-
L-ILLUŻJONI TAS-SBUĦIJA
Jingħad li Cleopatra kienet tinħasel f’banju mimli ħalib imżejjen bil-petali tal-ward sabiex ikollha ġilda mill-ifjen u sabiħa. Imma min minna jiflaħ lussu bħal dak? U fir-realtà, kemm hu importanti li tidher sabiħa? Numru ta’ studji jsostnu illi l-individwi li huma meqjusa bħala ‘sbieħ’ igawdu minn ħafna aktar vantaġġi minn dawk inqas attraenti, saħansitra meta jiġu biex jintagħżlu f’xi post tax-xogħol. Madanakollu ħafn’oħrajn jinsistu illi l-veru sbuħija tinsab fir-ruħ u fil-karattru tal-bniedem u mhux f’surtu. Xorta waħda ħafna nisa jistqarru li wħud mill-isbaħ sensazzjonijiet f’ħajjithom huma dawk il-mumenti qosra meta jkunu qed japplikaw il-make-up sabiex jidhru aħjar. Iżda oħroġ il-għaġeb, numru konsiderevoli ta’ rġiel jgħidulek li jippreferu mara b’wiċċha naturali, bla żebgħa xejn! Għal dil-ġimgħa ddeċidejt li nixtarr ftit dan is-suġġett u għalhekk iltqajt ma’ Chantelle Alamango li l-make-up tista’ tgħid li hu d-dinja tagħha.
“Personalment nemmen li l-make-up jgħinek tħossok isbaħ u aktar kunfidenti u għalhekk iwasslek biex ikollok atteġġjament ħafna aktar pożittiv lejn il-ħajja. B’hekk bla dubju, il-persuna ma tkunx qed tirrifletti biss is-sbuħija esterna ta’ wiċċha imma anki l-ħlewwa interna tal-karattru tagħha,” marret mill-ewwel fuq il-likk Chantelle.
Skont il-poeta u kittieb Oscar Wilde (1854-1900) “L-ebda oġġett mhu daqshekk sabiħ, li f’ċerti kundizzjonijiet ma jidhirx ikraħ”.
“Ħadd m’huwa perfett imma llum tant teżisti għażla kbira ta’ make-up li b’xi mod jew ieħor żgur li jinstab xi rimedju għal dik id-diffikultà partikolari ta’ kull wieħed minna. Għax wara kollox is-sigriet prinċipali tal-make-up huwa li joħloq illużjoni: dik li jitfi dak li mhux daqstant attraenti, filwaqt li jenfasizza dak li hu sabiħ.”
Ralph Waldo Emerson (1803-1882) kittieb u poeta ieħor, jgħid illi “L-imħabba għal dak li hu sabiħ hija mfassla skont il-gosti, filwaqt li l-kreazzjoni tas-sbuħija hija arti.”
“Infatti l-aqwa riżultati bil-make-up jiġu akkwistati meta wieħed jagħraf juża’ l-materjali differenti u l-għodda varji li jeżistu f’dan il-qasam. Nemmen li ċertu ammont ta’ kapaċità trid tkun qiegħda fik imma sinċerament il-veru maestrija ġġibha billi titħarreġ kemm tiflaħ u billi tinnota l-ħin kollu l-oħrajn x’qed jagħmlu. Personalment ma tiġix rivista quddiemi li ma niflihiex minn qoxra sa qoxra biex nara l-mudelli li jidhru fuqha x’make-up għandhom. Barra minn hekk meta suppost inkun qed nara film, aktar inkun moħħni fl-artisti femminili biex insegwi x’tip ta’ make-up ikunu għamlulhom għal xeni differenti.
Il-make-up minn dejjem kien jolqotni imma f’dawn l-aħħar snin bdejt ninteressa ruħi ħafna iktar. Għall-ewwel iddeċidejt li nattendi għal kors bażiku biex nitgħallem kif napplika make-up sabiħ fuqi nnifsi. Imma bil-mod il-mod, sibt ruħi qed nidħol aktar f’dan il-qasam u għalhekk tħarriġt f’livell aktar professjonali, bħal ngħidu aħna f’kif tagħmel il-make-up għal xi photo-shoot, għall-għarajjes tat-tieġ u għal okkażżjonijiet oħra. Illum kburija li għandi l-klijenetela tiegħi. Inqisu bħala unur kbir għalija meta mara tħalli f’idejja li nagħmlilha l-make-up proprju fl-iktar mumenti sbieħ tagħha; bħal per eżempju għat-tieġ.
