Posts Tagged ‘Ġorġ Peresso’
-
GĦAJNEJN TA’ SEQER
Din il-ġimgħa ġiet f’idejja kopja ta’ kuntratt antik tas-seklu sittax b’dik il-kitba tipika, mirquma u kollha nokkli sbieħ. Minn moħħi għadda l-ħsieb jekk dak in-nutar qattx basar li aktar minn ħames mitt sena wara, xi ħadd kien ser ikun qed jaqra l-kitba tiegħu! B’kuntrast għal dan, ħarsti waqgħet fuq il-ktieb Irrid Ngħix ta’ Annabelle Vassallo, fejn din id-darba l-awtriċi kienet taf sewwa x’inhi tagħmel meta ddeċidiet li tiktbu. Lil Annabelle segwejtha ħafna fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha u akkost li ma kontx nafha u li qatt ma ltqajt magħha, ammirajtha u ħabbejtha u b’qalbi kollha tlabt ’l Alla biex jagħtiha ċans ieħor. Imma ma kellux ikun, ħsibt jien hekk kif qalbi nqasmet mal-aħbar tal-mewt tagħha. B’danakollu minflok Annabelle ntesiet, isimha xtered fuq fomm kulħadd u l-paġna tal-Facebook tagħha, minflok intfiet, xegħlet iżjed bi kwantità kbira ta’ messaġġi. Kienet għalhekk sorpriża oħra meta f’dal-ġranet skoprejt li dal-ktieb kellu sehem kbir fih ħabib antik tiegħi…
Karl Coleiro, counsellor u qarrej tal-provi, intgħażel bħala l-editur ta’ dan il-ktieb.
“Ġeneralment xogħli jikkonsisti fil-qari tal-provi. Madanakollu meta Annabelle avviċinat lill-Klabb Kotba Maltin u wriethom bix-xewqa li tikteb dan il-ktieb, id-direttur, is-Sur Joseph Mizzi, ħatarni bħala l-editur tiegħu u ħallieh kompletament f’idejja. Dan kien ifisser li kelli aktar libertà kif naħdem u flimkien ma’ Annabelle fassalna kif kellu jsir ix-xogħol. Proprju minħabba li Annabelle kienet marida, konna konxji li ż-żmien kien kontra tagħna u għaldaqstant il-ktieb kellu jitlesta fl-iqsar żmien possibbli. Annabelle ntefgħet għax-xogħol u f’temp ta’ sitt ġimgħat kienet lesta. Wara kien imiss il-parti tiegħi fejn ħdimt lejl u nhar biex apparti li nagħmel xi korrezzjonijiet tas-soltu, nara wkoll li l-messaġġ tagħha jasal lill-poplu bl-aktar mod ċar u sempliċi. Ċertament Irrid Ngħix kien ktieb rekord f’Malta fejn f’temp ta’ xahrejn biss, dan inkiteb, ġie kkoreġut, ġie impaġnat, ġie stampat, saret il-qoxra tiegħu, u ġie mniedi. Daqstant ieħor mar tajjeb fil-bejgħ tiegħu hekk kif fl-ewwel ħarġa nbiegħu l-kotba kollha, li kienu jammontaw għal sittax il-elf!”
Bla dubju ta’ xejn il-konoxxenza t’Annabelle ħalliet l-effetti tagħha fuq Karl. Fosthom huwa fehem aktar l-importanza ta’ kitbiet bħal dawn, kemm bijografiċi u kif ukoll awtobijografiċi.
“Kien hemm ħafna messaġġi minsuġa f’dak il-ktieb imma forsi l-aktar li spikka kien dak li wieħed għandu jgħix it-tbatija b’ċerta integrità. Bosta nies forsi jirreaġixxu bi dwejjaq, b’rabja jew bi qtigħ il-qalb meta jsibu ruħhom fit-tbatija jew maħkuma minn mard kroniku. Min-naħa tagħha, Annabelle, akkost li forsi fil-qiegħ ta’ qalbha kellha taċċetta r-realtà tagħha trid u ma tridx, riedet xorta waħda twassal messaġġ ta’ kuraġġ lil ħafna nies. Fil-fatt nista’ ngħid li kienet mara ferħana minkejja t-tbatijiet kollha li kienet għaddejja minnhom.
Il-ġrajja wara dan il-ktieb urietni biċ-ċar kemm huma siewja kotba bħal dawn fejn wieħed iwassal messaġġi ta’ inkoraġġiment lill-qarrejja. Nixtieq li nara aktar bijografiji u awtobijografiji ta’ nies magħrufa Maltin u Għawdxin. Indubbjament fil-ħajja kulħadd ikollu t-tlajja’ u l-inżul tiegħu imma dawk l-individwi li jirnexxilhom iqumu fuq saqajhom u saħansitra jilħqu livelli għolja u jakkwistaw suċċess, permezz tal-istejjer tagħhom jafu jispiraw lil nies oħra biex anki huma jilħqu l-ogħla potenzjal li jifilħu.”
Karl newwilli xi kotba awtobijografiċi u bijografiċi ta’ kittieba magħrufa bħal Fjuri li Ma Jinxfux ta’ Oliver Friggieri, Pawlu Boffa ta’ Desmond Zammit Marmarà u It-Tifel tan-Nanna ta’ Ġorġ Peresso. Sinċerament ma kontx nobsor li kittieba ta’ dan il-livell jużaw il-qarrej tal-provi…
“Nistqarr miegħek illi iktar nistenna li xi ħadd li ma jafx ħafna skola u li ddeċieda li jikteb ktieb, li jippretendi li l-Malti tiegħu huwa tajjeb tant li m’għandux bżonn qarrej tal-provi milli kittieba bħal dawn.”
Kif konna fid-diskors tqanqlitli l-kurżità dwar il-għala Karl għażel din il-linja ta’ xogħol…
“Bdejt b’kumbinazzjoni. Fl-1991 jien iggradwajt fl-Għarbi u fil-Malti u bdejt naħdem bħala għalliem fl-iskola Maria Goretti f’Ħal Tarxien. Darba minnhom, il-ħabib tiegħi Michael Ghigo, staqsieni jekk kontx interessat li nikkoreġi xi kitba ta’ Charles Farrugia dwar il-każin tal-banda tal-Ġilju tal-Imqabba. Aċċettajt u sieħbi kien iġibli xi karti u kont nikkoreġihom. Għal xi raġuni ma rrealizzajtx li kont qed nikkoreġi ktieb u hekk kif finalment rajt il-ktieb lest f’idi, tant ħassejt sodisfazzjon li dak il-ħin stess iddeċidejt li dik kellha tkun il-linja tiegħi. Illum l-awtur tal-ktieb Tal-Ġilju: Il-Banda u s-Soċjetà fl-Imqabba huwa l-arkivista nazzjonali tagħna li jaħdem f’Santu Spirtu, ir-Rabat.
Issa fl-istess skola inzerta li kien jaħdem ukoll l-awtur prolifiku Charles Casha li jien għandi ammirazzjoni kbira lejh, għax minbarra li kiteb numru kbir ta’ kotba, għen ħafna biex il-letteratura tat-tfal tikber u tiżviluppa. Ittantajt xortija miegħu, għedtlu li xtaqt nagħmel ix-xogħol bħala qarrej tal-provi u hu laqqagħni mad-direttur ġenerali tal-Klabb Kotba Maltin, is-Sur Pawlu Mizzi. Niftakar li kien fl-1996 meta s-Sur Mizzi tani l-ewwel biċċa xogħol biex naħdem fuqha u minn hemm bdejt bil-mod il-mod.”
Imma x-xogħol tal-qari tal-provi proprjament fiex jikkonsisti?
“Il-qari tal-provi jfisser il-korrezzjoni tat-testi fejn xi ħadd jikteb xi ħaġa u din tiġi korretta biex toħroġ bla żbalji. Xogħli jinkludi l-korrezzjoni ta’ ċerti żbalji bħal ngħidu aħna dawk tipografiċi fejn pereżempju xi ħadd ikun qaleb l-ittri bil-kontra meta kien qed jittajpja, żbalji grammatikali fejn jidħlu r-regoli tal-grammatika, jew żbalji ortografiċi li jinvolvi l-mod kif wieħed jispelli l-kliem.
Inkun irrid nara wkoll illi l-kitba tkun konformi mad-Deċiżjonijiet Numru 1, li ħarġu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, fejn hemm stabbilit kif iridu jinkitbu numru ta’ kliem. Infatti għal dawn l-aħħar tliet snin il-poplu kien qed jingħata ċ-ċans biex jidra juża dawn it-tibdiliet u minn Lulju li ġej, kulħadd ser ikun mistenni li jkun konformi. Iżda nixtieq ngħid li b’mod ġenerali mhux kulħadd ħa pjaċir b’dawn il-bidliet u allura għandi dubji kemm l-iskop li titħaffef il-lingwa ntlaħaqx jew le. Aħna naturalment bħala qarrejja tal-provi rridu nobdu u nsegwu dawn it-tibdiliet.”
X’ħiliet għandu bżonn qarrej tal-provi?
“Prattikament li jkollu għajnejn ta’ seqer għax il-kapaċità qiegħda f’kemm wieħed jirnexxilu jaqbad żbalji. Jeħtieġ ukoll paċenzja kbira u ambjent adattat fejn jaħdem b’dawl tajjeb u li jkun għall-kwiet. Personalment ma naħdimx mingħajr il-pinna partikolari tiegħi għax jien irrid inkun komdu ħafna meta naħdem u allura nippreferi nuża pinen apposta.”
Fejn tista’ titħarreġ f’dan il-qasam?
