Posts Tagged ‘statwi’

  • AKTAR MA NĦAFFER AKTAR INSIB

    “Jiena għandi vantaġġ li ma nsuqx,” bdieli d-diskors l-personaġġ li kellimt dil-ġimgħa, Tony Terribile. “Għaldaqstant kull fejn immur ikolli nimxi u b’hekk insib aktar ċans biex nosserva mill-qrib it-toroq li nkun għaddej minnhom.”

    Perspettiva interessanti! Personalment ma nistax nimmaġinani ma nsuqx u wisq inqas li nara dan bħala vantaġġ. Madanakollu fhimt sewwa x’ried ifisser bi kliemu u l-ftit ħin prezzjuż li għaddejt fil-kumpanija tiegħu, fetaħli orizzonti ġodda dwar kif nista’ napprezza iżjed it-toroq tagħna.

    Umilment Tony jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ‘dilettant ta’ dak kollu li hu Malti’. Imma ċertament huwa ħafna aktar minn hekk. L-imħabba tiegħu lejn l-istorja ta’ pajjiżu Tony Terribilenebbħitu biex mhux biss jgħożż il-wirt storiku tagħna imma saħansitra biex b’inizjattiva personali jiġbor tagħrif siewi dwar l-għadd kbir ta’ teżori Maltin li forsi ħafna minna bilkemm nagħtu kashom. Fost xogħolijietu, laqgħatni l-ktieb tiegħu ‘Niċeċ u statwi fit-toroq Maltin’ li jikkonsisti f’ġabra ta’ informazzjoni u ritratti dwar in-niċeċ u l-istatwi li nsibu f’Malta.

    “L-interess tiegħi f’dawn in-niċeċ u statwi beda madwar 40 sena ilu. Sakemm kont għadni żgħir kont noqgħod ninnota biss it-toroq varji f’Tas-Sliema fejn kont noqgħod. Meta mbagħad bdejt nitfarfar u bdejt noħroġ il-barra minn dawn l-inħawi, skoprejt kemm kien hemm aktar x’tara anki f’diversi postijiet oħrajn.

    Darba minnhom ġietni f’rasi li naqbad il-kamera ċkejkna li kelli u nibda niġbed ir-ritratti tan-niċeċ u l-istatwi li niltaqa’ magħhom. Fuq kollox, meta kont immur lura d-dar, kont inniżżel id-dettalji tagħhom fostom: tat-triqat fejn jinsabu, id-dati u xi informazzjoni li jkun hemm imniżżla fuq il-plakek tagħhom u anki xi ġrajjiet li nkun smajt jew qrajt dwarhom.

    Maż-żmien indunajt li kont sibt speċi ta’ teżor li iktar ma kont inħaffer fih, aktar kont insib oġġetti prezzjużi. Dak li kien beda biss bħala biċċa xogħol personali għall-interessŻejtun - niċċa tal-1861 tiegħi biss tant kiber li deherli li kien dnub li ma naqsamx dak il-materjal kollu mal-oħrajn. U hekk twieled dan il-ktieb dwar in-niċeċ li jinsabu f’Malta. Ta’ min insemmi illi Patri Serafin Borg ippubblika ktieb simili dwar in-niċeċ li hemm fil-gżira t’Għawdex.”

    Naturalment qabel iltqajt ma’ Tony ħadt ħsieb li nagħti daqqa t’għajn tajba lill-ktieb tiegħu. Intbaħt kemm akkost li ngħidValletta - niċċa antika li nħobb tant il-patrimonju storiku Malti, kont għadni prattikament ma naf xejn dwar dan is-suġġett. Sakemm waslet il-ġurnata tal-laqgħa tagħna bdejt nimraħ aktar madwar in-niċeċ u l-istatwi li sibt fi triqati u b’hekk irnexxieli nikkonferma li f’pajjiżi letteralment kull kantuniera għandha storja x’tirrakkonta.

    “Kieku napprezzawhom it-toroq ta’ Malta huma mużew! Imma llum kulħadd bil-karozza u jibqa’ għaddej mgħaġġel u ma jara xejn.

    Għalija dawn in-niċeċ u statwi huma monumenti żgħar ta’ mħabba. Kollha għandhom sinifikat u xi ġrajja marbuta magħhom tan-nies li ħadmu biex sawwruhom. Uħud minnhom huma xogħolijiet artistiċi maħduma mill-aqwa skulturi lokali. Oħrajn tant huma antiki li ftit li xejn nafu dwarhom u għalkemm hija evidenti l-id tajba li ħadmithom, ħadd ma jaf min għamilhom. Ħasra!”

    Fil-fatt skont Tony waħda mill-eqdem niċeċ datati tmur lura sat-tmintax il-seklu.

    “Tinsab l-Imdina fil-mina magħrufa bħala ‘Tal-Għarreqin’ u tikkonsisti f’riliev sabiħ tal-Madonna bil-Bambin. Hi niċċa devota ħafna u spiss tkun mixgħula u mżejna bil-fjuri.”

    Bla dubju dawn ix-xogħolijiet huma xhieda tar-rabta tal-poplu mar-reliġjon tiegħu. Bosta minnhom huma kopji tal-istatwi titulari tal-post iżda mbagħad issib ukoll diversi Marsa - waħda mill-aktar niċeċ devoti llumstatwi li saru bħala radd ta’ ħajr kemm b’mod individwali u kif ukoll b’għaqda fost iċ-ċittadini tar-raħal jew belt.