Huwa għalhekk li trid iżżomm ruħek aġġornata l-ħin kollu ma’ make-up ġdid li jkun qed joħroġ u mal-ideat friski tal-oħrajn. Fir-realtà ma tieqaf qatt tiskopri ideat u stili ġodda. Biss biss, jekk tidħol fl-internet issib għażla kbira ta’ videos li jispjegawlek pass pass kif toħloq ċerti riżultati mixtieqa. Irid ukoll ikollok l-interess li tesperimenta ftit biex tiskopri elementi ġodda. Intant dalwaqt ser inkun qed nipparteċipa f’taħriġ ibbażat fuq make-up użat għall-istage, għat-televiżjoni u għall-effetti speċjali u ninsab ċerta li ser ikun siewi ħafna.”
Lil Chantelle pjuttost kont nafha interessata fil-qasam tal-Accounts li hija l-linja tax-xogħol tagħha. Huwa biss riċentement li skoprejt din il-passjoni tagħha.
“Naf li huma oqsma għal kollox differenti minn xulxin u huwa proprju għalhekk li togħġobni din l-istil ta’ ħajja, għax it-tnejn jeħduni f’dinja differenti. Sinċerament ma nimmaġinanix nagħżel bejniethom għax it-tnejn jagħtuni ħafna sodisfazzjon.”
“Inti tħobbni għax jiena sabiħ, jew jiena sabiħ għax inti tħobbni?” staqsa darba Oscar Hammerstein II (1895 – 1960) direttur teatrali. Qabel poġġejt bil-qiegħda biex nikteb dan l-artiklu għamilt ftit riċerka dwar dan is-suġġett tas-sbuħija u l-make-up, staqsejt ukoll xi fehmiet lil numru ta’ nies li ltqajt magħhom u ħadt l-opinjoni ta’ dawk li rrispondewni fuq Facebook. Kien kurjuż il-fatt li hekk kif in-nisa b’mod ġenerali qaluli li bil-make-up iħossuhom aktar attraenti, daqstant ieħor b’mod ġenerali l-irġiel insistew li n-nisa jogħġbuhom l-aktar meta jkunu mingħajr make-up.
“M’hemmx isbaħ minn mara naturali” kiteb wieħed. “Inutli li mara tagħmel xebgħa make-up biex wara li tneħħiħ twerwrek!” iċċajta l-ieħor. “Għaliex din il-falsità? L-irġiel m’għandhomx ċuċati hekk!” kompla jesprimi ruħu. Pronta pronta waħda weġbitu li minflok jinżebaħ, raġel jagħżel li jidher billi jmur jarma xi karozza… u komplew sejrin hekk. Imma l-irġiel ma ċedew qatt. Kollha baqgħu tal-istess fehma.
Allura jekk il-make-up mhux arma tajba biex jiġbed l-irġiel, għal xhiex jew għal min jiġi applikat? X’inhu s-sinifikat tiegħu?
“Naħseb li hu l-make-up esaġerat li jdejjaq lil dak li jkun għax fir-realtà nemmen li ż-żewġ sessi japprezzaw id-dehra ta’ make-up applikat tajjeb” saħqet waħda. “Il-make-up għandu s-saħħa li jgħinek tħoss sensazzjoni ta’ kuntentizza bħal meta tmur tixtri xi ħaġa għalik. Jieħdok f’dinja oħra u jneħħilek ħafna mill-istress,”esprimiet ruħha persuna oħra. “Finalment mara tagħmel il-make-up biex tintogħġob magħha nnifisha u xejn aktar,” għalqet il-kummenti tagħha oħra.
