Posts Tagged ‘Kanonku Dun Joe Abela’
-
XENI ĦAJJIN TAL-PESTA TAL-1813 FIŻ-ŻEJTUN
Għal żmien twil fl-istorja tal-bniedem ma kienu jinġabru l-ebda dettalji dwar il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi. In-nies kienu jitwieldu, jiżżewġu, imutu u jindifnu mingħajr qatt ma titniżżel nota waħda dwarhom, daqs li kieku qatt m’eżistew! Din is-sitwazzjoni nbidlet meta l-Knisja bdiet iżżomm l-ewwel tagħrif dwar il-parruċċani tagħha. F’pajjiżna nistgħu niftaħru li għandna wħud minn dawn il-ġabriet ta’ informazzjoni l-aktar bikrija, ħafna minnhom relatati mal-magħmudijiet, fejn l-eqdem fosthom huma r-reġistri tal-Magħmudija tal-Imdina li jibdew mis-sena 1539. Dan l-aħħar kelli bżonn nagħmel ftit riċerka dwar id-demografija u għaldaqstant iddeċidejt li nagħti titwila lill-Arkivji Ekkleżjastiċi Parrokkjali tal-Parroċċa taż-Żejtun. Ma kontx naf x’ser insib ma’ wiċċi u infatti dak li sibt, impressjonani ferm. Qatt ma bsart kif erbgħa numri u kemmxejn dettalji kienu kapaċi jsemmgħawlek mill-ġdid it-taħbita ta’ qalb ta’ poplu li għex u għeb tant snin ilu. Daqstant ieħor, qatt ma ħsibt li għad intiegħem il-biża’ li ħassu l-abitanti ta’ dan il-villaġġ, partikolarment waqt il-pesta li ħakmet il-pajjiż fl-1813…
Bil-għajnuna tal-Arċipriet taż-Żejtun Rev. Fr. Eric Overend u tal-Kanonku Fr. Joe Abela, sibt ruħi qed inqalleb paġni li nkitbu mijiet ta’ snin ilu. B’paċenzja kbira Dun Joe, kif inhu magħruf iż-Żejtun, introduċini mal-post u mar-reġistri antiki u fi ftit siegħat ħarriġni kif nagħraf il-kitbiet imħarbxa jew impittra nokkli nokkli, b’linka sewda faħma. Bosta mill-kitbiet kienu bil-Latin imma hekk kif dawn jibdew jirrepetu ruħhom u jekk tkun midħla tal-lingwa Taljana, ma ddumx wisq biex issib irkaptu sabiex tifhem x’hemm imniżżel.
L-eqdem reġistru jmur lura għas-sena 1580 u jinkludi d-dettalji tal-magħmudijiet, żwiġijiet u mwiet li seħħew matul is-snin 1580 sa l-1606. Sfortunatament il-kundizzjoni tiegħu mhiex tajba ħafna. Il-qoxra hija magħmula minn kartun iebes u hi meħjuta ma’ mazz karti li jiffurmaw ir-reġistru. Laqtuni l-qfieli tal-għażel li kienu qed jintużaw bħala ċoff biex jagħlqu sewwa l-ktejjeb. Huma proprju dawn l-irqaqat żgħar li jqarrbuk bil-ħsieb lejn min seta’ għamilhom. Mur għid lil min ħadmu illi wara dawn is-snin kollha, xi ħadd ser ikun qed jgħożż u jifli x-xogħol tiegħu!
“Tieħux qatgħa!” serraħli rasi Dun Joe. “Dan l-agħar wieħed fosthom bħala kundizzjoni. L-oħrajn ma jinsabux daqshekk ħażin. Madanakollu trid tapprezza wkoll kemm għadda żmien minn fuq dar-reġistru, kemm ilu jinġarr minn hemm għal hawn u f’liema kundizzjonijiet seta’ sab ruħu. Fuq kollox, ċertu linka li ġiet użata fuqu, maż-żmien ħareġ li kienet tqatta’ l-karti u b’xorti ħażina, qed tintilef xi informazzjoni minnu minħabba dan.”
Poġġejt bil-qiegħda ħdejn skrivanija u fis-skiet apprezzajt l-opportunità li nżomm reġistru bħal dak f’idi. Hekk kif Dun Joe beda jurini l-listi miktubin fuqu, f’mument minnhom moħħi ġera lura s-snin u bħal triegħext meta rrealizzajt li l-kappillan li kien kiteb dak ir-reġistru kien għex waqt l-Assedju l-Kbir… mill-1565, ħmistax il-sena biss kienu għaddew! L-ewwel listi kienu tal-magħmudijiet u hawnhekk stajt ninnota t-tendenza li t-tfal kienu jissemmew primarjament għall-qaddisin. Rajt ukoll kif ċertu ismijiet u kunjomijiet imniżżlin hemm, illum ma nsibuhomx aktar f’pajjiżna, filwaqt li numru ta’ kunjomijiet minnhom ġew evoluti f’oħrajn magħrufa sewwa fil-preżent. L-ewwel żwieġ irrekordjat sar fis-6 ta’ Jannar 1580, filwaqt li f’Jannar tal-1583 bdew jitniżżlu wkoll id-dettalji tal-imwiet. Minn wara dar-reġistru, il-manuskritti l-oħra (kif jippreferi jsejjħilhom Dun Joe) huma kollha fl-istil skont il-Konċilju ta’ Trent.
Il-Konċilju ta’ Trent (1545 – 1563) ġie mniedi waqt il-Kontro-Riforma tal-Knisja fit-taqtigħa tagħha kontra l-Protestantiżmu. Il-Konċilju kellu l-iskop li jikkundanna t-tagħlim u l-prinċipji tal-Protestantiżmu, li jistabilixxi t-tagħlim tal-Knisja Kattolika u li jwettaq riforma fid-dixxiplina u t-twemmin, kemm tal-Kleru nnifsu u kif ukoll ta’ dawk li kienu jħaddnu l-Kristjaneżmu. Waqt żjara pastorali li saret minn Mons. Pietro Dusina fil-1575 bil-għan li jara li kulħadd kien qed isegwi d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trent, dan ordna illi kull kappillan kellu jżomm ħames reġistri b’konnessjoni ma’ ċertu sagramenti, ħalli jkun jista’ jiġi kkonfermat illi l-parruċċani kienu qegħdin jgħixu skont ir-regoli tat-tagħlim Kristjan. Dawn ir-reġistri kellhom joħorġu taħt dawn it-titli: Baptizatorum (magħmudija), Confirmatorum (ġriżma), Matrimoniorum (żwieġ), Mortuorum (mewt) u Liber Status Animarum (qrar u tqarbin).
“Waqt din il-vista pastorali ta’ Mons. Dusina fl-1575, il-kappillan taż-Żejtun kien Dun Ġwann Mamo li kien mis-Siġġiewi u kellu 70 sena. Meta l-Monsinjur staqsa lill-kappillan jekk kienx qed iżomm ir-reġistri tal-parruċċani, dan wieġbu fl-affermattiv imma kif qed tara, hawnhekk ir-reġistri jibdew mill-1580. Jiena qed nassumi li Dusina ma kienx qagħad biss fuq il-kelma tal-kappillan imma li kien ra r-reġistri b’għajnejh u għalhekk probabbilment aktarx l-ewwel reġistri ntilfu. Ma rridux ninsew illi f’dak iż-żmien ir-reġistri kienu jinżammu fil-parroċċa ta’ Santa Katarina (illum magħrufa bħala Ta’ San Girgor) illi mhux darba u tnejn ħabtu għaliha l-furbani u ħallew ħerba sħiħa warajhom.”
L-arkivji huma ħafna għal qalb Dun Joe imma nistqarr magħkom li għandi l-impressjoni li dan il-Kanonku stess hu arkivju ieħor ukoll! Hekk kif bi kburija beda jurini xkaffa wara l-oħra ta’ reġistri, huwa spjegali kif flimkien ma’ Walter Zahra, għal bosta snin, huwa ħadem biex ikklassifika dawn l-arkivji sabiex finalment inħoloq indiċi tar-reġistri kollha.
“Għamilna anki werrej tal-indiċi nnifsu,” kompla jfehemni. “B’hekk ir-reġistri issa jistgħu jinżammu f’ordni aħjar u fl-istess ħin għamilna l-ħajja aktar faċli għar-riċerkaturi.”
