Archive for the ‘Uncategorized’ Category

  • Novella – Li kieku stajt!

    Capture100 - CopyIt-tokki fondi tal-qniepen tal-knisja ta’ biswiti sirt nistennihom bħal ruħ għatxana għal ftit wens. Iżda l-għana tagħhom idum biss ftit sekondi u s-skiet jerġa’ jaqa’ mill-ġdid madwari; skiet li xi kultant jinkiser bi ħsejjes ta’ magni ta’ karozzi jsuqu minn quddiemi jew b’xi passi ħfief jgħaġġlu minn ħdejja.

    Ninstab sewwasew fil-bidu ta’ trejqa dejqa fil-Għargħur; dar imdaqqsa, antika u abbandunata. Mill-faċċata ċkejkna u mitluqa tiegħi, ħadd ma jobsor bil-kobor li hemm wara dak il-bieb antik u msewwes. Ftit huma dawk li għadhom jiftakru l-ġmiel ta’ dar li kont qabel għax issa ż-żmien għadda sewwa u miegħu kaxkar il-kumpanija tal-ħlejqiet li jien tant ħabbejt. Iva, iż-żmien seraq lilhom u lill-memorji tagħhom.

    It-trab qiegħed jinġabar ġewwa fija mhux ħażin u f’xi mumenti bħal inħossni midfuna ħajja. Il-madum kbir ikkulurit u mżejjen bħall-bizzilla ta’ lwien qiegħed jitgħatta ftit ftit u l-kuluri li darba kienu jżejjnuni, issa ntfew fi skala ta’ kuluri griżi u suwed.

    Id-dlam isaltan f’ħafna mill-ħin tal-ġurnata ġol-kmamar tiegħi. Jinkiser biss mid-dawl li jirnexxielu jidħol minn bejn ix-xquq tal-persjani tal-injam u minn ġoż-żewġt itwieqi tal-ħġieġ li nkissru bir-riħ, għalkemm dawn ma jdumux ma jinksew ukoll bix-xtieli li telgħin bla rażan mal-ħitan tal-ġnien tiegħi.

    Il-ġnien tiegħi?! Surtu nbidlet bosta. Il-ħaxix ħażin u l-fjuri slavaġ ħakmu kullimkien u s-siġar tal-larinġ li kien mogħni bihom qabel, issa ntlew bi pjanti xeblieka. U għalkemm is-siġar għadhom jagħmlu frott sabiħ u mimli, kif dan isir, jintrema’ mill-fergħa bit-toqol tiegħu stess u jinfaqa’ moħli mal-art. Iċ-ċangaturi rranġati f’mogħdijiet ħelwin mal-ġnien kollu, issa ħadu kulur ħadrani filwaqt li ħafna minnhom intradmu taħt il-ħamrija bl-ilmijiet tax-xita. Tassew! Il-ġnien ikompli jagħtini l-bixra ta’ xi dar tal-ħrejjef li ġiet mjassra b’xi seħer fuqha.

    capture 102Mitluqa hawn waħdi, sikwit nintefa’ ngħaddi ħini naħseb fl-imgħoddi, partikolarment fis-sidien tiegħi li ħadu ħsiebi b’għożża kbira. Għadni sa llum nisma’ leħinhom f’ħitani u l-passi tagħhom ferrieħa jew imkaxkra fuq arti. Għadhom jidhru sa llum it-tibdiliet li għamlu fija: xi kwadru mwaħħal mal-ħajt, xi armarju mħaffer fil-fond, xi żewġt imsiemer li kienu twaħħlu bi żball u tħallew hemm, it-tmermir bl-użu mal-poġġaman antik tat-taraġ hekk kif dawn kienu jżommu miegħu, huma u neżlin jew telgħin…

    Mijiet għandi ta’ memorji tagħhom li jiena nibqa’ ngħożż matul l-eżistenza tiegħi. Qalbi kienet titnikket ma’ kull sid ġdid li kien jiġi u jisraqli dawn it-tifkiriet sabiex jirranġani għall-gosti tiegħu. Madanakollu, biż-żmien kollox jindara u hekk ukoll tgħallimt kif naċċetta u nifhem il-bżonn li sid ġdid iħoss ħalli jarma daru skont il-ħtieġa tiegħu. Fuq kollox, ma domtx ma ntbaħt illi dawk it-tifkiriet li kienu tant għeżież għalija, għas-sid il-ġdid ma kienux ħlief imbarazz! Sadanittant, iż-żmien ukoll jagħtik parir u llum lesta li nitlef anki dawn il-memorji tiegħi sabiex sid ġdid jiġi jieħu ħsiebi u jsalvani minn din il-kundanna ta’ solitudni li sibt ruħi fiha.

