Posts Tagged ‘monasteru ta’ Sant’Ursula’

  • Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard

    Ma tistax ma tieqafx tiċċassa lejh meta tara ritratt ta’ ras ta’ skeletru ta’ bniedem iddekorata! Aktar u aktar meta ssir taf li dik hija relikwa ta’ individwu magħruf ħafna madwar id-dinja. U li din tinsab f’monasteru f’Malta.

    Patri Gerard Sasso: il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann

    Relikwa - Patri Gerard Sasso (Ritratt - Fiona Vella)Iltqajt għall-ewwel darba ma’ din l-immaġni waqt xi xogħol li kont qed nagħmel relatat mal-Assedju l-Kbir li seħħ fl-1565. Skoprejt li dik ir-ras kienet maħsuba li tappartjeni lill-Patri Gerard Sasso, il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann, li għex bejn l-1040 u l-1120.

    Jingħad li Patri Gerard kien bniedem twajjeb ħafna u ta’ qalb kbira. Kien jifforma parti mill-Ordni Benedittina u fil-11 il-seklu, huwa rħielha lejn Ġerusalemm sabiex jagħti l-għajnuna tiegħu lill-pellegrini li kienu jżuru dik l-art fi kwantitajiet kbar, akkost il-perikli u s-sofferenza.

     Il-perikli tal-pellegrini

     Dak iż-żmien ma kinetx xi ħaġa faċli li tmur pellegrinaġġ biex iżżur siti Kristjani, speċjalment meta dawn kienu f’art oħra li spiss kienet maħkuma mill-Misilmin. Apparti l-biża’ minn xi attakk fejn wieħed seta’ jiġi misruq jew maqtul, kien hemm ukoll id-diffikultà tat-tul tal-vjaġġ bl-inqas kumdità possibbli. Il-mard, l-inċidenti u l-mewt temmew il-ħajja ta’ bosta minn dawn il-pellegrini. Kienet meqjusa bħala xi ħaġa komuni li pellegrin jista’ ma jirritorna qatt lejn daru u fil-fatt kien hemm sistemi legali li kienu jorbtu lil dak li jkun biex iħallas dejnu qabel ma jitlaq fuq xi vjaġġ bħal dan.

    Jitwaqqaf sptar għall-pellegrini f’Ġerusalemm

    Dan it-tiġrib lill-pellegrini qanqal lil grupp ta’ negozjanti minn Amalfi sabiex iwaqqfu post fejn dawn in-nies setgħu jingħataw l-għajnuna u l-kura meħtieġa. Dan is-servizz tant kien utli u meħtieġ li finalment il-post inbidel fi sptar u dan beda jitmexxa minn Patri Gerard.

    Għalkemm oriġinarjament, dan il-post kien maħsub biex jilqa’ biss lill-pellegrini Kristjani, Patri Gerard ma kienx jagħmel din id-differenza bejn bniedem u ieħor. Jekk persuna kienet fil-bżonn, hu kien jilqagħha b’idejh miftuħa bla ma qatt jistaqsi xejn aktar.

    Titwaqqaf l-Ordni ta’ San Ġwann

    Dan l-aġir tiegħu sar magħruf sewwa man-nies, tant li finalment, aħbaru waslet għand Papa Paskal II. Dan tant ħass ammirazzjoni lejn ix-xogħol li kien qed iwettaq il-patri li fil-15 ta’ Frar 1113, huwa rrikonoxxa l-isptar u l-ordni tiegħu billi ħareġ Bulla Papali li fosthom ta lill-Ordni id-dritt li tagħmel ir-regoli tagħha u li tirrispondi direttament lill-Papa. Minn hemm, dan il-grupp ta’ patrijiet inbidel fl-Ordni ta’ San Ġwann.

    Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien din l-Ordni bdiet tiġbed ir-rispett tan-nies, l-aktar tan-nobbli li l-membri tal-familja tagħhom kienu ngħataw l-għajnuna minn dawn il-patrijiet waqt xi pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Bħala rikonoxximent, dawn l-individwi sinjuri bdew jibgħatu somom kbar ta’ flus sakemm il-ġid beda dieħel għand l-Ordni bir-radam.

