Posts Tagged ‘Gahan’

  • GĦERUQ MALTIN

    Din il-ġimgħa ġie ktieb ġdid f’idejja li stħajjiltu bħal dik il-bakketta maġika li b’taptipa ħafifa kapaċi tieħdok f’dinja oħra. Bis-saħħa tas-CD li hemm mal-ktieb, ħabta u Girl reads booksabta, il-vjaġġi tagħna bil-karozza nbidlu f’mumenti msaħħra fejn matulhom iltqajna ma’ ġganti, draguni, rejiet, prinċipessi, sħaħar u saħansita mal-karattru uniku ta’ Ġaħan. Il-leħen jirrakkonta ħrafa wara l-oħra nessiena anki dak l-istress li s-soltu nħossu meta ninqabdu f’balla traffiku. Il-mużika oriġinali u nebbiexa kompliet żewqet dawk il-mumenti speċjali u fl-istess ħin tpaxxejt nara l-binti mitlufa tqalleb il-paġni u ssegwi l-istejjer permezz ta’ bosta diżinji sbieħ li kienu qed jakkompanjaw lil dawn il-ħrejjef Maltin.

    Il-ktieb “Ħrejjef Maltin” huwa l-aħħar proġett tal-kompożitur Ruben Zahra li ċertament m’għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoniRuben Zahra speċjalment fil-qasam tal-istrumenti tradizzjonali Maltin. Fil-fatt permezz tal-grupp tiegħu Nafra qiegħed jintroduċi l-mużika Maltija madwar diversi pajjiżi tad-dinja. Aktar minn hekk huwa kompożitur impenjat fl-idjoma tal-mużika kontemporanja kif ukoll fil-mużika għaċ-ċinema. Tabilħaqq l-intervista li kelli miegħu dil-ġimgħa kompliet tiżvolġi dawn it-tonalitajiet differenti tiegħu. Fuq kollox spikka l-fatt kemm il-mużika tilgħab parti essenzjali minn ħajtu. Imma l-imħabba tiegħu lejn il-mużika kif bdiet?

    “Bdejt nistudja l-mużika pjuttost tard f’ħajti, meta kelli madwar 14 il-sena. Iżda minn dejjem kont indoqq bl-udit u bil-mod il-mod ksibt aktar interess f’dil-linja sakemm indunajt li kelli faċilità għall-kompożizzjoni u għalhekk ittantajt noħloq xi melodiji. Eventwalment iddeċidejt li nibda nistudja l-pjanu imma dan ma damx ma sar ukoll biċċa għodda għall-kompożizzjoni u minn hemmhekk indunajt illi dik kienet il-fergħa li kienet l-aktar tinteressani.”

    Ruben kompla jgħidli illi oriġinarjament kien qed jistudja x-xjenzi imma din il-ġibda lejn il-mużika ġegħlitu jibdel triqtu.

    “Fl-Università ta’ Malta dħalt nagħmel BA fil-Mużika u t-Teatru. Hekk kif iggradwajt, irbaħt scholarship mill-Istituto Italiano di Cultura biex inkompli l-istudji tiegħi Ruma. Dħalt nistudja l-kompożizzjoni u l-orkestrazzjoni fl-Akkademja ta’ Santa Cecilia kif ukoll il-mużika elettronika fil-konservatorju ta’ Frosinone. Imbagħad wara waqfa ta’ sena lura lejn Malta ġietni l-opportunità li nitla’ Kalifornja fejn għamilt Masters fil-Kompożizzjoni.”

    Dal-vjaġġ fis-settur tal-mużika jwasslu anki biex jaħdem fil-qasam tal-films f’Hollywood.

    “Għamilt sentejn naħdem fid-dinja taċ-ċinema ta’ Hollywood bħala kompożitur. Xogħli kien li noħloq sfond mużikali għax-xeni ta’ feature films, shorts u dokumentarji. Kienet esperjenza importanti li swietli ħafna ġid, speċjalment biex nifhem kif taħdem il-music industry fuq livell internazzjonali. Iżda indunajt ukoll li l-mużika taċ-ċinema għalija mhix biżżejjed u ma kontx lest li niddedika l-bqja ta’ ħajti nagħmel dan biss. Fiċ-ċinema sikwit ikollok timita formula lesta mingħajr spazju għall-kreattività u nistqarr li dan l-aspett ma tantx jinteressani.”

    Fis-sena 1999 Ruben, Andrew Alamango, Steve Borg u Ġużi Gatt waqqfu l-grupp Etnika.

    “Dan il-grupp inħoloq bl-għan li jippromwovi l-istrumenti tradizzjonali Maltin. Iżda hekk kif għamilna t-tnedija uffiċjali f’Settembru 2000 jien sifirt lejn l-Amerika u ħallejt f’idejn sħabi biex imexxu l-proġett.”

