• L-UŻU SOSTENIBBLI TAR-RIŻORSI

    L-IOI Malta Operational Centre (IOI-MOC) huwa ċentru stabbilit fl-Università ta’ Malta sabiex iwettaq riċerka u studji filwaqt li jippromwovi l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħrif relatati mal-oqsma tal-baħar. Dan iċ-ċentru huwa wieħed minn diversi ċentri operattivi li jaqgħu taħt il-kappa tal-International Ocean Institute li huwa NGO internazzjonali iddedikat għar-riċerka u l-għarfien tal-ibħra u r-riżorsi tagħhom fil-politika internazzjonali u fl-iżvilupp sostenibbli tagħhom. L-IOI-MOC tgħin ukoll fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet lokali li għandhom responsabbiltajiet relatati mal-baħar u toffri servizz ta’ riċerka anki fuq livell nazzjonali. Fost il-miri bażiċi ta’ dan iċ-ċentru nsibu l-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-ispazju tal-baħar u tal-konservazzjoni tal-ambjent tiegħu. Dan l-aħħar l-IOI nieda l-‘International Training Course on Regional Ocean Governance’ pemezz taċ-ċentru Malti IOI-MOC. Sabiex insiru nafu aktar, tkellimna ma’ wieħed mill-parteċipanti u mad-direttur ta’ dan iċ-ċentru…

    INTERVISTA: DR ALDO DRAGO – Direttur IOI-MOC

    L-IOI għadha kif temmet l-‘International Training Course on Regional Ocean Governance’. Fiex jikkonsisti dan il-kors u x’inhu l-għan tiegħu?

    Dan il-kors għandu warajh 30 sena esperjenza tal-International Ocean Institute fit-tagħlim dwar l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tal-baħar. Il-kunċett tal-IOI huwa mibni fuq il-prinċipju illi kull ma Dr Aldo Dragojeżisti fil-baħar u kull m’hawn fid-dinja mhuwiex biss tal-popli preżenti imma jappartjeni wkoll lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin wara. Għaldaqstant hemm l-obbligu illi jiġi salvagwardjat l-ambjent ta’ madwarna u biex dan isehh fil-prattika, jeħtieġ it-tagħlim, il-bidla fil-mentalità, kif ukoll titjib fit-teknologija biex tipprovdi l-għodda meħtieġa u x-xjenza biex nifhmu aħjar in-natura. Waħda mill-emfażi ta’ dan il-kors hija fuq l-implikazzjonijiet tal-Integrated Maritime Policy tal-Unjoni Ewropeja għall-ibħra reġjonali Ewropej u l-implimentazzjonijiet prattiċi tagħha filwaqt li jittieħdu in konsiderazzjoni id-differenzi li jeżistu bejn il-baħar Mediterranju, il-baħar l-Iswed, il-baħar Baltiku u l-Caspian Sea. Jekk nieħdu l-eżempju tal-baħhar Mediterranju, huwa fatt magħruf illi bosta mill-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun mhumiex membri tal-Unjoni Ewropeja. Fl-istess ħin biex ikollok policy marittima ħolistika fil-Mediterran li taħdem verament, ma jistax ikollok pajjiżi li jimxu ma’ ċerti prinċipji u oħrajn le. Mhux qed ngħidu illi l-pajjiżi kollha (anki dawk li mhux imsieħba fl-Unjoni Ewropeja) jridu jsegwu dak li tiddetta l-Ewropa, imma almenu huwa meħtieġ illi jkun hemm qbil fuq ċerti prinċipji fundamentali u titħaddan prattika komuni. Permezz ta’ dan il-kors tinħoloq l-opportunità illi l-partecipanti li jattendu anki mill-pajjizi ġirien tal-Unjoni Ewropeja jieħdu magħhom it-tagħlim li jirċievu u possibilment japplikawh f’pajjiżhom. Il-Kummissjoni Ewropeja tħares lejn dan il-kors bħala għodda tajba biex jippromwovi dan l-aspett u għalhekk hija waħda mill-isponsors tiegħu. Finalment dan il-kors jaqdi l-missjoni tal-IOI – li jxerred it-tagħlim favur l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar b’mod li l-ġid tad-dinja jitqassam b’għaqal madwar il-popli tad-dinja kollha.

    Min jista’ jattendi għal dan il-kors?