    Ilni f’din il-kundizzjoni għal madwar ħames snin; minn meta l-aħħar sid xwejjaħ tiegħi ġie nieqes. Għadni niftakar ċar kristall dik il-ġurnata meta ndunajt li erġajt sfajt waħdi. Il-werrieta ta’ sidi kienu ġew flimkien man-nutar u fost il-ħars ta’ disprezz li tawni, kienu ddeċidew li jbiegħuni.

    Immedjatament, bdew ġejjin aġent wara l-ieħor, iduru fil-kmamar tiegħi, iqallbu bla galbu l-affarijiet tas-sid li kelli, filwaqt li b’ton kiesaħ, kull wieħed minnhom kien jistmagħni bi prezz differenti! Il-mawriet tagħhom fija jdejjquni għax il-bruda ta’ leħinhom, huma u jdawwru lill-klijenti tagħhom madwari, tinħass minn sebgħa mili bogħod. Għal xi raġuni, donni ma tanx jien għal qalbhom. Probabbli m’għandix prezz għali biżżejjed biex jitħallsu sewwa huma u allura, ninbiegħx jew le, ma tagħmilx differenza għalihom. Iżda għalija tagħmel! U ħitani nħosshom ser jinqasmu kull darba li nara lin-nies il-ġodda li jkunu ġew jarawni, jagħtuni daharhom u joħorġu ‘l barra.

    Issa inti li qed taqra l-istorja tiegħi, agħlaq ftit għajnejk u oqgħod isma’ l-ħsejjes ta’ madwarek bil-kwiet, bla ma tagħmel xejn. Hekk biss tista’ tifhem ftit x’qed inħoss jien, marbuta hawn ma’ din l-art li jien mibnija fuqha, nitmermer ftit ftit u nistenna.

    Isma ftit! Il-muftieħ qiegħed idur fis-serratura tiegħi! Nistqarr li dan il-ħoss sirt ngħix għalih għax miegħu jġib it-tama tar-ritorn għall-ħajja. Iżda sfortunatament, jiena konxja li dan il-ħoss iġib miegħu wkoll il-possibilità tal-uġiegħ tar-rifjut.

    capture101Il-passi bdew jinstemgħu resqin lejn il-ġnien tiegħi u permezz ta’ fewġa riħ, irnexxieli ntajjar il-purtieri antiki, illum kważi trasparenti, bħala merħba. Id-dawra miegħi issa drajtha sewwa. U kull darba li xi ħadd mill-klijenti jieqaf iħares ċass lejja mħasseb, jiena nħares lejh lura sabiex nipprova nifhem mill-bixra ta’ wiċċu x’se tkun id-deċiżjoni tiegħu.

    Kemm nixtieq li stajt kont jien li nintroduċi lili nnifsi u nuri sbuħiti lill-klijenti. Li kieku stajt, kont inxarrab dan il-madum tiegħi u nesponih bħall-pittura mill-isbaħ. Li kieku stajt, kont inqalleb ftit il-ħamrija tal-ġnien tiegħi ħalli nerġa’ nagħtih il-ħajja. Li kieku stajt, kont infarfar ħitani kollha sabiex nikxef il-karattru distint tiegħi, illum moħbi wara munzell trab. Li kieku stajt, kont inħaffer bejn ix-xquq ta’ ġebla tqila li qed tagħlaq u tostor id-daħla ta’ kamra antika mimlija b’oġġetti imprezzabbli li darba wieħed mis-sidien ġodda tiegħi għatta mingħajr ma ntebaħ u li b’hekk intesiet għal kollox….

    Mitlufa kif kont fi ħsibijieti, lanqas intbaħt li l-klijenti kienu lestew mid-dawra tagħhom u ġejt f’sensija biss meta smajt il-bieb tiegħi jinfetaħ mill-ġdid. Rajthom mexjin il-barra, daharhom lejja, rashom baxxuta, passithom mgħaġġla biex ifittxu jitilqu.

    Karba tqila ġriet ma ħitani u persjana minnhom, bit-tregħida, nfetħet b’ħoss qawwi. Il-persuni li kienu ħerġin, daru lura maħsuda. Imma meta raw x’kien il-ħoss, daħku, għax ħasbu li kien ir-riħ!

