• SALVAJT ĦAJJA TA’ BNIEDEM

    Meta nisma’ b’xi dizastru li jkun sehh madwar id-dinja, niksah. Nibda nhewden li kieku minflok dak il-pajjiz, intlaqtet Malta, kemm konna nkunu ppreparati biex nirreagixxu u nsalvaw kemm nistghu nies?U jien? Jien x’inkun kapaci naghmel?Inkun nista’ nghin? Ikolli sahha nsalva jew inkun l-ewwel wahda li ncedi u nintilef? B’dawn il-hsibijiet iltqajt mac-Chairman tal-Malta Red Cross u flimkien iddiskutejna kif il-poplu Malti jista’ jitharreg ghall-eventwalitajiet bhal dawn. Fuq kollox hareg ukoll illi t-tahrig jghin fil-hajja ta’ kuljum ghax incident ma tafx meta jista’ jinqala….

    INTERVISTA: EDWARD GRUPPETTA – Chairman – Malta Red Cross (First Malta Branch)

    Kif oriġinat ir-Red Cross?

    Dis-sena qed niċċelebraw il-150 anniversarju minn meta twaqqfet is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar. L-oriġini tagħha tmur lura għal 1859 u kienet l-ispirazzjoni tan-negozjant Svizzeru, Henry Dunant. Dak iż-Edward Gruppetta waqt attivita'żmien fin-naħa ta’ fuq tal-Italja kienet għaddejja l-Battalja ta’ Solferino u eluf ta’ suldati miż-żewġ naħat kienu qed jitħallew feruti u f’sofferenza kbira mingħajr ħadd ma jieħu ħsiebhom. Dunant inħasad meta ra din il-moħqrija u l-ħela ta’ ħajja. Ġietu f’rasu illi kieku kien hemm xi ħadd li seta’ jagħti l-ewwel għajnuna lil dawn l-individwi, setgħu jsalvaw ħafna aktar nies. Huwa beda jħarreġ lin-nisa tal-villaġġi fis-servizz bażiku tal-First Aid. U hekk min-negattiv tal-gwerra, ħarġet xi ħaġa pożittiva u twieldet is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar.

    X’ifissru s-simboli tar-Red Cross?

    Oriġinarjament is-simbolu tas-Soċjetà kien salib aħmar fuq bandiera bajda (il-kuntrarju tal-bandiera tal-Isvizzera). Imma maż-żmien is-Soċjetà bdiet tinvolvi ruħha f’diversi attivitajiet fostom dawk politiċi u reliġjużi u s-salib beda jieħu tifsira reliġjuża. Ġara b’hekk illi l-Musulmani bdew jassoċċjaw is-salib l-aħmar mal-Kristjaneżmu u għaldaqstant ma kienux aktar komdi b’dan is-simbolu. Biex tinżamm in-newtralità ġie maqbul illi tiddaħħal ukoll bandiera b’qamar aħmar li tirrapreżenta s-Soċjetà tal-Qamar l-Aħmar. Madanakollu l-Iżraeliti qatt m’aċċettaw dawn iż-żewġ simboli u għalhekk, wara diversi diskussjonijiet riċentement qed jintuża wkoll it-tielet simbolu – dak tal-kristall l-aħmar.

    Irridu niċċaraw illi dawn is-simboli huma protetti u fil-fatt ħadd ma jista’ jaqbad  u jużahom mingħajr il-permess tal-gvern tal-pajjiż. Is-serjetà tal-użu tagħhom hija vitali minħabba illi dawn jagħtu protezzjoni waqt il-gwerer. Użu ħażin ta’ dawn is-simboli jħalli diversi riperkussjonijiet u konsegwenzi.

    Meta twaqqfet il-Malta Red Cross?

    Il-bidu tal-Malta Red Cross żvolġa meta kien daħal f’pajjiżna vapur bir-refuġjati Albaniżi u ma kien hawn ħadd li seta’ jagħtihom l-ewwel għajnuna. Fis-sittinijiet f’Malta kien hawn il-British Red Cross imma aktar tard ma baqgħet l-ebda rappreżentanza ta’ din is-Soċjetà f’pajjiżna.

