• IBGĦATHIELI BIL-POSTA

    Saviour Busuttil - ritratt Fiona Vella“Il-Milied ta’ dari kien inqas kummerċjali minn dak ta’ llum u dan huwa saħansitra evidenti minn dak li tirċievi fil-posta,” għarrafni missieri Saviour Busuttil li qatta’ 37 sena jaħdem bħala pustier.

    Infatti f’dawn l-aħħar snin, hekk kif jibda joqrob il-Milied, il-kaxxi tal-posta tagħna jintlew b’għadd ta’ rivisti u riklami, b’kompetizzjoni bejniethom biex iħajjruk tixtri l-prodotti tagħhom. Ftit li xejn għadna nirċievu kartolini tal-Milied mingħand qrabatna u ħbiebna. Ġeneralment illum dawn l-awguri jaslu bil-fomm, bit-telefon, b’xi email jew b’xi sms fuq il-mobile.

    “Sa ftit tas-snin ilu kont għadni nibgħat il-kartolini tal-Milied lill-ġenituri tiegħi u lil ħuti kollha, avolja ħafna minnhom kienu joqogħdu viċin tiegħi. U naturalment jien ukoll kont nirċievi kartolina tal-Milied mingħand kull wieħed u waħda minnhom. Hekk kienet titlob l-użanza. Għaldaqstant tista’ timmaġina l-volum kbir ta’ posta li kien jinħoloq fi żmien il-Milied.”

    “Konna nkunu mifqugħin bix-xogħol, tant li wara li konna noħorġu nqassmu l-ittri matul il-ġurnata u nistrieħu ftit id-dar, konna nidħlu lura x-xogħol biex nissortjaw l-ittri. Ġieli domna sad-9.00pm għaddejjin sabiex insibu x-xogħol lest biex jitqassam għall-għada fil-għodu. Żmien il-Milied kien l-uniku perjodu li konna naħdmu l-overtime fih.”

    Saviour Busuttil mal-kollegi (it-tieni mil-lemin)“Biex inlaħħqu mal-kwantità tal-posta, fi żmien il-Milied konna noħorġu nqassmu mat-8.00am. Konna nippakkjaw il-barżakki tagħna sa ruħ ommhom u nerħulha nduru mat-triqat dar dar. Minbarra l-ittri konna nqassmu anki xi pakketti iżda f’każ li l-pakketti jkunu kbar wisq, konna nħallu avviż ħalli dak li jkun imur jiġborhom mill-uffiċċju tal-Posta.”

    “Matul il-bqija tas-sena, is-servizz tal-Posta kien jagħti garanzija li ittra li tintbagħat qabel is-7.00am kienet tasal għand ir-riċevitur dakinhar stess. Dan kien impossibbli li tiggarantih fi żmien il-Milied għalkemm konna nagħmlu ħilitna kollha biex il-posta tasal malajr kemm jista’ jkun. Konna nkunu konxji li ħafna kienu jkunu qed jistennewna bil-ħerqa. Sa 40 sena ilu, mhux kulħadd kellu telefon id-dar u l-posta kienet l-uniku mezz ta’ komunikazzjoni. Ngħidu aħna fost l-ittri ġieli kien ikun hemm noti tan-namrati li kienu jiktbu lil xulxin biex jifthemu fejn u fi x’ħin se jiltaqgħu. Mur fehmielhom din liż-żgħażagħ illum!”

    “Meta l-internet kien għadu ineżistenti, kollox bil-posta kien jasal u għalhekk in-nies kellhom ċerta relazzjoni ta’ ħbiberija mal-pustier. Hekk kif induru l-kantuniera konna ndoqqu l-qanpiena tar-rota ħalli n-nies jindunaw li wasalna. Imma kien ikun hemm ukoll min ikun qed jistenniena fil-bieb tad-dar tiegħu. Fil-Milied in-nies kienu jilqgħuna b’mod speċjali u jpattulna tas-servizz li konna nagħtuhom matul is-sena kollha. Ħafna kienu jippreparawlna xi grokk u jekk ma noqogħdux attenti, nispiċċaw immorru kuljum fis-sakra d-dar! Kien hemm min jagħtina wkoll xi ħaġa tal-flus u konna ndabbruha tajjeb f’dawk il-ġranet. Kont tħossok apprezzat u allura x-xogħol kien jagħtik aktar sodisfazzjon.”

