• GĦALIEX ŻDIEDU L-BRAM?

    F’dawn l-aħħar snin, hekk kif jasal is-Sajf, miegħu qed jaslu wkoll numru kbir ta’ bram li jħassar ħafna mill-pjaċir li dan l-istaġun iġib miegħu. Issa qed tissemma wkoll speċi ġdida li taf tidħol fl-ibħra tagħna – il-Portughese Man of War: speċi li tixbaħ lill-bram u li t-tingiża tiegħu, jekk tkun qawwija biżżejjed taf tkun fatali! Aħbar inkwetanti li deherli li ta’ min jixtarra.. Iddeċidejt li nitkellem ftit mal-bijoloġista Dr Adriana Vella sabiex nifhem aħjar għala qed isseħħ din il-bidla fl-ibħra tagħna. Min-naħa tagħha Dr Charmaine Gauci spjegatli xi prevenzjonijiet u x’miżuri għandhom jittieħdu f’każ ta’ tingiża minn dawn l-ispeċi…

    INTERVISTA: DR ADRIANA VELLA Ph. D. (Cambridge) – Akkademika Universitarja, Bioloġista fil-Konservazzjoni u Fundatriċi tal-BICREF

    Għaliex qed jiżdied il-bram fl-ibħra tagħna?

    F’dawn l-aħħar ħames snin, l-istaġun tas-Sajf tagħna kien kull darba ddominat minn aħbarijiet dwar il-kwantità dejjem tikber ta’ bram fil-bajjiet tagħna. Bla ma jrid wieħed jistaqsi għala qed jiġri hekk kull darba, sena wara l-oħra? X’inhu jgħin lil dawn il-kreaturi biex jirnexxielhom jikbru f’tant kwantitajiet? Aħna qegħdin nagħtu biżżejjed għajnuna lill-entitajiet lokali biex jassistu fil-konservazzjoni tal-ħajja marina u fis-saħħa tipika  tal-biodiversità li xi darba kellna fl-ibħra tagħna?

    Il-bram u l-organiżmi oħra li jixbħuhom ħafna jitqassmu f’erbgħa kategoriji: Scyphozoa (l-aktar bram komuni); Hydrozoa (Portuguese man-of-war); Anthozoa (anemoni tal-baħar u koralli) u Cubozoa (bram magħruf bħala ‘box jellyfish’ li huma l-aktar tossiċi).

    F’dawn l-aħħar snin ġie innotat illi l-aktar bram komuni u dominanti fil-Mediterran huwa dak tat-tip Pelagia Noctiluca u wkoll il-Cotylorhiza Tuberculata. Il-gżejjer Maltin laqgħu fihom diversi minn dawn l-ispeċi, l-aktar mit-tip tal-Pelagia Noctiluca. Probabbilment anki dis-sena ser jiġri l-istess, hekk kif dawn jiġu mkaxkra sal-kosta tagħna permezz tal-kurrenti u r-riħ.

    Il-bram għandu fetħa gastrovaskulari waħda li tintuża għad-diġestjoni u għaċ-ċirkolazzjoni. Għandu wkoll sett ta’ tentakli (qishom swaba’ twal) illi fihom hemm maħżun ammont ta’ velenu. Tajjeb li wieħed ikun jaf illi anki meta t-tentakli jitqaċċtu minn mal-bram, dawn jibqgħu perikolużi peress illi l-velenu jibqa’ hemm għal ġimgħat sħaħ.