    Il-mira prinċipali tagħna hija lejn il-pajjiżi tan-naħa tal-Lvant tal-Ewropa u dawk tan-naħa t’isfel tal-Mediterran. It-targit tagħna mhumiex studenti żgħar imma individwi professjonali li diġà jaħdmu f’dan il-qasam jew li għandhom xi attività relevanti f’pajjiżhom. Fl-istess ħin il-parteċipanti jridu jkunu ta’ età biżżejjed żagħżugħa illi jkollhom futur quddiemhom sabiex aħna nkunu nistgħu nagħtuhom is-saħħa biex jirnexxu f’xogħolhom billi nipprovduhom b’viżjoni aktar wisgħa. Il-parteċipanti ta’ dan il-kors jiġu minn diversi setturi: NGOs, ministeri, istituti tar-riċerka, universitajiet u ħafna oħra. Hemm numru ta’ kriterji li jridu jintlaħqu biex wieħed ikun jista’ jattendi. Għalkemm huwa diffiċli li dawn il-kriterji jintlaħqu kollha, aħna nagħtu preferenza lil dawk li l-aktar joqorbu lejhom. Barra minn hekk, nagħżlu apposta individwi li ġejjin kemm mill-qasam tar-riċerka kif ukoll minn dak maniġerjali. Dan huwa aspett uniku tal-kors għax ġeneralment dawn iż-żewġ kategoriji ma jifhmux lil xulxin. Bosta drabi issib illi l-managers jaħsbu li m’għandhomx bżonn ix-xjenza biex jimxu, filwaqt li x-xjenzati jista’ jkun li ma jirrealizzawx kif ir-riċerka tagħhom jirriduċuwha ġo applikazzjonijiet li jkunu jistgħu jużaw il-managers biex itejjbu l-attivitajiet tagħhom. Fatt ieħor huwa illi dan il-kors jiswa l-flus u aħna nippruvaw nilqgħu applikazzjonijiet mingħand dawk illi jistgħu jsostnu partijiet mill-ispejjeż. Madanakollu bosta drabi tħallas kollox l-IOI u dan jinkludi l-vjaġġ, l-akkomodazzjoni f’Malta, allowance żgħira lill-parteċipanti u l-ispejjeż ġenerali tal-kors inkluż tal-lecturers barranin.

    Ikollkhom parteċipazzjoni tajba? Jattendu Maltin?

    Dejjem ikun hemm ħafna interess anki minn Maltin, imma f’bosta mill-każi tinħoloq problema peress li huwa diffiċli li titlaq mix-xogħol għal ħames ġimgħat konsekuttivi. Il-kors ta’ din is-sena kien ir-raba’ wieħed tax-xorta tiegħu. Attendew tnax-il barrani u wieħed Malti li jaħdem mal-Forzi Armati ta’ Malta. Dan huwa aspett ieħor importanti – li kull sena kellna tal-inqas parteċipant Malti. Fil-fatt minn dan il-kors ibbenefikaw numru ta’ entitajiet Maltin billi l-ħaddiema tagħhom ġew imrawwma aktar f’dan il-qasam. Bi pjaċir innutajna illi din is-sena kellna grupp mill-aqwa, b’varjeta tajba ta’ individwi li ġew minn oqsma differenti u li segwew u pparteċipaw b’interess matul il-kors kollu.

    Waqt dan il-kors, tirreferu għall-kwistjonijiet ambjentali Maltin?