    Għalkemm Patri Gerard kien l-ewwel mexxej tal-Ordni, qatt ma kibritlu rasu. Huwa baqa’ dejjem bniedem umli, jaqdi dmiru mal-fqir, il-marid u l-batut. Miet fl-1120 u postu ttieħed mill-Kavallier Franċiż Raymond du Puy. Dan ma kien jixbaħ xejn lil ta’ qablu għax apparti li kien reliġjuż, kien ukoll statista. Infatti, huwa ma damx ma bidel in-natura tal-Ordni, ikkodifika r-regoli tagħha u waqqaf grupp ta’ patrijiet li kienu lesti li jiġġieldu sabiex jipproteġu lill-pellegrini. Barra minn hekk, huwa ra kif joħloq mezzi oħra sabiex isaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-Ordni billi akkwista artijiet u rikkezzi oħra.

    Ġisem Patri Gerard jitqies b’relikwa

    Wara l-mewt ta’ Patri Gerard, ġismu nżamm fil-monasteru ta’ Ġerusalemm u l-Kavallieri raw kif għamlu biex ippreservawh bl-aħjar mod. Dan il-korp kien miżmum b’qima kbira tant li kull meta l-Kavallieri bidlu l-post tal-kwartieri tagħhom, huma ħaduh magħhom bħala relikwa prezzjuża.

    Ras Patri Gerard issib ruħha Malta

    Il-Monasteru ta’ Sant’Ursula l-BeltIżda ġara li għal xi raġuni, dan il-ġisem ma baqax intatt u fl-1749, ras il-patri sabet ruħha f’Malta wara li nġarret minn Monasque fi Franza fuq ordni tal-Gran Mastru Emmanuel Pinto. Dan it-tagħrif huwa kkonfermat minn dokumenti li hemm maħżuna ġol-kaxxa ċkejkna li fuqha sserraħ din ir-relikwa.

    Għall-ewwel, din ir-ras inżammet fil-Palazz Maġisterjali u aktar tard, din tmexxiet flimkien mar-relikwi l-oħra li kienu merfugħa fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann il-Belt. Eventwalment, fid-19 ta’ Ġunju 1830, din ir-ras ġiet fdata f’idejn is-sorijiet tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula, il-Belt, fejn għadha sa llum, f’vetrina żgħira biswit l-altar tal-kor, ġewwa l-kappella tal-monasteru.

    Fil-21 ta’ Diċembru 2001, ir-relikwarju tal-injam li kienet miżmuma fih din ir-ras, inbidel ma’ wieħed tal-fidda u dan ġie rregalat mill-Prof. Dr Guglielmo de Giovanni-Centelles, Duka ta’ Precacore, flimkien ma’ martu Donna Carla.

    Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard

    Madre Prijoressa Sr. Agnese Zammit OSS biswit ir-relikwa ta' Patri Gerard Sasso (Ritratt - Fiona Vella)Wara li rriċerkajt din it-tema, ma stajtx ma nżurx il-post fejn tinsab din ir-relikwa. Akkost li l-monasteru jiġbor fih sorijiet tal-klawsura, it-talba tiegħi ġiet milqugħa mal-ewwel u ma domtx ma sibt ruħi wiċċ imb’wiċċ ma’ dan il-bniedem li tant nies jitkellmu b’rispett lejh.

    “Kull sena, jiġu għadd ta’ nies minn madwar l-Ewropa kollha biex iżuru din ir-relikwa,” infurmatni l-Madre Prijoressa Sr. Agnese Zammit OSS tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula l-Belt.

    Il-Madre Prijoressa liebsa l-istolone u l-manto di punta“F’April li għadda, kellna anki żjara statali mill-Prinċep u Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta, Frá. Matthew Festing. Għal din l-okkażjoni, peress li aħna sorijiet tal-Ordni, nilbsu l-abitu statali li jinkludi l-istolone u l-manto di punta”.

    Kull sena, fit-13 t’Ottubru, dawn is-sorijiet jorganizzaw quddiesa solenni b’rispett lejn Patri Gerard. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, jattendu l-Kavallieri ta’ San Ġwann kollha li joqogħdu Malta u mill-ġdid huma jilbsu l-abitu statali.