    Huma diversi l-fatturi li qed jikkaġunaw din iż-żieda drastika tal-bram fostom: is-sajd żejjed u bla limitu (li qiegħed anki jaffetwa kemm il-ħut iż-żgħir u kemm il-predaturi l-kbar), il-bidla fil-klima u t-tibdil Adriana Vella tal-abitat tal-ħlejqiet marini. Dan kollu b’detriment kbir ukoll għall-organiżmi l-oħra tal-baħar. L-evidenza kull ma tmur qegħdha turina illi l-istruttura tal-eko sistema tal-baħar tista’ tinbidel b’ħeffa minn waħda dominata mill-ħut (li żżomm il-bram f’ammonti aċċettabbli peress li dawn jittieklu mill-ħut) għal sistema mhux daqshekk mixtieqa ta’ stat gelatinuż b’konsegwenzi serji ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjoloġiċi. Għalhekk huwa neċessarju illi biex dan it-tibdil fl-eko sistema jitwaqqaf, tiżdied aktar ir-riċerka dwar dawn l-organiżmi u l-bqija tal-ħajja marina.

    Jiena nemmen illi l-gżejjer Maltin għandhom jinvestu fi proġett biex dan il-bram jinġabar u biex jiġi ikkontrollat minn madwar il-kosta tagħna. Żgur illi proġett simili jgħin ħafna biex kemm il-Maltin u kif ukoll it-turisti, li jgħinu tant lill-ekonomija Maltija, biex jgħumu bla biża’ u bla periklu fil-bajjiet tagħna. BICREF tista’ tgħin fil-ko-ordinazzjoni ta’ proġett simili li kieku tiġi pprovduta bil-fondi għalih.

    Dan l-aħħar qed tissemma l-possibilità illi ħlejqa tal-baħar magħrufa bħala l-‘Portuguese man-of-war’ tidħol fl-ibħra Maltin. X’tikkummenta dwar dan?

    Dis-sena l-Biological Conservation Research Foundation (BICREF) irċeviet żewġ rapporti flimkien ma’ xi ritratti tal-Portuguese man-of-war li ttieħdu lokalment. Dawn qalulna illi tnejn mir-ritratti ittieħdu fi Frar u Marzu li għaddew f’Għajn Tuffieħa filwaqt li ritratt ieħor inġibed fiċ-Ċirkewwa ukoll fix-xahar ta’ Marzu. Immedjatament il-BICREF għaddiet dawn ir-rapporti u r-ritratti lill-Awtorità tas-Saħħa. Ta’ min isemmi illi dawn l-ispeċi ntlemħu wkoll f’April lejn il-kosta tan-naħa t’isfel ta’ Spanja u anki qrib il-gżejjer Baleariċi. Fi Frar li għadda din l-ispeċi feġġet ukoll fin-naħa tal-Lvant ta’ Sqallija.

    Il-Portuguese man-of-war, li xjentifikament hija magħrufa bħala ‘Physalia Physalis’ tista’ tgħix fil-baħar Mediterranju bħala parti mid-distribuzzjoni tal-ispeċi. Iżda jista’ jagħti l-każ illi dan l-aħħar din l-ispeċi qed tiżdied fl-abbundanza tagħha. Fix-xhur u s-snin li ġejjin ser ikollna stampa aktar ċara kemm din l-ispeċi tista’ tiżdied fl-ilmijiet tagħna sakemm ma tiġix ikkontrollata minn kundizzjonijiet bijoloġiċi li jżommuha fi kwantità aktar baxxa.

    Il-Portuguese man-of-war tissejjaħ ukoll ‘man of war’ jew ‘blue bottle’. Tajjeb li niċċaraw illi dan l-organiżmu mhux speċi ta’ brama iżda huwa ‘siphonophore’ jew aħjar kolonja ta’ organiżmi individwali li Portughese Man of War fuq l-art (ritratt ta' C Mallia)huma kollha modifikati biex jaqdu funzjonijiet differenti fejn fosthom hemm dawk li jżommu l-ispeċi fuq il-wiċċ tal-baħar, dawk li jsibu u jaqbdu organiżmi oħra għall-ikel, dawk li jgħinu l-organiżmu biex jiekol u dawk li jeżistu għar-riproduzzjoni tal-ispeċi. Bħall-bram komuni li nafu aħna, il-Portuguese man-of-war jinġarr mal-kurrent u permezz tar-riħ u jmantni lilu nnifsu fuq ħut żgħir u organiżmi żgħar oħra.

