Posts Tagged ‘arkivji’
-
XENI ĦAJJIN TAL-PESTA TAL-1813 FIŻ-ŻEJTUN
Għal żmien twil fl-istorja tal-bniedem ma kienu jinġabru l-ebda dettalji dwar il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi. In-nies kienu jitwieldu, jiżżewġu, imutu u jindifnu mingħajr qatt ma titniżżel nota waħda dwarhom, daqs li kieku qatt m’eżistew! Din is-sitwazzjoni nbidlet meta l-Knisja bdiet iżżomm l-ewwel tagħrif dwar il-parruċċani tagħha. F’pajjiżna nistgħu niftaħru li għandna wħud minn dawn il-ġabriet ta’ informazzjoni l-aktar bikrija, ħafna minnhom relatati mal-magħmudijiet, fejn l-eqdem fosthom huma r-reġistri tal-Magħmudija tal-Imdina li jibdew mis-sena 1539. Dan l-aħħar kelli bżonn nagħmel ftit riċerka dwar id-demografija u għaldaqstant iddeċidejt li nagħti titwila lill-Arkivji Ekkleżjastiċi Parrokkjali tal-Parroċċa taż-Żejtun. Ma kontx naf x’ser insib ma’ wiċċi u infatti dak li sibt, impressjonani ferm. Qatt ma bsart kif erbgħa numri u kemmxejn dettalji kienu kapaċi jsemmgħawlek mill-ġdid it-taħbita ta’ qalb ta’ poplu li għex u għeb tant snin ilu. Daqstant ieħor, qatt ma ħsibt li għad intiegħem il-biża’ li ħassu l-abitanti ta’ dan il-villaġġ, partikolarment waqt il-pesta li ħakmet il-pajjiż fl-1813…
Bil-għajnuna tal-Arċipriet taż-Żejtun Rev. Fr. Eric Overend u tal-Kanonku Fr. Joe Abela, sibt ruħi qed inqalleb paġni li nkitbu mijiet ta’ snin ilu. B’paċenzja kbira Dun Joe, kif inhu magħruf iż-Żejtun, introduċini mal-post u mar-reġistri antiki u fi ftit siegħat ħarriġni kif nagħraf il-kitbiet imħarbxa jew impittra nokkli nokkli, b’linka sewda faħma. Bosta mill-kitbiet kienu bil-Latin imma hekk kif dawn jibdew jirrepetu ruħhom u jekk tkun midħla tal-lingwa Taljana, ma ddumx wisq biex issib irkaptu sabiex tifhem x’hemm imniżżel.
L-eqdem reġistru jmur lura għas-sena 1580 u jinkludi d-dettalji tal-magħmudijiet, żwiġijiet u mwiet li seħħew matul is-snin 1580 sa l-1606. Sfortunatament il-kundizzjoni tiegħu mhiex tajba ħafna. Il-qoxra hija magħmula minn kartun iebes u hi meħjuta ma’ mazz karti li jiffurmaw ir-reġistru. Laqtuni l-qfieli tal-għażel li kienu qed jintużaw bħala ċoff biex jagħlqu sewwa l-ktejjeb. Huma proprju dawn l-irqaqat żgħar li jqarrbuk bil-ħsieb lejn min seta’ għamilhom. Mur għid lil min ħadmu illi wara dawn is-snin kollha, xi ħadd ser ikun qed jgħożż u jifli x-xogħol tiegħu!
“Tieħux qatgħa!” serraħli rasi Dun Joe. “Dan l-agħar wieħed fosthom bħala kundizzjoni. L-oħrajn ma jinsabux daqshekk ħażin. Madanakollu trid tapprezza wkoll kemm għadda żmien minn fuq dar-reġistru, kemm ilu jinġarr minn hemm għal hawn u f’liema kundizzjonijiet seta’ sab ruħu. Fuq kollox, ċertu linka li ġiet użata fuqu, maż-żmien ħareġ li kienet tqatta’ l-karti u b’xorti ħażina, qed tintilef xi informazzjoni minnu minħabba dan.”
Poġġejt bil-qiegħda ħdejn skrivanija u fis-skiet apprezzajt l-opportunità li nżomm reġistru bħal dak f’idi. Hekk kif Dun Joe beda jurini l-listi miktubin fuqu, f’mument minnhom moħħi ġera lura s-snin u bħal triegħext meta rrealizzajt li l-kappillan li kien kiteb dak ir-reġistru kien għex waqt l-Assedju l-Kbir… mill-1565, ħmistax il-sena biss kienu għaddew! L-ewwel listi kienu tal-magħmudijiet u hawnhekk stajt ninnota t-tendenza li t-tfal kienu jissemmew primarjament għall-qaddisin. Rajt ukoll kif ċertu ismijiet u kunjomijiet imniżżlin hemm, illum ma nsibuhomx aktar f’pajjiżna, filwaqt li numru ta’ kunjomijiet minnhom ġew evoluti f’oħrajn magħrufa sewwa fil-preżent. L-ewwel żwieġ irrekordjat sar fis-6 ta’ Jannar 1580, filwaqt li f’Jannar tal-1583 bdew jitniżżlu wkoll id-dettalji tal-imwiet. Minn wara dar-reġistru, il-manuskritti l-oħra (kif jippreferi jsejjħilhom Dun Joe) huma kollha fl-istil skont il-Konċilju ta’ Trent.
Il-Konċilju ta’ Trent (1545 – 1563) ġie mniedi waqt il-Kontro-Riforma tal-Knisja fit-taqtigħa tagħha kontra l-Protestantiżmu. Il-Konċilju kellu l-iskop li jikkundanna t-tagħlim u l-prinċipji tal-Protestantiżmu, li jistabilixxi t-tagħlim tal-Knisja Kattolika u li jwettaq riforma fid-dixxiplina u t-twemmin, kemm tal-Kleru nnifsu u kif ukoll ta’ dawk li kienu jħaddnu l-Kristjaneżmu. Waqt żjara pastorali li saret minn Mons. Pietro Dusina fil-1575 bil-għan li jara li kulħadd kien qed isegwi d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trent, dan ordna illi kull kappillan kellu jżomm ħames reġistri b’konnessjoni ma’ ċertu sagramenti, ħalli jkun jista’ jiġi kkonfermat illi l-parruċċani kienu qegħdin jgħixu skont ir-regoli tat-tagħlim Kristjan. Dawn ir-reġistri kellhom joħorġu taħt dawn it-titli: Baptizatorum (magħmudija), Confirmatorum (ġriżma), Matrimoniorum (żwieġ), Mortuorum (mewt) u Liber Status Animarum (qrar u tqarbin).