    Saviour Busuttil mal-kollegi (it-tieni mil-lemin ringiela ta' quddiem)“Illum ċerti affarijiet inbidlu qatiegħ. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni żdiedu u allura l-funzjoni tal-Posta ma baqgħetx daqshekk assoluta. Ħafna nies illum jaħdmu, inkluż in-nisa, u allura ssib inqas nies fid-djar filgħodu. Hemm ukoll il-fatt li llum meta jiżżewwġu ‘l ulied mhux neċessarjament qed jibqgħu joqogħdu fl-istess raħal jew belt fejn twieldu. Dan qed ninnutah fiż-Żejtun hekk kif m’għadux jikber bl-istess rata ta’ qabel. Inbidel ukoll it-tip ta’ bini u allura fejn dari il-pustier kien iħabbat bieb, bieb, dar, dar, illum jidħol ġol-entrata ta’ blokk ta’ appartamenti u jħalli l-ittri ġol-kaxxi mingħajr forsi qatt ma jara lir-riċevituri. B’hekk jista’ jkun li r-relazzjoni tan-nies mal-pustier ma baqgħetx li kienet. Madanakollu, jien li niftakar żminijiet oħra, għadni nilqa’ l-pustiera d-dar u ġieli noqgħod nitħaddet magħhom. Fi żmien il-Milied, kif ħaddieħor kien jagħmel miegħi, nagħtihom dik ix-xi ħaġa żgħira wkoll.”

    Missieri daħal jaħdem bħala pustier meta kellu 18 il-sena.

    “Iz-ziju Ċikku kien jaqra l-gazzetti kuljum u kien hu li qalli li kienu fetħu l-applikazzjonijiet għall-pustiera ġodda. Ta’ 16 il-sena temmejt l-edukazzjoni tiegħi u bħal għadd ta’ nies oħra spiċċajt nirreġistra. Kien ikun hemm ringieli sħaħ ta’ mijiet ta’ nies jirreġistraw għax ma tantx kien hemm xogħol. Biex tilħaq pustier kien ikollok toqgħod għall-eżamijiet bil-miktub fil-Matematika, l-Ingliż u l-Ġografija u ridt tiġi minn ta’ quddiem. Meta dħalt jien kienu applikaw madwar 170 u għażlu 50.”

    Saviour Busuttil fil-bidu tal-karriera tieghu (it-tieni mil-lemin ringiela ta' quddiem)“Dħalt naħdem fl-uffiċċju tal-Posta taż-Żejtun li dak iż-żmien kien ikopri wkoll lil Ħal-Għaxaq, il-Gudja, Marsaxlokk u Birżebbuġa. L-ewwel ħmistax kont tqattagħhom titgħallem ir-rotta li tkun ġiet assenjata lilek. Kont tmur issegwi pustier ieħor ħalli tara kif jaħdem. F’dawk il-ġranet kont mistenni titgħallem l-ismijiet tat-toroq u tkun taf fejn huma d-djar. Jien ma kelli l-ebda problema f’dan il-qasam peress li minn tfuliti kont nixtieq insir pustier. Kont affaxxinat bit-toroq u bl-ismijiet tagħhom u għalhekk kont diġà qbadt nitgħallimhom bl-amment. Imma xorta waħda kien hemm triqat jew sqaqien fiż-Żejtun li ssorprendewni għax qatt ma kont dħalt fihom qabel. Aktar il-quddiem imbagħad kelli l-opportunità li nsir naf it-triqat ta’ partijiet ta’ Ħal-Għaxaq u tal-Gudja peress li kont inqassam hemm ukoll.”

    “Ix-xogħol mill-ewwel għoġobni. Toqgħod iddur fit-toroq u l-isqaqien u tgħid ara das-sqaq qatt ma rajtu qabel! U n-nies kienu dħulin. Kienu jħobbuna ħafna u jafdaw ħafna fina. Uħud meta jirċievu xi ittra kienu jistaqsuni ‘Ta’ x’hiex inhi?’ U ngħidilhom tal-income tax jew tal-Awstralja per eżempju. Kif ngħidilhom tal-Awstralja kien ikun hemm min jistaqsini mingħand min għax kien ikollhom ħafna tfal hemm. U ġieli kien hemm min kien idaħħalni d-dar, jagħmilli belgħa tè, jpoġġi miegħi mal-mejda u joqgħod jismagħni naqralu l-ittra.”

