Posts Tagged ‘Tieni Gwerra Dinjija’
-
It-twelid fid-djar fil-passat
Il-ġimgħa li għaddiet iddiskutejt xi informazzjoni li ppreżentat Janice Caruana waqt attività riċenti organizzata minn Wirt iż-Żejtun fil-bini tal-Juventutis Domus, li kienet relatata mal-irwol tal-majjistra ta’ dari. Fl-artiklu ta’ qabel, semmejt xi dettalji u rakkonti dwar numru ta’ majjistri li taw is-servizz tagħhom bejn is-snin 1900 u l-1990.
F’din it-tieni parti, se nkun qed niffoka fuq l-esperjenza, il-perspettiva, u l-ġrajjiet tal-ommijiet li welldu matul dan il-perjodu.
L-EWWEL STADJU TAL-ĦLAS
“Kull ħlas għandu tliet stadji,” spjegat Janice. “L-ewwel stadju ġeneralment ikopri diversi siegħat fejn l-utru jirqaq, jitwal, jitwessa, u jinfetaħ. Il-mara tibda tħoss uġiegħ taħt id-dahar u fiż-żaqq.”
“Meta jibda dan l-uġiegħ, xi membru tal-familja li ma kienx ser ikun qed jassisti l-omm waqt it-twelid, kien imur isejjaħ lill-majjistra. Ħafna mill-majjistri kienu jidentifikaw ruħhom billi jwaħħlu plakka biswit il-bieb ta’ barra ta’ darhom li fuqha kien ikollha miktub l-isem u s-servizzi li joffru. Għal filgħaxija, kien hemm min ikollu wkoll lampa b’salib fuqha wara l-bieb biex in-nies isibu l-post malajr.”
“Jekk ma tkunx qed taqdi lil ħaddieħor, malli xi ħadd kien isejjħilha, kienet toħroġ taqdih. Kif tasal, hija kienet tiċċekkja fhiex waslet l-omm, fosthom: kemm infetħet, l-ilma, kemm qed ikun frekwenti l-uġiegħ, il-pożizzjoni u l-qalb tat-tarbija, u l-istorja tal-omm waqt it-tqala tagħha. Waqt din l-eżaminazzjoni, hija kienet tevalwa wkoll jekk hux ser ikun hemm il-bżonn ta’ xi mediċini jew l-għajnuna tat-tabib.”
“Imbagħad, skont f’liema stat tkun sabet lill-omm u jekk tkun il-prassi tagħha, il-majjistra kienet tneħħi xi pil tal-mara jew tagħtiha xi porga jew levattiv. Jekk l-omm tkun għadha fil-bidu wisq tal-ħlas, il-majjistra ġieli kienet titlaq tassisti lil ħaddieħor u mbagħad tirritorna.”
Meta l-majjistra ma tkunx mill-istess raħal/belt
“F’dawn il-każi, kien hemm sistema twila kif tintlaħaq il-majjistra. Infatti, hekk kif kien jibda l-uġiegħ, xi membru tal-familja kien jiġri lejn l-għassa tal-post sabiex jitlob lill-pulizija jċemplu lill-għassa tal-inħawi fejn toqgħod il-majjistra. Kif jasal il-messaġġ, pulizija kien joħroġ mill-għassa biex imur ifittex lill-majjistra u jagħtiha d-dettalji ta’ dawk li jirrikkjedu l-għajnuna tagħha. Minn hemm, il-majjistra kienet issib mezz kif tasal għand il-mara,” qalet Janice.
Ħlas mhux assistit
Imsejkna nisa! Mhux ta’ b’xejn li ġieli kien hemm każi fejn il-majjistri ma laħqux waslu fil-ħin. Biex tgħaxxaqha, il-mara muġugħa kien ikollha sserraħ għal kollox fuq x’jiddeċiedu ta’ madwarha, kif ser nirrakkuntalkhom hawn.
“Kien hemm mara tqila li kienet qiegħda taħdem fl-għalqa, meta qabadha l-uġiegħ tal-ħlas. Din marret tfittex ‘l ommha biex tgħidilha li kienet bdiet imma ommha dehrilha li kienet għadha lura u qaltilha “Toqgħodx iġġib il-majjistra għalxejn għax dik ikollha x’tagħmel!” Hi kompliet b’xogħolha filwaqt li bintha baqgħet muġugħa, sakemm finalment, l-omm indunat li l-mara veru kienet waslet biex twelled u marret issejjaħ lill-majjistra. Imma kien tard wisq għax meta dawn waslu d-dar, sabu li l-mara kienet laħqet welldet weħidha fuq is-sodda!”
X’kienu jagħmlu l-membri l-oħra tal-familja
“Fl-ewwel stadju, l-omm kienet tkun akkumpanjata biss mill-qraba; ġeneralment l-omm u l-kunjata. Meta staqsejt fejn ikun ir-raġel, kelli dawn ir-risposti: “Ir-raġel kien jibża’. Biex jagħmilhom orrajt imma mbagħad waqt it-twelid ma ried jara xejn.” Imma x’kien ikun xogħolu? “Ir-raġel kien joqgħod tiela’ u nieżel, jagħmel il-misħun u t-tejiet.” Oħra qaltli li ma kienx xieraq li ċerti membri jaraw dawn l-affarijiet, l-aktar it-tfal, ix-xebbiet u n-nisa tqal. Infatti, kif jibda l-ħlas, dawn kienu jinħarġu mid-dar b’xi skuża jew oħra sakemm jgħaddi kollox.”
“Kienu jkunu l-qraba li jagħmlu l-preparamenti għall-ħlas, fosthom jgħallu l-misħun, ilestu x-xugamani, jitfgħu inċirata, lożor ħżiena u xi ftit xugamani fuq is-saqqu peress li dan kien magħmul mill-ħaxix u wara riedu jorqdu fuqu, jipprovdu dawl tal-lampa u xi tip ta’ heater għas-sħana.”
IT-TIENI STADJU TAL-ĦLAS
Fit-tieni stadju, l-utru jirqar u jitwessa’, jiżdied l-uġiegħ u tkun meħtieġa l-assistenza tal-majjistra. Jibda jiżdied it-tqanżiħ, it-tarbija tibda nieżla u finalment tkun waslet biex titwieled. Wara li titwieled it-tarbija, il-kurdun kien jinqata’ b’żewġ metodi: bil-ħajt jew bl-għodda.
“Qabel is-sittinijiet, ma kienux jippermettu lill-omm li toqgħod f’ċerti pożizzjonijiet. Mir-riċerka tiegħi 71% welldu fuq daharhom jew fuq il-ġenb. Ma setgħux joqogħdu kokka jew iserrħu imma riedu bilfors jimteddu fuq is-saqqu. Dan inbidel mill-1960 ‘l hemm fejn il-mara bdiet tingħata l-opportunità li tagħżel f’liema pożizzjoni kienet tħossha l-aktar komda twelled.”
“F’dan l-istadju, il-majjistra kienet taħsel idejha u tilbes l-ingwanti u l-fardal. Jekk tkun ġejja minn twelid ieħor, kienet titlob lil xi ħadd mill-familja biex jgħallu l-għodod li hija tpoġġi ġo kontenitur tal-istainless steel sabiex jiġu eliminati l-mikrobi.”
“Meta staqsejt lin-nisa li ntervistajt x’kienet tagħmel u tgħid il-majjistra kif tasal, weġbuni hekk: “Marija l-majjistra kienet taħsel idejha u tgħidlek tridx nitolbu ftit?”, “Meta kienet tiġi Dolor il-majjistra u naraha tilbes il-fardal, kont nieħu r-ruħ għax ngħid, ejja wasalt!”, “Il-majjistra kienet tgħidli ‘Issa ħu n-nifs, onfoħ, u x’ħin tiġi l-wegħġa, imbotta, tibżax!’”, “Il-majjistra Serafina Delia tant kienet tajba li anki t-tfal minn ġol-blat kienet toħroġ!”
Postijiet tat-twelid
“Għat-twelid, uħud mid-djar kellhom kamra msejjħa alkova li kellha wisgħa ta’ madwar 5 b’6 piedi. Kienet tkun fis-sular t’isfel jew ta’ fuq u l-art kienet tkun miksija bil-madum minħabba l-iġjene, filwaqt li t-twieqi ma kienux jinfetħu biex ma jidħolx riħ. Spiss, l-alkova kienet tagħti għal kamra oħra. Filwaqt li wħud mill-kmamar kienu ddekorati u relattivament sbieħ, oħrajn kienu jkunu fl-għoli u jintlaħqu bi skalapiża li l-mara tqila u muġugħa kien ikollha titla’ biex twelled!”
“Kien hemm oħrajn li kienu jagħżlu li jwelldu fl-għorfa li kienet tkun l-istess kamra li jinnamraw fiha peress li kienet kemmxejn maqtugħa mill-bqija tad-dar. Fl-għorfa, meta jasal żmien il-ħlas, kienu jressqu s-sodda mal-ġenb tal-kamra ħalli ma jkunx hemm ventilazzjoni minħabba t-tarbija.”
Jekk dan qed tqisuh ftit li xejn komdu, fadal sitwazzjonijiet aktar diffikultużi. Għax dawk li kienu tqal waqt il-gwerra, mhux darba u tnejn li kellhom iwelldu f’xelter.
“Fix-xelters il-kbar spiss kont issib kamra apposta, bl-art miksija bil-madum u mogħnija bi ftit dawl u għamara. Din il-kamra kienet tkun il-bogħod mill-komun sabiex in-nies la jaraw u lanqas jisimgħu.”
Però d-dinja m’għanda qatt tarf kemm tiflaħ tagħtik fuq wiċċek. Infatti, waqt il-gwerra, kien hemm min kellu jwelled fuq tavla dejqa ġo xelter bla ebda kumdità ta’ xejn. Dan hu wieħed mill-inċidenti sfortunati li seħħew waqt mument bħal dan, li semgħet bih Janice:
“Il-mara tqila kellha 22 sena. Kienet armla għax żewġha nqatel waqt li kien qed jaqdi dmiru fil-gwerra. Bdielha l-uġiegħ waqt li kien għaddej attakk mill-ajru u meta sejjħet lill-majjistra, wara li eżaminatha, din qaltilha li kien fadlilha ftit u li kien aħjar li tmur tipprepara ruħha fix-xelter. Fir-realtà, il-majjistra kienet intebħet li kien hemm xi problemi fil-pożizzjoni tat-tarbija u marret malajr issejjaħ lit-tabib għall-għajnuna.”
“Meta dawn waslu, il-mara muġugħa kienet mimduda fuq tavla. Huma bdew jippruvaw idawwru lit-tarbija f’postha imma l-mara tant kienet muġugħa li bdiet twaqqafhom u ma setgħux jaħdmu sew. Għalhekk, it-tabib taha ftit sedattiv ħalli jikkalmalha l-uġiegħ u ftit wara, kompla jipprova jimmanipola t-tarbija. Madanakollu, l-omm baqgħet muġugħa u reġa’ kellhom diffikultà biex jgħinuha. Dan wassal lit-tabib biex jagħti lill-omm doża oħra ta’ sedattiv sakemm finalment, ħellsu lit-tarbija. It-tarbija twieldet imma l-omm tilfet ħajjitha minħabba li kien ngħatalha wisq sedattiv.”
Fatt interessanti dwar dan il-każ huwa li dan ir-rakkont għadda għand Janice proprju mingħand din il-bint li rnexxielha ssalva u li saret taf b’dil-ġrajja tagħhom mingħand in-nies li kien hemm dakinhar.
IT-TIELET STADJU TAL-ĦLAS
Fit-tielet stadju, wara aktar tqanżiħ, kienet toħroġ is-sekonda. Imbagħad il-majjistra kienet timmassaġġa l-utru u tara hemmx bżonn xi punti. Wara, taħsel lit-tarbija u lill-omm. Eventwalment, il-majjistra kienet tinforma lill-omm dwar il-bżonnijiet u n-nutrizzjoni tat-tarbija, filwaqt li tfakkarha li kellha tastjeni mis-sess għal mill-inqas erbgħin ġurnata.
“Jekk it-tarbija titwieled kiesħa, kienu jgeżwruha f’xugaman u jagħmluha viċin is-sħana. Majjistra qaltli li f’dan il-każ, kienu jagħmlu taħlita ta’ misħun, zokkor, u żewġ qatriet rum u jpoġġuha fuq ilsien it-tarbija. Min-naħa l-oħra, jekk it-tarbija titwieled vjola, huma kienu jogħrkuha bir-rum u jagħmlulha l-magħmudija. Jekk l-omm tibda titlef ħafna demm, kienu jsejjħu lit-tabib biex jagħtiha xi injezzjonijiet u l-mara tittieħed l-isptar.”
“Meta staqsejt lill-ommijiet x’kien idejjaqhom f’dak iż-żmien, dawn lmentaw hekk: “Iċ-ċinturini ta’ mas-sodda kienu jikkaġunawlna uġiegħ fl-ispalel u l-għada ma konniex nifilħu nerfgħu lit-tarbija”, “Minħabba li l-majjistra ma ħaslitx idejha tajjeb, it-tarbija tiegħi ħarġitilha infezzjoni fil-parti ġenitali tagħha u f’għajnejha”, “Il-punti qatt ma saru!”, “Kienu joħorġuli l-murliti”, “Il-kamra kienet kiesħa”, “Is-saqqu kien skomdu”, “Il-majjistra għafsitli wisq fuq żaqqi”. “Ma kellix pjaċir bil-kunjata li toqgħod ħdejja waqt il-ħlas”.”
Esperjenzi koroh waqt it-tqala ġieli wasslu biex koppja ma jkollha qatt aktar tfal.
“Waħda mara qaltli li meta kienet tqila bl-ewwel tarbija tagħha, it-tabib li suppost mar jgħinha, minflok ħareġ ta’ selvaġġ u biċċier. Kienu l-1958 u wara xahrejn tqala, din il-mara rat id-demm, taha ħass ħażin u n-nies sejjħu lit-tabib. Il-mara bdiet tiġi f’sensiha waqt li t-tabib kien qed jeżaminaha u għalhekk hu qalilha biex tixrob żewġ grokkijiet whisky u timtedd. Imbagħad, hu talab lil ommha biex tgħallilu l-istrumenti, rabat il-mara tqila mas-sodda bil-lożor, u dam siegħa u nofs jagħmlilha raxkament bla loppju! Meta raha tant muġugħa u bla loppju, żewġha beda jsabbat rasu mal-ħajt u minn dakinhar ‘l hawn ma kellhomx aktar tfal għax ma riedx jerġa’ jara lill-martu f’dik il-kundizzjoni.”
Il-preżentazzjoni se terġa’ ssir
Mhux possibbli ninkludi dak kollu li tkellmet dwaru Janice. Infatti, għal min jinteressaħ das-suġġett, hemm ħafna aktar x’wieħed jiskopri jekk jattendi għall-preżentazzjoni li ser issir mill-ġdid, il-Ġimgħa, 5 ta’ Ġunju 2015, fis-7:30pm, fl-uffiċċji tal-MUMN. Id-dħul huwa b’xejn.
Minħabba limitazzjoni ta’ spazju, min jixtieq jattendi, hu mitlub iċempel fuq 21448542 jew jibgħat messaġġ fuq administrator@mumn.org biex jirriserva post.
Fl-istess ħin, peress li Janice Caruana għadha għaddejjha b’din ir-riċerka dwar il-majjistri li ħadmu bejn l-1900 u l-1990, hija qed tistieden lil dawk kollha li jixtiequ jgħaddulha xi informazzjoni billi jikkuntattjawha fuq 79091700 jew janice6ft@gmail.com
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (11 parti) fit-Torċa tal-31 ta’ Mejju 2015)
-
L-Album tal-Priġunieri tal-Gwerra
Ġurnata minnhom, ġewwa l-binja tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta fir-Rabat, tfaċċat mara anzjana mill-Kanada. F’idejha kellha xi dokumenti, fosthom album ta’ missierha li kien imur lura għall-Ewwel Gwerra Dinjija. Hi xtaqet tkun taf jekk l-arkivisti tagħna kienux isibu xi interess fl-oġġetti li ġabet magħha. Stenniet b’attenzjoni biex tara r-reazzjoni tal-arkivista. U hekk kif dan beda jqalleb il-paġni, għajnejh xegħlu…..
George H Salter
Missier Marylyn Peringer kien George H Salter. Huwa kien Ingliż u matul il-perjodu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, kien jifforma parti mill-armata Brittanika. Xogħolu ġabu Malta meta huwa ngħata r-responsabbiltà li jieħu ħsieb il-Kampijiet tal-Priġunieri tal-Gwerra li nfetħu f’pajjiżna. Fost id-dmirijiet tiegħu, huwa kien iżomm rendikont tal-flus li kienu jirċievu l-priġunieri mingħand qrabathom u ħbiebhom u mbagħad kien jgħaddihomlhom għall-użu tagħhom.
Mir-rimarki li ħallewlu wħud mill-priġunieri fl-album tiegħu, fosthom il-Prinċep von Hohenzollern, jidher li Salter kien bniedem ġust f’xogħolu. Għall-kuntrarju, uffiċċjali oħrajn kienu jabbużaw mir-rati tal-kambju meta kienu jbiddlulhom il-flus, filwaqt li numru ieħor kienu jitolbuhom kummissoni esorbitanti biex jaqduhom.
Malta – in-Ners tal-Mediterran
Għalkemm Malta ma nvolvietx ruħha direttament f’din il-gwerra, xorta waħda hija kellha rwoli sinifikanti mmens. Fosthom diversi binjiet pubbliċi ġew mibdula fi sptarijiet sabiex pajjiżna jirċievi għadd ta’ suldati midruba. Infatti, għall-ħabta ta’ Jannar 1916, f’Malta kien hawn madwar 20,000 sodda mqassma fi 28 sit għal dan il-għan. Mhux ta’ b’xejn li f’dan iż-żmien, pajjiżna sar magħruf bħala in-Ners tal-Mediterran.
Malta tilqa’ l-priġunieri tal-gwerra
Sehem ieħor li ngħata lil pajjiżna kien illi jilqa’ fih il-priġunieri tal-gwerra li kienu qed jinqabdu waqt l-attakki. B’hekk f’Malta bdew jinfetħu diversi Kampijiet tal-Priġunieri fosthom fil-Forti Verdala, f’San Klement, f’San Salvatore u fil-Polverista.
Fatt interessanti huwa illi flimkien mal-priġunieri li kien hemm fil-Kamp ta’ Verdala, fis-7 ta’ Mejju 1917, ingħaqad ukoll Dr Enrico Mizzi, li snin wara sar Prim Ministru ta’ Malta, minħabba li kien favur it-Taljani. Huwa nżamm f’dan il-post sat-13 t’Awwissu 1917 sakemm ittella’ ġuri.
Priġunier ieħor kien il-Ġermaniż Karl Doenitz. Huwa ntbagħat fil-kamp ta’ Verdala wara li l-U Boat tiegħu UB 68, li tagħha kien il-kmandant, għerqet fit-3 t’Ottubru 1918 lejn in-naħa tax-xlokk ta’ Sqallija. Skont dokumenti li rrefera magħhom Giovanni Bonello, jidher li Doenitz kellu karattru pjuttost riservat u ta’ ftit kliem. Fil-kamp kien waqa’ f’dipressjoni akuta għax bħal donnu li kien daħħalha f’rasu li l-U-Boat intilfet minħabba xi żball li għamel hu. Intant, aktar tard fit-Tieni Gwerra Dinjija, Doenitz laħaq Gran Ammirall u wara s-suwiċidju ta’ Hitler, kien huwa li sar il-Kanċillier tat-Tielet Reich.
L-album ta’ Salter
Għalkemm f’diversi kotba nsibu informazzjoni dettaljata dwar dak li seħħ matul dawn il-gwerer, l-album ta’ Salter serva bħala mezz sinifikanti sabiex jitfa’ dawl fuq dak li kien qed jiġri f’dawn il-Kampijiet tal-Gwerra, partikolarment fejn tidħol ir-relazzjoni tal-uffiċċjali tal-armata ma’ dawn il-priġunieri.
Fost il-paġni tiegħu, wieħed isib għadd ta’ kummenti b’lingwi differenti, firem, diżinji u tpinġijiet. Mill-kitba tal-priġunieri, wieħed jista’ jinnota li għalkemm dawn kienu ġejjin minn pajjiżi, kulturi u livelli tas-soċjetà differenti, huma kienu jaqsmu l-istess fehmiet fejn tidħol ix-xewqa kbira li jirritornaw lejn pajjiżhom u lejn djarhom, in-niket minħabba li nħonqot il-libertà tagħhom u d-dwejjaq peress li fil-kampijiet ma tantx kien hemm wisq x’tagħmel.