    Fl-2004 huwa ġie lura Malta u did-darba waqqaf il-grupp tiegħu Nafra. Kont kurjuża kif intagħżel dan l-isem?

    “Nafra tfisser ‘sejħa ta’ allarm’. Hija kelma antika Maltija li fl-imgħoddi kienet tintuża għal meta kienet tkun ser titħabbar il-liġi jew il-bandu. F’dak iż-żmien xi individwi kienu jduru minn raħal għall-ieħor jdoqqu n-nafra bil-flejguta u t-tanbur. L-istess espressjoni kienet tintuża wkoll meta kienu jilmħu l-furbani u bħala twissija kienu jindaqqu t-tnabar jew il-qniepen tal-knisja. Fil-każ tagħna għażilna dan l-isem għal grupp għax qed inqajjmu kuxjenza  dwar il-wirt tal-mużika Maltija fejn allura r-repertorju tagħna jista’ jixxebbaħ mad-daqq tan-nafra.”

    Ruben beda jirrakkuntali kif strumenti li fi tfulitu kienu estinti, illum dawn qed jerġgħu jingħataw il-ħajja.

    “Niftakar li meta kont għadni żgħir kont rajt stampa ta’ żewġ daqqaqa biż-żaqq u bit-tanbur. Iżda meta mort nistaqsi lil missieri dwarhom qalli  li dawk kienu spiċċaw u li ħadd ma kien għadu jdoqqhom. Madanakollu issa nista’ ngħid li jekk it-tfal ta’ llum jistaqsu l-istess mistoqsija, l-istrumenti tradizzjonali Maltin qed jerġgħu jindaqqu fostna.”

    Huwa sikwit imur iżur xi skejjel u qiegħed jagħti wkoll sensiela ta’ lekċers fl-Università ta’ Malta biex joħloq aktar kuxjenza dwar dan il-wirt kulturali Malti. Barra minn hekk permezz tal-kumpannija tiegħu Soundscapes irnexxielu anki jirripproduċi wħud minn dawn l-istrumenti għas-suq Malti.

    “Sentejn ilu, bl-għajnuna ta’ xi sponsors, ħriġt b’inizzjattiva biex l-istrumenti Maltin ikunu aċċessibli. F’kull pajjiż, tmur fejn tmur, issib tixtri l-istrumenti tradizzjonali tal-post. Naħseb Malta kien l-unikuRuben Zahra - Elba Jazz Festival pajjiż fejn ma kontx issib dawn il-prodotti bħala parti mill-wirt kulturali tagħna. Għalhekk xtaqt noħloq l-opportunita’ li l-istrumenti tradizzjonali Maltin ikunu aċċessibli, kemm bħala strument kif ukoll bħala prodott għat-turiżmu kulturali. Bħalissa hemm it-tanbur u l-flejguta: iż-żewġ strumenti huma ppreżentati ġo kaxxa eleganti, akkumpanjati b’CD ta’ mużika tradizzjonali Maltija u b’fuljett b’xi informazzjoni.”

    L-istrumenti tradizzjonali Maltin huma l-qalba tal-grupp Nafra iżda l-mużika li tindaqq hija pjuttost kontemporanja.

    “Prattikament hemm ħames strumenti tradizzjonali Maltin: iż-żaqq (speċi ta’ bagpipe b’ġild ta’ gidi jew għoġol) iż-żummara (tip ta’ klarinett primittiv tal-qasab), il-flejguta (flawt tal-qasab) u żewġ strumenti tal-perkussjoni: it-tanbur (tamborine) u ż-żafżafa (friction drum).

    Għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn dawn l-istrumenti jafu jidhru strambi, huma strumenti li ssibhom imxerdin mal-Mediterran kollu. X’aktarx dawn l-istrumenti waslu għandna mid-dinja Għarbija …  bl-istess mod kif waslet għandna l-lingwa.

    Issa permezz ta’ Nafra l-impenn tagħna huwa illi l-ewwel nett nerġgħu nqajjmu mill-ġdid din it-tradizzjoni ta’ dawn l-istrumenti Maltin sabiex huma jerġgħu jkunu preżenti fil-kuntest kulturali Malti. It-tieni ħaġa hija illi bħala kompożitur noħloq repertorju li jipprezenta dawn l-istrumenti f’kuntest ġdid b’mużika li tappella għall-udjenza kemm Maltija kif ukoll internazzjonali.