“Il-kors tal-qari tal-provi beda fl-2006 fl-Università ta’ Malta u baqa’ jsir kull sena. Huwa miftuħ għal kulħadd, ċertament mhux biss għal dawk li wara jixtiequ jsiru qarrejja tal-provi. Infatti l-kors mhuwiex biss wieħed formali fejn wieħed jitgħallem ir-regoli tal-kitba. Il-kors jikkonsisti wkoll f’informazzjoni dwar, ngħidu aħna, l-istorja tal-alfabett Malti jew l-ewwel iskrizzjonijiet bil-Malti. Nistgħu ngħidu illi minn mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea, il-Malti ħa spinta ’l quddiem u reġa’ tela’ żewġ tarġiet oħra. Inħolqu anki bosta opportunitajiet ta’ xogħol f’dak li għandu x’jaqsam mal-lingwa Maltija, anki f’pajjiżi barranin.
Meta bdejt jien, lura fis-snin, dan il-kors ma kienx disponibbli. Imma b’xorti tajba dejjem kelli għalliema tajbin ħafna fil-Malti bħal Dun Karm Zammit li kiteb anki xi kotba fuq il-grammatika Maltija u lil Ġorġ Mallia li llum huwa l-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Apparti minn hekk insib li l-għarfien tiegħi fil-lingwa Għarbija jservi bħala gwida importanti ferm meta niġi biex nifhem minn fejn oriġina l-kliem użat fil-lingwa. Biex infiehmek aħjar, nista’ nsemmilek il-kwistjoni tal-i etimoloġika li hija l-i li tintiret mill-ilsien oriġinali tagħha: jiġifieri f’każ ta’ kelma ġejja mit-Taljan bħal mara importanti – dik l-i trid tibqa’ hemm. Mentri jekk il-kelma hi semitika eż. bħal f’mara irqiqa – l-i trid taqa’.”
Kif jitwettaq il-metodu tal-qari tal-provi?
“Kollox jibda b’idea li tinbet fil-moħħ tal-awtur. Issa hemm min idum imaħħaħ fuq idea s-snin u hemm oħrajn li jaqbdu u jintefgħu għall-kitba tagħha u jlestu malajr. Imbagħad l-awtur għandu żewġ għażliet: jew li jippubblika l-ktieb għal rasu u jmur għand stampatur u jibqa’ għaddej, inkella li juża dar editriċi. L-awturi stabbiliti ġeneralment jagħżlu din tal-aħħar minħabba bosta raġunijiet, imma l-aktar peress li huma konxji li llum hawn ħafna xogħol li jsir b’mod professjonali fis-suq tal-kotba u għalhekk ma jaqbillekx li toħroġ bi prodott inferjuri. F’dan il-każ, l-awtur jippreżenta l-manuskritt lid-direttur tad-dar editriċi u dan jiddeċiedi jarahx hu jew jgħaddihx lil ħaddieħor biex jikkunsidra jekk il-ktieb hux ta’ livell għoli biżżejjed u jekk hux finanzjarjament vijabbli. Wara dan, il-manuskritt jgħaddi għand qarrej tal-provi, għalkemm ġieli jilħaq jiġi impaġnat qabel. Illum ix-xogħol tħaffef ħafna permezz tal-użu tal-kompjuter u l-internet u għalhekk wara li jgħaddi minn dawn il-korrezzjonijiet, il-manuskritt ikun lest għall-pubblikazzjoni. Meta l-ktieb ikun maħsub għat-tfal, indumu xi ftit iżjed peress li jkun hemm ħafna illustrazzjonijiet.
Kif qegħdin f’dan, nixtieq niċċaralek li jiena ma nagħmilx prova waħda biss tal-qari. Ġieli ktieb narah erba’ darbiet! Ovvjament jiena dejjem marbut li nibqa’ leali lejn dak li jkun inkiteb u li nirreferi għall-awtur f’każ ta’ bżonn, biex nifhem sewwa l-messaġġ li dan xtaq joħroġ. Nagħmel kemm xogħol għal rasi u kemm għad-dar editriċi tal-Klabb Kotba Maltin. Id-djar tal-pubblikazzjoni wkoll għandhom ir-regoli tagħhom u għalhekk ikun meħtieġ li l-qarrej tal-provi jsegwi wkoll ir-regoli ta’ dik id-dar editriċi li jaħdem magħha.
Ħafna drabi meta nikkoreġi l-ewwel prova ma nagħtix kas wisq tal-kontenut imma niffoka iktar fuq l-ortografija bit-tir li nnaqqas kemm niflaħ mill-iżbalji li jkun hemm. Imbagħad fit-tieni prova ndur għall-iżbalji li jkunu jinsabu fil-kontenut bħal ngħidu aħna tibdil inkorrett ta’ ismijiet waqt djalogar. Ma’ dawk l-awturi li għandi kunfidenza magħhom, ġieli nagħmel anki xi suġġerimenti biex isiru xi tibdiliet fit-tiswira tal-istorja. Ġieli jiġu każi fejn ktieb eċċellenti jkollu l-aħħar kapitlu li jdarrsek, li tkun ħasra, u allura jiena nagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħi. Naturalment l-aħħar kelma tkun tal-awtur innifsu dwar xi jrid jagħmel mill-ktieb tiegħu.”
L-għan primarju tiegħek f’dax-xogħol x’inhu?
“F’dan il-qasam jiena ddeċidejt li ma nikkoreġix dokumenti imma li niffoka fuq testi letterarji bħall-ġeneri ta’ rumanzi, novelli, poeżiji, jew worksheets ta’ għalliema li minn fuqhom ikunu jridu jinħarġu xi kotba għat-tfal.
L-għan tiegħi jibqa’ dejjem li jkun hemm l-inqas numru ta’ żbalji fil-ktieb li nkun qed naħdem fuqu sabiex dan joħroġ bl-aktar mod professjonali u b’hekk ngħollu l-livell tal-kitba bil-Malti. Wara kollox, jekk jinħareġ ktieb bl-iżbalji, jiena jidhirli li jkun tilef nofs il-mertu u nofs il-preġju tiegħu.”
Personalment ma nistax nimmaġinani naqra l-istess ktieb darba wara l-oħra biex infittex għall-iżbalji, għalkemm l-iżbalji jdejquni mhux ftit. Madanakollu Karl jidher affaxxinat għall-aħħar minn dan ix-xogħol tiegħu. Infatti meta staqsejtu jekk iħossx li hu juża għajnejn imparzjali waqt li jkun qed jikkoreġi, mir-risposta tiegħu ntbaħt li l-kotba li jaħdem fuqhom bħal isiru xi ftit ‘tiegħu’ wkoll. Bi kburija wrieni kif ħafna mill-kopji tal-kotba li ħadem fuqhom huwa jżommhom biswitu ġewwa armarju fl-istudju tiegħu. Kultant ġewwa xi ktieb għal qalbu jpoġġi wkoll xi kopja ta’ xi artiklu li jkun inkiteb dwaru …
“Ara, dan artiklu li nkiteb dwar il-ktieb Alte Vestiga ta’ Anton Sammut. Dan l-awtur huwa partikolari ħafna għalija għax inħoss li skoprejtu jien. Kien jaħdem id-Dockyard bħala skrivan u darba minnhom ġie bil-manuskritt ta’ dan il-ktieb. Meta qrajtu ġġennint għax dan l-awtur ħadd qatt ma kien sema’ bih. Anton huwa midħla ħafna tal-filosofija u għalhekk f’kitbietu ssib sensiela ta’ trattati filosofiċi. Il-ktieb mill-ewwel intlaqa’ tajjeb ħafna u llum nista’ ngħid li jien u Anton sirna ħbieb.
Inħossni kburi meta xi awtur ta’ kalibru jġibli l-ktieb tiegħu għall-qari tal-provi. Iżda napprezza ħafna wkoll meta jkolli l-opportunità li niskopri xi awtur ġdid u nkun jien li nressqu lejn dar editriċi. Pereżempju dan l-aħħar, il-ħabib tiegħi Renè Cilia, li ftit ilu sar qassis, għaddieli manuskritt u meta qrajtu għedtlu “Dan bomba!” Mill-ewwel intbaħt li kellu pinna tajba ferm u għalkemm għadu żgħir jipprometti ħafna. Ħadt gost ħafna meta f’Diċembru li għadda x-xogħol tiegħu ġie ppubblikat taħt it-titlu: Is-Saltna tal-Ħamsin.”
Staqsejt lil Karl jekk jitħajjarx jikteb xi ħaġa hu…
“Le għax dik mhix il-linja tiegħi. Infatti nammira ħafna t-talenti tal-awturi li kapaċi joħorġu b’dawk l-ideat oriġinali u għaldaqstant għandi rispett kbir lejn ix-xogħol tagħhom.”
Dwar il-kotba Karl xtaq iwassal messaġġ.
“Kull sena f’Malta jiġu ppubblikati madwar 500 ktieb ġdid, jiġifieri aktar minn wieħed kuljum. U allura min jgħid li m’hawnx kotba, ma jafx x’hawn fis-suq. Minn dawn, numru sabiħ ikunu kotba tat-tfal li ċertament huma maħsuba biex jiġbduhom aktar lejn il-qari. Min ikollu diffikultà li jsib il-kotba li jixtieq fil-ħwienet, illum jista’ jinqeda permezz ta’ diversi websajts.”
Xtaqt nagħlaq billi nistaqsih x’sodisfazzjon jagħtih dax-xogħol…
“Inħobb inqabbel il-qari tal-provi ta’ ktieb daqslikieku wieħed ħadem skultura sabiħa u mbagħad ġabha għandi biex norqomha.”
Sakemm konna qed nitkellmu bdejt niġbidlu xi ritratti ħalli ninkludihom ma’ dan l-artiklu u, oħroġ il-għaġeb, għalkemm dam biss ftit minuti jippużali wara l-iskrivanija, sibt li kien diġà ntefa’ jikkoreġi manuskritt ġdid li kellu quddiemu!
“Ma tridx taħli ħin mhux hekk?” qalli bid-daħka. “Isma’ issa dan l-artiklu qabel joħroġ irrid nikkoreġih taf li ma jmurx joħroġ bl-iżbalji!”
