Posts Tagged ‘Anton Buttigieg’

  • Iċ-Ċiniż li baqa’ Malta

    Il-President Anton Buttigieg qed jghaddi l-Midalja lill-Ambaxxatur tac-Cina f'Malta.JPGL-ex Ministru Reno Calleja qed jghaddi l-Midalja lill-armla tal-inginier Xu Huizhong.JPG

    Il-qabar ta' Xu Huizhong.JPG

    Il-Ħadd li għadda bosta minna erħejnilha lejn iċ-ċimiterji ta’ madwar il-gżejjer tagħna sabiex insellmu lil qrabatna jew lil xi ħbieb li m’għadhomx magħna.

    Ħafna kienu dawk li ħadu magħhom bukketti sbieħ ta’ fjuri kkuluriti u jfuħu sabiex jitpoġġew fuq l-oqbra safrana tal-ġebla kiesħa tal-franka jew fuq l-irħam samm abjad karti jew iswed daqs il-lejl. Ġest li apparti t-turija ta’ rispett u mħabba, donnu jipprova wkoll jagħti l-ħajja fejn jidher li m’hemmx.

    Oħrajn ħadu ħsieb ukoll inaddfu l-oqbra billi naqqew xi ħaxix ħażin li kiber maż-żmien jew bidlu xi ritratt li jkun sfar bis-snin.

    Eluf ta’ xemgħat ħomor inxtiegħlu sabiex bil-fjamma tagħhom kiebja jakkumpanjaw it-talb impespes jew fil-qalb li ntqal għall-bżonnijiet tal-erwieħ.

    Id-dmugħ ġelben fuq ħaddejn bosta individwi. Anki fuq ta’ dawk li qrabathom ilhom snin li ħallewhom imma li l-firda baqgħet tqanqalhom.

    Insibhom interessanti wisq dawn ir-ritwali tas-soċjetà tagħna li tibqa’ tgħożż lil dawk li ħabbet anki wara mewthom; kultant anki billi tibqa’ titrattahom daqs li kieku għadhom ħajjin.

    Miexja matul it-trejqat taċ-ċimiterju tal-Addolorata, stajt ninnota dawn il-ġesti kollha. Qalbi ngħafset għal dawk l-oqbra li baqgħu għera għax donnu ħadd ma mar iżurhom. Imma mbagħad ċertu dati li qrajt fuqhom tawni x’naħseb li forsi dik il-familja ntemmet u b’hekk, ma fadalx aktar min iżurha.

    L-oqbra ta’ Xu Huizhong u Gu Yanzhao

    Wasalt quddiem l-oqbra li mort inżur jien: dak ta’ Xu Huizhong u ta’ Gu Yanzhao, iż-żewġ inġiniera Ċiniżi li mietu f’pajjiżna waqt li kienu qed jaħdmu fuq il-Baċir Numru 6. Filwaqt li Xu kien miet mewta traġika, Gu kien ħalliena minħabba kawża ta’ mard.

    Ir-ritratti tagħhom ħarsu lejja u jiena sellimtilhom f’isem pajjiżhom u f’isem pajjiżi. B’turija ta’ rispett, poġġejt bukkett kriżantemi bojod u sofor li skont l-użanza Ċiniża jissimbolizzaw in-niket u s-swied il-qalb. Imbagħad skont il-kultura tiegħi, tlabt lil Alla biex jagħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

    Niftakar li meta staqsejt lil xi individwi Ċiniżi, l-għala dawn iż-żewġ persuni ndifnu hawn Malta u ma ttieħdux lura f’pajjiżhom, huma kienu nfurmawni illi kienu l-familjari tagħhom stess li għażlu hekk. Skont il-kultura Ċiniża, dawn kellhom jindifnu fil-pajjiż li ħadmu għalih għax hekk biss setgħu jistrieħu fil-paċi ta’ dejjem: billi meta jitlesta l-proġett li kienu ġew biex jaħdmu fuqu, huma jkunu għadhom ‘preżenti’ fuq l-istess art. Barra minn hekk, il-familjari xtaqu wkoll li permezz ta’ din id-deċiżjoni, dawn l-għeżież tagħhom jibqgħu jiġu miftakra b’rispett mill-poplu li huma kienu marru biex jagħtuh daqqa t’id.

    Xorta waħda, tħassibt dwar x’iħossu llum il-familjari ta’ dawn l-individwi li kellhom iħallu lil min ħabbew daqstant il-bogħod minn arthom.