    Ta’ min jgħid illi ħafna drabi prodott kulturali jkun jeħtieġlu jgħaddi minn proċess ta’ metamorfosi qabel jitlaqqa’ mal-pubbliku. Biex nagħti eżempju ta’ mużika popolari, il-flamenco għadda minn sekli sħaħ ta’ tibdil u żvilupp sakemm ħa l-forma popolari li għandu llum peress li fil-forma oriġinali tiegħu probabbilment ma kienx jagħmel daqstant suċċess.

    L-istess raġunar nistgħu napplikawh għall-għana Maltija. Ngħidu aħna, jiena nara li l-għana huwa diffiċli ħafna biex ikollu suċċess fuq livell internazzjonali minħabba li jistrieħ ħafna fuq il-kelma mitkellma. Madanakollu l-istess melodiji tal-għana f’idejn kompożitur bħal Charles Camilleri hija aċċessibli għal kulħadd.

    U din hija l-operazzjoni li qed nipprova nagħmel jien bil-mużika speċjalment fil-kuntest ta’ Nafra. Fil-fatt dorna kważi f’kull pajjiż tal-Ewropa kif ukoll l-Indja, Hong Kong u t-Tuneżija u dejjem kellna suċċess kbir.

    Ma tridx tinsa illi fl-imgħoddi dawn l-istrumenti kienu jindaqqu fit-toroq u mhux f’xi kunċert bin-nies bil-qiegħda tisma’ b’attenzjoni. Għalhekk issa li tellgħajna dawn l-istrumenti fuq palk, ir-rapport bejn l-udjenza u l-mużiċisti inbidel. Jekk qabel taż-żaqq u tat-tanbur kienu jdoqqu l-istess silta għal sigħat sħaħ fit-toroq, issa l-istrumenti qed jindaqqu f’kuntest ta’ programm u r-repertorju jrid ikun varjat.”

    Bħala tieqa fuq dan kollu, Ruben ħareġ ukoll ktieb li jġib l-isem A Guide To Maltese Folk Music.

    “Dan kien l-ewwel ktieb minn sensiela ta’ kotba li beħsiebni noħroġ dwar il-kultura Maltija. Antoloġija ta’ mużika Maltija li tinkludi l-istrumenti, l-għana, żfin tradizzjonali, l-għajjat tal-bejjiegħa u n-nursery rhymes Maltin. Il-ktieb huwa akkumpanjat b’CD b’eżempji mużikali għal kull taqsima.”

    Iżda għalkemm Ruben huwa assoċċjat mal-istrumenti tradizzjonali Maltin, din hija biss parti mill-karriera tiegħu.

    “Primarjament ix-xogħol tiegħi huwa maqsum fuq żewġ territorji: il-qasam tal-World Music u dak tal-kompożizzjoni fid-dinja tal-mużika klassika kontemporanja. Il-World Music tuża materja prima ta’ melodiji, ritmi jew strumenti tradizzjonali flimken ma’ infuwenzi mużikali aktar moderna. Bħala kompożitur tal-mużika klassika kontemporanja nutilizza l-istrumenti tal-mużika klassika b’mod ġdid u innovattiv.”

    B’tant oqsma differenti ta’ mużika xtaqt inkun naf liema hi dik preferuta tiegħu?

    “Ma nħobbx inħares lejn il-mużika f’ġerarkija għax  kollha jinteressawni. Ngħidu aħna bħalissa qed nikteb biċċa mużika orkestrali għall-kunċert tal-epifanija u fl’istess ħin, dil-ġimgħa ser inkunu qed indoqqu b’Nafra f’attività lokali.

    Illum qed ngħixu fi żmien fejn l-artist jista’ jkun versatili kemm irid. Anki jekk tmur tara film, tisma kull tip ta’ mużika għax fl’istess film jista’ jkollok mużika sinfonika, rock, jazz … eċċ. Qed ngħixu f’ambjent pluri-lingwistiku għall-aħħar u dan l-ambjent jinteressani. Mhux l-ewwel darba li nkun qed nisma’ xi biċċa mużika rock u nisraq parti mir-ritmu biex nittrasfurmah f’xi biċċa sinfonika.”

    X’jispirah biex jikteb il-mużika?

    “Kollox. Jiena naħseb li artist dejjem ikun qed ifittex anki subkonxjement. Din jitkellem ħafna dwarha l-kompożitur Russu Stravinski, fejn ixebbaħ lill-kompożitur ma’ annimal li l-ħin kollu jħuf, ixammem u jfittex. U fejn ħaddieħor ma jieqafx iħares, dak l-artist jieqaf. Dan l-istat ta’ riċerka huwa kostanti trid u ma tridx. Primarjament nikteb il-mużika għalija u nista’ ngħid li  jiena l-ikbar kritiku tal-mużika tiegħi stess.”