Fatt ieħor interessanti li wieħed jista’ jsegwi huwa kif żvolġiet ħajjet dawn il-priġunieri li ġew maqbuda u sfurzati jgħixu flimkien f’dawn il-kampijiet ma’ nies li ma kienux jafu, filwaqt li għadd ta’ suldati oħra minn pajjiżhom kienu qed jiġġieldu u jitqatlu matul il-gwerra.
Dawn in-narrazzjonijiet flimkien ma’ għadd ta’ informazzjoni, illustrazzjonijiet u dettalji oħra siewja, inġabru mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta ġewwa l-ktieb li ġie ppubblikat dan l-aħħar bl-isem ‘The Salter Album: Encounters in Malta’s Prisoner of War Camps 1940 – 1920′.
Il-ġrajja tal-koppja Salter
Waqt it-tnhedija ta’ dan il-ktieb, attendiet ukoll bint Salter li llum għandha 78 sena. Naturalment, ħtaft l-opportunità sabiex nisma’ ġrajjietha direttament minn għandha. Wara kollox, ħajjet Marylyn hija marbuta mill-qrib ma’ pajjiżna minħabba li ommha kienet Maltija.
Infatti, il-ġrajja ta’ omm Marylyn ġiet ukoll irrakkuntata u nkluża f’dan il-ktieb, hekk kif permezz ta’ awtobijografija li hija ħalliet li bintha, din setgħet tgħaddi aktar informazzjoni lill-arkivji tagħna.
Kien fl-1917 meta Mary Tabone applikat sabiex tibda taħdem fil-Kamp tal-Priġunieri tal-Gwerra ġewwa Verdala u wara li qagħdet għall-eżami meħtieġ, hija u tfajla oħra ntagħżlu meta ġew l-ewwel fir-riżultati. Iżda hawnhekk inqala’ l-bużillis hekk kif uħud mill-Maltin tkażaw kif kien qed jingħata x-xogħol lin-nisa meta kien hemm tant irġiel tal-familja li kellhom bżonn jaħdmu. Tant tqajjmet polemika illi wara li dawn iż-żewġ tfajliet ġew aċċettati, ħarġet regola ġdida li għal dan ix-xogħol, irġiel biss setgħu japplikaw.
Sadanittant, Mary sabet ruħha taħdem flimkien ma’ Salter li b’paċenzja kbira ħarriġha f’xogħolha. It-tfajla ma damitx ma nġibdet lejn dan ir-raġel tant ġentili u tal-galbu li kien iħobb il-mużika bħalha. U meta ntebħet li hu ma kienx qed joħroġ ma’ sħabu meta dawn kienu jmorru jixorbu fil-ħwienet tax-xorb, darba minnhom, hija stednitu għall-ikel ħalli jiltaqa’ mal-familja tagħha.
Hekk bdiet din il-ħbiberija bejn dawn it-tnejn u ftit ftit dawn bdew jinġibdu lejn xulxin. Madanakollu, huma kellhom iżommu l-emozzjonijiet tagħhom mistura f’qalbhom minħabba li Salter kien miżżewweġ u kien jinsab waħdu hawn Malta peress li martu ma xtaqitx takkumpanjah fi gżiritna.
Is-snin gerrbu u l-gwerra ntemmet. U hekk kif bosta nies madwar Malta bdew jiċċelebraw, qalb Mary infniet hekk kif f’tebqa t’għajn, wara li għalaq il-Kamp tal-Priġunieri tal-Gwerra, hija tilfet xogħolha u anki lil Salter li kellu jħalli lil pajjiżna.
Ħajjet dawn iż-żewġ individwi kompliet għaddejjha separatament għal bosta snin fejn Mary żżewġet Malti li kien jgħix l-Amerika u telgħet tgħix hemmhekk. Iżda wara sena, hija sfat armla minħabba li żewġha miet f’inċident. Xi żmien wara mietet ukoll mart Salter wara marda li kellha.
B’mod jew ieħor, id-destin reġa’ laqqa’ lil dawn it-tnejn flimkien u huma ntebħu li kienu għadhom jinħabbu, tant li żżewġu wara ftit. Minn dan iż-żwieġ twieldet Marylyn u ħajjet il-koppja kienet sabiħa, sakemm bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija li firdithom mill-ġdid, did-darba, għal dejjem.
Dan ġara wara li Mary u bintha telqu lejn l-Amerika meta l-Ingilterra sofriet l-ewwel bombardament, filwaqt li Salter baqa’ f’pajjiżu biex jgħin f’din il-gwerra li reġgħet inqalgħet. Iżda fl-1942, huwa miet bit-tuberkolożi u Marylyn sfat orfni ta’ sitt snin.
Xi ġranet wara, ommha Mary rċeviet l-affarijiet li kien ħallha żewġha warajh, fosthom dan l-album b’tant rikordji. Kien hemm li hija bdiet tirrakkonta lil bintha dwar il-ġrajja tagħha u ta’ żewġha.
L-awtobijografija ta’ Mary Salter
Għadda ż-żmien u Mary iddeċidiet li tikteb l-awtobijografija tagħha sabiex tħalli rikordju ta’ dak li għaddiet minnu. Meta lestietha, ittantat kemm il-darba biex tippubblikaha imma qatt ma rnexxielha. Finalment, hija rregalat dan ix-xogħol lil bintha waqt ċelebrazzjoni ta’ għeluq sninha u sena wara l-omm mietet wara li daħlet għal operazzjoni u ma ħarġitx ħajja mill-isptar.
“Min jaf kemm tkun kuntenta ommi li kieku kellha tara dan il-ktieb li fih jinkludi l-ġrajja tagħha flimkien ma’ dik ta’ missieri u dak li għaddew minnu fil-Kampijiet tal-priġunieri tal-Gwerra,” qaltli Marylyn b’tonn nostalġiku.
Kien tassew mument sinifikanti meta Marylyn irregalat kopja ta’ dan il-ktieb lill-Ambaxxatur tal-Ġermanja, Klaus-Peter Brandes, li apparti li attenda għal din il-funzjoni, huwa għen ukoll sabiex dan il-proġett seta’ jitwettaq.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (27 Parti) fit-Torċa tat-30 ta’ Novembru 2014)
-
Imħabba sa wara l-mewt
Hekk kif illum qegħdin niċċelebraw Jum l-Erwieħ kollha, deherli li għandi nippreżentalkhom ġrajja li xi ftit jew wisq, għandha x’taqsam ma’ dan il-perjodu. Madanakollu, aktar milli nikteb dwar in-niket li ġġib magħha l-mewt, permezz ta’ dan l-artiklu nixtieq nuri illi t-tmiem ta’ persuna jseħħ biss jekk din tintesa. Sakemm tibqa’ l-memorja ta’ dak li jkun almenu f’moħħ individwu wieħed, dawk li ħallewna jibqgħu ħajjin fostna daqslikieku qatt ma telqu.
L-iskoperta ta’ din il-ġrajja seħħet bla ħsieb meta jiena mort inżur il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Belt Valletta. L-għan tiegħi kien li niltaqa’ mal-Kuratur Charles Debono sabiex fi ħdan iċ-ċentinarju mill-Ewwel Gwerra Dinjija li qegħdin infakkru din is-sena, nifhem aħjar x’kien li qanqal dan it-taqbid qalil.
Il-Kuratur Debono kien infurmat sewwa dwar din l-era mdemmija u meta rani interessata biex inkun naf aktar, huwa baqa’ jdawwarni mal-mużew sabiex niddiskutu wkoll it-Tieni Gwerra Dinjija. Ma kienx hemm oġġett li ma kellimnix dwaru u b’hekk wara li lestejna, kelli materjal kemm irrid fuq xhiex naħdem.
Iżda ġara, li fost il-memorji u l-istejjer kollha li smajt, kien hemm ġrajja ta’ mħabba li seħħet bejn il-leġġendarju Wing Commander Adrian Warburton u l-maħbuba tiegħu Christina Ratcliffe, li ma stajt inneħħija b’xejn minn moħħi. Personalment, qatt ma kont smajt b’din il-koppja u għalhekk tħajjart insir naf aktar dwarha.
L-esebiti fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra
In-narrattiva ta’ din il-ġrajja tnisslet permezz ta’ ħames esebiti li jinsabu fil-mużew. Dawn huma: Midalja tal-Imperu Brittanniku, beritta tal-RAF, ġakketta ta’ uniformi militari, tazza tal-metall li ntrebħet waqt attività sportiva u parti minn ajruplan tat-tip P38 Lightning aircraft.
It-tifsira ta’ dawn l-oġġetti se tifhmuha waqt li taqraw dan l-artiklu.
Żmien li nissel l-eroj
Hekk kif bdejt ir-riċerka tiegħi dwar Warburton u Ratcliffe, sibt li kien hemm diversi kotba miktuba dwarhom. U permezz t’hekk, bil-pass il-pass, irnexxieli nsegwi xi ftit mill-ħajja tagħhom sabiex nieħu idea dwar min kienu dawn iż-żewġ persuni u anki minn xhiex għaddew.
Ftit ftit, ħassejtni donni miexja lura lejn is-snin erbgħin; żmien meta kemm il-pajjiż tagħna u kif ukoll niesna għaddew minn l-eħrex tbatijiet u ġew mgħasra sat-tarf tal-limiti tagħhom, sakemm finalment, minn fosthom ħarġu l-eroj.
Adrian Warburton
Adrian Warburton twieled f’Middlesborough, l-Ingilterra fl-10 ta’ Marzu 1918. Imma missieru Godfrey, li kien kmandat żagħżugħ tas-sottomarini u li kien diġà rċieva l-unur prestiġġjuż għas-servizz distint tiegħu (Distinguished Service Order), iddeċieda li jgħammdu ġewwa sottomarin li kien qiegħed sorġut hawn Malta.
Jidher li bosta mill-membri tal-familja Warburton kienu magħrufa għall-atteġġjament eċċentriku tagħhom, speċjalment f’mumenti li jikkonċernaw il-gwerra. U kif kiteb l-awtur Tony Spooner, fil-ktieb tiegħu ‘Warburton’s War’, l-unuri tad-DSO kienu xi ħaġa komuni f’din il-familja.
Infatti, akkost li Adrian Warburton ma għex ħajja twila, anki hu rċieva dan l-unur darbtejn. Fosthom, wieħed minn dawn l-unuri ngħatalu minħabba l-kuraġġ li wera waqt missjoni partikolari li suppost kellha tinvolvi t-teħid ta’ ritratti mill-ajru tal-vapuri tal-għadu. Iżda ġara li waqt din it-titjira, il-kameras ma ħadmux u meta ra hekk, Warburton niżel tant fil-baxx bl-ajruplan tiegħu minn bejn il-vapuri tal-gwerra Taljani li kienu jinsabu f’Taranto, li dawk li kienu miegħu, setgħu jaqraw isimhom u jieħdu nota tagħhom. Din l-informazzjoni wasslet biex l-armata Ingliża setgħet twettaq attakk effettiv fuq l-għadu aktar tard f’dak il-lejl.
Warburton jgħaddi bi żbrixx bħala pilota
It-tajba hija illi waqt it-taħriġ tiegħu biex isir pilota, Warburton ma tantx kien impressjona wisq lil dawk ta’ fuqu u għalkemm għadda mit-testijiet involuti, huwa ġab l-inqas grad possibbli. Probabbli, apparti mill-fatt li hu spiss kien jazzarda żżejjed, jista’ jkun li din kienet ir-raġuni vera l-għala huwa kraxxja kemm il-darba waqt il-missjonijiet tiegħu, għalkemm b’xi mod jew ieħor, dejjem reġa’ lura. Forsi dan kien ukoll il-mottiv il-għala meta hu baqa’ ma rritornax wara l-aħħar titjira tiegħu fl-1944, ħadd ma ried jemmen li hu kien miet….
Warburton trasferit lejn Malta
Kien fis-6 ta’ Settembru 1940 meta Warburton niżel fl-ajruport ta’ Ħal-Luqa wara li ġie trasferit biex jaħdem f’Malta. Huwa ma damx ma beda jiġbed l-attenzjoni fuqu minħabba li kien juri li ma jibża’ minn xejn. Ngħidu aħna, darba minnhom waqt li kien kienet fuq titjira b’missjoni li jinġibdu ritratti ta’ tkixxif fuq l-għadu, hu u żewġ suldati oħra li kienu miegħu, irnexxielhom jisparaw u jwaqqgħu ajruplan Taljan tat-tip Z.506B.
Kif bdiet il-ġrajja ta’ mħabba
Il-ġrajja ta’ mħabba bejnu u bejn Christina Ratcliffe bdiet meta hi sabet ruħha maqbuda hawn Malta, peress li fl-10 ta’ Ġunju 1940, l-Italja ddikkjarat gwerra lill-Ingilterra u lil Franza. Oriġinarjament, Christina kienet ġiet Malta flimkien ma’ grupp taż-żfin sabiex jagħmlu spettaklu tal-kabaret. Però meta mbagħad sabu ruħhom f’pajjiżna bla mpjieg, dawn l-artisti qabdu u ffurmaw grupp għal rashom bl-isem ta’ Whizz Bangs u bdew joffru spettaklu għat-truppi.
Christina ma damitx ma għamlet il-ħbieb hawn Malta. Fost dawn, kien hemm il-pilota Franċiż Jacques Mehouas li waqt il-laqgħat tagħhom, kellu ħabta jsemmilha lil Warburton fejn kien jiddeskrivih bħala pilota Ingliż formidabbli u ta’ kuraġġ kbir. Ironikament, kienet il-mewt ta’ dan il-Franċiż li ressqet lill-koppja Warburton u Ratcliffe flimkien, hekk kif Adrian, li kien ukoll ħabib ta’ Mehouas, mar jagħti l-kondoljanzi lil Christina.
F’kitbiet tagħha, Christina tistqarr li sa minn din l-ewwel laqgħa tagħhom, hi kienet diġà ntilfet wara Adrian. Fosthom tgħid illi b’dak ix-xagħar bjond, lewn id-deheb, u b’dawk l-għajnejn koħol sbieħ, stħajjlitu xi alla Grieg.
Koppja simbolu ħaj tal-ispirtu tal-gżejjer Maltin
Fl-1939 Warburton kien iżżewweġ lil Eileen Mitchell wara biss ftit żmien li kien ilu jafha. Imma jingħad li hu kien telaqha minnufih wara li skopra li din kienet ħbietlu li kienet iddivorzjata u li kellha wild.
Min-naħa l-oħra, fi Christina huwa sab is-sieħba perfetta għalih u huma ma damux ma saru waħda mill-aktar koppji popolari ta’ dak iż-żmien. Bħal Adrian, Christina kienet sabiħa, kariżmatika u avventuruża. U kif iddeskriviehom tajjeb Spooner fil-ktieb tiegħu: bil-personalitajiet, bil-kuraġġ u bid-determinazzjoni tagħhom, huma saru simbolu ħaj tal-ispirtu tal-gżejjer Maltin, li ma seta’ jiġi qatt mirbuħ.
Fil-fatt, minbarra li għall-ewwel Christina baqgħet taħdem bħala żeffiena, wara xi żmien hija vvolontarjat ukoll bħala telefonista mal-RAF. Imbagħad bdiet tagħmel ix-xogħol ta’ plotter fil-Kwartieri tal-Gwerra l-Belt, sakemm eventwalment, hija saret l-assistenta tal-Kontrullur u b’hekk kellha tabbanduna l-grupp Whizz Bangs.
It-tmiem ta’ din il-ġrajja ta’ mħabba
Sfortunatament, din il-ġrajja ta’ mħabba ntemmet ħesrem meta fit-12 t’April 1944, Warburton intbagħat fuq missjoni ta’ tkixxif sabiex jieħu r-ritratti minn fuq il-Ġermanja. Imma wara dakinhar, qatt ma rritorna.
Għall-ewwel in-nuqqas tiegħu ma ttieħedx bis-serjetà għax ma kinetx l-ewwel darba li hu waqaf x’imkien apposta bla ma qal lil ħadd, ħlief forsi lil Christina; bħal meta darba niżel il-Greċja biex jixtri l-alkoħol għax f’Malta ma kellux. Iżda meta ż-żmien beda dieħel u l-ġranet inbidlu f’xhur, kulħadd beda jispekula x’seta’ ġara. Fosthom kien hemm min qal li Warburton kien wettaq suwiċidju għax kien xeba’ f’din il-ħajja ta’ gwerra. Imbagħad, kien hemm ukoll min ġietu l-idea li dan tant xeba’ minn Christina li kien iddeċieda li jiskappa u jisparixxi, forsi anki għax kellu xi tfajla ġdida…
Intant, wara dan l-inċident, Christina nbidlet drastikament. Il-ġirien tagħha jiftakru li kienet inqatgħet għal kollox min-nies. Bdiet tippreferi tgħix ħajja iżolata fl-appartament tagħha li kien jinsab f’7/3, Vilhena Terrace, Triq Vilhena, il-Furjana. Kull ġurnata kienet tgħaddiha tistenna li jħabbat il-bieb u li ssib lil Adrian quddiemha. Bdiet anki tagħtiha għax-xorb u ftit ftit spiċċat b’ta’ fuqha senduqha.
Ċertament, kienet tassew ħasra li mara bħal dik, li fl-1943 kienet onorata bil-Midalja tal-Imperu Brittaniku bħala rikonoxxenza għas-sehem tagħha waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, tiġi f’dan l-istat. Matul ħajjitha, Christina ddeċidiet li tagħti b’donazzjoni din il-midalja tagħha flimkien ma’ parti mill-uniformi u t-tazza li kienu tal-għażiż Adrian tagħha lil Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Belt Valletta, sabiex b’hekk, il-ġrajja tagħhom tingħaqad flimkien ma’ dik tal-pajjiż li huma kienu ltaqgħu u nħabbu fih.
Warburton jinstab
Kien biss fl-2002 meta nkixef id-destin ta’ Warburton. Dan seħħ meta Frank Dorber, riċerkatur tal-avjazzjoni, skopra l-fdalijiet ta’ dan il-pilota ġewwa kabina ta’ ajruplan imwaqqgħa, li kien midfun f’madwar żewġ metri fond, f’għalqa ġewwa l-villaġġ Egling an der Paar li jinsab fil-Bavarja, 34 mil bogħod minn Munich.
Wara li saret eżaminazzjoni tal-ajruplan imġarraf, instabu numru ta’ toqob tal-balal ġewwa wieħed mill-iskrejjen tiegħu u dan indika li l-għadu kien spara fuq Warburton u waqqgħu. Eventwalment, minħabba l-ġrajja li semmejna hawn fuq u l-involviment tiegħu f’pajjiżna, parti minn dan l-ajruplan, ngħatat bħala donazzjoni lill-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Belt u din ngħaqdet mat-tifkiriet li kienet ħalliet Christina.
Sadanittant, skont ir-regolamenti tal-Commonwealth, fl-14 ta’ Mejju 2003, Warburton ġie onorat b’funeral formali u ġie midfun fiċ-Ċimiterju tal-Gwerra tal-Commonwealth f’Durnbach, fis-Sezzjoni 11, Row H, Qabar Nru. 27. Fatt kurjuż huwa li għal din iċ-ċerimonja, attendiet ukoll martu Eileen li ħafna kienu ilhom li għodduha b’mejta.
X’ġara minn Christina?
Naturalment, wara din is-sejba, dawk li kienu jafu bil-ġrajja ta’ din il-koppja, bdew jistaqsu x’kien sar minn Christina Ratcliffe?
Waqt ir-riċerka tiegħi, sibt illi Christina kienet ġiet midfuna fiċ-ċimiterju tal-Addolorata u wara li kont qrajt tant dwarha, ħassejt l-obbligu li mmur inżurha.
Għalhekk, fthemt mal-ħabib tiegħi Eman Bonnici li huwa l-Assistent Librar taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u riċerkatur ta’ dan is-sit, sabiex jakkumpanjani sal-qabar tagħha. Miegħi ħadt ukoll bukkett fjuri sabiħ b’turija ta’ rispett lejn din il-mara li waqt din il-gwerra, apparti li ħabbet lil Warburton, ħadmet ukoll għal pajjiżi u għenet lil niesi.
Skont in-notamenti taċ-ċimiterju, jidher li Christina Ratcliffe mietet fl-1988 u ndifnet f’qabar fis-sezzjoni tal-Commonwealth. Iżda aktar tard, fl-1993, il-fdalijiet tagħha nġabru u ndifnu mill-ġdid f’qabar privat li nxtara minn xi familjari tagħha. Dan jinsab fid-Diviżjoni tal-Lvant, Sezzjoni MA-D, Qabar Nru. 4.
Bonnici infurmani wkoll illi skont deffien mill-Furjana li kien jgħix fl-istess blokka ta’ Christina, din il-mara tant kienet ftaqret, li l-ġirien kellhom jiġbru somma bejniethom sabiex jingħatalha funeral xieraq.
