza.
Fuq kollox, matul iż-żmien li għext hemmhekk, iltqajt ma’ ħafna nies ta’ diversi razez fostom ma’ familja aboriġina li kienet toqgħod fid-dar ta’ warajna.”
Akkost is-sens ta’ avventura, id-demm Malti dejjem jibqa’ jiġbed lejn il-familja.
“Ommi spiss kienet tibgħatilna l-ittri jew xi casette irrekordjatha bil-vuċi tagħha fejn kienet twissina biex noqogħdu attenti ħalli ma nweġġgħux u b’mod speċjali, biex ma niżżewġux hemmhekk. “Fittxu
ejjew ‘l hawn, ejjew lura,” kienet dejjem tirrepeti. Kemm tiflaħ tisma’ kliem bħal dan? Wara sentejn u nofs fl-Awstralja rnexxielna nfaddlu biżżejjed flus biex inħallsu l-passaġġ lura lejn Malta, li issa kien jiswa’ madwar Lm250 r-ruħ u tlaqna.
Il-vapur li tlaqna bih kien sabiħ daqs l-ieħor – l-Angelina Lauro. Did-darba l-baħar kien żejt matul il-vjaġġ kollu u tgħidx kemm ixxalajna: nieklu, niżfnu u nixorbu. Bqajt impressjonata kemm kien hemm nies ta’ kull ġens. Waqafna f’diversi postijiet sbieħ fostom f’Singapore imma ta tfajla li kont ftit li xejn niftakar aktar ħlief id-divertiment.”
Wara xahar ieħor ta’ vjaġġ fuq il-baħar il-vapur finalment wasal Malta.
“Kont kuntenta li rajt pajjiż ieħor imma ddispjaċini ħafna li tlaqt il-familja tiegħi. Ħadt ir-ruħ hekk kif wasalna lura Malta u rajthom kollha qawwijin u sħaħ. Tgħidx kemm għannaqthom u kien f’dak il-ħin li rrealizzajt kemm kont immissjajthom. “Ma nerġax nitla’ ma. Ma nerġax nitilqek,” wegħedt lil ommi hekk kif għafastha miegħi. U kelmti żammejtha allavolja ltqajt ma’ numru ta’ ġuvintur li xtaqu jiżżewġuni biex imbagħad insiefru f’xi pajjiż ieħor.
Ħija l-kbir reġa’ mar lura lejn l-Awstralja fejn għex għal bosta snin. Imma jiena qatt aktar ma tlaqt lil Malta u qatt aktar ma tlaqt lil ommi.”
Naturalment kulħadd għandu l-istorja tiegħu u hekk kif dil-ġimgħa sibt l-opportunità li niltaqa’ ma’ emigrant Malti li jgħix fl-Awstralja, tħajjart nieħu l-perspettiva tiegħu ukoll dwar das-suġġett. John Cassar ilu li telaq minn art twelidu madwar 35 sena ilu. Iżda d-diffikultà tiegħu hija li meta telaq, ħalla qalbu warajh. Li kien għalih, qatt ma kien jitlaq minn Malta.
“Mort l-Awstralja minħabba li riedet tmur marti. Madwar għaxar snin qabel, il-ġenituri tagħha u ħutha kienu telqu lejn l-Awstralja peress li Malta ma sabux xogħol. Meta konna namrati kienet titlobni
nwegħedha li xi darba nitilgħu noqogħdu ħdejhom u jiena kont inweġibha li xi darba mmorru. Sadanittant kienet tmur iżżurhom għall-vaganzi u aktar iġġennet biex tmur hemm. Mal-milja tas-snin baqgħet tfakkarni li kont tajtha kelmti li ser neħodha tgħix ħdejn il-familja tagħha sakemm fl-aħħar kelli nċedi u tlaqna.”
Id-deċiżjoni li tħalli kollox warajk u terġa’ tibda mhiex faċli.
“Hawn Malta ma kien jonqosna xejn. Kellna familja sabiħa b’żewġt itfal, kellna darna u jiena kelli xogħol tajjeb bħala għalliem. Biex morna l-Awstralja kellna nbiegħu d-dar u jien kelli nitlaq pożizzjoni li kienet għal qalbi u fejn kont ilni naħdem 13 il-sena.
Fuq kollox kelli nħalli lill-ġenituri tiegħi u lil ħuti warajja. Inti taħseb li l-ġenituri tiegħi ma ħaduhiex bi kbira meta rawni nerħi minn idi dak kollu li kont ħdimt għalih u nitlaq f’art oħra filwaqt li nċaħħadhom mill-kumpannija tagħna u speċjalment tal-uniċi żewġ neputijiet li kellhom dak iż-żmien?”
Kont kurjuża jekk sabux diffikultà biex jintegraw u biex isibu xogħol?
“Minn daqshekk aħna l-Maltin ma tantx insibuha bi tqila biex nintegraw.
Jien nismagħhom jgħidu li dawk il-Maltin li marru minn tal-ewwel hemmhekk kellhom iċ-ċans li jagħmlu flus tajba. Jingħad li tant kien hemm bżonn ta’ nies illi meta l-ħaddiema kienu joħorġu mill-
fabbriki wara ġurnata xogħol, kienu jsibu l-aġenti ta’ fabbriki oħra jistennewhom barra lesti biex iħallsuhom paga aktar jekk imorru jaħdmu magħhom! Barra minn hekk, min ħaddem rasu u nvesta fl-art li f’dawk is-snin kienet irħisa, għaqqad kemxa sewwa minn fuqha.