    Midalja tal-Qadi tar-Repubblika għall-inġinier Xu Huizhong

    Dal-ħsieb ma ħallinix bi kwieti u għalhekk iddeċidejt li nitkellem mal-ex-Ministru Laburista, Reno Calleja, li fl-1979, kien intbagħat mill-Prim Ministru Duminku Mintoff sabiex jagħti l-Midalja tal-Qadi tar-Repubblika lill-familjari tal-inġinier Xu Huizhong peress li huwa tilef ħajtu traġikament fis-16 ta’ Marzu 1979 waqt li kien qed jaqdi dmiru fil-bini tal-baċir.

    “Dik hija ġurnata li jiena ma ninsa qatt!” stqarr mill-ewwel Calleja hekk kif bdejna nitkellmu. “Anzi, nista’ ngħid li personalment ngħodd dak il-mument bħala l-akbar wieħed fil-karriera politika tiegħi. Napprezzah tant għax dakinhar ħassejt li jien kont parti mill-istorja ta’ pajjiżi fejn Malta kienet qed tagħti ġieħ kbir lil ħaddiem barrani wara mewtu, minħabba li hu miet waqt li kien qed jgħin lil pajjiżna.”

    Il-ftehim ta’ għajnuna bejn Malta u ċ-Ċina

    Calleja jiftakar sewwa ż-żmien meta kien qiegħed isir il-ftehim maċ-Ċina sabiex din tgħin lil pajjiżna jiġi fuq saqajh.

    “F’dawk is-snin anki ċ-Ċina kienet relattivament fqira iżda xorta tat daqqa t’id lil Malta. U huwa f’ġesti bħal dawn li tara l-veru ħbiberija ta’ pajjiż: meta jgħinek f’mumenti meta lanqas hu ma jkun jiflaħ wisq,” sostna Calleja.

    “Il-pass għaqli li kien għamel Mintoff, meta xahar wara Nixon, fl-1972, tela’ ma’ delegazzjoni Maltija sabiex jiltaqa’ ma’ Mao Zedong, kien ġie apprezzat wisq. U grazzi għal din id-deċiżjoni, għadna ngawdu l-frott ta’ ħbiberija kbira ma’ dan il-pajjiż li llum stagħna sewwa.”

    Għadd ta’ ħaddiema Ċiniżi jgħinu fil-bini tal-Baċir Nru. 6

    “Apparti li kienu tawna għajnuna finanzjarja, iċ-Ċiniżi għenuna ħafna billi bagħtu fostna għadd ta’ ħaddiema tekniċi sabiex iwettqu numru ta’ proġetti kbar f’pajjiżna, fosthom il-Baċir Numru 6,” kompla jispjegali Calleja.

    “Dawn il-ħaddiema Ċiniżi ħadmu spalla ma’ spalla mal-Maltin u niesna stagħnaw fil-prinċipji ta’ kif wieħed għandu jaħdem fuq xogħolu hekk kif bdew jinnutaw il-kultura tagħhom. Kultura ta’ nies li għandhom umiltà kbira, bżulija liema bħalha u sens ta’ dover qawwi lejn pajjiżhom. L-entużjażmu li l-Maltin raw fost il-ħaddiema Ċiniżi, huma u jaħdmu bi preċiżjoni u b’għaqal, anki jekk kienu qed jagħmlu dan għall-pajjiż ieħor, ispirathom biex anki huma jagħmlu bħalhom. U jekk il-ħaddiema Ċiniżi kienu qed jaħdmu b’tant dedikazzjoni biex jagħmlu lil pajjiżhom kburi bihom, anki l-ħaddiema Maltin kienu qed jistinkaw daqshom biex pajjiżhom ikun jafulhom,” qalli Calleja.

    “Meta l-Baċir Numru 6 tlesta u saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ, jien kont hemm u naħlef li rajt lil uħud mill-ħaddiema jibku meta raw wiċċ Mintoff jixgħel b’sodisfazzjon għax-xogħol li kien twettaq minnhom kollha.”

    Reno Calleja jitla’ ċ-Ċina biex iwassal il-Midalja

    Iżda dan ir-rakkont kellu wkoll il-lat ikraħ tiegħu, fosthom din it-traġedja fejn ħalla ħajtu l-inġinier Xu.

    “Fl-1979 ġejt mistieden biex nitla’ ċ-Ċina sabiex nirrappreżenta l-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina u kif kien mistenni, infurmajt lil Prim Ministru b’dan. Huwa qalli biex nitla’ f’April minħabba li kellu xi ħaġa f’moħħu,” ftakar Calleja.