Tgħid? Għedtlu jien.
U hu weġibni fil-pront, “Mhux ovvja!”
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Marzu 2011)
-
L-ARTI F’ĦAJTI… nemmen li l-arti titwieled fik!
L-Għid jgħallimna illi l-ħajja m’għandiex tiġi nterpretata sempliċiment f’termini ta’ affarijiet imma f’termini ta’ ideali… Charles M. Crowe
Kemm huwa sabiħ li titkellem ma’ ħaddieħor u li tisma’ l-perspettiva tiegħu! Mhux neċessarjament biex tiġi taħsibha bħalu imma aktar biex toħroġ il-possibilità ta’ sfumaturi diversi fil-mod kif tħares lejn ċertu sitwazzjonijiet.
Ikkonfermajt dan mill-ġdid waqt l-intervista ta’ dil-ġimgħa meta ltqajt mal-artist Antonio Mifsud. Laqagħni ġewwa daru fl-Imqabba, dar antika u ta’ karattru mill-isbaħ, imrekkna għall-irdoss tad-dell tal-knisja tar-raħal ċkejken. Mill-ewwel ħadni fl-istudio tiegħu, kamra mdaqqsa mimlija bl-aċċessorji kollha li jirrikjedi artist u naturalment anki b’uħud mix-xogħlijiet tiegħu.
Min jaf kemm jispirak il-karattru waħdieni ta’ din id-dar?
“Le dal-post ma jagħmillix daqshekk differenza għax fir-realtà aktar nispira ruħi mill-modern. Fil-fatt meta nkun nixtieq noqgħod naħseb ftit, nippreferi nintasab għall-kwiet ġewwa l-ambjent modern ta’ kafeterija partikolari f’San Ġiljan.
Meta nkun qed naħdem imbagħad inkun irrid nolqot is-sensi kollha u allura jkolli bżonn: dawl tajjeb, mużika li tispirani, r-riħa taż-żebgħa fil-kamra u materjal tajjeb f’idejja. Anki meta nagħmel l-esebizzjonijiet tiegħi nkun irrid nara li qed noħloq l-istess effett. Għalhekk nagħti ħafna attenzjoni għall-post li nesponi fih, id-dawl kif jaqa’ fuq ix-xogħlijiet tiegħi, inpoġġi fwieħa adattata għas-suġġett filwaqt li nagħmel ukoll sfond ta’ mużika biex nibni l-atmosfera ġusta.”
Tbissimt. Ara l-ħajja veru ironika. Jiena li noqgħod f’post modern, tgħidx kemm nixxennaq għal dar hekk. Letteralment inħoss il-ħitan tagħha jkellmuni. Min jaf kemm insawwar stejjer kieku. Imma!
“Jiena naħdem fuq żewġ stili. Hemm l-istil tradizzjonali, jiġifieri l-figurattiv, fejn inti qed tara xi ħaġa u qed tifhem x’inhi għax hi figura imma mbagħad nagħmel ukoll xogħol astratt. Togħġobni ħafna wkoll l-iskultura tar-riljiev, speċjalment l-alto-riljiev; meta l-iskultura toħroġ sewwa l-barra minnha nfisha.
“Fil-fatt din hija waħda mill-ġlidiet tiegħi għax jiena nemmen illi f’pajjiżna hawn qasma kbira bejn dawk li jaħdmu t-tradizzjonali u dawk li jaħdmu l-modern. U dan m’għandux ikun. F’pajjiżi oħra din ma teżistix.”
Antonio ħa l-formazzjoni artistika tiegħu taħt l-iskultur magħruf Għawdxi, Alfred Camilleri Cauchi.
“Missier l-imgħallem tiegħi kien Wistin Camilleri, skultur li għamel bosta xogħlijiet li baqgħu msemmija, fostom il-Monument tal-Mosta. Wistin kien jaħdem bi stil tradizzjonali imma meta ibnu Alfred mar jistudja barra minn Malta, huwa seta’ jara l-kuntrast tax-xogħlijiet moderni. Hemmhekk huwa tħarreġ taħt l-iskultur Ingliż Henry Moore, li kien skultur imsemmi ħafna għax-xogħlijiet monumentali astratti tiegħu. Kien hawn illi Alfred għaraf illi artist m’għandux jingħalaq biss f’dak li l-aktar jaf jagħmel imma għandu jkompli jesplora anki possibilitajiet oħrajn.
Jiena nzertajt inħobb kemm il-pittura u kif ukoll l-iskultura. Il-pittura togħġobni għax napprezza ħafna l-isfumaturi tal-kuluri imma hija oġġett ċatt. L-iskultura tqanqalni għax hija aktar espressiva u tista’ tmissha. Allura darba staqsejt lill-imgħallem x’kien l-aħjar li nagħmel. Qalli inti kapaċi tagħmilhom it-tnejn? Għedtlu nippruvaw. U hu weġibni mela agħmilhom it-tnejn., Għalfejn għandek tillimita ruħek?”
Ix-xogħol proprju ta’ Antonio huwa ta’ ners fl-ITU fit-taqsima fejn isiru l-operazzjonijiet tal-qalb. Xogħol għal kollox differenti mill-arti li tant jgħożż. Kelli kurżità kif laqqa’ ħaġa m’oħra u jekk dax-xogħol fl-isptar jaffetwax l-arti tiegħu?
“Jiena nemmen li l-arti titwieled fik. Missieri kien miġbud ħafna lejn il-mużika u kien iħajjarni ħafna biex nitgħallem xi strument imma jien qatt ma ħassejt dik il-ħajra. Minflok kont immur nintasab ġewwa l-Knisja tal-Ħamrun u noqgħod ninnota x-xogħlijiet artistiċi li dal-post huwa mogħni bihom. Kont nintilef naħseb dwar min għamel dawk ix-xogħlijiet tal-pittura u tal-iskultura. Fl-istess ħin kont noqgħod nimmaġina li kieku jien kif kont nagħmilhom. Imbagħad kont immur noqgħod inħażżeż u npinġi dak li nkun rajt u mmaġinajt.
Aktar tard, meta kont qed nistudja ġewwa s-Seminarju, iltqajt ma’ Ġorġ Mallia li kien jgħallimni l-Ingliż u l-arti. Ġorġ spirani ħafna f’ħajti speċjalment meta kien isejjaħ lill-istudenti biex ipinġu xi ħaġa fuq il-whiteboard u mbagħad hu jkompliha u joħroġ minnha xi cartoon partikolari. Niftakar illi meta urejtu xi tpinġijiet minn tiegħi kien ħajjarni ħafna biex inkompli f’dan il-qasam. Madanakollu, meta ġejt biex nagħżel is-suġġetti li kellhom iwassluni għall-karriera tiegħi, ħafna qatgħuli qalbi għax saħqu illi bl-arti ma tiekolx! U għalhekk għażilt suġġetti oħra li permezz tagħhom illum naħdem bħala ners.
Ix-xogħol tiegħi mhux wieħed faċli għax tara ħafna ma’ wiċċek. Min-naħa l-oħra huwa wkoll xogħol li jagħtik sodisfazzjon kbir fejn inti tara bniedem dieħel stendut u wara ftit tal-ġranet, tarah ħiereġ il-barra fuq saqajh. Imma xorta waħda, għalkemm ir-rata ta’ suċċess illum hija kbira ħafna, jiġu każi meta pazjent ikun qed imut u ma tkun tista’ tagħmel xejn aktar biex issalvah. F’dawn il-mumenti inti trid tkun ta’ sostenn għall-membri tal-familja tiegħu. U jekk martu għamlet 12-il siegħa tibki, inti qed taraha u ma tistax ma tħoss xejn.
Għalija ż-żewġ xogħolijiet huma kompletament separati. Jiġifieri jekk jiena nara xi pazjent imut, m’inix sejjer id-dar u npinġi stampa sewda. Però indirettament taffetwa ruħek, trid jew ma tridx. L-espressjoni ta’ wġiegħ fuq wiċċ dik il-mara, per eżempju, ma tista’ qatt tinsiha u b’xi mod toħroġ xi darba f’xi xogħol artistiku tiegħek.
Bħala ners, jiena naħdem għal siegħat twal ħafna. Ma nistax nimmaġina kif ngħaddi li kieku ma jkollix parti oħra f’ħajti, għal kollox differenti mill-bqija, sabiex inneħħi l-istress li jinħoloq ġewwa fija.”
Għalkemm missieru kien ipprova jħajjru għall-mużika u ma rnexxielux, kien proprju permezz tiegħu li Antonio ltaqa’ mal-iskultur Alfred Camilleri Cauchi.
“Dak iż-żmien kont għadni student l-università qed nattendi għall-kors tan-nursing. Ġurnata minnhom missieri ġie lura d-dar minn wara x-xogħol u qalli “Taf għand min mort illum? Għand l-iskultur l-Għawdxi! Għand dak trid tmur.” U jien ħadtu biċ-ċajt u weġibtu li moħħi għandu dak. Imma missieri li ormaj kien intebaħ kemm jiena kont inħobb l-iskultura u t-tpinġija wegħedni li xi darba jeħodni miegħu s’għandu. U hekk għamel! Miegħi ħadt xi xogħol milli kont għamilt id-dar għax jien qatt ma kont mort nitgħallem l-arti mkien. Alfred laqagħni b’ġentilezza kbira u meta raha xogħli, minflok qalli “tajjeb imma fadallek”, stedinni biex nibda mmur għandu sabiex hu jkun jista’ jgħallimni u jikkoreġini aħjar. Kienet opportunità tad-deheb u naturalment aċċettajt. L-imgħallem ħa pjaċir ħafna meta għedtlu li kont qed nistudja l-mediċina għax hu jenfasizza ħafna dwar il-perfezzjoni tal-anatomija fl-iskulturi tiegħu.