Meta mort jiena nfittex xogħol, xtaqt li nibqa’ naħdem bħala għalliem. Madanakollu sibt illi biex ngħallem fl-Awstralja kien jeħtieġli nagħmel conversion course ta’ erbgħa snin ħalli nitħarreġ fis-sengħa tat-tagħlim tal-post. Inħsadt mhux ħażin u mort niċċekkja f’kulleġġ f’Geelong fl-Università ta’ Deakin dwar dan l-istess kors u dawn qaluli li lesti li jaċċettaw iċ-ċertifikati li kelli minn Malta u minflok nagħmel sentejn biss studju. Meta rajt li t-tnejn ma qablux bejniethom webbist rasi u ma ridtx nagħmlu aktar dan il-kors. Sa mn’Alla li l-Kappillan tal-post, li kellu r-responsabbiltà li jħaddem l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja, iddeċieda li jagħtini xogħol għax kieku kont diġà lest li mmur nagħmel xi ħaġ’oħra. Għamilt 13 il-sena naħdem bħala għalliem u wara għaddejt 15 il-sena oħra naħdem mal-Australian Post sakemm ta’ 68 sena waqaft għal kollox mix-xogħol.”
B’mod ċajtier, l-Awstralja hija magħrufa bħala l-pajjiż ‘down-under’ fejn kollox hu ta’ taħt fuq: meta hawn tkun ix-xitwa hemm is-sajf, meta hawn qed jidlam hemm qed jisbaħ u ħafna affarijiet minn dawn. Kemm iddum biex tidra f’ħajja daqshekk differenti?
“Peress li jiena tlajt kontra qalbi l-Awstralja, nistqarr li għamilt madwar sentejn, tlieta nistaqsi lili nnifsi x’mingħalija li kont qed nagħmel hemm? Imma mbagħad sibt xogħol, xtrajt karozza u dar u bla ma naf kif bdejt nissetilja.
Id-differenza fil-ħin malajr tidraha għax hekk jew hekk meta jidlam tmur torqod u meta jisbaħ tqum. Li tieħu naqra aktar żmien biex taċċetta huma ċertu affarijiet oħra bħat-taqlib fl-istaġuni fejn is-sajf
jibda fl-1 ta’ Diċembru u ovvjament niċċelebraw il-Milied fis-sħana. Fil-fatt għall-ewwel lanqas biss kont inqisu bħala Milied. Minflok ix-xitwa, id-dlam u t-triqat u l-ħwienet imżejjna bid-dwal u bil-presepji jew b’xi bambin tara s-sajf u n-nies jgħumu u jiċċelebraw b’xi barbeque. Fl-Awstralja jżejjnu biss il-ħwienet il-kbar u bl-iskop li jiġbdu l-klijenti u mhux għax jemmnu fil-Milied bħalna l-Maltin. Trid tifhem li f’dak il-pajjiż ma ssibx insara kattoliċi biss imma hemm bosta reliġjonijiet oħra li mhux neċessarjament japprezzaw il-Milied bħalna. Għallinqas fil-familja tiegħi bqajna niċċelebrawh l-istess: bil-quddiesa ta’ nofs il-lejl u billi mmorru għal xi dinner dance fejn noqogħdu ndoqqu kanzunetti Maltin.
Ftit ftit tibda tidra wkoll il-kultura l-ġdida u ddaħħalha fis-sistema tiegħek. Ngħidu aħna jekk f’Malta kont nieħu gost insegwi l-football, fl-Awstralja sirt akkanit tal-footie u issa għandi t-tim favorit tiegħi.
Iżda John saħaq illi għalkemm il-Maltin fl-Awstralja qed jgħixu f’pajjiż ieħor, dan ma jfissirx li nsew lil pajjiżhom jew lit-tradizzjonijiet tagħhom.
“Partikolarment fejn jgħixu ħafna Maltin bħal f’Sunshine u f’St Albans issib ħafna affarijiet tipikament Maltin bħal ngħidu aħna affarijiet tal-ikel fostom: pastizzi, qassatat, zalzett tal-Malti, ġbejniet tal-bżar, bigilla u ravjul.
Għalkemm mhux kulħadd iżomm it-tradizzjonijiet Maltin, il-mara tiegħi Sally baqgħet tagħmel il-figolli u l-borża ta’ San Martin. Barra minn hekk ta’ min insemmi li fl-Awstralja għadna niċċelebraw il-festi tal-qaddisin bħal kif konna niċċelebrawhom f’Malta iżda naturalment b’inqas pompożità.”
Il-Maltin kemm ifittxu l-kumpannija ta’ Maltin oħra fl-Awstralja?
“Ħafna! Fejn noqgħod jiena f’Knox ma tantx issib Maltin imma mhux l-ewwel darba li nkunu qed nixtru minn x’imkien u nisimgħu lil xi ħadd jitkellem bil-Malti u mmorru naraw min hu biex ngħidu kelmtejn miegħu.
Fost il-ġimgħa jiena u marti mseħħbin fi klabbs tal-Maltin fejn in-nisa sikwit joqogħdu jilgħabu t-tombla u aħna l-irġiel ninxteħtu niddiskutu l-politika u l-istejjer ta’ tfulitna. Mhux darba u tnejn li nsellfu xi kotba jew DVDs bil-Malti lil xulxin. Kultant nistaqsu fejn marru ż-żminijiet tal-kummiedji li konna naraw bħal Spiru Cefai u Radju Muskettieri? Nixxenqu wisq għal xi kopja minn tagħhom ħa nidħku ftit.”