    U bl-istess natural, Ruben kontinwament jgħarrex kif ser ikabbar l-interess tal-pubbliku lejn il-kultura Maltija. Fil-fatt bl-aħħar ktieb tiegħu “Ħrejjef Maltin” qed iressaq il-wirt tal-ħrejjef lokali, mhux biss lill-Maltin iżda saħansitra lill-barranin.

    “F’kull pajjiż il-ħrafa hija waħda mill-ewwel esperjenzi fejn it-tfal imissu ma’ element ta’ wirt nazzjonali. Inħoss li qabel kollox dan huwa l-wirt tat-tfal tagħna u m’ghandniex inċaħduhom minnu. Jiena li Gaħan u l-Istatwa - illustrated by Greta Borg Carbotttrabbejt f’ambjent Malti u li kbirt ma’ dawn il-ħrejjef napprezza  l-valur tagħhom. Sfortunatament it-tfal Maltin ta’ llum jafu l-istejjer kollha barranin bħal Cinderella, Snow White, Robin Hood eċċ imma m’għandhomx idea tal-ħrejjef lokali.

    Huwa għalhekk li ħloqt dan il-ktieb b’ġabra ta’ għaxar ħrejjef li wħud minnhom huma rrakkuntati anki fis-cd li takkunpanja l-ktieb. Kemm il-ktieb kif ukollĦrejjef Maltin is-CD huwa bil-Malti u bl-Ingliż. “Ħrejjef Maltin” hija pubblikazzjoni inter-dixxipplinari li tiġbor flimkien bosta elementi artistiċi. Kull ħrafa hija illustrata minn artist lokali u għalhekk il-ktieb joffri vetrina ta’ għaxar artisti Maltin. Kull artist għandu stil differenti … stili li jvarjaw minn akkwarella u collage, sa tqasqis ta’ karti, taħlit ta’ midja differenti u arti diġitali. Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll CD bir-rakkont tal-ħrejjef u l-mużika tiegħi oriġinali li timxi pass pass mar-ritmu tar-rakkont. B’hekk dan il-ktieb jgħaqqad flimkien ir-rakkont, it-tpinġija u l-mużika: tliet fergħat tal-arti li hawnhekk isiru ħaġa waħda.

    Dan il-proġett sar mill- Merlin Library u Soundscapes,  bis-sapport tal-Malta Arts Fund, l-MTA u HSBC Malta Foundation. Fix-xogħol tiegħi dejjem irsistejt biex nippreżenta l-kultura Maltija fuq livell internazzjonali u għalhekk ħassejt li din il-pubblikazzjoni għandha tkun ukoll bl-Ingliż. Fil-fatt tajjeb ngħid ukoll li għandna żewġ verżjonijiet tal-qoxra ta’ barra. Għandna waħda b’disinn li jolqot aktar lit-tfal, b’ħafna kuluri u bit-titlu Ħrejjef Maltin; imbagħad għandna qoxra fuq stil eleganti li x’aktarx tolqot aktar lill-kbar u lit-turiżmu kulturali bit-titlu Maltese Folktales.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 ta’ Diċembru 2011)

    2010.12.12 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • NIKTEB U NOĦLOQ KARATTRI ĠODDA LI JIFFURMAW DINJA LI HI TIEGĦI

    F’kull tfulija hemm ġnien, post imsaħħar fejn il-kuluri huma isbaħ, l-arja aktar bellusija u l-għodwa tfuħ daqs qatt qabel… Elizabeth Lawrence.

    Minn dejjem niftakarni b’xi ktieb f’idi. Fi tfuliti għalija l-qari kien ifisser bosta affarijiet. Kien jgħallimni l-lingwi li kont naqra bihom, kien jisqini l-ħlewwa tal-immaġinazzjoni, kien iwennisni mis-solitudni u drabi oħra kien joffrili rifuġju minn kumpannija mhux mixtieqa. Kien jisraqni għal kollox u jeħodni f’dinjiet oħra fejn stajt nimraħ fejn ridt. Fl-istess ħin kien jagħtini s-serħan il-moħħ illi meta xtaqt stajt nieqaf, nagħlaq il-paġni u nkompli ngħix f’dinjieti.

    Għalija, l-karattri li kont naqra dwarhom fil-kotba kienu ħlejqiet tad-demm u l-laħam. Min jaf kemm bkejt, inkwetajt, tħassibt u dħakt għal dak li kienu jagħmlu! Min jaf kemm xtaqt li nkun waħda minn dawk it-tfal involuti f’xi misteru ħalli ngħix dawk l-avventuri. Min jaf kemm qattajt ħin moħbija ninnota annimali differenti bit-tama li naqbadhom jitkellmu xi darba. U min jaf kemm inkeddejt għal Ġaħan li kien iħalli n-nies tiddieħak bih u ma ried b’xejn idaħħal naqra melħ f’moħħu.

