Posts Tagged ‘National Child Protection Policy’

  • L-INTERESS TAT-TFAL JIĠI L-EWWEL

    Wara artiklu riċenti li deher fit-Torċa rigward abbuż fuq tifel ta’ erbgħa snin, iddiskutejna mal-APPOĠĠ il-proċeduri li jittieħdu f’dawn il-każi. Iltqajna ma’ Ruth Sciberras li hija s-Service Manager tat-Taqsima tas-Servizzi Għat-Tfal.

    “Diffiċli biex togħġob lil kulħadd” qaltilna. “Sfortunatament f’xogħolna bosta drabi, naħa waħda tirringrazzjak u n-naħa l-oħra tmaqdrek għax issostni li m’intix tagħmel xogħlok sew. Iżda aħna nagħmlu xogħolna mhux biex nintogħġbu imma biex inħarsu l-interessi tat-tfal.”

    Sciberras saħqet illi r-rapporti li jidħlu l-APPOĠĠ fuq każijiet ta’ trabi, qatt ma jitpoġġew fuq waiting list. “It-trabi huma fraġli wisq biex jistennew għax anki sempliċiment abbandun jipperikolalhom ħajjithom. F’każijiet bħal dawn immorru nagħmlu home-visit frekwenti u kull meta jinħass il-bżonn ħalli żgur ikollna t-tarbija taħt għajnejna. Mhux qed ngħid li m’għandnix każijiet oħra pendenti, għalkemm dawn qed jonqsu ħafna. Imma żgur mhux f’każ ta’ trabi.”

    Sfortunatament il-kultura tagħna għadha ‘taċċetta’ s-swat fuq it-tfal bħala mezz ta’ dixxiplina. Huma bosta l-każi ta’ abbuż ta’ din ix-xorta, kif ukoll tipi oħra ta’ abbuż li jidħlu għand l-APPOĠĠ. Minn statistika li pprovdewna biha jidher illi matul Jannar u Ġunju 2008 il-ħaddiema tas-servizz għall-ħarsien tat-tfal, ħadmu fuq 1179 każ. 267 minnhom kienu każijiet li bdew jaħdmu fuqhom għall-ewwel darba. Dawn il-każijiet kienu jinkludu abbuż sesswali, abbuż emozzjonali, abbuż fiżiku u traskuraġni. Numru ieħor ta’ tfal kienu f’riskju ta’ abbuż. Fatt allarmanti huwa n-numru ta’ tfal li jiddaħħlu l-isptar minħabba ksur, ħruq ta’ sigaretti, tbenġil u tfiegħ jew swat b’dak kollu li jiġi għal idejn l-adulti. Iċ-ċinturin għadu wieħed mill-aktar metodi użati biex jissawwtu t-tfal.

    Bosta mir-rapporti jidħlu minn fuq is-Supportline 179. Oħrajn jaslu minn diversi sorsi oħra bħall-membri tal-familja, l-Pulizija, l-isptar u mill-iskejjel. “Hekk kif jidħol rapport aħna nibdew ninvestigaw biex nikkonfermaw jekk il-każ hux ġenwin jew le. F’każ ta’ tfal kbar, aħna mmorru nkellmuhom l-iskola skont il-proċedura tan-National Child Protection Policy li għandna mal-iskejjel. F’każ ta’ tfal iżgħar li ma jkunux imorru l-iskola, aħna nibgħatu għall-ġenituri tagħhom sabiex nitkellmu ftit magħhom. Jekk dawn il-ġenituri ma jikkoperawx, nitolbu l-assistenza tal-Pulizija u mmorru l-għassa u nibgħatu għalihom biex jiltaqgħu magħna hemm.”