Indawwar kemm indawwar is-suġġett intbaħt illi kliem John dejjem idur fuq in-nostalġija li huwa jħoss lejn Malta.
“Wara dawk is-snin kollha mbiegħed minn art twelidi, ma nistax ngħid li l-firda għadha tkiddni daqs l-ewwel ġurnata li rfist fuq art barranija. Iżda xorta waħda l-weġgħa tal-firda ma tfieqx għalkemm tipprova. Jekk tkun sentimentali bħali ma jgħaddilek qatt għal kollox.
Jekk inti tibqa’ titkellem bil-Malti u tara lil dawk kollha ta’ madwarek jitkellmu bl-Ingliż, taf li m’intix f’pajjiżek. Meta bħali uliedek jiżżewġu lil sieħeb u sieħba Awstraljani, awtomatikament iridu jitħaddtu
bl-Ingliż u daqstant ieħor uliedhom għax inkella ma jiftehmux. Lin-neputijiet tiegħi ma nistax nirrakkuntalhom dwar il-ħajja li għext f’Malta għax ma’ Malta m’għandhomx kuntatt u lanqas biss jafu fejn hi eżatt. Ma tistax taqbad ktieb bil-Malti u taqrahulhom għax ma jifmuhx. Meta jmorru l-iskola ma jitgħallmu qatt dwar Malta u l-istorja tagħha imma jitħarrġu f’informazzjoni dwar l-Awstralja.
Sakemm qiegħed hawn irnexxieli nħażżeż ftit minn ħsibijieti li semmejthom ‘Niket’:
X’dieqa ta’ qalb meta tkun il-bogħod minn art twelidek!
F’art fejn għalkemm sabiħa il-ħlewwa ta’ lsienek ma tismax.
Fejn il-ħàra ta’ żogħżitek ma tiftakarx.
U fejn għalkemm ħelu, kliem ulied uliedek ma jixbaħx lil dak li l-ewwel lissint int.”
Imma allura bqajt ma tħossokx tappartejni fl-Awstralja?
“Kif nista’? L-Awstralja ma nqishiex b’pajjiżi imma bħala art li ngħix fuqha. B’danakollu ma rridx infisser li l-Awstralja m’għamlitlix ġid. Fl-Awstralja għandi dar ħafna ikbar milli qatt kelli Malta u l-ftit flus li faddalt hemm għamilthom u mhux f’Malta. Fuq kollox l-Awstralja sabiħa immens imma għalija tibqa’ dejjem art barranija. Jiena nħossni f’posti biss meta nkun hawn, f’Malta. Malta hija l-post fejn twelidt u trabbejt, fejn għext l-aħjar żmien ta’ ħajti u fejn tkellimt bl-ilsien tiegħi. Għax ngħiduha kif inhi, l-pajjiżi kollha huma magħmula mill-blat, mis-siġar u mill-ilma. Ma tistax taqbadhom u tgħannaqhom ma’ qalbek. Imma l-punt hu li qalbek tintrabat mal-art li twelidt u trabbejt fiha.”
John saħaq illi li kieku kien għalih kien jirritorna lejn Malta minn għada. Imma qabel jeħtieġlu jikkonvinċi lil martu u mhux daqshekk faċli.
“Kull ġimgħa ħafna Maltin li joqogħdu l-Awstralja jistennew bil-ħerqa l-aħbarijiet dwar Malta. Imma sfortunatament ikunu qosra wisq, minbarra li ġieli jibdlulhom il-ħin mingħajr ma javżawna u apparti kollox ħafna minnhom ikunu propoganda tal-gvern aktar milli aħbarijiet. L-agħar però huwa l-Malti li jużaw il-ġurnalisti li xi minn daqqiet lanqas nifhmuh għax ma jkunx b’Malti tajjeb imma imfarrak u mħallat mal-Ingliż jew it-Taljan.
Din tal-Malti tikkonfondini lili għax fl-Awstralja talbuni ngħallem il-Malti u meta ġejt hawn qed nara li f’Malta stess nofs il-popolazzjoni lanqas biss taf titkellem b’Malti tajjeb! U allura ngħid x’jiswa li ngħallmuh hemmhekk?
Dan jgħodd ukoll għal meta jiġu diversi kbarat iżuruna u jħeġġuna biex ngħożżu l-Malti u l-kultura Maltija u biex nibqgħu ngħallmu l-Malti lil uliedna. Imma nerġa’ nistaqsi għalfejn meta hawnhekk, f’Malta stess, dan ma jsirx?
Bqajt skantat ukoll meta f’dawn il-ġimgħat ippruvajt nagħmel karta tal-identità Maltija peress li talbuhieli biex inkun nista’ niftaħ kont bankarju. Ma rnexxilix nagħmilha u minflok ippruvajt ninqeda bil-
passaport Malti u ma ngħidlekx kemm dam jitħabat l-iskrivan tal-bank biex jara kif ser jaqdini bih! Allura nsostni għala għandu jkolli ċittadinanza Maltija u passaport Malti jekk dawn ma tinqeda bihom imkien? Tgħid m’għamlulix il-karta tal-identità għax beżgħu li ġej nivvota biha? Bħallikieku ħa noqgħod ninqala’ mill-Awstralja għalhekk. Allavolja, ħa ngħiduha kif inhi, meta nġiebu n-nies mill-Ewropa u l-Konslu saħansitra nġiebet mill-Awstralja biex tivvota, dawn l-affarijiet ġraw, hux hekk?
Hemm ħafna kieku xi ssemmi. Imma tgħid aħna minsijin għax meqjusa bħala Maltin tal-Awstralja?”