    “Wara xi ħmistax, reġa’ sejjaħli fejn infurmani li hu kien iddeċieda li jagħti l-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika, fuq bażi onorarja wara mewtu, lill-inġinier Xu Huizhong, u jien kelli ntellagħha miegħi. Ftit wara, saret ċerimonja fejn il-President Anton Buttigieg għadda din il-midalja lill-Ambaxxatur taċ-Ċina f’Malta bħala rappreżentant tal-Gvern Ċiniż. Imbagħad din il-midalja ngħatat lili u jien tlajt biha ċ-Ċina.”
    Hawnhekk, Calleja ħareġ xi ritratti li kienu jfakkru dawn il-mumenti distinti.

    “Sabiex issir din l-għotja lill-familjari tal-inġinier Xu, ġiet organizzata ċerimonja kbira fis-Sala tal-Kungress ta’ Shanghai. Għal din l-okkażżjoni, jien ippreparajt id-diskors tiegħi bil-Malti u student Malti kien traduċieha għaċ-Ċiniż. Dan l-istudent kien Clifford Borg-Marks li llum huwa l-Ambaxxatur ta’ Malta fiċ-Ċina.”

    “Intant, waqt din iċ-ċerimonja kelli l-privileġġ li niltaqa’ ma’ mart l-inġinier Xu u ma’ wliedu, li kollha apprezzaw ferm dan il-ġest ta’ unur li għaddielhom pajjiżna. Madanakollu, ma nista’ ninsa qatt dak il-wiċċ sogħbien ta’ martu li rringrazzjatni u ma qalet xejn aktar.”

    Huwa għadu f’kuntatt magħhom sal-ġurnata ta’ llum.

    “Sfortunatament, sena wara li ltqajt magħha, mart Xu mietet bil-għali. Iżda wliedha żammew kuntatt miegħi u ġieli ġew Malta jżuru l-qabar ta’ missierhom. Issa bint Xu għandha tifla li nfurmatni li meta tikber tixtieq issir inġinier bħan-nannu.”

    It-tradizzjonijiet taċ-Ċiniżi

    Fatt interessanti huwa illi ċ-Ċiniżi ma jiċċelebrawx ir-ritwali tal-mejtin fl-istess żmien tagħna. Barra minn hekk, għandhom aktar minn ċerimonja waħda li tfakkar lil dawk li ħallewna.

    Il-Festival Qingming

    Fosthom hemm il-Festival Qingming, jew kif inhu wkoll magħruf bħala Il-Ġurnata tat-Tindif tal-Oqbra. Din il-ġurnata taħbat bejn ir-4 jew il-5 t’April, skont il-kalendarju tradizzjonali lunari.

    Waqt dan il-festival, in-nies jiftakru u jonoraw lill-antenati tagħhom permezz tat-talb, billi jnaddfu l-oqbra, billi jiżbgħu l-kalligrafija li tkun iċċarat biż-żmien, billi jaħarqu l-inċens u billi joffru ikel, te, xorb u aċċessorji oħra fuq l-oqbra. F’din il-ġurnata, xi nies għandhom ħabta jġorru magħhom zokk taż-żavżava sabiex iżommu lura l-ispirti ħżiena li jkunu qegħdin iduru matul iċ-Qingming.

    Peress li ċ-Qingming jibda mal-istaġun tar-Rebbiegħa, in-nies tiċċelebra wkoll dan il-jum billi tmur għal ħarġiet fil-kampanja u ttajjar il-manuċċi. Xi bdiewa jaħartu l-art proprju f’din il-ġurnata.

    Il-Festival tal-Erwieħ

    Waqt dan il-festival li jsir f’Awwissu jintwera rispett lejn il-mejtin kollha ta’ kull età. Bejn wieħed u ieħor isiru l-istess attivitajiet li jiġu ċċelebrati waqt iċ-Qingming.

    Madanakollu, hemm ukoll drawwiet oħra: bħat-tluq ta’ dgħajjes żgħar tal-karti u lanterni fuq l-ilma. Dan ir-ritwal hu maħsub biex jagħti d-direzzjoni lill-erwieħ li jiġu jżuru lill-ħajjin waqt din il-ġurnata, sabiex isibu mill-ġdid il-mistrieħ ta’ dejjem.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (25 parti) fit-Torċa tad-9 ta’ Novembru 2014)

    2014.11.09 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Dinja għaliha

    Il-kartolina li harget b'tifkira ta' Mary Meylak fil-100 sena minn twelida.jpgIl-lapida ta' kommemorazzjoni f'gheluq il-100 sena minn twelidha.jpgId-dar ta' Mary Meylak.JPG