    “L-akbar ammont ta’ niċeċ huma dedikati lill-Madonna b’mod speċjali lil Santa Marija tal-Karmnu.

    Fil-fatt l-aktar niċċa li għad għandha devozzjoni kbira sal-ġurnata ta’ llum hija n-niċċa mdaqqsa tal-Madonna ta’ Lourdes li tinsab fi Triq Diċembru XIII.

    Nistgħu ngħidu li dawn in-niċeċ u l-istatwi nsibuhom f’kull belt u raħal ta’ gżiritna. L-aktar post miżgħud bihom huwa Ħal-Qormi fejn hemm madwar 200 biċċa xogħol. L-inqas wieħed huwa Ħal-Safi Żejtun - niċċa antika ma' faċċata ta' dar privatagħalkemm meta tqis iċ-ċirkustanzi tal-post tara li xorta hemm ammont ta’ xogħolijiet konsiderevoli.

    In-niċeċ u l-istatwi tal-qaddis patrun jispikkaw. Però imbagħad ġieli ssib xogħolijiet ta’ qaddisin li ma jkunux daqshekk magħrufa u meta tfittex dwarhom ġeneralment issib li dawn ikunu saru fuq inizzjattiva personali.

    Eżempju simili hija n-niċċa tal-Madonna tal-Grazzja li tinsab f’kantuniera bejn Triq is-Santwarju u Triq il-Kbira f’Ħaż-Żabbar. L-istatwa twaqqfet minn Vitor Caruana b’radd ta’ ħajr lill-Madonna talli nħeles mill-attakk li l-Franċiżi għamlu f’dan il-post fl-1798. Hija xogħol ta’ Mariano Gerada li kien skultur mill-iprem kemm fil-ġebla u anki fl-injam.”

    Dawn ix-xogħolijiet ifakkru wkoll ċertu ġrajjiet li għadda minnhom pajjiżna. Fostom insibu għadd ta’ xbiehat li saru b’ringrazzjament mis-superstiti tal-marda qalila tal-pesta li ħakmet lil Malta fl-1813.

    “Partikolarment f’Ħal-Qormi, fejn din il-marda ħalliet bosta vittmi, insibu numru ta’ niċeċ imwaqqfa f’ġieħ Santu Rokku li huwa l-qaddis patrun ta’ din il-marda. Madanakollu personalment naħseb illi B'Kara - Niċċa f'tal-Infettiwieħed mill-aqwa monumenti li jfakkar daż-żmien hija l-istatwa ta’ San Bastjan, patrun ieħor tal-pesta. Din l-istatwa saret fl-1815 minn Ċikku u Gerolamo Fabri u qiegħda fil-bidu tal-istess raħal.

    Daqstant ieħor hija imprezzabbli n-niċċa li tinsab fl-inħawi tal-Infetti f’Birkirkara fejn l-isem innifsu jixhed illi f’dal-post kienu ġew midfuna l-vittmi tal-epidemija tal-pesta u l-kolera.

    Fuq ton aktar pożittiv anki n-niċċa li tinsab fi Triq il-Vitorja fl-Isla tfakkar dan il-gwaj. Iżda did-darba x-xbieha magħrufa bħala l-Madonna tan-Nofs saret bħala ringrazzjament talli ħadd minn din il-belt ma kien intlaqat minn din il-marda qerrieda.”

    Ma’ l-aktar niċeċ devoti wieħed kien isib ukoll numru ta’ indulġenzi.

    “In-nies kienet titlob lill-Isqof biex isiru l-indulġenzi fuq l-aktar niċeċ li huma kellhom devozzjoni lejhom. L-indulġenzi kienu jikkonsistu f’talb li jsir quddiem dawn in-niċeċMsida - niċċa devota sal-llum sabiex jinħafru l-pwieni mill-purgatorju. Mill-kitbiet li jinstabu fuq diversi niċeċ nafu illi dawn l-indulġenzi kienu għadhom jingħataw sas-snin ħamsin. Fil-fatt faċċata tal-Knisja ta’ Ħ’Attard insibu niċċa ta’ Santa Marija li ngħatawlha l-indulġenzi fl-1949.

    F’nofs is-seklu d-devozzjoni tal-indulġenzi bdiet tmajna sakemm spiċċat għal kollox. Madanakollu permezz ta’ dawn il-kitbiet dwar l-għoti tal-indulġenzi lin-niċeċ, illum nistgħu nsiru nafu ż-żmien meta bejn wieħed u ieħor saru dawn ix-xbiehat.”

    Ir-rakkonti marbuta ma’ dax-xogħolijiet huma kkuluriti u varjati ferm.

    “Waħda min-niċeċ li kienu ferm devoti tinsab faċċata tal-ġnien pubbliku li jgħaqqad l-Imsida mal-inħawi tal-Pietà. Hija niċċa tad-Duluri li għalkemm mhiex xi waħda ta’ livell għoli artistiku fl-istess ħinMsida - niċċa ta' Giuseppe Calì tfakkarna fi ġrajja ħelwa ta’ mħabba ta’ personaġġ magħruf sewwa f’pajjiżna. Fil-fatt din in-niċċa twaqqfet mill-pittur famuż Giuseppe Calì wara li l-Madonna qalgħatlu l-grazzja li jiżżewweġ lil Perennia Pace; tfajla li kienet toqgħod proprju f’dak l-isqaq u li hu tilef għaqlu warajha. Ġewwa n-niċċa huwa poġġa pittura tad-Duluri li pinġa huwa stess u għal diversi snin kull min kien jgħaddi mill-inħawi, kien jieqaf jgħid Ave Marija quddiemha. F’dawn l-aħħar snin, minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, il-pittura tneħħiet min-niċċa u tpoġġiet fil-parroċċa tal-Imsida.