    Il-bieb ingħalaq b’tisbita. U ftit tikħil ieħor waqa’ minn ma’ ħitani, bħal demgħa li tislet qalb muġugħa.

    2018.09.29 / 1 response / Category: Uncategorized

  • It-traġedja tal-patrol boat

    Kelmtejn qabel: Ktibt din il-ġrajja fl-1986, meta kelli 15 il-sena. Kienu għaddew sentejn mit-traġedja li laqtet lill-kuġinti Mary Farrugia fis-7 ta’ Settembru 1984, imma ż-żmien ftit li xejn kien taffa’ min-niket. Għaldaqstant kont qbadt pinna f’idi u ħażżiżt il-memorji tiegħi fuq il-karti sabiex b’hekk almenu moħħi u qalbi setgħu jistrieħu kemmxejn mit-toqol li din l-esperjenza kienet ħalliet fuqi wkoll. Għal xi raġuni ddeċidejt li nikteb il-ġrajja minn fomm kuġinti. Xejn minn dak li ktibt m’huwa mmaġinat għax dawn l-emozzjonijiet, il-ħsibijiet, u t-tifkiriet miktuba hawnhekk, smajthom u ġarrabthom flimkien magħha u ma’ wliedha. F’Diċembru 1987 iddeċidejt li nittajpja din il-kitba u bgħattha lill-bord editorjali tar-rivista Sagħtar sabiex jikkunsidrawha għall-pubblikazzjoni. Victor Fenech, wieħed mill-membri tal-bord editorjali, kien kitibli ittra sabiħa ferm fejn kien għarraffni kemm kienet qanqlitu din il-ġrajja. Eventwalment din ġiet ippubblikata fis-Sagħtar tal-ħarġa ta’ Frar 1987.

    It-traġedja tal-patrol boat

    Qomt daqsxejn kmieni aktar mis-soltu dakinhar peress li żewġi Twanny kellu jmur għax-xogħol. Ippreparajtlu daqsxejn ħobż, geżwirtulu f’karta, u poġġejtulu ġol-haversack ċkejken tiegħu.

    Wara li libes il-ħwejjeġ tad-Dejma, inġabar flimkien miegħi mal-mejda biex nieħdu l-kolazzjon ta’ fil-għodu. Wara bies lit-tfal u hekk kif bies lili qalli li jekk idum daqsxejn ma jiġi, ma kelliex għalfejn ninkwieta peress li ma’ xi suldati oħra tad-Dejma kellu jmur jarmi xi murtali lejn Kemmuna. Kien għoddu ħareġ meta ftakar li kien nesa l-ġiżirana tad-deheb tiegħu. Magħha kellha mdendel salib kbir bi Kristu msallab fuqu. Kienet għal qalbu wisq dik il-ġiżirana u qatt ma kien jonqos milli jeħodha miegħu.

    Qajjimt lit-tfal u tajthom jieklu u wara poġġejthom f’kamrithom biex jilgħabu daqsxejn sakemm jien innaddaf id-dar. Ma tantx stajt nitħabat peress li kont tqila bit-tielet tarbija tiegħi, iżda xi tfarfira ‘l hawn u ‘l hemm stajt nagħmilha faċilment.

    Xi ftit ħin wara ġiet it-tifla ta’ ziti Fiona biex tgħini daqsxejn. Ħaslitli l-art u l-ħwejjeġ u b’hekk ħelsitni mix-xogħol iebes tiegħi. Qabel telqet wegħedtha li għal xil-5:00pm, x’ħin kellu jiġi Twanny, kellna neħduha magħna l-baħar. Sadanittant, biex ngħaddi ftit tal-ħin, qbadt żewġ ħbula u waħħalthom flimkien f’forma ta’ bandla bil-ħsieb illi la jiġi Twanny idendilha x’imkien fejn it-tfal ikunu jistgħu jitbandlu fuqha.

    Għaddejt il-ħin tal-ġurnata bħas-soltu. Kienu saru xil-5:15pm meta smajt taħbita fuq il-bieb. Ħsibt li kien ġie Twanny iżda kienu xi zijiet tiegħi. Staqsewni jekk Twanny kienx irritorna d-dar. Għedtilhom li le u kollha ħarsu lejn xulxin b’ħarsa li tfisser ħafna. Għall-ewwel ma ndunajt b’xejn iżda meta bdew jiżdiedu aktar zijiet u nies li jiġu minni, bdejt nitħasseb. Fuq wiċċhom stajt naqralhom xi dulur jew biża’ li kien qiegħed inikkithom.