    Ħadd ma jaf kien kien jidher wiċċu

    Ħadd ma jaf fiċ-ċert kif kien wiċċ Patri Gerard. Madanakollu, sforz ir-rispett kbir li n-nies minn dejjem kellhom lejh, saru diversi pitturi tiegħu fejn wiċċu ġie mmaġinat mill-artisti. Wieħed minn dawn il-kwadri li juri lil Patri Gerard qed jilqa’ lil Godfrey de Bouillon, Duka ta’ Lower Lorraine u mexxej tal-Ewwel Kruċjata ġie maħdum mill-pittur magħruf Antoine De Favray u jinsab esebit fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti fi Triq Nofsinhar il-Belt.

    Sadanittant, jekk qanqaltilkhom biżżejjed kurżità, tistgħu taraw ukoll kopja ta’ dan il-kwadru fuq il-blog tal-Assedju l-Kbir ta’ Heritage Malta – www.heritagemalta.org/1565

    Apparti kurżitajiet simili relatati mal-Ordni ta’ San Ġwann, f’dan il-blog tistgħu ssegwu wkoll rakkonti ġurnata b’ġurnata ta’ dak li għaddew minnu Malta, il-Maltin u l-Kavallieri waqt il-perjodu aħrax tal-Assedju l-Kbir li beda f’Mejju u ntemm f’Settembru tal-1565.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (12 il-parti) fit-Torċa tas-7 ta’ Ġunju 2015)

    2015.06.07 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Sorijiet u prostituti

    Il-knisja tal-Maddalena llum u l-bini ta' hdejha.jpg

    Pittura - Noli Me Tangere - Palazz San Anton, Attard.jpgPittura -Noli Me Tangere - Monasteru Santa Katarina l-Belt Valletta.jpgIl-qoxra tal-ktieb.jpg

    Għaddejt minn quddiem il-Knisja tal-Maddalena kemm il-darba mingħajr qatt ma bsart xi storja kien hemm warajha. Madanakollu, minn dejjem naffarni l-ħsieb li din il-knisja antika kienet għamlet żmien tiġi utilizzata bħala post fejn jinħadmu l-karrijiet tal-karnival. Iżda kien biss ftit tal-jiem ilu, waqt li kont qed inħuf għal xi erbgħa kotba interessanti fil-Fiera tal-Ktieb, meta finalment ġejt wiċċ imb’wiċċ mar-realtà tad-destin ta’ din il-binja. Kien it-titlu tal-ktieb Magdalene Nuns and Penitent Prostitutes – Valletta li għall-ewwel sammarni fil-post u sfidani nqalleb il-paġni ħalli nara dwar xhiex kien jitratta. Naturalment ma stajtx nitlef l-opportunità li nkellem lill-awtriċi tiegħu, Christine Muscat, u minn hemmhekk infetħet dinja sħiħa ta’ dokumenti antiki u stejjer mistura, intriċċi u misteri, voti tas-sorijiet tal-klawsura u ittra ta’ mħabba miktuba lil waħda minnhom li nstabet fil-Biblijoteka Nazzjonali, ħajjiet ta’ sorijiet konnessi ma’ dawk tal-prostituti, u kripta mirduma bil-fdalijiet tas-sorijiet tal-Maddalena tistenna sakemm xi ħadd jerġa’ jsibha ħalli jagħti lura d-dinjità lil dawn in-nisa illum minsija imma li fi żmienhom kienu tant magħrufa.

    Kien artiklu ta’ Giovanni Bonello li kellu t-tema tal-prostituti u l-korteġġjani ta’ żmien l-Ordni li ispira lil Christine biex timraħ aktar dwar dan is-suġġett. Peress li hija gwida, ma damitx ma ħarġet bl-idea li tibni programm interessanti għall-viżitaturi tal-Belt relatat ma’ dan is-suġġett u l-inħawi antiki tiegħu. It-tfittxija għall-postijiet adattati ħaditha fosthom quddiem il-Knisja tal-Maddalena u hekk kif bdiet tirriċerka ftit l-istorja tagħha, mall-ewwel sabet ruħha affaxxinatha b’dak li beda ħiereġ, tant li spiċċat biex kitbet teżi sħiħa mit-tagħrif li sabet sabiex bih kisbet il-grad ta’ Master fl-Istudju tal-Ospitallieri. Eventwalment din ir-riċerka tant intlaqat tajjeb li l-pubblikaturi, Book Distributors Ltd, iddeċidew li kien jixirqilha tiġi ppreżentata fi ktieb.