    Eżempju ieħor hija l-istatwa ta’ San Ġiljan li tinsab fil-bajja ta’ San Ġiljan. Din l-istatwa tmur lura lejn l-ewwel nofs tas-seklu 19 u magħha hemm marbuta tradizzjoni qawwija u folkloristika li ġejja mill-imgħoddi. Snin ilu minn taħt din l-istatwa kienet tgħaddi nixxiegħa tal-ilma ġieri. L-ommijiet li kien ikollhom lil uliedhom morda kienu jeħduhom f’din in-nixxiegħa u wara jgħoddsuhom s’għonqhom fir-ramel. Sadanittant l-omm kienet tinxteħet f’riġlejn San Ġiljan u titolbu:

    “Dak mhux ibni,

    Bdiltuli.

    Tfejjaqhuli

    Jew inħallihulek f’wiċċek.”

    Wara l-ilbies tat-tarbija kienu jinsarru u jindifnu fir-ramel u l-ħamrija għax kienu jemmnu li b’hekk il-marda tindifen magħhom għal dejjem. Din id-drawwa damet snin twal issir, tant li fl-1935 Sir Temi Zammit semmiegħa fil-ktieb tiegħu u żied jgħid li maż-żmien twieled qawl li kien jgħid “Mur indifen f’San Ġiljan”. Illum in-nixxiegħa għosfrot iżda l-istatwa ta’ San Ġiljan għadha wieqfa bħala tifkira tal-imgħoddi.”

    Għalkemm bosta min-niċeċ u l-istawi huma maħduma mill-ġebla Maltija, jeżistu numru ieħor mnaqqxa fl-injam.

    “Min ma kienx jiflaħ iħallas għax-xogħol tal-ġebel kien jordna n-niċeċ u l-istatwi tal-injam. Huma niċeċ sbieħ ferm però għandhom problema kbira: ma jservux daqs dawk tal-ġebel u għalhekk jeħtieġu aktar kura.

    Bosta minn dawn ix-xbiehat tal-injam insibuhom fil-Kottonera u fil-parti t’isfel tal-Belt Valletta. Madanakollu nsibu uħud minnhom f’lokalitajiet oħra; waħda mill-eżempji ewlenin tinsab qrib l-Għajn tal-Valletta - niċċa tal-injamĦasselin fi Triq il-Wied fl-Imsida. Fiha hemm meqjuma riliev sabiħ tal-Madonna tħaddan lil Ġesù mejjet fi ħdanha. Din hija waħda mill-isbaħ u mill-ikbar niċeċ tal-injam li għandna fi gżiritna u hi maħduma b’sengħa kbira.”

    Tony għarraffni illi kien hawn ħabta meta dawn in-niċeċ u l-istatwi bdew jinsterqu.

    “Matul is-snin sirt naf dawn ix-xogħolijiet b’għajnejja magħluqa u għalhekk ninnota aktar meta togħsfor xi waħda minnhom. Niċċa tipika hija waħda ta’ San Nikola li kien hemm fi Triq is-Santwarju f’Ħaż-Msida - niċeċ antiki li jsebbħu l-faċċati tad-djar tagħnaŻabbar u li ma nafx x’sar minnha! Lil xi niċeċ oħra insterqulhom il-fanali li kellhom quddiemhom jew il-grampuni li kienu mdawwrin bihom fejn dari kienu jitpoġġew it-tazzi taż-żejt sabiex jinxtegħlu fil-festa.

    Darba minnhom saħansitra spiċċajt il-Qorti fuq każ simili. Kont qiegħed ġewwa ħanut tal-antikitajiet u fost l-affarijiet li kellu, nilmaħ niċċa li kienet insterqet xi ftit tal-ġranet qabel minn raħal partikolari. Avżajt lill-Kunsill Lokali, sar rapport l-għassa u spiċċajt nixhed il-Qorti biex nikkonferma li dik kienet l-istess niċċa. Id-destin ried li xi snin qabel kont ħadtilha ritratt fil-post fejn kienet poġġuta u n-negattiva ta’ dak ir-ritratt intużat bħala prova.”

    Xtaqt inkun naf mingħand Tony kif inhu l-istat in ġenerali ta’ dawn ix-xogħolijiet?

    “Illum jeżisti ħafna interess dwar dawn in-niċeċ u statwi u bosta huma konxji tal-valur storiku tagħhom. Huma wkoll protetti mill-awtoritajiet u ħadd ma jista’ jċaqlaqhom minn posthom mingħajr permess.

    Il-biċċa l-kbira tagħhom qegħdin fi stat mhux ħażin, oħrajn huma traskurati mmens filwaqt li numru minnhom intilfu għax insterqu u ħadd ma ta kas.

    Forsi anki b’nuqqas ta’ għarfien ċertu niċeċ saritilhom il-ħsara meta nżebgħu peress li idealment dawn għandhom jitħallew kif kienu oriġinarjament. Infatti f’ċerti xogħolijiet li riċentement ġew restawrati, stajna naraw xi dettalji sbieħ li qabel kienu moħbija.