    Mary Meylak.jpgJosmar James Vella.JPG

    Qrajt l-ewwel poeżija ta’ Mary Meylak meta kont studenta fl-iskola primarja. Ma domtx ma rbatt qalbi magħha meta skoprejt li kienet l-ewwel poetessa Maltija, u ta’ tifla li kont, ixxenaqt li meta nikber insir bħalha. Niftakar li kont akkwistajt il-ktieb tagħha Dawra Misterjuża (1947) u hemmhekk intbaħt li kellna l-istess ġibda lejn il-fantasija u li bħali, donnha kienet tgħix f’dinja għaliha.

    Meylak – l-inqas waħda li ġiet rikonoxxuta

    Għalkemm studjajt il-lingwa u l-letteratura Maltija għal diversi snin wara, fejn stħarriġt diversi awturi u poeti, ix-xogħolijiet ta’ din il-poetessa qatt ma reġgħu tfattxaw. B’hekk Meylak sfumat fix-xejn u f’moħħi baqa’ minnha biss is-sura ta’ memorja nostalġika.

    Kien għalhekk li dan l-aħħar iddeċidejt li nimla’ dan il-vojt li trabba’ bejnietna billi staqsejt dwarha, fittixt il-kotba tagħha u ddiskutejt xogħolijietha flimkien ma’ Josmar James Vella, Tarcisio Zarb, u l-Prof. Oliver Friggieri.

    Vella li huwa Għawdxi, gradwat B.A Malti (Unuri), għamel it-teżi tiegħu dwar Mary Meylak u permezz ta’ dan ix-xogħol, huwa xtaq jgħolli kemm jista’ jkun isem din il-poetessa li fil-fehma tiegħu, jistħoqqilha kull tifħir daqs kull poeta ieħor li kiteb ismu b’ittri tad-deheb fil-letteratura Maltija.

    “Matul iż-żmien, Għawdex irnexxielu jrawwem nies li fil-kamp tal-letteratura Maltija għamlu isem għalihom. Fost dawn insibu lil Ninu Cremona, Anton Buttigieg, Ġorġ Pisani u Mary Meylak. Iżda minn dawn kollha, Meylak hi l-inqas waħda li ġiet rikonoxxuta. Infatti, meta bdejt nagħmel ir-riċerka tiegħi dwarha, spiss iltqajt ma’ kitbiet u kritika dwar il-persunaġġi l-oħra imma ftit li xejn kien hemm min tratta lil din il-poetessa,” qalli Vella.

    Fil-fehma tiegħu hemm żewġ raġunijiet partikolari għala ġara dan. Wieħed minnhom kien il-fatt li bħala mara, Meylak azzardat tidħol f’dinja li kienet meqjusa ‘tal-irġiel’. Barra minn hekk, hija għażlet li taqbad rotta oriġinali u differenti għal kollox mill-linja tax-xogħol letterarju li kien moda dak iż-żmien u b’hekk jista’ jkun li ma ttieħdetx daqstant bis-serjetà.

    L-unika vuċi femminili

    “Mary Meylak kienet l-unika vuċi femminili fost il-poeti Romantiċi Maltin tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. F’perjodu meta l-poeti l-oħra kienu qed iħaddnu t-tema tal-kriżi eżistenzjali, li kienet qed issir il-moda ta’ dak iż-żmien, hi għażlet li tinqata’ għal kollox minn dan l-istil, mhux biss għaliex ma tagħti ebda ħjiel tal-ansjetà eżistenzjali u storika ta’ żmienha, iżda wkoll għaliex issib il-milja tal-espressjoni tagħha nnifisha fl-għoti ta’ sura fantastika lid-dinja ta’ madwarha,” kompla jispjegali Friggieri.

    Is-sempliċità fix-xogħolijiet ta’ Meylak

    Sadanittant, meta nxtħett naqra l-poeżiji ta’ Meylak, issa li jiena persuna adulta, deherli li kitbietha u t-temi li kienet titratta, kienu xi ftit sempliċi żżejjed. Għaldaqstant, tlabt lil dawn l-istudjużi biex ifehmuni aħjar dwar kif għandi ninterpreta lil din il-poetessa…

    “F’termini ġeneriċi, wieħed jista’ jgħid li l-poeżija ta’ Mary Meilak, hija poeżija sempliċi, li ftit li xejn tbiegħdet mill-poeżija, hekk imsejħa popolari, jiġifieri, il-poeżija tal-kwartina bir-rima mqabbża tal-għana Malti – poeżija li bħala regola tibni fuq il-vers tat-tmienja. Poeżija ta’ dan it-tip, għaldaqstant għandha mnejn tinħass li ma tagħmilx parti mill-poeżija tal-’literai’, imma pjuttost, għandha mill-poeżija ‘bidwija’, dik it-tip ta’ lehma poetika, li tagħmel parti mill-mod ta’ għajxien il-bniedem, li huwa midħla aktar tan-’narratoloġija tan-natura’ milli tan-narratoloġija li hija konxja tal-istess narratoloġija tagħha,” għarraffni Zarb.

