Posts Tagged ‘Mortuorum’
-
XENI ĦAJJIN TAL-PESTA TAL-1813 FIŻ-ŻEJTUN
Għal żmien twil fl-istorja tal-bniedem ma kienu jinġabru l-ebda dettalji dwar il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi. In-nies kienu jitwieldu, jiżżewġu, imutu u jindifnu mingħajr qatt ma titniżżel nota waħda dwarhom, daqs li kieku qatt m’eżistew! Din is-sitwazzjoni nbidlet meta l-Knisja bdiet iżżomm l-ewwel tagħrif dwar il-parruċċani tagħha. F’pajjiżna nistgħu niftaħru li għandna wħud minn dawn il-ġabriet ta’ informazzjoni l-aktar bikrija, ħafna minnhom relatati mal-magħmudijiet, fejn l-eqdem fosthom huma r-reġistri tal-Magħmudija tal-Imdina li jibdew mis-sena 1539. Dan l-aħħar kelli bżonn nagħmel ftit riċerka dwar id-demografija u għaldaqstant iddeċidejt li nagħti titwila lill-Arkivji Ekkleżjastiċi Parrokkjali tal-Parroċċa taż-Żejtun. Ma kontx naf x’ser insib ma’ wiċċi u infatti dak li sibt, impressjonani ferm. Qatt ma bsart kif erbgħa numri u kemmxejn dettalji kienu kapaċi jsemmgħawlek mill-ġdid it-taħbita ta’ qalb ta’ poplu li għex u għeb tant snin ilu. Daqstant ieħor, qatt ma ħsibt li għad intiegħem il-biża’ li ħassu l-abitanti ta’ dan il-villaġġ, partikolarment waqt il-pesta li ħakmet il-pajjiż fl-1813…
Bil-għajnuna tal-Arċipriet taż-Żejtun Rev. Fr. Eric Overend u tal-Kanonku Fr. Joe Abela, sibt ruħi qed inqalleb paġni li nkitbu mijiet ta’ snin ilu. B’paċenzja kbira Dun Joe, kif inhu magħruf iż-Żejtun, introduċini mal-post u mar-reġistri antiki u fi ftit siegħat ħarriġni kif nagħraf il-kitbiet imħarbxa jew impittra nokkli nokkli, b’linka sewda faħma. Bosta mill-kitbiet kienu bil-Latin imma hekk kif dawn jibdew jirrepetu ruħhom u jekk tkun midħla tal-lingwa Taljana, ma ddumx wisq biex issib irkaptu sabiex tifhem x’hemm imniżżel.
L-eqdem reġistru jmur lura għas-sena 1580 u jinkludi d-dettalji tal-magħmudijiet, żwiġijiet u mwiet li seħħew matul is-snin 1580 sa l-1606. Sfortunatament il-kundizzjoni tiegħu mhiex tajba ħafna. Il-qoxra hija magħmula minn kartun iebes u hi meħjuta ma’ mazz karti li jiffurmaw ir-reġistru. Laqtuni l-qfieli tal-għażel li kienu qed jintużaw bħala ċoff biex jagħlqu sewwa l-ktejjeb. Huma proprju dawn l-irqaqat żgħar li jqarrbuk bil-ħsieb lejn min seta’ għamilhom. Mur għid lil min ħadmu illi wara dawn is-snin kollha, xi ħadd ser ikun qed jgħożż u jifli x-xogħol tiegħu!
“Tieħux qatgħa!” serraħli rasi Dun Joe. “Dan l-agħar wieħed fosthom bħala kundizzjoni. L-oħrajn ma jinsabux daqshekk ħażin. Madanakollu trid tapprezza wkoll kemm għadda żmien minn fuq dar-reġistru, kemm ilu jinġarr minn hemm għal hawn u f’liema kundizzjonijiet seta’ sab ruħu. Fuq kollox, ċertu linka li ġiet użata fuqu, maż-żmien ħareġ li kienet tqatta’ l-karti u b’xorti ħażina, qed tintilef xi informazzjoni minnu minħabba dan.”