    Jiena nagħfas fuq il-Kunsilli Lokali biex jaraw li dawn it-teżori storiċi tagħna jkunu protetti u apprezzati. Nemmen li xogħolijiet bħal dawn għad għandhom sinifikat qawwi u huma xhieda tal-valuri Żejtun - niċċa miżbughareliġjużi tal-poplu Malti. Naħseb illi kieku kellna nerġgħu ndaħħlu d-drawwa li jinbnew dawn in-niċeċ fil-qalba tal-blokok tal-appartamenti ġodda tagħna, xbiehat bħal dawn ikunu kapaċi joħolqu sens ta’ ġabra u għaqda fost in-nies tal-inħawi.”

    Dan l-aħħar Tony Terribile qiegħed jagħti sehemu fi proġett ġdid li għandu l-iskop li jiġbor kemm jista’ jkun tagħrif dwar in-niċeċ u l-istatwi li fadal sabiex b’hekk dawn ikunu jistgħu jiġu protetti aħjar.

    Barra minn hekk, proprju dax-xahar tħabbar illi s-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali qed jagħti għajnuna finanzjarja lilValletta - Niċċa tal-injam fi stat ħażin uħud mill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex biex iwettqu proġetti u interventi ta’ restawr fuq numru ta’ xogħolijiet li fostom jinkludu dawn in-niċeċ u statwi antiki.

    Din l-aħbar fakkritni mill-ewwel f’niċċa antika ta’ San Spiridione li tinsab fi Triq il-Gardiel Marsaskala. Għal dawn l-aħħar erbgħa snin, din l-istatwa li nħadmet fl-1909 kienet M'Scala - niċċa tal-1909 ta' San Spiridioneqegħdha fi stat imwiegħer peress li eżatt biswitha nbena blokk imdaqqas ta’ appartamenti kbar. B’xorti tajba meta kkuntattjajt lis-Sindku Mario Calleja, dan ikkonfermali illi l-Kunsill kien ser jirċievi fondi biex jibda xogħol ta’ restawr fuq xi niċeċ antiki u fostom fuq din in-niċċa partikolari. Nistqarr li nħossni tassew sodisfatta li finalment ser nara lil din in-niċċa titressaq f’post aktar sikur u xieraq fejn tista’ titgawda aktar minn kullħadd.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-25 ta’ Lulju 2010)

    2010.07.25 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • L-ARTI F’ĦAJTI… nemmen li l-arti titwieled fik!

    L-Għid jgħallimna illi l-ħajja m’għandiex tiġi nterpretata sempliċiment f’termini ta’ affarijiet imma f’termini ta’ ideali… Charles M. Crowe

    Kemm huwa sabiħ li titkellem ma’ ħaddieħor u li tisma’ l-perspettiva tiegħu! Mhux neċessarjament biex tiġi taħsibha bħalu imma aktar biex toħroġ il-possibilità ta’ sfumaturi diversi fil-mod kif tħares lejn ċertu sitwazzjonijiet.

    Ikkonfermajt dan mill-ġdid waqt l-intervista ta’ dil-ġimgħa meta ltqajt mal-artist Antonio Mifsud. Laqagħni ġewwa daru fl-Imqabba, dar antika u ta’ karattru mill-isbaħ, imrekkna għall-irdoss tad-dell tal-knisja tar-raħal ċkejken. Mill-ewwel ħadni fl-istudio tiegħu, kamra mdaqqsa mimlija bl-aċċessorji kollha li jirrikjedi artist u naturalment anki b’uħud mix-xogħlijiet tiegħu.

    Min jaf kemm jispirak il-karattru waħdieni ta’ din id-dar?

    “Le dal-post ma jagħmillix daqshekk differenza għax fir-realtà aktar nispira ruħi mill-modern. Fil-fatt meta nkun nixtieq noqgħod naħseb ftit, nippreferi nintasab għall-kwiet ġewwa l-ambjent modern ta’ kafeterija partikolari f’San Ġiljan.

    Meta nkun qed naħdem imbagħad inkun irrid nolqot is-sensi kollha u allura jkolli bżonn: dawl tajjeb, mużika li tispirani, r-riħa taż-żebgħa fil-kamra u materjal tajjeb f’idejja. Anki meta nagħmel l-The Beginningesebizzjonijiet tiegħi nkun irrid nara li qed noħloq l-istess effett. Għalhekk nagħti ħafna attenzjoni għall-post li nesponi fih, id-dawl kif jaqa’ fuq ix-xogħlijiet tiegħi, inpoġġi fwieħa adattata għas-suġġett filwaqt li nagħmel ukoll sfond ta’ mużika biex nibni l-atmosfera ġusta.”

    Tbissimt. Ara l-ħajja veru ironika. Jiena li noqgħod f’post modern, tgħidx kemm nixxennaq għal dar hekk. Letteralment inħoss il-ħitan tagħha jkellmuni. Min jaf kemm insawwar stejjer kieku. Imma!

    “Jiena naħdem fuq żewġ stili. Hemm l-istil tradizzjonali, jiġifieri l-figurattiv, fejn inti qed tara xi ħaġa u qed tifhem x’inhi għax hi figura imma mbagħad nagħmel ukoll xogħol astratt. Togħġobni ħafna wkoll l-iskultura tar-riljiev, speċjalment l-alto-riljiev; meta l-iskultura toħroġ sewwa l-barra minnha nfisha.

    “Fil-fatt din hija waħda mill-ġlidiet tiegħi għax jiena nemmen illi f’pajjiżna hawn qasma kbira bejn dawk li jaħdmu t-tradizzjonali u dawk li jaħdmu l-modern. U dan m’għandux ikun. F’pajjiżi oħra din ma teżistix.”