“Waqt din il-vista pastorali ta’ Mons. Dusina fl-1575, il-kappillan taż-Żejtun kien Dun Ġwann Mamo li kien mis-Siġġiewi u kellu 70 sena. Meta l-Monsinjur staqsa lill-kappillan jekk kienx qed iżomm ir-reġistri tal-parruċċani, dan wieġbu fl-affermattiv imma kif qed tara, hawnhekk ir-reġistri jibdew mill-1580. Jiena qed nassumi li Dusina ma kienx qagħad biss fuq il-kelma tal-kappillan imma li kien ra r-reġistri b’għajnejh u għalhekk probabbilment aktarx l-ewwel reġistri ntilfu. Ma rridux ninsew illi f’dak iż-żmien ir-reġistri kienu jinżammu fil-parroċċa ta’ Santa Katarina (illum magħrufa bħala Ta’ San Girgor) illi mhux darba u tnejn ħabtu għaliha l-furbani u ħallew ħerba sħiħa warajhom.”
L-arkivji huma ħafna għal qalb Dun Joe imma nistqarr magħkom li għandi l-impressjoni li dan il-Kanonku stess hu arkivju ieħor ukoll! Hekk kif bi kburija beda jurini xkaffa wara l-oħra ta’ reġistri, huwa spjegali kif flimkien ma’ Walter Zahra, għal bosta snin, huwa ħadem biex ikklassifika dawn l-arkivji sabiex finalment inħoloq indiċi tar-reġistri kollha.
“Għamilna anki werrej tal-indiċi nnifsu,” kompla jfehemni. “B’hekk ir-reġistri issa jistgħu jinżammu f’ordni aħjar u fl-istess ħin għamilna l-ħajja aktar faċli għar-riċerkaturi.”
Il-kwantità tar-reġistri huma bla heda, hekk kif dawn jibqgħu sejrin sal-ġranet ta’ llum. Fost id-dettalji li wieħed isib fihom hemm dawk tal-magħmudija, preċett, griżma, żwieġ, tnhedijiet taż-żwieġ, imwiet, quddies u funerali, atti notarili dwar l-oqbra, konfraternitajiet, Liber Status Animarum, amministrazzjoni finanzjarja u inventarji. Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn kitbiethom tidher li mhiex ħlief listi. Imma fir-realtà, dawn iħaddnu fihom informazzjoni mitqla deheb dwar il-popolazzjoni tal-villaġġ. Minnhom wieħed jista’ jikkalkula bidliet fil-qies, id-distribuzzjoni u l-kompożizzjoni tal-popolazzjoni matul is-snin. Bidliet drastiċi il-fuq jew ‘l isfel fil-popolazzjoni huma indikazzjonijiet ċari li jkunu seħħu xi ċirkustanzi partikolari li jkunu laqtu sewwa lin-nies tal-post. Ngħidu aħna lejn l-aħħar tas-16-il seklu u l-bidu tas-17-il seklu naraw żieda fil-popolazzjoni taż-Żejtun li kienet ikkawżata minn livell ta’ ħajja aħjar, miżuri aħjar relatati mas-saħħa u l-ħolqien ta’ aktar xogħol permezz tal-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta. Min-naħa l-oħra naraw tnaqqis fil-popolazzjoni wara l-epidemija tal-kolera li ħakmet liż-Żejtun fl-1887 u li kkaġunat il-mewt ta’ 4.5% tal-popolazzjoni tal-villaġġ.
Il-listi tat-twelid jagħtuk idea dwar ir-rata ta’ għajxien tat-trabi, filwaqt li juru wkoll id-daqs medju tal-familji. Madanakollu, fis-snin imbiegħda, it-trabi li kienu jitwieldu mejtin mhux dejjem kienu jiġu rreġistrati u għalhekk wieħed irid joqgħod attent għax mhux neċessarjament li jkun qed jaħdem b’dettalji preċiżi. Mid-dati taż-żwieġ u tat-twelid tal-ewwel tarbija, tista’ tifhem ukoll kemm trabi kienu jitwieldu illeġittimi u anki kemm kienet iddum koppja sakemm tasal biex ikollha l-ewwel tarbija. Mir-reġistri taż-żwieġ, wieħed jista’ jsegwi minn liema nħawi kienu l-għarajjes, ngħidu aħna jekk kienux jiżżewġu sieħeb jew sieħba mill-villaġġ stess jew minn irħula jew bliet oħra. U naturalment, ir-reġistri tal-mewt jagħtu stampa ċara tal-età medja li n-nies ta’ kull era kienu mistennija li jgħixu.
Fir-realtà, din il-lista tibqa’ sejra mhux ħażin u f’idejn espert tad-demografija, permezz ta’ dawn ir-reġistri, wieħed jista’ jikteb kotba sħaħ. Min-naħa tiegħi għażilt li nifli xi żmien partikolari li kien affetwa lin-nies tal-post. Għall-ewwel tħajjart nirriċerka dwar l-imwiet li kienu seħħu fis-sena 1614, meta t-Torok kienu attakkaw bi ħruxija kbira l-inħawi taż-Żejtun, hekk kif tindika xi kitba li hemm fil-knisja ta’ San Girgor. Iżda sfortunatament Dun Joe għarraffni illi r-reġistri tal-mewt mis-sena 1610 sas-sena 1660 huma neqsin ukoll. Għaldaqstant iddeċidejt li nistħarreġ iż-żmien tal-1813, meta Malta ġiet maħkuma minn epidemija serja tal-pesta. Biex jgħini f’din ir-riċerka rreferejt mas-sors primarju l-Liber Status Animarum li jkopri s-snin 1803 – 1822.