    It-tingiża tal-Portuguese man-of-war tweġġa’ ħafna aktar minn dik tal-brama komuni. Madanakollu peress li din tibqa’ fil-wiċċ (mhux bħal brama li tinżel f’qiegħan differenti) tista’ tintlemaħ u tiġi evitata ħafna aktar faċilment. Sfortunatement, bħal fil-każ tal-bram, it-tentakli ta’ dawn l-organiżmi jibqgħu velenużi għal diversi ġranet saħansitra meta jitqaċċtu minn mal-ispeċi u għalhekk il-ġarr tagħhom mal-kurrenti fil-bajjiet tagħna jista’ joħloq periklu għall-għawwiema.

    X’inhu x-xogħol li twettaq il-Biological Conservation Research Foundation (BICREF)?

    Għal dawn l-aħħar ħdax-il sena il-BICREF għamlet diversi stħarriġ dwar il-baħar li jdawwar il-gżejjer Maltin u assistiet ukoll fir-riċerka tal-konservazzjoni sabiex jiġu studjati kemm l-ispeċi kostali kif ukoll Cotylorhiza tuberculata (ritratt ta' A Buttigieg BICREF)dawk il-ħlejjaq li jinstabu f’baħar miftuħ bħad-delfini, il-fkieren, il-baleni u kull speċi oħra li niltaqgħu magħha waqt dan l-istħarriġ. Permezz tal-għajnuna ta’ bosta sidien tad-dgħajjes, il-BICREF kostantement tiġbor aktar informazzjoni f’dan ir-rigward. Sabiex tissaħħaħ il-kuxjenza dwar il-bżonn tal-konservazzjoni tal-ispeċi marina, il-BICREF ipproduċiet ukoll dokumentarju bl-isem ta’ ‘Waves of Life’. Dan id-dokumentarju li hu twil madwar siegħa, huwa frott ta’ ħames snin xogħol ta’ osservazzjoni, fotografija u iffilmjar mill-voluntieri tal-BICREF. Apprezzajna ħafna meta dan id-dokumentarju rebaħ premju ta’ Mertu mill-Accolade. Ix-xewqa tagħna hija illi nuru dan id-dokumentarju fuq l-istazzjonijiet kollha lokali sabiex il-pubbliku jkun jista’ japprezza l-ġmiel preżenti tal-wirt naturali tal-ibħra tagħna.

    Liema huma dawk l-ispeċi marini li jgħixu fl-ibħra Maltin u li huma protetti? X’inhuma l-konsegwenzi meta wieħed jikser dawn ir-regoli?

    Jeżistu diversi speċi li diġà huma vulnerabbli ħafna minħabba l-impatt uman fuq l-ibħra tagħna. Fost dawn insibu uħud illi jinqabdu għall-ikel b’mod intensiv bħall-qarnit komuni, it-tonn (blue fin) u t-trilja. B’mod indirett, hemm ukoll kreaturi oħra li għalkemm huma legalment protetti, xorta waħda jbatu ħafna mill-intervent tal-bniedem bħall-klieb il-baħar, il-fkieren u d-dniefel. Għal dir-raġuni l-BICREF tħoss illi x-xogħol tagħha huwa neċessarju mmens u jistħoqqlu aktar sostenn. Għalkemm hemm ħafna speċi marini li diġà huma protetti kemm b’leġiżlazzjoni lokali u kif ukoll dik internazzjonali, il-BICREF temmen illi ftit qiegħed isir biex jiġi kkonfermat illi kulħadd qed jimxi ma’ dawn ir-regoli sabiex insaħħu r-rikkezza tal-biodiversità futura tal-ibħra tagħna.

    Kemm hi importanti l-pożizzjoni ta’ Malta fejn tidħol ir-riċerka tal-konservazzjoni bioloġika marina?