    Antonio ħa l-formazzjoni artistika tiegħu taħt l-iskultur magħruf Għawdxi, Alfred Camilleri Cauchi.

    “Missier l-imgħallem tiegħi kien Wistin Camilleri, skultur li għamel bosta xogħlijiet li baqgħu msemmija, fostom il-Monument tal-Mosta. Wistin kien jaħdem bi stil tradizzjonali imma meta ibnu Alfred mar jistudja barra minn Malta, huwa seta’ jara l-kuntrast tax-xogħlijiet moderni. Hemmhekk huwa tħarreġ taħt l-iskultur Ingliż Henry Moore, li kien skultur imsemmi ħafna għax-xogħlijiet monumentali astratti tiegħu. Kien hawn illi Alfred għaraf illi artist m’għandux jingħalaq biss f’dak li l-aktar jaf jagħmel imma għandu jkompli jesplora  anki possibilitajiet oħrajn.

    Jiena nzertajt inħobb kemm il-pittura u kif ukoll l-iskultura. Il-pittura togħġobni għax napprezza ħafna l-isfumaturi tal-kuluri imma hija oġġett ċatt. L-iskultura tqanqalni għax hija aktar espressiva u tista’ tmissha. Allura darba staqsejt lill-imgħallem x’kien l-aħjar li nagħmel. Qalli inti kapaċi tagħmilhom it-tnejn? Għedtlu nippruvaw. U hu weġibni mela agħmilhom it-tnejn., Għalfejn għandek tillimita ruħek?”

    Ix-xogħol proprju ta’ Antonio huwa ta’ ners fl-ITU fit-taqsima fejn isiru l-operazzjonijiet tal-qalb. Xogħol għal kollox differenti mill-arti li tant jgħożż. Kelli kurżità kif laqqa’ ħaġa m’oħra u jekk dax-xogħol fl-isptar jaffetwax l-arti tiegħu?

    “Jiena nemmen li l-arti titwieled fik. Missieri kien miġbud ħafna lejn il-mużika u kien iħajjarni ħafna biex nitgħallem xi strument imma jien qatt ma ħassejt dik il-ħajra. Minflok kont immur nintasab ġewwa l-Knisja tal-Ħamrun u noqgħod ninnota x-xogħlijiet artistiċi li dal-post huwa mogħni bihom. Kont nintilef naħseb dwar min  għamel dawk ix-xogħlijiet tal-pittura u tal-iskultura. Fl-istess ħin kont noqgħod nimmaġina li kieku jien kif kont nagħmilhom. Imbagħad kont immur noqgħod inħażżeż u npinġi dak li nkun rajt u mmaġinajt.

    Aktar tard, meta kont qed nistudja ġewwa s-Seminarju, iltqajt ma’ Ġorġ Mallia li kien jgħallimni l-Ingliż u l-arti. Ġorġ spirani ħafna f’ħajti speċjalment meta kien isejjaħ lill-istudenti biex ipinġu xi ħaġa fuq Cruxifiction Via Sagrail-whiteboard u mbagħad hu jkompliha u joħroġ minnha xi cartoon partikolari. Niftakar illi meta urejtu xi tpinġijiet minn tiegħi kien ħajjarni ħafna biex inkompli f’dan il-qasam. Madanakollu, meta ġejt biex nagħżel is-suġġetti li kellhom iwassluni għall-karriera tiegħi, ħafna qatgħuli qalbi għax saħqu illi bl-arti ma tiekolx! U għalhekk għażilt suġġetti oħra li permezz tagħhom illum naħdem bħala ners.

    Ix-xogħol tiegħi mhux wieħed faċli għax tara ħafna ma’ wiċċek. Min-naħa l-oħra huwa wkoll xogħol li jagħtik sodisfazzjon kbir fejn inti tara bniedem dieħel stendut u wara ftit tal-ġranet, tarah ħiereġ il-barra fuq saqajh. Imma xorta waħda, għalkemm ir-rata ta’ suċċess illum hija kbira ħafna, jiġu każi meta pazjent ikun qed imut u ma tkun tista’ tagħmel xejn aktar biex issalvah. F’dawn il-mumenti inti trid tkun ta’ sostenn għall-membri tal-familja tiegħu. U jekk martu għamlet 12-il siegħa tibki, inti qed taraha u ma tistax ma tħoss xejn.

    Għalija ż-żewġ xogħolijiet huma kompletament separati. Jiġifieri jekk jiena nara xi pazjent imut, m’inix sejjer id-dar u npinġi stampa sewda. Però indirettament taffetwa ruħek, trid jew ma tridx. L-espressjoni ta’ wġiegħ fuq wiċċ dik il-mara, per eżempju, ma tista’ qatt tinsiha u b’xi mod toħroġ xi darba f’xi xogħol artistiku tiegħek.

    Bħala ners, jiena naħdem għal siegħat twal ħafna. Ma nistax nimmaġina kif ngħaddi li kieku ma jkollix parti oħra f’ħajti, għal kollox differenti mill-bqija, sabiex inneħħi l-istress li jinħoloq ġewwa fija.”

    Għalkemm missieru kien ipprova jħajjru għall-mużika u ma rnexxielux, kien proprju permezz tiegħu li Antonio ltaqa’ mal-iskultur Alfred Camilleri Cauchi.