    Nistqarr li issa li kbirt mhux għax inbdilt tant! Daqsxejn aktar moderata fl-immaġinazzjoni tiegħi imma moħħi xorta waħda għadu jiġri bija u ma nafx nieqaf noħlom! Imma x’tagħmel jekk tkun Charles Cashamagħġuna hekk? U wara kollox x’hemm ħażin li toħlom? Hekk jew hekk, meta għandek xewqa, xi darba għandek iċ-ċans li forsi ssir realtà. Kif fil-fatt ġara ftit tal-ġranet ilu meta rnexxieli niltaqa’ ma’ wieħed mill-awturi favoriti tiegħi – Charles Casha.

    Charles Casha ħadem għal diversi snin bħala għalliem u anki bħala librar. Imma aktarx il-biċċa l-kbira tal-pubbliku jafu l-aktar bħala awtur ta’ bosta kotba.

    Issa ilek aktar minn 40 sena tikteb u għandek madwar 50 ktieb ippubblikat. X’ħajrek biex tidħol f’dal-qasam tal-kitba?

    “Meta kont għadni żgħir kont inħobb niġbor lit-tfal li kienu joqogħdu ħdejna u noqgħod nirrakkuntalhom l-istejjer. Iżda l-ħolma tiegħi ta’ tifel li kont kienet li xi darba għad nikteb ktieb għall-kbar. Fil-fatt passatemp li kelli kien li noqgħod nikteb l-istejjer fuq pitazz u fuqhom inniżżel – Ktieb ta’ Charles Casha.

    F’dawk is-snin l-għalliem tiegħi Ġużè Chetcuti kien l-idolu tiegħi. Għalhekk tista’ taħseb x’baqa’ fija meta wara li urejtu storja li kont ktibt, huwa nkoraġġini ħafna biex nibqa’ nikteb! Taf int? Jgħidlek bniedem bħal dak, tagħmel il-qalb.

    Darba minnhom iddeċidejt li nibgħat storja twila lit-Torċa, li dak iż-żmien kienet toħroġ sezzjoni magħrufa bħala l-Librerija Popolari. Fiha l-qarrejja kienu jsibu storja maqsuma biċċa biċċa ma’ kull ħarġa u finalment, meta din tispiċċa, kienu jiġbru l-partijiet kollha u jillegawhom f’forma ta’ ktejjeb. L-ewwel storja tiegħi f’dan l-istil kienet ‘L-Għalqa fuq l-Għolja’ u warajha ħarġet ‘Kolin’.”

    Kif jiġuk l-ideat għar-rakkonti tiegħek?

    “Jiena naħdem daqsxejn b’mod stramb għax l-istejjer tiegħi qatt ma jkollhom il-plot lest. Pjuttost ikolli karattru li minnu jibda kollox. Jiena nħobb ninnota ħafna lin-nies u meta nara lil xi ħadd daqsxejn partikolari, nieħu ritratt tiegħu f’moħħi: fiżikament, kif iġib ruħu, kif jitkellem… kollox! Insib dawn il-komportamenti interessanti ħafna għax wara nkun nista’ nużahom f’kitbieti.

    Biex nagħtik eżempju, niftakar li darba waqt li kont qed nistenna l-mara ħierġa mix-xogħol, nilmaħ grupp ta’ ħaddiema qed iwaqqgħu dar. Fostom ġibidli l-attenzjoni l-kuntrattur: raġel liebes pulit imma b’żaqq daqsiex. U waqt li qed ninnutah, għedt kos, dan jaf ikun karattru! Bniedem li għandu l-flus, il-kap ta’ dawn l-irġiel kollha ….imma li kieku kellu jiġrilu xi ħaġa dar-raġel, x’jagħmel? Ħaffift malajr lejn il-karozza tiegħi, qbadt karta u bdejt inniżel dak kollu li jiġini f’moħħi fuqu. Fil-għaxija qbadt dil-karta u min-noti li ktibt, bdejt nibni karattru fir-rumanz ‘L-appartament fir-raba’ sular’.”

    Indubbjament l-aktar karattru li ser tibqa’ mfakkar għalih huwa dak ta’ Fra Mudest; karattru li ormaj sar parti mill-folklor letterarju Malti. Għandi kurżità kbira dwar kif ħloqt lil dan il-fra?

    “Fil-fatt warajh hemm storja ħelwa u kurjuża mmens! Mela jiena kont ħabib ħafna tat-tifel tas-Sur Joseph M Demanuele li kien jieħu ħsieb iċ-‘Children’s Own’- l-unika gazzetta bil-Malti għat-tfal dak iż-żmien. Ġurnata minnhom, ħabta u sabta, il-missier kellu jieqaf minn dax-xogħol minħabba raġunijiet ta’ saħħa u f’żarbuntu daħal ibnu John. Ma kinetx biċċa xogħol faċli imma John kien jaf kemm dak il-ġurnal kien għażiż għal missieru.