“Il-kitbiet kollha huma tal-kappillan Rev. Fr. D Bartholomeo Sant li kien ordnat qassis fl-24 ta’ Mejju 1769 u eventwalment kien wieħed mill-vittmi tal-kolera fl-1837,” kompla jurini Dun Joe. “Innota l-kitba. Hemm partijiet miktubin tassew puliti u mbagħad hemm oħrajn kemmxejn imħarbxa meta l-kappillan kien għamel xi żmien ma jiflaħx.” Dal-kliem laqgħatni u għajnejja ġrew biex jiflu l-kitba. Tassew! Hekk kien. Quddiem għajnejja lmaħt il-kappillan iniżżel id-dettalji tal-parruċċani tiegħu fid-dawl kiebi ta’ xemgħa tnemnem u ppruvajt nimmaġina x’kien jgħaddi minn quddiem għajnejh u x’kien iħoss f’qalbu, hekk kif f’dik il-għodwa hu jkun difen xi tarbija li ġranet qabel ikun għammed jew xi xwejjaħ li kien ilu ħabib tiegħu s-snin. U xi ngħidu għall-biża’ tal-pesta, hekk kif il-kappillan ried jikkalma lin-nies, jgħinhom jittamaw f’Alla, iqarbinhom bil-periklu li jista’ jittieħed hu wkoll filwaqt li jordna d-dfin malajr malajr ta’ oħrajn li tkun ħafnithom il-mewt qerrieda. Biex imbagħad hu stess miet f’epidemija tal-kolera. Tgħid qatt basar li għad jispiċċa hekk?
Stinkajt biex immur lura għal preżent hekk kif Dun Joe kien għadu għaddej jispjegali, “Fil-ġranet tal-Għid f’ċerti snin, hekk kif kien mistenni minnu, il-kappillan kien idur bieb bieb id-djar kollha li kienu jiffurmaw parti mill-parroċċa tiegħu. Kif qed tara hawnhekk, Dun Sant kien qasam iż-Żejtun f’erbgħa distretti: Casal Pasqualino, Casal Bisbut, Casal Gwiedi u Casal Ħerba u kien jinnumera kull dar li kien iżur fuq dan ir-reġistru peress li f’dawk iż-żminijiet id-djar ma kellhomx numri u t-triqat ma kellhomx isem. Infatti l-kappillan kien ‘isemmi’ t-triqat jew għal xi individwu magħruf li kien joqgħod fl-inħawi, inkella għal xi binja importanti bħal xi kappella. Tista’ tgħid li kien qisu speċi ta’ ċensiment fejn jitniżżlu d-dettalji ta’ dawk kollha li kienu joqogħdu f’kull dar, iżda b’żieda partikolari. Qed tinnota l-ittri c.c ħdejn l-ismijiet ta’ ħafna mill-adulti? Dawk l-ittri jfissru confessato e communicato, jiġifieri ‘ġie mqarar u mqarben’. Minn dawn in-noti, il-Kurja kien ikollha idea ta’ kemm in-nies kienu qed jobdu r-regoli tagħha.”
Permezz ta’ dan ir-reġistru stajt nara illi bejn is-snin 1810 sal-1813, il-popolazzjoni taż-Żejtun kienet qed tiżdied b’rata regolari, sakemm fl-1813 din ir-rata medja ta’ żieda waqfet ħesrem u l-effetti jidhru li baqgħu jinħassu saħansitra sas-sena 1818.
B’dawn id-dati imxejt fuq reġistru ieħor li kien juri l-magħmudijiet li saru bejn l-1807 u l-1818. Hawnhekk innutajt żewġ noti partikolari: waħda minnhom datata 20 ta’ Mejju 1813 kellha ddiżinjata pala ta’ id tipponta lejn kitba qasira li kienet tgħid li t-tarbija ta’ Antonij Seychell kienet mietet, filwaqt li n-nota l-oħra datata 23 t’Awwissu 1813 kienet tindika li dakinhar mietet tarbija infettata bil-pesta. L-istess reġistru wera illi bejn is-snin 1810 sa 1812 ir-rata medja tat-twelid kienet qed tiżdied iżda din waqfet bejn l-1813 u l-1814 fejn anzi naraw ir-rata tat-twelid tonqos speċjalment fit-trabi bniet. Madanakollu, kif sikwit jiġri wara epidemiji bħal dawn, hekk kif il-pajjiż ġie dikjarat ħieles mill-marda tal-pesta, sena wara, fl-1815 ir-rata tat-twelid splodiet il-fuq sakemm reġgħet lura għan-normal fl-1816.
Naturalment idejja ġrew dritt għar-reġistru taż-żwiġijiet li saru bejn l-1806 u l-1822. Sibt li fl-1812 kien hemm imniżżel li saru 39 żwieġ, liema total niżel għal 13 fl-1813, biż-żwiġijiet jieqfu ħesrem f’Ġunju 1813 hekk kif il-pesta serqet l-ewwel vittma tagħha miż-Żejtun. Għalhekk kont sorpriża meta sibt nota ta’ żewġ żwiġijiet li seħħu f’Awwissu 1813 u ieħor f’Diċembru. Dan kollu jaqbel mad-direttiva li kien ħareġ l-Isqof ta’ dak iż-żmien fid-29 ta’ Mejju 1813 sabiex jingħalqu l-knejjes kollha bit-tama li jiġi evitat aktar tixrid ta’ mard. Bħal kif semmejt qabel, hekk kif il-periklu tal-epidemija għadda, fis-sena 1814 iż-żwiġijiet laħqu l-ammont ta’ 72.
