• QEGĦDIN NAGĦRFU BIŻŻEJJED IL-POTENZJAL TAĊ-ĊINA?

    INTERVISTA: RENO CALLEJA - President tal-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina

    Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn ir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina?

    Reno CallejaStorja twila iżda ta’ min jirrakuntaha għax qatt ma ħriġtha fil-beraħ. Fis-sittinijiet jien kont attiv ħafna fl-Għaqda Żgħażagħ Laburisti. Il-Partit Laburista kien qed jagħmel ġlieda bis-serjetà biex Malta tikseb il-Ħelsien. Dak iż-żmien twaqqfet l-AAPSO (The Afro Asian People’s Solidarity Organisation) biex tagħmel pressjoni fuq il-kolonjalisti biex jagħtu l-ħelsien lil pajjiżi maħkuma minnhom.   Jien kelli qilla kbira kontra l-Punent għax kont inħoss li qed iżomm mal-Ingliżi. Għalhekk kien naturali għalija li fl-Unjoni Sovjetika nara ħabib ta’ Malta.  Għalkemm kont nemmen fis-sistema pluralistika  u demokratika tal-Punent, is-sistema xellugija bdiet tiġbidni lejha. Castro, Krechev u ħafna ġellieda kontra l-Punent kienu l-idoli tiegħi. Niftakar li darba minnhom, waqt li kont fuq xogħol bħala reporter mal-Orizzont, sejjaħli Mintoff. Staqsini jekk kienx minnu li kont “qed ninnamra mar-Russi”. Jien weġibtu “Ma’ min trid tinnamra, mal-Amerikani?”. U hu dar lejja kwazi nkurlat u qalli  “Isma’ xbin, dawk   pu——ijiet daqs l-Amerikani.  Iċ-Ċina. Ħares lejn iċ-Ċina.  Dawk veru ħbieb ta’ nies bħalna.” Dal-kliem erġajt ftakart fih meta f’Ġunju tal-1971 iltqajt mal-kittieb u ġurnalista Afro-Amerikan Richard Gibson. Dan spjegali kif ra mat 30,000 ħaddiema Ċiniżi jaħdmu bil-lejl u bi nhar biex jibnu l-linji tal-ferroviji li tgħaqqad lit-Tanganijika u ż-Żanżibar. Biex għamlu dan, għaddew minn ġo muntanji, ġungli, telgħat, niżliet … insomma biċċa inġinerija meraviljuża. Għamlu dan mingħajr ma stennew xi favuri mingħand Nyerere li kien qed jiġġieled għal ħelsien ta’ pajjiżu. Richard ħeġġiġni biex inwaqqaf Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina. Fija nibtet xrara ta’ ammirazzjoni għaċ-Ċina u fl-istess ħin ikkonfermajt x’viżjoni kellu Mintoff. Kellimt lil Charles Mizzi, Joe Conigolio tal-GWU, Richard Matrenza, Gigi Gauci u Charles Farrugia u flimkien waqqafna l-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina. Kellna l-ewwel uffiċju tagħna f’kamra waħda fi Triq Zekka. Minn hemm ma ħaristx lura. Bqajt dejjem ħabib ta’ dan il-poplu. Mument li ma ninsa qatt huwa meta kelli l-unur li Mintoff, bħala Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, qabbad lili biex nagħti l-Midalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika, li hija l-għola unur li tista’ tagħti Malta, lill-armla ta’ ħaddiem  Ċiniz, Xu Hwej Xung, li miet f’Malta waqt li kien qed jaħdem fuq ir-Red China Dock.

    Taħseb li hemm rieda biżżejjed biex il-Gvern Malti jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħu maċ-Ċina?