Il-kwantità tar-reġistri huma bla heda, hekk kif dawn jibqgħu sejrin sal-ġranet ta’ llum. Fost id-dettalji li wieħed isib fihom hemm dawk tal-magħmudija, preċett, griżma, żwieġ, tnhedijiet taż-żwieġ, imwiet, quddies u funerali, atti notarili dwar l-oqbra, konfraternitajiet, Liber Status Animarum, amministrazzjoni finanzjarja u inventarji. Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn kitbiethom tidher li mhiex ħlief listi. Imma fir-realtà, dawn iħaddnu fihom informazzjoni mitqla deheb dwar il-popolazzjoni tal-villaġġ. Minnhom wieħed jista’ jikkalkula bidliet fil-qies, id-distribuzzjoni u l-kompożizzjoni tal-popolazzjoni matul is-snin. Bidliet drastiċi il-fuq jew ‘l isfel fil-popolazzjoni huma indikazzjonijiet ċari li jkunu seħħu xi ċirkustanzi partikolari li jkunu laqtu sewwa lin-nies tal-post. Ngħidu aħna lejn l-aħħar tas-16-il seklu u l-bidu tas-17-il seklu naraw żieda fil-popolazzjoni taż-Żejtun li kienet ikkawżata minn livell ta’ ħajja aħjar, miżuri aħjar relatati mas-saħħa u l-ħolqien ta’ aktar xogħol permezz tal-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta. Min-naħa l-oħra naraw tnaqqis fil-popolazzjoni wara l-epidemija tal-kolera li ħakmet liż-Żejtun fl-1887 u li kkaġunat il-mewt ta’ 4.5% tal-popolazzjoni tal-villaġġ.
Il-listi tat-twelid jagħtuk idea dwar ir-rata ta’ għajxien tat-trabi, filwaqt li juru wkoll id-daqs medju tal-familji. Madanakollu, fis-snin imbiegħda, it-trabi li kienu jitwieldu mejtin mhux dejjem kienu jiġu rreġistrati u għalhekk wieħed irid joqgħod attent għax mhux neċessarjament li jkun qed jaħdem b’dettalji preċiżi. Mid-dati taż-żwieġ u tat-twelid tal-ewwel tarbija, tista’ tifhem ukoll kemm trabi kienu jitwieldu illeġittimi u anki kemm kienet iddum koppja sakemm tasal biex ikollha l-ewwel tarbija. Mir-reġistri taż-żwieġ, wieħed jista’ jsegwi minn liema nħawi kienu l-għarajjes, ngħidu aħna jekk kienux jiżżewġu sieħeb jew sieħba mill-villaġġ stess jew minn irħula jew bliet oħra. U naturalment, ir-reġistri tal-mewt jagħtu stampa ċara tal-età medja li n-nies ta’ kull era kienu mistennija li jgħixu.
Fir-realtà, din il-lista tibqa’ sejra mhux ħażin u f’idejn espert tad-demografija, permezz ta’ dawn ir-reġistri, wieħed jista’ jikteb kotba sħaħ. Min-naħa tiegħi għażilt li nifli xi żmien partikolari li kien affetwa lin-nies tal-post. Għall-ewwel tħajjart nirriċerka dwar l-imwiet li kienu seħħu fis-sena 1614, meta t-Torok kienu attakkaw bi ħruxija kbira l-inħawi taż-Żejtun, hekk kif tindika xi kitba li hemm fil-knisja ta’ San Girgor. Iżda sfortunatament Dun Joe għarraffni illi r-reġistri tal-mewt mis-sena 1610 sas-sena 1660 huma neqsin ukoll. Għaldaqstant iddeċidejt li nistħarreġ iż-żmien tal-1813, meta Malta ġiet maħkuma minn epidemija serja tal-pesta. Biex jgħini f’din ir-riċerka rreferejt mas-sors primarju l-Liber Status Animarum li jkopri s-snin 1803 – 1822.
“Il-kitbiet kollha huma tal-kappillan Rev. Fr. D Bartholomeo Sant li kien ordnat qassis fl-24 ta’ Mejju 1769 u eventwalment kien wieħed mill-vittmi tal-kolera fl-1837,” kompla jurini Dun Joe. “Innota l-kitba. Hemm partijiet miktubin tassew puliti u mbagħad hemm oħrajn kemmxejn imħarbxa meta l-kappillan kien għamel xi żmien ma jiflaħx.” Dal-kliem laqgħatni u għajnejja ġrew biex jiflu l-kitba. Tassew! Hekk kien. Quddiem għajnejja lmaħt il-kappillan iniżżel id-dettalji tal-parruċċani tiegħu fid-dawl kiebi ta’ xemgħa tnemnem u ppruvajt nimmaġina x’kien jgħaddi minn quddiem għajnejh u x’kien iħoss f’qalbu, hekk kif f’dik il-għodwa hu jkun difen xi tarbija li ġranet qabel ikun għammed jew xi xwejjaħ li kien ilu ħabib tiegħu s-snin. U xi ngħidu għall-biża’ tal-pesta, hekk kif il-kappillan ried jikkalma lin-nies, jgħinhom jittamaw f’Alla, iqarbinhom bil-periklu li jista’ jittieħed hu wkoll filwaqt li jordna d-dfin malajr malajr ta’ oħrajn li tkun ħafnithom il-mewt qerrieda. Biex imbagħad hu stess miet f’epidemija tal-kolera. Tgħid qatt basar li għad jispiċċa hekk?
Stinkajt biex immur lura għal preżent hekk kif Dun Joe kien għadu għaddej jispjegali, “Fil-ġranet tal-Għid f’ċerti snin, hekk kif kien mistenni minnu, il-kappillan kien idur bieb bieb id-djar kollha li kienu jiffurmaw parti mill-parroċċa tiegħu. Kif qed tara hawnhekk, Dun Sant kien qasam iż-Żejtun f’erbgħa distretti: Casal Pasqualino, Casal Bisbut, Casal Gwiedi u Casal Ħerba u kien jinnumera kull dar li kien iżur fuq dan ir-reġistru peress li f’dawk iż-żminijiet id-djar ma kellhomx numri u t-triqat ma kellhomx isem. Infatti l-kappillan kien ‘isemmi’ t-triqat jew għal xi individwu magħruf li kien joqgħod fl-inħawi, inkella għal xi binja importanti bħal xi kappella. Tista’ tgħid li kien qisu speċi ta’ ċensiment fejn jitniżżlu d-dettalji ta’ dawk kollha li kienu joqogħdu f’kull dar, iżda b’żieda partikolari. Qed tinnota l-ittri c.c ħdejn l-ismijiet ta’ ħafna mill-adulti? Dawk l-ittri jfissru confessato e communicato, jiġifieri ‘ġie mqarar u mqarben’. Minn dawn in-noti, il-Kurja kien ikollha idea ta’ kemm in-nies kienu qed jobdu r-regoli tagħha.”
Permezz ta’ dan ir-reġistru stajt nara illi bejn is-snin 1810 sal-1813, il-popolazzjoni taż-Żejtun kienet qed tiżdied b’rata regolari, sakemm fl-1813 din ir-rata medja ta’ żieda waqfet ħesrem u l-effetti jidhru li baqgħu jinħassu saħansitra sas-sena 1818.
B’dawn id-dati imxejt fuq reġistru ieħor li kien juri l-magħmudijiet li saru bejn l-1807 u l-1818. Hawnhekk innutajt żewġ noti partikolari: waħda minnhom datata 20 ta’ Mejju 1813 kellha ddiżinjata pala ta’ id tipponta lejn kitba qasira li kienet tgħid li t-tarbija ta’ Antonij Seychell kienet mietet, filwaqt li n-nota l-oħra datata 23 t’Awwissu 1813 kienet tindika li dakinhar mietet tarbija infettata bil-pesta. L-istess reġistru wera illi bejn is-snin 1810 sa 1812 ir-rata medja tat-twelid kienet qed tiżdied iżda din waqfet bejn l-1813 u l-1814 fejn anzi naraw ir-rata tat-twelid tonqos speċjalment fit-trabi bniet. Madanakollu, kif sikwit jiġri wara epidemiji bħal dawn, hekk kif il-pajjiż ġie dikjarat ħieles mill-marda tal-pesta, sena wara, fl-1815 ir-rata tat-twelid splodiet il-fuq sakemm reġgħet lura għan-normal fl-1816.