Poġġejt bil-qiegħda ħdejn skrivanija u fis-skiet apprezzajt l-opportunità li nżomm reġistru bħal dak f’idi. Hekk kif Dun Joe beda jurini l-listi miktubin fuqu, f’mument minnhom moħħi ġera lura s-snin u bħal triegħext meta rrealizzajt li l-kappillan li kien kiteb dak ir-reġistru kien għex waqt l-Assedju l-Kbir… mill-1565, ħmistax il-sena biss kienu għaddew! L-ewwel listi kienu tal-magħmudijiet u hawnhekk stajt ninnota t-tendenza li t-tfal kienu jissemmew primarjament għall-qaddisin. Rajt ukoll kif ċertu ismijiet u kunjomijiet imniżżlin hemm, illum ma nsibuhomx aktar f’pajjiżna, filwaqt li numru ta’ kunjomijiet minnhom ġew evoluti f’oħrajn magħrufa sewwa fil-preżent. L-ewwel żwieġ irrekordjat sar fis-6 ta’ Jannar 1580, filwaqt li f’Jannar tal-1583 bdew jitniżżlu wkoll id-dettalji tal-imwiet. Minn wara dar-reġistru, il-manuskritti l-oħra (kif jippreferi jsejjħilhom Dun Joe) huma kollha fl-istil skont il-Konċilju ta’ Trent.
Il-Konċilju ta’ Trent (1545 – 1563) ġie mniedi waqt il-Kontro-Riforma tal-Knisja fit-taqtigħa tagħha kontra l-Protestantiżmu. Il-Konċilju kellu l-iskop li jikkundanna t-tagħlim u l-prinċipji tal-Protestantiżmu, li jistabilixxi t-tagħlim tal-Knisja Kattolika u li jwettaq riforma fid-dixxiplina u t-twemmin, kemm tal-Kleru nnifsu u kif ukoll ta’ dawk li kienu jħaddnu l-Kristjaneżmu. Waqt żjara pastorali li saret minn Mons. Pietro Dusina fil-1575 bil-għan li jara li kulħadd kien qed isegwi d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trent, dan ordna illi kull kappillan kellu jżomm ħames reġistri b’konnessjoni ma’ ċertu sagramenti, ħalli jkun jista’ jiġi kkonfermat illi l-parruċċani kienu qegħdin jgħixu skont ir-regoli tat-tagħlim Kristjan. Dawn ir-reġistri kellhom joħorġu taħt dawn it-titli: Baptizatorum (magħmudija), Confirmatorum (ġriżma), Matrimoniorum (żwieġ), Mortuorum (mewt) u Liber Status Animarum (qrar u tqarbin).
“Waqt din il-vista pastorali ta’ Mons. Dusina fl-1575, il-kappillan taż-Żejtun kien Dun Ġwann Mamo li kien mis-Siġġiewi u kellu 70 sena. Meta l-Monsinjur staqsa lill-kappillan jekk kienx qed iżomm ir-reġistri tal-parruċċani, dan wieġbu fl-affermattiv imma kif qed tara, hawnhekk ir-reġistri jibdew mill-1580. Jiena qed nassumi li Dusina ma kienx qagħad biss fuq il-kelma tal-kappillan imma li kien ra r-reġistri b’għajnejh u għalhekk probabbilment aktarx l-ewwel reġistri ntilfu. Ma rridux ninsew illi f’dak iż-żmien ir-reġistri kienu jinżammu fil-parroċċa ta’ Santa Katarina (illum magħrufa bħala Ta’ San Girgor) illi mhux darba u tnejn ħabtu għaliha l-furbani u ħallew ħerba sħiħa warajhom.”