    Minħabba l-pożizzjoni ċentrali tagħhom fil-baħar Mediterran, il-ġżejjer Maltin għandhom ħafna x’joffru f’dik li hi riċerka u konservazzjoni marina. Fl-istess ħin il-BICREF tixtieq illi jkollha rwol ħafna akbar fl-istrateġiji lokali li jimmaniġġjaw kemm iż-żoni u kif ukoll l-ispeċi protetti proprju minħabba l-esperjenza illi hi għandha f’dan il-qasam.

    BICREF kemm temmen li hu kbir il-kunflitt bejn is-sopravvivenza tal-ħajja marina u l-interessi tal-bniedem?

    BICREF temmen illi aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-poplu Malti qiegħed dejjem aktar jippretendi li jiżdied il-progress fil-konservazzjoni tan-natura u fil-kwalità tal-ħajja kemm madwar u kemm fuq il-gżejjer tagħna. Għajnuna politika u finanzjarja akbar għall-protezzjoni tan-natura, m’għandhomx isarrfu f’inqas għajnuna għal kwistjonijiet oħra. Huwa tassew inġust meta jseħħ dan. Kompetenza u esperjenza lokali f’dan il-qasam diġà għandna. Għaldaqstant l-għajnuna għandha tiġi immirata biex jiġi assistit ix-xogħol volontarju flimkien mar-riċerka xjentifika ħalli dawn jikkontribwixxu fit-tagħrif u fl-għodda neċessarji għal aktar żvilupp sostenibbli.

    Aktar informazzjoni dwar ix-xogħol tal-BICREF tistgħu issibuha fuq il-websajt www.bicref.org.

    Kull minn jixtieq jagħti l-għajnuna tiegħu fix-xogħol volontarju ambjentali tal-BICREF huwa mitlub jikkuntattjana fuq bicref@gmail.com  jew jiktbilna fuq dan l-indirizz: BICREF, PO BOX 30 Hamrun.

    —————————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: DR CHARMAINE GAUCI – Direttur fid-Dipartiment Għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard

    Kemm hija serja tingiża ta’ brama għas-saħħa tal-bniedem?

    Fil-biċċa l-kbira tal-każi t-tingiż mill-bram isir b’mod aċċidentali – billi bniedem jgħum, imiss jew jiġborhom bl-addoċċ. Il-proċess ta’ kif brama tgħaddi t-tossiku tagħha jaħdem b’mod li jixbaħ ħafna lill-Pelagia Noctiluca - l-aktar speċi komuni fl-ibħra tagħnamekkaniżmu tal-jack-in-the-box. Awtomatikament kif xi ħaġa tmiss mal-brama, f’temp ta’ 3 millisekondi din tirreaġixxi billi tarmi ammont ta’ tossiku fl-oġġett li jmiss magħha. Kollox isir b’ħeffa kbira u b’penetrazzjoni qawwija li kapaċi tasal sa fond ta’ 0.9mm. Meta jintlaħaq dan il-fond, it-tossiku jiġi ddepożitat fil-ġilda u wara jiġi assorbit mis-sistema ċirkulatorja. Fl-istess ħin it-tentakli tal-brama jeħlu mal-vittma. It-tossiku jerħi minnu kimiċi u medjaturi infjammatorji li jaffetwaw l-organi tal-ġisem fostom liċ-ċelloli nervużi u lill-kliewi. L-ewwel reazzjonijiet għat-tossiku tal-bram normalment ma jkunx wieħed allerġiku imma aktar tossiku u li jikkaġuna uġiegħ. Bosta drabi s-sintomi ta’ tingiża ta’ brama,  fostom tal-magħrufa Scyphozoan, huwa ħafna uġiegħ imma rarament tkun fatali. Is-sintomi li jsegwu t-tingiża ta’ brama regolarment jikkonsistu f’uġiegħ partikolari fil-parti milquta, ħakk, raxx u marki mqabbża fuq il-ġilda.

    X’miżuri għandhom jittieħdu meta wieħed jitniggeż minn brama?