Naturalment idejja ġrew dritt għar-reġistru taż-żwiġijiet li saru bejn l-1806 u l-1822. Sibt li fl-1812 kien hemm imniżżel li saru 39 żwieġ, liema total niżel għal 13 fl-1813, biż-żwiġijiet jieqfu ħesrem f’Ġunju 1813 hekk kif il-pesta serqet l-ewwel vittma tagħha miż-Żejtun. Għalhekk kont sorpriża meta sibt nota ta’ żewġ żwiġijiet li seħħu f’Awwissu 1813 u ieħor f’Diċembru. Dan kollu jaqbel mad-direttiva li kien ħareġ l-Isqof ta’ dak iż-żmien fid-29 ta’ Mejju 1813 sabiex jingħalqu l-knejjes kollha bit-tama li jiġi evitat aktar tixrid ta’ mard. Bħal kif semmejt qabel, hekk kif il-periklu tal-epidemija għadda, fis-sena 1814 iż-żwiġijiet laħqu l-ammont ta’ 72.
Ma stajtx nonqos li nifli r-reġistru tal-imwiet li kien ikopri s-snin 1802 sa l-1827. Bejn l-1810 u l-1812 innutajt rata medja ta’ mwiet, b’dik tat-tfal dejjem aktar għolja minn dik tal-adulti. Rata għola ta’ mwiet, kemm fl-adulti u kemm fit-tfal kienet evidenti fis-sena 1813, li mbagħad bdiet tonqos gradwalment fis-snin ta’ wara sakemm irritornat għan-normal fl-1816. L-ewwel vittma adulta suspettata li mietet bil-pesta fiż-Żejtun seħħet fil-31 ta’ Mejju 1813 u kienet Gratia Bonavia fl-età ta’ 85 sena. Tlett ijiem wara, did-darba b’mewt kawżata ċertament mill-pesta kien Joseph Vella fl-età ta’ 40 sena. Jidher li dan l-individwu miet fil-Forti Manoel hekk kif dan beda jilqa’ ġewwa fih il-vittmi tal-pesta meta l-Lazzaretto imtela’. Kien żmien tal-waħx hekk kif meta l-marda ħraxet, il-morda kellhom jintefgħu kollha flimkien indipendentement mill-età jew is-sess tagħhom. Kif ikomplu jispjegaw in-notamenti antiki, il-vittmi bdew jindifnu f’ċimiterju apposta ‘għall-infetti’, probabbilment dak ta’ San Rokku li llum qiegħed biswit il-knisja ta’ San Girgor. Irnexxieli nsib madwar 20 individwi li jidhru li mietu kawża tal-pesta. Mid-dati tal-mewt tagħhom tifhem mill-ewwel kemm il-marda kienet tittieħed u kemm kienet fatali. B’għafsa ta’ qalb sibt koppja miżżewġa li mietu f’temp ta’ ftit jiem il-bogħod minn xulxin u anki żewġ familji partikolari fejn bosta mill-membri tagħhom, fosthom ġenituri u tfal inħasdu qatta’ bla ħabel minn wiċċ did-dinja. Ksaħt meta ftakart li kien hemm ordni ċivili li kienet tirrikkjedi li wieħed jirrapporta immedjatament dawn il-każi ta’ mard. Għiduli intom x’sofrew dawn in-nies hekk kif kellhom jinfurmaw lill-awtoritajiet biex jiġu jieħdu lill-uliedhom infettati sabiex dawn jittieħdu f’dak l-infern ta’ morda oħra jmutu kuljum madwarhom? U fl-istess ħin kif qatt tista’ tifhem dak it-terrur li ġġarrab hekk kif tiġi konxja li la kont qrib dawn il-familjari, anki inti jista’ jiġrilek l-istess? Min-naħa l-oħra kif tista’ qatt tagħżel li tabbanduna lil dawk li tħobb f’mumenti bħal dawn? Ċertament huma esperjenzi li jekk ma jeħdulekx ħajtek, almenu żgur li jqattgħuk minn ġewwa. Min jaf kemm kien hemm min siket u pprova jfejjaq lil xi membru tal-familja tiegħu biex imbagħad spiċċaw mejtin it-tnejn!
Kelli nagħlaq il-kotba f’salt għax ma flaħtx naħseb u nħoss aktar. L-aħħar vittma tal-pesta fiż-Żejtun mietet fil-25 ta’ Settembru 1813. B’xorti tajba fis-7 ta’ Marzu 1814, Malta ġiet meħlusa minn dil-pjaga, għalkemm imbagħad inħakmet il-gżira t’Għawdex. Minn popolazzjoni ta’ madwar 100,000 ruħ, din l-epidemija ħadet magħha madwar 4500 persuna. Kien fit-8 ta’ Settembru 1814 li ż-żewġ gżejjer ġew dikjarati salvi minn din l-epidemija qerrieda. Issa stajt nisma’ l-briju tan-nies f’widnejja hekk kif b’din l-aħbar, f’qalbhom reġgħet bdiet tħabbat it-tama għall-ħajja aħjar.
Dik ma kientx l-aħħar darba li Malta ġiet maħkuma minn din l-epidemija. B’xorti tajba illum il-mikrobu tal-pesta jista’ jiġi megħlub għal kollox permezz tal-penicillin. Meta tkellimt ma’ Dr Etienne Grech huwa spjegali kif il-mikrobu Yersinia Pestis jikkawza il-bubonic plague. Dan il-mikrobu jinġarr mill-ġrieden u jsib ambjent adegwat biex jixtered meta jsib livell baxx ta’ sanità. Għalkemm forsi hemm min jaħseb li l-pesta spiċċat għal kollox, sfortunatament għad hemm popli li għadhom qed jgħixu f’faqar kbir u f’kundizzjonijiet mill-agħar ta’ saħħa. Ħafna minnhom jgħixu f’pajjiżi tropikali b’nuqqas ta’ ilma biex tinżamm l-indafa, mingħajr sistemi ta’ refriġerazzjoni biex iżommu l-ikel f’kundizzjoni tajba u eternità l-bogħod mill-mediċini adegwati. Bqajt issummata meta Dr Grech infurmani li dawn in-nies għadhom jgħaddu mit-tbatijiet u l-kefrija tal-pesta meta ironikament din tista’ titfejjaq b’sempliċi kaxxa penicillin li aħna nistgħu nixtru mingħand l-ispiżjar ta’ ħdejna!
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-10 ta’ Lulju 2011)
-
MEMORJI TAL-ĠIMGĦA L-KBIRA FIŻ-ŻEJTUN
Saret tiġrili kull sena f’daż-żminijiet u forsi llum wara din l-intervista, fhimt għaliex… Hekk kif jersqu dawn il-ġranet tal-Ġimgħa l-Kbira, nibda nħoss ċertu nostalġija u spiss jibdew għaddejjin minn quddiem moħħi xi memorji ta’ dawn il-ġranet ta’ żmien tfuliti.
Ngħidu aħna fi żmien ir-Randan, l-adulti kienu jinsistu wisq miegħi li m’għandix niekol ħelu u għalhekk hekk kif kont inkun qed inżejjen wiċċ il-figolli bil-ġelu kkulurit, qalbi kienet tixxennaq bit-tentazzjoni li nbill subgħajja, filwaqt li ruħi kienet titriehex bil-biża’ tal-kastig t’Alla! Minflok niftakarni nogħxa nħoll xi karamella tal-ħarrub f’ħalqi li nkun xtrajt bi ftit flus minn fuq iz-zuntier tal-knisja. Imbagħad kien hemm id-drawwa tas-sebgħa visti u kienet tkun qisha xi avventura hekk kif flimkien mal-familja tiegħi konna nduru minn knisja għall-oħra. Bħala Żejtunija naturalment ma setax jonqos li kont nistenna bi ħrara l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u ma nista’ ninsa qatt lil dak it-tifel li kien jagħmel il-parti ta’ Iżaak, għaddej ħafi matul it-toroq tal-purċissjoni! Barra minn hekk, id-dar tagħna, ħija Vince kien iħobb jarma l-vari li kien qed jixtri waħda waħda mingħand Diżma u allura hemmhekk kien ikollna purċissjoni oħra!
Dawn il-ħsibijiet tqanqluli mill-ġdid meta dil-ġimgħa ġejt mistiedna minn Wirt iż-Żejtun biex nagħmel intervista lil Dr Alexander Cachia Zammit dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fiż-Żejtun fl-imgħoddi. In-nies ġiet bi ħġarha biex tisma’ dak li kellu x’jirrakkontra t-tabib li llum għandu l-età ta’ 87 sena u b’hekk mill-ewwel kellna indikazzjoni tal-interess li kien hemm. Inġbarna fl-Oratorju ċkejken biswit il-knisja parrokkjali taż-Żejtun u nista’ ngħidilkom li matul dik is-siegħa li domna hemm ġew, Dr Cachia Zammit irnexxielu jdawwar lura qatiegħ l-arloġġ tal-istorja tal-Ġimgħa l-Kbira tar-raħal tagħna.