L-arkivji huma ħafna għal qalb Dun Joe imma nistqarr magħkom li għandi l-impressjoni li dan il-Kanonku stess hu arkivju ieħor ukoll! Hekk kif bi kburija beda jurini xkaffa wara l-oħra ta’ reġistri, huwa spjegali kif flimkien ma’ Walter Zahra, għal bosta snin, huwa ħadem biex ikklassifika dawn l-arkivji sabiex finalment inħoloq indiċi tar-reġistri kollha.
“Għamilna anki werrej tal-indiċi nnifsu,” kompla jfehemni. “B’hekk ir-reġistri issa jistgħu jinżammu f’ordni aħjar u fl-istess ħin għamilna l-ħajja aktar faċli għar-riċerkaturi.”
Il-kwantità tar-reġistri huma bla heda, hekk kif dawn jibqgħu sejrin sal-ġranet ta’ llum. Fost id-dettalji li wieħed isib fihom hemm dawk tal-magħmudija, preċett, griżma, żwieġ, tnhedijiet taż-żwieġ, imwiet, quddies u funerali, atti notarili dwar l-oqbra, konfraternitajiet, Liber Status Animarum, amministrazzjoni finanzjarja u inventarji. Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn kitbiethom tidher li mhiex ħlief listi. Imma fir-realtà, dawn iħaddnu fihom informazzjoni mitqla deheb dwar il-popolazzjoni tal-villaġġ. Minnhom wieħed jista’ jikkalkula bidliet fil-qies, id-distribuzzjoni u l-kompożizzjoni tal-popolazzjoni matul is-snin. Bidliet drastiċi il-fuq jew ‘l isfel fil-popolazzjoni huma indikazzjonijiet ċari li jkunu seħħu xi ċirkustanzi partikolari li jkunu laqtu sewwa lin-nies tal-post. Ngħidu aħna lejn l-aħħar tas-16-il seklu u l-bidu tas-17-il seklu naraw żieda fil-popolazzjoni taż-Żejtun li kienet ikkawżata minn livell ta’ ħajja aħjar, miżuri aħjar relatati mas-saħħa u l-ħolqien ta’ aktar xogħol permezz tal-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta. Min-naħa l-oħra naraw tnaqqis fil-popolazzjoni wara l-epidemija tal-kolera li ħakmet liż-Żejtun fl-1887 u li kkaġunat il-mewt ta’ 4.5% tal-popolazzjoni tal-villaġġ.
Il-listi tat-twelid jagħtuk idea dwar ir-rata ta’ għajxien tat-trabi, filwaqt li juru wkoll id-daqs medju tal-familji. Madanakollu, fis-snin imbiegħda, it-trabi li kienu jitwieldu mejtin mhux dejjem kienu jiġu rreġistrati u għalhekk wieħed irid joqgħod attent għax mhux neċessarjament li jkun qed jaħdem b’dettalji preċiżi. Mid-dati taż-żwieġ u tat-twelid tal-ewwel tarbija, tista’ tifhem ukoll kemm trabi kienu jitwieldu illeġittimi u anki kemm kienet iddum koppja sakemm tasal biex ikollha l-ewwel tarbija. Mir-reġistri taż-żwieġ, wieħed jista’ jsegwi minn liema nħawi kienu l-għarajjes, ngħidu aħna jekk kienux jiżżewġu sieħeb jew sieħba mill-villaġġ stess jew minn irħula jew bliet oħra. U naturalment, ir-reġistri tal-mewt jagħtu stampa ċara tal-età medja li n-nies ta’ kull era kienu mistennija li jgħixu.
Fir-realtà, din il-lista tibqa’ sejra mhux ħażin u f’idejn espert tad-demografija, permezz ta’ dawn ir-reġistri, wieħed jista’ jikteb kotba sħaħ. Min-naħa tiegħi għażilt li nifli xi żmien partikolari li kien affetwa lin-nies tal-post. Għall-ewwel tħajjart nirriċerka dwar l-imwiet li kienu seħħu fis-sena 1614, meta t-Torok kienu attakkaw bi ħruxija kbira l-inħawi taż-Żejtun, hekk kif tindika xi kitba li hemm fil-knisja ta’ San Girgor. Iżda sfortunatament Dun Joe għarraffni illi r-reġistri tal-mewt mis-sena 1610 sas-sena 1660 huma neqsin ukoll. Għaldaqstant iddeċidejt li nistħarreġ iż-żmien tal-1813, meta Malta ġiet maħkuma minn epidemija serja tal-pesta. Biex jgħini f’din ir-riċerka rreferejt mas-sors primarju l-Liber Status Animarum li jkopri s-snin 1803 – 1822.