    Ruth Sciberras sostniet illi “Kemm jista’ jkun, aħna ma nkabbrux l-affarijiet. L-interess tagħna mhux li nieħdu t-tfal minn mal-ġenituri tagħhom imma li naħdmu magħħom ħalli dak l-abbuż jieqaf. Aktar Ruth Sciberrasnippreferu noffru gwida u għarfien  billi nuruhom li hemm metodi oħra ta’ dixxiplina u billi niġbdulhom l-attenzjoni ta’ kemm ħsara tkun qed issir lil uliedhom. Ħafna drabi l-ġenituri jkunu jħobbu ‘l uliedhom daqs il-mimmi t’għajnejhom. Jeħduhom għall-lezzjonijiet tal-Mużew, tal-pjanu, tal-futbol u ta’ ma nafx xiex. Imbagħad uliedhom jagħmlu xi ħaġa li ddejjaqhom u jfajjruhielhom għax ma jafux mod ieħor. It-tfal jgħidulna ‘Idejn il-mummy daqqa żżiegħel bija u daqqa ssawwattni’. Kliem li jweġġa’ u li jiftaħ l-għajnejn tal-ġenituri li jiżbaljaw. Kliem li jgħinhom jippruvaw metodi oħra ta’ dixxiplina flok is-swat.”

    L-APPOĠĠ jibqa’ jsegwi lil dawn it-tfal għal xi żmien wara billi jikkonferma mal-familja u mal-għalliema b’mod regolari sabiex jiġi assigurat li l-abbuż ma reġax ġie rrepetut.

    Fir-rigward tan-numru tas-social workers li jaħdmu fuq dawn il-każi Sciberras infurmatna illi hemm tmintax b’kollox. Ma taħsibx li hemm nuqqas ta’ staff “Imma aktar ma jinħoloq għarfien fis-soċjetà, aktar issib min iċempel. U allura jidħlu aktar każi. Il-unit dejjem qed jikber skont in-neċessità. Mhux qed ngħidlek li dejjem inlaħħqu mall-pass tad-domanda. Imma dan ma jfissirx li mhux qed jiżdiedu s-social workers. Fir-realtà l-problema nsibuha meta nfittxu psikoloġisti speċjalizzati fil-qasam tat-tfal. Mat-tfal trid tkun imħarreġ apposta għax ma tistax tpoġġielhom il-kliem f’ħalqhom. Ikollna bżonn ħafna ta’ nies speċjalizzati f’dan ix-xogħol. U kultant ma nsibux biżżejjed.”

    Staqsejniha jekk isirux home-visits għall-għarrieda peress li xi wħud li kellmuna, ilmentaw illi s-social workers javżaw minn qabel lil dak li jkun ġie irrappurtat qabel imorru għandu. Dwar dan Sciberras ikkonfermatilna illi huma bosta l-każi fejn is-social worker imur għall-għarrieda fuq il-post. L-appuntamenti imbagħad isiru fil-laqgħat ta’ wara.

    “Is-social workers joħorġu għonqhom għal dawn it-tfal. Jidħlu f’kull tip ta’ periklu. F’ċerti postijiet ikollhom saħansitra jmorru bil-pulizija magħhom għall-protezzjoni. Mhux l-ewwel darba li jerfgħu jdejhom fuqhom. Dan ix-xogħol jagħmluh għax iddedikati.”

    Ruth Sciberras assiguratna illi huma ma jaqbdux u jidħlu bl-addoċċ fil-ħajja tal-familji. Huma jippruvaw jifhmu s-sitwazzjoni tal-familja u flimkien magħha jittantaw isibu s-soluzzjonijiet.

    “Però finalment, il-mira tagħna hija t-tfal u l-ħarsien tagħhom. U għalhekk aħna naġixxu dejjem skont l-aħjar interess tagħhom.”

    Aktar informazzjoni dwar is-Servizz għall-Ħarsien tat-tfal tista’ tinkiseb mis-sit www.appogg.gov.mt. Aġenzija Appoġġ tifforma parti mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li tinkorpora wkoll Aġenzija Sedqa (www.sedqa.gov.mt) u Aġenzija Sapport (www.sapport.gov.mt).

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 t’April 2009)

    2009.04.19 / no responses / Category: Torca - Features & Articles