Għall-bidu beda jqabbadni nagħmel il-kartapesta, b’kolla tinten mewt li r-riħa tagħha ma tkun tista’ tneħħiha b’xejn minn ma jdejk! F’qalbek, ta’ żagħżugħ li tkun tibda tgħid dan x’xogħol hu? Jien xi statwa ridt nagħmel. Imbagħad beda jafdani nixkatla xi ħaġa żgħira jew niżbogħ x’imkien. Iżda għaddej tagħmel l-istess ħaġa ġurnata sħiħa tibda tiddejjaq u tistaqsi imma x’jiena nagħmel hawn eżatt? Fir-realtà hu jkun qed jagħik dan biex jgħarblek u biex jikkonferma kemm inti interessat filwaqt li inti tkun qed titgħallem is-sengħa pass pass. Ngħidu aħna, jekk inti qiegħed tixkatla, fl-istess ħin tkun qed tara l-istatwa kif inhi magħmula u tħossha taħt idejk ħalli inti meta l-quddiem tmur taħdem it-tafal, idejk ikunu diġà draw il-proporzjonijiet korretti. Kien jeħodni wkoll miegħu biex ngħinu waqt li jkun qed jaħdem fuq xi xogħol fuq barra. Mhux l-ewwel darba li kont nintefa’ ħdejh naħsillu l-pniezel waqt li qed jaħdem u fl-istess ħin inkun qed nixrob dak kollu li jkun qed jagħmel.”
Kemm jiswa li titħarreġ b’dan il-mod?
“Permezz tal-imgħallem tiegħi jiena tħarriġt f’dis-sengħa bħal kif kienu jagħmlu fiż-żminijiet l-antiki, ta’ żmien Mikelanġelo. Issa ilni 14-il sena taħt il-gwida tiegħu u għadu jagħtini l-pariri fuq xogħli sal-ġurnata ta’ llum għax taf kemm taf f’dawn l-affarijiet, qatt mhu biżżejjed. Min jaf kemm rajt tfal u żgħażagħ ġejjin biex jidħlu miegħu bħala apprendisti u Alfred jilqagħhom bil-qalb biex wara ftit jgħibu. Tiskanta kemm hemm min m’għandux dik il-paċenzja u s-sabar biex jitgħallem bil-mod u jkun irid imidd idu mill-ewwel għax-xogħol tal-istatwar. Xi ħaġa mpossibbli, jekk trid tagħmel xogħol veru professjonali.
Meta tistudja, inti tkun aktar komplet għax anki żball ma tibqax fih. Ma tistax tgħid ngħidu aħna, jiena m’inix kapaċi npinġi figura u allura ser nintefa’ fuq l-astratt. Trid titgħallem kollox, ħalli mbagħad wara tagħżel int. Hemm diversi regoli li tkun trid titgħallem bħal proporzjon tal-figura u l-kejl u l-forma tagħha, l-anatomija tal-bniedem u ċ-ċaqliq u l-pożizzjonijiet tal-muskoli, is-sistema ta’ kif jinħadem wiċċ, kif tiżbogħ u kif tħallat il-kuluri. Għal kontra ta’ kif jaħsbu x’uħud, il-kuluri ma ssibhomx lesti, la kemm tpinġi bihom. Hemm sistema partikolari li normalment tkun sigrieta u jkun f’idejn l-imgħallem li jgħaddihielek. Fil-fatt il-kulur ikun trab u int trid iddewwbu u timmaċinah u mbagħad tħalltu biż-żejt u l-verniċ sakemm toħroġ l-iskali diversi tal-kulur li trid.
L-arti għalkemm tinvolvi l-muża tal-artist, għandha r-regoli tagħha bħal kull ħaġ’oħra u ma tagħmiliex biss kif togħġbok jew ma togħġbokx. Meta tibda taħdem l-arti, tibda tiltaqa’ mal-problemi u trid issib mezzi kif issolvihom. Per eżempju meta jvarjalek il-materjal kif ser tkompli taħdem? Affarijiet li ġġibhom biss bl-esperjenza, m’hemmx mod ieħor. U mbagħad hemm il-kreattività fejn inti ma tridx tikkopja lil ħaddieħor. Mhux ma tinfluwenzax ruħek għax dik impossibbli imma jekk ser toħroġ għall-pubbliku trid tipprova toħloq kunċetti ġodda u oriġinali.”
Fil-fatt Antonio jagħmel xogħol astratt tassew partikolari fejn iħallat l-istruttura flimkien mal-pittura.
“Dan hu timbru tiegħi; xogħol astratt li ħriġt bih u li dwaru kelli rispons tajjeb ħafna mill-pubbliku. Fir-realtà l-arti astratta kulħadd jinterpretaha kif irid. Personalment l-għan prinċipali tiegħi dejjem ikun li permezz ta’ xogħli noħloq ċertu emozzjoni. Inkun irrid ukoll li noħloq dik l-armonija bejn il-kulur u n-nisġa tal-ġebla.
‘The Cry Over Betlehem’ huwa wieħed minn dax-xogħlijiet li kien għall-qalbi ferm u li nbiegħ. Fih nissilt l-art bil-ġebel li hija Betlehem u mbagħad imdawwrin magħha hemm il-kuluri blu u abjad li jesprimu l-mistiċità tal-lejl ta’ meta twieled Sidna Ġesù. Iżda f’dak iż-żmien ħafna jinsew li kienet seħħet traġedja kbira – il-mewt tal-innoċenti. U allura biex nirrakkonta dan, daħħalt il-kulur aħmar fuq in-naħa ta’ fuq u isfel li jirrappreżentaw il-qilla ta’ Erodi u l-mewt tal-innoċenti li ħonqu dak il-lejl.”
Antonio beda jurini bosta mix-xogħlijiet tiegħu bi stili differenti.
“Dan ix-xogħol tal-alto-riljiev li jġib l-isem ‘Natività’ kiseb it-tieni premju f’kompetizzjoni mnhedija bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja u xi pajjiżi mill-Lvant Nofsani fostom Betlehem. Flimkien ma’ Aaron Camilleri Cauchi, ġejt mistieden mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju sabiex intella’ xogħol minn tiegħi. Kien hemm tliet kategoriji: skultura, arti presepali u ikoni. Ġew ippreżentati 380 biċċa xogħol b’kollox. Bi pjaċir ngħid illi x-xogħol ta’ Aaron ġie l-ewwel u tiegħi t-tieni fil-kategorija tal-iskultura. Ġejna mistiedna fi Brussell biex niġbru l-premju u hemmhekk għaraft il-kobor tagħna l-Maltin fejn aħna wrejna li aħna kapaċi daqs l-artisti barranin.”
Jinbidel xi ħaġa fik meta tirbaħ premju ta’ dan il-kalibru?
“Jekk tirbaħ premju u tieqaf hemm tkun ktibt il-kundanna tiegħek. Ovvjament tieħu pjaċir li xogħlok ġie tant apprezzat imma jien il-ħin kollu għaddejjin it-terremoti f’moħħi biex nara x’ser nivvinta ġdid.”
Minbarra mill-istil modern, Antonio jispira ħafna ruħu wkoll mill-poeżiji taz-ziju ta’ missieru, Achille Mizzi. Iżda ċertament ċertu xogħlijiet juru wkoll l-effett li ħalla fuqu inċident personali…
“Iva, il-qari tal-letteratura tagħtini bosta ideat. Naturalment anki dak li tgħaddi minnu f’ħajtek jinfluwenzak. Xi ftit tas-snin ilu esperjenzajt mumenti diffiċli mhux ħażin meta wara ġurnata xogħol f’xemx qalila, nħarquli ċ-ċelloli fuq naħa minnhom tal-ġilda ta’ wiċċi u sofrejt feriti daqs li kieku kont inħraqt bin-nar. Akkost li m’inix xi bniedem vanituż, din li tmur tħares fil-mera u tara wiċċek differenti, tqanqallek ċertu emozzjonijiet fik. U għalkemm iż-żmien iderri, donnu l-marka tibqa’ f’ħajtek għal dejjem u b’effett ta’ dan ġieli noħloq xogħlijiet simboliċi. Każ minnhom huwa dan il-bust li għandu nofs wiċċu mtajjar. Kien xogħol li esebejt waqt il-wirja tiegħi ‘Anima’ li kienet titratta l-fużjoni bejn ir-ruħ u l-ġisem. Jirrappreżenta r-ruħ li qed tinħoloq.”
L-arti nfisha tikkonsisti f’diversi oqsma u għandha ħabta tifrex dawn il-friegħi tagħha f’qalb l-artist u tħajjru jimraħ f’oqsma oħra. Fil-fatt Antonio huwa wkoll imħarreġ fit-teknika tal-kamera u l-produzzjoni televiżiva. Xogħlijietu jinkludu diversi dokumentarji, bl-aktar wieħed magħruf fostom huwa l-programm ‘Bottega’ illi fl-2007 ġie nnominat fil-kategorija ‘Best Documentary’ fil-Malta TV Awards.
“F’dan il-programm jiena tkellimt dwar numru ta’ artisti Maltin li wħud minnhom, għalkemm qed jagħmlu xogħol validu ħafna, ftit nies jafu bihom.
Din hija xi ħaġ’oħra li tkiddni – in-nuqqas ta’ għarfien dwar l-arti u l-artisti tagħna. Nibda billi nsemmi l-iskejjel u nistaqsi kemm qed inħarrġu lill-istudenti tagħna fl-apprezzament tal-arti? Lit-tfal ta’ llum issemmilhom artisti kbar bħal Giuseppe Calì, Antonio Sciortino, Emvin Cremona u Anton Inglott u jibqgħu ċċassati lejk, lanqas biss jafu min huma! Aħseb u ara kemm jafu b’artisti oħrajn, mhux daqshekk magħrufa imma li taw jew qed jagħtu kontribut kbir lill-pajjiżna bħal Giuseppi Briffa, Lazzru Pisani, Anton Calleja, Andrew Micallef, Pawlu Camilleri Cauchi u Luciano Micallef. Nistagħġeb kif ma nagħrfux ix-xogħol li qed jagħmlu dawn in-nies? Kif ma nagħtuhomx kreditu li dawn qed jagħmlu xi ħaġa differenti?