    Fatt kurjuż huwa li meta Christine bdiet tistaqsi madwarha ħalli tikseb informazzjoni dwar din il-knisja u s-sorijiet tagħha, ftit li xejn kien hemm min kien jaf dwarha. Donnhom dawn is-sorijiet tal-Maddalena kienu ġew imħassra kompletament mill-memorja kollettiva ta’ dan in-nazzjon, bħallikieku xi ħadd xtaqhom jintesew għal kollox. Iżda huwa waqt każi bħal dawn li l-arkivji juru l-potenzjal tagħhom, hekk kif aktar ma l-awtriċi bdiet tistinka biex tiġbor it-tifkiriet ta’ dawn is-sorijiet, iżjed bdiet toħroġ l-evidenza tal-eżistenza tagħhom.

    L-istorja teħodna lura lejn żmien l-Ordni, meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann ġew ordnati jħallu Rodi u sabu ruħhom jgħixu hawn Malta. Fost ir-refuġjati li ġew minn Rodi flimkien mal-kavallieri, kien hemm ukoll għadd ta’ prostituti li segwew lill-klijenti tagħhom f’pajjiżna. Riżultat t’hekk, il-pjaga tal-prostituzzjoni fil-gżejjer tagħna, kompliet terfa’ rasha u kibret b’rata allarmanti, tant li fl-aħħar tas-seklu 17, viżitatur Franċiż ikkummenta li ma kienx hemm post fid-dinja fejn il-mard venerali seta’ jittieħed aktar malajr mill-gżira ta’ Malta. Aktar tard, fit-18 il-seklu, il-vjaġġatur Ġermaniż von Riedesel sostna li fil-belt Valletta ma kienx għad fadal mara waħda onesta! Rapporti bħal dawn, għalkemm ċertament esaġerati, ma damux ma ġibdu bosta kritika fuq l-Ordni fejn din ġiet akkużata li ma kienet qed tagħmel xejn biex toħnoq din il-problema fil-gżejjer Maltin. Għaldaqstant dawn fetħu monasteru għas-sorijiet tal-klawsura tal-Maddalena li kien jinsab biswit il-monasteru ta’ Sant’Ursula l-belt Valletta, sabiex fih setgħu jinġabru dawk il-prostituti ripentiti li ma xtaqux ikomplu b’din il-ħajja tad-dnub u minflok jieħdu l-voti tal-kastità, il-povertà u l-ubbidjenza. Ta’ min isemmi li din ma kinetx xi idea oriġinali tal-kavallieri ta’ Malta għax monasteri tas-sorijiet tal-klawsura tal-Maddalena kien hemm f’diversi pajjiżi, speċjalment fejn kien hemm il-portijiet u t-taħlit tan-nies li sikwit kienu jwasslu għall-firxa tal-prostituzzjoni.

    Għall-ewwel dawn is-sorijiet bdew mix-xejn u meta fl-1596 żarhom l-Inkwiżitur Innocenzo del Bufalo de Cancellieri huwa kiteb lill-Kardinal Aldobrandini f’Ruma biex jgħarrfu li dawn in-nisa kienu qed imutu bil-ġuħ u li l-binja tagħhom kienet kiesħa silġ. Mill-ġdid din l-aħbar qanqlet ħafna kritika lejn l-Ordni u dawn ma kellhomx għażla ħlief li jirrimedjaw din il-problema billi jibnu monasteru ġdid għal dawn is-sorijiet. Pjanti antiki tal-monasteru l-ġdid juru li dan ġie mibni madwar bitħa ċentrali twila u dejqa u li kien magħmul minn binja sħiħa rettangolari li kienet tinsab bejn Triq Merkanti (dak iż-żmien Strada San Giacomo) u Triq it-Tramuntana (Strada Sant’Elmo). Issa dawn is-sorijiet kellhom post lussuż fejn kellhom l-ilma tagħhom u saħansitra funtana. Barra minn hekk, il-knisja li kienet tagħmel parti mill-monasteru, bdiet tiżżejjen b’xogħolijiet tal-aqwa artisti ta’ dak iż-żmien bħal Filippo Paladini u Mattia Preti.