Viċin ir-ritratt tagħha, ilmaħt il-kitba ‘Christina of George Cross Island’ u hemmhekk erħejt il-fjuri tiegħi. F’qalbi xtaqt bi ħrara kbira li hi kienet qed tarani ħalli tifhem li għadha ma ntesietx.
Għalkemm forsi ma tantx hawn Maltin li jafu b’din il-ġrajja, Bonnici qalli li numru ta’ barranin, l-aktar mill-Ingilterra u mill-Iskozja, regolarment iżuru l-qabar tagħha bħala sinjal ta’ rispett lejn eroina li għarrfet tħobb tant anki waqt żmien daqstant turbulenti. Fuq kollox, huma sikwit jistaqsu, jekk finalment wasalx iż-żmien biex dawn iż-żewġ maħbubin, anki jekk wara mewthom, jingħaqdu mill-ġdid flimkien?
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-2 ta’ Novembru 2014)
-
Missieri kien enigma
Din il-ġimgħa ddeċidejt li nlaqqgħakhom man-Nutar Paul George Pisani li huwa iben il-mibki poeta magħruf Għawdxi, Ġorġ Pisani. Iltqajna fl-uffiċċju tiegħu li jinsab fil-proprjetà fejn hu kien jgħix flimkien mal-ġenituri tiegħu fi Triq Putirjal, ir-Rabat, Għawdex. Faċċata, donnu biex iżomm għajnejh fuq il-post li għex fih għal bosta snin, stajt nilmaħ il-mafkar tal-bronż ta’ Ġorġ Pisani li tpoġġa hemmhekk fit-23 ta’ Ġunju 2001.
Bħas-soltu, apparti li segwejt il-kitbiet tal-poeta, għażilt ukoll li niltaqa’ mal-uniku iben tiegħu sabiex permezz tad-diskussjoni tagħna, nifhem aħjar min kien dan il-persunaġġ. Huwa tassew illi x-xogħolijiet ta’ artist jistgħu jirriflettu wħud mill-emozzjonijiet u l-perspettivi tiegħu. Madanakollu, jiena nemmen li ħadd ma jista’ jiftaħlek tieqa intima fuq individwu, aktar minn dawk li jkunu għexu miegħu.
Għal bosta drabi, Paul stqarr illi għalih missieru kien enigma peress li kien bniedem riservat ħafna. Iżda xorta waħda, mal-mogħdija tad-diskursata tagħna, feġġu rivelazzjonijiet interessanti li komplew għanew il-ġrajja ta’ min kien il-poeta Ġorġ Pisani; punti li nittama li xi student tal-Malti għad jitħajjar jistudja aktar fil-fond dwarhom.
Ħass is-sejħa reliġjuża
Twieled ir-Rabat, Għawdex fis-6 ta’ Mejju 1909. Tgħallem fl-iskola primarja tal-Gvern u fil-Liċeo t’Għawdex.
Jidher li f’żogħżitu huwa kellu xi delużjoni ta’ mħabba li kidditu ħafna tant li rari tkellem dwarha ħlief permezz tal-iżvog f’xi poeżiji, fosthom ‘Għanja Moħbija’ u ‘Kelma Nassiesa’.
Kien f’dan il-perjodu wkoll li huwa beda jieħu t-taħriġ biex isir patri.
“Fl-adoloxxenza tiegħu missieri ħass is-sejħa reliġjuża u beda n-novizzjat mal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini fejn kellu l-isem ta’ Fra Alipju,” qalli Paul. “Hemmhekk huwa għamel studji avvanzati fil-letteratura klassika u fit-teoloġija, filwaqt li beda jikteb poeżiji bil-Malti fir-rivista tal-Franġiskani Kapuċċini ‘L-Immakulata’.”
Iżda kif qal Carm C. Cachia f’kitba tiegħu dwar dan il-poeta, “Donnu lanqas fil-protezzjoni ta’ dan il-post qaddis, ma sab il-paċi interna li kien qed ifittex.”
U infatti, wara xi żmien, Pisani ħalla l-kunvent.
Sar għalliem
“Wara li ħalla l-kunvent, missieri beda l-karriera tiegħu bħala għalliem. Fl-1935 huwa nħatar bħala l-ewwel surmast tal-Malti fil-Liċeo t’Għawdex. Kien f’dan iż-żmien li huwa ntroduċa l-istudju tal-Malti fis-Seminarju t’Għawdex.”
Waqt il-gwerra
“Fl-1940, fl-eqqel żmien tal-gwerra, huwa ġie msejjaħ Malta biex jaħdem fid-Dipartiment tal-Informazzjoni fejn ħadem bħala traduttur u ko-editur tal-ħarġa Maltija tal-’Information Service Bullettin’. Barra minn hekk, huwa kien jgħallem it-Taljan u l-Malti fl-iskola sekondarja tal-bniet fil-Belt Valletta, filwaqt li ntroduċa l-istudju tal-Malti lill-istudenti tal-Kunvent Sacred Heart f’San Ġiljan,” kompla jirrakkuntali Paul.
Sehem kbir fil-ġabra tal-qamħ f’Għawdex
“Meta fl-1942 missieri ġie maħtur Assistant Information Officer għal Għawdex, huwa fetaħ Information Bureau kważi fl-irħula kollha t’Għawdex. Kien f’dan iż-żmien li huwa kellu sehem kbir fil-ġabra tal-qamħ mingħand il-bdiewa Għawdxin.”
Minn kliem Paul intbaħt li dan kien perjodu sinifikanti ħafna fil-ħajja ta’ missieru.
“Ma kienx faċli li tikkonvinċi lill-Għawdxin biex joħorġu l-qamħ li kienu kabbru, ħażnu u ħbew. Meta bajda ta’ tiġieġa kienet tiswa prezz għali mmens, tista’ timmaġina kemm kien il-valur tal-qamħ! L-Għawdxin huma nies li tgħallmu jfendu għal rashom għax fuq dil-gżira, matul is-snin, spiss intelqu għal rieħhom. Kulħadd kien jara kif jiżra’ xi ħaġa u jrabbi xi annimal biex ikollu l-provvisti meħtieġa. Għalhekk meta l-awtoritajiet bdew jipprentendu l-qamħ mingħandhom, kien bħallikieku riedu jeħdulhom it-teżori tal-familja,” spjegali Paul.
Jidher li mhux darba u tnejn li l-qiegħa saħnet għax il-pressjoni minn Malta kienet kull ma tmur tiżdied minħabba li l-ikel fil-gżira prinċipali kien għoddu spiċċa għal kollox u kien hemm bosta li kienu qed jgħoddu ruħhom b’mitlufa.
“Kulħadd kien jaf li l-Għawdxin kellhom il-qamħ mistur. Imma x’setgħu jagħmlu? Jidħlu għalihom bl-armi biex jeħduhulhom? Fi żmien ta’ gwerra? Meta għandek bżonn in-nies miegħek u mhux kontrik? Kienet sitwazzjoni iebsa u infatti darba minnhom, kienu għoddhom ħaġġruh lil missieri meta mar jipprova jkellem lil xi bdiewa biex jagħtuh il-qamħ għall-Maltin!” kompla Paul.
Imma sa fl-aħħar, Pisani rnexxielu jsib mezz tajjeb kif jieħu li jrid…
“Beda jiftiehem mal-arċipriet ta’ kull knisja sabiex jgħid lin-nies li wara l-barka tal-quddiesa, se jkun hemm xi ħadd barra biex ikellimhom. Hu kien joqgħod jistenna n-nies barra fuq iz-zuntier u bil-kalma kollha kien jispjegalhom illi jekk ma kienux se jgħinu permezz tal-qamħ tagħhom, Malta kien se jkollha ċċedi u tiftaħ il-bibien għall-għadu. Apparti minn hekk, huwa beda jistaqsihom jekk kellhomx bżonn xi razzjon għalihom minn Malta ħalli meta jitla’ bit-trakk għall-qamħ, itella’ miegħu dak li jkunu talbuh. B’hekk l-irjus irtabu u l-affarijiet irranġaw ruħhom. Dawn l-esperjenzi kienu eventwalment nebbħuh biex fl-1945 jikteb id-dramm ‘Il-Ġabra tal-Qamħ’.”
Wara l-gwerra
“Meta ntemmet il-gwerra, missieri reġa’ daħal għalliem u beda jgħallem il-Malti, ir-Reliġjon, l-iStorja u l-Latin fil-Liċeo t’Għawdex. Sadanittant, huwa baqa’ jaħdem ukoll fid-Dipartiment tal-Informazzjoni u ħafna għadhom jiftakru l-filmshows li kien jorganizza wara nżul ix-xemx fil-pjazez t’Għawdex sabiex jeduka l-poplu u jżommu aġġornat dwar il-ġrajjiet kurrenti. Barra minn hekk, fil-Banca Giuratale fir-Rabat, Għawdex, huwa fetaħ uffiċċju ċentrali b’kamra għall-qari attrezzata ħafna fejn wieħed kien isib jaqra ġurnali, rivisti u kotba dwar suġġetti varji. Fuq inizzjattiva tiegħu wkoll, kienu nstallati loudspeakers tar-Rediffusion fil-pjazez t’Għawdex mnejn il-poplu kien jisma’ l-aħbarijiet u l-avviżi tal-Gvern,” qalli Paul bi kburija lejn ix-xogħol siewi li wettaq missieru.
Wieħed mill-pijunieri tax-xandir f’Għawdex
Għalkemm personalment seta’ kien riservat, ċertament Pisani kellu ħeġġa liema bħalha biex itejjeb il-qagħda tal-Għawdxin u tal-gżira t’Għawdex. Infatti hu kien ukoll wieħed mill-pijunieri tax-xandir f’Għawdex.
“Kien hemm refuġjat Malti f’Għawdex, ċertu Vella, li meta missieri wrieh bix-xewqa li kellu li jsib mezz kif ixandar xi programmi minn Għawdex għal Għawdex, dan ħareġ b’sistema rudimentali li kienet taħdem bil-linji tat-telefon u permezz tiegħu, missieri beda jxandar il-programmi u jinstema’ fil-pjazez.”
Id-dramm li daħlu fl-inkwiet
Fl-1945 Pisani ppubblika l-ktieb ‘L-Għid taż-Żgħożija’ li fih hemm uħud mill-aqwa xogħolijiet tiegħu. Infatti, poeżija minnhom li ġġib l-istess isem, akkwistatlu t-titlu tal-Poeta taż-Żgħożija. Fil-prefazju tal-ktieb il- Prof. Ġużè Aquilina kiteb hekk: “Tneħħi… l-waqtiet suwed ta’ qtigħ il-qalb jew disperazzjoni, l-akbar motiv tal-poeżija ta’ Pisani tibqa’ ż-żgħożija qalbiena li tħares ‘il quddiem mimlija ħeġġa u mgħaġġla fit-tiġrija tal-ħajja.”
Iżda apparti xogħol ieħor li kiteb fl-istess żmien, żgur li xejn ma ħalla mpatt fuq Pisani daqs id-dramm ‘Is-Sengħa tal-Imħabba’….
“Missieri kien isiefer ħafna u spiss kien jieħu l-opportunità biex imur jara xi dramm barrani. B’hekk, huwa ġie espost għat-teatru tal-kontinent. Ġara li darba ġietu f’rasu li jikteb id-dramm ‘Is-Sengħa tal-Imħabba’ li kien jitratta t-tema ta’ familja li titfarrak meta tidħol bejniethom it-tielet persuna. Id-dramm kien jispiċċa bi tmiem negattiv li jqanqal bosta mistoqsijiet. Inzerta li dan ix-xogħol għoġob lil xi studenti universitarji u dawn iddeċidew li jaħdmuh fir-Radio City l-Ħamrun,” beda jgħidli Paul.
“Il-busillis beda meta dan id-dramm ġie rrekordjat għar-Rediffusion u allura daħal fid-djar kollha. U hemm qam pandemonju sħiħ għax kien hemm min tkaża bis-suġġett tad-dramm. Ngħiduha kif inhi, illum tidħak jekk tarah. Imma f’dak iż-żmien, għalkemm kulħadd kien jaf li kien hemm il-problemi fil-familji, in-nies kienet taħbihom taħt it-tapit bla ma ħadd kien jipprova jara kif se jsolvihom. Mhux talli! Imma għamluha tabù li titkellem dwarhom!”
Iżda agħar minn hekk, skont Paul kien editorjal pjuttost kiefer li ġie ppubblikat f’Leħen is-Sewwa li nkorla lil missieru u affettwalu wkoll saħħtu, anki jekk is-soltu ma kien iħalli xejn ikiddu.
“Min kiteb l-editorjal, b’malizzja semma’ li ma kienx sewwa li għax ikollok esperjenza ħażina f’ħajtek, tmur iċċappasha fuq il-palk. Naturalment kien qed jirreferi għall-istorja ta’ mħabba li kellu missieri f’żgħożitu. U din tant tagħtu ġewwa, li għamel libell lill-ġurnal, għalkemm xorta tilfu għax l-imħallef qal f’sentenza klassika li ma kienx sewwa li fuq il-palk tipproġetta sitwazzjonijiet mhux feliċi tal-ħajja!”
Jidher li maż-żmien dan l-inċident twarrab mal-ġenb, tant li Pisani kompla jikteb fl-istess ġurnal għal diversi snin wara. Madanakollu, Paul ma jistax jifhem kif mument sinifikanti bħal dan li juri l-ewwel ċaqliqa lejn ir-realiżmu fid-dramm Malti mhux qed jiġi kkunsidrat fil-kotba ta’ llum li jitrattaw l-Istorja tad-dramm f’Malta.
“Jiddispjaċini meta jiġri dan. Mhux għax qed nitkellem dwar missieri. Imma għax mhux qed niktbu b’mod onest u mhux qed nagħtu kreditu lil min ħaqqu. Uħud donnhom għandhom l-għan li jsemmu biss lil dawk il-kittieba u l-poeti li ġew wara l-gwerra filwaqt li qed iwarrbu lill-oħrajn li ġew qabilhom daqslikieku dawn ma jgħoddu xejn biex wasalna fejn wasalna llum. Ħażin nagħmlu jekk ninsew li mingħajr il-passat m’hemmx preżent,” sostna iben Pisani.
Iżżewweġ ta’ 54 sena
Fl-1963 Ġorġ Pisani jiżżewweġ lil Rose nee’ Formosa minn Kerċem, li kienet 32 sena iżgħar minnu. Sena wara kellhom lil Paul u t-tnejn rabbewh f’għożża liema bħalha.
Kont kurjuża jekk bħala iben, hu qattx ħass il-piż ta’ missier li kien daqstant popolari f’Għawdex?
“Jiena tlajt b’ċertu reverenza u sottomissjoni edukata lejn il-ġenituri tiegħi u qatt ma ħabbatthom. Nistqarr li kont inħoss xi ftit responsabbiltà għall-fatt li l-missieri kienu jafuh ħafna nies u ma ridtx li nħammarlu wiċċu b’xi mod,” ftakar Paul.
Staqsejtu wkoll jekk qattx xtaq li laħaq lil missieru f’età iżgħar?
“Ħa nghidlek, l-aktar li nixtieq hu li għadu ħaj,” irrispondini kemmxejn imqanqal. “Qattgħajt tfulija sabiħa ferm miegħu. Veru li lħaqtu ta’ età kbira imma mbagħad gawdejt mill-fatt li ma damx ma ħareġ bil-pensjoni u allura kellu ħafna ħin għalija. Infatti spiss kont noqgħod niġri ma’ djulu u min jaf kemm laqqgħani ma’ nies li llum huma miti bħal Mary Meylak, Erin Serracino Inglott, Frenċ tal-Għarb eċċ.”
“Konna mmorru wkoll għall-passiġġati twal fil-kampanja Għawdxija li tant kienet għal qalbu. Kien miġbud ħafna wkoll lejn l-Istorja u infatti kiteb diversi poeżiji relatati fosthom ‘Il-Ġgantija t’Għawdex’, tant li hemm min isibu wkoll bħala l-Poeta tal-Istorja. Madanakollu jien aktar naħseb li kien jixtieq jibqa’ magħruf bħala l-Poeta t’Għawdex. Kellu mħabba kbira għal dil-gżira kif jixhdu bosta mix-xogħolijiet tiegħu, fosthom l-’Innu Għal Għawdex’ li hawnhekk għadu jindaqq meta jispiċċa xi programm tal-banda u warajh jindaqq l-Innu Nazzjonali.”
Kien kuġin ta’ Carmelo Borg Pisani
Skoprejt fatt ieħor dwaru li probabbilment ftit jafuh.
“Missieri baqa’ reliġjuż ħafna, anki wara li ħareġ mill-kunvent. Fil-fatt naħseb li l-għeżeż ħaġa li ħalla fija kien ir-rispett lejn ir-reliġjon, apparti li derrieni wkoll b’ċertu awto-dixxiplina u valuri sodi. Intant, kull fil-għaxija konna ninxteħtu ngħidu r-rużarju flimkien u hekk kif inlestu konna ngħidu wkoll Ave Maria għall-mejtin tagħna. Niftakar li missieri kien isemmihom kollha wieħed wieħed kuljum: il-ġenituri, in-nanniet, iz-zijiet, il-kuġini eċċ. Fosthom dejjem kien isemmi lil ċertu Karmenu li kont naf li kien kuġin tiegħu imma xejn aktar,” irrakkuntali Paul.
“Però jidhirli li darba minnhom ikkuntattjah il-kittieb Lawrence Mizzi peress li kien qed jagħmel xi riċerka dwar Carmelo Borg Pisani u kien sar jaf li missieri kien prim kuġin tiegħu. Huwa talbu għal xi informazzjoni dwaru imma akkost li s-soltu missieri dejjem jgħin lil kulħadd, lil dan talbu biex lil Borg Pisani jħallih jistrieħ. Għandek tkun taf li missieri kien espert tal-arti diplomatika ta’ kif ma jweġibx mistoqsija jekk jiddeċiedi hekk. Ħadd ma kien jaf li dan l-individwu kien jiġi minna għax missieri qatt ma kien isemmieh ma’ ħadd. Lanqas magħna ma kien jitkellem dwaru. Qatt ma kkummenta dwar jekk kienx jikkunsidrah bħala traditur jew xi ħaġ’oħra. Donnu għalih kien biss membru tal-familja – il-kuġin.”
Kien gwida ta’ personalitajiet importanti
“Dari d-Dipartiment tal-Informazzjoni kellu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu wkoll it-turiżmu. Għaldaqstant, parti minn xogħol missieri kien li jdawwar personalment m’Għawdex lil bosta personalitajiet importanti u anki lill-aġenti tal-ivjaġġar li kienu qegħdin jiskopru lill-gżira. Fatt interessanti huwa li baqa’ jagħmel dan ix-xogħol sa meta kellu 80 sena, anki jekk bla ħlas. ‘U dak il-pajjiż għandu bżonnu!’ kien jgħidli meta ġieli lmentajt miegħu.”
Awtur Prolifiku
Ġorġ Pisani ppubblika tmien kotba ta’ poeżiji, sitt drammi, ġabra ta’ novelli, ġabra ta’ essejs, żewġ rumanzi u żewġ ġabriet ta’ leġġendi Għawdxin. Barra minn hekk, wara mewtu, fis-sena 2000 il-Prof. Oliver Friggieri stampa antoloġija mill-kotba kollha ta’ Pisani bl-isem ‘Ġorġ Pisani – Poeżiji’ filwaqt li ibnu Paul ippubblikalu l-ktieb ‘Id-Duwa tal-Maddalena’ li kien jikkonsisti f’ġabra ta’ tagħrif folkloristiku. Iżda fir-realtà ibnu stqarr miegħi li hemm ħafna aktar x’jiġi ippubblikat.
Rispett
Matul ħajtu, Pisani rebaħ bosta konkorsi u premijiet letterarji. Ngħata l-premju governattiv ‘Malta Literary Award’ u l-premju internazzjonali ‘Città di Valletta’. Fl-1986 inħatar membru għal ħajtu tal-Għaqda Poeti u fl-1992 il-Gvern Malti onorah bil-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika. Fl-1997 il-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria onorah b”Ġieh il-Belt Victoria’.
Ġorġ Pisani miet fl-24 ta’ Frar 1999. Skont ibnu, il-funeral tiegħu kien xhieda tar-rispett li n-nies kellha lejh hekk kif kienu bosta dawk li attendew għall-quddiesa li ġiet ikkonċelebrata minn 61 saċerdot.