    Saru s-7:00pm u kont għadni ma naf b’xejn. Josef, it-tifel il-kbir tiegħi ta 5 snin, beda jilgħab mar-radju sa ma xegħlu. Kienu bdew l-aħbarijiet. Ma tajtx każhom sakemm smajt xi kliem li ġibidli l-attenzjon tiegħi….

    Spiċċaw il-punti ewlenin u l-qarrej beda jaqra l-aħbarijiet aktar fid-dettall. B’li smajt bqajt imbellha u msammra ma’ l-art! Qalbi bdiet tħabbat sitta sitta u ħassejtha trid tinqala’ minn postha bit-taħbit.

    Xtaqt inwerżaq imma ma flaħtx. Ħassejt rasi ddur bija. Ma ridtx nemmen lil widnejja li Twanny tiegħi kien… mejjet. Il-lanċa li fuqha kien żewġi flimkien ma’ xi suldati oħra kienet splodiet! Wieħed kien salva, erbgħa oħra sabuhom mejtin u mtertqin f’wiċċ l-ilma, u t-tnejn l-oħra baqgħu ma nstabux.

    Ġrejt lejn dar ommi biex inċempel lil dawk li kienu nkarigati. Kienu tawni aħbar li ħawditni. Ma kontx naf jekk kellix nittama jew nitbikkem: Twanny tiegħi kien wieħed minn dawk li ma nstabux.

    “Imma tgħid salva?” staqsejt bejni u bejn ruħi. “Forsi kien iffortunat u salva. Mhux li kien! Imma jekk le? Alla tiegħi għinni għax ser niġġennen,” bdejt ngħid imbeżżgħa, imħawwda, u mbellha.

    Xi wħud jaħsbu li t-tfal ma jifhmux xi jkun qed jiġri iżda dan mhu minnu xejn. Josef u Roderick, iż-żewġt itfal tiegħi, bdew jistaqsuni għal missierhom. Iż-żgħir ta’ sentejn beda jibki għax ried lil missieru ħdejh. Iżda l-aktar ħaġa li għaġġbitni kienet meta t-tifel żgħir ta’ ziti ta’ 4 snin resaq lejhom u qalilhom, “Għaliex qed tibku? Il-papà tagħkom miet għax waqa’ minn fuq id-dgħajsa. Issa ma jiġix għax miet.”

    Għalkemm ma ridtx nemmen, ħassejt li dan it-tifel ċkejken kien qed jgħid il-verità.

    Issa kien dalam sewwa u kulħadd qata’ qalbu milli għad jara lil Twanny ħaj. Kulħad inġabar lejn daru u raqqadt lil Fiona miegħi dakinhar biex teħodli ħsieb lit-tfal għax ma tantx kont qed inħossni fiha. Dakinhar ħadd ma seta’ jagħlaq għajn m’għajn u kull ħoss, anki l-iċken wieħed li beda jinstema’, bdejt nistħajjlu li żewġi ġie lura. Sa fl-aħħar moħħi ttaqqal bl-inkwiet u rqadt. Dħalt f’dinja ta’ ħolm ikreh liema bħalu; bdejt nara wiċċ żewġi mtertaq u mbiċċer b’ħarsa li twaħħax f’għajnejh.

    Qomt mis-sodda mbeżżgħa u sibt li kienu xil-5:00am. Ma stajt norqod b’xejn u qgħdt inħares lejn iż-żewġ uliedi reqdin qishom xi żewġ anġli. “Il-kbir jixbħu wisq!” għedt f’qalbi. Xagħru safrani u għajnejh koħol kienu bħal ta’ missieru. Intbaħt li dakinhar ibni ma kellux dik it-tbissima fuq fommu bħas-soltu u minn ħin għall-ieħor kien isejjaħ, “Papà, papa`.”

    Sejf ta’ dulur daħalli f’qalbi u f’dak il-ħin ftakart fit-tieġ tagħna. Kemm kont ħsibt li ser ngħaddi ħajja twila u ferħana miegħu. Għall-ħabta tas-6:00am qam kulħadd. Kull siegħa għaddejnieha nisimgħu l-aħbarijiet b’tama kbira iżda kien kollu għalxejn. Minn ħin għall-ieħor bdejt nirċievi telefonati mingħand niesi biex juruni s-sogħba tagħhom. Għal xil-11:00am irċevejt telefonata fejn għarrfuni li ġisem Twanny kien għadu ma nstabx. Qaluli wkoll li veru kellha tkun għalih il-mewt għax proprju dakinhar, hu ma kienx imissu jmur bil-murtali, imma kien ċeda lil ħabibu biex imur għall-festa. Twanny ma kien qalli xejn dwar dan għax kieku żgur li ma kontx inħallih imur.