    Il-finanzi ta’ dan il-monasteru kienu jidħlu minn diversi sorsi fosthom: mid-doti li kienu jġibu magħhom is-sorijiet, mid-donazzjonijiet, mill-fondi li kienu dovuti kull sena mill-Ordni, u mill-fondazzjoni ta’ Ġirolama Ciantar li ħalliet somma ta’ flus li biha tmien tfajliet mis-Siġġiewi bil-kunjom Ciantar, setgħu jiddaħħlu bħala sorijiet f’dan il-monasteru mingħajr ma jħallsu d-dota dovuta. Imma ċertament l-aktar sors sinifikanti minn fejn dawn is-sorijiet bdew jibnu l-assi tagħhom kien permezz ta’ taxxa li ġiet imposta fuq il-prostituti kollha li kien hemm f’Malta f’dawk iż-żminijiet, fejn dawn kellhom iħallsu 20% ta’ flushom, tal-propjetà tagħhom u ta’ dak kollu li kienu jippossjedu, sabiex bihom is-sorijiet tal-Maddalena setgħu jieħdu ħsieb l-ispejjeż tal-monasteru tagħhom. Din it-taxxa li oriġinarjament ġiet introdotta f’Ruma mill-Papa Klement VIII fl-1602, kienet qajjmet fervent sħiħ fost il-prostituti ta’ Ruma u l-istess ġara f’Malta meta l-Granmastru nġieb f’pożizzjoni li jrid u ma jridx idaħħal l-istess regola f’pajjiżna. B’inġenjożità, b’manipulazzjoni u b’kapaċità li wieħed ma jistenniex minn sorijiet tal-klawsura magħluqa bejn erbgħa ħitan fis-seklu 17 u 18, dawn in-nisa rnexxielhom jibnu fortuna kbira, tant li wara ċertu ammont ta’ snin, il-ħajja tagħhom fil-monasteru kienet fost l-aktar lussużi.

    F’monasteru fejn kien hemm nisa ta’ oriġini sinjura u edukata mħallta ma’ oħrajn li minn dejjem kienu foqra, b’uħud minnhom li daqu anki d-dinja tal-prostituzzjoni, ma setax jonqos li jkun hemm bosta kunflitti interni. Infatti, bħal f’kull monasteru ta’ dak iż-żmien, kien hemm is-sorijiet koristi li kienu jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ l-artijiet u l-investimenti li kellu l-monasteru, u s-sorijiet servjenti li kellhom ir-responsabbiltà tax-xogħol domestiku, u din ir-realtà kienet toħloq ġerarkija bejniethom. L-inkwiet kien jinqala’ wkoll meta kienu jiġu mposti fuqhom xi nies li ma kienux jaqgħu taħt ir-regola tal-monasteru fejn kien hemm spjegat ċar li huma ma setgħux jaċċettaw morda, xjuħ u nisa tqal. Infatti kien hemm inċidenti meta r-rabja ta’ xi sorijiet qabżet il-linja mhux ħażin, bħal meta wħud minnhom ippruvaw joqtlu tfajla tqila li ntbagħtet tgħix magħhom permezz tal-velenu! Att li kien infurja lill-Inkwiżitur Giovani Ottavio Mancinforte li meta sar jaf b’din l-istorja, huwa ordna l-għeluq tal-monasteru u tal-knisja tiegħu u l-iskomunikazzjoni tas-sorijiet. Kien biss għal xi intermedjarji li daħlu għalihom li kkalmaw is-sitwazzjoni meta s-sorijiet kellhom jiskużaw ruħhom anki jekk kontra qalbhom.