Fl-2006 segwitu martu Rose iżda għal Paul, il-memorja tal-ġenituri tiegħu hija ħajja daqs qatt qabel.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (23 parti) fit-Torċa tad-19 t’Ottubru 2014)
-
Il-ġrajja ta’ Grabiel
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, Wied il-Għajn qiegħed kull ma jmur jinbena u ftit ftit, l-għelieqi tal-inħawi qegħdin jogħsfru daqs li kieku qatt ma kienu. Infatti llum diġa’ hija diffiċli biex wieħed iġib quddiem għajnejh kif kien dan il-villaġġ għexieren ta’ snin ilu, aħseb u ara jekk irid imur lura għal mijiet ta’ snin. Sa mn’Alla li kultant jitfaċċa xi ritratt antik li jagħtina ħjiel ta’ kif kienu jidhru dawn l-inħawi għax huwa hekk biss li wieħed jista’ jifhem biċ-ċar in-natura pjuttost iżolata li kien jeżisti fiha dan il-post. Huwa wkoll permezz ta’ dawn l-immaġni li wieħed jista’ jara l- evidenza qawwija tal-valur ta’ ċerti binjiet storiċi ta’ dan ir-raħal li sfortunatament illum jinsabu maħnuqa bejn il-bini modern, filwaqt li wħud minnhom qegħdin fi stat imsejken ta’ abbandun li ċertament ma jistħoqqilhomx.
Iżda mbagħad hemm ċerti ġrajjiet oħra li ftit li xejn jeżisti tagħrif dwarhom jekk mhux fil-memorja pubblika ta’ dawk li baqgħu jiftakruhom. Fost dawn hemm ir-rakkont interessanti dwar ir-ristorant magħruf bħala Ta’ Grabiel, li għalkemm illum għandu dehra moderna li ma tantx tvarja mill-istrutturi tipiċi ta’ żmienna, it-tnissil tiegħu huwa tassew romantiku u individwali. U proprju minħabba l-oriġini mhux tas-soltu ta’ dan ir-ristorant, u anki għax din il-ġrajja tiftaħ tieqa fuq l-istat tal-ambjent u tas-soċjetà ta’ dak il-perjodu, bħala kontribuzzjoni tiegħi f’din ir-rivista, għażilt li nitkellem ma’ wieħed mill-proprjetarji ta’ dan il-post, Pawlu Bianco, sabiex b’hekk il-qarrejja jkunu jistgħu japprezzaw parti mill-istorja ta’ Wied il-Għajn li ormaj għoddha ntesiet….
Il-bidu ta’ dan ir-rakkont jeħodna lura lejn is-snin ħamsin meta Grabiel De Gabriele, li kien għamel diversi snin jaħdem kemm bħala baħri u kif ukoll bħala sajjied, iddeċieda li jaqleb paġna differenti f’ħajtu billi jittanta xortih f’tip ta’ xogħol għal kollox differenti. Dan kien żmien meta Malta kienet għadha qed tipprova ssib saqajha mill-ġdid wara t-tiġrif u l-ħsara li ħalliet warajha t-Tieni Gwerra Dinjija f’pajjiżna u bosta kienu dawk li kienu qed jaraw kif ser ikomplu jaqilgħu l-għixien ta’ kuljum.
Grabiel kien jgħix fir-raħal ċkejken ta’ Wied il-Għajn fejn kienu joqogħdu biss madwar għaxar familji. L-ambjent kien għadu rurali ħafna u l-inħawi kienu miżgħuda bl-għelieqi. Anki l-firxa tal-baħar kienet aktar wiesgħa, tant li din kienet tasal sa fejn illum hemm il-bandli ċentrali biswit ir-ristorant ta’ Grabiel.
Matul ix-xhur tax-xitwa, dan il-villaġġ kien ikun pjuttost trankwill u kemmxejn maqtugħ għalih. Madanakollu fis-sajf, il-post kien jieħu r-ruħ hekk kif għadd ta’ nies, partikolarment dawk tal-inħawi tal-Kottonera, kienu jżuruh regolarment sabiex igawdu l-baħar tal-bajja. Kien dan il-fatt tal-aħħar li ħajjar lil Grabiel biex jittanta jibda negozju żgħir proprju fil-qalba tal-bajja fejn l-aktar li kienu jinġabru n-nies.
Fl-1953, uħud mill-anzjani li kienu joqogħdu Wied il-Għajn għadhom jiftakru l-ewwel karozza tal-linja li Grabiel xtara b’xi għaxar liri Maltin, tinstaq lejn il-villaġġ tagħhom u tiġi pparkjata ġewwa l-għalqa tiegħu. Huwa kellu madwar erbgħa tomniet raba mdawwra mar-razzett fejn kien joqgħod, liema binja kienet tinsab fejn illum hemm il-waqfa prinċipali tal-karozzi tal-linja ta’ Wied il-Għajn.
Intant, Grabiel trasforma din il-karozza tal-linja antika fi speċi ta’ gabbana ċkejkna billi neħħielha l-bankijiet tal-passiġġieri u minflok imlieha b’kontenituri bis-silġ sabiex fihom iżomm il-fliexken tal-luminata u tal-birra friski. Għall-ewwel beda jbiegħ l-aktar oġġetti bażiċi u apparti l-luminata hu rama wkoll bis-sigaretti, il-karawett u l-ħobż biż-żejt. Min-naħa l-oħra, sabiex jiġbed aktar l-attenzjoni tal-pubbliku, huwa żebagħ din il-karozza b’kuluri vivaċi li minn dejjem kienu assoċċjati mal-baħar u mas-sajf, fosthom bil-lewn ikħal, ċelest u isfar.
Kulħadd jaf kemm il-Malti jħobb żaqqu u daqstant ieħor kemm il-baħar għandu tendenza li jiftaħlek l-aptit. Għaldaqstant, dan il-proġett ta’ Grabiel ma riedx wisq biex jieħu r-ruħ f’ħakka t’għajn. Huwa kellu wkoll favorih li l-uniċi ħwienet tax-xorb li kien hemm f’dan ir-raħal kienu jinsabu ħafna aktar il-bogħod mir-ramel tal-bajja. Infatti ħanut minnhom kien qiegħed lejn iż-Żonqor, faċċata tal-pitch tal-waterpolo, filwaqt li l-ieħor li kien ta’ Duminku De Gabriele, ħu Grabiel, kien jinsab fejn illum hemm waqfa tal-karozza tal-linja, biswit id-dar sabiħa u antika fi Triq Sant’Anna, kantuniera ma’ Sqaq San Ġwakkin, fi Pjazza Dun Tarċis Agius. Anki din id-dar partikolari għandha rabta mal-familja ta’ Grabiel peress li għal bosta snin kienet għexet fiha Filumena Bianco, oħt Grabiel, flimkien ma’ żewġha u wliedha, fosthom Pawlu.
La qed insemmi din id-dar, ta’ min ikun jaf, li skont tagħrif li tani Pawlu, l-ewwel ħanut tax-xorb li qatt kien hemm f’Wied il-Għajn kien fetaħ proprju minn kamra li tinsab taħt din il-binja, fejn sa llum, għalkemm fi stat ta’ abbandun, wieħed għadu jista’ jara l-istruttura tagħha. Nistqarr li hija tassew ħasra li tara post distint bħal dan f’din il-kundizzjoni, l-aktar meta tagħraf li din il-proprjetà ilha wieqfa għal mijiet ta’ snin, hekk kif jixhdu wħud mill-aktar ritratti antiki ta’ dan il-villaġġ fejn huwa evidenti li din id-dar hija waħda minn ta’ l-ewwel li qatt inbniet.
Imma ejja nkomplu bl-istorja ta’ Grabiel u nimxu għas-sena 1954 meta huwa ddeċieda li jkabbar ftit ieħor u b’hekk ġab it-tieni karozza tal-linja li kellha sservi bħala maħżen tal-prodotti li kien ibiegħ. Dan jikkonferma li n-negozju tiegħu kien qabad sewwa, avolja mhux darba u tnejn li mal-lejl, xi ħallelin kienu jidħlulu fl-għalqa, jiftħu t-twieqi tal-karozzi tal-linja u jisirqu dak li jistgħu jġorru magħhom. Imma dawn kienu l-ftit li jingħaddu fuq l-idejn għax fir-realtà Grabiel kien bniedem maħbub u rrispettat ħafna min-nies, l-aktar minħabba l-qalb tajba tiegħu fejn ma kienx jaħsibha wisq biex jagħti xi flixkun luminata jew xi biċċa ħobż tajba lil dak li jkun, anki meta dan ma jkollux flus biżżejjed.
Dawn il-gabbani ta’ Grabiel kienu jkunu miftuħa biss fis-sajf. Fix-xhur l-oħra, Grabiel li baqa’qatt ma żżewweġ, kien jgħaddi ż-żmien b’mod aktar trankwill fejn daqqa kien jintasab idur ma’ dawn il-karozzi sabiex jagħmlilhom daqsxejn manutenzjoni u daqq’oħra jmur iħuf u jistrieħ fl-għelieqi flimkien ma’ sħabu fejn dawn kienu joqgħodu jonsbu għall-kwiet.
Il-karozzi tal-linja ta’ Grabiel baqgħu jservu għan-negozju sas-sena 1960 meta mbagħad bdew deħlin diversi regolamenti tas-sanità u tas-sigurtà u naturalment dawn il-vetturi li anqas dawl ma kellhom fihom, ma setgħux jibqgħu jintużaw aktar għal dan l-iskop u b’hekk mietu mewta naturali. Huma sparixxew minn dan l-ambjent u ftit ftit bdew jintesew, anki peress li mid-dehra, lil ftit ġiethom f’rashom li jieħdulhom ritratt ta’ tifkira, tant li lanqas il-familja ta’ Grabiel stess m’għandha rikordju tagħhom!
Minflok dawn il-vetturi, Grabiel bena kamra biex isservi bħala gabbana sabiex minnha huwa jkompli jipprovdi s-servizz li ormaj in-nies kienet drat bih. U meta matul is-snin, huwa baqa’ jara l-interess tan-nies jikber, huwa għamel il-kuraġġ u beda jkabbar dan in-negozju tiegħu billi bena żewġt iġnub madwar il-gabbana ħalli b’hekk il-post sar aktar spazjuż u seta’ wkoll jilqa’ n-nies fih. Infatti, peress li s-sittinijiet kienu popolari għar-rock and roll, huwa ħareġ bl-idea li jġib juke-box u quddiemha poġġa numru ta’ madumiet fl-art fejn il-koppji setgħu jiżfnu bil-kumdità kollha għal din il-mużika ferriħija. Anki din l-idea kienet ta’ suċċess u kull ma jmur in-nies bdiet dejjem tiżdied u tinġibed lejn dan il-post li issa kulħadd kien sar jafu bħala ‘Ta’ Grabiel’.
Pawlu rrakkuntali kemm zijuh kien bniedem intraprendenti u mogħni b’ħafna ħeġġa. Madanakollu mhux kollox ġieh ward u żahar għax infatti kien hemm attentati li ma rnexxewx ukoll. Fost dawn, huwa semmili kif darba minnhom, Bob, ir-raġel Ingliż t’oħt Grabiel, Annie, kien issuġġeriexxa li jinfetaħ mini-golf fl-għelieqi ta’ biswit. Din l-idea għoġbitu lil Grabiel tant li hu xtara dak kollu li kien hemm bżonn u saħansitra żera’ t-turf sabiex jibda jwettaq dan il-proġett. Iżda primarjament minħabba li l-ħamrija tal-inħawi hija pjuttost mielħa, l-aktar minħabba l-viċinanza tal-baħar, dan il-ħaxix qatt ma kiber sewwa tant li finalment Grabiel kellu jaqta’ qalbu u jinsa kollox.
Fis-snin sebgħin, f’Wied il-Għajn seħħu bosta tibdiliet fejn fosthom ġiet irriklamata l-art mill-baħar, infetħu numru ta’ triqat ġodda inkluż it-triq ta’ max-xatt u nbnew l-ewwel vilel u appartamenti. Dawn ġibdu aktar nies lejn dan il-villaġġ li sadanittant beda jikber ftit ftit. Infatti, Pawlu infurmani illi sal-1978, bosta mill-appartamenti li kien hemm f’Wied il-Għajn kienu joqogħdu fihom għadd ta’ individwi Ingliżi li kienu jaħdmu mal-militar u li kienu għażlu dawn l-inħawi qrib il-baħar bħala residenza.
Hekk kif daħlu s-snin tmenin, fir-raħal ta’ Wied il-Għajn bdew jinbtu wkoll numru ta’ lukandi, fosthom il-lukanda Jerma Palace li kienet tilqa’ fiha bosta turisti. Kif bosta jafu, kollox jaħdem bħala katina, speċjalment fil-qasam tan-negozju. B’hekk, kull investiment ġdid beda jgħin biex ikompli jatratta l-pubbliku lejn dan ir-raħal u dan għen biex il-ġid seta’ jinqasam bejn dawk in-negozjanti kollha li bdew jagħmlu l-kuraġġ u jiftħu xi negozju fl-inħawi. Ovvjament, anki x-xogħol ta’ Grabiel żdied sewwa u mill-gabbana tiegħu wieħed seta jixtri aktar varjetà ta’ ikel.
Iżda kien proprju f’dan il-perjodu, meta fl-età ta’ 78 sena, Grabiel ħalla din id-dinja u n-negozju li hu kien rawwem bl-għaraq ta’ xbinu, ġie akkwistat min-neputijiet tiegħu. B’rispett lejn zijuhom u anki għax in-nies kienet drat il-post b’dan l-isem, meta snin wara dan in-negozju għadda minn rinovazzjoni kbira fejn dan tkabbar għal ristorant li jinkorpora fih anki terrazza, huma ddeċidew li jħallu l-isem Grabiel u b’hekk dan l-individwu u l-memorja tiegħu baqgħu mwaħħdin ma’ dawn l-inħawi.
Min jaf x’jidhirlu Grabiel li kieku kellu jirritorna llum sabiex jara kemm kiber il-proġett tiegħu wara aktar minn sittin sena, l-aktar meta f’dawn l-aħħar snin, dan ir-ristorant ġie rinovat? Fl-istess ħin, min jaf kemm jiddiżappunta ruħu li kieku kellu jintebaħ li bosta mil-lukandi li hu ra jitwieldu, illum sfaw fix-xejn, fosthom is-sbejħa Jerma Palace li issa saret l-għajb ta’ dan ir-raħal.
Meta staqsejt lil Pawlu dwar il-futur tar-ristorant Grabiel, huwa assigurani li għalkemm dan it-tip ta’ xogħol jitlob ħafna mpenn, hu flimkien ma’ ħutu Karmenu, Giovanni u Mario, se jibgħu jistinkaw bħalma għamlu f’dawn l-aħħar għoxrin sena sabiex isaħħu dan in-negozju li beda zijuhom. Ormaj, dan ir-ristorant li huma tant stinkaw biex iżommu fuq saqajh, sar parti minn ħajjithom. Imma ċertament nistgħu ngħidu wkoll li r-ristorant ta’ Grabiel jilgħab karta sinifikanti ħafna fl-istorja soċjali tar-raħal ta’ Wied il-Għajn.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fir-rivista Leħen ir-Ramla (Pubblikazzjoni Annwali maħruġa mill-Għaqda Bajja San Tumas), Ħarġa Nru. 16, Sajf 2014)
-
Sengħa taħt theddida
Għall-artiklu ta’ din il-ġimgħa għażilt li nitratta s-sengħa antika tal-bini tad-dgħajjes li ilha tintiret fost niesna għal bosta snin. B’dan il-għan iltqajt ma’ Ġużu Maniscalco u ma’ Mario Aquilina, żewġ mgħallma f’dan il-qasam, li minn taħt idejhom għaddew bosta opri tal-baħar. Permezz tal-intervisti ma’ dawn l-individwi għaraft il-kapaċità msensla f’din is-sengħa u l-varjetà li teżisti fost dawk li aħna niġbru kollettivament taħt it-titlu ta’ ‘dgħajjes’. Barra minn hekk intbaħt ukoll li din is-sengħa tradizzjonali tinsab mhedda hekk kif id-domanda għal dan ix-xogħol tradizzjonali qiegħda kull ma tmur tispiċċa fix-xejn. Imma aqraw dawn ir-rakkonti ħalli tifhmu ħafna aktar x’irrid ngħid u nassigurakhom li mill-llum il-quddiem sa tibdew tħarsu b’għajnejn ġodda lejn dawn id-dgħajjes li ormaj saru jiffurmaw parti sinifikanti mill-wirt kulturali tagħna.
Ġużu Maniscalco (Ġużu Tal-Imgħallem)
Ġużeppi Maniscalco qatt ma kien ra l-baħar qalil daqstant! Imsarnu niżlu f’saqajh hekk kif induna li d-dgħajsa ċkejkna ta’ Stiefnu kienet qed tintela’ bl-ilma kull darba li l-mewġ kbir beda jistabat magħha. Il-maltemp kien ġie fuqhom ħabta u sabta u huma ma setgħu jagħmlu xejn ħlief li jaqdfu kemm jifilħu bit-tama li joħorġu malajr kemm jista’ jkun minn dak ix-xkiel. Ġużeppi kellu biss tnax il-sena u f’dawk il-mumenti tal-waħx kien diġà ta ruħu b’mitluf. Madanakollu Stiefnu, li kien sajjied anzjan u reliġjuż fervent, żamm ruħu sod u kull darba li kienet titfaċċa xi mewġa ta’ barra minn hawn, kien jgħajjat kemm jiflaħ “il-mant tal-Madonna huwa akbar minnkhom kollha!” B’xi mod, huma rnexxielhom jaslu l-art qawwijin u sħaħ imma Ġużeppi ħalef li qatt aktar f’ħajtu ma kien ser jitla’ fid-dgħajsa ta’ ħaddieħor.
Minn dakinhar ‘l hemm, Ġużeppi ntefa’ jibni d-dgħajjes ma’ missieru f’Marsaxlokk. Ma damx biex qabad is-sengħa sewwa u n-nies bdiet tagħrfu bħala ‘L-Imgħallem’. Iżda meta aktar tard huwa żżewweġ u l-familja tiegħu bdiet tikber, il-paga ma baqgħetx isservi u għalhekk hu kellu jidħol jaħdem bħala bennej tad-dgħajjes mad-Dockyard. B’danakollu, is-sidien tad-dgħajjes xorta baqgħu jfittxu s-servizzi tiegħu, speċjalment għall-manteniment regolari tagħhom, u kien waqt dan il-perjodu li tnisslet f’ibnu Ġużu, il-ġibda lejn din is-sengħa.
Għall-ewwel kienet iż-żebgħa kkulurita li tintuża fuq id-dgħajjes li bdiet taffaxxinah, u missieru beda jħallih jiżbogħ xi affarijiet żgħar. Imma ta’ tifel li kien, din in-namra ma damitx ma daħlitu fl-inkwiet hekk kif hu rama jiżbogħ dak kollu li beda jiġi quddiem għajnejh u kull x’ħin ifettillu, anki dakinhar li għamel l-Ewwel Tqarbina meta kien għadu liebes il-ħwejjeġ bojod tal-Preċett!
Imma ormaj Ġużu kien maqbud sa griżmejh minn din is-sengħa u finalment missieru ntebaħ li kien ikun aħjar jekk jibda jħarrġu bil-mod fl-affarijiet bażiċi. Ta’ 9 snin, huwa għallmu kif jiddiżinja mudell ta’ dgħajsa u ftit taż-żmien wara, anki nannuh, li bħall-ġenerazzjonijiet ta’ qablu kien bennej tad-dgħajjes ukoll, beda jgħaddilu l-pariri tiegħu. Taħt is-superviżjoni ta’ missieru, fl-età ta’ 14 il-sena, Ġużu ħadem l-ewwel dgħajsa żgħira li ordnat waħda mara biex tmur tistad għall-gambli biha. U ftit ftit, missieru beda jħajjru jesperimenta bl-ideat u bil-kapaċitajiet tiegħu sakemm anki hu sar mustaċċun f’dan ix-xogħol u n-nies bdiet tidentifikah bħala Ġużu Tal-Imgħallem.
Issa li għandu 69 sena, Ġużu spiss jiftakar fis-siegħat twal li hu ddedika lil din is-sengħa tradizzjonali li kienet ilha tant tintiret fost l-antenati tiegħu. Flimkien ma’ missieru u maż-żewġ ħutu subien, kien iqatta’ x-xhur sakemm ilesti dgħajsa u għalhekk, mat-tlestija tagħha, din il-kreazzjoni tkun kważi saret tifforma parti mill-familja. Skont kif titlob din is-sengħa, kienu jkunu huma li jippruvaw id-dgħajsa fuq il-baħar għall-ewwel darba u din kienet tgħaddi biss għand is-sid il-ġdid meta huma kienu jikkonfermaw li l-opra tagħhom hija pronta. Ċertament dan ir-ritwal jixbaħ lil speċi ta’ magħmudija fejn id-dgħajsa tiġi introdotta lill-baħar mill-ġenituri tagħha u minn hemm, hija tibda ħajja ġdida.