    “Dak iż-żmien kont għadni student l-università qed nattendi għall-kors tan-nursing. Ġurnata minnhom missieri ġie lura d-dar minn wara x-xogħol u qalli “Taf għand min mort illum? Għand l-iskultur l-Antonio Mifsud Għawdxi! Għand dak trid tmur.” U jien ħadtu biċ-ċajt u weġibtu li moħħi għandu dak. Imma missieri li ormaj kien intebaħ kemm jiena kont inħobb l-iskultura u t-tpinġija wegħedni li xi darba jeħodni miegħu s’għandu. U hekk għamel! Miegħi ħadt xi xogħol milli kont għamilt id-dar għax jien qatt ma kont mort nitgħallem l-arti mkien. Alfred laqagħni b’ġentilezza kbira u meta raha xogħli, minflok qalli “tajjeb imma fadallek”, stedinni biex nibda mmur għandu sabiex hu jkun jista’ jgħallimni u jikkoreġini aħjar. Kienet opportunità tad-deheb u naturalment aċċettajt. L-imgħallem ħa pjaċir ħafna meta għedtlu li kont qed nistudja l-mediċina għax hu jenfasizza ħafna dwar il-perfezzjoni tal-anatomija fl-iskulturi tiegħu.

    Għall-bidu beda jqabbadni nagħmel il-kartapesta, b’kolla tinten mewt li r-riħa tagħha ma tkun tista’ tneħħiha b’xejn minn ma jdejk! F’qalbek, ta’ żagħżugħ li tkun tibda tgħid dan x’xogħol hu? Jien xi statwa ridt nagħmel. Imbagħad beda jafdani nixkatla xi ħaġa żgħira jew niżbogħ x’imkien. Iżda għaddej tagħmel l-istess ħaġa ġurnata sħiħa tibda tiddejjaq u tistaqsi imma x’jiena nagħmel hawn eżatt? Fir-realtà hu jkun qed jagħik dan biex jgħarblek u biex jikkonferma kemm inti interessat filwaqt li inti tkun qed titgħallem is-sengħa pass pass. Ngħidu aħna, jekk inti qiegħed tixkatla, fl-istess ħin tkun qed tara l-istatwa kif inhi magħmula u tħossha taħt idejk ħalli inti meta l-quddiem tmur taħdem it-tafal, idejk ikunu diġà draw il-proporzjonijiet korretti. Kien jeħodni wkoll miegħu biex ngħinu waqt li jkun qed jaħdem fuq xi xogħol fuq barra. Mhux l-ewwel darba li kont nintefa’ ħdejh naħsillu l-pniezel waqt li qed jaħdem u fl-istess ħin inkun qed nixrob dak kollu li jkun qed jagħmel.”

    Kemm jiswa li titħarreġ b’dan il-mod?

    “Permezz tal-imgħallem tiegħi jiena tħarriġt f’dis-sengħa bħal kif kienu jagħmlu fiż-żminijiet l-antiki, ta’ żmien Mikelanġelo. Issa ilni 14-il sena taħt il-gwida tiegħu u għadu jagħtini l-pariri fuq xogħli sal-ġurnata ta’ llum għax taf kemm taf f’dawn l-affarijiet, qatt mhu biżżejjed. Min jaf kemm rajt tfal u żgħażagħ ġejjin biex jidħlu miegħu bħala apprendisti u Alfred jilqagħhom bil-qalb biex wara ftit jgħibu. Tiskanta kemm hemm min m’għandux dik il-paċenzja u s-sabar biex jitgħallem bil-mod u jkun irid imidd idu mill-ewwel għax-xogħol tal-istatwar. Xi ħaġa mpossibbli, jekk trid tagħmel xogħol veru professjonali.

    Meta tistudja, inti tkun aktar komplet għax anki żball ma tibqax fih. Ma tistax tgħid ngħidu aħna, jiena m’inix kapaċi npinġi figura u allura ser nintefa’ fuq l-astratt. Trid titgħallem kollox, ħalli mbagħad Soul Conceptionwara tagħżel int. Hemm diversi regoli li tkun trid titgħallem bħal proporzjon tal-figura u l-kejl u l-forma tagħha, l-anatomija tal-bniedem u ċ-ċaqliq u l-pożizzjonijiet tal-muskoli, is-sistema ta’ kif jinħadem wiċċ, kif tiżbogħ u kif tħallat il-kuluri. Għal kontra ta’ kif jaħsbu x’uħud, il-kuluri ma ssibhomx lesti, la kemm tpinġi bihom. Hemm sistema partikolari li normalment tkun sigrieta u jkun f’idejn l-imgħallem li jgħaddihielek. Fil-fatt il-kulur ikun trab u int trid iddewwbu u timmaċinah u mbagħad tħalltu biż-żejt u l-verniċ sakemm toħroġ l-iskali diversi tal-kulur li trid.

    L-arti għalkemm tinvolvi l-muża tal-artist, għandha r-regoli tagħha bħal kull ħaġ’oħra u ma tagħmiliex biss kif togħġbok jew ma togħġbokx. Meta tibda taħdem l-arti, tibda tiltaqa’ mal-problemi u trid issib mezzi kif issolvihom. Per eżempju meta jvarjalek il-materjal kif ser tkompli taħdem? Affarijiet li ġġibhom biss bl-esperjenza, m’hemmx mod ieħor. U mbagħad hemm il-kreattività fejn inti ma tridx tikkopja lil ħaddieħor. Mhux ma tinfluwenzax ruħek għax dik impossibbli imma jekk ser toħroġ għall-pubbliku trid tipprova toħloq kunċetti ġodda u oriġinali.”

    Fil-fatt Antonio jagħmel xogħol astratt tassew partikolari fejn iħallat l-istruttura flimkien mal-pittura.