    Biex pajjiż ikun membru tar-Red Cross, il-gvern ta’ dak il-pajjiż ikun irid jintrabat bil-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u għalhekk it-talba biex titwaqqaf għaqda ta’ din is-Soċjetà jkollha tgħaddi mill-Parlament. Fil-fatt il-Malta Red Cross twaqqfet fl-24 t’Ottubru 1991 imma ġiet rikonoxxuta mill-gvern Malti f’Ġunju 1992 wara li din il-proposta għaddiet unanimament mill-Parlament Malti. F’Settembru tal-1993, il-Malta Red Cross ġiet ukoll rikonoxxuta uffiċċjalment mill-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar.

    F’dawn l-aħħar snin il-Malta Red Cross għandha wkoll ir-regolaturi tagħha – il-President tas-Soċjetà:  il-Professur Frederick Fenech u s-Segretarja Ġenerali Dr Christina Saydon. Barra mill-Għaqda tagħna li hija l-First Branch Malta, issa hemm ukoll Għaqda tas-Salib l-Aħmar f’Għawdex u t-tnejn flimkien nieħdu ħsieb kif noperaw f’dan il-qasam bl-aħjar mod possibbli.

    Illum hawn 186 pajjiż li huma membri tar-Red Cross u dawn iħaddnu aktar minn 90 miljun volontarju.

    X’inhu l-iskop tal-Malta Red Cross?

    Wieħed mill-iskopijiet prinċipali huwa illi l-Malta Red Cross tgħin lill-awtoritajiet lokali speċjalment  lill-awtoritajiet tas-saħħa u lill-awtorità tal-Protezzjoni Ċivili billi tħarreġ kemm tista’ nies mill-pubbliku fil-First Aid. L-ewwel nett huwa neċessarju illi wieħed ikun jaf x’għandu jagħmel f’każ ta’ emerġenza. Barra minn hekk jekk qatt jinqala’ xi diżastru fil-pajjiż, huwa għaqli illi l-pubbliku in ġenerali jkollu almenu taħriġ bażiku biex ikun jista’ joffri l-ewwel għajnuna. L-ebda pajjiż qatt ma jista’ jserraħ biss fuq il-professjonisti f’każ ta’ xi diżastru. Żgur illi jkollu jaqa’ fuq il-voluntieri. Ovvjament aktar ma jkun hemm nies imħarrġa, aktar il-pajjiż ikun jista’ jirreaġixxi malajr u b’saħħa. Rajna x’ġara dan l-aħħar f’Aquila l-Italja u kemm il-voluntieri kienu siewja.

    Fhiex jikkonsisti t-taħriġ tal-First Aid u min jista’ japplika għalih?

    It-taħriġ fil-First Aid mhux biss sempliċiment kif tinfaxxa imma jkopri l-elementi bażiċi ta’ x’wieħed għandu jagħmel f’każ ta’ emerġenza. Kultant anki naqra ta’ telefonata taf issalva ħajja ta’ bniedem. M’għandikx idea kemm hawn nies illi f’każi bħal dawn jinfixlu u lanqas ikunu kapaċi jgħaddu t-tagħrif neċessarju! Ikun hemm min jippanikkja, jgħidlek nofs kliem u jaqta’ l-linja. Ġieli lanqas il-post tal-inċident ma jkunu jafu jispjegawlek fejn qiegħed. Dan kollu jirriżulta f’telf ta’ ħin siewi illi f’ċertu ċirkustanzi jiswa ħajja jew mewt.

    Meta wieħed isib ruħu quddiem inċident huwa importanti ħafna li jieqaf jaħseb għal ftit sekondi u mbagħad jaġixxi. Kultant meta wieħed jgħaġġel iżżejjed, jaf jirriskja li jweġġa’ hu wkoll u dan żgur li mhux l-iskop tagħna. Trid taħdem b’moħħok u mhux b’qalbek. Speċjalment jekk l-individwu jkun jiġi minnek, huwa vitali li żżomm il-kalma u li ma tħalli qatt il-paniku jaħkmek.

    Jekk qed tara lil xi ħadd li ħa xokk elettriku, per eżempju, ma tmurx tiġri fuqu u tmissu imma tmur titfi l-main tad-dawl. Jekk qed tara bniedem qed jifga f’xi ħaġa, preferibilment għandek tkun taf kif tgħinu jaqla’ l-oġġett għax f’ċertu każi, sakemm tmur iċċempel lill-ambulanza u din tiġi, fi kwarta kollox, bniedem jilħaq jifga u jmut. Jekk issib bniedem mitluf minn sensih, trid iddawwru fuq ġenbu u mbagħad issejjaħ għall-għajnuna, ħalli dan ma jifgax f’ilsienu jew fir-remettar tiegħu stess. Affarijiet sempliċi imma mhux ovvji. Għalhekk it-taħriġ fil-First Aid huwa tant importanti.

