Posts Tagged ‘manuċċi’

  • MIN SER JITĦAJJAR?

    Dil-ġimgħa kont bejn ħalltejn niktibx l-intervista skont id-djalett Żejtuni li saret biha. Madanakollu finalment deherli li jekk nagħmel dan, jaf ikun hemm uħud mill-Lino Psailaqarrejja li jsibu diffikultà biex isegwu u allura ddeċidejt li nittraduċi għall-Malti standard – skont kif isejjaħlu Lino Psaila.

    “Jiena kburi ħafna bid-djalett tagħna. Hekk jew hekk nitkellem ma’ min nitkellem, kulħadd jifhimni,” saħaq Lino. “Ma nagħmilx bħal ċertu nies li jistħu jitkellmu bid-djalett.”

    Fil-fatt għalija din l-intervista swietli ħafna emozzjonijiet ta’ nostalġija. L-ewwel nett għax jiena Żejtunija u d-djalett tagħna nafu sewwa għalkemm ġeneralment nitkellem bih biss mal-qraba tiegħi. U t-tieni għax minn dejjem kont kburija b’dan iż-Żejtuni li jipprattika dan il-passatemp tant uniku.

    Jiena u nħabbat il-bieb tad-dar tiegħu, minn quddiem għajnejja ġrew ħfief ħfief il-memorji ta’ meta jiena u ħija l-kbir, ta’ tfal li konna,Għażla ta' manuċċi konna mmorru għandu b’dik iċ-ċertu mistħija ħalli nixtru xi tajra sabiħa. Kien ikollu ħafna wieqfa mal-ħajt u min jaf kemm ġieli xxennaqna għal xi waħda kbira u dettaljata. Imma bil-flus li nkunu faddalna bejnietna, dejjem kellna nikkuntentaw b’waħda iżgħar. Xorta waħda jkolli ngħid illi għalkemm forsi ma kinetx tkun l-aqwa waħda fostom, dit-tajra ċkejkna kienet kapaċi tnissel fina dak is-seħer li jaħkem lill-bniedem meta jara xi ħaġa ttir.

    “Mela l-ewwel nett nibda biex ngħidlek li aħna ż-Żwieten mhux tajra nsejjħula imma manuċċa. Dil-kelma ġejja mit-terminuIl-Manuċċa Sqalli ‘manu uccello’ li tfisser għasfur fl-idejn. Jingħad li żmien twil ilu numru ta’ Sqallin kienu telqu minn Sqallija minħabba xi nkwiet li kien hemm fil-pajjiż u ġew jissetiljaw fir-raħal t’isfel taż-Żejtun. Aktarx minn hemm ukoll ħareġ it-titlu ta’ Bisqallin. Naturalment magħhom dawn l-Isqallin ġabu ċertu użanzi u fostom din, li bid-djalett Żejtuni ddawwret għal manuċċa.”

    Lino kompla jfehemni illi sa minn snin twal ilu, ż-Żejtun kien imfittex ħafna għall-manuċċi.

    “Fl-antik il-manuċċi kienu jittajru madwar Malta u Għawdex kollha imma kont tisma’ min jgħidlek li jekk trid tara l-manuċċi bil-kwantità kellek tmur saż-Żejtun.

    Aktar il-quddiem, meta jiena kelli madwar ħames snin, niftakar li fir-raħal tagħna l-bjut kollha tad-djar kienu jkunu mimlija bin-nies itajjru l-manuċċi.”

    Illum Lino jgħodd is-67 sena imma anki jiena niftakar sewwa kemm kien ikun hemm manuċċi kull kulur itiru fil-għoli. U dan akkost il-battikati kbar biex tiskampa l-l-gzuz ta’ aerials tat-TV li kien hemm fuq il-bjut f’dawk is-snin.

    “Biex illum rari tara waħda fir-raħal kollu! Donnu dan il-passatemp miet għal kollox.

    Fiż-żmien meta l-manuċċi kienu popolari hawn ir-raħal kienet saħansitra daħlet kompetizzjoni tal-isbaħ manuċċa. Kont tara per eżempju manuċċi bl-armi tal-partit laburista, tal-partit nazzjonalista, tal-Beland, taż-Żejtun Band, tal-Laċċi u ta’ diversi timijiet tal-futbol  fost oħrajn. Kulħadd b’dik l-isfida biex itella’ l-akbar u l-isbaħ waħda.

    Jiena kont tgħallimt nagħmel il-manuċċi meta kelli madwar 10 snin. Rawwimni kif nibnihom tajjeb il-kuġin ta’ nannuwi, Karmnu, li hawn ir-raħal kien magħruf bħala c-champion fit-tiswir tal-manuċċi. It-tiswira ta' manuċċaMatul iż-żmien dejjem kont nipprova nara kif nista’ nsebbaħħhom jew kif nista’ nipperfezzjonahom.