Iżda hemm naħa oħra tal-munita… Ammont ieħor ta’ nisa jgħidulek li m’għandhomx ċans għal dawn il-ħmerijiet, li hekk jew hekk iħossuhom tajjeb mingħajr make-up għax huma komdi b’wiċċhom kif jidher b’mod naturali u m’għandhomx bżonn jistaħbew wara maskri!
“Kulħadd għandu d-dritt għall-opinjoni tiegħu,” ikkummentat Chantelle. “Personalment jien ma ngħaddix mingħajr make-up u hija tassew rari meta noħroġ mingħajru. Anki jekk ikolli ftit ħin biss, nara kif nagħmel u napplika xi ħaġa ħafifa imma qatt mhu ser nagħżel li nidher fil-pubbliku mingħajr ma nirtokka wiċċi. Jekk ma nagħmilx hekk inħossni li qed nintelaq u ma nħossnix kuntenta. Ma nafx kif hawn min jgħid li ma jsibx ħin għal dawn l-affarijiet għax wara kollox ftit minuti biss huma wkoll effettivi biex isebbaħ id-dehra tiegħek. Jidhirli li la hemm il-mezzi biex tidher aħjar, tkun qed titlef ħafna jekk ma tużahomx.”
Kompliet tgħidli li anki meta tmur tgħum fis-sajf tara li tagħmel il-make-up adattat għalkemm naturalment ma tinżillx taħt l-ilma. Saħansitra meta tagħżel x’tiekol, toqgħod attenta li ma tkunx xi ħaġa li ser tirrovinalha l-make-up. Staqsejtha jekk jiġux mumenti meta tħossha skjava ta’ din il-passjoni tagħha stess?
“Lanqas xejn! Ormaj din hija parti mir-rutina tiegħi. Kif inqum fil-għodu, nara li nagħmel make-up tajjeb li kapaċi jżomm il-ġurnata kollha u huwa hekk kif isir il-ħin biex norqod li nneħħih. Meta mbagħad nidħol id-dar wara x-xogħol u nkun ser nerġa’ noħroġ, ibqa’ ċerta li nibdel il-make-up mill-ġdid sabiex nadatta għal fejn inkun sejra.”
Skont Chantelle, l-għodda li jintużaw biex jiġi applikat il-make-up huma l-qofol ta’ riżultat sabiħ.
“Illum hawn għażla ma tispiċċa qatt tal-make-up, b’ditta aqwa mill-oħra li kollha għandhom il-prodotti tagħhom. Iżda għalkemm ċerti ditti tassew ikunu superjuri għall-oħrajn, l-għodda użata hija s-sigriet ta’ kollox. Fost dawn, il-pniezel huma l-aktar neċessarji hekk kif kull wieħed minnhom għandu funzjoni partikulari. Biss biss ngħidlek li biex nagħmel il-make-up tal-għajnejn għandi ħames pniezel differenti!”
“Kollox għandu s-sbuħija tiegħu imma mhux kulħadd kapaċi jaraha,” qal il-filosfu Confucius (551-479 Q.K.). Akkost li huwa xogħol pjuttost għali biex iżżomm ċertu livell professjonali, Chantelle tħoss li s-sodisfazzjon li tara f’għajnejn il-klijenti tagħha, jagħtiha wisq kuraġġ biex tkompli f’dan il-qasam.
“Il-kulur tal-karnaġġjon ivarja minn persuna għall-oħra, apparti li trid tikkunsidra wkoll l-età u allura jrid ikollok għażla sewwa għal kull eventwalità ħalli tipprovdi l-prodott ġust. Jeħtieġ li jkollok ukoll selezzjoni varja ta’ kuluri ta’ eyeshadows, lipsticks, blushers, mascaras u dak kollu li jkun hemm bżonn. Madanakollu s-sodisfazzjon li nieħu meta nara l-klijenti jħarsu lejn id-dehra mibdula tagħhom b’dik iċ-ċertu kburija, tinżilli għasel u tgħini nħossni kburija b’dak li qed nagħmel.”
“M’hemm xejn assolut li jiddeċiedi x’inhu sabiħ jew le. U dak hu preċiżament dak li jagħmel it-tfittxija għas-sbuħija aktar interessanti,” kiteb John Kenneth Galbraith (1908 – 2006) ekonomista.