    Kulħadd jista’ jattendi għal dawn il-korsijiet. Tagħmel differenza kbira f’dak li jkun meta jaf li almenu jista’ jagħmel xi ħaġa biex jgħin, anki jekk hi żgħira kemm hi żgħira. Għal bidu jkun hemm min jiġi mbeżżgħa għax jaħseb li ser nidħlu fil-mediċina u li mhux ser ikun kapaċi jifhem. Imma fir-realtà aħna aktar naħdmu fuq prattika milli fuq teorija. Sal-lum qatt ma ġie ħadd u ma tgħallimx xi ħaġa li jista’ japplikaha fil-ħajja.

    Għal min imbagħad ikun jixtieq ikompli jitħarreġ, aħna noffru wkoll korsijiet ta’ livell aktar avvanzat fil-First Aid.

    Kemm jeżisti nteress fit-taħriġ tal-First Aid?

    Aħna waħda mill-organizazzjonijiet li nagħtu ħafna korsijiet fil-First Aid. Illum in-nies saru jiġru warajna huma biex nagħtuhom dat-taħriġ. Il-pubbliku qed isir aktar konxju dwar l-importanza tal-kapaċità li tagħti l-ewwel għajnuna. Irridu niftakru illi wieħed qatt ma jista’ jobsor meta jaf jinqala’ inċident. Intix id-dar, fil-karozza jew fuq il-post tax-xogħol, qatt ma tista’ tgħid x’jista’ jiġri. Issa li daħlet il-liġi tal-Health and Safety f’kull post tax-xogħol irid ikun hemm First Aid Box u xi ħadd li hu kapaċi li jagħti l-First Aid. Barra minn hekk irid isir Risk Assessment u skont il-periklu li joffri l-post, jittieħdu l-miżuri. Ngħidu aħna f’postijiet bħall-power station fejn ir-riskju huwa kbir, hemm bżonn li jkun hemm klinika u infermiera 24 siegħa kuljum, bl-ambulanza viċin għal li jista’ jinqala’. Anki fl-iskejjel ġieli niġu mitluba li nagħtu taħriġ bażiku lit-tfal u tiskanta kemm juru nteress u kemm jitgħallmu speċjalment meta mmorru bl-ambulanza, ndaħħluhom fiha u nuruhom l-affarijiet li nużaw. Nitkellmu magħhom dwar jekk isir inċident x’għandu jsir u kif jista’ wieħed jgħin.

    L-interess fil-First Aid qiegħed jikber imma mhux kemm nixtiequ. Nagħtu każ aħna tal-fehma illi ma’ kull liċenzja tas-sewqan li toħroġ, kull sewwieq għandu jkollu wkoll ċertifikat li attenda għall-kors bażiku tal-First Aid u li jġorr kaxxa tal-First Aid miegħu fil-karozza.

    Apparti t-taħriġ fil-First Aid, x’servizzi oħra toffri l-Malta Red Cross?

    Noffru servizz ta’ ambulanza u First Aid f’diversi attivitajiet tal-massa b’ko-ordinazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa u tal-Protezzjoni Ċivili. Norganizzaw ukoll Blood Donations għax nemmnu ħafna li din Malta Red Cross-  refuġjatiukoll tagħmel parti mill-għajnuna neċessarja. Għandna rappreżentant tagħna illi jaħdem fuq l-International Humanitarian Law fejn fostom imur jiltaqa’ man-nies fl-Armata Maltija u jispjegalhom dwar id-dmirijiet tagħhom f’każ ta’ konflitt militari bħal ngħidu aħna illi għandhom jipproteġu lin-nies ċivili u li ma jistgħux jisparaw fuqhom għalxejn u li wkoll iridu jirrispettaw lill-priġunieri. Hemm ukoll numru ta’ armi li jridu jintużaw b’ċertu limiti filwaqt li oħrajn huma projbiti li jintużaw f’ċertu postijiet. Rappreżentant ieħor jaħdem mar-refuġjati fejn l-oġġettiv prinċipali tiegħu huwa illi fejn hu possibbli jfittex lill-membri tal-familji biex jgħaqqadhom mill-ġdid flimkien. Nagħtu wkoll servizz tal-ewwel għajnuna fuq il-baħar. Naturalment aħna wkoll imħarrġa biex nagħtu rispons immedjat f’każ ta’ diżastri u nagħtu l-għajnuna tagħna anki lill-pajjiżi oħra skont il-bżonn meħtieġ.