Ma stajtx nonqos li nifli r-reġistru tal-imwiet li kien ikopri s-snin 1802 sa l-1827. Bejn l-1810 u l-1812 innutajt rata medja ta’ mwiet, b’dik tat-tfal dejjem aktar għolja minn dik tal-adulti. Rata għola ta’ mwiet, kemm fl-adulti u kemm fit-tfal kienet evidenti fis-sena 1813, li mbagħad bdiet tonqos gradwalment fis-snin ta’ wara sakemm irritornat għan-normal fl-1816. L-ewwel vittma adulta suspettata li mietet bil-pesta fiż-Żejtun seħħet fil-31 ta’ Mejju 1813 u kienet Gratia Bonavia fl-età ta’ 85 sena. Tlett ijiem wara, did-darba b’mewt kawżata ċertament mill-pesta kien Joseph Vella fl-età ta’ 40 sena. Jidher li dan l-individwu miet fil-Forti Manoel hekk kif dan beda jilqa’ ġewwa fih il-vittmi tal-pesta meta l-Lazzaretto imtela’. Kien żmien tal-waħx hekk kif meta l-marda ħraxet, il-morda kellhom jintefgħu kollha flimkien indipendentement mill-età jew is-sess tagħhom. Kif ikomplu jispjegaw in-notamenti antiki, il-vittmi bdew jindifnu f’ċimiterju apposta ‘għall-infetti’, probabbilment dak ta’ San Rokku li llum qiegħed biswit il-knisja ta’ San Girgor. Irnexxieli nsib madwar 20 individwi li jidhru li mietu kawża tal-pesta. Mid-dati tal-mewt tagħhom tifhem mill-ewwel kemm il-marda kienet tittieħed u kemm kienet fatali. B’għafsa ta’ qalb sibt koppja miżżewġa li mietu f’temp ta’ ftit jiem il-bogħod minn xulxin u anki żewġ familji partikolari fejn bosta mill-membri tagħhom, fosthom ġenituri u tfal inħasdu qatta’ bla ħabel minn wiċċ did-dinja. Ksaħt meta ftakart li kien hemm ordni ċivili li kienet tirrikkjedi li wieħed jirrapporta immedjatament dawn il-każi ta’ mard. Għiduli intom x’sofrew dawn in-nies hekk kif kellhom jinfurmaw lill-awtoritajiet biex jiġu jieħdu lill-uliedhom infettati sabiex dawn jittieħdu f’dak l-infern ta’ morda oħra jmutu kuljum madwarhom? U fl-istess ħin kif qatt tista’ tifhem dak it-terrur li ġġarrab hekk kif tiġi konxja li la kont qrib dawn il-familjari, anki inti jista’ jiġrilek l-istess? Min-naħa l-oħra kif tista’ qatt tagħżel li tabbanduna lil dawk li tħobb f’mumenti bħal dawn? Ċertament huma esperjenzi li jekk ma jeħdulekx ħajtek, almenu żgur li jqattgħuk minn ġewwa. Min jaf kemm kien hemm min siket u pprova jfejjaq lil xi membru tal-familja tiegħu biex imbagħad spiċċaw mejtin it-tnejn!
Kelli nagħlaq il-kotba f’salt għax ma flaħtx naħseb u nħoss aktar. L-aħħar vittma tal-pesta fiż-Żejtun mietet fil-25 ta’ Settembru 1813. B’xorti tajba fis-7 ta’ Marzu 1814, Malta ġiet meħlusa minn dil-pjaga, għalkemm imbagħad inħakmet il-gżira t’Għawdex. Minn popolazzjoni ta’ madwar 100,000 ruħ, din l-epidemija ħadet magħha madwar 4500 persuna. Kien fit-8 ta’ Settembru 1814 li ż-żewġ gżejjer ġew dikjarati salvi minn din l-epidemija qerrieda. Issa stajt nisma’ l-briju tan-nies f’widnejja hekk kif b’din l-aħbar, f’qalbhom reġgħet bdiet tħabbat it-tama għall-ħajja aħjar.
Dik ma kientx l-aħħar darba li Malta ġiet maħkuma minn din l-epidemija. B’xorti tajba illum il-mikrobu tal-pesta jista’ jiġi megħlub għal kollox permezz tal-penicillin. Meta tkellimt ma’ Dr Etienne Grech huwa spjegali kif il-mikrobu Yersinia Pestis jikkawza il-bubonic plague. Dan il-mikrobu jinġarr mill-ġrieden u jsib ambjent adegwat biex jixtered meta jsib livell baxx ta’ sanità. Għalkemm forsi hemm min jaħseb li l-pesta spiċċat għal kollox, sfortunatament għad hemm popli li għadhom qed jgħixu f’faqar kbir u f’kundizzjonijiet mill-agħar ta’ saħħa. Ħafna minnhom jgħixu f’pajjiżi tropikali b’nuqqas ta’ ilma biex tinżamm l-indafa, mingħajr sistemi ta’ refriġerazzjoni biex iżommu l-ikel f’kundizzjoni tajba u eternità l-bogħod mill-mediċini adegwati. Bqajt issummata meta Dr Grech infurmani li dawn in-nies għadhom jgħaddu mit-tbatijiet u l-kefrija tal-pesta meta ironikament din tista’ titfejjaq b’sempliċi kaxxa penicillin li aħna nistgħu nixtru mingħand l-ispiżjar ta’ ħdejna!
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-10 ta’ Lulju 2011)
-
IL-ĦAJJA BĦAL LOTTERIJA
“Illum, aktar minn qatt qabel, jeżisti l-bżonn li nitkellmu flimkien u li nisimgħu lil xulxin sabiex nifhmu aħjar kif inħarsu lejn id-dinja tagħna. Iċ-ċinema huwa l-aħjar mezz kif tista’ tagħmel dan.” Martin Scorsese
INTERVISTA:
RAMON MIZZI – Kittieb, Direttur, Co-producer u sound – ‘In the end’
ALEXIS MIZZI – Director of photography, Co-producer, camera u editing – ‘In the end’
PHILIP MIZZI – Attur prinċipali u Executive producer – ‘In the end’
Jgħidu li fid-dinja min jitwieled tond ma jmutx kwadru. Forsi veru, imma għallinqas nemmen li tista’ taħdem biżżejjed biex għallinqas jekk ma tmutx kwadru, almenu tmut ovali.
In-nies li jirnexxu fil-ħajja minn dejjem kienu għall-qalbi. B’mod speċjali nitpaxxa insir naf dwar dawk l-inividwi li bdew mix-xejn iżda għax emmnu fihom infushom u f’ħolmiethom, stinkaw u ħadmu sakemm waslu fejn xtaqu. Wisq probabbli jqanqalni l-aspett ta’ kif wieħed jisfida destinu u jittanta jmur aktar il-bogħod minn kemm id-dinja tkun ippjanat li tagħtih. Forsi għalhekk ukoll nikteb dawn l-artikli… L-ewwel nett għax nieħu pjaċir nagħti dik l-importanza li jixraqlu bniedem li jkun ħadem għal xi ħaġa f’ħajtu. U t-tieni biex nipprovoka u nħajjar lil dak jew lil dik li forsi għandhom ħolma f’ħajjithom imma għad m’għandhomx fiduċja biżżejjed li jistgħu jwettquha.