    “Mary Meylak għandha l-valur tagħha fix-xejra ċentrali, kontinwa tagħha; is-sempliċita’ ta’ ruħ li ma hix kapaċi tagħraf problemi, u meta tagħrafhom tħollhom b’mod immaġinativ,” kompla Friggieri.

    It-temi prinċipali ta’ Meylak

    Fost it-temi prinċipali li Meylak tiġi assoċċjata magħhom hemm il-fantasija, in-natura u r-reliġjon.

    “Fil-poeżiji tagħha, Meylak spiss tinqeda bit-teknika tal-personifikazzjoni fejn b’mod l-aktar ħelu u sempliċi, hi tagħti l-kwalitajiet tal-bniedem lil dak kollu li mhux uman u b’hekk, il-ħlejjaq isiru mogħnija bis-sensi u l-emozzjonijiet. Dawn il-figuri tat-taħdit joħorġu b’mod naturali minn moħħ il-poetessa, ħafna drabi bi tbissima u b’ħajta umoristika. Mix-xejn toħroġ il-kbir, mis-sempliċi tiftaħ l-orizzonti tal-kreattività. F’dawn l-aspetti toħroġ il-fantasija impekkabbli tal-poetessa u ċertament il-poeżija tagħha ‘Dawra Misterjuża’ hija eżempju mill-iprem ta’ dan,” qalli Vella.

    “Xogħolijietha juru biċ-ċar ir-rispett ġenwin li hi kellha lejn in-natura u l-imħabba kbira lejn l-annimali li jiġu trattati bħala persuni, ugwali għall-bniedem fit-tbatija. Huma umanizzati proprju għaliex għandhom integrita’ morali li l-bniedem għandu ħafna x’jitgħallem minnha,” fissirli Friggieri. “Min-naħa l-oħra, meta Meylak tikteb dwar in-natura, wieħed jista’ jħoss ukoll element reliġjuż f’xogħolijietha hekk kif hi tnebbaħ illi rispett lejn Alla Ħallieq jesiġi bilfors rispett lejn il-ħlejjaq Tiegħu.”

    “Il-poetessa għandha l-kredu tagħha – kredu li jsostni dak li hija wirtet f’termini ambjentalistiċi u lingwistiċi, kif ukoll f’termini ta’ lehma u spiritwalità. Dan huwa dak it-tip ta’ kredu li sawwar il-’forma mentis’ tagħha. Il-perċezzjonijiet tagħha, u kif hija tiffiltrahom poetikament huma konsonanti mal-istess ambjentazzjoni li tgħix u tgħammar fiha,” kompla Zarb.

    “Bħal qisu, din hija dik it-tip ta’ poeżija, li trid tiċċelebra lill-ħajja mingħajr ambizzjonijiet tal-gżira Għawdxija. U dan tagħmlu bid-dehwa ta’ min inħakem minn xi tip ta’ eliżir, li huwa intimament marbut mal-mitoloġija siekta tal-ħajja ta’ kuljum. Hija dik it-tip ta’ mitopoeja li hija ssawret minnha u dawritha magħha biex tkompli ssaħħilha lill-istess għajxien intimu tagħha – għajxien mogħni b’serenità, armonija u bilanċ fl-istess esuberanza imaġistika tiegħu.”

    It-tema tal-gwerra – poeżiji inediti

    Waqt li kien qiegħed jagħmel ir-riċerka għat-teżi tiegħu, Vella sema’ li kien hemm diversi poeżiji inediti ta’ Meylak u fosthom kien hemm ammont li kienu jitrattaw it-tema tal-gwerra. Fost id-diversi kuntatti li għamel, huwa ltaqa’ ma’ Joe Camilleri, li kien għalliem tal-Malti u midħla sewwa ta’ Meylak u tan-neputi tagħha, il-Kanonku Joe Meylak, u dan tah indikazzjoni li probabbilment seta’ jsib xi ħaġa tagħha fiċ-Ċentru Parrokkjali ta’ San Ġorġ ir-Rabat Għawdex.