    Ir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina huwa qasam fejn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’Malta jaqblu li għandhom jitkattru u jissaħħu. Il-Partit Nazzjonalista  fil-bidu tas-sebgħinijiet għamel gwerra lil gvern Laburista dwar ir-relazzjonijiet li kien waqqaf maċ-Ċina.  Kelliema tal-Partit Nazzjonalista u l-aktar il-gazzetti li kienu jappoġġjawhom, inkluż it-Times u s-Sunday Times, kienu jwerwru lill-Maltin li ċ-Ċiniżi kienu se jiekluhom. Kienu jgħidu li ċ-Ċiniżi qegħdin Malta għax tilfu l-Albanija u għalhekk riedu jagħmlu bażi f’Malta. Qalu li ċ-Ċiniżi riedu jdaħħlu l-Kommuniżmu f’Malta u ħafna ħmerijiet oħrajn. Kienu jattakkaw bl-aħrax il-ftehim finanzjarju li Mintoff iffirma ma’ Chou En Lai u qalu li ċ-Ċina kienet se teħdilna ħafna aktar milli tagħtna.  Attakkaw il-fabbriki li fetħu ċ-Ċiniżi u l-proġetti li kienu qed jgħinuna biex nibnu. Uħud min-Nazzjonalisti kienu jgħoxew jiddieħqu biċ-Ċiniżi għax kienu jgħidu li huma wiċċ wieħed u li kollha jilbsu l-istess; qmis mal-għonq u qalziet griż. Minkejja dan kollu, huwa mertu ta’ nies bħal Guido Demarco u Ċensu Tabone, li malli ndunaw li l-Punent kien qed iħares lejn iċ-Ċina bħala qawwa  ekonomika li kienet qed tikber kuljum, in-Nazzjonalisti dawwru r-rotta u saru ħbieb taċ-Ċiniżi wkoll. Madankollu wara li għidt dan, nistqarr li fil-fehma tiegħi mhux qed isiru sforzi bizzejjed biex Malta tgawdi biżżejjed mill-progress enormi li għamlet iċ-Ċina. Għal snin twal il-gvern Nazzjonalista kien ossessjonat li jgħaqqad lil Malta mal-Ewropa. Kważi r-riżorsi kollha tal-Uffiċju tal-Affarijiet Barranin Malti huma ngranati biex jitkattru u jikbru r-relazzjonijiet tagħna mal-Ewropa. Jiena naqbel ma’ dan. Iżda jidhirli illi fil-ħerqa tagħna biex nagħmlu dan, qed ninjoraw il-potenzjal enormi li hemm fil-qasam ta’ ko-operazzjoni ekonomika li Malta jista’ jkollha maċ-Ċina.

    Illum id-dinja kollha qed ’tilgħaq’ liċ-Ċina. Aħna le. Nistennew il-bajtra taqa f’ħalqna. Hemm ħafna oqsma fuqhiex nistgħu naħdmu bħal qasam ta’ proġetti bi sħab, il-qasam tat-trasport, il-qasam tal-loġistika u l-qasam finanzjarju.  Fil-qasam tat-turiżmu, fejn Malta tista’ tkun aktar aggressiva u pro-attiva biex tgawdi mill-progress enormi li ċ-Ċina għamlet u għadha qed tagħmel, m’hemm l-ebda rieda politika biex dan isir. Meta Malta ser ikollha sena ħażina għax l-Ewropa għaddejja min riċessjoni kbira, inħoss li reqdin raqda fonda aktar minn ta’ qanfud fix-xitwa. Kilt ilsieni ngħid lil min hu fil-poter biex nimbarkaw fuq kampanja serja u aggressiva fiċ-Ċina u biex nagħmlu alleanzi ma’ operaturi turistiċi Ċiniżi li jibgħatu miljuni ta’ turisti f’diversi pajjiżi. Iżda sal-lum, kliemi waqa’ fuq widnejn torox.  Dan l-aħħar aġent tal-ivjaġġar Ċiniż, infaqa’ f’ittra li kiteb fit-Times fejn ikkrittika bl-aħrax lil Malta għax raqdet fejn jidħol is-suq Ċiniż. Qal ċar u tond li pajjiżi li bdew ir-relazzjoni tagħhom maċ-Ċina wara Malta, qed jiġdbu mijiet ta’ eluf ta’ Ċiniżi lejn pajjiżhom. Hawn Malta, in-numru ta’ turisti Ċiniżi li jiġu, tgħoddhom fuq ponot subgħajk!

    X’kontribut tħoss li tista’ tagħti inti biex dan iseħħ, anki mil-lat tal-Għaqda li inti President tagħha – L-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina?