Peress li jiena kont qed nirreferi għal kull opra tal-baħar bħala ‘dgħajsa’, Ġużu beda jispjegali li fir-realtà teżisti varjetà wiesgħa ta’ dgħajjes li tinkludi: id-dgħajsa, id-dgħajsa tal-Latini, il-kajjik, il-luzzu, il-frejgatina, il-ferilla u l-lanċa. Huwa ġabli wkoll mudell ta’ skeletru ta’ dgħajsa tradizzjonali li ħadem hu stess u permezz tiegħu beda jimmarkali l-partijiet differenti li kien hemm u l-funzjonijiet partikolari tagħhom. Meta rani interessata, Ġużu urini wkoll għażla ta’ ritratti ta’ opri tal-baħar li kienu nħadmu mill-familja tiegħu, filwaqt li ntroduċini anki mal-kollezzjoni ta’ għodda tradizzjonali li dari kienu jaħdmu bihom.
Daqs sebgħa snin ilu, Ġużu ddeċieda li jieqaf minn dax-xogħol peress li kien sar wisq skabruż għalih. “M’għandix aktar saħħa biex naħdem f’din is-sengħa,” huwa stqarr miegħi. “Infatti xi xhur ilu kelli nbiegħ saħansitra l-lanċa tiegħi għax ma bqajtx niflaħ nagħmlilha l-manutenzjoni regolari tagħha. Kienet għal qalbi wisq biex inħalliha abbandunata fil-garaxx. Issa nittama li għand min qiegħda jaraf jieħu ħsiebha bħal kif kont nagħmel jien.”
Madanakollu kien hemm opra tal-baħar waħda li Ġużu ma felaħx jitbiegħed minnha – il-kajjik ta’ missieru. Huwa rrakkuntali kif meta fl-1996, miet missierhom Ġużeppi, hu u ħutu warrbu dan il-kajjik f’ġenb. Imma hekk kif ħareġ bil-pensjoni, Ġużu uża l-abbiltà kollha tas-sengħa li kien tħarreġ fiha matul ħajtu, sabiex jerġa’ jagħti r-ruħ lil dan il-kajjik ta’ missieru. Dan kien l-uniku xogħol li huwa aċċetta li jagħmel minn meta waqaf jaħdem… “Ma nafx għala ddeċidejt li nidħol għal dax-xogħol,” qalli Ġużu. “Naf biss li ħassejt li kelli nagħmel din l-aħħar ħaġa sabiex nispiċċa l-affarijiet sewwa.”
Sfortunatament ħadd ma tħajjar ikompli wara Ġużu u b’hekk pajjiżna qed jirriskja li jitlef darba għal dejjem dan l-għerf li trawwem fih sa mill-ibgħad antenati tiegħu u din l-esperjenza kollha li hu akkumula matul is-snin kollha jaħdem f’dan ix-xogħol. Peress li issa n-nies saret tippreferi tixtri d-dgħajjes moderni maħduma mill-fibreglass, id-domanda lejn dawn l-opri tal-baħar tradizzjonali qiegħda tisfuma fix-xejn u għalhekk ma fadalx ħajra fiż-żagħżagħ biex ikomplu wara missirijiethom. Hija ħasra li probabbilment jiena kelli l-unur li niltaqa’ ma’ wieħed mill-aħħar imgħallma f’din is-sengħa li ma ddumx ma tintemm għal kollox.
Mario Aquilina (Mario Tar-Ratal)
Din il-possibilità qarsa ġiet konfermata mill-ġdid meta jiena ltqajt ukoll ma’ Mario Aquilina minn Birżebbuġa li huwa aktar magħruf bħala Mario Tar-Ratal. Huwa għandu 53 sena u wkoll ġej minn familja li għal snin twal kienet rinomata għall-bini tad-dgħajjes. Infatti minn taħt idejn missieru u minn taħt idejh, laħqu ħarġu għadd ta’ opri tal-baħar tradizzjonali. Iżda f’dawn l-aħħar snin l-ordnijiet kienu qed ikunu għad-dgħajjes tal-fibreglass u għalhekk huwa kellu jaqleb is-sengħa tiegħu fuq dan ix-xogħol jekk ried ikompli jaqla’ l-għixien tiegħu. Mario spjegali li hemm raġunijiet validi għala n-nies qed jippreferu d-dgħajsa tal-fibreglass mid-dgħajsa tradizzjonali, fosthom: il-prezz ferm għola tad-dgħajjes tradizzjonali minħabba li dawn jissawwru mill-injam u jinħadmu bl-idejn, u anki għaliex il-manteniment tagħhom huwa aktar spiss.
“Huma biss dawk li għandhom passjoni għad-dgħajjes li kapaċi jifhmu s-sinifikat ta’ xi jfisser li tkun is-sid ta’ opra tal-baħar tradizzjonali,” insista Mario. “Għandek tkun taf li dawn il-biċċiet tal-baħar jinħadmu minn selezzjoni ta’ njam u ta’ materjali differenti li kollha għandhom l-funzjoni partikolari tagħhom sabiex finalment ikollok biċċa xogħol eleganti u ta’ maestrija. Irridu niftakru li dawn il-karatteristiċi ta’ dan il-materjali ġew identifikati b’reqqa matul sekli sħaħ, fejn dawn in-nies tas-sengħa għarfu kif jipproduċu dgħajjes b’saħħithom u li jifilħu għall-baħar imma li fl-istess ħin ikunu wkoll grazzjużi u jpaxxu l-għajn.”
Hu kurjuż il-fatt li Mario għandu ħafna in komuni ma’ Ġużu. Fil-fatt missieru wkoll kien jismu Ġużeppi u dan kien magħruf bħala Ġużi r-Ratal. Ġużi kien minn Bormla u missieru kien jagħmel ix-xogħol tal-manutenzjoni fuq l-opri tal-baħar u anki jiskultura d-dekorazzjonijiet li wieħed isib fuq il-ġnub tagħhom. Kien ukoll qaddief tajjeb ferm, tant li kien jaqdef fuq tliet tipi ta’ dgħajjes tar-Regatta, li kienu: il-kajjik, u d-dgħajsa tal-pass, kemm ta’ b’żewġ qaddiefa u anki ta’ b’erbgħa.
Meta Ġużi kellu ħames snin, il-gżejjer Maltin ġew involuti fil-ġlied tat-Tieni Gwerra Dinjija u għalhekk il-familja tiegħu kellha tħalli Bormla minħabba li din il-lokalità kienet spiss tispiċċa fil-mira tal-għadu. Huma marru joqogħdu l-Fgura, imbagħad Ħal-Qormi u wara ż-Żejtun, sakemm finalment issetiljaw f’Birżebbuġa. F’dak il-perjodu, f’dan il-post, kien hemm tliet mgħallma tad-dgħajjes li kienu magħrufa bħala Ta’ Ġoġò imma f’dawk is-snin, tant kien hemm domanda kbira, li missier Ġużi ma damx wisq biex reġa’ jsib jaħdem f’dan il-qasam.
Aktar tard, meta wliedu bdew jikbru, beda jidher biċ-ċar li huma kienu wirtu l-passjoni li kellu missierhom lejn il-baħar u lejn is-sengħa tal-bini tad-dgħajjes. Infatti, ta’ 9 snin, missier Mario kien diġà qabad jesperimenta bil-bini tal-mudelli tad-dgħajjes u minn hemmhekk huwa baqa’ sejjer sakemm laħaq mgħallem. Tnejn mill-opri l-aktar magħrufa tiegħu kienu dgħajjes tal-Latini – il-‘Victoria’ u l-‘Blue Star’ – u rigward din tal-aħħar ċerti anzjani għadhom jiftakru li kienet veloċi daqs ir-riħ.
Kemm Mario u kif ukoll Ġużu qablu illi wieħed kien jitwieled mgħallem f’din is-sengħa u għalhekk mhux daqshekk faċli biex issir espert f’dan il-qasam jekk ma jkunx destinek. Infatti anki Mario kien kapaċi jaħdem id-dgħajjes meta kellu biss 19 il-sena, u akkost li xtaq ħafna jistudja l-inġinerija mekkanika biex jibda jaħdem fuq ir-riggijiet taż-żejt, eventwalment huwa ċeda għar-rakkomandazzjoni t’ommu sabiex isib xogħol ma’ missieru peress li hi saħqet li dan kien aktar sikur u mingħajr perikli, u naturalment kien iżommu qribha.
Sabiex ifehemni aħjar dwar din is-sengħa tagħhom, Mario ġab album kollu ritratti li fosthom kienu juru l-fażijiet differenti tal-kostruzzjoni ta’ l-opri tal-baħar. Bqajt impressjonata li akkost li kienu għaddew bosta snin, huwa kien għadu jiftakar id-dgħajjes kollha u lil min kienu nbiegħu. Bi kburija urini wkoll lil ‘bimbu’ li kienet tip ta’ opra tal-baħar li kien iddiżinja missieru.
Biex jinkoraġġini nixtarr aħjar dan ix-xogħol, Mario urini wkoll mudell kbir ta’ kajjik. Bil-paċenzja kollha, huwa wrieni l-materjali differenti li minnhom tinħadem din l-opra u fehemni wkoll l-għala jintuża dak il-materjal u x’inhi l-funzjoni tiegħu. Bqajt mistagħġba mhux ftit meta skoprejt li għall-binja ta’ kajjik, wieħed jirrikjedi fosthom: il-fraxxnu, il-‘greenheart’, l-‘iroco’, il-‘plywood’, il-ballut, il-kewba, u l-injam magħruf bħala ‘tal-abjad’ u ‘tal-aħmar’. Mhux ta’ b’xejn li dawn l-opri tradizzjonali tal-baħar jiswew prezzhom, kemm għall-materjal li fihom, kemm għas-sengħa li jinvolvu u kif ukoll għas-siegħat twal ta’ xogħol li jirrikjedu!
B’xorti tajba, fil-każ ta’ Mario, ibnu qiegħed juri interess f’dan il-qasam għalkemm b’mod differenti. Infatti huwa jgħin lil missieru sabiex jiżviluppaw ideat ġodda għad-diżinji tad-dgħajjes moderni tal-fibreglass, u b’hekk dawn issa huma mogħnija anki bil-kreattività żagħżugħa.
“Ma tħallitilna l-ebda għażla. La ridna nibqgħu nagħmlu dan ix-xogħol, kellna bilfors nimxu skont id-domanda tal-klijenti,” stqarr Mario. “Dan wassal biex akkost li jiena nippreferi naħdem id-dgħajjes tradizzjonali, anki għax jiena konxju li s-sengħa tiegħi qiegħda kull ma tmur issir dejjem aktar rari, jkolli naqleb għad-dgħajjes moderni tal-fibreglass, għax lil dawk iridu n-nies. Madanakollu tassew nixtieq li l-awtoritajiet jisimgħu l-karba tagħna sabiex aħna niġu rikonoxxuti bħala nies professjonali tas-sengħa u anki biex l-opri tal-baħar tradizzjonali tagħna jingħataw mill-ġdid il-valur li jixirqilhom, qabel ikun tard wisq. Idealment l-istat għandu jintroduċi xi forma ta’ sussidju għal dawk li jagħżlu li jixtru dawn il-kreazzjonijiet lokali li huma uniċi għall-gżejjer tagħna, forsi b’hekk in-nies titħajjar mill-ġdid tagħti r-ruħ lil din is-sengħa li waslet biex tintilef.”
L-aħħar superstiti ta’ din it-tradizzjoni antika huma d-dgħajjes tar-Regatta li għadhom jiġu manifatturati minn żmien għal żmien. Intant, waqt din l-intervista ma’ Mario, kelli l-fortuna li nara opra tal-baħar tradizzjonali riċentement maħduma minnu. Din kienet dgħajsa tal-pass miżbugħa b’kulur ċelesti sabiħ li hu ħadem għall-Klabb Regatta Birżebbuġa, liema opra kienet qed tistenna lill-qassis biex iberikha qabel tibda ħajjitha fuq il-baħar.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (3 parti) fit-Torċa tat-18 ta’ Mejju 2014)
-
Stilla Maltija f’Hollywood
Kull meta nsemmi lill-artist Malti Joseph Calleia, kważi kulħadd jaħseb li qed nirreferi għat-tenur lokali ta’ fama internazzjonali, Joseph Calleja. Imma dan tal-aħħar twieled tliet snin wara li miet l-attur Malti li f’Hollywood irnexxielu jikseb suċċess kbir, hekk kif hu ħadem aktar minn 55 film. Min-naħa l-oħra hija tassew ironika li ħafna minna jafu u probabbli jammiraw lill-artisti Charlton Heston, Jerry Lewis, Dean Martin, Marlene Dietrich, Rita Hayworth u Jane Russell, iżda fl-istess ħin, m’għandhomx l-iċken idea li dawn kollha deheru f’xi film mal-attur Malti Joseph Calleia. Għaldaqstant dil-ġimgħa ddeċidejt li niddedika dan l-artiklu għalih għax naħseb li dan l-individwu jixraqlu li jkun magħruf ħafna aktar mal-poplu tagħna. U min jaf? Forsi fl-aħħar xi stazzjon lokali jitħajjar jagħmel il-pass li jurina xi film minn tiegħu u mhux dejjem nirrepetu u nhedew b’films fejn jidhru biss atturi barranin. Meta se jitgħallem jirrispetta aktar lil niesu dan il-poplu tagħna?
Naturalment, la ħadd qatt ma kien wera interess biex jinfurmana dwar dan l-attur, anki jiena sirt naf bih wara ħafna snin. U kien għall-ħbieb tiegħi Eman Bonnici, Andrew Borda u Joseph Borda li finalment ġejt mgħarrfa b’din l-istilla Maltija f’Hollywood. Kull wieħed minn dawn il-ħbieb kellu storja differenti x’jirrakkuntali dwar Joseph Calleia fejn saħansitra wieħed minnhom kien ħabib tiegħu. Imma ejja nibdew il-ġrajja ta’ dan il-personaġġ mill-bidu…
Joseph Calleia twieled fl-4 t’Awwissu 1897 fl-inħawi tas-Saqqajja, ir-Rabat Malta. Missieru Pasquale oriġinarjament kien minn Bormla u kien perit. Meta ibnu kiber, huwa insista ħafna fuqu sabiex isir inġinier u b’din il-mira, Joseph beda jattendi l-Kulleġġ ta’ San Alwiġi f’Birkirkara. Min-naħa l-oħra, ommu Elena neè Falzon, kienet mill-Belt u din mill-ewwel intebħet li binha kien maqtugħ għal xorta oħra ta’ xogħol, partikolarment meta nnutat li Joseph kellu talent naturali għall-palk. Infatti, kienet hi li rawwmitu u għenitu biex jiżviluppa din il-kapaċità hekk kif hu beda jieħu sehem b’ruħu u b’ġismu f’kull attività tad-drama li kienet tittella f’dak il-kulleġġ. Hawnhekk ta’ min ikun jaf li fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi għad hemm rikordju sabiħ ta’ Joseph Calleia bħala student, hekk kif ikkonfermali Joseph Borda, ammiratur kbir tiegħu, meta huwa żar dan il-post u b’sorpriża kbira, lemaħ lil Joseph flimkien ma’ sħabu f’ritratt tal-klassi tal-1912.
Sfortunatament, fl-1906, omm Joseph mietet fl-età ta’ 37 sena u t-telfa tagħha binha ħassha ħafna. Min jaf jgħidilna jekk din kinetx waħda mir-raġunijiet għala fl-1914, fl-età ta’ 17 il-sena, huwa ddeċieda li jħalli lil Malta sabiex jipprova jsib xortih fil-qasam tal-ispettaklu f’pajjiż barrani? Li hu żgur kien li missier Joseph oġġezzjona ferm għal din l-għażla ta’ ibnu, anki minħabba li f’dak il-perjodu, ix-xogħol tal-ispettaklu kien meqjus bħala dnub. Tant hu hekk, li meta l-ġuvni baqa’ jinsisti li ried jitlaq, missieru wissieħ biex ma jużax kunjom il-familja. U Joseph ma ħasibhiex darbtejn biex minflok adotta kunjom nanntu, li kien Spurin.
Irridu niftakru li fl-1914 kienet tqanqlet l-Ewwel Gwerra Dinjija u infatti xi wħud mill-bliet kapitali tal-Ewropa kienu diġà sofrew id-danni tagħha. Imma lanqas din it-theddida ma qatgħet qalb Joseph Calleia hekk kif hu ħolom u xtaq bis-sħiħ li jagħmel xi ħaġa sinifikanti b’ħajtu. Possibilment huwa kien diġà nnota li kellu potenzjal qawwi u li leħnu kien jipprometti għall-affarijiet akbar meta f’età tant żagħżugħa, huwa kien diġà bena esperjenza fuq il-palk Malti, l-aktar fil-kant liriku, fejn hu saħansitra serva bħala tenur fit-Teatru Rjal.
Intant, in-namra tiegħu għall-qasam artistiku ħadet lil Joseph l-Ingilterra fejn hu ngħaqad ma’ grupp mużikali li beda jdur f’diversi ħwienet u swali biex joffri spettaklu ta’ daqq u kant. Wara sentejn jagħmel dan ix-xogħol, huwa kien ħabat jikseb kemmxejn popolarità iżda d-destin kellu ppjanat għalih opportunità ferm akbar. Ir-riċerkatur Eman Bonnici stqarr li x-xorti tajba li laqtet lil Joseph waslet għandu f’forma pjuttost stramba, hekk kif dan il-personaġġ kien qed jivvjaġġa fuq bastiment li ħabta u sabta għereq f’nofs ta’ baħar u b’xorti tajba, il-bastiment l-ieħor li ġabar lis-superstiti, ġarr lil kulħadd sa l-Istati Uniti – l-art tal-ħolm fejn ħafna jemmnu li kollox hu possibbli!
B’ta’ fuqu senduqu, Joseph sab ruħu f’pajjiż ieħor u hemm mill-ġdid kellu juri kuraġġ u perseveranza. Huwa ma damx ma sab xogħol bħala wejter u fl-istil uniku tiegħu, kien joqgħod ikanta waqt li jservi lill-klijenti. U eventwalment din it-tattika ħadmitlu għax darba minnhom, fost il-klijenti nzerta kien hemm wieħed li kien jorganizza l-ispettakli fi Broadway u meta sema’ leħen Joseph, dan offrielu x-xogħol minnufih.
L-ewwel xogħol teatrali ta’ Joseph deher fl-1926 taħt l-isem ta’ ‘Broadway’ u minn hemm huwa beda karriera ġdida. Skont Eman Bonnici, jidher li kien ix-xogħol ‘The Broken Wing’ li wassal lil Joseph għal aktar suċċess hekk kif dan l-ispettaklu ntalab biex jintuża għall-ftuħ tat-teatru Duke of York fl-Ingilterra. Diversi gazzetti f’dan il-pajjiż barrani bdew jiktbu dwar dan il-ġuvni Malti ta’ talent kbir u din l-aħbar waslet anki Malta. Dan qanqal lil missieru Pasquale sabiex jagħraf li wara kollox ibnu kien għamel għażla tajba meta ddeċieda li jidħol fid-dinja tal-ispettaklu u għalhekk huwa kkuntattjah u qallu li minn dakinhar ‘l hawn, kien qed jagħtih il-barka tiegħu biex juża kunjomu proprja. Joseph xtaq jikkuntenta lil missieru u b’hekk huwa beda jsejjaħ lilu nnifsu Joseph Spurin Calleja.
Minħabba d-dehra Mediterranja tiegħu, b’dak il-wiċċ mislut u b’dawk l-għajnejn skuri u profondi, Joseph ma damx ma beda jingħata rwoli ta’ gangster fix-xogħolijiet teatrali, hekk kif fis-snin tletin fl-Amerika bdiet tgħolli rasha l-Mafja. Din ir-realtà bdiet tiżvolġi anki fil-qasam tal-films, tant li l-kumpanija Warner Brothers Pictures kienet ħadet magħha l-aqwa atturi ta’ dik l-epoka biex jaħdmu partijiet ta’ gangsters, fosthom lil James Cagney, George Raft u Humphrey Bogart. Il-pubbliku beda jfittixhom ħafna dawn it-tip ta’ films u għalhekk il-kumpanija l-oħra tal-films, Metro Goldwyn Mayer, xtaqet ħafna li tidħol ukoll f’dan is-suq. Hi ma damitx ma tefgħet għajnejha fuq Joseph, l-aktar wara s-suċċess ġdid li kellu fil-parti tal-gangster Tony Mako fix-xogħol teatrali ‘Small Miracle’. U fi ftit taż-żmien Joseph sab ruħu jaħdem f’Hollywood u jidher fuq il-liżari taċ-ċinema.