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 ta’ Settembru 2010)
-
IL-ĠLIEDA GĦAD-DRITTIJIET U D-DINJITÀ
It-28 t’April 1958 jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-agħar ġranet li qatt ra pajjiżna. Nhar il-Ħadd 26 t’April 2009, fis-Sala taċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid fid-9:30am ser issir laqgħa ta’ diskussjoni biex jitfakkru l-avvenimenti li seħħew f’dawk iż-żminijiet u anki biex jinħoloq dibattitu dwar l-isfidi li qed jgħix illum il-poplu Malti. Iltqajna ma’ tnejn mill-organizzaturi sabiex naraw aħjar x’kien il-mottiv wara din l-inizzjattiva. Tkellimna wkoll ma’ Dr Joe Micallef Stafrace li jiftakar sewwa t-taqtiegħa ta’ dawk il-ġranet għax kien hemm hu wkoll fost il-folla tad-dimostranti….
INTERVISTA: DR JOE MICALLEF STAFRACE (kien fost id-dimostranti tat-28 t’April 1958)
X’ġara fit-28 ta’ April 1958?
F’April tal-1958 il-ħaddiema ta’ mas-servizzi kellhom inkwiet kbir fuqhom minħabba s-sensji. Dak iż-żmien lil dawn il-ħaddiema tas-servizzi konna nħarsu lejhom bħala l-industrija tal-gwerra. F’din l-
industrija tal-gwerra ma rridux naraw biss lit-tarzna, kif ħafna jagħmlu. Għax ma’ dawn kien hemm ukoll l-impjegati mal-Army u l-impjegati mar-Royal Airforce. Issa dak iż-żmien kien jiġri illi n-numru tal-ħaddiema kien jgħola u jinżel skont il-ħtiġijiet militari. Hija ironika li tgħid illi l-Maltin ta’ dak iż-żmien kienu jirraġunaw li allaħares kellha tikkwieta d-dinja għax kienu jispiċċaw b’qabda sensji. Min-naħa tiegħu, l-Gvern Ingliż qatt ma ried illi l-poplu Malti jkollu alternattiva ta’ xogħol ieħor ħalli hu jkolli dejjem sors ta’ xogħol għal lest skont il-bżonn tal-‘fortizza’ jiġifieri kompatibilment mas-sitwazzjoni internazzjonali. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija l-qagħda madwar id-dinja kienet damet ftit ma kkalmat. Kien hemm il-Gwerra Bierda, kien hemm il-problema tal-Kanal tas-Suez u ħafna problemi oħrajn. Jiġifieri ġeneralment dejjem kien hemm it-taqlib. Imma meta s-sitwazzjoni kienet tikkalma, l-unika triq għal Maltin kienet tkun l-emigrazzjoni.
Fix-xahar t’April 1958, il-ħaddiema bdew jiltaqgħu u jagħmlu d-dimostrazzjonijiet fi Strada Rjali l-Belt. Kienu jkunu dimostrazzjonijiet paċifiċi. Imma jien ġo qalbi kont nobsor li għad tinqala’ xi waħda, bil-pulizija telgħin u neżlin il-Belt kuljum minħabba d-demostranti. Ġara illi għat-28 t’April 1958, il-GWU ordnat strajk ġenerali bi protesta kontra dawn is-sensji. U l-istrajk kien suċċess kbir għax dakinhar Malta kollha waqfet. Mhux biss in-nies tas-servizzi u n-nies tal-gvern waqfu mix-xogħol, imma anki tal-ħwienet u dawk tat-trasport. Iżda għalkemm l-istrajk kien suċċess, ma ġiex bi prezz irħis għax il-ġrajjiet ta’ dakinhar tniżżlu fl-istorja ta’ Malta.
Fil-ħarġiet tal-ġurnal Is-Sebħ t’April 1958, jiena irrakkuntajt dak kollu li rajt u smajt għax jiena wkoll kont hemm waqt id-dimostrazzjoni tat-28 t’April 1958. Fil-fatt
f’ritratt li kien ġie ippubblikat, hemm jien imdawwar bil-pulizija. Nista’ ngħid li numru ta’ pulizija ġabu ruħhom ta’ ġentlomi waqt dawk il-ġrajjiet. Imma mhux kollha. Dak iż-żmien kien hemm il-Kummissarju Vivien De Gray li kien iddikkjara li kien serv tar-reġina. Iżda De Gray ma kienx kapaċi jiffaċċja l-folla u għalhekk bagħat lill-Assistent Kummissarju J Bonnici Soler minfloku. Dan kien bniedem selvaġġ. Id-dimostranti ma kienu qed jagħmlu l-ebda ħsara. Imma l-protesti li kienu qed isiru ta’ kuljum kienu qed jiġu rrappurtati fil-ġurnali, anki f’dawk internazzjonali u l-gvern Ingliż ta’ dak iż-żmien beda jiddejjaq. Immexxija minn Bonnici Soler, il-pulizija u l-kavallerija ntefgħu fuq il-poplu bil-lembubi, jagħtu bl-addoċċ, kif ġie ġie u b’ċerta vendikazzjoni.
Jiena li kont ħdejn il-bieb ta’ Kastilja fi Triq Merkanti stajt nara dak kollu li kien qed jiġri. Parir li kien tani wieħed tas-CID il-lejl ta’ qabel, aktarx evitali li nlaqqata’
jien ukoll dakinhar. Niftakar li dan kien tani taħriġ ta’ kif għandi inġib ruħi waqt id-dimostrazzjonijiet. Jiġifieri li nimxi la ġenba, bil-ħajt wara dahri, ħalli b’hekk ma nkunx nista’ naqla’ daqqiet minn wara. L-aktar l-aktar jekk xi ħadd jiġi għalija, nkun naf min hu u nkun naf ukoll li ser jattakkani.