    Il-kors huwa interattiv ħafna u l-parteċipanti jingħataw bosta eżerċizzji prattici. Ġeneralment niffukaw fuq ir-reġjuni Ewropej u mhux fuq Malta biss. Wieħed ma jistax jibqa’ biss fin-niċċa tiegħu imma jeħtieġ illi jiftaħ il-viżjoni tiegħu sabiex jifhem aħjar kif l-attivitajiet tal-oħrajn f’oqsma oħra relatati miegħu jistgħu jservu biex huwa jtejjeb l-operat tiegħu. Wieħed mill-aktar assignments importanti huwa li naqsmu l-parteċipanti f’erbgħa gruppi – wieħed għal kull reġjun. Fl-aħħar tal-kors kull grupp irid jippreżenta Regional Ocean Policy. Dan ifisser illi permezz tat-taħriġ u l-informazzjoni li jkunu ġabru matul il-kors, kull grupp irid jibni b’mod fittizju ftehim bejn il-pajjiżi f’dak ir-reġjun u fih ifassal x’inhuma l-miri prinċipali li l-pajjiżi qablu li għandhom jilħqu biex itejbu l-użu tar-riżorsi b’mod sostenibbli. Waqt dan l-eżerċizzju il-parteċipanti jieħdu sehem f’numru ta’ laqgħat fittizji li jorganizzaw huma stess biex jissimulaw l-proċess li bih jaslu għal ftehim bejn il-pajjiżi permezz ta’ laqgħat ta’ esperti u ta’ ministri. F’dan l-eżerċizzju, l-partecipanti jirċievu l-għajnuna ta’ esperti mqabbda apposta sabiex jindokraw lill-parteċipanti u jħarrġuhom b’mod professjonali biex jinbena ftehim internazzjonali u jintgħelbu l-konflitti. Flimkien jitgħallmu jindividwaw il-prijoritajiet tar-reġjun, jagħmlu r-rakommandazzjonijiet tagħhom u jiddiskutu biex jiksbu l-ftehim mal-entitajiet li jsibu quddiemhom. Apparti dan iżda nagħtuhom ukoll progett ta’ studju dwar Malta, fuq tema partikolari relatata mal-baħar. Hawnhekk il-parteċipanti jinqasmu f’żewġ gruppi u jagħmlu studju fuq il-baħar Malti biex joħorġu b’ideat dwar xi attivitajiet li jistgħu jsiru jew li jistgħu jinbidlu sabiex aħna l-Maltin nisfruttaw ir-riżorsi li għandna f’pajjiżna bl-aħjar mod possibbli.

    Tista’ issemmilna xi wieħed mill-punti li tqajjmu fir-rigward ta’ Malta waqt dan il-kors?

    Malta għandha x-xorti li fost il-pajjiżi Ewropej tħaddan l-akbar persentaġġ ta’ baħar fil-ġurisdizzjoni tagħha meta ikkomparat mal-medda tal-art. Imma aħna qegħdin nisfruttawha biżżejjed din ir-realtà biex ekonomikament nieħdu l-frott minnha? Id-dominju tal-baħar għandu potenzjal kbir biex jgħin fl-ekonomija tal-pajjiż. Għalhekk huwa importanti ħafna li nagħrfu sewwa x’nistgħu nieħdu minnu. U hawn mhux qed insemmi biss ir-riżorsi naturali tiegħu, li forsi l-baħar tagħna ma tantx għandu, ħlief ħut u ħlejjaq oħra. Il-baħar jista’ jintuża għal numru ta’ attivitajiet. Per eżempju f’Malta qed inħarsu lejn l-enerġija alternattiva u qed nibbażaw ħafna fuq ix-xemx u r-riħ. Iżda jeżisti potenzjal ieħor li ma tantx nagħtuh importanza kbira – is-saħħa tal-mewġ. Kieku f’Malta insibu mezz kif nisfruttaw dan il-qasam, bla dubju jkollna sors għall-enerġija li jista’ jirrendi ħafna.

    Dawk li huma interessati jkunu jafu aktar dwar l-IOI u dwar dan il-kors, minn fejn jistgħu iġibu din l-informazzjoni?

    Hemm numru ta’ siti fuq l-internet li jagħtu aktar tagħrif dwar dan iċ-ċentru u l-attivitajiet tiegħu. Is-sitt ufficcjali tal-IOI Malta Operational Centre (IOI-MOC) huwa www.capemalta.net. Tagħrif dwar il-kors li tkellimna fuqu jintlaħaq permezz tas-sit www.capemalta.net/ioimoc/course2008/. Tagħrif dwar l-IOI internazzjonali jinstab fuq http://www.ioinst.org/.

    ——————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: VJERAN PIRSIC – President tal-Assoċjazzjoni Ambjentali Eko Kvarner

    Inti wieħed mill-parteċipanti li attendejt għall-‘IOI Malta International Training Course on Regional Ocean Governance’. X’deherlek minn dan il-kors?

    Il-kors kien interessanti ħafna u ta’ benefiċċju għalija speċjalment minħabba li kelli l-opportunità li naqsam l-esperjenzi u niddiskuti dwar diversi kwistjonijiet ambjentali u ekoloġiċi mal-parteċipanti l-oħra li kienu ġejjin minn pajjiżi differenti. B’hekk stajt nara stampa aktar sħiħa ta’ dak li qed jiġri madwar id-dinja. Veru li illum huwa faċli ħafna illi tidħol fl-internet u tagħmel ir-riċerka minn hemmhekk. Imma dan m’għandu x’jaqsam xejn maċ-ċans li tisma’ l-esperjenzi diretti tan-nies u li jkollok il-possibilità li tistaqsihom u tiddiskuti magħhom.