    Bqajna nittamaw għal bosta u bosta ġranet, imma kien kollu ta’ xejn. Kull lejl bdejt ngħaddih nibki u nħares lejn is-saqaf. It-tfal bdew iħossu aktar u aktar it-telfa ta’ missierhom! “Imma,” kont naħseb, “kemm nista’ ndum nigdbilhom? It-tfal qed jindunaw li ġara xi ħaġa lil missierhom.”

    Iż-żmien itir bla ma biss tinduna u kollox jintesa miegħu. Hekk ukoll intesiet din it-traġedja iżda jien ma ninsiha qatt! Minn din il-ġrajja li ġrat sewwasew fis-7 ta’ Settembru 1984, għaddew sentejn…

    Ma kinetx l-unika telfa tiegħi dik ta’ żewġi. Bix-xokk u l-qatgħa li ħadt, it-tarbija tiegħi twieldet qabel iż-żmien u tpoġġiet f’inkubatur. Semmejtu Anthony-Paul għal żewġi u għal missieri li kien miet xi ftit ġimgħat biss qabel Twanny. Ibni dam jilgħabha mal-mewt għal tliet ġimgħat, iżda hekk kif kien kważi rebaħ din il-battalja qalila, l-aħħar frott ta’ żewġi miet u mar jingħaqad flimkien ma’ missieru. Għadni niftakar li ma ridtx nemmen lil għajnejja hekk kif rajt lill-għażiż ibni mejjet! Ma ridtx nitilqu minn idejja. Kien qisu eżatt bambin ċkejken. Id-dmugħ qabiżli minn xfar għajnejja hekk kif missejtlu jdejh u xofftejh tarija u rqaq.

    Kemm ħsibt li proprju b’dawk l-idejn għad imellisli wiċċi u proprju b’dawk ix-xufftejn għad isejjaħli, “Ma.” Iżda l-akbar għafsa ta’ qalb kienet meta firduli ‘l ibni minni u rajtu jgħib taħt it-trab għal dejjem! ….. Intlift minn sensija u ma nafx x’ġara aktar. Iżda meta stenbaħt sibt ruħi mdawwra b’uliedi, b’ommi, u b’zijieti.

    Il-memorja bdiet tiġini f’moħħi bil-mod il-mod. Iva, issa rajt kollox ċar. Issa ma kien fadalli lil ebda wieħed minnhom. F’inqas minn xahrejn kont tlift lil missieri, lil żewġi u lil ibni. Bkejt kemm flaħt sakemm dmugħ iżjed xi nxerred ma baqgħalix.

    Wara xi żmien, lil uliedi ħadthom iċ-ċimiterju biex isellmu lin-nannu u lil ħuhom. F’dik is-sikta tlabna flimkien għal ruħhom. F’qalbi kont qed nitlob għal ruħ żewġi wkoll. Kont mitlufa fi ħsibijieti meta ibni l-kbir reġa’ staqsieni l-istess mistoqsija li kien ilu jistaqsini għal bosta drabi, “Ma, bilħaqq il-papà għadu ma ġiex jara lil Anthony-Paul.”

    “Il-papà jiġi, dalwaqt jiġi,” erġajt tennejtlu l-istess tweġiba li kont ilni ngħidlu għal sena sħiħa.

    Dawwart wiċċi biex naħbi żewġ demgħat li ħarbuli minn għajnejja. Mur għidilhom lil uliedi li missierhom qiegħed jitlob għalihom mis-sema. Mur għidilhom li qatt u qatt m’hu ser jirritorna lura lejn id-dar! Tassew kienu tfal sfortunati aktar mill-oħrajn dawn uliedi għax lanqas ġisem missierhom ma nstab. F’jum il-missier, lanqas fjuri fuq qabru ma jistgħu jagħmlulu, għax ġismu qiegħed hemm, imtertaq taħt il-baħar, fis-skiet ta’ dejjem…..

