Posts Tagged ‘streptococcus’
-
L-ISKARLATINA F’MALTA
Din il-ġimgħa reġa’ nstab każ ieħor ta’ Skarlatina fi skola primarja tal-Gvern.
Isem din il-marda partikolari għandu tendenza li joħloq il-paniku fost il-ġenituri. Madanakollu, għalkemm din il-marda fil-passat kienet waħda fatali, illum titfejjaq sempliċiment permezz ta’ antibijotiċi li jagħtik it-tabib tal-familja.
Fir-realtà hija n-nuqqas ta’ informazzjoni li tinkwieta lil min jiġi milqut minn din il-marda. Għaldaqstant, tkellimna mat-tabib Etienne Grech sabiex jispjegalna aħjar dwar il-kawża tagħha, is-sintomi, il-fejqan u l-miżuri li għandhom jittieħdu f’dawn il-każijiet.
L-Iskarlatina tiġi kkawżata mill-batterja streptococcus li solitament toħloq uġiegħ u infezzjoni fil-griżmejn. Biss meta din il-batterja jkollha ‘strain’ aktar qawwi, tikkaġuna wkoll raxx ħamrani fuq il-ġilda u l-persuna milquta jkollha anki deni qawwi.
Huwa tajjeb li wieħed ikun jaf is-sintomi ta’ din il-marda sabiex f’każ ta’ dubju, wieħed jirreferi mill-ewwel għand it-tabib tiegħu.
Is-sinjali komuni tal-Iskarlatina huma:
- Ilsien minfuħ b’kisja bajdanija fuqu (illi wara ftit ġranet titqaxxar u ssir ħamra)
- Deni ta’ madwar 101F (38.3 C)
- Uġiegħ qawwi u ħmura fil-griżmejn
- Diffikultà biex wieħed jibla’
- Glandoli minfuħa
- Uġiegħ ta’ ras
- Sturdament jew remettar.
Meta l-batterja tal-Iskarlatina tiġi trattata bl-antibijotiċi, din tinqered fi żmien 24 siegħa. Għaldaqstant huwa importanti ferm li wieħed jieħu azzjoni immedjata sabiex b’hekk tiġi evitata t-tbatija fuq il-marid u kif ukoll sabiex nevitaw it-tixrid tal-marda. Kura mmedjata tevita wkoll il-kumplikazzjonijiet aktar serji li kapaċi toħloq din il-marda jekk tiġi injorata għal tul ta’ żmien.
Ġeneralment din il-marda tolqot lit-tfal mill-età ta’ 5 sa 15-il sena peress li dawn ma jkollhomx biżżejjed reżistenza għaliha. F’każijiet rari ġieli toħroġ anki fl-adulti.
Il-marda tal-Iskarlatina tittieħed u t-taħlit tat-tfal fl-iskejjel jagħmilha aktar faċli biex din tiġi trażmessa minn wieħed għall-ieħor. Madanakollu xieraq jiġi ċċarat illi għalkemm meta xi ħadd mit-tfal fil-klassi jimrad bl-Iskarlatina, mhux neċessarjament li t-tfal l-oħra jittieħdu wkoll. Hawnhekk tidħol ir-responsabbiltà tal-ġenituri nfushom illi meta jintebħu li uliedhom ma jifilħux, ma jibgħatuhomx l-iskola qabel ma jiċċertifikaw uliedhom x’għandhom u mhux qabel jagħtuhom il-kura meħtieġa.
L-Iskarlatina tittieħed minn wieħed għall-ieħor permezz tal-likwidi li joħorġu mill-imnieħer u mill-ħalq bħal: għatis, sogħla u jekk wieħed imiss xi affarijiet mingħajr ma jkun ħasel idejh u jmisshom xi ħadd warajh. Għalhekk huwa neċessarju illi min jimrad bl-Iskarlatina jagħmel ammont ta’ żmien iżolat fid-dar tiegħu biex jiġi evitat it-tixrid tal-marda. Iżda hemm każijiet fejn din il-marda tista’ tinġarr minn persuna bla ma tkun marida biha. Dan jagħmilha impossibbli illi inti tassigura ruħek illi m’intix ħdejn xi ħadd li għandu dawn il-batterji fuqu.