Din il-ġimgħa ser inlaqqagħkom ma’ ħabib tiegħi li hu wkoll kellu ħolma u li ftit ftit qiegħed jagħmilha realtà. Lil Ramon Mizzi iltqajt miegħu meta kont għadni naħdem il-bank. Ma ridtx ħafna biex nintebah li kellu karattru pjuttost insolitu u nistqarr li ftit naf bħalu. Bniedem deċiż li kelma jgħidilek, tieħux għalik jew le. Imma miegħu tkun taf fejn inti. Niftakru affaxxinat bil-kbir bl-attur Marlon Brando imma sakemm konna naħdmu flimkien, qatt ma smajtu jgħid li xtaq jaħdem fil-qasam tal-films. B’danakollu kont ċerta illi l-ambjent formali tal-bank fejn konna naħdmu, xejn ma kien jaqbel mal-personalità tiegħu. Ma stajtx nifhem x’ġibdu lejn dak ix-xogħol u fil-fatt wara ftit tas-snin ġietu x-xorti li jieħu s-somma u telaq.
“Għoddejtu bħala t-tieni ċans f’ħajti sabiex nagħmel dak li veru nixtieq,” beda jgħidli hekk kif bdejna nfakkru lil xulxin dwar l-esperjenzi u l-memorji ta’ dak iż-żmien. “Meta kont il-bank bdejt inħoss ġibda lejn id-dinja taċ-ċinema. Niftakarni naħseb illi jekk xi darba nispiċċa minn dak ix-xogħol ma nerġax nidħol f’xogħol ieħor li ma jkunx għal qalbi. U nistgħu ngħidu li ġietni l-opportunità.
Meta konna żgħar, jiena u ħija konna naraw ħafna films kemm għax fil-familja nħobbuhom ħafna u speċjalment għax in-nannu kien jaħdem bħala projectionist taċ-ċinema. Sikwit kienu jiġuni ħafna ideat imma ma kontx naf kif ser nesprimihom jew niktibhom.
Għaldaqstant meta ħadt is-somma ddeċidejt illi flimkien ma’ ħija nidħol għal kors ta’ 4 snin fil-film-making f’Università fl-Awstralja – Middlesex School of Audio-Engineering. Kien kors utli ħafna fejn matulu ingħatajna taħriġ prattiku fuq il-kamera u kif neditjaw. Trawwimna wkoll kif nibnu skript li jiġbed l-udjenza, kif toħloq dawk it-‘twists and turns’ u kif karattru tagħtih dik ix-xi ħaġa li l-udjenza tkun tista’ tirrelata miegħu. Fostom laqtitni s-sengħa ta’ kif tibni l-profil tal-attur u s-sistema ta’ kif issawwarlu l-karattru matul il-vjaġġ tiegħu fil-film. Rajna wkoll kemm kien importanti illi lill-attur turih dan il-profil u mhux tħalli f’idejh biss u mbagħad tara wara biex ser joħroġ. Xi ħaġ’oħra li ftaħna għajnejna dwarha kien il-fatt li ridt tikteb skont ir-riżorsi li kellek f’idejk. Ngħidu aħna inutli tikteb dwar xeni ta’ karozzi jinqalbu u jisplodu meta m’għandikx il-finanzi biex tiġbed xeni bħal dawn. Finalment, meta ggradwajna, konna aktar preparati biex nibdew għalkemm konna konxji illi f’din l-industrija biex tirnexxi teħtieġ ħafna esperjenza.”
“Qabel jiena u ħija kellna xogħlijiet differenti,” kompla jispjegali Alexis. “Din kienet l-ewwel darba li konna qed nagħmlu xi ħaġa flimkien f’dan il-qasam. Il-faxxinu lejn il-film-making hija xi ħaġa komuni bejnietna. Jiena minn dejjem kelli dik il-ħeġġa li nirrakkonta l-istejjer, mhux permezz tal-kitba imma permezz tal-filming. Imma ma kontx naf kif isiru dawn l-affarijiet. Qabel dħalt għal dal-kors kont naħseb illi film isir billi wieħed jagħmel reċta u mbagħad jibda jiġbed biċċa u jieqaf, wara jiġbed biċċa oħra u jerġa’ jieqaf sakemm finalment ipoġġi kollox flimkien u jsir il-film. Ma kelli l-ebda idea tal-editing!”
Wara li lestew dan il-kors Ramon u Alexis irritornaw lura f’Malta. Hawnhekk huma ħadmu bħala għalliema fl-MCast u aktar tard kienu responsabbli mir-restawr tal-arkivji tal-PBS.
“Bdejna nirrestawraw ix-xogħol tat-tertuqa fl-arkivji li kienu jkopru filmati mill-1964 sa l-1981. Ftit wara beda jittella’ programm bi skop edukattiv fuq TVM bl-isem ta’ TV Education. Matulu aħna kellna nippreżentaw filmati qosra ta’ 5 minuti kollox b’materjal li konna nsibu mill-arkivji kif finalment kien iġib l-isem tal-progamm – ‘Mill-Arkivji’.
Fid-dinja llum, speċjalment fl-Ewropa, hemm sistema ta’ servers u hard drives fejn inti tista’ tiddiġitalizza l-antik f’format modern ħalli ma tħallix filmati preċedenti jintilfu. Sfortunatament fil-passat mhux dejjem kellhom il-futur f’moħħhom u ċertu materjal li kienu jaħdmu bih ma kienx jiflaħ għal tul ta’ snin. Konsegwentement intilfu ħafna rikordji mprezzabbli madwar id-dinja kollha. L-arkivji huma storja ta’ nazzjon u ta’ kultura. Hi x’inhi, jekk hiex aħbar, jekk hiex drama jew xi show televiżiva, kollha jiffurmaw l-istorja ta’ dak il-pajjiż u l-kultura tiegħu.”