“Illum uħud mill-użanzi ta’ dak iż-żmien spiċċaw għal kollox. Xi affarijiet ġew għall-aħjar iżda oħrajn hija ħasra li ntemmu. Imma x’tagħmel? Trid timxi maż-żminijiet…” beda mill-ewwel jikkummenta t-tabib.
“Aħna minn dejjem konna familja b’devozzjoni kbira lejn il-Ġimgħa l-Kbira u nemmen li din l-imħabba daħlet b’saħħa f’qalbi b’mod speċjali permezz tan-nanna tiegħi li kienet tant devota. Meta kont għadni tifel, hi u ż-żewġ ħutha kienu jhedew jirrakkuntawli dwar dak li kien iseħħ fl-imgħoddi u dwar l-attivitajiet li kienu jipparteċipaw fihom. U jien kont nisma’ bil-qalb, tant li għalkemm illum kbirt, il-memorji tiegħi jmorru lura sa meta kelli sentejn u nofs.
Aħna konna noqogħdu Birżebbugia u kien hemm erbgħa okkażżjonijiet partikolari meta konna nitilgħu ż-Żejtun għand in-nanna: fil-Ġimgħa l-Kbira, f’Corpus, f’San Girgor u f’Santa Katarina. Dawn huma l-ewwel memorji tiegħi taż-Żejtun u tal-festi tiegħu. Madankollu niftakar sewwa illi l-festa tal-Ġimgħa l-Kbira kienet għalina l-ikbar festa li kien ikun hawn ir-raħal. Niftakarni ċar, ta’ madwar sentejn u nofs, bil-qiegħda fil-gallarija tad-dar tan-nanna nistenna l-vari ħerġin u l-purċissjoni għaddejja minn quddiemna.”
It-tabib kompla jirrakkuntali kemm il-preparamenti għaż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira kienu differenti minn dawk ta’ llum.
“Dak iż-żmien il-festa tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żejtun kienu jagħtuha importanza kbira għax kien hawn devozzjoni kbira lejn il-passjoni ta’ Ġesù Kristu. Il-festa tal-Ġimgħa l-Kbira kienet iġġib magħha dik il-kooperazzjoni kbira tal-poplu u għalhekk wieħed kien jidħol aktar fl-ispirtu tar-Randan. Il-preparamenti kienu jibdew minn Ras ir-Randan u dakinhar kienet tibda wkoll l-astinenza. Il-papà kien jgħid illi dari l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kienet tieħu madwar ħames siegħat għax kienet iddur mar-raħal kollu kif kienu jixtiequ n-nies. Il-parteċipazzjoni tan-nies kienet tkun kbira għax iż-Żwieten donnhom dejjem xtaqu jżommu dak il-kuntatt viċin ma’ dawk li jieħdu sehem fil-purċissjoni. Sa llum għadek tisma’ n-nies jgħidulek illi l-festa tal-Ġimgħa l-Kbira jgħożżuha aktar minn dik ta’ Santa Katarina għax għalihom din dejjem kienet okkażżjoni ta’ devozzjoni.”
Issa li dil-ġimgħa ċċelebrajna l-festa tad-Duluri, tlabtu jgħidilna x’kien isir dari f’dal-ġranet.
“Se ngħidilkhom waħda li forsi ħafna ma jafuhiex! Meta aħna ġejna hawnhekk fil-gwerra, iż-Żejtun konna waħda mill-ftit parroċċi f’Malta illi purċissjoni tad-Duluri ma konnix nagħmlu. Mhux darba u tnejn li kont ikkummentajtlu lill-arċipriet ta’ dak iż-żmien u spiss kont nurih ix-xewqa li xi darba norganizzaw il-festa tad-Duluri. Però huwa kien jgħidli biex ma nivvintax affarijiet bħal dawn. Madanakollu darba minnhom il-Bambin provdieli u ddeċidejt li nħallas għaliha jien dil-purċissjoni u hekk sar. Jekk ma niżbaljax kienet is-sena 1951 jew 1952 u kont organizzajt kollox jien: il-quddiesa bil-priedka u l-purċissjoni. In-nies mill-ewwel inġabret bil-kbir għax kienet ilha tixxennaq għal din il-purċissjoni. Għall-ewwel bdejna b’purċissjoni qasira imma biż-żmien il-konkorrenza tant kibret illi meta l-vara kienet tkun waslet biex tiddaħħal lura fil-knisja, is-serbut tan-nies li kien ikun hemm warajha, kien ikun għadu ħiereġ ftit ftit mill-knisja stess! Niftakar ukoll li meta ġejna biex inqabbdu r-reffiegħa kien inqala’ xi ftit tal-inkwiet għax kulħadd ried jerfa’ hu. Il-biċċa tant saħnet li kien hemm saħansitra min ried iħallas id-doppju biex jintagħżel hu! Xi ħaġ’oħra li ħolqot din il-purċissjoni kienet illi fejn qabel in-nies kienet tista’ tagħmel xi wegħdi u sagrifiċċji biss waqt il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, issa ċertu nies bdew jagħżlu li s-sagrifiċċji tagħhom ikunu marbuta mal-mixja wara d-Duluri. Dnub li qatt ma niżżilt il-kurunelli u t-talb li kienu jintqalu waqt din il-purċissjoni għax ir-rikkezza tagħhom kienet sabiħa ferm.”
Mad-Duluri kien hemm ukoll marbuta xi wegħdi u sagrifiċċji oħra.
“Ma nafx jekk fadalx min jiftakarha din. Kienet magħrufa bħala s-sebgħa bukkuni tal-Madonna tad-Duluri. Dan is-sagrifiċċju kien isir minn xi nies li jkunu qalgħu xi grazzja u kien jikkonsisti fil-mortifikazzjoni li tmur tittallab il-ħobż bieb bieb mingħand in-nies. Bosta drabi dawn ma kienx ikollhom għalfejn imorru jħabbtu l-bibien għax flus biex jixtru l-ħobż kien ikollhom. Imma s-sagifiċċju kien proprju dak li inti tmur titbaxxa u tittallab għand in-nies. Imbagħad meta kienu jiġbru sebgħa biċċiet tal-ħobż kienu jieklu lilhom biss għall-festa tad-Duluri.”
Mur għamilha llum wegħeda bħal din! Meta rani maħsuda t-tabib Cachia Zammit kompla jispjegali dwar drawwa stramba oħra – dik tal-Erbgħa tat-tniebri u l-għala jsejħula hekk.
“Dari, fl-Erbgħa tat-Tniebri kienu jkantaw l-għasar u kienu jgħattu bil-purtieri u bl-għażel it-twieqi tal-knisja biex joħolqu dak is-sens ta’ dlam. Kienu jitfu l-vari, xemgħat imkien, kollox fi dlam ċappa. Imbagħad wara li jispiċċaw l-għasar, kienu joħorġu x-xemgħat u wara kull salm li jitkanta tintefa’ waħda minnhom kull darba sakemm finalment tibqa’ tixgħel biss l-aħħar xemgħa li tirrapreżenta lil Kristu u din ma kinetx tintefa’.
Din il-funzjoni kienu jsejjħulha wkoll tat-tniebri għax in-nies kienet tagħmel apposta ħafna storbju fil-knisja. Min kien iħabbat biċ-ċuqlajti, il-qassisin kienu jsabbtu mal-injam tal-kor fejn ikunu qegħdin bil-qiegħda, filwaqt li t-tfal kienu jmorru qalb is-siġġijiet u joqogħdu jagħmlu naqra fratterija. Il-ħsieb wara dan kollu kien li titfakkar il-maltempata li kienet inqalgħet meta kienu sallbu lil Kristu. Kienet drawwa partikolari u interessanti ħafna li llum spiċċat u ntesiet għal kollox.”
Skont it-tabib, f’dawn iż-żminijiet il-kwadri tal-artali, il-kurċifissi u t-twieqi kienu jitgħattew bi drapp vjola biex titfakkar ġrajja partikolari fil-ħajja ta’ Kristu.