Għaldaqstant huwa utli illi wieħed jieħu l-prekawzjonijiet tiegħu billi jgħallem lil uliedu:
- Jaħslu jdejhom sewwa bis-sapun;
- Ma jużawx tazzi, frieket, skieken, kuċċarini, srievet eċċ ta’ tfal oħra;
- Jgħattu mneħirhom u ħalqhom meta jagħtsu jew jisogħlu;
- Ma joqogħdux viċin iżżejjed tal-wiċċ ta’ tfal oħra.
Minn kif qed naraw, il-marda tal-Iskarlatina għandha biss isem impressjonanti imma mhiex marda daqshekk allarmanti. It-tabib Etienne Grech qalilna illi fi żmien il-gwerra, ma kienx hawn peniċillina u għalhekk l-Iskarkaltina kienet tkun fatali. L-isem biss tagħha kien iqanqal it-terrur dak iż-żmien. Mhux l-ewwel darba illi t-tabib Grech iltaqa’ ma anzjani illi f’dawk iż-żminijiet mitulhom xi tfal b’din il-marda. U forsi għalhekk instintivament aħna l-Maltin għadna nitkexkxu minn dan l-isem.
Għamilna żmien ma nisimgħux b’din il-marda imma donnha li dan l-aħħar reġgħet qed terfa’ rasha. Jista’ jkun li r-raġuni hi illi nħoloq ‘strain’ differenti ta’ batterja. Jista’ jkun ukoll illi illum kemm il-ġenituri u kemm it-tobba kapaċi jagħrfu aktar malajr din il-marda u b’hekk qed jiġu irrappurtati aktar każi. It-tabib Grech qalilna illi bħala tabib huwa obbligat li jirrapporta liċ-Ċentru tas-Sanità kull meta jiltaqa’ ma’ din il-marda sabiex huma jkunu jistgħu jżommu rekord tagħha.
Finalment nerġa’ niġi għall-punt prinċipali: l-informazzjoni dwar kull sitwazzjoni fil-ħajja tneħħilek ħafna biża’ u nkwiet inutli u tgħinek tieħu l-prekawzjonijiet neċessarji.
Huwa għalhekk illi xi ġenituri ta’ din l-iskola primarja nkwetaw mhux ftit meta din l-informazzjoni waslitlilhom permezz ta’ aħbar fuq it-TV u mhux mill-iskola innifisha. Fuq kollox matul l-aħbarijiet ingħad illi l-ġenituri kollha kienu ġew infurmati u kienu ltaqgħu ma’ tabib illi serrħilhom rashom li ma kienx hemm għalfejn li wieħed jallarma ruħu. Il-problema kienet illi ssejħet biss il-klassi milquta u mhux il-klassijiet kollha ta’ dik is-sena partikolari. Dan ħoloq mumenti stressanti fuq bosta ġenituri li ma kienux jafu sewwa x’kien qed jiġri. Wieħed jifhem illi t-tfal milquta mill-marda jridu jiġu protetti minn ħafna għidut żejjed tan-nies. Imma dan m’għandux jagħti lok għal nuqqas ta’ informazzjoni. Kien ikun ħafna aħjar li kieku il-ġenituri tal-klassijiet kollha ġew miġbura flimkien u b’mod responsabbli ġew imfiehma biċ-ċar kif kienu l-affarijiet.
In-nuqqas ta’ informazzjoni u biża fuq dan is-suġġett ħolqu sitwazzjoni fejn il-ġenituri ma kienux ċerti għandhomx jibgħatu lil uliedhom l-iskola jew le. U għalhekk numru ta’ ġenituri għażlu li ma jibgħatux lil uliedhom l-iskola filwaqt li oħrajn iddeċidew eżatt bil-kontra.
Id-dubji u t-tħassib kompla aktar kiber meta tfal mill-klassi affetwata mill-marda tal-Iskarlatina ġew imqassma mal-bqija tal-klassijiet li sa dik il-ġurnata ma kienux ġew esposti għal marda.
Għalkemm huwa importanti li wieħed ma jallarmax ruħu għalxejn, wieħed jistenna illi f’każijiet bħal dawn, jittieħdu deċiżjonijiet b’mod aktar responsabbli!
(Dan l-artiklu ġie ppublikat fit-Torċa tad-29 ta’ Marzu 2009)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | 2 | 3 | 4 | 5 | ||
6 | 7 | 8 | 9 | 10 | 11 | 12 |
13 | 14 | 15 | 16 | 17 | 18 | 19 |
20 | 21 | 22 | 23 | 24 | 25 | 26 |
27 | 28 | 29 | 30 | 31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23