    L-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina ilha tagħmel xogħol il-gvern għal snin twal. Per eżempju sentejn ilu jien organizzajt festival tal-ikel Malti fi Guangdong, l-akbar provinċja fiċ-Ċina fejn hemm 81 miljun ruħ. Miegħi ħadt furnar Malti minn Ħal-Qormi, wieħed mis-sidien tal-Maypole Bakery. Kellha tkun il-lukanda Westin u kellu jkun sid il-Maypole li ħallsu minn buthom biex jgħinuna sabiex dan il-festival tal-ikel Malti sar fiċ-Ċina. Il-Ministeru tat-Turiżmu lanqas ewro wieħed ma tana. Eżempju ieħor huwa illi kull sentejn, l-Għaqda tibgħat grupp ta’ żeffiena biex jieħu sehem f’festivals tal-folklor fiċ-Ċina. L-Għaqda tieħu sehem ukoll f’diversi kompetizzjonijiet ta’ fotografija, pittura u oqsma oħra tal-arti. Iġġib f’Malta diversi delegazzjonijiet mill-Għaqdiet ta’ Ħbiberija fiċ-Ċina. Kontinwament tgħin, fejn tista’ u fejn tiġi mitluba,  lil negozjanti Maltin biex jinfdu fis-suq Ċiniż. Dak li nagħmlu aħna b’mod volontarju ma jagħmlux il-gvern. Għax kif diġà għidt, ma hemmx ir-rieda politika biex dan isir. Ħafna kliem sabiħ, iżda meta niġu għas-sustanza, ftit li xejn. Il-Malta Tourism Authority qed tonfoq il-miljuni fi swieq diġà stabbiliti. Iżda sal-lum qatt ma ħadet bis-serjetà s-suq Ċiniż. Jiena qed nistenna li meta f’Lulju li ġej l-Għaqda tieħu sehem fil-festival ta’ Tianjin, l-MTA tgħinna biex intellgħu grupp ta’ żeffiena Maltin. Naf li aktarx qed noħlom. Iżda se nippruvaw.

    Minn rapporti fuq gazzetta lokali jidher li biex nies Ċiniżi jiġu Malta qegħdin isibu diffikulta’ biex jakkwistaw viża. Għaliex taħseb li qed iseħħ dan?

    Dan għalija misteru akbar mis-sigriet ta’ Fatima. Hu minnu li wara dak li ġara xi snin ilu, meta f’Malta nkixfet konfoffa fejn ħafna Ċiniżi kienu qed jiġu Malta biex jaħarbu lejn l-Italja, illum l-Ambaxxata tagħna fiċ-Ċina, bir-raġun, toqgħod attenta ħafna qabel toħroġ il-viża għaċ-ċittadini Ċiniżi. Iżda jekk pajjiżi oħra li   bħalna huma fis-Shengen Area, qed joħorġu eluf ta’ viżi, aħna għaliex le? Tgħid qed inkunu kattoliċi aktar mill-Papa? Akkost tar-riċessjoni dinjija, ċ-Ċina xorta waħda se jkollha tkabbir ta’ 8 jew 9 fil-mija fl-ekonomija tagħha. Jekk Malta trid bis-serjetà tgawdi minn dan, ma tistax tibqa’ tikkontrolla kollox b’sitta min-nies fl-Ambaxxata ta’ Bejing.  Pajjiżi oħra fetħu ambaxxati kbar fiċ-Ċina biex ikunu attivi u biex pajjiżhom jibbenefika mill-ġid kbir li hemm f’dan il-pajjiż. Hekk kif ninvestu fl-Ewropa, għandna wkoll ninvestu fiċ-Ċina billi niftħu kounsulati tal-anqas f’żewġ provinċji oħra bħal Shanghai u Guangdong. Huwa minnu li konsulat iqum lil pajjiż daqs li kieku jkollu ambaxxata. Però bin-nuqqas ta’ għaqal li qed nuru, qed nitilfu l-qaleb u l-ġbejna. Moħħna biss fl-Ewropa meta fiċ-Ċina, fl-Indja u fil-Brażil qed isir progress kbir. Dawk li bdew warajna, għaddewna. Diġà qegħdin tard, iżda jekk isir dak li qed nissuġġerixxi jien, għad hemm iċ-ċans. Inkomplu ma nagħmlu xejn u lanqas il-frak ta’ fuq il-mejda ma ser jibqa’ għalina.

    Kif taħseb li Malta tista’ tibbenefika mill-ħbiberija maċ-Ċina?