Għala għax jien artist irrid ningħalaq hawn bilfors u noħroġ darba f’mitt sena, meta jkollhom pjaċir jistednuni, f’xi esebizzjoni kollettiva? U mbagħad tmur u ma trid xejn biex ħadd ma jkellmek, kulħadd qisu l-imġebbed u ħadd ma jistaqsik xejn dwar xogħlok! Interazzjoni ta’ xejn. Għala ma teżistix xi fora bejn l-artisti sabiex jaqsmu l-ideat bħal kif jagħmlu l-kittieba? Għaliex nagħmlu n-Notte Bianca darba f’sena, nitfgħu kollox f’daqqa u fil-verità ħadd ma jkollu ċans jara xejn?
Ninkedd sew meta nara dan l-atteġġjament għax hija ħasra kbira meta ngħixu f’pajjiż li letteralment qisu palk naturali. Ġieli nistaqsi lili nnifsi imma jien x’qed nagħmel naħli ħini hawn? Poplu li sikwit iġib ruħu bħan-ngħaġ ta’ Bendu; kulħadd jikkopja lill-ieħor u ħadd ma jrid joħroġ b’ideat ġodda. Għandi ħafna ideat u proposti li wieħed jista’ jisfrutta. Nibda billi nsemmi l-ħafna postijiet kbar u maestużi li għandna magħluqin u mkissrin – għaliex m’aħniex nużawhom? U mbagħad insemmi l-proposti tal-Belt. Irridu nagħmlu teatru miftuħ meta diġa għandna wieħed f’Ta’ Qali u ma nużawhx; minflok tgħallimna mill-iżball, ser nagħmlu ieħor! Imma kif ma nitgħallmux f’dan il-pajjiż? Fi żmien il-kavallieri nqdew bi Ġlormu Cassar. Allura aħna għala kellna mmorru għall-barrani? Għandna università tospita daqs dawk studenti lokali. Għandna tant periti ggradwati. Possibbli ma kienx hawn Malti wieħed tajjeb biżżejjed biex jaħdem hu? Il-Malti għandu l-bini ta’ pajjiżu f’demmu u hu dan il-bini jaf x’ifisser għall-poplu tagħna. Meta tiddisinja xi ħaġa bħal dik tkun qed tagħmilha għal kulħadd u għalhekk trid tara li toħloq xi ħaġa permanenti li ser tintogħġob minn kulħadd.”
Kien jidher biċ-ċar ħafna li l-arti tqanqlu ħafna lil Antonio. Domna sewwa niddiskutu u fl-istess ħin skoprejt kemm dan l-artist għandu aktar xogħlijiet fostom ‘Nativity’ li ġiet akkwistata u qegħdha esebita b’mod permanenti ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, il-bust ta’ Sammy Calleja li jinsab fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta u xi pitturi astratti li qegħdin ġewwa sptar privat.
Kelma ġġib lill-oħra u f’ħin minnhom Antonio qalli illi dawn iż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid huma l-isbaħ ġranet tas-sena għalih. Mhux l-ewwel darba li smajt min jgħidli dan u emmnuni nsibha diffiċli biex nifhem kif jista’ jogħġbok iż-żmien meta jmut Kristu…
“Forsi għax jien norbot ħafna affarijiet ma’ dawn il-ġranet. Ma narax il-mewt ta’ Kristu biss imma nesplora għaliex twieled, il-ħidma tiegħu kollha u naqra wkoll numru ta’ kotba teoloġiċi. Jiena bniedem li nemmen li l-affarijiet ma jsirux b’kumbinazzjoni u naħseb illi dawn il-ġranet għandhom skop ukoll. Jiġu fi żmien meta l-fjuri jibdew jinbtu, il-ġurnata titwal aktar u jkun hemm ċertu atmosfera fl-arja fejn kollox qisu qed jieħu l-ħajja wara d-dlamijiet tax-xitwa. Għalhekk jogħġobni dan iż-żmien u letteralment nieqaf minn ħidmieti għal ġimgħa sħiħa sabiex niddedikaha kompletament biex noqgħod indur u nifli x-xogħlijiet fil-knejjes u noqgħod nirrifletti għall-kwiet. Għalija din hija ġimgħa sagra. Imbagħad hemm affarijiet oħra sinonimi ma’ dan iż-żmien bħall-marċi funebri u l-ilħna ta’ Ġorġ Peresso u ta’ Charles Abela Mizzi li mdorri nisma’ sa minn meta kont żgħir. Jista’ jkun li napprezza dawn il-ġranet daqshekk għax jien dilettant u għax inħobb ukoll naħdem l-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira. Jiena per eżempju ma nifhimx xi pjaċir jieħdu dawk li jaħdmu n-nar. Imma dawn jgħidulek illi anki r-riħa tal-murtali tagħtihom pjaċir. U jien l-istess f’dan il-qasam. Mur ifhem imma dik hija ħajti!”
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-4 t’April 2010)
-
MILIED FIX-XELTER U MEMORJI TAL-GWERRA
Kultant jiġu drabi meta nħossni qisni x-xbieha ta’ mera mfarrka… persuna waħda b’diversi angoli li kollha jippreżentaw l-istess wiċċ imma fir-realtà l-ebda waħda mhi bħall-oħra. Fil-fatt sikwit insib ruħi niġġieled miegħi nnifsi għax min-naħa inkun naħsibha mod u min-naħa l-oħra nkun nixtieq xi ħaġa oħra. Karattru li kultant jgħejjik saħansitra biex tifhem lilek innifsek imma li fl-istess waqt jimlilek ħajtek b’sens ta’ meravilja għax int stess qatt ma tkun ċerta sa fejn kapaċi tasal u x’kapaċi tagħmel.
Dawn il-ħsibijiet paralleli jmissu anki ż-żminijiet tal-Milied fejn xi drabi nsibni nifraħ qisni tifla żgħira u f’mumenti oħra jaqbduni nervi kbar. Tferraħħni s-sempliċità, it-tradizzjoni ta’ dan iż-żmien u l-awtentiċità tan-nies li l-Milied tassew jagħnihom b’ferħ speċjali, tant li jmissulek qalbek. Tifliġni l-falsità ta’ min jifraħ bik biss f’dawn il-ġranet u ċ-ċelebrar u l-ferħ sfurzat. Għalkemm anki dis-sena kelli nieħu doża mit-tnejn, qed nirrealizza li did-darba qed ngħix dal-ġranet b’sentimenti oħra. U dawn l-artikli huma l-kawża. Aktar mill-artikli, in-nies li ltqajt magħhom, li bil-perspettivi differenti tagħhom, b’xi mod jew ieħor kollha għallmuni xi ħaġa ġdida li permezz tagħha wassluni biex nifhem aħjar lili nnifsi.
Għalhekk infittex dak li mhux soltu. Għalhekk did-darba ddeċidejt li nistħarreġ x’inhi dir-rappreżentazzjoni ta’ Milied Fix-xelter li qed itella’ l-pageant group tal-Każin tal-Banda ta’ San Filep ġewwa Ħaż-Żebbuġ.
Iltqajt ma’ Brian Bonnici, id-direttur artistiku u l-kittieb tal-iskript ta’ din ir-rappreżentazzjoni u ma’ Tanya Borg, waħda mill-atturi. Xtaqt li l-intervista ssir fil-passaġġi u l-kmamar tax-xelter li jinsab taħt il-Każin ta’ San Filep sabiex b’hekk inkun nista’ nixrob l-atmosfera tal-post. Hekk kif inżilna tlabt lil Brian jispjegali kif bdiet din l-idea u għaliex għażlu li jippreżentaw presepju ħaj ġo xelter?
“Ħaż-Żebbuġ huwa magħruf ħafna għall-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira imma fil-Milied ftit li xejn kien hawn organizzat. Għaldaqstant xtaqna noħorġu b’idea oriġinali. Għażilna li noħolqu presepju ħaj b’tema tradizzjonali Maltija u bnejna l-istorja tal-Milied fuq karattri tipiċi Maltin. L-isfond ta’ dan ix-xelter mħaffer biex jagħti rifuġju waqt it-tieni gwerra dinjija dehrilna li kien perfett sabiex nieħdu n-nies li jiġu jżuruna lura fiż-żmien meta dawn il-ġranet kienu jiġu ċċelebrati b’mod ħafna aktar sempliċi u ġenwin. Tajna l-ħajja lil xi karattri magħrufa u ħallatnihom man-nies komuni sabiex flimkien dawn ifakkruna fil-messaġġ veru tal-Milied.
L-ewwel rappreżentazzjoni saret is-sena li għaddiet u s-suċċess li kellna għamlilna l-kuraġġ biex dis-sena nerġgħu ntellgħu oħra. Madanakollu biddilna xi karattri ħalli b’hekk inħajjru jżuruna mill-ġdid anki lil dawk li ġew is-sena li għaddiet.”
L-oriġinalità hija l-ħin kollu fuq moħħ dal-grupp. Tanya kompliet tispjegali…
“Għalkemm aħna l-atturi għandna skript fuq hiex nimxu, dan qiegħed hemm biex iservi biss bħala bażi. Tant hu hekk illi l-ebda rappreżentazzjoni ma tkun bħall-oħra. Dan għax aħna nistiednu lin-nies jidħlu magħna fl-interpretazzjoni tal-istorja. Għaldaqstant dawk li jinżlu magħna fix-xelter, apparti milli jsegwu dak li jkun għaddej, jistgħu anki jikkumentaw u jidħlu f’diskursata mal-personaġġi. F’xi drabi l-viżitaturi jkunu saħansitra jistgħu jduqu xi platt minestra magħna jew ibillu griżmejhom b’xi tazza nbid mill-ħanut tax-xorb ġor-raħal ħaj li ser isibu fix-xelter.”