    Huwa importanti ħafna illi qatt ma tuża l-ilma ħelu fuq tingiża ta’ brama għax dan ikompli jgħin biex it-tossiku tagħha jixtered aktar. Preferebilment għandhom jittieħdu dawn il-miżuri:

    -         Xarrab jew laħlaħ il-parti li tniggżet mill-brama bl-ilma baħar.

    -         Neħħi t-tentakli tal-brama b’xi biċċa zokk, kartuna jew b’xi pinzetta. Oqgħod attent li dawn ma jmissux ma’ partijiet oħra tal-ġisem sabiex tevita li terġa’ titniggeż.

    -         Applika xi tip ta’ alkoħol fil-parti milquta; bħal ngħidu aħna l-ħall.

    -         Tħokkx il-parti milquta.

    -         Tapplikax silġ jew ilma jaħraq.

    -         Fittex trattament mediku mill-aktar fis possibbli jekk tinnota li għandek diffikultà biex tieħu n-nifs jew biex tibla’ jew jekk tħoss xi uġiegħ f’sidrek jew inkella uġiegħ qawwi fil-parti milquta.

    Kemm hija perikoluża l-ispeċi magħrufa bħala l-Portughese man of war?  Huwa minnu illi t-tingiża tagħha taf tkun fatali?

    Kien hawn xi rapporti li numru ta’ speċi tal-Portughese man of war dehru fil-baħar Mediterran. Irridu nagħrfu illi din il-ħlejqa marina mhiex brama imma hi kolonja ta’ invertebrati marini. It-tingiża Dr Charmaine Gaucitagħhom tikkawża uġiegħ qawwi u tħalli marki ħomor fuq il-ġilda li jixbħu lid-daqqiet ta’ frosta. F’ċerti każi t-tingiża ta’ din l-ispeċi tista’ tħalli effetti serji fuq il-bniedem fostom deni u interferenza mal-funzjoni tal-qalb u l-pulmun. Iżda irridu ngħidu wkoll illi t-tingiża tal-Portughese man of war, rarament tkun fatali.

    Madanakollu wieħed għandu jieħu l-parir tat-tabib tiegħu jekk wara tingiża ta’ dawn l-ispeċi jinnota xi wieħed jew aktar minn dawn is-sintomi:

    -         Jekk l-uġiegħ tat-tingiża jippersisti jew isir aktar intens.

    -         Jekk ikun hemm reazzjoni estrema jew f’każ illi r-raxx jiżdied.

    -         Jekk tinħass sensazzjoni fejn tħossok ġeneralment ma tiflaħx.

    -         Jekk fuq il-ġilda tifforma linja ħamra bejn it-tingiża u l-glandoli minfuħin.

    -         Jekk il-parti affetwata ssir ħamra, sħuna jew ratba.

    -         Jekk issib diffikultà biex tieħu n-nifs.

    X’għandu jsir jekk aċċidentalment wieħed imiss mal-ispeċi tal-Portughese man of war?

    L-aħjar trattament jixbaħ lil dak li wieħed għandu jagħmel jekk jitniggeż minn brama. Iżda f’każi simili l-applikazzjoni ta’ ftit silġ fuq il-post wara li xxarrab bl-ilma jaħraq, jgħin ħafna. Qatt tuża l-ħall.

    X’inhuma l-aħjar prevenzjonijiet li nistgħu nieħdu f’dawn il-każi?

    -         Preferibilment wieħed għandu jevita li jinżel jgħum f’postijiet fejn jaf li hemm il-bram u anki f’dawk l-inħawi fejn ikun ġie rrappurtat li kien hemm numru kbir ta’ bram.

    -         Evita milli tiġbor bram mejjet.  Dawn il-ħlejqiet akkost li jkunu mejtin u mnixxfa, kultant ikunu għadhom kapaċi jgħaddu t-tossiku tagħhom!

    -         Ilbes ħwejjeġ protettivi meta tinżel tgħum f’postijiet fejn ikun hemm ħafna bram.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 ta’ Lulju 2009)