    Darba waħda waqt programm fuq it-TV bqajt impressjonat meta rajt iċ-Ċiniżi x’kienu kapaċi jagħmlu f’dan il-qasam. Mhux manuċċa waħda kienu jtajjru imma mijiet u l-forom tagħhom kienu tal-għaġeb!

    Minn dakinhar bdejt ninnota madwari imma hawn Malta qatt ma rajt lil ħadd itella’ aktar minn manuċċa waħda. Ġieli kont tara xi tliet manuċċi telgħin mill-istess bejt imma kull waħda kien ikollha persuna qed iżżommha. Daħħaltha f’rasi li jekk kienu kapaċi jagħmluhom iċ-Ċiniżi manuċċi bħal dawk, stajt nagħmilhom jien ukoll.”

    Iżda f’dax-xogħol tal-manuċċi ċ-Ċiniżi għandhom vantaġġ kbir fuqna l-Maltin…

    “Is-sigriet ta’ manuċċa tajba huwa l-qaws jew kif hawn min isejjaħlu, l-ark. Dak irid ikun perfett. Jekk ikun miġbud wisq lejn naħa jew oħra il-manuċċa ħa ddurlek ‘l hemm jew ‘l hawn.

    Issa fiċ-Ċina jużaw il-bamboo għal dax-xogħol u l-irtubija ta’ dal-materjal tagħtihom il-possibilità li jaħdmu bih kif iridu. Jistgħu jgħawwġuh biex jibnu liema figura joħolmu biha fostom biex jiffurmaw dawk il-manuċċi sbieħ f’għamla ta’ draguni jew ħut u li bihom jagħtu spettaklu sħiħ meta jittajru.

    Li kieku kelli nipprova nagħmilhom jiena manuċċi bħal dawk, ikolli bżonn workshop kbir daqs nofs ir-raħal. Tgħidli għaliex? Għax il-qasba tagħna mhiex daqshekk flessibbli. Kieku jfettilli nagħmel xi Il-qasab Maltimanuċċa f’forma ta’ dragun per eżempju, inkun irrid inxarrab il-qasab mill-inqas lejl qabel. Imbagħad ikolli nagħmel il-forma tal-manuċċa li nixtieq u nqassamha bl-imsiemer kull pulzier. U hekk kif il-qasba tkun għadha mxarrba rrid ngħaddiha minn bejn dawk l-imsiemer kollha u nibnihom waħda waħda ħdejn xulxin. Immaġina kemm nirrikjedi spazju biex nibni manużża waħda b’dal-mod, aħseb u ara sett!

    Li kieku jirnexxieli nakkwista kwantità ta’ bamboo ninsab ċert li kapaċi nibni manuċċi bħal taċ-Ċiniżi. Iżda aktarx din ser tibqa’ biss bħala waħda mill-ħolmietIl-qaws huwa s-sigriet għal manuċċa tajba li kelli u li ma rnexxiliex nagħmel. Ċertament li kieku kelli nkellem lill-ambaxxata Ċiniża huma jipprovduni b’waħda fi ftit żmien. Imma jekk ma nkunx ħdimtha jien, għalija xi preġju jkun fiha?”

    Għalkemm s’issa Lino għadu ma qatax dix-xewqa, min-naħa l-oħra huwa rnexxielu jsib irkaptu kif itella’ kwantita’ kbira ta’ manuċċi f’daqqa.

    “L-ewwel li ppruvajt bi tnejn imma għalkemm irnexxieli ngħollilhom ftit rashom fl-ajru, mill-ewwel ħaduha għal isfel! Dak iż-żmien kont għadni ma nafx norbot sew. Għadda ż-żmien u sadanittant kont iżżewwiġt u qisni kont insejthom lil dawn il-manuċċi. Imma meta mort noqgħod Marsaxlokk u rajt dak il-beraħ kollu fuq il-baħar, erġajt twebbilt.

    Did-darba ippruvajt intella’ ħamsa f’daqqa imma reġgħu waqgħu. Għedt qed nagħmel xi ħaġa ħażina żgur. Qgħadt niflihom u nnutajt illi meta rbatt il-manuċċi ma kontx irbatthom bl-istess distanza. Lino jtajjar set minnhomIttantajt nara hux minn hemm, irbatthom bi tliet piedi bejn waħda u oħra u did-darba telgħu. Għedt ehh, issa sibtu s-sigriet l-ieħor tagħhom. Sena wara iddeċidejt li naħdem sett b’10, għamilthom u telgħu. Fis-sena ta’ wara għamilt 50 u f’ta wara 100, sakemm darba waħda ħdimt sett ta’ 700 għalkemm tellgħajt biss 565 minnhom għax ma flaħthomx daqs kemm bdew jiġbdu!”