Brian spjegali kif dan ix-xelter jifforma parti minn xelter kbir li kien ikopri l-arja kollha ta’ taħt il-pjazza…
“Matul it-tieni gwerra, f’dawn in-naħat telgħu bosta refuġjati speċjalment min-naħa tal-Kottonera u għalhekk kien hawn bżonn kbir ta’ xelters imdaqqsin. L-inżul f’dan ix-xelter minnu nfih huwa esperjenza imma meta fost waħda mill-udjenzi nzertajna mara li snin ilu użat dan ix-xelter bħala rifuġju, għal mument kull min kien hemm baqa’ bla kliem. Qaltilna “X’differenza minn kif kien qabel! Jien hawn inżilt fi żmien il-gwerra u llum ġejt bi skop tant differenti!” Huma dawn l-emozzjonijiet li nkunu nixtiequ nqanqlu.”
Għall-ewwel ma stajtx nifhem x’kellhom x’jaqsmu l-karattri Maltin fl-istorja tal-Milied u għalhekk it-tnejn ramaw jirrakkuntawli l-iskop tagħhom…
“In-Naplitani jdaħħlu l-karattru ta’ Pulċinella fil-presepju tagħhom. Għalhekk dehrilna li aħna stajna ndaħħlu lil Ġaħan. Ġaħan jixtieq isib il-vera messaġġ tal-Milied u għalhekk jitilqilha jfittex il-grotta ta’ Ġesu… bil-bieb ikaxkar wara dahru. Minflok it-tlett maġi, daħħalna tlett pijunieri Maltin li kollha nzertaw twieldu ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Niltaqgħu ma’ Mikiel Anton Vassalli li fostom narawh jitlob lil Madonna sabiex tgħin lilu bħala missier l-ilsien Malti u lill-poplu kollu ħalli jagħraf juża’ din il-lingwa b’mod tajjeb u mhux biex jidgħi jew jiddisprezza. Xena oħra turina lil Dun Karm Psaila fil-waqt li qiegħed jispira ruħu bix-xena tal-Milied biex jikteb poeżija tiegħu. Insibu lil Dun Mikiel Xerri jitlob l-għajnuna tal-Omm u l-Iben Mqaddsa sabiex dawn jagħtu l-kuraġġ lill-poplu Malti ħalli ma jibżax jistqarr u jiddefendi twemminu – messaġġ importanti issa li għaddejja din il-kontroversja tat-tneħħija tal-kurċifissi. Ma setax jonqos li ninkludu lil San Ġorġ Preca li kien hu li mexxa t-tradizzjoni tal-Milied f’pajjiżna. Interessanti nsemmi li f’dan ir-rwol konna ffortunati li sibna persuna li jixbaħ ħafna lil San Ġorġ innifsu.”
Sabiex iħawwru din l-atmosfera nsibu wkoll għadd ta’ karattri oħra bħall-kebbies tal-fanali, il-bejjiegħa tal-ħaxix u l-ħobż, l-iskarpan u s-sewwejja tat-toroq.
“Kull karattru għandu messaġġ x’jagħti. Jiena li naħdem il-parti ta’ Gejta flimkien ma’ ‘oħti’ Berta nilqgħu lill-viżitaturi u nintroduċuwhom minn xena għall-oħra filwaqt li bejn ċajta u nibxa, nirrakkuntaw kif beħsiebna nqattgħu l-ġranet tal-Milied u b’hekk nitfgħu dawl fuq id-drawwiet ta’ dak iż-żmien.
Karattru ieħor ser narawh qiegħed jixtri xi kannestri u xkejjer tal-ġwież mingħand il-bejjiegħ tal-ħaxix sabiex bihom jibni presepju kbir. Ikun imbagħad proprju dal-karattru li fl-aħħar tal-mawra fix-xelter jieħu lill-viżitaturi jaraw presepju kbir (madwar 13-il pied b’10) li hu jkun bena.”
Fil-fatt hekk kif irfist fil-każin, sibt lil Brian mimli żebgħa, qiegħed jirtokka dan il-presepju. Il-binja tiegħu kienet tassew impressjonanti, mhux tas-soltu, mimli għerien u grotot imdaħħla f’xulxin. Brian qalli illi ħadmu fuq l-ambjent tal-widien Maltin…
“Jien ngħix għall-arti u għall-kultura. Kuntent ħafna illi permezz ta’ din ir-rappreżentazzjoni nistgħu nuru kemm dawn il-ġranet tal-Milied m’għandhomx ikunu ġirja sfrenata biex nixtru r-rigali. Infakkru kemm fis-sempliċità tat-tradizzjonijiet Maltin nistgħu nsibu l-veru ferħ li jġib miegħu l-Milied.”
Tanya għalqet b’dan il-messaġġ…
“B’kollox qegħdin mal-40 attur u kultant niżdiedu anki naqra aktar! Is-sena li għaddiet kien hemm min tant ħa gost li ddeċieda li jingħaqad magħna u tajnih rwol fl-istorja wkoll. L-etajiet tagħna jvarjaw minn tfal sa anzjani u kollha naħdmu b’għan wieħed… Għalkemm ir-rappreżentazjoni li naħdmu hija fittizja, il-messaġġ li rridu nwasslu huwa “Moħħkhom hemm! Araw x’inhu l-veru Milied!”
Il-laqgħa li kelli flimkien ma’ Brian u Tanya tant laqtitni li ġieni l-ħsieb li nkompli nfittex dwar kif kien jgħix il-poplu Malti fiż-żminijiet tal-gwerra u x-xelters. L-għażla tiegħi marret fuq il-kittieb magħruf – Ġorġ Peresso. Xejn xejn kienet skuża biex niltaqa’ miegħu u nsir nafu. Hu aċċetta minnufih. Kelli għatx kbir biex nisma’ x’kellu x’jirrakkuntali. U b’dak il-leħen meqjus u mirqum tiegħu ma ridtx ħafna biex moħħi jara stampa ċara tal-ħajja ta’ dak iż-żmien….
“Jien twelidt fid-9 ta’ Settembru 1930, f’dawk il-ġranet meta ġiet proklamata l-gwerra. Dakinhar missieri, li kien jaħdem ma’ tal-irmonk, kien qiegħed jitfa’ blokkijiet kbar fil-bajja tal-Mellieħa bi preparazzjoni għall-attakki mill-baħar fuq pajjiżna. Naturalment l-ewwel snin ma niftakarhomx imma niftakar lill-familjari tiegħi jirrakkuntaw… Sakemm il-gwerra kienet għadha n-naħa ta’ fuq, bejn l-Ingliżi u l-Franċiżi, f’Malta ma konnix affettwati imma l-preparamenti għaliha xorta bdew fostom bit-tħaffir ta’ bosta xelters. Meta mbagħad Mussolini ssieħeb ma’ Hitler, Malta daħlet b’ruħha u sniena fil-gwerra tant li b’mod immedjat, għall-ħabta tas-7:00am ġejna attakkati mill-ajruplani Taljani.
Aħna konna ngħixu l-Birgu u għall-bidu missieri ma xtaqtx jitlaq minn hemm ħalli ma jitbiegħedx wisq mill-post tax-xogħol. Imma meta l-Birgu beda jiġi attakkat b’qilla kbira kuljum u l-ħin kollu, ma baqgħatilnix għażla oħra ħlief li ndabbru rasna. Morna noqogħdu man-nanna f’Birkirkara fejn hi kienet refuġjata għand xi ħbieb tagħha.
Birkirkara ma tantx kienet ibbumbardjata u allura l-aktar li niftakar xi bomba tfaqqa’ ‘l hemm u ‘l hawn. Imma darba waħda waqgħet bomba ħdejn il-Knisja ta’ Santu Rokku, qrib ta’ fejn konna noqogħdu aħna u dakinhar mietu ħafna nies.
Meta l-gwerra bdiet tiqliel ġieli nqatlu mat-30 persuna kuljum: kien hemm min baqa’ jippersisti li jibqa’ jgħix ġo daru akkost l-attakki kontinwi, oħrajn ma kienux laħqu daħlu fix-xelters, filwaqt li bosta oħra mietu waqt li kienu qed jikkumbattu fuq il-kanuni. Kien hemm uħud li saħansitra mietu waqt li kienu għall-kenn tax-xelters – każ partikolari minnhom seħħ f’Ħal-Luqa meta ntlaqtu ż-żewġ bokok ta’ xelter, infaqgħu xi kanen u n-nies mietu mgħarrqa fih. Illum hemm triq imsemmija għal dan l-avveniment.
L-1942 kienet l-aktar sena kerha għal Malta b’mod partikolari April meta fostom waqa’ t-teatru rjal, niżlet il-bomba fuq il-Knisja tal-Mosta u ġara l-każ li semmejtlek f’Ħal-Luqa. Kien il-konvoj ta’ Santa Marija li wasal f’Awwissu ta’ dik is-sena li salva lil Malta. Illum li għaddew 50 sena minn dal-ġrajjiet, inħarġu fil-beraħ id-dokumenti tal-gwerra mill-uffiċċju tal-Ingilterra fejn fihom ġie żvelat illi Malta kienet waslet biex iċċedi lill-Italja għax ma kelliex biex tkompli tissielet. Għall-kuntrarju ta’ kif ħafna jaħsbu, illi l-Maltin salvaw għax il-konvoj ipprovdiena bl-ikel, fir-realtà dan għenna billi ġab miegħu ukoll numru ta’ armamenti, bombi, petrol, fuel u spare parts għall-ajruplani. Minn Malta imbagħad tħejjiet l-invażjoni fuq Sqallija u hekk kif dawn ma setgħux jużaw aktar l-ajruporti tagħhom, Malta ma baqgħetx issofri aktar attakki. Kultant kien jersaq jattakkana xi ajruplan Ġermaniż imma nistgħu ngħidu illi mal-1943 l-gwerra mill-ajru f’Malta kienet spiċċat.”
