• METEO-TSUNAMI FIL-BAJJA TAL-MELLIEĦA

    Min kien għaddej fl-inħawi tal-Mellieħa nhar l-Erbgħa li għadda, seta’ jinnota fenomenu kemmxejn mhux tas-soltu meta l-baħar baqa’ tiela mill-bajja tal-Għadira, ħareġ sat-triq, irtira lura ‘l ġewwa ħafna fil-bajja u mill-ġdid tela’ għall-art sakemm kollox reġa’ lura għan-normal.

    Il-kap tal-Physical Oceanography Unit, Dr. Aldo Drago qalilna illi dan l-aġir tal-baħar huwa ħafna aktar frekwenti milli naħsbu aħna. Il-movimenti tiegħu jixbħu lil dak tat-tsunami imma l-kawża tiegħu hija differenti. Filwaqt li tsunami jiġi kkaġunat permezz ta’ attività seżmika, dan iċ-ċaqliq li rajna fil-baħar magħruf bħala meteo-tsunami, jinħoloq minħabba pressjoni fl-atmosfera. Din il-pressjoni tibni mewġ żgħir fil-baħar miftuħ li hekk kif jibda jersaq lejn l-art jikber fl-għoli skond il-fondal li jsib. Il-bajja tal-Mellieħa fil-fatt tkun milquta minn dan it-tip ta’ mewġ proprju minħabba l-forma tagħha illi tgħin biex dan il-fenomenu jiġi amplifikat.

    Is-sajjieda Maltin jafuh sewwa dan iċ-ċaqliq tal-baħar li bil-Malti għandu isem partikolari: ‘il-milgħuba’ li fil-fatt ifisser il-logħob tal-baħar. Bidliet drastiċi fil-livell tal-baħar bla dubju, għalkemm għal ftit minuti, jafu jikkaġunaw ħsarat kbar speċjalment fid-dgħajjes u l-opri tal-baħar.

    Informazzjoni dwar il-livell u t-temperatura tal-baħar flimkien mal-pressjoni atmosferika jiġu rrekordjati kuljum mill-istazzjon tal-MedGLOSS f’Portomaso mill-Physical Oceanography Unit tal-Università ta’ Malta. Fil-fatt dawn il-movimenti fil-baħar ħarġu ċari ħafna meta nstab illi nhar l-Erbgħa l-livell tal-baħar tela’ b’madwar nofs metru.

    Dan it-tagħrif joħroġ kuljum mill-istazzjon MedGLOSS u jista’ jiġi segwit fuq is-sit:

    http://www.capemalta.net/pounit/levmalta.html

    (Dan il-feature ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 ta’ Diċembru 2008)