    2016.09.10 / no responses / Category: Uncategorized

  • Rekord mirbuħ b’purċissjoni ta’ 973 pastur

    Is-sett tal-irxoxt tal-Birgu

    Għal numru ta’ dilettanti tal-Ġimgħa Mqaddsa, dawn l-aħħar ġranet ikunu mill-aktar sinifikanti hekk kif dawn ikunu qed jistennew bi ħġarhom lill-pubbliku sabiex jiġi jara l-wirjiet tagħhom. Dilettanti oħra jhedew iduru minn post għall-ieħor madwar Malta u Għawdex sabiex jitpaxxew b’dawn l-esebizzjonijiet li kollha jkollhom dik ix-xeħta partikolari tagħhom.

     Laurence Mamo mal-esebizzjoni tieghuĊertament waħda mill-aktar esebizzjonijiet li ġibdet l-interess tal-pubbliku kienet il-wirja msejjħa ‘Triq il-Kalvarju’ li ġiet imtellgħa minn Laurence Mamo fil-Palazzo Xara, każin tal-banda l’Isle Adam, fir-Rabat, Malta. Dan minħabba li din il-wirja ta’ pasturi b’tema tal-Ġimgħa Mqaddsa, kienet armata fuq medda ta’ madwar 50 metru u kienet tikkonsisti f’973 pastur tat-terracotta li kollha ġew maħduma, miżbugħa u mżejjna bl-idejn. Biex tlesta dan ix-xogħol kollu, Laurence ħa tliet snin u biex ħadem dawk il-pasturi, huwa uża mal-130 kilo tafal. Il-pasturi jinkludu għaqdiet ta’ baned u ta’ fratellanzi, reffiegħa tal-vari, suldati Rumani u Iżraeliti, abbatini, qassisin, Lhud bit-torċi u l-bsaten f’idejhom, għadd ta’ personaġġi u nies mill-pubbliku bir-reazzjonijiet differenti tagħhom skont il-vara li tkun għaddejja minn quddiemhom.

    Matul il-purċissjoni wieħed seta’ jara wkoll xeni sbieħ impinġija ta’ djar u triqat tipikament Maltin, maħduma minn Claudio Micallef. Min-naħa l-oħra, is-simboli relatati mal-Passjoni ta’ Kristu, flimkien mal-bandalori tad-drapp b’disinn oriġinali u b’pitturi, saru minn Melanie Grech.

     Interess mill-pubbliku - 1Is-sett tal-vari li kienu esebiti f’din il-purċissjoni huma xogħol fit-tafal Malti tal-imgħallem Carmelo Agius mill-Gwardamangia u dawn inħadmu fl-1970. Għal Laurence, dawn il-vari huma ta’ valur kbir sentimentali peress li dawn kienu nxtrawlu mill-mibki missieru Edgar meta huwa kellu biss sitt snin. Oriġinarjament is-sett kien jikkonsisti minn għaxar vari imma fl-2005 żdiedet ukoll il-vara taċ-ċena; xogħol Pawlu Muscat minn Birkirkara.

     Intant, fi tmiem il-purċissjoni Laurence ma naqasx li jinkludi wkoll l-istatwa tal-irxoxt. U peress li huwa oriġinarjament mill-Birgu, ma setax jonqos li għalkemm il-bqija tal-purċissjoni tkun biss iffurmata fuq l-immaġinazzjoni tiegħu, din l-aħħar parti tkun ibbażata fuq il-ġirja tal-irxoxt tal-Birgu. Ta’ min jgħid illi dan il-mudell huwa uniku f’Malta u jikkonsisti f’xejn inqas minn 150 figurin tat-terracotta. Dan is-sett inħadem ukoll minn Laurence fejn hu dam aktar minn sitt xhur biex lestih. F’dan il-mudell li jesprimi proprju l-ġurnata li qed niċċelebraw illum, wieħed seta’ jara t-tiżjin u l-ferħ li jisbaħ bih Ħadd il-Għid, bl-irġiel u ż-żgħażagħ jiġru għalenija bi Kristu rxoxt f’idejhom fost l-għajjat u ċ-ċapċip tal-folla preżenti.

     Is-sena li għaddiet, Laurence Mamo kellu l-unur li jtella’ din l-esebizzjoni għall-ewwel darba ġewwa l-Palazz tal-President f’Sant’Anton. Madanakollu, anki waqt l-esebizzjoni ta’ din is-sena, huwa kellu biex ikun kburi hekk kif il-ġimgħa li għaddiet, huwa rċieva ċertifikat mill-Malta Records, għall-akbar numru ta’ figuri ta’ 10 ċentimetri esebiti waqt wirja tal-Ġimgħa l-Kbira.

    2014.04.20 / no responses / Category: Articles, Uncategorized