“Il-kitbiet kollha huma tal-kappillan Rev. Fr. D Bartholomeo Sant li kien ordnat qassis fl-24 ta’ Mejju 1769 u eventwalment kien wieħed mill-vittmi tal-kolera fl-1837,” kompla jurini Dun Joe. “Innota l-kitba. Hemm partijiet miktubin tassew puliti u mbagħad hemm oħrajn kemmxejn imħarbxa meta l-kappillan kien għamel xi żmien ma jiflaħx.” Dal-kliem laqgħatni u għajnejja ġrew biex jiflu l-kitba. Tassew! Hekk kien. Quddiem għajnejja lmaħt il-kappillan iniżżel id-dettalji tal-parruċċani tiegħu fid-dawl kiebi ta’ xemgħa tnemnem u ppruvajt nimmaġina x’kien jgħaddi minn quddiem għajnejh u x’kien iħoss f’qalbu, hekk kif f’dik il-għodwa hu jkun difen xi tarbija li ġranet qabel ikun għammed jew xi xwejjaħ li kien ilu ħabib tiegħu s-snin. U xi ngħidu għall-biża’ tal-pesta, hekk kif il-kappillan ried jikkalma lin-nies, jgħinhom jittamaw f’Alla, iqarbinhom bil-periklu li jista’ jittieħed hu wkoll filwaqt li jordna d-dfin malajr malajr ta’ oħrajn li tkun ħafnithom il-mewt qerrieda. Biex imbagħad hu stess miet f’epidemija tal-kolera. Tgħid qatt basar li għad jispiċċa hekk?
Stinkajt biex immur lura għal preżent hekk kif Dun Joe kien għadu għaddej jispjegali, “Fil-ġranet tal-Għid f’ċerti snin, hekk kif kien mistenni minnu, il-kappillan kien idur bieb bieb id-djar kollha li kienu jiffurmaw parti mill-parroċċa tiegħu. Kif qed tara hawnhekk, Dun Sant kien qasam iż-Żejtun f’erbgħa distretti: Casal Pasqualino, Casal Bisbut, Casal Gwiedi u Casal Ħerba u kien jinnumera kull dar li kien iżur fuq dan ir-reġistru peress li f’dawk iż-żminijiet id-djar ma kellhomx numri u t-triqat ma kellhomx isem. Infatti l-kappillan kien ‘isemmi’ t-triqat jew għal xi individwu magħruf li kien joqgħod fl-inħawi, inkella għal xi binja importanti bħal xi kappella. Tista’ tgħid li kien qisu speċi ta’ ċensiment fejn jitniżżlu d-dettalji ta’ dawk kollha li kienu joqogħdu f’kull dar, iżda b’żieda partikolari. Qed tinnota l-ittri c.c ħdejn l-ismijiet ta’ ħafna mill-adulti? Dawk l-ittri jfissru confessato e communicato, jiġifieri ‘ġie mqarar u mqarben’. Minn dawn in-noti, il-Kurja kien ikollha idea ta’ kemm in-nies kienu qed jobdu r-regoli tagħha.”
Permezz ta’ dan ir-reġistru stajt nara illi bejn is-snin 1810 sal-1813, il-popolazzjoni taż-Żejtun kienet qed tiżdied b’rata regolari, sakemm fl-1813 din ir-rata medja ta’ żieda waqfet ħesrem u l-effetti jidhru li baqgħu jinħassu saħansitra sas-sena 1818.
