• IL-MALTI FI ŻMIEN TA’ BIDLA

    INTERVISTA: FRANS SAMMUT

    Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti twaqqaf biex jorganizza u jagħti direzzjoni lill-Ilsien Malti. X’tikkummenta dwar it-tibdiliet li ġew rakkomandati?

    Frans SammutL-ewwelnett irrid infakkrek li jien, bħala kittieb, aktar jinteressani l-lingwaġġ figurattiv għax fih hemm il-kreattività artistika. F’das-sens qajla jimpurtani kelma kif tinkiteb sakemm ikun hemm qbil dwar tifsiritha bejn kulħadd. Imma bħala għalliem u bħala Malti li jħobb l-Ilsien Malti, tolqotni wkoll kull ħidma ta’ dix-xorta. Jiena smajt tgergir u tgemgim minn bosta nies dwar il-bdil, bla ħtieġa u bla siwi, tal-kelma “skond” fi “skont” fost oħrajn. Li kieku “skont” ma kinitx diġà tfisser “tnaqqis fil-kont” ma kienx ikun jimporta wisq. Imma issa ż-żewġ kelmiet, li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin ġew ħaġa waħda. U malli tara l-frażi “il-vanġelu skont San Luqa” donnok titħajjar taħseb li tista’ tixtrih bir-rħis mingħand tal-Lira.   Bidla oħra li jiena naraha banali, u bl-ebda mod ma tixhed tħejjija professjonali hija dik fl-isem ta’ pajjiż magħruf fost kulħadd bħala “Israel”. Li tibdilli dan l-isem f’“Iżrael” ifisser li ma tafx li l-isem fih l-għeruq tal-verb “issara” li ġa għandna fil-Malti bl-“s” u mhux biż-“ż”. Imma l-Kunsill donnu ma jagħtix wisq kas ta’ etimoloġija, ta’ għeruq li jgħinuk issib in-nisel tal-kliem u b’hekk issaħħaħ tabilħaqq il-binja tal-lsien nazzjonali u tħarsu mis-susa u l-kamla li jherruh sa ma jġibuh pidgin flok ilsien uffiċjali – ankra li magħha tintrabat l-identità nazzjonali.

    Ħafna jaqblu illi għandu jintuża l-kliem barrani biss f’każ fejn kliem bil-Malti minfloku ma jeżistix. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill Nazzjonali qiegħed iħajjar il-ħolqien ta’ kliem ġdid Malti (bħal “fenkerija”) sabiex jevita li wieħed imur mill-ewwel għall-kliem barrani. X’inhi l-fehma tiegħek dwar dan?

    Inti qiegħda titħaddet dwar in-neoloġiżmi – eżerċizzju li għamluh għadd ta’ ilsna li riedu jġeddu lilhom infushom bħal, ngħidu aħna, il-Lhudi ta’ żmienna fl-Israel. Bħala prinċipju naqbel man-neoloġiżmi sakemm dawn isiru mill-esperti u mhux minn kull min ifettillu joħloq il-kliem. Neoloġiżmi bis-sens ġa nħolqu bil-Malti. B’riħet Patri Born li għamel żmien twil imexxi t-tħaddim tal-Malti fuq ir-Rediffusion, daħlet fl-użu l-kelma “stqarrija”, il-frażi “konferenza stampa”, il-verb “wettaq” sar ifisser dak li jfisser illum flok it-tifsira ta’ dari li kien għadu jinqeda biha Dun Karm jiġifieri “saħħaħ” jew għamel aktar “utieq”, u oħrajn. “Fenkerija” għadni qatt ma smajtha u ngħidlek is-sew, ma nafx xi tfisser, hix kelma oħra flok “fenkata” jew sura ġdida msejsa fuq “pizzerija”. Iva, li noħolqu kliem mill-għeruq Maltin flok indaħħlu kliem barrani, naqbel magħha. Sakemm ma naqgħux fil-ħmerijet li jdaħħku n-nies u fuq kollox naraw ukoll xi jkun għamel ħaddieħor. Ma nafx meta minn “tar” ħolqu n-nom mimmat “mitjar” li naħseb li kien neoloġiżmu tajjeb u f’waqtu ħafna, kinux raw li l-Għarab ħolqu nom mimmat jixbhu ħafna. Ma ninsewx li mqar fl-ilsna l-kbar bħall-Franċiż u l-Ispanjol hekk ukoll jagħmlu; jaraw l-oħrajn x’ħolqu u x’għażlu li jagħmlu dwar il-ħolqien ta’ kliem ġdid għal kunċetti ġodda.

