• M’GĦANDKOMX VIŻJONI GĦAL PAJJIŻKOM

    “Jidher biċ-ċar li m’għandkomx viżjoni għal pajjiżkom. Ma tafux fejn tridu tmorru. Hawn Malta s-settur privat huwa wisq viċin tal-gvern u tal-partiti politiċi. U mingħajr pjan ma tasal imkien. Anzi! Taf tieħu deċiżjonijiet li aktar tard jiddispjaċik li tkun ħadthom imma mbagħad ikun tard wisq biex tirranġa s-sitwazzjoni. Mhux dejjem tista’ tirbaħ lura dak li tkun tlift,” qalilna Vjeran Pirsic, attivista ambjentali u l-President tal-għaqda Eko Kvarner fil-Kroazja.

    Dan l-aħħar Pirsic kien qiegħed f’Malta jipparteċipa f’kors tal-International Ocean Institute. Pirsic huwa gradwat fil-Matematika u l-familja tiegħu għandha kumpanija tal-assigurazzjoni fil-Kroazja fejn hu oriġinarjament kien jaħdem.

    “Fl-1991 pajjiżna sab ruħu fi gwerra. Stajna nagħmlu żewġ affarijiet: jew ninżlu għarkubbtejna u nċedu, inkella nqumu u niġġieldu biex ma nħallux lil min jgħaddi minn fuqna. Jien kont ma’ dawk tal-aħħar. Vjeran PirsicMinn dak inhar ‘l hawn ħajti inbidlet. U meta l-gwerra għaddie,t ingħaqadt ma’ numru ta’ persuni oħra sabiex flimkien bnejna l-għaqda ambjentali Eko Kvarner. Irrid niċċaralek li aħna m’aħniex attivisti li nagħmlu ħoss ċkejken biex inkunu għamilna xi ħaġa. Aħna unita kombattiva. Ma neżistux biex noqogħdu naħlu l-ħin niddiskutu fuq l-imwejjed. Aħna nagħrfu l-problema, insibuha u nibqgħu nagħtu sakemm neqirduha.”

    Mibni bi statura kbira mhux ħażin, ma tridx wisq biex timmaġina lil dan ir-raġel jiġġieled għal dak li jrid. L-ambjent huwa għal qalbu immens. Jemmen illi kulħadd, kullimkien hu fid-dmir li jagħmel il-parti tiegħu għax finalment id-dinja hija ta’ kull individwu u mhux kull pajjiż għandu jintelaq għal rasu. Id-dinja saret katina waħda: dak li tagħmel naħa, f’xi żmien jew ieħor ser teffetwa lin-naħa l-oħra.

    Ma damx jomogħda ħafna. Qalilna illi Malta ma mpressjonatux daqstant. “Kullimkien mibni. Kważi m’għandkhom imkien fejn tista’ tmur u toqgħod tirrilassa f’ambjent nadif u mdawwar bin-natura.”

    Ma tlumux. Pirsic ġej mill-gżira ta’ Krk li hija mogħnija b’natura mill-isbaħ. Kull meta mar idur mal-gżira Maltija, ħlief bini ma rax. “Għalija Malta huwa pajjiż li żżuru għal weekend u daqshekk. Kemm iddur xi ftit postijiet storiċi bħall-Ipoġew u l-bqija m’hemmx aktar x’tara. Baħar għandi kemm irrid f’pajjiżi. Ma nafx kif tippromwovu lil Malta għal baħar u x-xemx, meta għandkhom tant teżori storiċi li ma ssibx f’pajjiżi oħra. Messkhom idduru dawra magħhom, tagħmluhom aktar aċċessibbli għat-turist u fuq kollox tipprovduh b’multi-media sabiex ikun jista’ japprezza x’qiegħed jara quddiemu. B’hekk tattiraw turisti ta’ kwalità u li jkunu jistgħu jonfqu aktar.”

    Ma setax jifhem kif f’Malta għadna qed nieħdu mill-art biex nibnu meta għandna dawk l-eluf ta’ postijiet vakanti. Wera tħassib serju għall-futur u staqsa jekk Malta tkunx kapaċi tissoppravvivi li kieku kellha tinqala’ xi problema kbira dinjija u l-Maltin jispiċċaw maqtugħin minn kulħadd biex ifendu għal rashom. “X’tagħmlu biex tieklu kieku, la tkunu ħadtu l-art kollha għal bini?”

    Sostna illi hemm bżonn li mill-aktar fis il-Maltin jaraw fejn iridu jidderieġu lil Malta ħalli b’hekk iwaqqfu d-direzzjoni għan-niżla li jidher li qed jieħu pajjiżna.

    “Huwa importanti illi l-poplu kollu jidħol fil-kwistjoni għax hekk jew hekk din il-problema hija ta’ kulħadd. U tridu tieħdu azzjoni immedjata, qabel ikun tard wisq. Tippruvawx tikkritikaw u żżommu l-proġetti bla ma jkollkhom informazzjoni dettaljata. Użaw l-esperti tagħkom, studjaw il-proposti, offru s-soluzzjonijiet, agħmlu petizzjonijiet u araw li jiffirmahom kulħadd. Ippreżentawhom lill-gvern u agħmlu pressjoni kontinwa fil-gazzetti u fuq il-medja kollha. Fl-aħħar xi ħaġa ikollha issir żgur.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 ta’ Jannar 2009)