    “F’dan iċ-Ċentru tkellimt ma’ Francesco Pio Attard li għeni ħafna fit-tiftix tiegħi u saħansitra urini kaxxa tal-kartun li kienet miżgħuda bid-drammi, bil-kitbiet u bil-poeżiji ta’ Meylak, li wħud minnhom qatt ma ġew ippubblikati. Bqajt ngħarrex u nittama li nsib il-poeżiji relatati mal-gwerra sakemm finalment tfaċċaw quddiemi f’forma ta’ skritti u pitazzi suwed,” irrakkuntali Vella hekk kif beda jurini xi kopji tagħhom.

    Apprezzajt ferm hekk kif ilmaħt kitbietha u n-noti li hi ħalliet miktuba ħdejhom u nistqarr li f’dak il-mument ħelu, bħal ħassejtha qiegħda qribna, tarana niflu xogħolijietha u napprezzawhom. Fost it-titli tal-poeżiji kien hemm: ‘Il-Black-Out’, ‘Il-Black Market’, ‘l-Flus tar-Relief’ u diversi oħrajn.

    Il-poeżija ‘Waqt Air-Raid’ kienet waħda minnhom:

    Weee weee weee
    Reġgħu ġew ja uċuh bla żejt
    Ġejja x-xelter? Ħaffef isa!
    Jien tiela fuq il-bejt.

    Qabel xejn roddu salib
    Żomm sinjur idek felħana
    Fuq gżiritna u kemm il-bdoti,
    Lis-suldati u lin-nies tagħna.

    Oħra, bl-isem ta’ ‘Ma’ min iżżomm?” kienet turi s-sentimenti favorevoli li hija kellha lejn l-Ingilterra:

    Jekk l-għadu għad bid-deheb jibni ħitanek
    u jdawwrek bid-djamanti wara l-gwerra,
    ma’ min iżżomm?
    Tridx tgħidli Malta tiegħi?
    Mal-Ingilterra!

    Silta minn poeżija oħra bl-isem ‘Malta bil-George Cross’ tesprimi mill-ġdid is-simpatija tagħha lejn il-kolonizzaturi ta’ Malta, filwaqt li titkellem b’ġieħ ukoll lejn niesha u lejn pajjiżha:

    Kien waħdu sidru jħammar
    Ġod-dinja l-pitirross,
    Illum ħmar sider Malta
    Bid-dehen mistħoqq George Cross.

    Int qabar tal-għedewwa
    M’hemmx biża, m’hemmx irdoss,
    Int l-għaxqa tar-Re tiegħek
    Li xeddlek il-George Cross.

    Fost il-ġrajjiet ta’ żmien il-gwerra, irrakkuntati permezz tal-poeżiji ta’ Meylak, kien hemm ukoll il-poeżija ‘Il-Vitorja tal-1943′ li silta minnha kienet tgħid hekk:

    X’ħin ħriġna l-Bambina miżmuma fl-idejn,
    Ġiet xita ta’ grazzi mill-beraħ tax-xejn,
    O x’ferħ f’dil-Vitorja tat-tlieta u erbgħin!

    “Punt bijografiku li affettwa l-poetika tagħha u li s’issa ħadd qatt ma rabtu ma’ Meylak kien li hi għexet iż-żminijiet koroh tal-gwerra u fil-fatt dawn iż-żminijiet qanqluha biex tikteb poeżiji li juru l-kwadru tal-ħajja lokali f’dawn l-esperjenzi qarsa li għaddiet minnhom. Kif qed tara, l-ammont kbir ta’ poeżiji li hi ħalliet warajha, jistgħu jitqiesu bħal speċi ta’ djarju, li apparti li jirrakkonta dak li għaddiet minnhu hi, jiddeskrivi wkoll dak li għadda minnu l-poplu u l-pajjiż tagħna. Nixtieq ħafna li fil-futur qarib jirnexxieli nippubblika dawn il-poeżiji sinifikanti ta’ Meylak” qalli Vella.

    Intant, Vella jispera wkoll li jkollu l-opportunità li jkompli jfittex aktar kitbiet ta’ din il-poetessa li kellha ħabta tibgħat il-poeżiji oriġinali biex tipparteċipa f’xi kompetizzjoni jew biex jiġu ppubblikati f’xi ġurnal, u allura min jaf kemm aktar xogħolijiet tagħha għad fadal x’jinstabu.