B’dawn id-dati imxejt fuq reġistru ieħor li kien juri l-magħmudijiet li saru bejn l-1807 u l-1818. Hawnhekk innutajt żewġ noti partikolari: waħda minnhom datata 20 ta’ Mejju 1813 kellha ddiżinjata pala ta’ id tipponta lejn kitba qasira li kienet tgħid li t-tarbija ta’ Antonij Seychell kienet mietet, filwaqt li n-nota l-oħra datata 23 t’Awwissu 1813 kienet tindika li dakinhar mietet tarbija infettata bil-pesta. L-istess reġistru wera illi bejn is-snin 1810 sa 1812 ir-rata medja tat-twelid kienet qed tiżdied iżda din waqfet bejn l-1813 u l-1814 fejn anzi naraw ir-rata tat-twelid tonqos speċjalment fit-trabi bniet. Madanakollu, kif sikwit jiġri wara epidemiji bħal dawn, hekk kif il-pajjiż ġie dikjarat ħieles mill-marda tal-pesta, sena wara, fl-1815 ir-rata tat-twelid splodiet il-fuq sakemm reġgħet lura għan-normal fl-1816.
Naturalment idejja ġrew dritt għar-reġistru taż-żwiġijiet li saru bejn l-1806 u l-1822. Sibt li fl-1812 kien hemm imniżżel li saru 39 żwieġ, liema total niżel għal 13 fl-1813, biż-żwiġijiet jieqfu ħesrem f’Ġunju 1813 hekk kif il-pesta serqet l-ewwel vittma tagħha miż-Żejtun. Għalhekk kont sorpriża meta sibt nota ta’ żewġ żwiġijiet li seħħu f’Awwissu 1813 u ieħor f’Diċembru. Dan kollu jaqbel mad-direttiva li kien ħareġ l-Isqof ta’ dak iż-żmien fid-29 ta’ Mejju 1813 sabiex jingħalqu l-knejjes kollha bit-tama li jiġi evitat aktar tixrid ta’ mard. Bħal kif semmejt qabel, hekk kif il-periklu tal-epidemija għadda, fis-sena 1814 iż-żwiġijiet laħqu l-ammont ta’ 72.
Ma stajtx nonqos li nifli r-reġistru tal-imwiet li kien ikopri s-snin 1802 sa l-1827. Bejn l-1810 u l-1812 innutajt rata medja ta’ mwiet, b’dik tat-tfal dejjem aktar għolja minn dik tal-adulti. Rata għola ta’ mwiet, kemm fl-adulti u kemm fit-tfal kienet evidenti fis-sena 1813, li mbagħad bdiet tonqos gradwalment fis-snin ta’ wara sakemm irritornat għan-normal fl-1816. L-ewwel vittma adulta suspettata li mietet bil-pesta fiż-Żejtun seħħet fil-31 ta’ Mejju 1813 u kienet Gratia Bonavia fl-età ta’ 85 sena. Tlett ijiem wara, did-darba b’mewt kawżata ċertament mill-pesta kien Joseph Vella fl-età ta’ 40 sena. Jidher li dan l-individwu miet fil-Forti Manoel hekk kif dan beda jilqa’ ġewwa fih il-vittmi tal-pesta meta l-Lazzaretto imtela’. Kien żmien tal-waħx hekk kif meta l-marda ħraxet, il-morda kellhom jintefgħu kollha flimkien indipendentement mill-età jew is-sess tagħhom. Kif ikomplu jispjegaw in-notamenti antiki, il-vittmi bdew jindifnu f’ċimiterju apposta ‘għall-infetti’, probabbilment dak ta’ San Rokku li llum qiegħed biswit il-knisja ta’ San Girgor. Irnexxieli nsib madwar 20 individwi li jidhru li mietu kawża tal-pesta. Mid-dati tal-mewt tagħhom tifhem mill-ewwel kemm il-marda kienet tittieħed u kemm kienet fatali. B’għafsa ta’ qalb sibt koppja miżżewġa li mietu f’temp ta’ ftit jiem il-bogħod minn xulxin u anki