    Naħseb li fir-risposti li tajtek ippruvajt nuri x’jista’ jsir biex Malta tgawdi mill-progress enormi li qed isir fl-ekonomija Ċiniża. Jien nemmen li hekk kif iċ-Ċina salvat lil Asja meta fl-l996/97 kien hemm kollass ekonomiku kbir f’dan il-kontinent, hekk ukoll din id-darba ser tkun iċ-Ċina li ser tghin ħafna biex ir-riċessjoni dinjija tingħeleb. Madanakollu ċ-Ċina ser titlob prezz. M’għandix dubju li ser titlob aktar sehem fit-tmexxija tal-Bank Dinji u fil-Fond Monetarju Internazzjonali. Iċ-Ċina se żżid fl-importanza tagħha bħala forza ekonomika u politika. Jekk aħna se nibqgħu qiesna l-għoġġieba, nistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqna, se jisgħobina. Inħeġġeġ ukoll lill-kommunita’ tan-negozju f’Malta biex ixomm x’qed jiġri fiċ-Ċina. Persważ li din is-sena u sena d-dieħla ċ-Ċina se tinvesti l-biljuni f’pajjiżi barrani fi proġetti bi sħab, f’xiri ta’ negozji li qed imutu,  fit-twaqqif ta’ negozji ġodda u fil-qasam tat-turiżmu. Fl-2010 l-Expo se ssir f’Shanghai. Malta se tieħu sehem? Jekk iva, x’qed tagħmel il-Malta Enterprise biex tieħu magħha grupp ta’ negozjanti Maltin?  L-Awtorità tat-Turiżmu qegħdha tippjana u tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex ikollha stand Malti sabiex fiha tippreżenta l-lukandiera u l-operaturi tal-vjaġġi Maltin?   Aħna bħala Għaqda, għandna l-unur kbir li l-artist Malti, Joseph Barbara, li hu membru tal-Eżekuttiv tal-Għaqda, kellu diżinn tiegħu li ntgħażel għal-logo tal-Expo 2010. Ma rebaħx il-kompetizzjoni imma d-diżinn tiegħu kisiblu isem. Aħna nistgħu ngħinu jekk il-Malta Enterprise u l-MTA jitolbuna l-għajnuna. Għandna l-kuntatti meħtieġa. Nafu ċ-Ċina fuq ponot subgħajna. Nistgħu ngħinu.

    ————————————————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: CLIFFORD BORG-MARKS - Sinologu u film-maker

    Kif bdiet ir-relazzjoni tiegħek maċ-Ċina?

    Clifford Borg-MarksMa nafx eżatt għaliex, imma meta kont tifel kont diġà ninteressa ruħi ħafna dwar iċ-Ċina. Niftakar kemm kont nieħu gost meta nsib xi ktieb jew artiklu dwar xi vjaġġ ta’ xi avventurier fiċ-Ċina. Kont noħlom li għad xi darba mmur hemm u nitgħallem dwar dan il-pajjiż. Meta kont żagħżugħ żgħir fil-Liċeo bdiet tinteressani wkoll l-istorja politika tal-pajjiż u kont anke nordna xi kotba minn Beijing. Ħafna drabi, dak iż-żmien, il-kotba kienu jeħlu fiċ-ċensura u mhux darba jew tnejn li rċevejt envelopp vojt! Kelli 15-il sena meta l-Prim Ministru Duminku Mintoff żar iċ-Ċina l-ewwel darba. Niftakar li l-film uffiċċjali taż-żjara kien intwera fiċ-ċinema u kien ħalla impressjoni qawwija fuqi.