Kien hemm folol kbar ta’ nies. U l-irjus saħnu u nqassmu sewwa f’dik il-ġurnata! Kull fejn il-Pulizija bdiet tara żewġ persuni flimkien, bdiet tiġri warajhom u ttihom bla ħniena. Fil-fatt numru ta’ nies li
ssawwtu, lanqas biss kienu demostranti imma sempliċiment inzertaw għaddejjin minn hemm f’dak il-waqt. Uħud minn dawk li waqgħu mal-art taħt id-daqqiet tal-lembubi saħansitra komplew jingħataw daqqiet bis-sieq. Fil-ġenn u d-dagħdiegħa li kellhom fuqhom dakinhar il-Pulizija, lanqas intebbħu li kienu qed isawwtu wkoll lil xi membri tas-CID pajżana li kien hemm mal-folla! Kien hemm għadd ta’ feruti li ħafna minnhom kellhom daqqiet fuq rashom. U dan meta l-lembubi suppost jintużaw għad-daqqiet fuq l-ispalla. Kienu mumenti ta’ ħasra. Pulizija Maltin f’isem Gvern Ingliż isawwtu bla ħniena lil Maltin oħra bħalhom għax dawn riedu d-drittijiet tagħhom imħarsa. Iżda dan xorta ma kissirx il-moral tad-dimostranti. Jien spiċċajt nieħu ħsieb lil xi feruti. Wieħed mill-feruti niftakru jgħidli “Għal pajjiżi lest li nsofri aktar minn hekk.” Niftakar ukoll illi Agatha Barbara, li kienet Ministru dak iż-żmien, ġarret lill-feruti sad-djar tagħhom bil-karozza tagħha stess.
Fit-28 t’April 1958 Malta uriet id-dwejjaq u d-diżapprovazzjoni tagħha għal mod mhux xieraq li bih ġiet ittrattata mill-Gvern Ingliż. Akkost dak li seħħ, kien strajk ta’ suċċess għax kien att b’saħħtu ta’ reżistenza. Wara dawn il-ġranet bdiet il-veru għajta li l-Ingliżi għandhom imorru lura f’pajjiżhom u li Malta għandha tingħata l-ħelsien.
F’Mejju 1958, l-istess Agatha Barbara, Patrick Holland u oħrajn ġew arrestati u mibgħuta l-ħabs akkużati li xewxu lin-nies biex jaqalgħu l-inkwiet. Wara l-irvellijiet tat-28 t’April, il-Gvernatur Sir Robert Laycock ordna illi għat-tlett xhur li kien imiss, ħadd ma seta’ jorganizza meetings, dimostrazzjonijiet jew marċi la f’Malta u lanqas f’Għawdex. Fil-fatt niftakar li f’dik is-sena, l-Partit Laburista kien iċċelebra l-1 ta’ Mejju fl-Empire Stadium fil-magħluq.
Kemm huwa importanti li ż-żagħżagħ ta’ llum ikunu jafu dwar ġrajjiet bħal dawn?
Importanti ħafna. Iż-żagħżagħ ta’ llum ma waqgħux mill-ajru issa u Malta ma saritx għalihom issa. Huwa tajjeb li jkunu jafu biex wasalna s’hawn, kif wasalna s’hawn. Aħna għadna nitkellmu fuq l-Assedju
l-Kbir li seħħ 400 sena ilu u dwar meta ġew il-Franċiżi! Allura kif ġrajjiet aktar riċenti, ta’ żmien il-kolonjaliżmu Ingliż u ż-żmien ta’ qabel il-gwerra u ta’ wara l-gwerra ma nitkellmux fuqhom? Illum dawn iż-żagħżagħ qed jaraw lill-ġenituri tagħhom b’pagiet mhux ħażin u bil-pensjonijiet. Kien il-Gvern Laburista li għamel dawn l-affarijiet. Jafuh dan? Jafu li sas-sebgħinijiet kien hawn in-nies jittallbu fit-toroq? Il-Partit Laburista twieled b’messaġġ soċjali. Il-Partit Nazzjonalista min-naħa l-oħra dejjem kien moħħu fil-kwistjoni kostituzzjonali – li Malta issir dominium status: jiġifieri li Malta tkun f’idejn il-Maltin imma li s-sigurtà tibqa’ f’idejn l-Ingliżi, bir-reġina tibqa’ r-reġina ta’ Malta. Mintoff l-ewwel ħaġa li għamel irdoppja l-pagi b’ordni, għamel il-bonus, ic-childrens’ allowances u l-pensjonijiet.
Temmen li għadha teżisti s-solidarjetá bejn il-ħaddiema?
Il-ħaddiema mxew il-quddiem meta ngħaqdu fit-trade unions u mhux meta kulħadd mexa għal rasu. Fl-għaqda hemm is-saħħa. Iżda illum iċ-ċirkostanzi nbidlu. Hawn aktar individwaliżmu. Is-solidarjetà bejn il-ħaddiema naqset ferm. Dari, kien hemm aktar gwida ta’ prinċipji. Illum donnu li l-flus qed jirrovinaw lil kulħadd.
——————————————————————————————————————————
INTERVISTA: STEPHEN ABELA – PRO – Każin Laburista ta’ Raħal Ġdid (Facebook – BCoolBLabour)
Għaliex inħolqot l-inizjattiva tal-Facebook BCoolBLabour?