    Il-poter u l-kuntatti li kellhom uħud minn dawn is-sorijiet kien qawwi ħafna u dan kien ċar min-numru ta’ ġrajjiet li l-awtriċi rnexxielha tislet mid-dokumenti. Iżda ċertament waħda mill-aktar fatti impressjonanti huwa dak tas-soru ripentita Sister Dorothea Valenti, li kienet eks-korteġġjana tal-Granmastru De Paule. Ġara li meta din ġiet irrifjutata milli tkun il-korteġġjana tas-suċċessur ta’ De Paule, hija ddeċidiet li tidħol bħala soru tal-Maddalena u magħha ħadet 18,000 skud u lil bintha Anna li kellha tliet snin. Peress li r-regola tal-monasteru ma kinetx taċċetta li t-tfal jgħixu ma’ dawn is-sorijiet, Valenti għamlet talba speċjali lill-Papa Urban VIII u dan aċċetta li bintha titħalla tgħix magħha, bil-patt u l-kundizzjoni li meta t-tifla ssir adoloxxenti tieħu l-voti tal-klawsura. U hekk sar. Infatti Anna Valenti saret soru tal-klawsura imma wara xi żmien din ħalliet il-monasteru u jidher li ħadet l-isem ta’ Anna Pitard.

    Fost il-paġni ta’ dan il-ktieb intriganti, wieħed isib ukoll kopja ta’ ittra ta’ mħabba li l-awtriċi sabet arkivjata flimkien mad-dokumenti antiki tal-Biblijoteka Nazzjonali. Fiha, l-awtur anonimu li kien il-maħbub ta’ ċerta Giuditta għal 33 sena sħaħ, jinfurmaha li kien sejjer ikellem lill-Papa u sadanittant jissuġġerilha wkoll biex tilbes żarbun tat-takkuna u tibda titla’ u tinżel it-taraġ bih ħalli ma tintelaqx. L-ittra twebblek li forsi finalment dawn il-maħbubin kienu ser jieħdu xi deċiżjoni biex jibdew xi ħajja flimkien. Madanakollu, Christine irnexxielha ssib soru li kien jisimha Sister Giuditta Novi li kienet tgħix fil-monasteru fil-perjodu tal-ittra u din mietet hemm erbgħa snin wara d-data ta’ dan il-messaġġ.

    Bi storja ta’ aktar minn 200 sena, wieħed jista’ jimmaġina kemm hemm aktar rakkonti f’dan il-ktieb. Imma l-ispazju f’dan l-artiklu jitlobni biex issa nasal għall-perjodu meta l-ħajja ta’ dawn is-sorijiet inbidlet minn lejl għan-nhar hekk kif Malta waqgħet taħt idejn il-Franċiżi. Infatti kien biss ġimgħa wara l-wasla tal-ħakkiema l-ġodda meta s-sorijiet irċevew ittra mingħand l-awtoritajiet li kienet qed tinfurmahom li l-monasteru tagħhom kien ġie soppress u li huma kellhom jitilqu minn hemm fi żmien ġurnata u jħallu kollox warajhom. Christine tiddeskrivi b’mod imqanqal dawn is-siegħat tat-twehir hekk kif dawn is-sorijiet b’ta’ fuqhom senduqhom, ġew akkumpanjati mis-suldati Franċiżi armati bil-bajjunetti, sabiex imorru jgħixu flimkien mas-sorijiet ta’ Santa Katarina li kien jinsab ftit passi ‘l bogħod mill-monasteru tagħhom, fejn baqgħu jgħixu sakemm mietu. Jidher li maż-żmien huma rnexxielhom jiġbru xi affarijiet li kellhom fil-monasteru tagħhom, imma l-biċċa l-kbira tal-affarijiet għosfru. Akkost li meta telqu l-Franċiżi minn Malta, il-ħakma Ingliża rritornat il-monasteri lura lis-sorijiet u lill-patrijiet li kienu jgħixu fihom qabel, dan ma seħħx mas-sorijiet tal-Maddalena. Anzi huwa kurjuż il-fatt li meta s-sorijiet bagħtu t-talba tagħhom lill-awtoritajiet biex jingħatawlhom lura l-possessjonijiet tagħhom, inkluż il-monasteru, huma rċevew l-informazzjoni dettaljata li kienu bagħtulhom lura b’sempliċiment sentenza miktuba fuqhom li kienet tispjega li r-rikjesta tagħhom kienet ġiet injorata! Minn hemm l-istorja ta’ dan il-monasteru u s-sorijiet tiegħu tant titħawwad li hu diffiċli ħafna biex tispjega eżatt x’ġara. Intant, parti kbira minn dan il-monasteru ġġarfet meta l-post intlaqat bil-bombi waqt it-tieni gwerra dinjija.