    Fl-istess sena,  kien ġie Malta t-tim nazzjonali Ċiniż tat-table tennis u missieri kien ħadni narahom jilgħabu f’wirja speċjali li għamlu għall-ħaddiema tat-Tarzna. Naħseb li kienu l-ewwel Ċinizi li qatt rajt b’għajnejja. Meta ta’ 16-il sena mort nistudja ġewwa Wales, f’Atlantic College, hemm sibt l-ewwel grupp ta’ studenti Ċiniżi li studjaw barra minn pajjiżhom waqt ir-Rivoluzzjoni Kulturali ta’ dak iż-żmien u kien magħhom li bdejt nistudja ċ-Ċiniż. Bla dubju kont għadni żgħir u fidil u kont influwenzat mill-propaganda ta’ dak iż-żmien u ħassejt ħeġġa biex immur nistudja hemm. Wara ħafna taħbit u ostakoli, irnexxieli nakkwista borża ta’ studju oħra mill-Gvern Ċiniż wara li letteralment mort inħabbat il-bieb tal-ambaxxata Ċiniża f’San Ġiljan. L-ewwel intfajt għal sena intensiva fuq il-lingwa biss u mbagħad komplejt fl-Universita’ ta’ Peking fejn il-ħajja kienet sempliċi u bażika ħafna imma kont għal qalbi. Naturalment, malajr fhimt li ħafna mill-propaganda li kont blajt kienet qarrieqa u li l-istampa fil-pajjiż ma kienetx feliċi daqs dik impittra fil-pubblikazzjonijiet li kont qrajt qabel wasalt. Biss il-kurżita’ tiegħi kompliet kibret u l-esperjenzi li kelli komplew aktar affaxxinawni.

    Inti gradwat fil-Letteratura u fil-Liġi Ċiniża. X’wasslek biex tibdel il-karriera tiegħek għal dik ta’ direttur tal-films?

    Iva, studjajt dawn is-suġġetti. Imma kultant ċertu tibdiliet tagħmilhom int u drabi oħra jagħmluhomlok. L-ewwel xogħol tiegħi wara li ggradwajt kien mal-gvern. Ta’ 25 sena ingħaqadt mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin taħt il-Ministru Alex Sciberras Trigona, li dak iż-żmien ftit kien akbar minni fl-età.  Bgħatuni niftaħ l-ambaxxata Maltija f’Beijing. Aktarx ma kienu sabu ‘l ħadd aktar li ried imur jgħix hemm dak iż-żmien! Domt naħdem mal-gvern sa ftit wara l-elezzjoni tal-1987 u mbagħad kont emigrajt lejn l-Amerka mal-familja. Hemm ħdimt bħala konsulent fuq il-kummerċ maċ-Ċina sakemm ġietni l-opportunita’ li ningħaqad ma’ ditta internazzjonali ta’ avukati fl-uffiċċju tagħha f’Hong Kong. Għamilt 13-il sena ma’ din id-ditta u speċjalizzajt fil-liġi Ċiniza tal-proprjeta’ intellettwali. Dak kien żmien interessanti ħafna għax hemmhekk kelli ċ-ċans nagħmel xogħol pijunier fuq sistema legali li kienet qed tiżviluppa b’pass mgħaġġel. Ix-xogħol qatt ma naqas imma kelli bzonn bidla. Il-ħajra li naħdem fil-qasam ċinematografiku bdiet meta fl-1980 ħdimt bħala attur ġo film Ċiniz li kien intwera madwar iċ-Ċina kollha. Kellu bżonn kull min ra il-film tani ċentezmu! Ma kienx xi film tajjeb imma kien għoġobni x-xogħol. Wara ħafna snin naħdem fil-kamp legali iddeċidejt li nipprova nerġa’ nibdel. Għamilt xi korsijiet qosra u bdejt inħawwad xi ħaġa. Illum nipproduċi dokumentarji tiegħi stess u ngħin ditti barranin meta jkunu qed jiffilmjaw f’lokazzjonijiet Ċiniżi.

    Fost ix-xogħlijiet tiegħek, id-dokumentarji sportivi “The Hobby” u “Sinews” kienu dawk li rċevew l-akbar unuri. X’taħseb li kien is-suċċess warajhom u għaliex iffukajt fuq suġġetti sportivi?

    Iffukajt fuq suġġetti sportivi għax ninteressa ruħi fl-isports. Biss dawn iż-żewġ dokumentarji għandhom fihom element ta’ nostalġija. Fl-ewwel wieħed ħarist lejn il-logħba tas-Subbuteo, logħba li kważi 40 sena ilu kien hemm miljuni jilgħabuha u llum, bl-effett tal-logħob elettroniku, fadal biss xi eluf madwar id-dinja kollha. Fit-tieni, użajt siltiet minn films sportivi Ċiniżi li saru matul iż-żminijiet biex nirrakkonta l-istorja tal-isports fiċ-Ċina moderna. Ridt ukoll nikkummenta dwar l-effett dewwiemi tal-enfażi Ċiniż fuq l-isport li ma jikkonsistix biss fuq in-numru kbir ta’ medalji li jirbħu atleti Ċiniżi f’ħafna sport imma wkoll fuq is-saħħa u fuq l-ispirtu tal-poplu kollu.