    Il-medja qiegħda tingħata ħafna mill-ħtija għala l-lingwa Maltija bdiet tinkiteb kif ġie ġie. X’tikkummenta?

    Waqt li nifhem li l-ġurnalisti jaħdmu b’għaġla kbira fuqhom u minħabba f’hekk jieħdu bosta żbalji li ma jkollhomx il-ħin isewwuhom qabel joħorġu fil-ġurnali, ma naħsibx li l-ħtija ewlenija tat-tħarbit fil-ktieb tal-lsien nazzjonali hija tagħhom.

    Uħud irreferew għall-introduzzjoni tal-kliem Ingliż miktub bil-Malti bħala invażjoni, velenu injettat u prostituzzjoni tal-lingwa Maltija. Oħrajn isostnu li l-inklużjoni ta’ dan il-kliem barrani huwa indikazzjoni tal-faqar tal-lingwa Maltija. X’tgħidilna dwar dan?

    Il-Professur Aquilina, kien daħħal regola dwar din it-taqsima tal-vokabolarju Maltija, jiġifieri li l-kliem ta’ nisel Ingliż li jieħu l-plural “ijiet”, bħal “kejk – kejkijiet”, “kowt – kowtijiet” ħallas biex ngħidu hekk id-dwana u sar Malti. Imma minn dak inhar ’l hawn daħal aktar kliem ta’ dix-xorta u tassew li rridu naraw x’nagħmlu. Ma rridux ninsew iżda li ħafna minn dal-kliem qisu għasfur tal-passa, jidher għal ftit u mbagħad jgħib u għalhekk m’għandniex għalfejn noqogħdu nitilfu rasna minħabba fih. Irridu nagħtu kas ta’ dak li jidher li hu ta’ qofol u ta’ bixra dejjiema. Fejn nistgħu, għandna nħalluh kif inhu u fil-kitba nagħmlu sinjal taħtu u fl-istampa nagħmluh italics. Min-naħa l-oħra, fejn nistgħu ndawruh bil-Malti u ma jkunx dagħwa estetika, allura ndaħħluh. Jekk il-Kunsill beħsiebu jdaħħal ruxxmata kliem Ingliż miktub fonetikament bil-Malti, jkun qed iġib ruħu ta’ dilettant medjokri u bla tħejjija professjonali u jiena nkun minn ta’ quddiem li niġġilidlu bil-mezzi kollha fil-parametri tal-liġi. Ma nixtieqx nara l-Malti jsir pidgin u fl-istess ħin l-istudenti tagħna lanqas jibqgħu jafu jiktbu, u la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż. Bħala għalliem, jiena għandi d-dmir nara li l-istudenti Maltin jitgħallmu sew kemm il-Malti u kemm l-Ingliż, mhux biss għax aħna poplu uffiċjalment bilingwi iżda wkoll sabiex l-Ingliż li ġmielu qiegħed isir ilsien globali, jibqa’ jitħaddem tajjeb mill-Maltin u ma jintilifx il-vantaġġ li għandna fuq popli oħrajn fit-tħaddim tiegħu. Boloh huma l-flien li jaħsbu li aħna “tal-Malti” mogħmijin biss wara l-Malti. Min għandu ħabba sens f’rasu jaf li għandna nieħdu ħsieb iż-żewġ ilsna sew, għall-ġid tagħna nfusna.