    X’għajnuna ġieli tat f’pajjiżi oħra l-Malta Red Cross?

    Meta jinqala’ xi diżastru, l-pajjiż milqut jitlob l-għajnuna lill-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u jgħidlu x’tip ta’ għajnuna għandu bżonn u f’kemm żmien.

    Fl-2004 meta seħħ dak it-tsunami, il-Malta Red Cross kienet minn ta’ quddiem illi ġabret il-fondi għall-għajnuna. F’dak il-każ il-poplu Malti tant kien ġeneruż illi meta ppreżentajna l-ammont li ġbarna lill-Edward Gruppetta fi Sri Lanka Federazzjoni, din fdat f’idejna proġett kbir li kien jinkludi l-bini ta’ villaġġ li kien jikkonsisti f’65 dar u klinika fin-naħa t’isfel ta’ Sri Lanka. Aħna kellna nieħdu ħsieb l-immaniġġjar tal-bini u ridna nikkonfermaw illi l-flus qed jintużaw verament għal dan l-iskop u li l-għajnuna qed jeħduha dawk in-nies li tassew għandhom bżonn. Il-membri tagħna kienu jitilgħu biex jagħtu daqqa t’id u jieħdu ħsieb dan il-proġett. Jiena wkoll kont tlajt ħames ġimgħat nagħmel dan ix-xogħol. Hemmhekk irrealizzajt kemm kien importanti li nkunu fuq il-post għax kien hemm possibiltà kbira ta’ korruzzjoni u serq. Bil-flus li kellna konna ħaddimna lin-nies tal-post stess, li bosta minnhom kienu sajjieda u kienu spiċċaw bla xogħol. B’hekk dawn setgħu jkunu nvoluti huma stess fit-twaqqif tal-villaġġ tagħhom u fl-istess ħin jaqalgħu l-ħobża ta’ kuljum. Imma sibna li anki dawn kellhom bżonn il-protezzjoni tagħna għax uħud mill-kuntratturi li qabbadna aħna stess ma riedux iħallsuhom tax-xogħol tagħhom wara ġurnata iebsa taħt ix-xemx qalila. Biex żgur naraw li l-flus jaslu għand min kien ħaqqu kellna nbiddlu l-metodu ta’ ħlas. Ridna noqogħdu wkoll b’sebgħa għajnejn għall-materjal li beda jinġieb fuq il-post. Konna nwaqqfu t-trakkijiet u niċċekkjaw il-brikks per eżempju. Mhux l-ewwel darba li konna naqbdu xi erba’ briksiet f’idejna u kif nagħfsuhom ftit isiru trab. Ovvjament min jagħmel hekk kien ikollu jaqbad kollox u jmur lura bih u jerġa’ jiġi bil-materjal li nkunu ordnajna.

    F’każ fejn il-pajjiż milqut ma jkollux bżonn l-għajnuna tagħna, bħal fil-każ riċenti ta’ Aquila, aħna ġieli nkunu mistiedna biex nibagħtu xi membri minn tagħna biex josservaw dak li jkun qiegħed isir.

    L-esperjenza li tieħu waqt żminijiet bħal dawn hija kbira u tħalli mpatt qawwi sewwa fuqek.

    X’riżorsi għandha l-Malta Red Cross u x’tip ta’ għajnuna tirċievi?

    Is-Soċjetà tagħna għadha żgħira u baqagħlna ħafna x’naqdfu biex nilħqu l-pożizzjonijiet ta’ Soċjetajiet aktar stabbiliti. Madanakollu aħna naħdmu bla heda biex nagħtu l-aħjar servizz bir-riżorsi li għandna.

    Bħala flotta għandna żewġ ambulanzi li ġibnihom b’donazzjoni mill-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, pick-up, quad bike u niġu wkoll mislufa numru ta’ Segways meta nkunu qed naħdmu f’attivitajiet tal-massa.