“Konna nsibu ħafna stejjer interessanti,” kompla jispjegali Alexis. “Ġieli konna ntellgħu xi aħbar antika bħal meta kien waqa’ l-ajruplan Vulcan fuq Ħaż-Żabbar; filmat li lili affaxxinani ferm peress li lanqas biss kont naf li qatt sar inċident hekk. Ironikament wara li ħarġu dawn il-filmati missieri qalli li kienu ħaduni hemm dakinhar tal-inċident imma peress li kont għadni żgħir insejt kollox.”
“Niftakar darba sibna programm tas-snin sebgħin ‘Malta u lil hinn minnha’ li kien jagħmel Charles Abela Mizzi,” daħal ikompli Ramon. “Fih kien hemm l-aħbar ta’ meta kien sploda tanker taż-żejt fil-Libja u kienu mietu erbgħa Maltin u żewġ Ingliżi. Urejnieh fuq it-TV bl-inqas ħsieb imma l-għada li ntwera tgħidx kemm ċemplulna nies il-biċċa l-kbira familjari tagħhom. Għalija kien mument veru emozzjonali. Intbaħt kemm wara kollox b’xogħol bħal dan tkun qed tagħti servizz lill-poplu.”
“Lili taf x’impressjonani l-aktar?” introduċa ruħu fid-diskursata Philip (li jiġi missier Ramon u Alexis), “meta ġabu lill-Għawdxin sejrin lejn l-Awstralja. Kienu qed jintervistawhom. Staqsewhom fejn sejrin u x’kien beħsiebhom jagħmlu hemm? Kienu kollha lebsin puliti bil-ġlekk u l-ingravata, qishom sejrin għal xi tieġ. Kien hemm wieħed qal “Ma nafx imma hawn naħdem fil-ġebel kont jien.” Illum li għaddew is-snin u naf minn xiex għaddew dan-nies, inħoss ħafna meta nara filmati bħal dawn.”
F’Lulju tal-2008 huma pparteċipaw bil-film li nħadem għat-teżi biex iggradwaw ‘Moving On’ fin-National Film Competition tal-Malta Cine Circle. Rebħu tliet awards għalih: Best Production, Best Director u Best Use of Sound.
Id-diskussjoni ma damitx ma daret fuq ix-short film ‘In the end’ li pproduċew Ramon u Alexis fl-2009. Fi Frar ta’ dis-sena huma telgħu Los Angeles biex jiġbru l-award internazzjonali li rebħu għalih fit-taqsima tal-Best International Contemporary Short f’kompetizzjoni mnhedija waqt in-New York International Independent Film and Video Festival.
“Qatt ma ħsibna li ser naslu s’hawn u naturalment inħossuna kuntenti ħafna li xogħolna ġie apprezzat tant! Konna naqra kwieti u ddeċidejna li ntellgħu short film. Konna naħdmu fuqu matul il-weekends. Bdejna fi Frar 2009 u lestejna f’Ġunju tal-istess sena. Sakemm inħadem ma kellniex xi pjanijiet kbar dwaru imma mbagħad kif rajna l-prodott lest l-istorja kienet differenti. Bgħatna l-film f’diversi postijiet fostom anki l-Amerika. Kien hemm fejn ġie aċċettat u kien hemm fejn ġie injorat. Fil-fatt bil-film ‘In the end’ konna anki pparteċipajna fi programm li kien qed jippromwovi s-short films fuq stazzjon Malti imma hemmhekk ma tantx għamel ħoss. F’Lulju mbagħad ipparteċipajna fin-National Film Competition mnhedija mill-Malta Cine Circle fejn il-film innifsu ma rebaħ xejn filwaqt li missieri rebaħ il-premju tal-Best Performance bħala l-attur prinċipali.
Il-festival li rbaħna b’ ‘In the end’ huwa wieħed mill-akbar festivals indipendenti li jagħtu importanza kbira lix-short films, feature films u dokumentarji. Ħadna sehem fih meta issuġġerihulna ħabib tagħna minn New Zealand li hu direttur tal-fotografija. Kif għedtlek, ma konna qed nistennew xejn kbir imma f’daqqa waħda bdew jiġru ħafna affarijiet.
Aħna bgħatna l-film f’Ġunju 2009 billi tellgħajnih fuq il-YouTube. Xahar wara ċempluli biex inħallsu applikazzjoni ta’ parteċipazzjoni fil-festival peress li l-film kien ġie aċċettat biex jieħu sehem b’mod formali. F’Awwissu rċevejt email fejn għarrfuni illi ‘In the end’ kien ġie magħżul uffiċċjalment. Anki s’hemm għalina kien diġa’ unur kbir u nistqarr miegħek illi qisna nsejnih xi ftit meta beda għaddej iż-żmien. F’Ottubru reġgħu kkuntattjawni peress li xtaquna nitilgħu New York ħalli nkunu preżenti għall-wiri tiegħu fis-swali taċ-ċinema. Imma kemm peress li konna qegħdin nistudjaw il-Masters u aktar u aktar għax ma kellnix finanzi, ma tlajnix. Sadanittant il-film tagħna kien qiegħed jieħu sehem f’selezzjoni oħra fejn għal għaxart ijiem kuljum kienu qed jintwerew ammont ta’ films internazzjonali sabiex l-udjenza tagħżel l-aħjar tnejn minnhom. Fl-aħħar ġurnata kellhom jintwerew il-films kollha li ntagħżlu u minn hemm joħroġ ir-rebbieħ. Meta waslet l-aħħar email biex tinfurmana li l-film tagħna kien rebaħ award internazzjonali, bilkemm ridna nemmnu. U ċċekkjajna għal darba tnejn biex nikkonfermaw li kien minnu.”
‘In the end’ huwa film ta’ madwar 10 minuti. Jitratta l-istorja ta’ Paul, raġel anzjan li jgħix waħdu u li qed ibati mill-kundizzjoni tal-Alzheimer’s. Xtaqt inkun naf kif ġiet l-idea lil Ramon li jikteb dan l-iskript?