    Lino urieni l-qtugħ f’idu li kien għadu jidher minn wara jumejn li tella’ sett ta’ 151 manuċċa. Xtaqt inkun naf kemm hu diffiċli biex wieħed itella’ sett ta’ manuċċi ta’ dik il-kwantità?

    “Sakemm tidra ttellagħhom naqra imma mhux diffiċli. Sett ta’ 500 manuċċa ntellgħu fi tliet kwarti imma mbagħad nieħu madwar siegħa u nofs biexSett ta' 151 manuċċa inniżżilhom għax għalkemm magħmula mill-karti tat-tajr f’dik il-kwantità u bil-ġbid tar-riħ jiġu pjuttost tqal. Barra minn hekk trid titgħallem it-tattika kif b’id waħda żżomm il-manuċċi fl-ajru u bl-id l-oħra tniżżel il-manuċċi waħda waħda, tiftaħhom u tippustjahom ċatti fil-kaxxa.

    Bi 3 piedi rbit bejniethom u b’100 pied ieħor bogħod mill-aħħar waħda sa jdejja, sett ta’ 500 manuċċa jkollu tul ta’ madwar 1600 pied. Għalhekk trid toqgħod attent li tniżżilhom fil-ħin għax jekk jitqawwielek ir-riħ, kapaċi jaqtagħlek l-irbit u titlifhom.”

    Ġieli tilef xi sett manuċċi?

    “Mhux darba u tnejn! Ġieli tlift settijiet ta’ 100 jew 200 manuċċa f’daqqa! Jibqgħu sejrin u daqshekk tarahom.Sett ta' manuċċi ieħor X’tagħmel? Nikkunsidra dar-riskju bħala parti mill-logħba. Nibkihom taf għax biex nagħmel dawk is-settijiet nieħu ħafna ħin. Dan l-aħħar għamilt sett ta’ 150 manuċċa tal-armi tad-destroyers Inglizi li kienu għerqu fl-aħħar gwerra. Ħadt 3 xhur biex ħdimthom.

    Kultant jista’ jkun li nitlifhom tort tiegħi. Dak sigriet ieħor – it-tip ta’ rbit. Jekk jista’ jkun trid torbothom waħda waħda bl-istess stress għax jekk ikunu ssikati ħafna jistgħu jinqatgħulek u jekk iżżommhom merħijin wisq jinħallulek. Trid toqgħod attent li torbothom bl-istess mod għalkemm kultant f’dik il-kwantità, xi waħda tfallilek.”

    Is-settijiet tal-manuċċi ta’ Lino kollha għandhom xi suġġett partikolari. Kelli kurżità kif jagħżilhom?

    “Fantasija! Ġieli nkun rieqed per eżempju u hekk kif inqum jiġuni f’moħħi l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann u ngħid iva, sett tagħhom nagħmel. Imbagħad hekk kif nagħżel is-suġġett jew immur infittex dwaru fl-għadd ta’ kotba li għandi jew inkella noqgħod indur nagħmel ir-riċerka fl-internet.

    L-aktar sett għal qalbi jirrappreżenta l-armi tal-Gran Mastri li kien hawn f’Malta. Inzerta li dal-manuċċi ħarġuli bellezza… il-kapolavur tiegħi nsejjħilhom! Barra li ġew sbieħ ħarġu wkoll perfettissimi u rari tiċċaqlaq waħda minnhom.

    Bħalissa qiegħed ġo moħħi sett bl-armi tal-futbol tal-Malta Football Association. Beħsiebni ninkludi t-timijiet tal-1, it-2 u t-3 diviżjoni imma peress li dawn jinbidlu, ser norbothom b’mod alfabetiku.”

    Għalkemm Lino jsostni li m’hemmx interess f’dan il-passatemp, kull darba li jtella’ xi sett manuċċi minn xi post milħuq sewwa, tara n-nies jinġabru madwaru.

    “Iva jieqfu bosta u kulħadd jitpaxxa bihom imma ħadd ma jistaqsik kif taħdimhom.