    Bħalissa għaddej bix-xogħol fuq “Art-Break In”, dokumentarju ieħor dwar  l-esperjenza tal-istudenti Ċiniżi waqt il-preparazzjoni tagħhom għall-eżami tad-dħul fl-Akkademja Ċentrali tal-Arti. Fil-fehma tiegħek kemm hu differenti l-metodu tat-tagħlim f’Malta għal dak fiċ-Ċina?

    Miniex kwalifikat biex nikkummenta dwar is-sistema tal-edukazzjoni f’Malta għax ili wisq ma jkolli kuntatt magħha. Biss fiċ-Ċina hemm għatx kbir għat-tagħlim u minkejja l-kompetizzjoni kbira li hemm minħabba l-popolazzjoni, iż-żgħażagħ huma ambizzjużi u jħarsu ‘l quddiem. Meta studjajt hemm jien, il-faċilitajiet kienu bażiċi immens għax il-pajjiż kien materjalment fqir. Kelli ħbieb jistudjaw il-kompjuter meta lanqas biss kien hemm kompjuter wieħed fl-universita’. Kienu jpinġu l-keyboard fuq pjanċa tal-injam u jitgħallmu “jittajpjaw” fuqha! Fortunatament illum l-istampa hija differenti u teżisti enfażi kbira fuq l-edukazzjoni. Ikolli nistqarr li għad hemm tendenza li jitgħallmu bl-amment, anke fl-universitajiet u kultant inħoss li huma nieqsa mill-kreattivita’. Iżda minkejja dan kollu daż-żmien studenti Ċiniżi huma teknikament fost l-aqwa fid-dinja u l-livelli fil-matematika u x-xjenzi huma ġeneralment aktar għoljin minn dawk fil-Punent. Post ta’ kuntrasti – kultant anke minn postijiet foqra immens joħorġu studenti mill-aqwa li jirnexxilhom jidħlu fl-aqwa universitajiet.

    Qatt ikkunsidrajt li taħdem xi dokumentarju dwar Malta? U jekk iva, kieku x’suġġett tagħżel?

    Nispera li xi darba nagħmel xi dokumentarju dwar suġġett Malti. Hemm ħafna stejjer tajba Maltin ukoll. Biss għalissa l-mira tiegħi hija fuq iċ-Ċina għax hemm intfajt u hemm naf.

    X’taħseb dwar il-livell tal-industrija tal-films f’Malta?

    F’Malta hawn ħafna talent imma sfortunatament jidher li ma tantx hawn żvog sodisfaċenti għal dan it-talent. F’pajjiż żgħir diffiċli li wieħed isib riżorsi għal industrija lokali u għal suq tant żgħir. Kif taf, jiġu bosta produzzjonijiet barranin jiġbdu xeni f’Malta u jużaw il-faċilitajiet u n-nies tajba li hawn. Imma esperjenza f’dan il-qasam mhux neċessarjament twassal għal industrija lokali. Jidher li f’Malta jeżisti ħafna interess fl-industrija tal-films fost iż-żgħażagħ imma wħud li tkellimt magħhom qaluli kemm hu diffiċli li ssib xogħol f’suq fejn kulħadd jaf lil kulħadd u ċ-ċirku ta’ nies attivi jibqa’ żgħir. Biss daż-żmien it-teknoloġija diġitali qegħdha dejjem titjieb u tonqos fl-ispejjeż. Jiena nemmen illi s-software huwa importanti immens,  speċjalment il-kitba tajba. Żgħażagħ Maltin għallinqas illum għandhom l-opportunita’ li jmorru jitgħallmu u jaħdmu fl-industrija Ewropeja u anke jfittxu fondi mill-UE għall-proġetti tagħhom. Jien naħseb li hemm potenzjal għal films oriġinali bil-Malti. Imma l-qofol biex dan jiżviluppa huwa l-kwalita’ tal-prodott.

    Għaldaqstant barra kapaċita’ minima teknika, l-aktar ħaġa importanti hija l-kitba, l-istorja.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 ta’ Jannar 2009)