    Għaliex tħajjart tattendi għal dan il-kors?

    Jiena l-President tal-Assoċjazzjoni Ambjentali Eko Kvarner fil-Kroazja. F’dawn l-aħħar snin, kont involut f’diversi kwistjonijiet ambjentali. Flimkien ma’ sħabi l-membri l-oħra tal-assoċċjazzjoni, nistinka kemm niflaħ biex nara li pajjiżi jkun protett minn kull forma ta’ theddid ta’ din ix-xorta. Attendejt għal dan il-kors għax huwa mal-linja ta’ dak li jien ngħix għalih kuljum – il-ġid ambjentali. Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni Eko Kvarner tixtieq tistabilixxi istitut indipendenti minnha, li jiġbor fih esperti minn diversi oqsma sabiex jgħinu fit-tħaris tal-ambjent. Għalqastant l-għan l-ieħor għala attendejt għal dan il-kors kien li xtaqt niltaqa’ ma’ individwi oħra li bħali jaħdmu f’dan il-qasam u li fl-istess ħin jgħixu r-realtajiet tal-pajjiż tagħhom. Kont interessat li nara x’kienu l-problemi tagħhom u kif jaħdmu biex isolvuhom. Fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultat, kif għedtlek, kien soddisfaċenti ħafna.

    Kif bdiet l-Assoċjazzjoni Eko Kvarner?

    Din l-assoċjazzjoni nħolqot meta fuq il-gżira Kroata tiegħi Krk, beda jiġi ikkunsidrat il-proġett Druzba Adria li kien jikkonsisti fit-tqegħid ta’ kanen sabiex jintużaw għat-trasport taż-żejt mir-Russja. Dan Vjeran Pirsickien ifisser illi madwar 15-il miljun tunellata ta’ żejt kienu ser jibdew jiddaħħlu mill-port ta’ Omisajl fuq il-gżira ta’ Krk fin-Nord ta’ l-Adrijatiku. Proġett bħal dan kien ser joħloq diversi problemi fiż-żona tagħna. L-ikbar biża’ kienet it-tniġġis tal-baħar, kemm minħabba l-possibilità ta’ xi inċident marittimu li jista’ jikkaġuna t-tixrid taż-żejt, kif ukoll għall-ilma tas-saborra (‘ballast water’) tal-vapuri illi meta’ jintrema’ f’ibħra differenti minn dawk ta’ fejn ikun inġabar, jaf joħloq dannu kbir fl-organiżmi lokali marittimi u allura wkoll fil-flora u fil-fawna tal-pajjiż. It-turiżmu, li minnu aħna niddependu ħafna, ukoll kien ser jiġi affetwat ħażin. Ma stajnix inħallu dan kollu jseħħ. Iddeċidejna li niġġieldu kontra dawn id-deċiżjonijiet. Flimkien ma’ diversi attivisti oħra ħloqna l-assoċjazzjoni ambjentali Eko Kvarner sabiex nipproteġu l-ambjent ta’ pajjiżna. Kienet battalja qalila għax fin-nofs kien hemm diversi interessi ta’ rjus kbar, fosthom tal-President Russu Vladimir Putin. Imma finalment irnexxielna nirbħu l-appoġġ tal-poplu meta 92% ivvutaw kontra l-proġett. Minn dakinhar ‘l hawn, ma ħarisna qatt aktar lura. Anzi, qed niġbru kemm nifilħu esperti magħna sabiex flok inkunu re-attivi insiru aktar pro-attivi u nagħrfu l-problemi qabel iseħħu.

    Matul il-ħames ġimgħat ta’ dan il-kors kellek ċans issir taf ftit aktar lil Malta u lill-Maltin?

    Iva. Żort diversi postijiet u stħarriġt bir-reqqa s-sitwazzjoni ta’ dil-ġżira. Il-Maltin jilqgħuk ħafna għalkemm ma nistax ngħid l-istess għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja. Servizz u nies diżappuntanti ferm. Sfortunatament lanqas ma kont impressjonat bl-istat ambjentali ta’ Malta. Meta tlajt fuq is-swar tal-Imdina u ħarist madwari, ħassejtni klawstrofobiku. Intbaħt li ftit li xejn għandkhom veġetazzjoni – kullimkien mibni. Min-naħa l-oħra, nammetti li mpressjonajt ruħi immens mill-Ipoġew, mill-istorja tal-pajjiż u mill-bini storiku tiegħu. Imma anki f’dan il-qasam hemm ħafna xi jsir. Il-lokalitajiet storiċi mhumiex reklamati biżżejjed, m’hemmx rotot diretti għalihom u meta tasal f’diversi postijiet, ma ssibx multi-media biex jispjegalek x’qed tara.