    Min kienet Mary Meylak

    Ngħid għalija, ma tistax tistudja x-xogħolijiet ta’ persuna mingħajr ma tipprova tifhem ukoll xi ftit min kienet u x’personalità kellha. Madanakollu, kull min kellimni dwar Meylak qalli li hi kienet persuna riservata ħafna u kienet tkellem biss lil dawk li kienet taf sewwa.

    Twieldet fid-9 t’Awissu 1905 fir-Rabat, Għawdex u attendiet fl-Iskola Ċentrali t’Għawdex. Skont Vella, “L-imħabba għall-kitba bdiet minn meta kienet żgħira. Fl-iskola, sħabha tal-klassi kienu jagħtuha l-flus biex tagħmlilhom il-komponimenti. F’intervista li darba għamlu lil Meylak hija stqarret li kienet ommha li tatha l-ispirazzjoni biex tibda tikteb peress li kienet tuża ħafna figuri tad-diskors meta kienet tkun qed titkellem. Hija qalet ukoll li kollox kien jispiraha, mis-sħab tas-sema sal-ġebel tal-ħajt. Dan kien ikun biżżejjed biex iqanqal fiha ħsieb fertili li mħallat mas-sengħa ta’ kif kienet tħaddem il-kelma, kien jirriżulta f’kitbiet imlewna u msaħħra.”

    Kienet sensittiva ħafna

    “Meylak kienet tħobb tikteb fil-ġeneri letterarji kollha, imma kienet tħossha kburija li kellha l-ħila tikteb il-poeżija. Kienet sensittiva ħafna dwar din il-ħaġa. Infatti kienet tagħmel nervi kbar meta kienet tkun ikkritikata jew meta ma kinitx tissemma’ daqs kemm kienet tistenna li tkun imsemmija. Fil-bidu tas-seklu 20, l-ilsien Malti kien għadu qed iħabbat wiċċu ma’ bosta intoppi. Kien imkasbar u mlaqqam bħala ‘ilsien tal-kċina’ – l-ilsien tal-baxxi. Kotba bil-Malti ftit li xejn kont issib u li mara tikteb bil-Malti kienet ħaġa tassew kbira, aktar u aktar jekk titħajjar tikteb il-versi. Iżda minkejja dan l-ambjent ostili l-poetessa rnexxielha taqsam dak li tħoss mal-oħrajn u xxerred kitbietha.”

    “Fl-1930 kitbet l-ewwel poeżija tagħha ‘Faxx Nemel’ u ħadet sehem biha fil-Pronostku Malti ta’ dik is-sena taħt in-nom-de-plume ‘Qamar Ġdid’. B’dil-poeżija hi rnexxielha tieħu s-sitt post fil-konkors u wara dan is-suċċess, il-poetessa kompliet tikteb u bdiet tieħu l-fama tal-unika poetessa Maltija.”

    Kienet eċċentrika u introverta

    Komplejt nistaqsi lil Vella dwarha u hu kompla jgħidli:

    “Kienet bniedma eċċentrika u introverta li ma tkellem lil ħadd u li ħadd ma jkellimha. Tiżjin u ritratti mill-inqas biex kemm jista’ jkun ma tidhirx wisq. Imma għal dawk qrib tagħha Mary Meylak kienet għal kollox differenti. In-nies li kienu viċin tagħha, jafuha eżatt kif hi pinġiet lilha nnifisha fil-poeżija ‘Monument Mary Meylak’; jiġifieri mara b’qalb tad-deheb li ħsiebha kien biss biex tgħin lill-batut.”

    Kienet ġeneruża

    Sirt naf ukoll dawn ir-rakkont interessanti dwar il-ġenerożità ta’ Meylak:

    “Minħabba l-faqar u l-għaks ta’ wara l-gwerra, fejn f’Għawdex kien hemm problema bin-nuqqas ta’ djar, hija xtaqet li tagħmel xi ħaġa biex mill-ftit tagħha ttaffi t-tbatija. Għalhekk bniet żewġ blokki ta’ appartamenti fi Triq Pompei u fi Triq il-Kappillan Hili fir-Rabat Għawdex u kriethom lill-koppji b’kera baxxa.”

    “Darb’oħra waqt il-ħruġ tal-istatwa ta’ San Ġorġ min-niċċa, waqt li kienet fil-korsija flimkien man-nies l-oħra ċċapċap u tifraħ bħal tarbija, wasal il-qassis bil-kopp quddiemha, u hi fetħet iż-żipp tal-portmoni u tefgħetlu kollox. Kien biss wara li ndunat li tefgħet iċ-ċwievet tad-dar ukoll!”