“F’dawk iż-żminijiet meta fil-knisja kien jasal il-qari tal-ġrajja ta’ Lazzru, dak il-Ħadd kien jissejjaħ ‘Ħadd Lazzru’. Matul dan ir-rakkont tal-evanġelju naraw illi kienu qegħdin jippjanaw biex joqtlu lil Kristu imma hu kien ħarbilhom. Għaldaqstant minn dak l-inċident sakemm imbagħad Ġesù jerġa’ jitfaċċa u jsallbuh, kien magħruf bħala Ħadd Lazzru. B’hekk biex jiġi kkommemorat dan iż-żmien, f’dik il-ġurnata kien ikun hemm sens ta’ dieqa u ta’ luttu fil-knejjes. F’din il-ġurnata ma stajt torganizza l-ebda festa tant li niftakar li darba mort għall-festa ta’ San Ġużepp ir-Rabat u peress li nzertat f’din il-ġurnata, il-kwadru tiegħu kien mgħotti b’biċċa drapp vjola rrakkmata. Il-kurċifissi kieku jinkixfu s-Sibt fil-glorja u mbagħad kienu jinkixfu l-bqija tal-affarijiet l-oħra.”
Għal bosta drabi Dr Cachia Zammit saħaq kemm dari l-funzjonijiet tal-knisja kienu jittieħdu b’serjetà u b’devozzjoni.
“Il-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka kienet tkun sabiħa ħafna għax f’nofsinhar kienet tispiċċa l-funzjoni u mbagħad jibdew il-visti tas-sepulkru li dak iż-żmien kienu kważi kmandament għalina l-insara. Jekk ma tagħmilx il-visti daqs li kieku ser taqa’ d-dinja tant li biex ma tagħmilx il-visti ridt tkun veru marid li ma tistax toħroġ mid-dar! Imma l-atmosfera kienet tkun sabiħa wisq għax kulħadd kien jipparteċipa. Bosta nies kienu jitilgħu mill-kampanja u konna ningħaqdu fi gruppi ta’ rġiel għalihom u nisa għalihom. Nerġa’ ntenni… kien żmien ieħor!”
Irrid jew ma rridx ikolli naqbel miegħu speċjalment meta tisma’ xi rakkont bħal dan li ġej issa. Għax lil min ser tgħid illum li jrid bilfors jattendi priedka ta’ tliet siegħat sħaħ u fid-dlam ċappa?
“Oriġinarjament il-funzjonijiet kienu jsiru fil-għodu, mhux bħal-llum. Imma, kif għedtlek, il-knisja kienet tiġi magħluqa u mtappna minn kullimkien biex tintefa’ fid-dlam. Niftakar li l-ġimgħa, wara li kienet tispiċċa l-quddiesa għal xil-11:00am, kienet issir priedka twila tliet siegħat. In-nies kienet tipparteċipa bi ħġarha u biex tilħaq post ridt taħseb minn kmieni. In-nanna kienet tgħidli li lanqas biss kont tista’ tikkunsidra li ma tmurx għaliha priedka bħal din għax in-nuqqas ta’ attendenza għaliha kienet meqjusa bħala xi ħaġa kerha ħafna. Kienu jtellgħu l-vara l-kbira fuq il-presbiterju fejn il-predikatur kien joqgħod bil-wieqfa l-ħin kollu, jippassiġġa u jippriedka. In-nanna spiss kienet issemmi li kien hemm predikatur tajjeb ferm, ċertu Dun Ġwann Gauci. Darba minnhom dan ħareġ fuq l-artal f’dak id-dlam kollu u kiser is-silenzju billi tenn il-kliem li Kristu mhux veru li kien miet. In-nies kienet tħawdet bi kliemu imma meta mbagħad kompla l-priedka, tant tqanqlu, li ħafna minnhom ħarġu bid-dmugħ f’għajnejhom minn hemm ġew. Waqt din il-priedka minn ħin għall-ieħor kienu jitkantaw ir-responsorji bid-daqq tal-vjolini u xi strumenti oħra sakemm il-qassis jidħol ibill ftit griżmejh b’xi kikkra kafè jew xi ħaġ’oħra u mbagħad joħroġ ikompli jippriedka. Finalment waqt il-kant tar-responsorji kienu wkoll iniżżlu l-vara l-kbira u minflokha jtellgħu il-monument.”
Fi żminijiet meta ma kienx hawn elettriku, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żejtun, li kienet twila ferm, kienet tispiċċa għall-ħabta ta’ nofs il-lejl u naturalment kien ikun dlam ċappa. Imma meta darba minnhom ħarġet ir-riforma u l-isqof ried li l-purċissjoni tidħol fit-tmienja, fir-raħal tagħna kienet inqalgħat agħa kbira.
“Niftakar lil missieri jgedwed “X’għamlilna l-isqof!” Din tat-tmienja ma ntogħġbot xejn għax in-nies kienet drat tirranġa bejnietha. Infatti n-nanna kienet tgħidli illi meta l-purċissjoni kienet tgħaddi minn ħdejn Sant’Anġ, sa dak il-ħin kien ikun diġà beda jidlam. Allura n-nies ta’ Triq Santa Marija u l-madwar kienu jikru brazzi tal-ħadid bit-tazzi fuqhom u jdendluhom mixgħulin ma’ grampun mal-faċċata tad-dar sabiex meta tgħaddi l-purċissjoni jkun hemm ftit dawl. Tant hu hekk illi jekk illum tmur f’din it-triq, għadek tista’ tilmaħ uħud minn dawn il-grampuni.
Kien hemm ukoll ftehim man-nies li f’każ li tinqala’ x-xita waqt il-purċissjoni, dawn joffru kenn lill-vari. U għalhekk min kellu post adattat fejn tista’ tiddaħħall xi vara, jekk tinqala’ x-xita meta l-vari jkunu viċin, dawn kienu jiddaħħlu fi djarhom għall-kenn. Fil-fatt in-nanna kellha bieb kbir ħafna u darbtejn daħlet il-vara l-kbira u tliet darbiet il-monument hemm ġew. Iżda sa fejn naf jien, ix-xita qatt ma żammet milli ssir il-purċissjoni.”
Xi ħaġ’oħra kurjuża kienet illi l-vari ma kienux jinżammu fil-knisja minħabba nuqqas ta’ spazju.
“Niftakar sew fejn kienu jinżammu l-vari għax kont inħobb immur ngħin biex jintramaw ħalli jinġiebu fil-knisja. Il-vari kienu jkunu mqassmin f’ħafna knejjes żgħar imma tnejn minnhom kienu jinżammu għand familja li kienet toqgħod viċin il-knisja. L-Ort kien jinżamm fil-knisja ta’ San Girgor, il-Marbut kien ikun f’dik ta’ Santa Marija, l-Aċċjomu kienu jagħmluh fil-kappella tal-Ispirtu s-Santu, il-vara l-kbira ġo Tas-Salvatur u l-Monument kien jinżamm fil-knisja parrokkjali. Il-Veronika u r-Redentur kif għedtlek kienu jinżammu għand familja.”
Dr Cachia Zammit fakkar kif oriġinarjament il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kienet tgħaddi minn triq pjuttost deqja – dik ta’ Ħabel ix-Xgħir.
“Dari l-uniku triq li tikkomunika r-raħal t’isfel mal-knisja kienet biss it-triq ta’Ħabel ix-Xgħir u għalhekk il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kienet tgħaddi minn hemm. Imma fl-aħħar bdiet tinħoloq id-diffikultà għax minħabba l-kobor tagħhom, ċertu vari ma kienux jgħaddu sewwa. Intant, meta għall-ħabta tal-1932/33 infetħet it-triq l-oħra, iż-Żejtun konna għadna kif ġibna vara tal-monument ġdida u nzerta li l-ġwienaħ tal-anġli kienu xi naqra miftuħa żżejjed u żgur li ma kienux ser jgħaddu minn ġo Triq Ħabel ix-Xgħir. B’hekk instabet ix-xoqqa f’moxtha u l-purċissjoni bdiet tgħaddi mit-triq il-ġdida.”
U kif konna fil-kliem il-Kanonku Dun Joe Abela li kien qed jisma’ mal-pubbliku irrakkonta wkoll ġrajja personali marbuta ma’ dit-triq li għal naqra ma ħallitux mejjet!
“Niftakarni li kelli xi tmien snin u kont qiegħed flimkien m’ommi fil-ġenb tat-Triq San Girgor insegwi l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għaddejja. F’daqqa waħda bħal nara dell kbir ġej fuqi u ommi ġibditni malajr lura. Kienet il-vara tal-monument li għal naqra ma niżlitx fuqi! Il-monument kważi waqa’ għal kollox fl-art u kumbinazzjoni dan l-aħħar waqt li kont qed nara xi ir-ritratti, intbaħt li dan l-inċident inqabad ċar ħafna f’ritratt minnhom. Imn’Alla kienet ommi għalija dakinhar.”
Il-ġrajjiet minn fomm it-tabib baqgħu għaddejjin, waħda wara l-oħra. U ċertament fi ftit tal-ħin irnexxielu jqanqal bosta memorji u kurżitajiet lin-nies li kien hemm miġbura.