    L-awtriċi rnexxielha ssib il-postijiet fejn uħud mill-aħħar sorijiet tal-Maddalena ġew midfunin; fosthom 31 soru jinsabu midfuna fil-kripta tal-monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta. Iżda Christine għandha xewqa kbira li xi darba tiġi nvestigata l-kripta li jidher li hemm wara l-kor tal-knisja tal-Maddalena li fis-sena 1866 kienet infetħet aċċidentalment minn xi ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq il-bini tal-iskola biswit. Achille Ferris ħareġ rapport dettaljat dwar dak li sab fejn fosthom irrimarka dwar ir-raffinatezza tal-arkitettura tal-kripta u anki dwar is-sejba ta’ xi fdalijiet ta’ sorijiet midfuna fuq il-qiegħa tal-art, fejn waħda minnhom kienet għadha liebsa l-abitu.

    Fl-istess ħin, l-awtriċi traċċat ukoll żewġ kwadri li juru xeni tal-Maddalena ma’ Ġesù bit-titlu Noli me tangere (la tmissnix), li jidher li kienu jappartjenu lil dan il-monasteru. Wieħed minn dawn il-kwadri qiegħed fil-monasteru ta’ Santa Katarina filwaqt li l-ieħor jinsab fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard. F’ritratt antik u rari tal-intern tal-knisja tal-Maddalena, Christine irnexxielha tilmaħ wieħed minn dawn il-kwadri wara l-artal maġġuri. Issa hi tixtieq li xi espert fil-qasam tal-arti jikkonferma jekk xi wieħed minn dawn il-kwadri huwiex xogħol ta’ Filippo Paladini kif jingħad ħalli b’hekk tkompli tinħall il-kobba dwar din l-istorja.

    Meta Christine avviċinat lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta peress li xtaqet tagħmel il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb tagħha fil-knisja tal-Maddalena, hija mill-ewwel sabet għajnuna kbira. Imma hekk kif fetħu l-bieb tal-knisja huma sabuha fi stat tal-biki: bl-ilma dieħel mis-saqaf tagħha u b’ħitan mimlija graffiti u bi kliem oxxen. Permezz ta’ fondi mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, il-knisja ġiet imnaddfa mill-imbarazz li kien fiha, is-saqaf ġie kkurat u l-ħitan tnaddfu. Il-Kunsill xtaq anki jsib fondi biex jiftaħ il-kripta ħalli b’hekk din l-istorja li reġgħet ingħatat ir-ruħ, tkompli twassal għal aktar żviluppi f’dan il-qasam, imma s’issa dan ma kienx possibbli. Nemmen li proġett bħal dan ikun validu ħafna għas-settur kulturali tagħna għax barra li jkun qed iservi biex jikseb lura parti mill-istorja ta’ pajjiżna u anki mill-istorja tan-nisa lokali (li bosta drabi jitħallew barra mill-kotba tal-istorja), għandu l-potenzjal ukoll li joffri sit b’laqta differenti fil-qasam turistiku.

    Żgur li dan ix-xogħol ġdid ta’ Christine Muscat ser iqanqal ħafna interess f’dawn il-ġrajjiet u f’din il-knisja li llum tidher tant umli minn barra meta fir-realtà għandha storja daqstant rikka u affaxxinanti. Ormaj m’għandix dubju li din l-istorja mhiex ser tieqaf hawn…

    (Dan l-artiklu ġie ppublikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (6 Parti) fit-Torċa tat-8 ta’ Diċembru 2013)

    2013.12.08 / no responses / Category: Torca - Features & Articles