“Bi ftit ħsieb u dedikazzjoni, wieħed jista’ jirranġa d-dehra tiegħu b’mod tassew faċli. Kull ma jkun hemm bżonn huwa li wieħed ikun jaf kif japplika l-prodotti xierqa u fil-post it-tajjeb. Ngħidu aħna kulur skur mal-ġenb tal-imnieħer u kulur ċar fuq l-għadma tal-imnieħer, ser jagħtuh dehra idjaq. Min-naħa l-oħra, bronzing mad-dawra ta’ wiċċ kemmxejn imfaqqgħa, tgħinu jieħu xeħta aktar definita. Għajnejn qrib ħafna ta’ xulxin jirrikkjedu kulur ċar fuq ġewwa u skur fuq barra ħalli jidhru aktar simettriċi. Il-lista hija twila ħafna u l-possibilitajiet ma jieqfu qatt.”
Skont Chantelle, hemm bosta gwidi u regoli li wieħed jista’ jimxi magħhom imma mbagħad kulħadd għandu l-fehma tiegħu.
“Ngħid għalija ma naqbilx li għarusa bilfors trid tagħmel make-up bi stil naturali. Naf li ħafna professjonisti u li fuq ħafna rivisti jiġi rrakkomandat hekk. Imma t-tieġ huwa ġurnata importanti ħafna għall-għarusa u għalhekk jidhirli, li sakemm ma tkunx qed titlob xi ħaġa li mhiex adattata, m’għandhiex għalfejn tingħalaq b’regoli biex imbagħad tispiċċa ma tħosshiex hi u ma tkunx kunfidenti.”
Lanqas ma taqbel mal-make-up permanenti…
“Tbeżżagħni l-idea ta’ xi ħaġa permanenti għax imbagħad jekk jiġi żmien meta dak li tkun għamilt ma jogħġbokx aktar, x’tagħmel?Min-naħa l-oħra napprezza ħafna l-affarijiet li jistgħu jitneħħew faċilment: bħax-xagħar t’għajnejn artifiċjali li jagħti dehra affaxxinanti u eleganti lill-għajnejn u l-wiċċ.”
Fil-make-up Chantelle tmur ħafna għall-kuntrast.
“Hawn min għandu l-idea li jrid iqabbel il-make-up mal-ħwejjeġ imma dan joħloq ċertu monotonija u pjuttost jitfi d-dehra ta’ dak li jkun. Hekk jew hekk illum f’paletta ta’ eyeshadow bażika wkoll ikollok għażla varjata ta’ kuluri sbieħ. Ngħidu aħna ma’ libsa ħamra tista’ tuża’ l-kulur tar-ram jew tal-bronż, filwaqt li ma’ libsa’ kaħla jixraq ħafna l-kulur tal-fidda jew vjola. Wieħed qatt m’għandu jmur għal dak li hu ovvju bħal dik li tuża lipstick u nail-polish aħmar għax inti liebsa libsa ħamra. Il-kuntrast jiġbed ħafna iktar l-għajn u wara kollox dik hi l-funzjoni tal-make-up.”
L-aktar fattizz f’wiċċ il-bniedem li jogħġobha huma l-għajnejn…
“Għax hemm proprjament tista’ turi l-ħila tiegħek peress li tista’ timraħ b’kemm kuluri trid.”
Eva Green (1980) mudella u attriċi tistqarr li meta ma tkunx qed taħdem tippreferi toqgħod libera mingħajr ħwejjeġ inkaxxati, tkaken u make-up… “Huwa sabiħ li tkun tista’ tieħu nifs!” Iżda bla dubju Chantelle taqbel aktar ma’ dak li qalet l-attriċi Lana Turner (1921 – 1995) “Nippreferi nitlef l-aqwa misluta li għandi milli jaqbduni mingħajr make-up!”
“Nemmen b’fermezza li wieħed għandu jagħmel minn kollox biex jidher bl-aħjar mod tiegħu. Wara kollox, dan hu sinjal ta’ rispett u mħabba lejna nfusna u xejn aktar.”
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-30 t’Ottubru 2011)