    Darba waħda waqt li kien qiegħed iqalleb fost id-dokumenti li ħalla missieru fl-uffiċċju, John isib blokka li fuqha kien hemm il-logo ta’ Fra Mudest. Akkost li fittex kemm felaħ biex jara għal liema raġuni kienet hemm, ma setax isib tarf. Madanakollu ħass xi ħaġa tgħidlu biex jibqa’ jippersisti bil-ħsieb li jagħmel xi ħaġa biha. Ġietu l-idea li jitlob lili biex niktiblu storja dwar Fra Mudest. Ħalla l-bqija f’idi, basta l-istorja tkun lesta u ppreżentata għall-istampar sal-għada fil-għodu!

    Inxtħett naħseb x’ser nivvinta hekk malajr malajr u f’mument minnhom ġewni f’moħħi xi patrijiet mill-Marsa, li jien kont naf sew. Qtajtha li nimmudella lil Fra Mudest b’taħlita ta’ karatteristiċi ta’ żewġ patrijiet partikolari. Lil wieħed ħadtlu d-dehra fiżika tiegħu u lill-ieħor il-karattru u għaqqadthom flimkien. L-istorja kienet lesta fil-ħin u ħsibt li dak kien l-aħħar li smajt bil-fra. Iżda John kellimni mill-ġdid u talabni niktiblu aktar stejjer dwaru għax il-ħarġa li fiha ħareġ l-ewwel rakkont, tant kienet għamlet suċċess li kellu jipprintja eluf oħra biex jilqa’ għat-talba kbira li kellu għaliha. L-ewwel rakkont dwar Fra Mudest kien jismu ‘Ir-Ruħ fil-Kantina’ u deher f’Ħarġa Nru. 292 tal-10 t’April 1967.

    Aktar tard, Victor Fenech kien ħajjarni nippubblika dawn l-istejjer fi ktieb. Għall-ewwel qtajt qalbi imma fl-1970 il-Merlin Library iddeċidiet li twaqqaf dar tal-pubblikazzjoni bil-ħsieb li tippubblika kotba L-aħħar ktieb li ħareġ ta' Fra Mudestbil-Malti, speċjalment għat-tfal. Ħadt pjaċir meta kellmuni dwar l-istejjer ta’ Fra Mudest u fl-1971 l-ewwel pubblikazzjoni tal-Merlin kien proprju l-ktieb tiegħi ‘Fra Mudest’ li kiseb suċċess fi żmien qasir. Irridu niftakru illi dak iż-żmien il-ktieb Malti ma kellux l-importanza li għandu llum. Din il-pubblikazzjoni kellha kopertina b’żewġ kuluri u stampata fuq karta sabiħa, bi tpinġija għal kull storja. Għalhekk nistgħu ngħidu illi ‘Fra Mudest’ kien wieħed mill-kotba li ta bidu għal era ġdida fil-pubblikazzjonijiet ta’ kotba għat-tfal.

    Illum hemm 96 storja b’kollox dwar Fra Mudest u dawn jinsabu mqassma fuq 5 kotba, bl-aħħar wieħed joħroġ fl-2007 f’għeluq l-40 sena anniversarju mill-ħolqien tiegħu.

    Nikkalkula li b’kollox inbiegħu mas-60,000 ktieb ta’ Fra Mudest. L-aħħar ktieb li ħareġ inbiegħ kollu wara sena biss u għamel 3 xhur bħala l-aktar ktieb mitbugħ għand il-Merlin Library.”

    Imma għala taħseb illi stejjer miktubin dwar is-snin ħamsin għadhom jappellaw lill-ġenerazzjonijiet tal-llum?

    “Ir-risposta hija faċli. Għal dawk li jiftakru dawk iż-żminijiet, Fra Mudest huwa rikordju tat-tfulija tagħhom u fil-fatt ħafna minnhom għaddew il-kotba tiegħu lit-tfal tagħhom. Għaż-żgħar ta’ llum dan l-ambjent hu xi ħaġa aljena u allura jaffaxxinahom. Meta mmur fl-iskejjel u nistaqsihom għaliex jogħġobhom Fra Mudest kważi kollha jagħtuni l-istess risposta – għax jaqraw dwar affarijiet li llum m’għadhomx jeżistu.”

    Charles għandu wkoll xi kotba oħra li jitkellmu dwar dawn iż-żminijiet.