“Hemm ħafna x’wieħed jgħid għax id-devozzjoni lejn il-Ġimgħa l-Kbira fina ż-Żwieten hija antika ħafna u tmur lura għal ħafna snin. Ormaj qiegħda f’demmna. Mur aqtagħhomlhom dawn l-użanzi lin-nies! Lanqas qatt ma jirnexxielek. U dan hu evidenti fin-numru sabiħ ta’ żgħażagħ lillum jagħtu sehemhom biex din il-funzjoni tibqa’ ċċelebrata kif jixraq.”
Il-gwerra biss irnexxielha żżomm il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ġewwa għal tliet snin sħaħ.
“Dak kien żmien ikrah ferm li ma nixtieq lil ħadd jgħaddi minnu. Imma għal dawk it-tliet snin kellna nirrassenjaw ruħna bil-priedka tat-tliet siegħat biss u kollox bil-biża’ ta’ xi air-raid. Però aħna t-tfal fid-djar kellna l-minjaturi tal-vari u f’dawk il-ġranet konna nogħxew indawwruhom minn kamra għall-oħra tad-dar. B’hekk il-purċissjoni xorta kienet issir. Dak hu s-sigriet tal-ħajja wara dawn it-tradizzjonijiet.”
Intqal ħafna aktar imma huwa mpossibbli li jitniżżel kollox. Intwerew ukoll numru ta’ ritratti antiki grazzi għas-Sur Carmelo P Baldacchino. Madanakollu din l-intervista ġiet irrekordjata sabiex isservi għal dawk kollha li huma interessati jkunu jafu aktar dwar dan il-qasam etnografiku tagħna l-Maltin. Min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jikkuntattja lil Wirt iż-Żejtun fuq www.wirtizzejtun.com
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-17 t’April 2011)
-
IL-PURĊISSJONI TA’ SAN GIRGOR: TRADIZZJONI JEW FIDI?
Nhar l-Erbgħa li ġej, fiż-Żejtun, issir il-purċissjoni tradizzjonali ta’ San Girgor. Bħala Żejtunija, jiena trabbejt f’din it-tradizzjoni. Kienet tkun l-hena tiegħi nattendi għaliha, aktar u aktar meta gew għala widnejja bosta ġrajjiet u leġġendi li hemm marbuta ma’ din il-purċissjoni u mal-knisja antika ta’ San Girgor. Niftakar li meta skoprejt li kien hemm passaġġi sigrieti f’din il-knisja, ma qgħadtx bi kwieti qabel irnexxieli nidħol fihom u nara b’għajnejja x’kien hemm mistur fis-silenzju ta’ wara dawk il-ħitan antiki ta’ dik il-knisja. Flimkien magħkom il-qarrejja, xtaqt naqsam din il-ġrajja antika. B’dan il-għan, tkellimt mal-Kanonku Dun Joe Abela, li bħali għandu għal qalbu ħafna r-raħal taż-Żejtun u t-teżori tiegħu…
Kif bdiet il-purċissjoni ta’ San Girgor?
Dari kien hemm ħafna teoriji dwar kif bdiet din il-purċissjoni. Meta fl-1575 il-Monsinjur Pietru Dusina żar iż-Żejtun u staqsa lin-nies tal-post meta u għaliex bdiet din il-puċissjoni, l-anzjani Żwieten qalulu illi din kienet ilha teżisti s-snin. Dwar għaliex kienet issir, min qal ħaġa u min oħra. Min sostna li darba kien hemm maltempata kbira u peress li ma saritx ħsara fin-naħat taż-Żejtun, saret din il-wegħda. Oħrajn qalu li dak iż-żmien flotta Torka li kienet ġejja tattakka lil Malta, ġiet meqruda proprju permezz ta’ dil-maltempata u allura bdiet issir din il-purċissjoni bħala ringrazzjament. Diversi minn dawn it-teoriji fil-fatt insibuhom miktubin f’numru ta’ kotba. Madankollu xi ftit tas-snin ilu, il-Patri Dumnikan Dun Mikiel Fsadni irnexxielu jiskopri meta bdiet din il-purċissjoni u għaliex. Sab din l-informazzjoni waqt li kien qiegħed jagħmel riċerka f’xi dokumenti tal-Kurja. Fil-fatt din il-purċissjoni votiva kien ordnaha l-Isqof Cubelles fl-1543 (ftit snin qabel l-Assedju l-Kbir) bħala talba lil Alla biex issaltan il-paċi fost in-nazzjonijiet Ewropej fi żmien ta’ periklu kbir. F’dak iż-żmien wegħdi ta’ pellegrinaġġi simili kienu komuni ħafna.
Min kien jipparteċipa fil-purċissjoni?
Fiż-żminijiet imbiegħda meta bdiet, ftit li xejn kien ikun hawn festi u ċelebrar. Qabel lanqas il-baned ma kienu jeżistu. Waqt festa, kienet issir quddiesa kantata u purċissjoni qasira, jekk kienu jagħmlu, u daqshekk. Għaldaqstant il-festa ta’ San Girgor kienet waħda kbira u importanti. Eluf ta’ nies kienu jinġabru għal dan il-pellegrinaġġ li għalih kienu jieħdu sehem il-kleru kollu u l-fratellanzi kollha ta’ Malta. Mas-sebħ fl-Imdina kien jiġi sparat tir u minn hemm kienu jitilqu l-Monsinjuri bil-mixi. Kienu jaslu l-ewwel sal-Marsa u mbagħad Ħal-Tarxien. Fl-istess ħin, mill-parroċċi kollha ta’ Malta, kienu jitilqu l-Kleru, l-qassisin u l-patrijiet – kollha bl-ilbies u bl-istandardi partikolari tagħhom. Kienet festa mill-ikbar, l-akbar festa ta’ Malta. Tant kienet ikkunsidrata din il-festa f’dawk iż-żminijiet, illi fil-kitba taż-żwieġ, l-għarus kien iwiegħed lill-għarusa li kien ser jeħodha għall-festa ta’ San Girgor u għal dik tal-Imnarja. Barra minn hekk, fl-inħawi taż-Żejtun matul it-triq li minnha kienet tgħaddi l-purċissjoni, nbnew numru ta’ palazzi u djar mill-isbaħ mis-sinjuri ta’ dak iż-żmien biex dawn ikunu jistgħu jgawdu din il-festa tradizzjonali. Tnejn minn dawn huma ‘Casa Perellos’ li nbniet mill-Gran Mastru Ramon Perellos u dak li llum huwa magħruf bħala ‘Juventutis Domus’ li kien inbena mill-Isqof Ferdinando Mattei. Eluf ta’ nies kienu jaslu ftit ftit saż-Żejtun u ż-Żwieten kienu tgħallmu jaqalgħu biċċa ħobż tajba billi kienu jippreparaw l-ilma u l-ikel għall-bejgħ u l-banketti u s-siġġijiet għall-kiri. Wara li nbniet il-knisja parrokkjali li hemm illum, kif kienu jaslu quddiemha, il-fratellanzi kienu jbaxxu l-istandardi u kienet teżisti d-drawwa biex wieħed jara min kien kapaċi jniżżel l-istandard ‘l isfel l-aktar. Aktarx dawn kien ikollhom xi tfajla qed tinnutahom fil-folla li mbagħad kienu jħajjruha biex tiżżewwiġhom. Hemmhekk kienu jkantaw l-antifona ta’ Santa Katerina u mbagħad kienu jibqgħu sejrin sal-Knisja ta’ San Girgor biex jagħmlu l-quddiesa – dik li għadha ssir sal-lum. Il-quddiesa jqaddisha l-Kantur li huwa dak il-Monsinjur li jieħu ħsieb il-kant. Anki din it-tradizzjoni għadha tinżamm sal-lum. Interessanti li nsemmi illi l-pożizzjoni ekkleżjastika tal-Kantur oriġinarjament kien inizzjaha l-Konti Ruġġieru meta niżel f’Malta fl-1090. L-armi tal-kanturi kollha, bl-ewwel waħda tibda fis-sena 1372, huma mpittra fis-sagristija. Il-Kantur li għandna bħalissa huwa Monsinjur Vincenzo Borg minn Birkirkara.
X’differenza hemm bejn il-purċissjoni ta’ dari u dik ta’ llum?