Għall-ewwel film tiegħu ‘My Sin’, fl-1931, Joseph Calleia Spurin irċieva 8000 dollaru. Iżda taħt dak l-isem, ħadem biss film ieħor wieħed biss ‘His Woman’ peress li mbagħad hu ntalab iqassar ismu għax hekk kien twil wisq. B’hekk, Joseph reġa’ lura għall-isem oriġinali tiegħu, Joseph Calleia, fejn aktar kmieni kien diġà bidel l-ittra j ma’ l-ittra i, sabiex l-Amerikani jkunu jistgħu jlissnu kunjomu kif suppost.
Fis-sentejn li għamel mal-MGM huwa ħadem għaxar films fosthom il-film ‘Tough Guy’ (1936) fejn ħadimha ta’ Joseph ‘Joe’ Calerno. Ta’ min isemmu illi fl-1935 daħlet iċ-ċensura f’Hollywood u b’hekk il-gangsters ma setgħux jibqgħu jidhru aktar bħala eroj fil-films. Allura, għalkemm naraw lil Joseph jaħdimha mill-ġdid ta’ kriminal, fl-aħħar tal-film huwa jipiċċa maqtul. Madanakollu, għalina l-Maltin dan il-film għandu tifsira kbira ħafna għax nistgħu ngħidu li għall-ewwel darba, bis-saħħa ta’ dan l-attur, tlissnet il-lingwa Maltija waqt film li nħadem f’Hollywood. Dan ġara meta Joseph ġie mqabbad ikanta xi ħaġa biex jimla l-ħin waqt xena partikolari u f’dak il-mument, ġietu f’moħħu għanja folkloristika Maltija.
Meta l-kuntratt mal-MGM għalaqlu, dan l-artist ħa deċiżjoni riskjuża oħra hekk kif huwa għażel li jibda jaħdem għal rasu. Imma bħas-soltu, Joseph kien jaf sewwa x’inhu jagħmel għax ix-xogħol tiegħu bħala attur xorta waħda baqa’ għaddej qatiegħ. Fl-1938 huwa ħadem waħda mill-partijiet l-aktar għal qalbu – dik fi rwol ta’ pulizija Tuneżin fil-film ‘Algiers’ li għaliha huwa rebaħ il-Best Actor Award mill-kritiċi tal-Amerika.
Il-films li ħadem fihom dan l-artist Malti bdew deħlin anki f’pajjiżna. Imma mhux kollha għax uħud minnhom ġew iċċensurati. Fosthom kien hemm il-film ‘Full Confession’ (1939) fejn Joseph kellu l-parti ta’ qassis li ried jikkonvinċi qattiel sabiex jagħti ruħu f’idejn il-pulizija ħalli jeħles bniedem innoċenti li kien ser jieħu l-ħtija minfloku. Kien iċċensurat ukoll il-film ‘Valentino’ (1951) fejn l-attur Malti ħadem ir-rwol tal-manager ta’ Valentino. Film ieħor li nżamm kien ‘The Iron Mistress’ (1952) fejn f’waqt minnhom, Joseph jidher ibus lill-attriċi Mae West li dak iż-żmien kienet waħda mill-aktar nisa seduċenti ta’ Hollywood. Min jaf jekk din iċ-ċensura qattx nislet xi diżappunt f’qalb l-attur Malti? Iżda ċertament, skont Andrew Borda, Joseph Calleia kien ħassha ħafna meta ħuħ, Dun Anton Calleja, irrifjuta l-flus li bgħatlu bħala rigal peress li dan saħaq li dawk kienu flus id-dnub u li għalhekk l-artisti ta’ Hollywood kienu ser jispiċċaw kollha l-infern!
Fir-realtà qatt ma nstema’ xi skandlu dwar dan l-attur. Anzi, fl-agħar waqtiet tat-Tieni Gwerra Dinjija, bħal ħafna atturi oħra, Joseph ngħaqad bħala membru mal-United States Organizations sabiex joffri spettaklu lit-truppi bil-għan li jgħollulhom il-moral. Minn ritratti li rnexxielu jakkwista Joseph Borda naraw illi Calleia kien ġie jagħti dan is-servizz anki f’Malta fl-eqqel żmien tal-gwerra u meta ra l-bżonn tal-poplu Malti, huwa daħħal idejh fil-but u għen personalment.
Għalkemm Joseph kien jgħix l-Amerika f’dar lussuża flimkien ma’ martu Eleonora nee’ Vassallo, li kienet bint emigrant Malti, huwa qatt ma nesa lil Malta, lil niesha u l-lingwa tagħha. Infatti, mhux darba u tnejn li l-familjari tiegħu kienu jsibuh ma’ wiċċhom għall-għarrieda kull darba li kien ifettilu jżur lill-gżejjer tagħna. U meta huwa rtira minn Hollywood, fl-età ta’ 66 sena, awtomatikament qalbu ġibditu lura lejn art twelidu fejn mar joqgħod f’dar bl-isem ‘Joel’ fi Triq Imrabat, tas-Sliema. F’din id-dar, Joseph installa l-istess sistemi li kellu fl-Amerika bħal ngħidu aħna l-intercom, il-lift u l-arja kkundizzjonata – oġġetti li f’pajjiżna l-Maltin qatt ma kienu raw. Iżda min-naħa l-oħra, Joseph baqa’ pjuttost bniedem sempliċi għalkemm riservat u lil ħbiebu kont tgħoddhom fuq is-swaba ta’ jdejk.
Fost dawn kien hemm Andrew Borda li rnexxielu jsir jafu billi kien midħla tat-tenur Oreste Chircop; ħabib antik ta’ Calleia. Andrew ma jinsa qatt l-ewwel darba li daħal fid-dar ta’ dan l-attur li tant kien ilu jammira, fejn tul l-indana tat-taraġ huwa jilmaħ salt ritratti li kienu juru lil Joseph fil-partijiet differenti li kien interpreta matul is-snin. L-istess jiftakar il-mumenti ħelwin li huwa qatta’ flimkien ma’ dan l-attur, kemm f’daru fejn spiss dan kien iħobb joqgħod ikanta u jdoqq il-pjanu, kemm il-knisja peress li Joseph kien bniedem reliġjuż ħafna u anki waqt id-dawriet sbieħ fil-kampanja, speċjalment lejn l-inħawi tal-Madliena li kienu l-favoriti tiegħu.
Andrew lmenta miegħi li akkost li Joseph Calleia kellu fama internazzjonali, meta dan l-attur kien ikun għaddej mit-triqat Maltin, ftit li xejn kienu jgħarfuh nies. Min-naħa l-oħra huwa baqa’ miftakar sewwa f’Hollywood, tant li fis-snin 70, Joseph irċieva telegramma mingħand il-produttur tal-films Francis Ford Coppola, fejn dan kien qed joffrielu l-parti prinċipali ta’ Don Vito Corleone fil-film li kien ser jaħdem – ‘The Godfather’. Imma nzerta li Joseph kien għaddej minn mumenti ta’ swied il-qalb minħabba li fl-1967, huwa tilef lil martu Eleonora u ma ried jaf b’xejn aktar. Infatti huwa ma aċċettax din il-parti li eventwalment ngħatat lil Marlon Brando u għaliha dan irċieva l-ġieħ ta’ Best Actor fl-Academy Awards.
Joseph Calleia ħalla din id-dinja fil-31 t’Ottubru 1975, fl-età ta’ 78 sena. Eman Bonnici spjegali kif f’pajjiżna ma tħabbar l-ebda avviż u ma saret l-ebda ċerimonja biex tinforma lill-poplu Malti li konna tlifna lil wieħed minn tagħna. Deheret biss xi informazzjoni qasira u ritratt tat-tebut tiegħu dieħel fl-Addolorata segwit minn korteo żgħir ta’ nies, l-għada tal-funeral fil-ġurnal Times of Malta. Minflok, ironikament, minħabba li dan l-artist sikwit ħadem il-parti ta’ Sqalli, bi żball, l-istazzjon televiżiv Taljan RAI ħabbar bi prominenza li f’Malta, kien miet l-attur Taljan Joseph Calleia. Lanqas il-lapida ta’ l-irħam fiċ-ċimiterju, fejn hemm ismu minqux flimkien ma’ dawk ta’ familjari oħra tiegħu ma jindika l-kobor ta’ dan il-Malti u ftit ftit dan il-bniedem intesa mal-mogħdija taż-żmien.
Kien biss fl-1997 meta bħala memorja tal-100 sena minn twelidu, nħarġu żewġ bolol kommemorattivi ta’ Joseph Calleia. U kellhom jgħaddu ħafna aktar snin sakemm fl-2005, Eman Bonnici, li kellu biss 15 il-sena, irnexxielu jħajjar lill-iskultur famuż Rabti Anton Agius sabiex jaħdmu bust għal dan l-attur, liema xogħol Anton wettqu bla ħlas. Intant, fir-raħal tal-Imtarfa hemm ukoll triq imsemmija għalih. Imma niddubita kemm mir-residenti jafu tassew min kien Joseph Calleia. Tgħid għad jasal iż-żmien meta dan il-personaġġ kbir jingħata rikonoxxenza nazzjonali?
Aktar informazzjoni dwar dan l-artist issibuha fuq Facebook: Maltese Hollywood Star Joseph Calleia.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (2 parti) fit-Torċa tal-11 ta’ Mejju 2014)
-
Il-ġrajja tal-arġentier
Illum ser nerħulha għal għonq it-triq ta’ sensiela ġdida li ħa teħodna fuq vjaġġ ieħor li din id-darba se jlaqqagħna ma’ kobor il-Malti. Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ din il-kitba se jkun li jitfa’ dawl fuq il-poplu tagħna li minnu sikwit joħorġu nies ta’ ħila kbira imma li kultant, ftit li xejn nisimgħu bihom. Infatti jweġġagħni dan il-poplu tagħna li għandu ħabta jogħxa bil-kapaċità tal-barrani filwaqt li joħnoq taħt l-għanqbut lil demmu stess! Min-naħa l-oħra, dawn l-artikli se jkunu qed jiftħu tieqa wkoll fuq numru ta’ personaġġi magħrufa li għexu f’perjodi oħra u li forsi llum jitqiesu bħala parti mill-passat. Minflok, nixtieq nuri li l-ispirtu ta’ dawn l-individwi għadu ħaj fostna ħafna aktar milli nistgħu nimmaġinaw…
Xi ftit tax-xhur ilu kelli l-opportunità li niltaqa’ mal-arġentier Tarcisio Cassar fuq il-post tax-xogħol tiegħu li kien miżgħud b’għadd ta’ għodod u xogħolijiet lesti għall-bejgħ. Huwa laqgħani bi ħlewwa liema bħalha u dlonk qabad jagħtini ħjiel dwar is-sengħa antika u tradizzjonali tiegħu. Ftehemna li nerġgħu niltaqgħu darb’oħra sabiex nintervistah imma dan qatt ma seħħ għax xi ftit taż-żmien ilu, Tarcisio ħalla din id-dinja u jiena tlift iċ-ċans li niret mingħandu l-għerf li ħallewlu missirijietu.
Għaldaqstant meta dan l-aħħar intlabt minn Wirt iż-Żejtun sabiex nintervista lill-arġentier Joseph Aquilina, ħtaft mill-ewwel l-okkażjoni. Waqt il-laqgħa li kelli ma’ Joseph intbaħt li jiena trabbejt u għext viċin il-post fejn dan l-individwu ħadem xogħolijiet kbar, imma b’danakollu ma kellix l-iċken idea tiegħu! Ma kienx hemm dubju li kien wasal iż-żmien biex nolqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda u minnufih involvejt ruħi biex nistħarreġ l-istorja li tinsab wara din is-sengħa.
Joseph ħadni lura lejn is-snin tletin hekk kif rama jirrakkuntali dwar iz-ziju ta’ missieru, Carmelo Caruana, li kien arġentier Bormliż. Jidher li qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, Bormla kienet waħda mill-bejtiet tax-xogħolijiet tal-arġenterija u hemm wieħed seta’ jsib nies ta’ sengħa mill-iprem. Wieħed minn dawn kien Xandru Cassar u miegħu eventwalment laħqu wkoll uliedu, Joe u Salvinu. Peress li dawn kienu ġirien ma’ Carmelo, huwa ma damx ma beda jieħu interess f’dan il-qasam u aktar tard, meta fl-1938 ġab il-liċenzja ta’ arġentier, huwa beda jaħdem bħala lavrant magħhom. Iżda l-gwerra ċaqalqitu minn Bormla u Carmelo mar joqgħod iż-Żejtun, fi Triq Marsaxlokk, fejn fetaħ ħanut u baqa’ jaħdem fih għal ħafna snin.
Anki missier Joseph, li kien jismu wkoll Joseph u bħal zijuh kien Bormliż, trawwem f’din is-sengħa u bħal Carmelo, huwa għamel karriera twila jaħdem ma’ Xandru Cassar. Madanakollu ġie żmien meta l-paga ta’ sebgħa liri fil-ġimgħa ma setgħetx titma’ sewwa lill-familja tiegħu li diġà kienet tikkonsisti minn tliet ulied, u b’hekk huwa ddeċieda li jiftaħ għal rasu. Peress li anki hu kien ta’ ħila kbira, ma damx wisq biex qabad fix-xogħol tiegħu bħala arġentier mill-ħanut li fetaħ fi Pjazza Santa Marija, iż-Żejtun. U minn dal-post bdiet ukoll il-ġrajja ta’ Joseph li ftit ftit ma damx ma ddakkar minn missieru u ta’ tifel li kien huwa beda jitħajjar jipprova jaħdem xi ħaġa żgħira. Infatti ta’ 12 il-sena, wara li tispiċċa l-iskola, huwa beda jinxteħet wara l-bank tax-xogħol ta’ missieru fejn kien jitħalla jsensel il-kuruni tar-rużarju li n-nies kienet tordna f’dak iż-żmien.
Dinjet Joseph kienet diġà bdiet ixxaqleb lejn din is-sengħa tal-arġenterija imma d-destin ried li r-ritmu li jidħol fiha, ikollu pass ħafna aktar mgħaġġel. Dan seħħ meta għodwa minnhom, daħal spettur tas-servizzi soċjali fil-ħanut tagħhom, u sab lil Joseph wara l-bank. U akkost li missieru spjegalu li ibnu kien qiegħed jitħarreġ biss u mhux jaħdem miegħu, dan l-ispettur tah ħmistax ċans biex jagħmillu l-ktieb tax-xogħol. Ħabta u sabta, fl-età ta’ 14 il-sena, Joseph sab ruħu jinqala’ minn fuq il-bank tal-iskola sabiex minflok jidħol fid-dinja tal-adulti. Huwa stqarr li dak iż-żmien ma ħadhiex bi kbira li kellu jitlaq l-iskola iżda aktar tard, meta kiber fis-sengħa tiegħu u sab ruħu fi stat li jrid jikkomunika ma’ nies f’pajjiżi oħra, Joseph intebaħ li fir-realtà kien ikun aħjar li kieku tħalla jkompli l-iskola sal-aħħar.
Missier Joseph kien bastun fuqu u sikwit kien iwissieh li din is-sengħa riedet tittieħed b’serjetà kbira għax kien hemm ħafna x’titgħallem u daqstant ieħor fejn tiżbalja. Għalhekk għall-ewwel, it-tfajjel kien joqgħod kemmxejn lura milli jipprova xi ħaġa ġdida. Imma ġara li darba minnhom, avolja kien jibża’ ferm minn missieru, huwa ppjana li jagħmel waħda minn tiegħu ħalli jara sa fejn kien kapaċi jasal. Kien żmien ir-Randan u waqt li lejla waħda, missieru rħielha lejn il-knisja biex jisma’ l-eżerċizzji, Joseph mar għand ommu u talabha tagħtih iċ-ċurkett tat-tieġ ħalli jaqsmu u jerġa’ jsewwih sakemm missieru jiġi lura. Ommu ma ħasbithiex darbtejn biex tagħtulu u hu kollu eċitament erħilha jaqsam iċ-ċurkett fi tnejn, iqabbad il-flixkun tal-gass, jipprepara s-saldatura tad-deheb u ħafif ħafif, jgħaqqdu lura mill-ġdid. Il-pjan tiegħu rnexxa qatiegħ tant li ommu baqgħet skantatha għax ma setgħetx issib tarf minn fejn binha kien qata’ ċ-ċurkett u reġa’ għaqqdu flimkien. U hekk kif żewġha ġie lura hija qaltlu bil-kapaċità ta’ binhom u dan tant impressjona ruħu li minn dakinhar ‘l hemm, it-tiswijiet li bdew jidħlu l-ħanut kienu jispiċċaw kollha direttament għand Joseph. Finalment l-iben kien rebaħ il-fiduċja assoluta ta’ missieru u minn hemm baqa’ għaddej u ġab il-liċenzja ta’ arġentier fl-1968.
Fatt kurjuż huwa li meta wieħed isir arġentier, il-Konslu tal-gvern jagħtih boll personali sabiex bih huwa jimmarka x-xogħol tiegħu. Dan il-boll jibqa’ marbut ma’ dak l-individwu partikolari u ħadd qatt aktar ma jista’ jużah. Sabiex jispjegali aħjar, Joseph urieni ktieb rari mmens ‘The Goldsmiths of Malta and their Marks’ li ġie ppubblikat fl-1972 minn Chev Victor Fredrick Denaro, pijunier tal-istudju tal-fidda antika Maltija. F’dan il-ktieb kien hemm informazzjoni dwar is-sengħa tal-arġentiera Maltin li tmur lura sa minn żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann u twassal sa snin aktar riċenti. Fosthom wieħed jista’ josserva l-marki tal-boll differenti tal-Maltin li ħaddnu din is-sengħa, inkluż dawk ta’ Joseph u tal-familjari tiegħu. Intant, kien permezz ta’ dawn id-dettalji li darba minnhom huwa skopra min kien għamel il-bieba tat-tabernaklu tal-Parroċċa taż-Żejtun, hekk kif waqt li kien qed jaħdem fuq il-parti ta’ ġewwa tiegħu, Joseph intebaħ bill-boll tal-arġentier Lebrun li kien jinsab imnaqqax fuq naħa minnhom ta’ dan ix-xogħol.
Għalkemm jiena kont naħseb li l-arġentier jaħdem biss fuq il-fidda, ir-realtà hija ferm differenti. Fil-fatt l-arġenterija għandha taqsimiet enormi fejn tespandi u fosthom tinkludi: xogħol tal-fidda, tad-deheb, u tal-filugranu, is-separazzjoni tad-deheb u l-ħidma tal-fidda, u anki l-ingastatura tad-djamanti. Illum, ħafna minn dawk li jagħmlu dan x-xogħol ta’ arġentiera, jkollhom jispeċjalizzaw f’xi taqsima partikolari. Imma dari l-istorja kienet mod ieħor, hekk kif wieħed kien ikollu jmidd idejh u jitħarreġ fuq diversi fergħat ta’ din is-sengħa. Hekk tgħallmu l-antenati ta’ Joseph u l-istess għamel hu. Madanakollu hu nsista aktar minn darba li s-sengħa tal-arġentier hija bla tarf u wieħed mhux la kemm jibda jaħdem kif ġieb u laħaq. Trid diversi snin ta’ taħriġ qabel tibda taħdem waħdek u huwa għalhekk li min ikun jixtieq jieħu dax-xogħol bis-serjetà, idealment jibda minn meta jkun għadu żgħir.
Joseph tħarreġ fuq din is-sengħa bil-mod tradizzjonali fejn ix-xogħol isir kollu bl-idejn. U anki jekk illum jeżistu diversi magni li jħaffu aktar u jnaqqsu ferm it-tbatija minn dan ix-xogħol, huwa baqa’ dejjem juża l-metodi antiki minħabba li jemmen li hu hekk biss li jista’ jinżamm il-prestiġju u l-valur tal-ħidma tal-oġġett. Infatti huwa saħaq li x-xogħol li jsir bil-magni jitlef ħafna mis-sinifikat tal-oġġett għax dawn jisirqulu l-għerq tal-kreattività u tat-tiswira distinta tal-id tal-bniedem tas-sengħa. Sabiex nifhem aħjar dan il-kunċett, Joseph beda jurini l-għodda u l-mezzi li juża biex jaħdem u hemmhekk għaraft il-paċenzja, il-galbu u t-talent li wieħed jirrikjedi biex jazzarda jaħdem f’dan il-qasam. Intbaħt ukoll li l-kreattività ma tintużax biss fl-oġġetti li jinħadmu imma anki f’aspetti oħra, hekk kif wieħed li jagħżel li jibqa’ jaħdem bl-idejn, ikollu jara x’ser jivvinta biex isewwi jew joħloq l-għodda neċessarja. Intant bqajt skantata mhux ftit meta fost l-għodda li kellu, Joseph ġabli mazza tqila mmens u martell tal-inkavar li huwa kien sawwar minn numru ta’ boldijiet li kien ġabar fl-1969 mill-inħawi tal-Gżira, fl-inħawi ta’ Wied il-Għajn, fejn kien qed jitqatta’ l-bastiment Angel Gabriel, li kien inkalja fil-post fejn aktar tard kienet inbniet il-lukanda Jerma Palace.