    “Fil-bidu pustier ġdid ma kienx ikollu r-rotta tiegħu imma kien iservi bħala sostitut sabiex jagħmel tajjeb għal meta pustiera oħra jkollhom bżonn jieħdu l-leave jew ikunu ma jifilħux. Iż-Żejtun kien maqsum f’erbgħa sezzjonijiet u ftit ftit kont tasal sakemm titgħallem ir-rotot kollha. Wara 5 snin kont tieqaf tissostitwixxi u jkollok ir-rotta tiegħek.”

    Saviour Busuttil (it-tieni mil-lemin fit-tieni ringiela) mal-kollegi waqt zjara mill-On. Wistin Abela“Ix-xogħol ta’ pustier kien jinkludi li jinġabru l-ittri mill-kaxxi tal-ittri pubbliċi kollha taż-Żejtun, il-Gudja, Marsaxlokk u Birżebbuġa fis-7.00am u jittieħdu l-uffiċċju. Imbagħad l-ittri kollha kienu jitqassmu skont id-distrett tagħhom. Dawk l-ittri li kienu se jitqassmu mill-Posta taż-Żejtun kienu jinżammu filwaqt li l-oħrajn kienu jintbagħtu ma’ vann li jiġi jiġborhom biex jeħodhom fl-uffiċċju prinċipali tal-Belt. L-ittri li jinżammu kienu jiġu rranġati skont ir-rotot u kif inlestu noħorġu nqassmuhom fid-djar. Kollox kellu jitqassam dakinhar stess u kif tlesti stajt tmur lejn id-dar. Min kien imur idur bil-mixi u min bir-rota u għal dawk ir-residenti li kienu joqogħdu fl-imbiegħed, bħall-inħawi tal-bajja ta’ San Tumas u Ħal-Far, il-pustier kien imur bil-mutur. Għal xi l-10.00am kien jasal vann ieħor mill-Belt li kien iġib il-posta li jkunu rċevew l-uffiċċji tal-posta l-oħra.”

    “Qattgħajt 22 sena niġri bir-rota u nqassam l-ittri. Bħal kull xogħol hemm is-sabiħ u l-ikraħ tiegħu. Fis-sajf kont tbati mis-sħana u mill-qilla tax-xemx imma fix-xitwa kien wisq agħar għax kont tixxarrab jekk ikun il-maltemp u tirriskja li tlaqqgħat xi riħ. Kien hemm ukoll problema bil-klieb tan-nies li ġieli kienu jħebbu għalik kif jarawk riesaq. Darba minnhom gidimni kelb u ċarratli l-qalziet tal-uniformi.”

    “Wara 22 sena ngħatajt promozzjoni u lħaqt Mail Officer u xogħoli kien fuq ġewwa biss. Meta għaddew 10 snin oħra lħaqt Mail Inspector u hemm ġejt responsabbli mill-uffiċċju tal-Posta taż-Żejtun. Matul is-snin rajt diversi żviluppi jseħħu fosthom l-introduzzjoni ta’ pustiera nisa li qabel kienu jiġu evitati biex ma jkunx hemm taħlit bejn nisa u rġiel. Finalment ta’ 55 sena ħriġt bil-pensjoni.”

    Saviour Busuttil mal-kollegi waqt mument ta' mistrieh (l-ewwel mix-xellug)Illum missieri jgħodd is-70 sena iżda għalkemm għaddew 15 il-sena minn mindu waqaf mix-xogħol, għadu jiftakar ċar l-ismijiet kollha tat-triqat tal-inħawi li ħadem fihom, in-numri tad-djar u saħansitra l-kunjomijiet tas-sidien tagħhom ukoll.

    “Sal-bieraħ iltqajt ma’ waħda ġo ħanut li kellha madwar 40 sena. X’ħin ratni qaltli ‘Tiftakar kemm kont tagħtina posta?’ Għall-ewwel m’għarafthiex imma meta semmietli t-triq fejn kienet toqgħod, stajt ngħidilha n-numru tal-bieb tagħhom u l-kunjom tal-familja. Stagħġbet li kont għadni niftakar wara tant snin!”

    Meta tkun qattgħajt daqstant żmien taħdem bħala pustier diffiċli tinsa l-informazzjoni kollha li tkun immemorizzajt. Missieri jistqarr li kultant għadu joħlom li qiegħed idur bir-rota madwar it-toroq iqassam l-ittri lin-nies.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-suppliment Senior Times li ħareġ mal-ġurnal The Times of Malta tal-15 ta’ Diċembru 2017)