    “Dan hu timbru tiegħi; xogħol astratt li ħriġt bih u li dwaru kelli rispons tajjeb ħafna mill-pubbliku. Fir-realtà l-arti astratta kulħadd jinterpretaha kif irid. Personalment l-għan prinċipali tiegħi dejjem ikun li permezz ta’ xogħli noħloq ċertu emozzjoni. Inkun irrid ukoll li noħloq dik l-armonija bejn il-kulur u n-nisġa tal-ġebla.

    ‘The Cry Over Betlehem’ huwa wieħed minn dax-xogħlijiet li kien għall-qalbi ferm u li nbiegħ. Fih nissilt l-art bil-ġebel li hija Betlehem u mbagħad imdawwrin magħha hemm il-kuluri blu u abjad li A Cry Over Betlehemjesprimu l-mistiċità tal-lejl ta’ meta twieled Sidna Ġesù. Iżda f’dak iż-żmien ħafna jinsew li kienet seħħet traġedja kbira – il-mewt tal-innoċenti. U allura biex nirrakkonta dan, daħħalt il-kulur aħmar fuq in-naħa ta’ fuq u isfel li jirrappreżentaw il-qilla ta’ Erodi u l-mewt tal-innoċenti li ħonqu dak il-lejl.”

    Antonio beda jurini bosta mix-xogħlijiet tiegħu bi stili differenti.

    “Dan ix-xogħol tal-alto-riljiev li jġib l-isem ‘Natività’ kiseb it-tieni premju f’kompetizzjoni mnhedija bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja u xi pajjiżi mill-Lvant NofsaniCLASSIFIED 2nd SCULPTURE SECTION fostom Betlehem. Flimkien ma’ Aaron Camilleri Cauchi, ġejt mistieden mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju sabiex intella’ xogħol minn tiegħi. Kien hemm tliet kategoriji: skultura, arti presepali u ikoni. Ġew ippreżentati 380 biċċa xogħol b’kollox. Bi pjaċir ngħid illi x-xogħol ta’ Aaron ġie l-ewwel u tiegħi t-tieni fil-kategorija tal-iskultura. Ġejna mistiedna fi Brussell biex niġbru l-premju u hemmhekk għaraft il-kobor tagħna l-Maltin fejn aħna wrejna li aħna kapaċi daqs l-artisti barranin.”

    Jinbidel xi ħaġa fik meta tirbaħ premju ta’ dan il-kalibru?

    “Jekk tirbaħ premju u tieqaf hemm tkun ktibt il-kundanna tiegħek. Ovvjament tieħu pjaċir li xogħlok ġie tant apprezzat imma jien il-ħin kollu għaddejjin it-terremoti f’moħħi biex nara x’ser nivvinta ġdid.”

    Minbarra mill-istil modern, Antonio jispira ħafna ruħu wkoll mill-poeżiji taz-ziju ta’ missieru, Achille Mizzi. Iżda ċertament ċertu xogħlijiet juru wkoll l-effett li ħalla fuqu inċident personali…

    “Iva, il-qari tal-letteratura tagħtini bosta ideat. Naturalment anki dak li tgħaddi minnu f’ħajtek jinfluwenzak. Xi ftit tas-snin ilu esperjenzajt mumenti diffiċli mhux ħażin meta wara ġurnata xogħol f’xemx Anima: the soul withinqalila, nħarquli ċ-ċelloli fuq naħa minnhom tal-ġilda ta’ wiċċi u sofrejt feriti daqs li kieku kont inħraqt bin-nar. Akkost li m’inix xi bniedem vanituż, din li tmur tħares fil-mera u tara wiċċek differenti, tqanqallek ċertu emozzjonijiet fik. U għalkemm iż-żmien iderri, donnu l-marka tibqa’ f’ħajtek għal dejjem u b’effett ta’ dan ġieli noħloq xogħlijiet simboliċi. Każ minnhom huwa dan il-bust li għandu nofs wiċċu mtajjar. Kien xogħol li esebejt waqt il-wirja tiegħi ‘Anima’ li kienet titratta l-fużjoni bejn ir-ruħ u l-ġisem. Jirrappreżenta r-ruħ li qed tinħoloq.”

    L-arti nfisha tikkonsisti f’diversi oqsma u għandha ħabta tifrex dawn il-friegħi tagħha f’qalb l-artist u tħajjru jimraħ f’oqsma oħra. Fil-fatt Antonio huwa wkoll imħarreġ fit-teknika tal-kamera u l-produzzjoni televiżiva. Xogħlijietu jinkludu diversi dokumentarji, bl-aktar wieħed magħruf fostom huwa l-programm ‘Bottega’ illi fl-2007 ġie nnominat fil-kategorija ‘Best Documentary’ fil-Malta TV Awards.

    “F’dan il-programm jiena tkellimt dwar numru ta’ artisti Maltin li wħud minnhom, għalkemm qed jagħmlu xogħol validu ħafna, ftit nies jafu bihom.

    Din hija xi ħaġ’oħra li tkiddni – in-nuqqas ta’ għarfien dwar l-arti u l-artisti tagħna. Nibda billi nsemmi l-iskejjel u nistaqsi kemm qed inħarrġu lill-istudenti tagħna fl-apprezzament tal-arti? Lit-tfal ta’ llum issemmilhom artisti kbar bħal Giuseppe Calì, Antonio Sciortino, Emvin Cremona u Anton Inglott u jibqgħu ċċassati lejk, lanqas biss jafu min huma! Aħseb u ara kemm jafu b’artisti oħrajn, mhux daqshekk magħrufa imma li taw jew qed jagħtu kontribut kbir lill-pajjiżna bħal Giuseppi Briffa, Lazzru Pisani, Anton Calleja, Andrew Micallef, Pawlu Camilleri Cauchi u Luciano Micallef. Nistagħġeb kif ma nagħrfux ix-xogħol li qed jagħmlu dawn in-nies? Kif ma nagħtuhomx kreditu li dawn qed jagħmlu xi ħaġa differenti?