    Fil-fehma tiegħek x’jista’ jsir biex l-ambjent Malti jiġi aktar attraenti?

    L-ewwel nett waqqfu dan il-bini kollu u toħorġux aktar permessi! Għaliex qed tkomplu timlew kullimkien, issa anki b’bini għoli ta’ diversi sulari li xejn ma jixraq ma’ dil-gżira, meta għandkhom madwar 40,000 post vojt? Użaw lilhom. Ir-raba’ u l-art preservawha. Agħmlu l-ambjent kwistjoni pubblika, fejn kull proġett li jaf ikun ta’ theddida ambjentali jiġi mistħarreġ sewwa u mwaqqaf jekk ikun hemm bżonn. F’Malta jidher biċ-ċar li s-settur privat għandu saħħa kbira fil-pajjiż. Huwa fl-interess stess tal-poplu li jgħix f’pajjiż attraenti u li jkun kburi li jgħix fih. Iġġieldu għall-interessi tagħkom u ta’ pajjiżkhom. Irriklamaw lil Malta għall-interess kulturali tagħha u mhux biss għall-baħar u l-bajjiet. B’hekk tiġbdu turisti ta’ livell għola li jħallu ħafna aktar flus warajhom. Żidu l-livell tad-destinazzjoni u mhux tal-hotels. Jekk irrid immur vaganza biex noqgħod ġo hotel mill-aqwa immur Dubai u mhux niġi hawn. Imma mbagħad Dubai m’hemmx l-istorja li għandkhom hawn.

    Liema huma l-aktar kwistjonijiet ambjentali li laqtuk f’pajjiżna?

    Kif semmejtlek diġà, waħda mill-problemi f’dal-pajjiż jidhirli li hija l-użu bla rażan tal-art. Jiena li wkoll ġej minn gżira, nagħti ħafna importanza lis-sostennibilità tal-pajjiż. Hawnhekk tużaw l-elettriċità biex iġġibu l-ilma u qed tużaw ħafna mill-art għall-iskop tal-bini. X’tagħmlu li kieku kellha tinqala’ xi kriżi mondjali taż-żejt jew per eżempju jekk ma tkunux tistgħu timpurtaw ikel? Kif ser tħaddmu l-makkinarju? Għandkhom biżżejjed art fuqhiex tkunu tistgħu idduru biex issostnikhom għal dak iż-żmien? Għalkemm kwistjonijiet ta’ din ix-xorta fil-preżent jafu jidhru l-bogħod mir-realtà, wieħed irid joqgħod attent ħafna. Min qatt kien jobsor li l-Amerika setgħet issib ruħha fi kriżi finanzjarja kif ġara fl-2008? Huwa importanti li tinħoloq strateġija fuq waste-case scenario… li kieku tinqala’ kriżi, kapaċi tissoppravvivu? Hemm bżonn li fil-pajjiż ikun hemm strateġija tajba għal kull eventwalità. Jeħtieġ li jkun hemm viżjoni ċara msejjsa fuq studji serji biex il-pajjiż jingħata direzzjoni. Fuq kollox hemm bżonn li r-riżorsi tal-pajjiż jiġu utilizzati bl-aktar mod effiċjenti. Per eżempju f’Malta ilkhom is-snin tiddiskutu l-enerġija alternattiva. Għaliex wara das-snin kollha għadkhom m’għamiltu xejn? Għaliex meta għandkhom il-barka ta’ dix-xemx kollha, m’għandkhomx solar panels fuq kull bejt Malti? Dan l-argument m’għandux ikun kwistjoni ta’ profitti imma kwistjoni nazzjonali fejn il-gvern għandu l-obbligu li jissussidja jew li jagħti self sabiex il-poplu Malti kollu jikkontribwixxi permezz tal-ġbir tar-raġġi tax-xemx. Jiena naf illi t-triq hija iebsa. Imma m’hemmx soluzzjoni oħra. Jeħtieġ li l-poplu jqatta’ bi snienu biex jieħu dak li jistħoqqlu bi dritt. L-għan aħħari ta’ kull ċittadin Malti għandu jkun li pajjiżu jkun aktar sostenibbli.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-11 ta’ Jannar 2009)