    Jingħad illi l-għażż, in-nuqqas ta’ għożża u t-traskuraġni tal-poplu Malti lejn il-lingwa tiegħu wasslu biex tittieħed id-deċiżjoni li jkun aċċettat kliem barrani minflok dak Malti. Huwa l-każ? U min kien daqshekk indifferenti dwar ir-regoli ta’ qabel, taħseb li issa jasal biex jadotta dawk ġodda?

    Il-barbariżmi ssibhom f’kull ilsien, imqar fl-ilsna l-kbar. M’għandniex xi ngħidu, qed ngħidu għall-ilsien miktub, mhux dak mitkellem. Kif jitkellmu n-nies ħadd ma jista’ jindaħlilhom, imma fejn niġu għall-ilsien miktub għandu jkun hemm l-għassa, għal ħafna raġunijiet, mhux biss dak estetiku, imma dak legali, eċċ. Din l-għassa jista’ jieħu ħsiebha l-Kunsill imma dan irid l-ewwelnett jimxi fuq prinċipji tabilħaqq sodi u mbagħad ikollu wkoll is-setgħa li jiġbed widnejn min jibqa’ ma jridx jisma’. Jekk ikun jew Kunsill rasu iebsa jew Kunsill mingħajr snien biex jigdem lil min jibqa’ jwebbes rasu, allura nkunu qegħdin nagħżqu fl-ilma.  Ngħidlek is-sew, sa issa m’iniex kuntent sa barra b’dak li għamel il-Kunsill, l-aktar dwar kliem li qiegħed jilmenta minnu tista’ tgħid kulħadd, u t-tieni għandi ċerti suspetti dwar x’se jagħmel dwar il-kitba ta’ kliem Anglo-Sassonu li qajla jagħtuni wisq tama għall-ġejjieni. Nistennew u naraw …

    ———————————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: PROF. MANWEL MIFSUD -President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti

    Il‑Kunsill Nazzjonali tal‑Ilsien Malti twaqqaf biex jorganizza u jagħti direzzjoni lil‑lingwa Maltija. Għaliex inħass dan il‑bżonn?

    Prof. Manwel MifsudKien ilu jinħass il‑bżonn li l‑promozzjoni u l‑kura tal‑ilsien Malti jitwaqqfu fuq bażi permanenti u professjonali kif jixraqlu l‑ilsien nazzjonali, u l‑ebda għaqda tal‑Malti ma kienet f’pożizzjoni li ġġorr dan il‑piż. Il‑ħtieġa ta’ kunsill permanenti mbagħad tqawwiet meta l‑Malti sar ilsien uffiċjali tal‑UE u l‑użu tiegħu ħa dimensjonijiet wisq ikbar.

    Dan il‑bżonn inħass minn kulħadd, għaliex tliet snin ilu l‑Parlament Malti qabel unanimament li jwaqqaf il‑Kunsill bħala awtorità lingwistika, kif insibu f’kull pajjiż li jirrispetta lsienu u jibża’ għalih.

    Kemm kien meħtieġ u mixtieq dan il‑Kunsill jidher ukoll mill‑għadd kbir ta’ talbiet li rċieva mindu twaqqaf u mill‑mod kif qed ikun segwit mill‑Maltin, li llum qed iħossu li l‑Malti issa hemm min qed jieħu ħsiebu bis‑serjetà.

    Wieħed mill‑għanijiet tal‑kunsill huwa li jħajjar il‑ħolqien ta’ kliem Malti ġdid. Kif ser isir dan?