Il-Maltin minn dejjem kienu mdorrijin jirranġaw b’xi mod jew ieħor u hekk ukoll għamlu fiż-żminijiet ta’ wara l-gwerra meta fil-pajjiż kien hawn nuqqas ta’ kollox. Fil-fatt Joseph irrakkuntali illi fi żmien iz-ziju ta’ missieru Carmelo, in-nies kienet daret għall-muniti tal-flus biex tkompli tipproduċi l-oġġetti li xtaqet, anki jekk dan kien att illegali. Min jaf kemm liri tad-deheb inħallu sabiex minnhom jinħadmu xi par imsielet, ċrieket, labar u brazzuletti! Fost dawn jingħad li l-lampier il-kbir tal-fidda li jinsab imdendel quddiem l-artal maġġuri tal-Parroċċa taż-Żejtun kien inħadem minn numru kbir ta’ muniti li waħda mara tat lill-knisja bħala donazzjoni sabiex jitwettaq dan ix-xogħol. Bl-istess mod jidher li saru l-par lanterni antiki tal-fidda li llum jinsabu fil-Mużew tal-Parroċċa taż-Żejtun.
Ħsibt li s-sorpriżi kienu spiċċaw imma konna għadna biss fil-bidu, hekk kif Joseph beda joħroġ diversi ritratti sabiex jintroduċini mal-oġġetti li huwa ħadem. Infatti huwa ħadem diversi affarijiet b’xogħol immartellat, kollu fuq stil antik, li llum jinsabu fid-djar tal-aqwa kollezzjonisti Maltin. Madanakollu, apparti l-kwantità ta’ zukkarieri, buqari tal-ħalib, kafettinieri u oġġetti oħra li ħarġu minn taħt idejn Joseph, kien musbieħ partikolari li fetaħlu l-bibien biex il-krejazzjonijiet tiegħu jsibu ruħhom anki barra minn Malta u fosthom għand persuni distinti bħar-reġina tal-Ingilterra li ngħatat wieħed minnhom mill-gvern ta’ Malta fl-1964, waqt l-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza, u għand il-Pakistan International Airlines meta pajjiżna ġab l-ewwel ajruplan tal-Air Malta.
Joseph kien involut ukoll f’numru vast ta’ xogħolijiet fil-knejjes, kemm ġodda u kif ukoll ta’ restawr. Fost dawn nista’ nsemmi: il-kuruna tal-fidda bbanjata bid-deheb tal-ikona tal-Madonna ta’ Carafa li tinsab fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, il-belt Valletta, ir-restawr tal-weraq tal-fidda li jiffurmaw parti mid-dekorazzjoni tar-relikwa ta’ San Ġwann il-Battista li llum qiegħda fil-Mużew tal-Kon-Kattidral, ir-restawr ta’ lampier tal-1776 li jinsab fil-Knisja ta’ San Pawl, ir-Rabat Malta, u xogħol fuq ix-xabla ta’ Santa Katarina fil-Parroċċa taż-Żejtun.
Issa li Joseph Aquilina l-arġentier għandu 67 sena, huwa stqarr li mhux darba u tnejn li jħares lura lejn il-passat tiegħu u jħossu sodifatt ferm bl-esperjenzi differenti li dan ix-xogħol laqqgħu magħhom matul is-snin. Barra minn hekk huwa jħossu kburi li rnexxielu jkompli b’suċċess is-sengħa li ħallewlu missirijietu, flimkien ma’ ħuħ Emmanuel li wkoll jagħmel l-istess xogħol. Intant, għalkemm ix-xogħol tal-idejn qiegħed dejjem jinqata’, kemm minħabba l-iżvilupp teknoloġiku u anki sforz l-importazzjoni ta’ oġġetti barranin li jiswew prezzijiet anqas, Joseph jinsab kuntent li ibnu Anton wiret mingħandu l-imħabba u t-talent lejn din is-sengħa, tant li llum anki huwa għandu l-liċenzja ta’ arġentier. B’hekk huwa jittama li l-ġrajja tal-arġentiera tradizzjonali lokali fadlilha futur f’pajjiżna.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI fit-Torċa tal-4 ta’ Mejju 2014)
-
600 sena ta’ memorja pubblika
Xi mkien trid tieqaf! Infatti, għalkemm konxja li hemm ħafna aktar ġabriet interessanti x’nikteb dwarhom, dan ser ikun l-aħħar artiklu tiegħi f’din is-sensiela. Kull artiklu li ktibt kellu l-għan li jeħodna matul vjaġġ ta’ esplorazzjoni tal-kultura u tal-istorja tagħna. Flimkien skoprejna kif primarjament l-iskop maġġuri ta’ dawn il-ġabriet tat-tifkiriet huwa li permezz tagħhom il-bniedem joħloq mezz kif jippreserva l-memorja tal-persuni, tal-perjodi, tal-mumenti u tal-affarijiet li l-aktar li jgħożż u li ma jrid qatt li jintilfu jew jintesew. Għalkemm uħud fostna jaħsbu li l-memorja hija xi ħaġa li żżommok imwaħħal mal-passat, fir-realtà din għandha l-potenzjal li tgħaqqad l-għeruq tal-bniedem modern ma’ dawk tal-antenati tiegħu u b’hekk tirrinforza l-pedament tal-umanità ta’ llum. Permezz tal-memorja, tarbija li titwieled fid-dinja ma jkollhiex għalfejn tibda kollox mill-bidu, u wara li titgħallem dak li sar qabel, hija tista’ tkompli tibni fuq dak li sabet u b’hekk tinfetaħ l-opportunità għall-progress.
Din il-ġimgħa ddeċidejt li niddedika l-aħħar artiklu tiegħi lill-Arkivju Notarili li sfortunatament għamel żmien twil abbandunat. Infatti min jaf kemm il-darba għaddejt minn quddiem din il-binja antika li tinsab fi Triq San Kristofru, kantuniera ma’ Triq San Pawl fil-belt Valletta, bla qatt bsart x’seta’ kien hemm wara dak il-bieb kbir. Fi żjara li għamilt f’dan il-post, tkellimt ma’ l-istorika, Dr Joan Abela, u mar-restawratriċi tal-karta u l-kotba, Dr Theresa Zammit Lupi, dwar il-ġabra ta’ aktar minn għoxrin elf reġistru ta’ kitbiet notarili li jinsabu f’dan l-arkivju u li wħud minnhom imorru lura saħansitra sas-seklu 15. Stennejt li kont ser nisma’ elf ġrajja dwar dawn id-dokumenti imma żgur li m’għaddilhiex minn rasi li kont ser nara b’għajnejja t-tifrik tal-ġebel ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija li jinqala’ minn bejn il-paġni tagħhom waqt it-tindif tagħhom!
Oriġinarjament, l-Arkivji Notarili twaqqfu fl-1640 mill-Gran Mastru Lascaris u kienu jinsabu fl-Oratorju ta’ San Ġwann. Wieħed mill-għanijiet tagħhom kien li jiġbru fihom il-volumi ta’ dawk in-nutara li ma kienux għadhom jipprattikaw jew li kienu mejta, sabiex iservu bħala sors ta’ referenza. Fatt kurjuż huwa li f’dan il-perjodu, kull min ried jilħaq nutar kellu jmur jistudja barra minn Malta, ġeneralment f’Palermo. Barra minn hekk, il-liċenzja biex nutar jibda jipprattika u l-inħawi fejn dan seta’ jaħdem, kienu jiġu deċiżi mill-Gran Mastru.
Fuq mejda ppreparata apposta għalija, ħalli nkun nista’ napprezza dak li joffri dan l-arkivju, sibt numru ta’ manuskritti mill-ifjen jistednuni biex nagħti titwila lejn il-memorja li tħalliet maħżuża fuq il-paġni antiki tagħhom. Minbarra l-kitba raffinata tipika ta’ dak iż-żmien, stajt nosserva wkoll id-dekorazzjonijiet li bihom ġew imżejjna dawn il-volumi. Skoprejt ukoll illi dawn il-volumi rnexxielhom jirbħu t-theddida taż-żmien għal daqs tant snin minħabba li l-paġni tagħhom inħadmu mid-drapp u għalhekk huma aktar reżistenti mill-karta li nafu llum. Dettal ieħor interessanti huwa illi l-materjal li ntuża biex jgħatti u jipproteġi l-qoxra ta’ numru minn dawn il-manuskritti, fir-realtà huwa aktar antik u prestiġġjuż mill-volum innifsu! Żewġ eżempji li rajt kienu jinvolvu dokument ta’ prova ta’ nobbiltà ta’ żmien il-Kavallieri, u faċċata ddiżinjata bin-noti sbieħ u kkuluriti tal-kotba tal-kant korali li nħolqu fil-perjodu tal-Gran Mastru l’Isle Adam fis-16 il-seklu, liema kotba llum jinsabu fil-Kattidral ta’ San Ġwann. Biex nifhmu ġest bħal dan, irridu niftakru li meta dawn il-paġni tqaċċtu minn dawn il-kotba prezzjużi biex jiġu riċiklati bħala għata għall-volumi oħra, dan il-materjal kien qed jiġi mitqies bħala antik u żejjed.
Dokument ieħor li rajt, kien juri l-ewwel forma ta’ passaport miktub fuq karta enormi. Dan il-passaport partikolari kien inħareġ minn Sultan Ottoman sabiex jagħti l-permess uffiċċjali lil kaptan Nisrani sabiex dan ikun jista’ jivvjaġġa bil-bastiment tiegħu f’territorju Mislem, mingħajr ma jiġi aggredit u mingħajr ma ssirlu ħsara fil-merkanzija li jkun qed iġorr. Dan kien żmien meta kursara nsara u misilmin kienu sikwit jattakkaw il-bastimenti li jkunu fuq il-baħar ħalli jisirqulhom il-merkanzija u jieħdu n-nies li jsibu fuqhom bħala skjavi. Infatti, dokument ieħor kien jinvolvi l-kuntratt ta’ assikurazzjoni li tħallset minn kaptan ta’ bastiment fl-1536 ħalli jassikura l-merkanzija tal-qoton li kien ser jitrasporta.
Min-naħa l-oħra, manuskritt ieħor kellu miktub fid-dettall il-kundizzjonijiet maqbula fuq negozju ta’ skjava, fejn fl-1535, persuna li ġġib l-isem ta’ Intlohef, li kienet Musulmana minn Tuneż, kienet qed tiġi mibjugħa lil wieħed Malti għall-prezz ta’ 40 skud. Did-darba, fil-ħażż ta’ din il-kitba, wieħed jista’ josserva l-perċezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li kienu għal kollox differenti minn ta’ llum. Fil-fatt, dawn l-imsejkna li kienu jinqabdu bħala skjavi, spiss kienu jiġu trattati bl-istess mod kif kienu jitqiesu l-annimali jew xi prorpjetà oħra. Dan l-element huwa ċar fl-użu tal-lingwaġġ li jirreferi għalihom fejn ngħidu aħna l-iskjavi mibjugħa fi Tripli kienu jissejħu ‘testa di nigri’, oħrajn jirreferu għall-grupp ta’ skjavi bħala ‘a cargo of slaves’, filwaqt li kien hemm terminu speċifiku użat fil-bejgħ tagħhom li kien jgħid li dawn qed jinbiegħu ‘pro uno sacco ossibus pleno’, jiġifieri bħala xkora għadam. Din tal-aħħar tfisser l-istess bħat-terminu ta’ llum ‘tale quale’ u allura min jixtri skjav, ma setax imur lura għand il-bejjiegħ u jitlob il-flus lura jekk dan jimrad jew imutlu. Sadanittant, permezz ta’ dokumenti oħra, wieħed jista’ jifhem ukoll x’tip ta’ nies kienu qed jixtru dawn l-iskjavi. Ngħidu aħna, jekk tivvaluta ċerti dokumenti ta’ l-ewwel snin meta ġew il-Kavallieri fostna u marru joqogħdu l-Birgu, tara li f’daqqa, il-prezz tal-proprjetà ta’ dawk l-inħawi sploda hekk kif ħafna bdew ifittxu biex jixtru dar f’dawn l-inħawi ħalli jkunu aktar viċin ta’ dawn l-individwi nobbli jew inkella għax hemm kien hemm aktar xogħol. Infatti permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ dar li kellha kamra, kċina, intrata u bir, naraw li din kienet tiswa 40 skud, prattikament daqs kemm kienu qed jinbiegħu l-iskjavi. Għaldaqstant, dan jikkonferma li biex wieħed seta’ jiflaħ il-lussu ta’ skjav, ried ikollu flus mhux ħażin.
Dokument ieħor partikolari mmens kien miktub minn testatur fis-sena 1814 fuq biċċa njama peress li f’dak iż-żmien kienu jaħsbu li l-injam ma setax iġorr mard fuqu. Dan kien żmien il-pesta qalila li kienet laqtet lil Malta fl-1813 u n-nies kienu qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha sabiex ma jxerrdux il-marda. Infatti din il-biċċa njama twasslet lin-nutar li mbagħad kiteb il-kuntratt ġewwa manuskritt. Mur għidlu li fir-realtà l-injam kien kompliċi ma’ din il-marda u li jekk mimsus minn xi ħadd milqut bil-pesta, huwa kien jitrasferixxi l-infezzjoni lill-bniedem li jmissu wara!
Sa minn żmien il-Kavallieri, il-liġi kienet titlob lin-nutara kollha sabiex dawn jiddepożitaw tliet tipi ta’ dokumenti: il-bastardello (li kellu fih il-minuti li kienu jittieħdu waqt li jkunu qed jinkitbu l-atti), id-dokument oriġinali tal-kuntratt, u kopja tiegħu tar-reġistru. Fil-fatt, f’dan l-arkivju wieħed isib eluf ta’ bastardelli u ta’ kopji tar-reġistru, mentri l-kuntratti oriġinali jinsabu fl-arkivju prinċipali tal-Arkivji Notarili li jinsab fi Triq Mikiel Anton Vassalli. Il-bastardelli huma importanti ħafna minħabba li fihom ir-riċerkatur jista’ jsib diversi noti addizzjonali bħal ngħidu aħna noti ta’ kontijiet jew ħlas, xi ħaġa li n-nutar ma setax jagħmel fuq il-kuntratt oriġinali li ma setax jintmess. Il-lingwa użata f’dawn id-dokumenti tvarja minn perjodu għall-ieħor b’riflessjoni tas-soċjetà ta’ dak iż-żmien: sat-18 il-seklu l-lingwa hija primarjament bil-Latin, imbagħad fid-19 il-seklu l-lingwa użata taqleb għall-Ingliż u għat-Taljan, waqt li hu biss fl-20 seklu li nibdew naraw l-użu tal-Malti antik.
Dr Joan Abela insistiet għal aktar minn darba dwar l-importanza ta’ dan il-materjal li jinsab maħżun f’dan l-arkivju, liema materjal ikopri madwar 600 sena ta’ storja kontinwa ta’ diversi livelli tas-soċjetà. Iżda akkost li dil-ħażna tiswa mitqla deheb, din għadha ma ġiet analizzata b’mod xjentifiku u storiku u allura l-potenzjal ta’dan ir-riżors mhux qed jiġi utilizzat. Sfortunatament, dawn l-arkivji għadhom mhumiex meqjusa bħala patrimonju minħabba li għall-istat huma jidhru bħala dokumenti legali. Infatti huma jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tan-Nutar Prinċipali tal-Gvern u mhux tal-Arkivista Nazzjonali.
Diffikultà oħra hija li ħafna minn dawn il-manuskritti jinsabu f’qagħda mwiegħra peress li huma kienu nġabru minn taħt it-tifrik minn post fi Strada Stretta fejn kienu merfugħa, wara li dan intlaqat mill-bombi tat-Tieni Gwerra Dinjija. Jidher li xi ħadd kien tqabbad ineħħi dawn id-dokumenti sabiex jiġu salvati u b’hekk huma nġabru malajr mill-art, tpoġġew f’għadd ta’ kaxxi, inġiebu f’dan il-post fejn qegħdin bħalissa, u tħallew hemm għal snin sħaħ bla ma ħadd qatt misshom. Dr Theresa Zammit Lupi spjegatli kif mhux darba u tnejn li jsibu xi volum letteralment maqsum fin-nofs b’konsegwenza ta’ xi splużjoni waqt il-gwerra, jew xi volumi oħra mtaqqba bis-shrapnel.
Intant, għal dawn l-aħħar 10 snin il-Kunsill għar-Riżorsi tal-Arkivju Notarili li huwa NGO volontarju, ħadem bis-sħiħ biex ilaqqa’ flimkien lir-riċerkaturi, lill-akkademiċi u lil ċittadini oħra bil-għan li dawn jappoġġjaw lin-Nutar Prinċipali tal-Gvern u lill-impjegati ta’ dawn l-arkivji sabiex din il-kollezzjoni tkun ippreservata. Fil-fatt Dr Abela, membru ta’ din l-NGO, ilha taħdem f’dawn l-arkivji għal għaxar snin b’mod volontarju bl-iskop li xi darba hija tara d-dokumenti kollha restawrati, konservati u ikkatalogati sabiex dawn ikunu jistgħu jservu bħala riżors sinifikanti ta’ referenza għar-riċerkaturi. Grazzi għal numru ta’ sponsors li jgħinu finanzjarjament lill-arkivju notarili biex jitkompla dan ix-xogħol, ammont konsiderevoli minn dawn il-manuskritti ġew restawrati u konservati. Infatti, is-sena li għaddiet feġġ raġġ ta’ tama li jitwettaq ħafna aktar xogħol meta l-HSBC għadda donazzjoni ta’ 100,000 ewro lil dan l-arkivju. B’dawn il-fondi l-arkivju seta’ jimpjega żewġ esperti fil-konservazzjoni tal-karta u b’hekk dawn bdew jorganizzaw numru ta’ dokumenti li ilhom mitluqin għal għexieren ta’ snin.
Dr Zammit Lupi spjegatli kif il-proġett li qed taħdem fuqu jikkonsisti fit-tindif u l-organizzazzjoni ta’ kwantità kbira ta’ bastardelli. Għalissa dan il-proġett qiegħed jiffoka biss fuq it-tneħħija ta’ dawn il-frammenti jew volumi, mill-kaxxi li nġabru wara l-gwerra, fejn id-dokumenti ta’ 600 sena qegħdin imħallta ħallata ballata. Wara, dawn id-dokumenti jitnaddfu ħafif b’pinzell biex jitneħħa t-trab, u kultant anki l-ġebel, minn ġo fihom. Imbagħad huma jitqassmu f’folders ‘acid free’ u jintrefgħu f’kaxxi oħra skont in-nutar li ħadem fuqhom u d-dati tagħhom.
Jekk tieqaf tixrob is-sitwazzjoni kollha f’daqqa, żgur li taħbat taqta’ qalbek li xi darba dawn id-dokumenti kollha se jiġu rkuprati. Madanakollu, dawn l-arkivji sikwit jagħmlu sejħa għall-voluntieri li jixtiequ jagħtu daqqa t’id f’dan ix-xogħol, u ftit għajnuna oħra, dejjem tagħmel differenza pożittiva. Infatti waqt din l-intervista, iltqajt ma’ wieħed mill-voluntieri, l-arkivista Ivan Ellul, li fil-preżent qiegħed jieħu ħsieb ifassal indiċi tal-bastardelli sabiex biha tinbena database għar-riċerkaturi. Fost it-8000 bastardello li hemm, tlestew 3000 minnhom u għalhekk fadal ħafna aktar xogħol xi jsir. Huwa stqarr li “hija esperjenza sabiħa wisq li taħdem b’kuntatt dirett ma’ volum ta’ 400 sena. Ċertament, f’pajjiżi oħra, din l-opportunità toħlomha biss tista’.” Voluntiera oħra, Sarah Watkinson, li qed tistudja Masters fl-Istorja u hija wkoll id-Deputat Chairperson tal-HSBC Bank Foundation, hija responsabbli mill-proġett tan-nutara Ingliżi. Dan il-proġett jinvolvi l-qari tad-dokumenti tas-seklu 19, meta n-nutara kienu jużaw il-lingwa Ingliża u Taljana, sabiex imbagħad id-dettalji l-importanti jiddaħħlu f’database li aktar tard se toffri referenza utli ħafna għar-riċerkaturi. Hija qaltli li fl-arkivju notarili “qisu l-Milied kuljum għax spiss issib informazzjoni li tissorprendik!”. Barra minn hekk hija spjegatli li f’dan il-proġett huma għandhom bżonn l-għajnuna ta’ voluntieri li jafu jaqraw u jiktbu b’dawn iż-żewġ lingwi.