“L-ispirazzjoni għal din l-istorja ġietni meta kien qed imut in-nannu tiegħi, missier ommi. Dawk huma familja kbira u meta saret evidenti li n-nannu kien ser imut, kulħadd dar miegħu. Kont qed inħares lejn dix-xena meta għaddieli l-ħsieb “ara naqra, x’familja għandu ddur bih!” U mbagħad komplejt nistaqsi “Tgħid la nikber bħalu, inkun hekk jien? Għedt ma naħsibx”. U minn hemm bdiet l-idea dwar dan ir-raġel anzjan illi fuq is-sodda tal-mewt tiegħu qiegħed jhewden dwar ħajtu l-imgħoddija filwaqt li beda jistaqsi li kieku għex mod ieħor, x’kien jinbidel minn dawk il-mumenti li kien għaddej minnhom? Peress li l-anzjan kellu l-kundizzjoni tal-Alzheimer’s, ħsibijietu ġew b’saħħithom ħafna tant li saru aktar sodi u reali.”
Philip ħadem il-parti ta’ Paul. Kif ħejja ruħu għal karattru hekk?
“Jiena rajt lil missieri jmut bl-Alzheimer’s għalkemm dak iż-żmien lanqas biss kont naf. Ma kienx muġugħ imma rajtu jidbiel ftit ftit kuljum. Ħassejtni sodisfatt li rnexxieli nwassal dak li jgħaddi minnu bniedem li jbati minn dil-kundizzjoni. Fil-fatt il-film trid tarah aktar minn darba biex tifhem sewwa d-dettalji u l-messaġġi kollha li fih.”
X’messaġġ xtaqtu twasslu permezz ta’ dan il-film?
“Minn riċerka li għamilna skoprejna illi l-kundizzjoni tal-Alzheimer’s hija problema kbira ħafna fl-Amerika. M’għandnix dubju illi dan kien wieħed mill-fatturi għala rebaħ ‘In the end’ peress li l-udjenzi setgħu jirrelataw miegħu faċilment.
Kif kulħadd jaf, fl-Amerika hemm problema kbira bid-distanza u għalhekk xtaqna illi min jara dan il-film jiftakar fl-anzjani tiegħu u jekk dawn jinsabu weħidhom jagħmlu daqsxejn sforz biex jagħmlu kuntatt magħhom jew jagħtuhom ftit għajnuna.”
Akkost li kemm Ramon u kemm Alexis jidhru li għalissa ma jixtiequx irabbu għeruq ma’ xi tfajla, in-namra fil-qasam tal-film-making qed tiżdied bil-bosta. Fil-fatt dan l-aħħar huma reġgħu telqu kollox minn idejhom sabiex jiffukaw fuq Masters in TV and Interactive Content, din id-darba fl-Università ta’ Birmingham City fl-Ingilterra.
“Iva ddeċidejna li nagħmlu l-Masters flimkien speċjalment għax irrealizzajna li naħdmu tajjeb ħafna bħala tim. L-idea ġiet għax xtaqna li jkollna aktar taħriġ f’dan il-qasam. Barra minn hekk qed nittamaw li niltaqgħu ma’ xi ħadd fl-Ingilterra li miegħu nistgħu nkabbru dan it-tim. Iżda s’issa għadha ma seħħitx din il-biċċa xogħol kemm għax fl-Ingilterra n-nies spiss joqogħdu ġewwa minħabba t-temp u anki għax il-post fejn qegħdin huwa kemmxejn għali u peress li aħna studenti nżommu naqra lura mill-ħruġ biex nevitaw spejjeż żejda,” fehemni Alexis.
It-taħriġ li qed nieħdu bħalissa huwa tajjeb ħafna. Fostom qed naraw kif għandek tibni kontenut għal dokumentarji televiżivi bħal dawk li kapaċi joffru ir-RAI, il-BBC u n-National Geographic. Inzerta li d-dokumentarji minn dejjem kienu jinteressawni u hawnhekk qed nitkissru fuq stil differenti minn dak li mdorrijin soltu naraw f’pajjiżna. Tolqotni s-sistema kif ma tużax biss id-dati imma tagħfas iktar fuq l-istorja u l-ħajja ta’ dawk li tkun qed titkellem dwarhom.”
Hemm xi film-maker li jispirahom?
Ramon irrispondini mill-ewwel “Kathryn Bigelow li għamlet il-film ‘The Hurt Locker’. Ammirajtha għax kienet l-ewwel mara li rebħet l-Oscar bħala film-maker u b’hekk irnexxielha tkisser id-drawwa ta’ industrija ġeneralment orjentata lejn l-irġiel.”
Lil Alexis jispiraħ “Martin Scorcese l-aktar minħabba l-mod ta’ kif jibni drama u kif jirrakkonta l-istorja, kif jiġbidha u jeditja. Joħloq ukoll ħafna karattri u stejjer interessanti. Bħalissa qed jiġuni f’moħħi l-films ‘Cape Fear’, ‘Taxi Driver’ u ‘Shutter Island.”
Bħala attur lil Philip jogħġbu “Al Pacino għax il-karattri li jaħdem huma kollha ‘nies ta’ veru’.”
Ma stajtx ma napprezzax is-sinerġija bejn dan il-missier u ż-żewġ uliedu li bejniethom it-tlieta jagħmlu kuraġġ lil xulxin sabiex ikomplu joħolqu proġetti ġodda. Madanakollu Philip stqarr miegħi illi f’żogħżitu huwa ma kienx sab din l-għajnuna…
“Kif qalulek uliedi aħna ġejjin minn familja li ilha ntiża fil-qasam tal-films. Fi żmienu nannuwi Francis Mizzi, kien intebaħ bil-potenzjalità li kellu ċ-ċinema f’Malta. Għalhekk bena żewġ talksijiet; wieħed f’Ħal-Luqa u l-ieħor f’Ħal-Qormi magħruf bħala ‘Il-Warner’. Terġa’ missieru kellu wkoll ċinema ieħor f’Ħal-Qormi li kien jismu s-‘St George’s’ fejn illum hemm il-Każin tal-Labour. Missieri kien jaħdem bħala projectionist u meta żżewweġ lil ommi din kienet tqatta’ ħafna ħin ħdejh. Għalhekk kienet tgħidli illi jien kont ilni nara l-films sa minn qabel twelidt għax anki meta kienet tqila baqgħet tmur sikwit. Meta mbagħad kbirt ftit, kont noqgħod ħdejn missieri fuq banketta nsegwi l-films. Tant kont nintilef li ġieli għamilt pipi taħti biex ma nitlifx xi biċċa u ommi tgħidx kemm kienet tirrabja!