    Il‑Kunsill għandu bosta għanijiet u dan huwa wieħed biss fost ħafna. Imma huwa fatt li l‑Kunsill huwa tal-fehma li – filwaqt li bħal kull ilsien progressiv għandu jkun miftuħ biex jissellef minn ilsna oħra kif għamel dejjem – ilsienna ma jistax jistrieħ fuq is‑self biss, bħallikieku m’għandux ir‑riżorsi tiegħu. Il‑Malti għandu bażi Semitika li toffri bosta riżorsi li jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira għal min jaf jużahom biex jiżviluppa t‑terminoloġija meħtieġa f’tant oqsma, u l‑aktar fix‑xogħol tal‑ġurnaliżmu u tat‑traduzzjoni.

    B’dan m’iniex infisser li għandna nqajmu l‑mejtin jew li naqilgħu dak li huwa diġà stabbilit fis‑sod. Illum jeħtieġ li nkunu proattivi, nantiċipaw il‑ħtiġijiet, li huma bosta, u nużaw ir‑riżorsi u l‑fantasija tagħna qabel ma ndaħħlu l‑kliem barrani b’għajnejna magħluqa.

    Il‑Kunsill beħsiebu jorganizza wkoll Seminar nazzjonali li jfittex modi kif nistgħu nerġgħu nqajmu l‑kreattività tal‑Malti min‑nagħsa twila li daħlet fiha.

    Il‑medja dejjem jingħatalha ħafna mit‑tort li l‑lingwa Maltija qed tinkiteb kif ġie ġie. X’tikkummenta?

    Il‑medja għandha r‑responsabbiltà tagħha x’terfa’, għax għandha qawwa speċjali fl‑iżvilupp tal‑lingwa u tista’ ssaħħaħ jew tfarrak ix‑xogħol tal‑għalliema. Iżda huwa faċli li toqgħod b’idejk marbuta, takkuża lil dak u lill‑ieħor għan‑nuqqasijiet fi lsienna, kantaliena li armajn drajnieha.

    Anke f’dan, il‑Kunsill ħareġ bi ħsieb u bi stil ġdid. Minflok ma nwaħħlu fil‑ġurnalisti u f’dak u fl‑ieħor, ejjew nibdew nagħmlu sehemna. Niltaqgħu magħhom, nifhmu s‑sitwazzjoni tagħhom fix‑xogħol, u nagħtuhom l‑għajnuna tagħna kollha. Imbagħad inkunu nistgħu nibdew nippretendu tassew mingħandhom.

    Il‑Kunsill diġà organizza għal tliet darbiet kors ta’ sena b’Ċertifikat fil‑Qari tal‑Provi, li qed ikollu suċċess kbir. Minkejja kulma jingħad, fil‑ġurnalisti u x‑xandara sibna interess kbir u xewqa li l‑Malti tal‑midja jitjieb. Għall‑kors ta’ bħalissa, ngħidu aħna, applikaw u qed jattendu 8 ġurnalisti. Dan huwa l‑mod professjonali u rigoruż li bih qed jimxi l‑Kunsill, għax li tgerger u tmaqdar, dak jaf jagħmlu kulħadd.

    Il‑lista tal‑kliem inkluż fir‑regoli l‑ġodda hija interminabbli. Kif taħseb li l‑Kunsill ser jirnexxilu jipperswadi lill‑poplu Malti biex jikkonforma?

    “Interminabbli” kelma kbira. Ir-regoli l-ġodda jolqtu lista ta’ 300 kelma. Fil‑fatt huma 300 inċertezza mnaqqsa, 300 dubju solvut. Dan huwa s‑serħan ir‑ras li qed jipproponi l‑Kunsill lil min jikteb bil‑Malti.

    U l‑Kunsill mhux isibha diffiċli biex jikkonvinċi, għax ilu sentejn jikkonsulta dwar dawn il‑bidliet ma’ għalliema, ġurnalisti, tradutturi, studenti, pubblikaturi u ma’ kull min hu interessat. Għamel seminar pubbliku b’attendenza ta’ 180 ruħ u ppubblika u qassam b’xejn ktieb b’35 ktiba dwarhom.