żewġ familji partikolari fejn bosta mill-membri tagħhom, fosthom ġenituri u tfal inħasdu qatta’ bla ħabel minn wiċċ did-dinja. Ksaħt meta ftakart li kien hemm ordni ċivili li kienet tirrikkjedi li wieħed jirrapporta immedjatament dawn il-każi ta’ mard. Għiduli intom x’sofrew dawn in-nies hekk kif kellhom jinfurmaw lill-awtoritajiet biex jiġu jieħdu lill-uliedhom infettati sabiex dawn jittieħdu f’dak l-infern ta’ morda oħra jmutu kuljum madwarhom? U fl-istess ħin kif qatt tista’ tifhem dak it-terrur li ġġarrab hekk kif tiġi konxja li la kont qrib dawn il-familjari, anki inti jista’ jiġrilek l-istess? Min-naħa l-oħra kif tista’ qatt tagħżel li tabbanduna lil dawk li tħobb f’mumenti bħal dawn? Ċertament huma esperjenzi li jekk ma jeħdulekx ħajtek, almenu żgur li jqattgħuk minn ġewwa. Min jaf kemm kien hemm min siket u pprova jfejjaq lil xi membru tal-familja tiegħu biex imbagħad spiċċaw mejtin it-tnejn!
Kelli nagħlaq il-kotba f’salt għax ma flaħtx naħseb u nħoss aktar. L-aħħar vittma tal-pesta fiż-Żejtun mietet fil-25 ta’ Settembru 1813. B’xorti tajba fis-7 ta’ Marzu 1814, Malta ġiet meħlusa minn dil-pjaga, għalkemm imbagħad inħakmet il-gżira t’Għawdex. Minn popolazzjoni ta’ madwar 100,000 ruħ, din l-epidemija ħadet magħha madwar 4500 persuna. Kien fit-8 ta’ Settembru 1814 li ż-żewġ gżejjer ġew dikjarati salvi minn din l-epidemija qerrieda. Issa stajt nisma’ l-briju tan-nies f’widnejja hekk kif b’din l-aħbar, f’qalbhom reġgħet bdiet tħabbat it-tama għall-ħajja aħjar.
Dik ma kientx l-aħħar darba li Malta ġiet maħkuma minn din l-epidemija. B’xorti tajba illum il-mikrobu tal-pesta jista’ jiġi megħlub għal kollox permezz tal-penicillin. Meta tkellimt ma’ Dr Etienne Grech huwa spjegali kif il-mikrobu Yersinia Pestis jikkawza il-bubonic plague. Dan il-mikrobu jinġarr mill-ġrieden u jsib ambjent adegwat biex jixtered meta jsib livell baxx ta’ sanità. Għalkemm forsi hemm min jaħseb li l-pesta spiċċat għal kollox, sfortunatament għad hemm popli li għadhom qed jgħixu f’faqar kbir u f’kundizzjonijiet mill-agħar ta’ saħħa. Ħafna minnhom jgħixu f’pajjiżi tropikali b’nuqqas ta’ ilma biex tinżamm l-indafa, mingħajr sistemi ta’ refriġerazzjoni biex iżommu l-ikel f’kundizzjoni tajba u eternità l-bogħod mill-mediċini adegwati. Bqajt issummata meta Dr Grech infurmani li dawn in-nies għadhom jgħaddu mit-tbatijiet u l-kefrija tal-pesta meta ironikament din tista’ titfejjaq b’sempliċi kaxxa penicillin li aħna nistgħu nixtru mingħand l-ispiżjar ta’ ħdejna!
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-10 ta’ Lulju 2011)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | ||||||
2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 |
9 | 10 | 11 | 12 | 13 | 14 | 15 |
16 | 17 | 18 | 19 | 20 | 21 | 22 |
23 | 24 | 25 | 26 | 27 | 28 | 29 |
30 | 31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23