    “Bħala sfond għall-kotba tiegħi ‘Minn Tarf sa Tarf tat-Triq’, ‘Minn Fuq L-Għatba’ u ‘Mill-Gallarija’ użajt l-ambjent li trabbejt fih, bejn wieħed u ieħor mill-1952 sal-1966. Fihom inkludejt karattri li niftakarGħażla ta' kotba ta' Charles Casha sewwa però ħallat il-verità mal-fantasija. Niftakar li fi tfuliti kont nissaħħar wara ċerti tipi li dak iż-żmien in-nies kienet tafhom b’imġienen jew b’eċċentriċi. Illum li kbirt u naf aħjar, nista’ narahom minn perspettiva oħra u bosta drabi nagħraf illi fir-realtà dan-nies kienu individwi li kienu għaddejjin minn mumenti diffiċli ħafna fostom ta’ dipressjoni. Jista’ jkun li fi ċkuniti lill-uħud minnhom kont tajthom xi ftit tal-fastidju meta flimkien ma’ sħabi kont nittantahom biex niċċajta. Għaldaqstant issa f’kitbieti u fl-istejjer tiegħi użajt ċertu simpatija lejhom u bħal qisni ppruvajt intellagħhom fuq pedestall, forsi biex inpatti ftit.”

    Ma tistax ma tinġibidx lejn dan l-awtur għax apparti l-ġentilezza kbira tiegħu għandu ħabta li meta jibda jiddeskrivilek xi ħaġa, jibda jiġġestikola u jieħu l-forma tal-karattru li jkun qiegħed jitkellem dwaru, tant li tibda tarah quddiem għajnejk. Jagħtik l-impressjoni li huwa bniedem ferrieħi u ċajtier imma mbagħad meta taqra numru ta’ kotba oħra minn tiegħu, tinnota linja ta’ pessimiżmu. Charles, int bniedem pessimist?

    “L-aktar kittieb li jinfluwenzani huwa l-poeta Rużar Briffa u fil-fatt wieħed li kien qiegħed jagħmel riċerka dwar il-kitba tiegħi għal xi studju tiegħu, innota similitudni bejn il-linja tiegħi u dik ta’ Briffa.

    F’kitbieti jiena nħobb nidħol ħafna fil-fond tal-oġġett. Allura jekk qed nistudja karattru, nara r-realtajiet kollha: kemm is-sbieh u kif ukoll il-koroh.

    Le, ma nqisx ruħi bħala bniedem pessimist. Pjuttost inħossni ngħix taħt anzjetà kontinwa li ġġegħlni ninkwieta illi l-affarijiet is-sbieħ jistgħu jittebbgħu b’xi avvenimenti negattivi – il-ktieb ‘Burraxki’ hu eżempju ta’ dan.”

    Charles kiteb ukoll numru ta’ kotba edukattivi…

    “F’kitbieti kultant ma nistax naħrab mill-fatt li jien kont għalliem. Ġie żmien meta ħassejt ċertu bżonn għal dawn it-tip ta’ kotba. Għat-tiswira tagħhom kien hemm involut ħafna studju u parteċipazzjoni minn xi għalliema oħra sabiex il-livell tal-ktieb jitfassal skont l-età tal-qarrejja. Ngħidu aħna fil-kotba ta’ ‘Naqraw ma’ Reno u Sara’, ‘Naqraw ma’ Mario u Liza’ u ‘Naqraw ma’ Mark u Tanja’, il-kliem kollu huwa magħżul apposta skont il-kurrikulu.

    Min-naħa l-oħra l-ktieb ‘Fawwara’ jippreżenta lil studenti akbar bi stil differenti ta’ kif għandhom jagħmlu komprensjoni. Bl-istess mod il-ktieb ‘Kun af kif tikteb komponiment’ jagħti ideat tajbin biex wieħed isebbaħ kitbietu.”

    Għalkemm illum inti m’għadikx taħdem bħala għalliem, xorta waħda għadek iżżur diversi skejjel sabiex tiltaqa’ mal-għalliema u l-istudenti bl-għan prinċipali jkun biex trawwem lit-tfal fil-qari. Waqt dawn il-mawriet fl-iskejjel, x’jidhirlek mill-interess u mill-livell fil-qari tal-istudenti?

    “Fiż-żjajjar li għamilt fl-iskejjel, dejjem sibt studenti li jħobbu jaqraw, għalkemm nemmen li għad irridu naħdmu ħafna aktar biex inżidu l-entużjażmu għall-qari fost l-istudenti tagħna. Hija tassew ħasra li l-libreriji tagħna għadhom neqsin minn dik l-importanza bħala ċentri ta’ informazzjoni speċjalment fl-iskejjel u xi kultant ukoll fuq bażi nazzjonali. Ma naqbilx li norbtu l-ħin tal-brejk mal-librerija imma għandu jkun hemm ħin apposta allokat biex it-tfal jkunu jistgħu jagħmlu użu mis-servizzi li toffri l-librerija.”