Ġiet naturali l-ħajra li nsir attur imma l-ironija hija illi missieri qatt ma aċċetta din ix-xewqa tiegħi! Dak iż-żmien fil-‘Warner’ kienu jiġu ħafna artisti Taljani biex jagħmlu l-cabaret shows. Kienu jgħixu ħajja ta’ ħallat u aqsam. Ma kien ikollhom diċenza ta’ xejn u ovvjament missieri kellu impressjoni ħażina ħafna tal-atturi. Kif spiċċajt mill-Liceo u bdejt it-teatru hu qalli “Se nibdew? Ara għamel din u ieqaf.” Kien għalxejn li qgħadt ingerger u neqred għax missieri kien deċiż tant li heddidni li jitfagħni ’l barra mid-dar jekk insostni. Kelli nċedi iżda wara li twieldu ż-żewġt itfal tiegħi attendejt fl-iskola tad-drama u llum ilni 33 sena naħdem fit-teatru.”
Meta staqsejtu liema rwoli li ħadem kienu l-aktar għal qalbu ma damx jaħsibha…
“Ovvjament il-parti ta’ Paul f’‘In the end’. Għoġobni għax kellu karattru kumpless ħafna. Waqt il-filming kont ninqata’ għalija sabiex nidħol fil-karattru. Min jaf kemm il-darba bqajt waħdi fis-sodda, anki meta l-oħrajn kienu jieqfu għall-brejk, ħalli ma nitlifx il-konċentrazzjoni.
Għall-qalbi ħafna wkoll hija l-parti ta’ miġnun li kont ħdimt fil-play Marat-Sade li l-istorja tagħha titkellem dwar il-qtil tal-Markiż de Sade. Interessanti huwa l-fatt illi dan Sade kien kittieb kontroversjali li qatta’ madwar 32 sena minn ħajtu magħluq fil-ħabsijiet u fil-manikomji. Il-kelma ‘sadiżmu’ oriġinat minn kunjomu proprju minħabba l-ħajja li kien jgħix u anki għal kitbietu fejn fostom esiġa illi l-atturi ta’ Marat-Sade kellhom ikunu kollha nies mill-manikomju. Kienet play diffiċli imma kellna rispons tajjeb ħafna dwarha.”
Ma’ Philip il-kliem waqa’ mill-ġdid dwar il-film li ħadmu wliedu fejn fostom saħaq illi f’pajjiżna hawn nuqqas kbir ta’ sapport fejn tidħol il-kultura.
“Hawnhekk trid tibda mix-xejn, il-motivazzjoni tiegħek biss trid tmexxik. M’hemm imkien fejn il-film-makers jistgħu jiltaqgħu u jagħmlu naqra kuraġġ lil xulxin. Biex għamilna dan il-film u saħansitra meta morna niġbru l-award kellna niffinanzjaw kollox aħna. Meta ċċekkjajna jekk stajnix nieħdu xi għajnuna finanzjarja biex inkomplu b’dan ix-xogħol infurmawna illi m’hawn l-ebda fondi dedikati għax-short films. L-affarijiet biex isiru tajjeb iridu l-flus, aktar u aktar jekk irridu nikkompetu ma’ xogħolijiet barranin fejn dal-qasam huwa ħafna aktar stmat.”
Dort mill-ġdid fuq Ramon u Alexis u xtaqt inkun naf jekk hux diffiċli li tirnexxi f’din l-industrija u jekk tagħmilx differenza li huma Maltin.
It-tnejn qablu illi “L-aktar importanti huma l-kuntatti, it-talent u x-xorti. Trid tinzerta fil-post it-tajjeb, fil-ħin opportun u tiltaqa’ mal-persuni ġusti. Jeħtieġ li tieħu l-ħajja bħal lotterija – aktar ma tixtri u tilgħab biljetti, aktar iżżid iċ-ċans li tirbaħ xi darba.
Ma jidhrilnix li tagħmel differenza li aħna Maltin. Illum bl-internet tilħaq ħafna nies kullimkien. F’din l-industrija aktar naħsbu illi s-sigriet hu kemm inti kapaċi li tipprovoka l-udjenza tiegħek b’ideat ġodda u b’oriġinalità f’xogħolok. Meta konna żgħar konna tgħallimna ħafna stejjer fostom dawk ta’ Dick Whittington u ta’ Cindirella. It-tnejn irnexxew fl-aħħar tar-rakkont għalkemm l-istejjer tagħhom kienu differenti. Whittington tħabat u stinka biex wasal fejn ried mentri Cindirella ġieta tajba u barra minn hekk kellha lil fairy godmother! Il-ħajja reali tixbaħ ħafna lil dawn l-istejjer.”
Bejn kafè u ieħor il-ħin kien sar sew. Kien għad fadalli kurżità waħda – x’kien l-akbar proġett li xtaqu jagħmlu?
Philip kien dirett, “Aktar milli proġett nixtieq li mqar għal darba t-teatru jagħti l-kreditu fejn jixraq!”
Ix-xewqa ta’ Alexis hi, “Li noħroġ b’idea oriġinali għal feature film ħalli eventwalment nirbaħ l-Oscar! Kbira żżejjed hux? Imma fid-dinja ma tridx taqta qalbek!”
Ħallejt lil Ramon jagħlaq id-diskursata, “Li naħdem feature film ibbażat fuq il-kultura Maltija. Fil-preżent dan il-qasam hu bbumbardjat bil-kultura Amerikana. Tkun interessanti kieku. Issa kemm naħseb li dan huwa possibbli? Jiddependi kemm ser tidħakli x-xorti!”
Il-film ‘In the end’ jinsab fuq il-link: http://www.youtube.com/watch?v=MFmkmhukB98 .
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 t’April 2010)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | ||||||
2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 |
9 | 10 | 11 | 12 | 13 | 14 | 15 |
16 | 17 | 18 | 19 | 20 | 21 | 22 |
23 | 24 | 25 | 26 | 27 | 28 | 29 |
30 | 31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23