Differenza kbira! Imma l-bidla fil-purċissjoni ma saritx mill-lum għal għada. L-importanza tagħha tnaqqset matul iż-żminijiet. Oriġinarjament din il-purċissjoni kienet issir fit-12 ta’ Marzu li kienet il-ġurnata tal-festa ta’ San Girgor Papa. Imma dan kien jaħbat waqt ir-Randan, żmien ta’ penitenza kbira f’dawk iż-żminijiet u naturalment ix-xalar ma kienx hemm postu. Kien għalhekk illi d-data tal-purċissjoni tressqet għall-ewwel Erbgħa ta’ wara l-Għid. Fis-sena 1622 il-purċissjoni kellha tiġi trasferita peress li kien inqala’ xi nkwiet minħabba l-preċedenza tal-parroċċi waqt il-purċissjoni. Aktar tard fl-1926, l-Isqof Mawru Caruana beda jinnota illi dak li kien beda bħala pellegrinaġġ ta’ talb, in-nies kienet biddlitu f’xalata ħdejn il-baħar. Għalhekk iddeċieda li jqassar u jissimplifika din il-purċissjoni u ordna illi ma kellhomx jibqgħu jieħdu sehem il-parroċċi kollha. Setgħu jipparteċipaw biss l-Isqof, il-Mosinjuri u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat li kienet l-ewwel Fratellanza ta’ Malta. Barra minn hekk, it-triq tal-purċissjoni kellha tibda minn Ħal-Tarxien. Bi speċi ta’ tpattija minħabba dan it-tnaqqis, huwa iddedika l-parroċċa l-ġdida ta’ Tas-Sliema lill-Papa San Girgor il-Kbir. Sa ħamsin sena ilu, jien ilħaqtha titlaq minn hemm. Imma darba minnhom għamlet ix-xita u ddeċidew li dakinhar il-purċissjoni kellha tibda minn San Klement fiż-Żejtun stess. Minn dakinhar ‘l hawn il-purċissjoni ta’ San Girgor baqgħet tibda minn San Klement, jitkantaw xi salmi, jidħlu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fejn titkanta l-antifona ta’ Santa Katerina, jimxu sal-Knisja ta’ San Girgor, ikantaw il-miserere tlett darbiet u ssir quddiesa.
Illum x’parteċipazzjoni jkun hemm f’din il-purċissjoni?
Illum din il-purċissjoni kważi spiċċat fix-xejn. Saret biss xalata. Fil-fatt ftit li xejn ikun hemm nies isegwuha. Illum in-nies aktar ikun moħħhom fl-ikel, fix-xalar u fl-ewwel għawma ġo Marsaxlokk. Fil-purċissjoni għadhom jieħdu sehem l-Arċisqof, numru ta’ Monsinjuri, ftit seminaristi u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat. Nixtieq insemmi illi numru ta’ Żwieten li għandhom għal qalbhom din il-purċissjoni, inkitbu fil-Fratellanza tar-Rabat sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jieħdu sehem. Għall-quddiesa, il-Knisja ta’ San Girgor tkun mimlija. Turisti ftit li xejn ikun hemm peress illi l-purċissjoni tgħaddi fi ftit minuti kollox u allura l-aġenziji turistiċi ma jarawx xi importanza fiha.
Għaliex intagħżlet il-knisja antika ta’ San Girgor għal din il-purċissjoni?
Proprjament din il-knisja hija ddedikata lil Santa Katerina ta’ Lixandra. Hija magħrufa bħala Ta’ San Girgor minħabba din il-purċissjoni. Jingħad li meta l-Isqof Cubelles beda dan il-pellegrinaġġ, ried isib l-aktar parroċċa imbiegħda mill-Imdina sabiex it-triq tkun waħda twila. U b’hekk ġiet magħżula din il-knisja li dak iż-żmien kienet il-Parroċċa taż-Żejtun.
L-arkitettura tal-Knisja ta’ San Girgor tixhed l-antikità tagħha. Uħud jgħidu li għandha d-dehra ta’ fortizza. Ġieli serviet funzjonijiet oħra minbarra dawk pastorali?
Oriġinarjament il-Knisja ta’ San Girgor inbniet bħala knisja għall-ħtiġijiet pastorali. F’dokumenti li saru fl-1436 mill-Isqof Senatore de Mello din il-knisja kienet diġà tissemma bħala l-Parroċċa taż-Żejtun ideddikata lil Santa Katerina. Din il-knisja ma nbnietx f’daqqa. Żiedu fuqha matul iż-żminijiet skont il-ħtieġa. Bdiet bħala kappella żgħira biex isservi l-inħawi kollha tax-Xlokk: iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Ħal-Għaxaq, Birzebbugia u Marsaxlokk. Meta mbagħad ġew il-Kavallieri, ftit ftit ġabu l-prosperità f’pajjiżna billi kienu jħaddmu n-nies u billi kienu jieħdu ħsieb is-sanità u s-saħħa tal-poplu Malti. Għalhekk il-popolazzjoni bdiet tikber u kulħadd bena l-parroċċa tiegħu. Fl-istess ħin, il-knisja ta’ San Girgor bdiet titkabbar ukoll. Fl-1545 il-Konċilju ta’ Trento ordna illi l-knejjes Insara kellu jkollhom il-forma ta’ salib ruman u hekk il-knisja ta’ San Girgor ħadet il-forma kif nafuha illum.
L-arkitettura tal-knisja tirrifletti ż-żminijiet differenti li nbniet fihom. Il-koppla ta’ San Girgor hija fost l-aktar koppli antiki li jeżistu fil-knejjes Maltin. Aspett sabiħ ħafna, stil romanesk, jidher fil-ħnejjiet ġejjin daqsejn għall-ponta bix-xorok iduru magħhom. Il-kappelluni bi stil gotiku bil-bsaten telgħin mill-art li jaqsmu s-saqaf min-naħa għall-oħra f’erbgħa biċċiet, huma bellezza. Fl-artal maġġur u fl-artali l-oħra ta’ San Girgor u tal-Karmnu insibu stil Barokk li kien popolari ħafna fi żmien il-Kavallieri. Il-ħlewwa tal-portiku rumanesk tikkuntrasta bil-kbir mal-binja massiċċa ta’ wara li tagħti d-dehra ta’ fortizza. Għalkemm din il-knisja qatt ma kienet fortizza, hija serviet ta’ ħolqa importanti fid-difiża ta’ Malta billi kienet tintuża’ bħala post ta’ osservazzjoni mis-suldati tad-Dejma. Il-knisja ta’ San Girgor damet isservi ta’ knisja parrokkjali mat-300 sena, bejn wieħed u ieħor sal-1708, meta mbagħad kien hemm il-parroċċa l-ġdida. Għamlet żmien mitluqa, tant li l-Isqof Davide Cocco Palmieri ried iwaqqagħha biex jieħu l-ġebel tagħha. Fortunatament l-ordni tiegħu ma ngħatatx widen. Aktar tadd il-knisja għamlet żmien isservi bħala post fejn is-sajjieda kienu jerfgħu x-xbieki tagħhom u wkoll fejn il-knisja parrokkjali kienet terfa’ xi statwi. Fis-snin meta l-Maltin qamu kontra l-Franċiżi, din il-knisja serviet ukoll ta’ sptar peress li dak li kien hemm fil-belt Valletta kien f’idejn il-Franċiżi nfushom. Fl-aħħar gwerra, il-knisja serviet ukoll bħala post ta’ rifuġju għal dawk l-għadd ta’ familji li ħarbu mill-Kottonera. Jien niftakru ċar dak iż-żmien. Minn xi għaxart elef ruħ, fiż-Żejtun konna noqogħdu sittax-il elf. Kulħadd kien ġabar xi familja miegħu. Niftakar li missieri kien daħħal żewġ familji joqogħdu magħna. Uħud bdew joqogħdu fil-każini, oħrajn fid-Domus u l-bqija proprju f’din il-knisja. Niftakar lil Knisja ta’ San Girgor maqsuma bil-lożor. Familja kienet toqgħod ġo kaxxa mdawwra bi tlett lożor! Ta’ min jgħid li din il-knisja fi żmien l-assedju l-kbir, kienet intużat ukoll kontra l-Maltin stess meta din ġiet maħtufa mit-Torok li kienu ħadu taħt idejhom dawk l-inħawi.
X’tgħidilna dwar il-passaġġi sigrieti li hemm ġewwa din il-knisja?