    F’dinja moderna tant teknologika, x’post taħseb li għandu l-ktieb fis-soċjeta’ tagħna?

    “L-avvanz teknoloġiku m’għandux joħloq konfront mal-ktieb kif nafuh. Imma bil-maqlub it-teknoloġija moderna tista’ (u fil-fatt qiegħda) tagħti ħafna kontribut biex il-ktieb jiżviluppa u jsir aktar attraenti. Permezz tal-internet wieħed jista’ jsib tagħrif dwar kotba ġodda u lista ta’ kotba dwar xi suġġett partikolari.”

    X’tikkummenta dwar iċ-ċensura fil-kitba?

    “Ma naqbilx li wieħed jaqbad u jgħid li ċ-ċensura għandha titneħħa. Imma nemmen li għandu jkun hemm kodiċi ta’ etika li jiggwida lill-awturi u lill-pubblikaturi sabiex dawn ikunu responsabbli u jirrispettaw l-intelliġenza, l-età u l-mentalità tal-qarrejja. L-istat għandu d-dritt u d-dmir li jipproteġi lil min hu vulnerabbli fis-soċjetà. Ma naqbilx per eżempju li f’isem il-libertà tal-espressjoni wieħed għandu jagħmel il-flus mill-pornografija, l-aktar fost l-adolexxenti u t-tfal.

    Hemm valuri li ma jitbiddlux mal-moda. Nibża’ li ħafna drabi din l-għajta kollha favur it-tneħħija taċ-ċensura mhi xejn ħlief mod biex wieħed jiġbed l-attenzjoni. Min-naħa l-oħra lanqas ma naqbel li ċ-ċensura kif inhi llum għandha tibqa’.”

    Mill-kotba tiegħek, liema huma dawk l-aktar għal qalbek?

    “Naturalment dawk ta’ Fra Mudest jiġu l-ewwel f’moħħi. Barra minn hekk bħalissa għandi għall-qalbi ħafna l-ktieb ‘Il-Prinċep u t-Trogloditi’. Dan huwa ktieb maħsub għat-tfal li batejt ħafna biex ktibtu Selezzjoni oħra ta' kotbaimma li meta lestejtu tani sodisfazzjon kbir. Bħala tema għandu s-suġġett illi fil-ħajja tista’ tipprova tfarfar ir-responsabbiltà minn fuqek però fl-aħħar mill-aħħar, moralment qatt ma tista’ teħles minnha. Bħala ktieb għall-kbar ‘L-appartament fir-raba’ sular’ huwa l-favorit tiegħi.”

    Bħalissa Charles qiegħed jaħdem fuq xi kotba ġodda fostom fuq ktieb b’numru ta’ poeżiji li f’dax-xhur li ġejjin ser ikunu disponibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk, irnexxieli niskopri wkoll li dan l-awtur qiegħed jipprepara awtobijografija tiegħu.

    “Nemmen li tkun ħaġa sabiħa li kieku kull kittieb iħalli warajh xi forma ta’ awtobijografija għax minnha l-ġenerazzjonijiet ta’ wara jaslu biex jifhmu aktar dak li kiteb. Kull kittieb idaħħal ideat, xewqat u esperjenzi fil-kitbiet tiegħu ħafna drabi b’mod sottili. Dawn kollha jidhru aktar ċari u diretti meta l-kittieb jikteb l-awtobijografija tiegħu.”

    Charles beda jiktibli dedikazzjoni fuq l-aħħar ktieb tiegħu ta’ Fra Mudest li huwa għażel li jirregalali. Għalija dan kien mument maġiku fejn awtur ta’ dan il-kalibru, li min jaf kemm-il darba xtaqt li xi darba ngħid kelmtejn miegħu, kien qed iħallili tifkira personali proprju permezz tal-karattru li jien tant ħabbejt matul tfuliti u anki llum. Iżda qabel infridna kien għad fadalli l-aħħar mistoqsija x’nistaqsih… Wara tant snin jikteb, il-kitba xi tfisser għalih?

    “Il-kitba għalija hija gost u mod kif inħossni li qiegħed nagħmel xi ħaġa utli. Inħobb nikteb u nħobb noħloq karattri ġodda li jiffurmaw dinja li hi tiegħi. Il-ħsieb li meta ma nkunx għadni hawn, se nħalli warajja din id-dinja ċkejkna jagħtini l-akbar sodisfazzjon.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-9 ta’ Mejju 2010)

    2010.05.09 / no responses / Category: Torca - Perspettivi