Din l-inizjattiva ġiet maħsuba f’Diċembru li għadda minn grupp ta’ żagħżagħ li jiffrekwentaw il-Każin Laburista ta’ Raħal Ġdid, fosthom jiena. L-għan wara l-BCoolBLabour huwa li nwasslu l-messaġġ tal-
Partit Laburista taħt format modern u popolari. Bi pjaċir ngħid li l-Mexxej tagħna Dr Joseph Muscat kien l-ewwel wieħed li ssieħeb magħna, appuntu f’ Diċembru li għadda. Minn dakinhar ‘l hawn għandna kważi elf u mitejn sieħeb u sieħba. L-għan li nżommu l-paġna tal-facebook tagħna bl-Ingliż hu sabiex jintlaħqu kemm jista’ jkun individwi, u speċjalment barranin li jkunu jistgħu jsegwu x’qed jiġri fil-politika Maltija. Proġett simili bil-Malti għadu kif ġie imniedi taħt l-awspiċju tal-Forum Żagħżagħ Laburisti u qed jieħdu ħsiebha Roderick Spiteri u Veronica Barbara. Kull attività li nagħmlu noħorġuha fuq il-facebook BCoolBLabour, u issa anki mill-FZL Paola. Iżda BCoolBLabour mhux biss il-facebook. Aħna nippruvaw inqajjmu mistoqsijiet fuq issues partikolari u ġrajjiet kurrenti. Norganizzaw ukoll diversi laqgħat sabiex niddiskutu opinjonijiet u ideat. Għazilna l-isem BCoolBLabour għax kull ma naghmlu aħna rriduh mibni fuq ideat friski u progressivi f’forma differenti mis-soltu bil-għan li jappella għal kulħadd, speċjalment għaż-żagħżagħ. Fil-fatt din l-inizjattiva mhijiex l-unika ħaġa li għamel il-Każin Laburista ta’ Raħal Ġdid. Qed isir ukoll tibdil sostanzjali u mhux li jimxi biss fuq il-prinċipju li l-affarijiet isiru tajbin, iżda li jsiru aħjar. Min jiġi l-Każin, jista’ jara dan b’għajnejh fosthom billi jsegwi l-avviżi tal-Partit Laburista u tal-Kazin fuq electronic board mal-faċċata tal-każin. Iċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid huwa mgħammar b’faċilitajiet ġodda bħal LCD TVS kbar u Big Screen fejn il-membri u sħabhom jistgħu jsegwu diversi avvenimenti sportivi minn madwar id-dinja kollha. Hemm ukoll sistema ta’ Wi-Fi b’xejn għall-użu ta’ kulħadd. Barra minn hekk nagħmlu ħidma kontinwa ta’ attivitajiet edukattivi. Is-Sajf li għadda ġbarna erba’ għalliema sabiex jagħtu lezzjonijiet b’xejn fil-Matematika, l-Malti, l-Physics u l-Ingliż lil dawk l-istudenti li kellhom jagħmlu r-re-sits. Permezz ta’ din l-inizjattiva bl-isem ta’ “Nikbru fit-Tagħlim”, 36 student minn madwar Malta kollha attendew għal dawn il-lezzjonijiet. Il-ħsieb kien biex ngħinu lil dawk il-ġenituri li ma jifilħux iħallsu għall-lezzjonijiet tal-privat. Kienet idea ġdida li jidhrilna li marret tajjeb ħafna.
Min jista’ jissieħeb f’BCoolBLabour?
Wieħed jista’ jissieħeb magħna billi jidħol bħala ‘friend’ fil-facebook. M’hemmx limitu ta’ età. Kull min huwa interessat li jara x’qegħdin nagħmlu jista’ jidħol fil-facebook jew jikkuntattjana fuq bcoolblabour@gmail.com .
Fis-26 t’April li ġej, ser issir laqgħa ta’ diskussjoni biex jitfakkru l-ġrajjiet tat-28 t’April 1958. X’inhu l-iskop ta’ din l-attivitá?
L-iskop huwa li nfakkru l-ġrajjiet ta’ dakinhar biex nuru illi l-affarijiet li għandna llum ma ġewx mix-xejn imma li kkontribwixxa ħafna għalihom il-Partit Laburista. Nixtiequ wkoll inqajjmu mistoqsija partikolari. Dak iż-żmien il-gvern Ingliż attakka d-drittijiet u d-dinjità tal-ħaddiema u taż-żagħżagħ u hedded l-għixien tagħhom u għalhekk dawn qamu għad-drittijiet tagħhom. Jiena jidhirli illi llum il-ġurnata l-affarijiet huma differenti. Imma d-dinjità tal-ħaddiem hija mheddha. Permezz ta’ din il-laqgħa, nixtiequ niddiskutu jekk il-ħaddiema u l-istudenti ta’ llum jaħsbux li d-drittijiet tagħhom huma mħarrsa biżżejjed.
Min jista’ jattendi għal din il-laqgħa?