    Għala għax jien artist irrid ningħalaq hawn bilfors u noħroġ darba f’mitt sena, meta jkollhom pjaċir jistednuni, f’xi esebizzjoni kollettiva? U mbagħad tmur u ma trid xejn biex ħadd ma jkellmek, kulħadd qisu l-imġebbed u ħadd ma jistaqsik xejn dwar xogħlok! Interazzjoni ta’ xejn. Għala ma teżistix xi fora bejn l-artisti sabiex jaqsmu l-ideat bħal kif jagħmlu l-kittieba? Għaliex nagħmlu n-Notte Bianca darba f’sena, nitfgħu kollox f’daqqa u fil-verità ħadd ma jkollu ċans jara xejn?

    Ninkedd sew meta nara dan l-atteġġjament għax hija ħasra kbira meta ngħixu f’pajjiż li letteralment qisu palk naturali. Ġieli nistaqsi lili nnifsi imma jien x’qed nagħmel naħli ħini hawn? Poplu li sikwit iġib Dogmaruħu bħan-ngħaġ ta’ Bendu; kulħadd jikkopja lill-ieħor u ħadd ma jrid joħroġ b’ideat ġodda. Għandi ħafna ideat u proposti li wieħed jista’ jisfrutta. Nibda billi nsemmi l-ħafna postijiet kbar u maestużi li għandna magħluqin u mkissrin – għaliex m’aħniex nużawhom? U mbagħad insemmi l-proposti tal-Belt. Irridu nagħmlu teatru miftuħ meta diġa għandna wieħed f’Ta’ Qali u ma nużawhx; minflok tgħallimna mill-iżball, ser nagħmlu ieħor! Imma kif ma nitgħallmux f’dan il-pajjiż? Fi żmien il-kavallieri nqdew bi Ġlormu Cassar. Allura aħna għala  kellna mmorru għall-barrani? Għandna università tospita daqs dawk studenti lokali. Għandna tant periti ggradwati. Possibbli ma kienx hawn Malti wieħed tajjeb biżżejjed biex jaħdem hu? Il-Malti għandu l-bini ta’ pajjiżu f’demmu u hu dan il-bini jaf x’ifisser għall-poplu tagħna.  Meta tiddisinja xi ħaġa bħal dik tkun qed tagħmilha għal kulħadd u għalhekk trid tara li toħloq xi ħaġa permanenti li ser tintogħġob minn kulħadd.”

    Kien jidher biċ-ċar ħafna li l-arti tqanqlu ħafna lil Antonio. Domna sewwa niddiskutu u fl-istess ħin skoprejt kemm dan l-artist għandu aktar xogħlijiet fostom ‘Nativity’ li ġiet akkwistata u qegħdha esebita b’mod permanenti ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, il-bust ta’ Sammy Calleja li jinsab fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta u xi pitturi astratti li qegħdin ġewwa sptar privat.

    Kelma ġġib lill-oħra u f’ħin minnhom Antonio qalli illi dawn iż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid huma l-isbaħ ġranet tas-sena għalih. Mhux l-ewwel darba li smajt min jgħidli dan u emmnuni nsibha diffiċli biex nifhem kif jista’ jogħġbok iż-żmien meta jmut Kristu…

    “Forsi għax jien norbot ħafna affarijiet ma’ dawn il-ġranet. Ma narax il-mewt ta’ Kristu biss imma nesplora għaliex twieled, il-ħidma tiegħu kollha u naqra wkoll numru ta’ kotba teoloġiċi. Jiena bniedem li Last Suppernemmen li l-affarijiet ma jsirux b’kumbinazzjoni u naħseb illi dawn il-ġranet għandhom skop ukoll. Jiġu fi żmien meta l-fjuri jibdew jinbtu, il-ġurnata titwal aktar u jkun hemm ċertu atmosfera fl-arja fejn kollox qisu qed jieħu l-ħajja wara d-dlamijiet tax-xitwa. Għalhekk jogħġobni dan iż-żmien u letteralment nieqaf minn ħidmieti għal ġimgħa sħiħa sabiex niddedikaha kompletament biex noqgħod indur u nifli x-xogħlijiet fil-knejjes u noqgħod nirrifletti għall-kwiet. Għalija din hija ġimgħa sagra. Imbagħad hemm affarijiet oħra sinonimi ma’ dan iż-żmien bħall-marċi funebri u l-ilħna ta’ Ġorġ Peresso u ta’ Charles Abela Mizzi li mdorri nisma’ sa minn meta kont żgħir. Jista’ jkun li napprezza dawn il-ġranet daqshekk għax jien dilettant u għax inħobb ukoll naħdem l-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira. Jiena per eżempju ma nifhimx xi pjaċir jieħdu dawk li jaħdmu n-nar. Imma dawn jgħidulek illi anki r-riħa tal-murtali tagħtihom pjaċir. U jien l-istess f’dan il-qasam. Mur ifhem imma dik hija ħajti!”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-4 t’April 2010)

    2010.04.04 / 2 responses / Category: Torca - Perspettivi