Staqsejt x’hemm bżonn biex wieħed jingħaqad magħhom bħala voluntier u rċevejt ir-risposta pronta u diretta “Imħabba lejn l-arkivju!”. Hija din l-imħabba li l-individwi nvoluti hawnhekk jippruvaw jittrażmettu lill-oħrajn bil-ħsieb li ħafna aktar nies japprezzaw li wara dawn il-ħitan storiċi ta’ din il-binja antika, il-poplu Malti jippossjedi teżor. “Hawnhekk hawn il-memorja ta’ mijiet ta’ snin tal-antenati tagħna. Huwa obbligu u dritt tagħna li naħdmu biex nippreservaw dawn id-dokumenti li jagħtuna identità,” sostniet Dr Abela.
Intant, dan l-aħħar inħolqot ukoll Steering Committee għar-Rijabilitazzjoni tal-Arkivji Notarili u din diġà kellha laqgħat mas-Segretarjat Parlamentari Għall-Ġustizzja sabiex tiġi diskussa l-possibilità li dawn l-arkivji jiġu meqjusa bħala parti mill-patrimonju Malti. Barra minn hekk, dan il-grupp qiegħed jaħdem bis-sħiħ biex jivvaluta l-opportunità li ssir applikazzjoni għall-fondi tal-Unjoni Ewropeja ħalli kemm il-binja ta’ dan l-arkivju u kif ukoll id-dokumenti li jinsabu miġbura fih jiġu restawrati u konservati sabiex tingħatalhom funzjoni aktar xierqa. B’hekk kemm ir-riċerkaturi u kull min iżur dan il-post isib ambjent li jilqgħu ferm aktar.
Għal aktar informazzjoni dwar dan l-Arkivju Notarili wieħed jista’ jċempel fuq 21224217 ext 427, inkella jissieħeb fil-paġna tal-Facebook Notarial Archives Preservation – Call for Volunteers.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (20 Parti) fit-Torċa tas-16 ta’ Marzu 2014)
-
Il-bikja ta’ ġnien Villa Frere
Fil-5 ta’ Marzu ta’ din il-ġimgħa sirt naf li kien qiegħed jiġi ċċelebrat il- 250 anniversarju mit-twelid ta’ Mikiel Anton Vassalli; personaġġ magħruf bħala ‘missier l-ilsien Malti’ minħabba l-kontribut kbir li ta biex il-Malti jsir lingwa nazzjonali. Fatt li tani x’naħseb ħafna għax proprju erbat ijiem qabel, jien inzertajt kont qiegħda f’post partikolari mmens li fih Mikiel Anton Vassalli min jaf kemm qatta’ żmien.
Villa Frere u John Hookham Frere
Għadilli ġieli smajt b’Villa Frere, ma kelli l-ebda idea fejn tinsab u daqstant ieħor ma kontx naf bil-ġnien tagħha li Vassalli jiftakru sabiħ daqs ġenna tal-art, filwaqt li llum huwa mitluq u fi stat ta’ abbandun. Infatti għall-ewwel, hekk kif il-Perit Edward Said u Peter Patrick Borg Ghigo stednuni biex nagħti titwila f’dan il-ġnien, ma tantx ħbatt nimpressjona ruħi wisq…. sakemm ħarsti waqgħet fuq it-tempju l-antik u l-arkitettura tal-madwar u hemm intbaħt li kienet ġejja xi storja interessanti. Iżda qatt ma bsart kemm! U hekk kif meddejt passejja proprju fil-mogħdijiet li mxew minnhom is-sidien ta’ dan il-post u anki Vassalli tagħna, ftit ftit bdejt niskopri l-istorja u d-destin ta’ dan il-lwog, sakemm f’għajnejja, l-istat imwarrab tiegħu ħa sura aktar romantika u stħajjiltni daqslikieku għal mument, kont sibt ruħi fi ġnien moħbi u msaħħar.
L-istorja li smajt jiena tibda mill-1821 meta John Hookham Frere, aristokratiku Ingliż, iddeċieda li jiġi jqatta’ ftit taż-żmien f’pajjiżna, peress li martu, il-Kontessa Elizabeth Jemima, kienet ma tiflaħx u t-tabib irrakkomandalha biex tmur tgħix f’xi pajjiż fil-Mediterran fejn l-ambjent kien aktar sħun. Minħabba li pajjiżna kien kolonja tal-Ingliżi, Hookham Frere kien għażel lil Malta minn inħawi oħra għax kien jippreferi joqgħod flimkien ma’ suditti oħra tal-Ingilterra. Inizzjalment huma marru joqogħdu fil-palazz Casa Correa fi Triq l-Ifran, il-Belt. Madanakollu wara ftit, huma sabu żewġt idjar imdaqqsa max-xatt tal-Pietà li kienu għall-kiri, u l-koppja Frere, flimkien ma’ oħt Frere u l-ħaddiema li kienu jieħdu ħsiebhom, marru jabitaw hemmhekk.
Għall-arja tal-baħar il-kontessa dehret li qed taqleb għall-aħjar u Frere li kien studjuż tal-klassiċi beda jorbot qalbu dejjem aktar ma pajjiżna, speċjalment meta sar jaf bl-istorja tagħna u wara li żar xi siti storiċi u arkeoloġiċi. Infatti, apparti li kien jaf sewwa bosta lingwi inkluż il-Grieg, il-Latin, it-Taljan, il-Franċiż u l-Ispanjol, huwa beda wkoll jitħarreġ fil-lingwa Maltija u fil-lingwi Ebrajċi. Sadanittant, huwa ttraduċa għall-Ingliż xi xogħolijiet letterarji klassiċi, li wħud minnhom illum jinsabu fil-Biblijoteka Nazzjonali. Ġewwa Villa Frere, hu kellu wkoll waħda mill-ifjen libreriji taż-żmien u mhux darba u tnejn li minħabba fiha kienu jżuruh diversi intelletwali anki minn pajjiżi barranin.
Intant, fl-1795 Mikiel Anton Vassalli kien lesta l-ewwel dizzjunarju bl-alfabet u l-grammatika bil-Malti. Iżda ħajtu nbidlet mill-lejl għan-nhar meta hu nqabad jgħin lill-Franċiżi biex jitkeċċew il-Kavallieri tal-Ordni minn pajjiżna, u ġie kkundannat sentejn ħabs fil-Forti Rikażli. Inħeles meta l-Franċiżi ħadu lil Malta fl-1798 imma dawn baqgħu f’Malta sentejn biss u meta bdiet il-ħakma tal-Ingliżi, Vassalli reġa’ nxteħet il-ħabs sakemm marad u wara ftit ġie eżiljat fi Franza. Huwa tħalla jiġi lura Malta għoxrin sena wara, fl-1820, sena qabel wasal Frere f’pajjiżna.
Probabbilment l-attrazzjoni li kellu Frere lejn il-lingwa Maltija, laqqgħet lil dawn iż-żewġ individwi flimkien. Ma damitx ma tnisslet ħbiberija ġenwina bejniethom tant li Frere għen lil Vassalli biex jippubblika l-kitbiet tiegħu ġewwa l-Ingilterra peress li f’Malta dan ma kienx possibbli. Kien ukoll bl-għajnuna ta’ Frere li Vassalli sar l-ewwel professur tal-Malti fl-Università. Frere ħaseb ukoll għall-edukazzjoni tat-tliet subien ta’ Vassalli meta hu kien f’qagħda finanzjarja wisq imwiegħra biex jgħin lill-uliedu. Il-ħbiberija bejn dawn it-tnejn tant kienet soda li baqgħet b’saħħitha saħansitra wara l-mewt ta’ Vassalli li seħħet fit-12 ta’ Jannar 1829. Fil-fatt, meta l-Kappillan irrifjuta li jagħti difna Kattolika lil Vassalli peress li dan għamel żmien jikkollabora mal-Protestanti, minnufih daħal Frere biex il-katavru tiegħu jindifen fiċ-ċimiterju li llum hu magħruf bħala Msida Bastion.
Ġara li f’Jannar tal-1831 mietet ukoll mart Frere u din ġiet midfuna biswit Vassalli. Il-familjari ta’ Frere talbuh bil-ħerqa biex jirritorna lura lejn pajjiżhom imma hu bl-ebda mod ma ried jitlaq minn Malta. Jingħad li waħda mir-raġunijiet setgħet kienet li mill-ġnien ta’ daru, huwa seta’ jilmaħ iċ-ċimiterju fejn kienet tinsab midfuna martu u b’hekk forsi kien baqa’ jħossha qribu. Mill-ittri ta’ oħtu naraw li għall-ewwel Frere waqa’ f’dieqa kbira iżda wara ftit hi u ħbiebu bdew jagħmlulu l-qalb sakemm reġa’ ġie f’tiegħu. Kien f’dan il-perjodu meta Frere iddeċieda li jibda joħloq ġnien sabiħ mix-xagħri li kien akkwista fit-telgħa tal-Qrejten.
Sa llum ma nafux min kien il-perit li għenu jifforma ġnien tal-meravilji fi 12 il-tomna raba’, fejn apparti l-pjanti, is-siġar u l-veġetazzjoni ta’ kull tip li ħawwel, hu bena wkoll numru ta’ kostruzzjonijiet mill-ifjen, fosthom żewġ tempji, pergola, funtani u għadd kbir ta’ ċisterni sabiex jiġbor l-ilma fihom. Fatt kurjuż huwa li waqt dawn ix-xogħolijiet, f’mument minnhom il-ħaddiema ta’ Frere iltaqgħu ma’ dagħbien li kien mimli bit-tafal u l-blat. Meta d-dagħbien beda jitbattal instab li din il-ħofra fil-forma ta’ lembut, kienet tinżel għal madwar 60 pied taħt l-art sakemm beda jippenetra l-ilma baħar li għamel impossibbli aktar tħaffir. L-element misterjuż dwar dan id-dagħbien kompla jikber meta fost il-materjal li tneħħa minnu, Frere sab ukoll ġebla li kienet tindika li ġiet maħduma mill-bniedem preistoriku. Huwa kien affaxxinat wisq b’din is-sezzjoni tal-ġnien, speċjalment meta ħabibu Giorgio Grognet de Vasse, webblu li dak id-dagħbien seta’ kien parti mill-leġġendarja Atlantis. Infatti biex jaqsam din is-sejba ma’ aktar nies, huwa ħaffer gallerija li minnha wieħed seta’ jittawwal fid-dagħbien u għamel il-ġnien tiegħu aċċessibbli għall-pubbliku.
Fl-1824 il-Gvernatur Ingliż kien ħatar lil Frere bħala president tal-kumitat responsabbli miċ-Ċentru tal-Industrija fil-Furjana li kellu l-funzjoni li jgħin lill-fqar u lil dawk bla xogħol. Fis-snin li kien ilu f’pajjiżna, Frere kien sar magħruf sewwa bħala filantropu kbir u infatti jingħad li parti mill-idea ta’ dan il-ġnien inħolqot f’moħħu sabiex bih huwa joffri x-xogħol lill-fqar. Infatti, minn dokumenti li nstabu jidher li hemmhekk Frere ħaddem mat-300 ġardinar. Aktar tard, meta fl-1837 faqqgħet il-kolera f’pajjiżna, huwa ta assistenza finanzjarja lill-eluf ta’ Maltin u bosta baqgħu jħabbtu l-bieb tal-villa tiegħu u jingħataw l-għajnuna minnu.
Iżda din id-dinja ma turi ħniena ma’ ħadd u f’Jannar tal-1839, Frere tilef lil oħtu Susan. Minn kitba tiegħu jidher li l-uġiegħ f’qalb Frere kien aktar akut minħabba li anki martu kienet mietet f’Jannar. Waqt nota tiegħu huwa ikkummenta li x-xahar ta’ Jannar kien sar wisq żmien melankoniku għalih. Mur għidlu li anki hu kellu jintemm proprju f’Jannar tal-1846!
Villa Frere u Edward Price
Mit-30 sena ta’ wara l-mewt ta’ Frere, ftit li xejn nafu x’sar mill-villa fejn kien jogħod, sakemm fl-1876, il-Konti Rosario Messina daħal għall-kirja tal-post. Fl-1885, bintu Giuseppina żżewġet lill-uffiċjal navali Edward Price u dawn marru joqogħdu f’din il-villa. Inzerta li Price kellu għall-qalbu ħafna l-ġonna u għalhekk hu ma damx biex intefa b’ruħu u ġismu biex jerġa’ jagħti l-ħajja lill-ġnien distint ta’ Villa Frere. Infatti huwa kompla jżid partijiet oħra ħelwin miegħu fejn fosthom huwa inkluda ġnien bi stil Ġappuniż, ġnien tal-kaktus, u ġnien tan-nani.
Il-post reġa’ ħa r-ruħ u ma damx biex sar attrazzjoni turistika. Xi artisti kienu jagħżlu lill-ġnien ta’ Villa Frere biex ipittru xeni mill-isbaħ, peress li l-post kellu veduti mill-aqwa tal-baħar u ta’ l-inħawi tal-madwar. Intant dal-ġnien tant akkwista fama li saħansitra ġew iżuruh żewġ irġejjen tal-Ingilterra Adelaide u Mary, u r-reġina tar-Rumanija, Marie. Fl-1930, ir-rivista prestiġġjuża Country Life ippubblikat artiklu dwar dan il-ġnien u din kompliet iżżidlu l-fama tiegħu meta xebħet it-tifsila tiegħu u l-esperjenza ġewwa fih ma’ pellegrinaġġ fl-essenza tal-ġmiel. Imn’Alla li din ir-rivista ippubblikat għadd ta’ ritratti mill-ifjen ta’ dan il-post għax destinu ma kienx fadallu wisq biex jinbidel kompletament. Infatti, il-leġġenda tal-ġnien ta’ Villa Frere intemmet meta mart Edward mietet sitt snin warajh, fl-1939, u l-proprjetà għaddiet f’idejn il-gvern Malti.
L-isfreġju ta’ Villa Frere
Waqt l-attakki tat-Tieni Gwerra Dinjija, Villa Frere intlaqtet bosta drabi u l-ġnien sar ħerba. Wara l-gwerra, il-qagħda soċjo-ekonomika tal-pajjiż ma tantx kienet tiflaħ tiddedika wisq interess għall-ġnien antik u fi żmien qasir, il-villa u parti mill-ġnien tagħha ġew mikrija lil terzi biex isir kummerċ fihom. Fl-1957 fin-naħa fejn dari kien hemm il-ġnien Ġappuniż, inbniet skola primarja, filwaqt li t-terrazzin romantiku li kien joffri xeni sbieħ tal-inħawi tal-madwar, twaqqa’ biex minfloku nbniet skola tan-nurses ħalli tingħaqad mal-isptar St Luke’s li fl-1930 kien inbena biswit il-parti ta’ fuq tal-ġnien ta’ Villa Frere.
Akkost li matul is-snin numru ta’ individwi li kellhom għal qalbhom il-wirt kulturali Malti u li kienu jafu b’dan is-sit, għamlu minn kollox biex dan jiġi protett, fl-1980 tgħattiet parti oħra tal-ġnien bil-konkrit sabiex fuqha jinżel il-helicopter li kien jagħti servizz ta’ emerġenza fl-isptar St Luke’s. Naturalment, apparti l-ħsara fl-ambjent tal-villa, ma setax jonqos li kull darba li dan il-helicopter jinżel fl-inħawi, il-vibrazzjonijiet tiegħu jkomplu jkabru aktar il-fdalijiet ta’ dan il-ġnien. Fl-1990 twaqqgħu l-istalel li kien hemm quddiem Villa Frere u minflokhom ittellgħu blokok kbar ta’ appartamenti. Fl-2008 il-MEPA skedat iż-żewġ tempji ta’ dan is-sit bħala Grad 1, filwaqt li l-ġonna ġew skedati fi Grad 2. Madanakollu dan ma sewa xejn biex iwaqqaf l-isfreġju li baqa’ jsir fuq dan il-post hekk kif fl-aħħar snin ġie deċiż li jinbena parking minflok id-dagħbien allavolja ġewwa fih kien għadu jidher il-lavur li kien għamel Frere. Infatti d-dagħbien intela’ bir-radam, inqered taraġ sabiħ li kien jgħaqqad it-tempju l-kbir mal-ġnien, il-fdalijiet ġew imbuttati b’gaffa l-ġewwa u magħhom iċċaqalu wkoll xi dekorazzjonijiet antiki li sa dak iż-żmien irnexxielhom isalvaw. Ħajt kiefer qata’ b’sikkina fl-ispirtu ta’ dan il-post, hekk kif partijiet mill-villa spiċċaw mifruda u sparpaljati. Sadanittant matul is-snin xi nies bdew jisirqu partijiet mill-fdalijiet ta’ din il-binja, mentri oħrajn ivvandalizzaw il-post għal darba darbtejn sabiex jaqalgħu l-bebbux minn taħt id-dekorazzjonijiet tal-ġebel storiku!
Friends of Villa Frere
Nistqarr li dawn il-ġrajjiet ħallewni bla kliem hekk kif flimkien ma’ Edward u Peter bdejt insegwi dak li kien għad fadal minn dan is-sit. F’dawn l-aħħar snin, dawn iż-żewġ individwi stinkaw qatiegħ biex joħolqu kuxjenza dwar Villa Frere bit-tama li jsalvaw almenu dak li kien fadal u biex jippruvaw iżommu l-attentati li jsiru kull tant żmien biex dan il-ġnien jinqered kompletament ħalli jinbidel fi blokok ta’ appartamenti.
Intant, bħalissa jidher li hemm interess biex jitneħħa l-ġnien ta’ Villa Ciantar liema proprjetà tinsab biswit Villa Frere. Apparti li tkun tassew ħasra li kieku dan jiġri peress li dan ġie mfassal bi stil barokk fi żmien il-Kavallieri u allura huwa aktar antik minn dak ta’ Villa Frere innifsu, il-qerda tiegħu tkun daqqa ta’ ħarta kbira għall-kuntest tal-ġnien ta’ Villa Frere li ormaj kważi ttiekel għal kollox.
Edward Said, li huwa perit rinomat fil-qasam tal-konservazzjoni, u li għamel studju dettaljat dwar Villa Frere, stqarr miegħi li jekk dan il-ġnien jintilef, miegħu nkunu tlifna wkoll parti sinifikanti mill-istorja tagħna, u mhux biss! Infatti mill-ġrajjiet li rrakkuntajt fuq, wieħed ma jdumx biex jagħraf li dan il-post iħaddan ukoll fih tifkiriet kulturali, soċjali, letterarji, filoloġiċi, arkitettoniċi, botaniċi, ortikulturali, ekoloġiċi u arkeoloġiċi. Sorprendentement il-ġnien, li minnu ormaj fadal biss madwar tliet tomniet, għadu jagħti l-ħajja lil numru ta’ pjanti u siġar li kienu tħawwlu b’tant għożża mis-sidien antiki tiegħu, fosthom prinjola sabiħa li parti minnha tkissret dan l-aħħar waqt maltempata qalila. Waqt li tnikkitt għall-prinjola, ħarsti waqgħet ukoll fuq palma twila, illum bla weraq xejn, għax hekk kif kienet għoddha għalqet il-mitt sena, din inħakmet mill-marda li qerdet għadd ta’ siġar oħra bħalha, u magħha ntemmet parti oħra mir-reminixxenza ta’ dawn il-ġrajjiet. Minflokha nħolqot xena oħra li tissimbolizza l-bikja ta’ dan il-post.
L-NGO Friends of Villa Frere twaqqfet bil-ħsieb li aktar nies isiru jafu dwar dan is-sit ħalli b’hekk tinħoloq aktar reżistenza kontra l-qerda tiegħu. Barra minn hekk, din L-NGO għandha l-għan li tipproteġi, tirrestawra u tikkonserva dan il-post. Fatt interessanti huwa illi huma rnexxielhom jagħmlu kuntatt ma’ xi dixxendenti tas-sidien l-antiki tal-post, fejn waħda minnhom, Josephine Tyndale-Biscoe, li hija n-neputija tat-tifla ta’ Edward Price, ippubblikat xi memorji tal-familjari tagħha fi ktejjeb bl-isem ‘A Lost Maltese Garden’.
Għal aktar informazzjoni dwar din l-NGO wieħed jista’ jibgħat email fuq villafrere@gmail.com
(Dan l-artiklu ġie ppublikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (19 il-parti) fit-Torċa tad-9 ta’ Marzu 2014)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | ||||||
2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 |
9 | 10 | 11 | 12 | 13 | 14 | 15 |
16 | 17 | 18 | 19 | 20 | 21 | 22 |
23 | 24 | 25 | 26 | 27 | 28 | 29 |
30 | 31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23