Kulħadd huwa mistieden għal din il-laqgħa iżda napprezzaw ħafna l-attendenza taż-żagħżagħ. Din il-laqgħa ta’ diskussjoni ser titmexxa mill-ġurnalista Gerald Fenech. Ser tkun fil-format ta’ diskussjoni. Mhux ser ikun hemm panel stabbilit sabiex b’hekk kulħadd ikun flimkien u kulħadd jingħata ċ-ċans biex jgħid tiegħu. Ser ikun hemm ukoll diversi personalitajiet li kienu nvoluti dakinhar bħal Dr Vincent Moran, Salvu Sant, Anton Cassar li huwa wkoll storiku u kittieb u Dr Alex Sciberras Trigona li ser ipinġilna l-istampa lokali u anki dik internazzjonali. Jipparteċipaw f’din il-laqgħa ser ikun hemm ukoll Nikita Alamango, membru tal-Eżekuttiv FŻL u diversi Membri Parlamentari tal-lokal.
Kemm huma relevanti għal-lum il-ġrajjiet li seħħew dakinhar?
Jidhirli li huma relevanti ħafna. Il-ġrajjiet li jseħħu f’pajjiż inqabbilhom ma’ torri. Jekk tieħu l-ġebel minn taħt, jaqa’ kollox. Dawk iż-żminijiet kienu l-pedamenti ta’ llum. Minn hemm beda kollox. Aħna nemmnu li kull pass li għamilna fl-istorja ta’ pajjiżna kien importanti biex wasalna fejn wasalna. Ħaġa twasslek għall-oħra. U allura, iva, jiena napprezza ħafna l-Indipendenza li ġab George Borg Olivier daqs kemm napprezza wkoll il-Ħelsien li ġab il-Perit Duminku Mintoff. Għalija, ħaġa wasslet għall-oħra u niddejjaq nisma’ ħafna logħob bil-kliem dwar dawn il-ġrajjiet. Kif qal il-Mexxej tagħna Joseph Muscat, dawn huma kollha ġrajjiet li aħna l-Maltin għandna ngħożżu lkoll flimkien u ndaqs. Irridu naħsbu b’mod miftuħ u ċar.
Fil-preżent, temmen li għadha teżisti s-solidarjetá bejn il-ħaddiema?
Fejn hemm il-unions nemmen li hemm solidarjetà. Imma fuq postijiet tax-xogħol fejn m’hemmx union, ma naħsibx li hemm ħafna. Barra minn hekk, naħseb illi d-dinjità fuq ix-xogħol hija mhedda illum. Bosta drabi jkollok tagħmel anki dak li ma tridx għax inkella ssib ruħek barra.
Min għandu jattendi għal din il-laqgħa?
Għandu jattendi kull min jixtieq ikun jaf x’ġara fit-28 t’April 1958. Huwa importanti, speċjalment għal dawk li ma jafux b’dawn il-ġrajjiet li jiġu u jisimgħu x’għamlu missirijietna għal Malta u għall-poplu Malti. Importanti wkoll li kulħadd jiġi u jgħid tiegħu. Kulħadd huwa mistieden. Personalment għandi għal qalbi ħafna d-dinjità tal-bniedem. Jiena darba staqsejt lili nnifsi – x’inhu l-aħjar li jkollok id-dinjità u ma jkollokx il-flus jew li jkollok il-flus imma ma jkollokx id-dinjità? Dak inhar deherli li d-dinjita’ m’hemmx prezzha. Id-dinjita’ tal-persuna u tal-ħaddiem tiġi l-ewwel u qabel kollox. Il-ġrajjiet tal-1958 jitkellmu proprju fuq dan.
—————————————————————————————————————————
INTERVISTA: RODERICK SPITERI – Forum Żagħżagħ Laburisti – Raħal Ġdid
X’inhu l-għan tal-Forum Żagħżagħ Laburisti?
L-għan prinċipali tal-Forum Żagħżagħ Laburisti huwa li jiġbed liż-żagħżagħ lejn il-Partit Laburista, anki lil dawk li forsi illum mhumiex ta’ twemmin Laburista. Permezz tal-Forum aħna nwasslu l-messaġġ
tal-Partit liż-żagħżagħ. Norganizzaw diversi laqgħat u attivitajiet differenti. Il-fergħa taż-żagħżagħ ta’ Raħal Ġdid minn dejjem kienet waħda mill-aktar rinomati. Dan l-aħħar kienet għamlet xi żmien wieqfa imma issa qed terġa’ titrawwem. Nixtiequ illi dawk iż-żagħżagħ li llum għandhom sittax, sbatax il-sena u li fl-elezzjoni li ġejja jridu jivvutaw, ikunu jafu sewwa x’għandu x’joffrilhom il-Partit Laburista. Barra minn dan, huma dawn l-istess żagħżagħ li fi ftit snin oħra ser ikunu qed imexxu din l-Għaqda. Dawn huma żagħżagħ li qatt ma raw il-partit tagħhom fil-gvern. Aħna nixtiequ li dawn iż-żagħżagħ li għadhom żgħar ikunu konxji ta’ x’għamel tajjeb il-Partit Laburista biex illum dawn għandhom dak li għandhom. Nixtiequ niddiskutu magħhom kif bosta minna qed nistudjaw bis-saħħa tal-Perit Mintoff. Bħala żagħżugħ ta’ 26 sena li wasalt biex insir perit, inħossni ispirat ħafna mill-Perit Mintoff li dejjem ħadem għal ħaddiem. Il-ġenituri tagħna kienu kapaċi jtellgħuna sewwa bis-saħħa tac-childrens’ allowance li nieda l-Perit Mintoff. In-nanniet tagħna jistgħu jagħtuna dik ix-xi ħaġa tal-pocket money bis-saħħa tal-pensjonijiet li ħoloq Mintoff. Irridu niftakru li dan kollu ġie mix-xejn, bis-saħħa tal-Partit Laburista.
Min jista’ jissieħeb mal-Forum Żagħżagħ Laburisti?