Meta nisma’ dawn il-ġrajjiet insibha diffiċli biex nemmen li pajjiżna għadda minn dan kollu… sakemm nitla’ l-Belt u nsib ma’ wiċċi t-teatru rjal għadu mfarrak s’issa! Imma meta wieħed jgħix ġrajjiet bħal dawn x’iħallu fil-fond ta’ qalb bniedem?
“Tħalla fija s-sens favur il-paċi u d-diplomazija. Tnisslet ukoll fija ċertu biża’ mid-djar imġarrfa…
Niftakar li meta kelli madwar sebgħa snin, morna lura fil-Kottonera. Ma stajnix immorru noqogħdu l-Birgu għax dan kien sar ħerba waħda. Minflok morna ngħixu Bormla, n-naħa ta’ Santa Margerita. Issa kont kbir biżżejjed biex nifhem li kien hemm gwerra. Li ma konnix nafu kien li hemmhekk konna qed ngħixu fuq numru ta’ bombi mhux sploduti, tant li darba ħarġuna minn djarna għax sabu waħda! Għalkemm ma kontx imdejjaq ngħix f’Bormla, l-ambjent tat-tifrik kien jimpressjonak. Kull fejn tħares djar imwaqqa’, ċnagen, terrapien, djar mill-isbaħ b’faċċata biss u wara vojt. Ma’ nista’ ninsa qatt dik is-sensazzjoni ta’ biża’ hekk kif tħares minn ġo tieqa ta’ xi dar li fi żmienha kienet mill-ifjen u tara l-qamar jittawwallek minn bejn il-ħitan tal-kmamar tagħha bla saqaf. Id-dehra ta’ dar bla saqaf kienet tħawwadni wisq!
Bħalissa qed tiġini f’rasi l-purċissjoni tal-Milied li kienet titlaq minn ħdejn id-dar tal-Mużew bil-fanali jixegħlu u l-kliem tal-Verbum Dei Caro Factum Est mixgħula wkoll. Qed nismagħna nkantaw kant sabiħ tal-Milied filwaqt li għaddejjin bejn it-toroq kollha mħaffra u d-djar imġarrfa. Dik l-innoċenza tal-Milied imħallta mal-kruha tat-tiġrif tal-gwerra għadha f’moħħi daqs xena b’kuntrast minn xi film tal-waħx.”
Is-sens tat-tiġrif ħalla mpressjoni kbira fuq il-ħajja ta’ Ġorġ. Imma xorta waħda kellu rakkont ħelu x’jirrakkuntali relatat ma’ dan…
“Akkost li kont nibża’, l-kurżità kienet tegħlibni u flimkien ma’ sħabi kont immur nesplora xi dar abbandunata. Għadhom jiġu quddiem għajnejja sa llum iz-zukklatura mpinġija u l-fuklar bil-madum taċ-ċeramika li darba sibna ġewwa dar li fi żmienha kienet tas-sinjuri. Hawnhekk iddeċidejna li nibnu palk tal-ġebel u konna nagħmlu t-teatrin. Jum minnhom tawni parti fejn kelli nadura alla falz u quddiemi ġabuli ritratt sabiħ ta’ Doris Day!”
Aktar ma bdejna nitħaddtu, aktar bdew jitqanqlu l-memorji…
“Għandi storja ħelwa oħra li tkexkek fl-istess ħin. Mela meta tkun żgħir tibda tisma’ l-kbar jitkellmu u ma tantx tifhem x’inhu jingħad. Meta mbagħad tikber, kollox jibda jieħu postu u tara stampa aktar ċara. U hekk sirt naf min kienu Hitler u Mussolini. Darba minnhom fit-triq tagħna smajthom jgħidu li kienu ser jgħallqu lil dawn it-tnejn u beżgħan kif ukoll kurjuż mort narahom. Minn ġol-gallerija ta’ dar nofsha mwaqqgħa kienu qed iniżżlu b’ħabel żewġ trajbi. Fuq il-ħwejjeġ tagħhom in-nies spjegawli li wieħed kellu miktub Hitler u l-ieħor Mussolini. Hekk kif dendluhom in-nies ramat iċċapċap, tidħak u twaddbilhom l-affarijiet. Bdiet ħierġa l-frustrazzjoni tan-nies, anki ta’ dawk li forsi għall-ewwel kienu emmnu li t-Taljani kienu ser jitfgħawlna l-fjuri u mhux il-bombi. Ngħid is-sew jien dak il-ħin tħassarthom lil dawk iż-żewġ mgħallqa għax ma ndunajtx li kienu pupi tat-tiben. Mort maħsud id-dar u kif ktibt fil-ktieb li għadni kemm ħriġt ‘It-Tifel tan-Nanna’ hekk kif ommi fehmitni x’kien ġara u min kienu dawk iż-żewġ individwi, dik kienet l-ewwel u l-aħħar darba li tħassarthom.”
Ġorġ għażel li jagħlaq b’dan il-kliem…
“Meta sirt abbati fil-Knisja ta’ Santa Tereża fil-Milied kont ninżel ngħin il-quddiesa ta’ nofs il-lejl. Kont noqgħod nixxennaq biex xi darba nagħmel dik il-priedka sakemm darba għamiltha. Wara l-quddiesa l-fra kien jagħtina torta żgħira, tajba ħafna, tal-marmorata bil-bambin tax-xemgħa fuqha. Kumbinazzjoni l-mara tiegħi Isabella fil-Milied tagħmel din it-torta u b’hekk mingħajr ma taf qegħdha tkompli din it-tradizzjoni marbuta ma’ tfuliti.”
Bla dubju issa aktar tħajjart immur inżur din ir-rappreżentazzjoni tal-Milied Fix-xelter. U hekk kif ser inkun qed insegwi dak li l-atturi ser jippreżentawli, m’għandix għalfejn nitħasseb aktar jekk hux ser nixrob l-atmosfera tal-post!
Kull rappreżentazzjoni tieħu madwar 20 minuta u titlaq minn ħdejn il-bieb tal-Każin ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ. Il-pubbliku jista’ jattendi għalihom f’dawn il-ġranet u l-ħinijiet: illum il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2009 mill-10:00am sa 12:00pm u mill-5:00pm sat-8:00pm. Mit-Tnejn 28 sal-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2009 mis-6:00pm ‘l quddiem. F’każ li jkun hemm gruppi li jixtiequ jorganizzaw żjara, inkluż għat-turisti, jistgħu jċemplu fuq 79270400 jew email fuq pageantgroupstphilip@gmail.com. Id-dħul huwa bla ħlas imma donazzjoni tkun apprezzata.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Diċembru 2009)
-
INTI TAFHA L-ISTORJA TIEGĦEK?
“Dawk li ma jistghux jitghallmu mill-istorja huma destinati li jirrepetuha.” George Santayana 1863 – 1952 (filosofu u kittieb)
Sa minn meta l-ġenituri tiegħi ħaduni nara l-ewwel postijiet storiċi Maltin, qalbi ntilfet wara l-istorja. Kelli xewqa kbira li meta nikber insir arkeologa sabiex b’hekk inkun nista’ ngħix ma’ din l-imħabba tiegħi. Kont ukoll noħlom li xi darba bir-riċerka u t-tiftix tiegħi, anki jiena nkun nista’ nħalli kontribut f’pajjiżi bħal kif għamlu dawk ta’ qabli u li lejhom kelli ammirazzjoni kbira. Sfortunatament meta wasal iż-żmien biex nagħżel triqti u mort nieħu parir professjonali, tawni x’nifhem illi aħjar nagħżel triq oħra għax f’Malta ma kienx hawn futur għal dak ix-xogħol. Ta’ żagħżugħa li kont aċċettajt dan ir-raġunar. Kien żball kbir! Kultant trid titgħallem taħseb b’moħħok u tagħti anki lok lill-ħsus ta’ qalbek. Fil-fatt ħdimt f’diversi oqsma oħra għal kollox differenti imma fil-fond ta’ qalbi kont naf fejn xtaqet tgħix ruħi. Meta nħobb xi ħaġa jien, diffiċli toħroġieli minn qalbi….
Dawn il-ħsibijiet ġrew minn quddiem għajnejja hekk kif poġġejt biex nikteb l-artiklu ta’ din il-ġimgħa. Bħali, Kenneth Mizzi għandu ħafna għal qalbu l-istorja ta’ Malta. Xhieda ta’ dan huma x-xogħlijiet numerużi li huwa ħadem kollha relatati ma’ das-suġġett.
Fil-fatt dik kienet l-ewwel mistoqsija li għamiltlu, għaliex ġeneralment xogħlijietu huma ffukati fuq l-istorja ta’ Malta?
“Għax dawn id-daqsxejn ta’ gżejjer tagħna jaffaxxinawni. Fihom daqs naqra imbagħad għandhom dak il-ġid kollu storiku li ftit issib bħalu madwar id-dinja. Tmur fejn tmur, tara l-istorja madwarek. Tidħol fil-knejjes tara dawk ir-rikkezzi kollha: l-arkitettura, l-arti, il-kultura. Li jiddispjaċini hu illi fl-opinjoni tiegħi illum iż-żagħżagħ Maltin ma tantx huma daqshekk kolti dwar is-suġġett tal-istorja ta’ pajjiżhom. Ma tantx jagħtu każ. Forsi jien żbaljat, imma hekk naħseb.
Għalhekk l-iskop ta’ dan ix-xogħol hu li nressqu aktar l-istorja lejn in-nies, speċjalment lejn il-popolin li forsi ma tantx ikollu l-opportunità li jżur u jara dawn il-postijiet jew jisma’ dwarhom. Jiena trabbejt f’Bormla man-nies tal-baċir. Kont iffortunat biżżejjed illi fil-ħajja stinkajt u rnexxejt filwaqt li uħud minn sħabi tal-iskola għadhom jitħabtu biex isibu x-xogħol. Allura nħossni obbligat li nagħti lura ftit milli naf jien.”