    Il-lok minn fejn naħdmu bħalissa, għalkemm joffri protezzjoni lill-karozzi tagħna u jipprovdina b’post fejn nistgħu niltaqgħu, huwa għali wisq biex inżommuh. Fil-fatt bħalissa qed nippruvaw insibu post alternattiv fejn inkunu nistgħu nżommu l-karozzi tagħna u li fl-istess ħin ikun adattat biex noffru t-taħriġ fih.

    Spejjeż ikollna ħafna. Nippruvaw nagħmlu tajjeb għalihom permezz tad-donazzjonijiet li nirċievu, mill-ħlas tal-posts fejn noffru s-servizzi tagħna lill-kumpaniji privati u anki mill-flus li jitħallsu għall-korsijiet tal-First Aid. Naturalment l-għajnuna li nirċievu ma tkunx dejjem ta’ flus. Każ partikolari li qed niftakar per eżempju kien meta tawna numru ta’ roti sabiex inkunu nistgħu nsegwu lill-atleti waqt il-maratoni.

    Mingħajr is-sostenn kontinwu ta’ dawn l-individwi flimkien mal-ħin li joffru l-membri u l-voluntiera, il-Malta Red Cross ma tkunx tista’ tkompli teżisti.

    Kemm huma neċessarji l-voluntiera u kemm issibu nteress f’dan il-qasam?

    Mingħajr voluntiera ma nagħmlu xejn. Ikollna bżonnhom kontinwament għax bla voluntiera ma nistgħux noffru s-servizzi tagħna. Kull min jattendi l-korsijiet tagħna, jekk ikun jixtieq jgħin, aħna nkomplu nħarrġuh f’dak li hu jkun jixtieq jagħmel. Hemm diversi xogħlijiet li wieħed jista’ jgħin fihom, jiġifieri mhux kull voluntier ikun mitlub jiġi magħna biex jagħti l-First Aid. Hawn nies li ma jinqalgħux biex jgħinu b’dan il-mod għax jiddejqu mid-demm u l-feriti eċċ. Allura dawn l-individwi jkunu jistgħu jgħinuna fix-xogħol tal-uffiċċju, fil-kitba tan-newsletter, fil-manteniment tal-karozzi, tal-garaxx u tal-uniformijiet. Minn daqshekk ix-xogħol ma jispiċċa qatt u kull min jista’ jagħtina daqqa t’id, l-għajnuna tiegħu tkun apprezzata ħafna.

    Sfortunatament ikolli nistqarr miegħek illi meta nagħmlu xi attivitajiet biex inħajjru voluntiera ġodda, ftit li xejn ikun hemm rispons. Jista’ jkun illi tant hawn attivitajiet x’tagħmel illum u tant hawn organizzazzjonijiet volontarji illi wieħed ikollu jagħżel u n-nies jitqassmu.

    X’ifisser għalik is-sehem tiegħek fir-Red Cross? U liema huma dawk il-mumenti li qatt ma tinsa?

    Permezz tal-volontarjat iffurmajt bħala persuna. Akkost li forsi ser ninstema’ retoriku insostni illi meta tagħti, s-sodisfazzjon huwa ħafna akbar minn meta tirċievi. Tħoss ċertu kuntentizza li ma ġġibhiex mod ieħor. Apparti minn hekk dax-xogħol jagħtik il-possibilità li tagħti l-għajnuna tiegħek…. xi drabi saħansitra ssalva l-ħajja ta’ bniedem. Kemm hu sabiħ li tista’ tgħid li salvajt ħajja ta’ bniedem?

    Mument li ma ninsa qatt kien meta rnexxieli nsalva lit-tifla t’oħti. Kont għadni fil-bidu tiegħi fil-Malta Red Cross. Niftakar li kienet waqfet tieħu n-nifs u li għall-ewwel iffriżajt bil-biża’. Imma mbagħad ftakart f’dak li kont tgħallimt …. ma ninsihom qatt dawk il-mumenti.

    Diżappunti jkun hemm ukoll. Jiena naħdem l-isptar u konxju kemm it-tobba jagħmlu l-almu tagħhom imma ċertu pazjenti xorta jmutu. L-importanti f’dawn il-każi hu li tagħmel l-almu tiegħek biex tgħin imbagħad il-bqija tħallih f’idejn Alla.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-9 t’Awwissu 2009)