    Għalkemm kultant jieqfu ċertu tipi ħdejk li ma tinsiehomx kif ġieb u laħaq…

    Mela darba minnhom kont M’Xlokk u bdejt intella’ sett bil-bnadar tal-pajjiżi. F’daqqa waħda waqfu ħdejja grupp ta’ madwar 80 student u poġġew bil-qiegħda jarawni ntajjarhom. Hekk kif wasalt fil-Il-manuċċi lura f'posthombandiera ta’ Franza jqum student minnhom u talabni nieqaf ftit qabel intellagħha. Grupp żgħir ta’ studenti qamu bil-wieqfa ħdejh u bdew ikantaw l-innu ta’ Franza. Jiena bqajt skantat inħares lejhom u wara komplejt intella’. Hekk kif wasalt f’ta’ l-Ingilterra, qamu l-istudenti Inglizi u bdew ikantaw l-innu tagħhom huma wkoll. Tassew bqajt impressjonat dakinhar għax ħaġa bħal dik qatt ma kienet ġratli. Meta bdejt inniżżel il-manuċċi l-istudenti kienu għadhom ħdejja u ndunajt li xtaquha l-manuċċa bil-bandiera ta’ pajjiżhom. Qtajthom it-tnejn u tajthomlhom u tgħidx kemm irringrazzjawni.”

    Iżda Lino qalli wkoll li darba minnhom resqet waħda ċċanfru minħabba sett minnhom!

    “Kont qiegħed fl-inħawi tal-Fajtata intella’ sett manuċċi bl-isem tal-kmandanti tas-sottomarini li kellha l-Ġermanja fl-aħħar gwerra. F’ħin minnhom resqet lejja waħda Ingliża flimkien mar-raġel tagħha u qaltli “Ma tistħix ittella’ sett bħal dak?” Għedtilha le, għaliex tridni nistħi? Weġbitni “Dik l-iswastika fuq kull manuċċa ma ddardrikx meta tiftakar kemm tefgħawlkhom bombi fuqkhom?” Għedt hekk le ħija u fil-pront irrispondejtha li f’dak il-każ messa tistħi hi għax il-bombi li qlajna fuq pajjiżna, ġew fuqna sempliċiment għax konna kolonja tal-Ingilterra, l-pajjiż tagħha. U għaddset rasha u telqet ‘l hemm.”

    Matul id-diskursata tagħna Lino sikwit isostni kemm hu ddispjaċut li spiċċa l-interess f’dal-qasam. U proprju dan id-diżappunt fl-istess ħin jagħtih il-ħeġġa biex kemm jista’ jkun jipprova jaqsam dak li tgħallem hu ma’ nies oħra, speċjalment it-tfal.

    “M’hawnx inkoraġġiment u llum it-tfal għandhom ħafna biex jilgħabu tant li llum il-manuċċa qisha xi ħaġa ta’ mitt sena ilu!

    Kull min stedinni biex immur nuri lit-tfal kif jaħdmuhom dejjem mort bil-qalb u bla interessi xejn. Stednuni f’diversi skejjel u anki f’xi kunsilli lokali. Ma ninsa qatt meta mort l-iskola tal-Mosta u ltqajt ma’ Il-mira ta' Lino hi li jħajjar lin-nies lejn dan il-passatemp700 student. Mort anki s-St James Cavalier u hemm it-tfal ġew anki mal-ġenituri tagħhom. Darba minnhom iltqajt ma’ tifla mill-Mellieħa li ma ninsiha qatt. Mort l-iskola tagħhom u bħas-soltu urejthom kif jibnu manuċċa tajba. Meta staqsejthom biex nara fehmunix, din kienet kapaċi tispjegali x’għamilt eżatt mill-a saz-z. Uriet ħafna interess u meta kellimtha ftit tregħixt meta qaltli li nannuwha kien Żejtuni! Għedt tgħid din l-imħabba għall-manuċċi hija xi ħaġa fid-demm tagħna n-nies tar-raħal?

    Il-problema hija li ma nafx jekk minn dak iż-żmien ‘l hawn xi ħadd minn dat-tfal ittantax jagħmel xi manuċċa ħalli jtajjarha u allura ma nafx jekk ħallejtx impatt jew le fuqhom.

    Nixtieq ħafna li xi ħadd jiret din is-sengħa minn warajja u lest li ngħallem b’xejn lil kull min juri interess. Kultant ngħid imma possibbli ma tiġi l-għira lil ħadd biex jipprova jtella’ sett manuċċi bħali? Allaħares nispiċċa jien u jispiċċa dal-passatemp miegħi. U l-aktar li nippretendi interess miż-Żwieten. Fejn huma dawk iż-Żwieten u t-tfal tagħhom li tant kienu jtajjru b’ħeġġa u bi kburija l-manuċċi tagħhom?”

    Biex dan ix-xogħol ta’ Lino ma jintesiex, żewġt iħbieb tiegħu, Alfred u Jasmine Grech, tellgħu video fuq youtube li intom tistgħu taraw permezz ta’ dan il-link: http://www.youtube.com/watch?v=8djQlC8u218.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-22 t’Awwissu 2010)

    2010.08.22 / no responses / Category: Torca - Perspettivi