Kienu Ulied Maltin li ntroduċewni max-xogħol ta’ Horizons – dokumentarji ta’ ftit minuti ta’ informazzjoni storika li kienu qed jixxandru fuq stazzjon televiżiv lokali…
“Ulied Maltin kien suċċess kbir u permezz tiegħu kkonfermajna illi għal xogħol bħal dan hawn għatx kbir. L-idea tiegħu bdiet b’kumbinazzjoni. Niftakar li kien ikkuntattjani Albert Marshall u talabni nagħmillu xi fillers qosra ta’ xi tlett minuti għat-televiżjoni biex ixandarhom bejn programm u ieħor. Xi ġranet wara ġie ibni jistaqsini biex nagħtih daqqa t’id għax kellu proġett tal-iskola dwar l-istorja. Ma domtx ma ntbaħt li kienet teżisti problema kbira biex issib din l-informazzjoni. Nassumi li ħafna jiftakru ż-żmien meta kellek tmur il-librerija, tfittex qalb qabda kotba u taħli ħafna ħin biex forsi ssib xi ħaġa. Imbagħad tmur b’dawn il-mazz kotba biex tagħmel il-kopji u waħda tiġik mgħawwġa u oħra tiġik bis-sinjal iswed fin-nofs. Għedt le, m’inix ser nerġa’ ngħaddi minn dak kollu! U hekk nibtet l-idea ta’ Ulied Maltin. B’ġebla waħda lqatt żewġ għasafar.
Fil-fatt Ulied Maltin huwa l-ewwel enċiklopedija bil-Malti tan-natura tiegħu. L-ewwel pakkett fih ħames volumi u jikkonsisti fi ktejjeb u f’DVD li jwasslu informazzjoni qasira imma konċiża dwar personalitajiet Maltin, monumenti Maltin, politiċi Maltin u dwar l-arkeoloġija tal-gżejjer tagħna. Peress illi d-DVD huwa maħdum b’reżoluzzjoni għolja, ir-ritratti li fih jistgħu jiġu pprintjati faċilment. Biex nagħtik eżempju, jekk qed tfittex dwar Dun Karm Psaila ser issib ir-ritratt tiegħu, tal-ġenituri tiegħu, tal-bieb fejn kien joqgħod u nformazzjoni bażika oħra importanti. Minn hemm imbagħad, jekk wieħed irid, jista’ jkompli jfittex u jistħarreġ f’postijiet oħra.
Għalkemm nemmen illi hemm bżonn ta’ dokumentarji ta’ dan it-tip biex jixxandru fuq l-istazzjonijiet tagħna, jkolli nammetti illi ma tantx issib interess min-naħa tal-istazzjonijiet. Fil-fatt kemm naraw programmi dwar dawn is-suġġetti? Ftit li xejn. Meta tmur tippreżentahom għand xi stazzjon, jgħidulek biex tixtri l-airtime u ddur għar-riklami. Imma d-dokumentarji mhux popolisti bħal xi drama. Jolqtu biss ċertu settur ta’ nies.”
Kenneth dawwarni mal-uffiċċju tiegħu u beda jurini aktar xogħlijiet b’tema storika. Kont kurjuża għala l-maġġoranza tagħhom għandhom l-istess preżentazzjoni: dik ta’ ktejjeb u CD jew DVD?
“Il-pubblikazzjonijiet tagħna huma mmirati biex jolqtu lil kulħadd… ibda mit-tfal tal-iskola, ibqa’ tiela’ sa dak l-anzjan li forsi qatt ma tgħallem jaqra u asal anki sat-turist li jixtieq jiskopri aktar dwar pajjiżna. Fl-istess ħin inżommu dejjem f’moħħna illi ġeneralment il-paċenzja tal-maġġoranza tan-nies li joqogħdu bil-qiegħda u jisimgħu jew jaqraw xi ħaġa hija pjuttost qasira. Għaldaqstant naraw illi l-informazzjoni li tingħata dejjem tkun preżentata b’mod dirett u nformattiv imma fil-qosor. Nafu wkoll illi l-viżwal huwa ħafna aktar effettiv fuq il-memorja tan-nies. Għalhekk il-kotba kollha jkunu akkompanjati minn DVD li jieħdok fuq il-post u jurik sal-inqas dettalji li tkun qed tisma’ dwarhom.
Ngħidu aħna bħalissa għaddej id-dokumentarju tagħna Katakombi fuq wieħed mill-istazzjonijiet lokali. Fih għandna filmati li ħadd qatt ma rahom bħal ngħidu aħna ċertu graffiti li kien skopra Temi Zammit waqt l-iskavi tiegħu u li issa permezz tad-dawl u t-teknika moderna stajna nwasslu lill-pubbliku. Hemm ukoll filmati ta’ kollezzjonijiet privati li nstabu waqt xi skavar li sar taħt id-djar tan-nies.
Fuq din l-istess linja għandna wkoll Raħal Twelidi li huwa sett ta’ kotba u DVDs li jipprovdu tagħrif siewi dwar lokalitajiet differenti bħal Qrendi, r-Rabat u Marsaskala. Ikolli ngħid illi permezz ta’ dan ix-xogħol aħna stess nitgħallmu ħafna wkoll. Biex nagħtik eżempju, bosta jaħsbu illi Marsaskala huwa post pjuttost modern li għadu qed jinbena. Fir-realtà iġġib għajnejk wara widnejk meta tagħraf kemm iħaddan storja fih.”
Uħud minn dawn id-dokumentarji huma preżentati b’żewġ lingwi: Malti u Ingliż. Xtaqt inkun naf kemm huwa mfittex prodott simili barra minn pajjiżna?
“Ħafna! L-emigranti Maltin ikunu qegħdin bil-ħerqa jistennew xi ħaġa ġdida minn għandna. Għat-turist dawn il-pubblikazzjonijiet huma tifkira tal-kultura Maltija. Ngħidu aħna l-kotba bid-DVD tal-Vari u ta’ L-Assunzjoni ta’ Marija joffru spettaklu mill-isbaħ tal-vari Maltin, tal-fided tal-knejjes u tal-arti li fihom. Issib ukoll informazzjoni dettaljata dwar il-fratellanzi Maltin, il-bidu tal-knejjes infushom u l-artisti li ħadmu fihom.”
Lil Kenneth sibtu mħabbat qed jipprepara ktieb ġdid L-Istejjer tal-Istorja b’kitba ta’ Ġorġ Peresso li proprju l-Ħadd 15 ta’ Novembru 2009 fil-5:30pm ser issir il-preżentazzjoni tiegħu waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb f’Dar il-Mediterran. Tlabtu jagħtini aktar informazzjoni dwaru…
“L-Istejjer tal-Istorja ser ikun sett ta’ erbgħa kotba li jirrakkuntaw l-istorja ta’ Malta minn Żmien il-Ħaġar sa meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Huwa proġett edukattiv u divertenti mhux biss għat-tfal imma anki għal dawk li jħobbu jisimgħu l-istejjer. Dan għaliex il-ktieb għandu miegħu wkoll CD b’mużika komposta apposta sabiex wieħed ikun jista’ jimmaġina aħjar x’inhu jinqara. Ngħidu aħna tisma’ t-tinqix fuq il-ġebel, iż-żiemel jiżgħer u l-mewġ iħabbat. L-istejjer huma ppreżentati b’mod sempliċi, fil-fatt minn għajnejn it-tfal, li fl-istorja jkunu qed jgħixu f’dawk iż-żminijiet. Huma stejjer fittizji iżda li jirrakkuntaw fatti veri u allura min jismagħhom awtomatikament ikun qed jitgħallem ukoll dwar l-istorja ta’ pajjiżna.”
Fl-isfond ta’ din il-kamra, jiena u nikteb, qed nisma’ s-CD ta’ dan il-ktieb tant interessanti. Proprju kif qalli Kenneth stajt insegwi t-tinqix tat-tempju hekk kif it-tfal kienu qed jirrakkuntaw dwar ix-xogħol ta’ nannuwhom li kien naqqax tat-tempji. L-istorja l-oħra ħaditni nisma’ l-ġrajja tan-nawfraġju ta’ San Pawl u kif it-tfal ta’ ċenturjun li kien jgħix f’Malta ta’ dawk iż-żminijiet, għen lil San Pawl jgħix f’pajjiżna. Ikolli nammetti illi l-maltemp li għaddej bħalissa qed ikompli jgħin biex idaħħalni fl-atmosfera tal-ħsejjes tas-CD bir-riħ ivenven, ix-xita tfaqqa’ u l-baħar isabbat bla ħniena…
Qabel tlaqt xtaqt nisma’ minn fomm Kenneth għala jemmen illi wieħed għandu jagħti importanza lill-istorja ta’ pajjiżu?
“Għax l-għarfien ta’ l-istorja ta’ pajjiżek tagħmlek persuna sħiħa. X’jagħżel poplu minn ieħor? Mhux il-lingwa, l-istorja u l-kultura tiegħu? Il-poplu Malti, bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu huwa riżultat ta’ dak kollu li għadda minnu matul iż-żminijiet. Huwa wkoll riżultat tal-ħakmiet ta’ ċiviltajiet differenti li wħud mix-xogħlijiet li ħadmu dawn f’pajjiżna għadna nistgħu ngawduhom sa llum. M’għandix dubju illi kieku aħna ma ġejnix influwenzati minn dawn in-nies b’kulturi oħra, il-poplu Malti kien ikun ferm differenti minn kif nafuh illum. Għalhekk tajjeb li tkun taf dwar l-istorja ta’ pajjiżek… għax turik għaliex int dak li int illum.”
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-15 ta’ Novembru 2009)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | ||||||
2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 |
9 | 10 | 11 | 12 | 13 | 14 | 15 |
16 | 17 | 18 | 19 | 20 | 21 | 22 |
23 | 24 | 25 | 26 | 27 | 28 | 29 |
30 | 31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23