Fil-Forum Żagħżagħ Laburisti ta’ Raħal Ġdid qegħdin grupp ta’ żagħżagħ li hu immexxi minn Keith Glanville bħala President. Awtomatikament meta wieħed jissieħeb mal-Partit Laburista u jkun bejn l-età ta’ 16-il sena u l-35 sena huwa jkun jifforma parti wkoll mill-Forum Żagħżagħ Laburisti. Aħna naħdmu ħafna wkoll mal-bqija tal-membri tal-Każin u ngħinu lil xulxin kemm fl-ideat u kif ukoll fl-attivitajiet.
Fis-26 t’April li ġej, ser issir laqgħa ta’ diskussjoni biex jitfakkru l-ġrajjiet tat-28 t’April 1958. X’inhu l-iskop ta’ din l-attivitá?
Fit-28 t’April 1958, il-Maltin b’mod kollettiv ingħaqdu kollha flimkien u waqqfu lill-gvern Ingliż. Urew illi huma kapaċi jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, għal ħajjithom, għal pajjiżhom. Għalkemm forsi dakinhar ma ggwadanjajna xejn ekonomikament, bħala stimolu ta’ poplu dakinhar iggwadanjajna ħafna. Kieku ma kienx għal dawk il-ġlidiet ta’ dak iż-żmien, naħseb li ma konniex naslu fejn wasalna. F’din il-laqgħa ser niddiskutu fosthom kif f’dawk iż-żminijiet tal-ħamsinijiet, ħafna mis-servizzi li ngawdu minnhom illum, ma kienux jeżistu. Edukazzjoni b’xejn ma kienx hemm jew jekk kien hemm, kienet għat-tfal tas-sinjuri bħal kif kienet l-università. Pensjonijiet ma kienx hemm, sptarijiet b’xejn lanqas. Dawn kollha kellu jiġġieled għalihom il-ħaddiem f’dawk iż-żminijiet. Dan l-aħħar qed naraw kif l-istipendju tal-istudenti tal-università qed jiġi kkunsidrat bħala piż. Dan meta f’pajjiżna qed nippruvaw inħajjru biex dak li jkun jibqa’ jistudja. Diġà ma ħadnix l-istipendji li ġejna mwiegħda. Allura nistaqsi jien… l-istudenti ta’ llum ħa jagħmlu dak li għamlu l-istudenti bejn l-1996 u l-1998 meta ħarġu fit-toroq u riedu jkissru kull m’hemm għax il-Gvern Laburista iddeċieda li ried jagħmel kontroll fuq l-istipendji? Jew dakinhar il-gvern Laburista kien ħażin u l-gvern ta’ llum huwa tajjeb? Jistgħu jgħidulna l-istudenti ta’ llum jekk hux ser jipprotestaw jew jekk hux ser jibqgħu b’idejhom fuq żaqqhom?
Kemm huma relevanti għal-lum il-ġrajjiet li seħħew dakinhar?
Dak iż-żmien iż-żagħżagħ iġġieldu għad-drittijiet tax-xogħol tagħhom. Illum iż-żagħżagħ iridu jiġġieldu għad-drittijiet tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u għad-dinjità fuq ix-xogħol. Jekk inti studjajt, sibt ix-xogħol denju għalik, sibt il-paga li jistħoqqlok? Illum veru hawn l-opportunità li ssiefer u li tgawdi mill-opportunitajiet li jeżistu f’pajjiżi oħra speċjalment fl-Ewropa. Imma per eżempju jien, l-uniku wild fil-familja tiegħi, għaliex għandi nitlaq barra minn Malta u nħalli lil ġenituri tiegħi weħidhom? Ser nerġgħu immorru lura għas-sittinijiet?
Fil-preżent, taħseb li għadha teżisti s-solidarjetá bejn il-ħaddiema?
Għalkemm illum hawn ħafna unions, illum teżisti ħafna biża’ li dak li jkun jitlef xogħlu. Mhux qed ngħidlek li m’għadiex teżisti s-solidarjetà. Imma tant m’hawnx alternattiva ta’ xogħol, li naħseb li l-biża’ li titlef xogħolok hija kbira wisq.
Kemm temmen li diskussjoni bħal din għandha tappella għaż-żagħżagħ?
Nemmen li diskussjoni bħal din għandha tappella b’mod speċjali għaż-żagħżagħ. Hija mezz kif aħna ż-żagħżagħ insemmgħu leħinna u nesprimu l-opinjonijiet tagħna. Nixtiequ ħafna li għal din il-laqgħa jattendu bosta żagħżagħ ħalli nisimgħu x’għandhom x’jgħidu huma. Huwa importanti illi kemm dawk li jafu x’ġara f’dak iż-żmien u wisq aktar dawk li ma jafux, jiltaqgħu magħna għal din id-diskussjoni u jiddiskutu magħna kemm dwar dak li ġara dakinhar u anki dwar x’qed jiġri illum ħalli fl-aħħar mill-aħħar nippruvaw inwasslu messaġġ lill-policy makers xi drittijiet għad fadlilhom il-ħaddiema illum u jekk fadlilhomx drittijiet.
Dawk iż-żagħżagħ li jixtiequ jagħmlu kuntatt magħna jistgħu jagħmlu dan fuq fzlpaola@gmail.com
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 t’April 2009)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | 2 | |||||
3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 | 9 |
10 | 11 | 12 | 13 | 14 | 15 | 16 |
17 | 18 | 19 | 20 | 21 | 22 | 23 |
24 | 25 | 26 | 27 | 28 | 29 | 30 |
31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23