    Il-lat romantiku tagħha

    Meylak għamlet sbatax-il sena taħdem fl-uffiċini tal-Gvern. Fl-1942 hi saret għalliema u kompliet f’din il-karriera għal għoxrin sena oħra sakemm irtirat. Baqgħet qatt ma żżewġet għalkemm hemm min jgħid li darba kienet tara raġel. Ta’ mara romantika li jien, ippruvajt nislet xi ħjiel mill-poeżiji tagħha u tassew, f’ċertu kitbiet minnhom bħal ‘Let us never meet again!’, ‘Goodbye’, ‘And are you sure?’ li qrajt fil-ktieb ‘Songs you will like’ (1971), jidher li Meylak xi darba kellha xi delużjoni ta’ mħabbha li għalkemm hi qatt ma tkellmet dwarha man-nies, xorta waħda rrakkuntatha bejn il-linji tal-kitbiet tagħha:

    Let us never meet again!

    No, I do not care how you adore her
    And love her very fondly all your days
    So long as I can’t see you loving her
    So close, day after day, before my face.

    I can’t live up to it remember this:
    The story is too sad, painful indeed,
    No one can free me from the spell of love,
    And cut the strings that tug my heart and bleed.

    So better leave me, and please try and obey,
    Oh let us never meet on earth again
    All my delusions have been spoiled and shattered
    My hopes were grains of sugar in the rain.

    Għalkemm Meylak għexet f’dinja għaliha, jekk wieħed jinteressa ruħu u jsegwi l-poeżiji u x-xogħolijiet l-oħra tagħha, almenu jkun jista’ jsegwi dak li l-poetessa riedet taqsam mal-pubbliku. U dan ma kienx ftit għax hi kienet pjuttost prolifika.

    Fil-poeżija l-aktar magħrufa tagħha ‘Dawra Misterjuża’ hi tikteb:

    Jien se ngħidilkhom ħaġa u se tistagħġbu,
    Emmnuni li mhix qlajja’
    Jekk jien ngħidilkhom illi b’moħħi nimxi
    Wisq aktar minn b’saqajja.

    U fejn immur?… Min jaf fejn immur b’moħħi!
    Fejn ngħid li ser jesgħani?
    X’inhuma l-ħames kontinenti f’daqqa?
    X’ċajt huma l-Oċijani?

    Is-sena 2015 – 40 sena anniversarju minn mewtha

    Mary Meylak mietet fl-1 ta’ Jannar 1975 fl-isptar t’Għawdex, fi Pjazza San Franġisk. Indifnet fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija li hemm fil-limiti Tal-Barmil fil-qabar tal-familja Meylak, numru 79. Fl-2005, f’għeluq il-100 sena minn twelidha, twaħħlet lapida fi Pjazza San Ġorġ, biswit id-dar li kienet toqgħod fiha ħajjitha kollha: numru 6 Triq San Ġużepp, ir-Rabat, Għawdex. Dakinhar, ħarġet ukoll edizzjoni limitata ta’ kartolini f’ġieħha u saru xi attivitajiet kulturali biex ifakkru lil din l-ewwel poetessa tal-gżejjer tagħna. Is-sena d-dieħla nfakkru l-40 sena mill-mewt tagħha u nittama li b’xi mod, isimha u xogħolijietha, jiġu mfakkra mill-ġdid.

    Id-dar abbandunata ta’ Meylak

    Biex nagħlaq dan il-vjaġġ, mort infittex id-dar ta’ Meylak u kont iddiżappuntata mhux ftit meta ma kien hemm xejn x’jindika liema waħda kienet. Daqstant ieħor skantajt li wħud mill-Għawdxin li waqqaft fi Pjazza San Ġorġ, lanqas biss kienu jafu għal min qed nirreferi meta semmejt lil Mary Meylak! Eventwalment xi anzjani urewni l-proprjetà tagħha u qaluli li spiss kienet tħobb tintasab bil-qiegħda barra fuq siġġu u tikteb il-poeżiji. Sfortunatament, illum id-dar tidher abbandunata għal kollox u kien hemm min qalli li mhux darba u tnejn li xi nies daħlu fiha u ħadu xi affarijiet. Tnikkitt u hekk kif ħarist lejn it-twieqi tal-gallarija ta’ din id-dar, immaġinajtha tittawwal u tgħidli, “Għidilhom!”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (22 parti) fit-Torċa tat-12 t’Ottubru 2014)

    2014.10.12 / no responses / Category: Torca - Features & Articles