    Wara dil‑konsultazzjoni wiesgħa, ma nistagħġbux li, wara bilkemm tliet xhur, il‑maġġoranza tal‑poplu diġà qiegħda timxi mar‑regoli: il‑gazzetti, it‑tradutturi tal‑UE, l‑għalliema fl‑iskejjel, il‑MATSEC, u anke ċ‑ċekkjatur tal‑Microsoft, li se jerġa’ jirrevedi x‑xogħol kollu qabel joħroġ. U dan minkejja li l‑Kunsill ħalla perijodu ta’ 3 snin moratorju biex jilħqu jindraw il‑bidliet.

    Min jiżra’ jaħsad. U l‑Maltin qed jaraw li l‑Kunsill jaħdem professjonalment u bl‑aktar nies ikkwalifikati, u li ma baqax lok għall‑medjokrità fejn jidħol l‑ilsien Malti. Bħalma jsir f’kull qasam professjonali ieħor, id‑deċiżjonijiet qed jittieħdu minn min il‑Malti studjah u jifhem fih tassew.

    Kien hemm min irrefera għall‑introduzzjoni tal‑kliem Ingliż miktub bil‑Malti bħala invażjoni, velenu injettat u prostituzzjoni tal‑lingwa Maltija. Oħrajn isostnu li l‑inklużjoni ta’ dan il‑kliem barrani huwa indikazzjoni tal‑faqar tal‑lingwa Maltija. X’tikkummenta?

    Il‑Malti huwa lsien ta’ ħafna riżorsi, u l‑potenzjal tiegħu għadna bilkemm bdejna niskopruh. Imma huwa lsien li kważi qatt ma tħaddem ’il barra miċ‑ċirku familjari. Issa beda ħiereġ, u bla ma jrid qed jiġi f’kompetizzjoni ma’ lingwi kbar u oħrajn internazzjonali bħall‑Ingliż.

    Il‑lingwa bħall‑muskoli, inqas ma tħaddimha iktar tiċkien u tinxtorob. Għalhekk huwa importanti li jsir eżerċizzju li jħajjar u jistimola l‑kreattività, li jrid jibda mill‑edukazzjoni taż‑żgħar.

    Fl‑istess ħin, l‑Ingliż illum huwa wkoll għajn importanti għall‑ilsna kollha progressivi, u huwa ħażin li – waqt li naċċettaw b’wirtna l‑kliem li ġie mit‑Taljan b’għajnejna magħluqa – nibqgħu nqisu l‑kliem li ġiena mill‑Ingliż bħala għal dejjem barrani, qisu xi saħta li ġiet fuqna. Għax min tistiednu inti stess f’darek mhux xieraq li mbagħad twaddbu ’l barra u tgħajru barrani.

    Il‑Kunsill għadu ma ħa l‑ebda deċiżjoni ġdida fuq il‑kliem Ingliż, la jekk għandux jidħol u lanqas kif se jibda jinkiteb. Imma qed jaħdem biex inaqqas l‑inċertezzi li jinħassu fil‑kitba ta’ dak li laħaq daħal. Hawn ukoll għamel konsultazzjoni wiesgħa, ġabar eluf ta’ kliem mill‑Ingliż mill‑gazzetta L‑Orizzont tul xahar sħiħ, ħareġ ktieb b’35 ktiba, u laqqa’ Seminar pubbliku ieħor li għalih attendew 330 ruħ, l‑akbar folla li qatt inġabret biex tiddiskuti lsienna. Kulħadd kien mistieden jieħu sehem, u kulħadd għadu mistieden jgħaddi fehemtu lill‑Kunsill. Imma mbagħad jittieħdu d‑deċiżjonijiet meħtieġa minn kumitat ta’ esperti, ħalli nkomplu nnaqqsu l‑inċertezzi fl‑ortografija tal‑Malti.

    Il‑Kunsill huwa grat ħafna lejn il‑Maltin, li tant iħobbu lsienhom u li mingħandhom qed isib appoġġ dejjem akbar.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 t’Ottubru 2008)