Meta kont tifel jien, kien hemm l-għidut illi madwar il-koppla tal-Knisja ta’ San Girgor, kien hemm passaġġi sigrieti li fihom kien hemm midfunin xi nies li kienu qatlu t-Torok u ħallewhom hemm. Kien jingħad illi darba minnhom, it-Torok kienu laħqu telgħu sewwa lejn iż-Żejtun sakemm il-Maltin indunaw bihom. Min seta’, telaq kollox u ħarab lejn l-Imdina. Imma xi oħrajn, li kienu jafu bil-passaġġi sigrieti, telgħu jistaħbaw fihom bit-tama li joħorġu wara li jgħaddi kollox. Iżda ġara, li kif soltu kienu jagħmlu, dawn il-kursara daħlu wkoll fil-knisja u ndunaw bil-Maltin mistoħbija hemm fuq u mbarrawhom hemm. Meta ż-Żwieten l-oħra ġew lura, dawn kienu laħqu mietu u peress li kienu ilhom sewwa mejtin, l-iġsma ta’ dawn l-imsejkna tħallew hemm. Dari, dawn l-invażjonijiet f’dawk l-inħawi kienu spissi u sikwit kienu jħallu ħerba sħiħa warajhom. Kitba fuq pilastru ħdejn l-altar maġġur tfakkar kif f’wieħed minn dawn l-attakki li sar fl-1614, it-Torok għamlu ħsara konsiderevoli lil din il-knisja. Il-Misilmin kienu jisirqu kull ma jiġi għal idejhom u jkaxkru lin-nies tal-inħawi magħhom biex jeħduhom bħala skjavi. Kienu jiġu bix-xwieni mill-Afrika u l-ewwel ma kienu jsibu quddiemhom kienu l-bajjiet ta’ San Tumas, ta’ Wied il-Għajn, ta’ Birzebbugia u dik ta’ Marsaxlokk li kollha kienu faċli ħafna biex titla’ minnhom. Il-passaġġi sigrieti nbnew biex jintużaw bħala lok ta’osservazzjoni għal dawn is-sibbien ħalli minnhom jingħata l-allarm lill-bqija ta’ Malta. Il-passaġġi sigrieti kienu biss leġġenda sakemm darba minnhom fl-1969, is-sagristan tal-knisja, Ġan Marì Debono, kien qiegħed iħalleb il-bejt minħabba x-xita. Dan innota li kien hemm ġebla għolja li ma kienx jaf x’inhi u ddeċieda li jaqlagħha. Hekk kif fetagħha ra ħafna dlam u tħasseb hemmhekk fejn kien jiġi. Dak il-ħin stess, mar iġib xemgħa u niżel fl-ispiera mudlama. Hemmhekk isib tlett kuriduri u fihom kien hemm għadd ta’ skeletri mxerrda. Fil-ħitan, imbarrati bil-ġebel, instabu wkoll ħames fetħiet li tlieta minnhom kienu jagħtu fuq ir-Ramla ta’ San Tumas u Wied il-Għajn u t-tnejn l-oħra, fuq Marsaxlokk u Birżebbugia. Mal-iskeletri nstabu wkoll żewġ muniti żgħar, il-fdalijiet ta’ salib Biżantin u biċċa xibka li kienet tintlibes fuq is-sider taħt il-kurrazza.
X’importanza kienet ingħatat is-sejba ta’ dawn il-passaġġi sigrieti?
Uuu. X’agħa kienet qamet! Il-gazzetti faru kollha bl-aħbar u kienu għamlu propoganda kbira. Kien ħareġ illi l-leġġenda tal-passaġġi sigrieti kienet realtà imma li dawn ma kienux madwar il-koppla imma mibnija ġol-ħitan massiċċi tal-kappellun tal-lemin. Niftakar li kemm l-Isqof Gonzi u kif ukoll il-Gvernatur kienu żaru l-knisja u anki daħlu fil-passaġġi sigrieti, fost diffikultà kbira dak iż-żmien. L-istudjużi ippruvaw jiddataw l-għadam li nstabu. Imma dak iż-żmien ma setgħux joħorġu konklużjonijiet peress li ħareġ li l-fdalijiet kienu ilhom wisq esposti għall-arja. Id-dati fuq il-muniti ma kienux baqgħu jingħarfu. Imnaqqxa fid-daħla tal-passaġġi, instabet ukoll id-data 1909. Huwa evidenti li dawn il-passaġġi kienu diġà nstabu darb’oħra. Jista’ jkun li f’dak iż-żmien, meta ntlemħu l-iskeletri, beżgħu li setgħu kienu xi fdalijiet ta’ xi mejtin bil-pesta u l-passaġġi reġgħu ingħalqu minnufih.
X’ġara minn dawn l-iskeletri u x’inhi l-opinjoni tiegħek dwar din is-sejba?
L-iskeletri li nstabu fil-passaġġi sigrieti ġew impoġġija fuq in-naħa ta’ wara tat-tielet kuridur. Il-fdalijiet li nstabu magħhom qegħdin esposti kollha ġo kamra fil-knisja ta’ San Girgor stess. Nistqarr li lili din il-ġrajja tan-nies magħluqa hemm ġew mit-Torok, ma tantx tinżilli. Ma nistax nifhem kif fiż-żmien meta n-nies kienu jiġu ppersegwitati tant mit-Torok, ma ħadu xejn magħhom biex jiddefendu ruħhom. Ma nemminix dit-teorija u hemm oħrajn li jaħsbuha bħali. Diffiċli kif ma sibna kważi xejn li xejn mal-iskeletri. Jiena aktar naħseb illi l-passaġġi għamlu żmien jintużaw bħala ossarju u li dawk l-iskeletri tpoġġew hemmhekk biex jagħmlu spazju lil xi oħrajn li kienu jindifnu taħt il-qiegħa tal-knisja.
Innutajt li mal-ħitan tal-Knisja ta’ San Girgor hemm ukoll għadd ta’ graffiti b’dati antiki magħhom. X’tikkummenta?
Iva. Il-ħitan miżgħuda bihom għalkemm sfortunatament maż-żmien, dawn qed jintilfu wieħed wieħed. Graffiti partikolari huma dawk tal-istilla ta’ David maqsumha bi vleġġa. Donnu kien hemm xi moviment anti-semitiku kontra l-Lhud. Irridu niftakru li fiż-żminijiet tan-nofs, il-Lhud kienu jiġu ppersegwitati ħafna mill-Insara. Hemm ukoll numru ta’ graffiti ta’ xwieni b’dati li jmorru lura għas-sbatax-il seklu. Dawn kienu jkunu wegħdi li kienu jagħmlu s-sajjieda meta kienu jeħilsu minn xi għawġ fuq il-baħar. Dawk is-sajjieda li ma kienx ikollhom flus biżżejjed biex jagħtu xi għotja lill-knisja, kienu minflok jonqxu x-xwieni tagħhom fuq wiċċ il-knisja bħala devozzjoni.
Il-Knisja ta’ San Girgor hija teżor storiku. Taħseb li hija rikonoxxuta biżżejjed u li qed tingħata l-protezzjoni li jixirqilha?
Daqs tlett snin ilu sar restawr tajjeb ħafna lil din il-knisja u nħossni kuntent ħafna bix-xogħol li sar. Taf x’nixtieq? Li jiġi rranġat iz-zuntier li hemm madwarha. Il-ġebel ittiekel ħafna, tant li ġie perikoluż immens biex timxi fuqu speċjalment meta jkun imxarrab.
Il-purċissjoni ta’ San Girgor flimkien mal-istorja antika tal-knisja innifisha huma wirt storiku tagħna l-Maltin kollha. Imma llum din il-purċissjoni temmen li għadha sinjal ta’ fidi jew tradizzjoni?
Illum kollox sar jieħu l-forma ta’ spettaklu u kollox jiġi ridott f’xalata. Naħseb li ftit huma dawk li għadhom iqisu din il-purċissjoni bħala xi mezz ta’ penitenza jew ta’ talb. Fil-fatt il-Knisja stess ma tantx għadha tagħfas ħafna fuq purċissjonijiet u ċelebrazzjonijiet bħal dawn. Jiena stess, illum sirt nemmen illi jekk irrid nitlob sewwa, aħjar ninġabar f’post għall-kwiet milli nieħu sehem f’purċissjoni bħal din. Iż-żminijiet jinbidlu.
Allura taħseb li m’għadx fadal aktar skop li tibqa’ ssir il-purċissjoni ta’ San Girgor?
Le. Mhux qed ngħid hekk. Wegħda solenni hija wegħda. U jiena nemmen li din il-purċissjoni għandha tibqa’ ssir għax hija wegħda li l-poplu għamel ma’ Alla. Wegħda għandha tinżamm għal dejjem.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 t’April 2009)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | ||||||
2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 |
9 | 10 | 11 | 12 | 13 | 14 | 15 |
16 | 17 | 18 | 19 | 20 | 21 | 22 |
23 | 24 | 25 | 26 | 27 | 28 | 29 |
30 | 31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23