• IL-LIBERTÀ LI TIŻFEN

    Xi ħadd darba kkummenta illi tista’ tiżfen fejn trid, anki jekk f’qalbek biss. Iżda hawn min imur ħafna aktar minn hekk, tant li ż-żfin isir l-essenza ta’ ħajtu. Dil-ġimgħa tkellimt ma’ Olivia Dow, ballerina mill-iprem li għal dawn l-aħħar snin qegħdha tmexxi skola fejn tħarreġ l-istudenti tagħha fil-ballet Russu. Ħadt ukoll il-kummenti ta’ żewġ ballerini oħra illi fehmuni aħjar xi tfisser li tkun żeffien…..

    OLIVIA DOW: Prinċipal – Olivia Dow School of Russian Ballet

    Minn liema età nistgħu nħarrġu t-tfal fil-qasam tal-ballet?

    Fir-realtà t-tfal jistgħu jitgħallmu l-ballet sa minn meta jkunu jafu jitkellmu u jimxu. Fil-fatt dis-sena l-iċken studenti tiegħi għandhom tal-eta’ ta sentejn u nofs! Aktar ma jibdew minn età żgħira, aktar ikunOlivia Dow mal-istudenti tagħha waqt l-ispettaklu aħjar għalihom peress li ġisimhom ikun aktar flessibli. Hekk kif ikunu kapaċi jqattgħu siegħa mingħajr il-mummy jistgħu jibdew. Kemm jaqbdu malajr fiż-żfin tal-ballet jiddependi minn kemm verament għandhom ix-xewqa u l-ħeġġa biex isiru ballerini żgħar.

    X’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi fit-tagħlim tal-ballet u kemm jeżistu opportunitajiet għall-ballerini Maltin?

    Il-ballet jżomm lil ġisem u lill-moħħ b’saħħithom. Iż-żeffiena tal-ballet jibnu ‘qalba’ tajba, stamina qawwija u aġilità. Għalkemm il-ballerini femminili jagħtu l-impressjoni li huma fraġli, il-muskoli tagħhom ikunu sodi u b’saħħithom ħafna. Barra minn hekk, iż-żeffiena tal-ballet isiru osservaturi aħjar, jitgħallmu ħafna aktar malajr u kapaċi jikkoreġu ruħhom b’faċilità akbar. Naturalment jitrawwmu f’dixxiplina u jitħarrġu anki fid-dinja mużikali u f’dik tal-ispettaklu.  Fl-istess ħin il-ballet huwa l-bażi ta’ kull forma ta’ żfin u għaldaqstant dan joffri l-possibilità li wieħed jitħajjar jesperimenta b’aktar faċilità anki xi tip ta’ żfin ieħor.

    Fir-rigward tal-iżvantaġġi jkolli ngħid illi ż-żeffiena iridu jkunu ppreparati biex jaħdmu iebes. Dan jitlob ħafna determinazzjoni sabiex wieħed jegħleb l-istress fiżiku u mentali li jitlob dan il-qasam. Żvantaġġ ieħor jeżisti fir-rigward tal-opportunitajiet ta’ karrieri f’Malta. B’dispjaċir tiegħi ngħid illi min irid jagħmel karriera mill-ballet, ikollu jipprova xortih f’xi awdizzjoni barra minn Malta. Hemmhekk iż-żeffiena tagħna jkunu jridu jħabbtuha ma’ żeffiena oħra li jkunu qattgħu ħajjithom jiżfnu tmien siegħat kuljum (jekk mhux aktar). Dawk li jiddeċiedu li jibqgħu Malta jkollhom isibu xi post għalihom ‘part-time’ jew inkella jagħżlu li jgħallmu lil ħaddieħor.

    X’livell ta’ professjonalita’ għandhom iż-żeffiena Maltin meta komparati ma’ dawk barranin?

    Ħafna jagħmlu l-iżball li jikkomparaw l-iskejjel Maltin li joffru t-taħriġ fil-ballet bħala attività kurrikulari ma’ l-iskejjel barranin fejn l-istudenti jgħixu, jieklu u jieħdu n-nifs jiżfnu. Wieħed ma jista’ qatt iqabbel ftit siegħat ta’ taħriġ fil-ġimgħa ma’ siegħat sħaħ ta’ taħriġ f’ġurnata, kuljum. It-tqabbil irid isir ma’ skejjel simili u meta nagħmlu hekk, iva, l-livell huwa pjuttost għoli. Fl-opinjoni tiegħi hawn Malta l-importanza li tingħata lill-edukazzjoni, twarrab fil-ġenb lill-ballet b’konsegwenza li dan ma jitteħidx bis-serjetà. Jiena naqbel illi l-edukazzjoni għandha tkun fundamentali fil-pajjiż imma mill-istudenti li jiġu quddiemi mhux l-ewwel darba li ninduna li ħajjithom mimlija stress minħabba l-inkwiet tal-eżamijiet. Ix-xhur tas-sajf ma tantx jgħinu anqas għax is-sħana li tagħmel f’dan il-pajjiż tgħejjik aktar malajr. Iżda akkost ta’ dan kollu, l-professjonalita tixgħel f’dawk il-persuni li jħobbu dak li jkunu qed jagħmlu u li allura jieħdu dan it-taħriġ bis-serjetà. Bi pjaċir ngħid illi rajt professjonisti jikbru ftit ftit quddiem għajnejja.

    X’differenza teżisti bejn il-ballet Russu u t-tipi l-oħra ta’ ballet?

    Matul l-iżvilupp tiegħu l-ballet Russu wiret il-movimenti ħfief tas-saqajn tas-sistemi Taljani, niseġ fih iċ-ċaqliq tan-naħa ta’ fuq tal-ġisem tas-sistemi Franċiżi u fassal isem għalih fid-dinja tal-ballet. Id-differenzi ma tantx jiġu nnutati mill-għajn mhux trenjata imma dawn jinstabu fl-ismijiet ta’ wħud mill-passi u fid-dettall ta’ kif jiġu espressi. Finalment il-bażi tal-ballet huwa universali. Il-ballet Russu jitqassam f’diversi sistemi fostom f’dik magħrufa bħala s-sistema Legat li jiena ngħallem fl-iskola tiegħi. Il-ballet Russu jinvolvi ħafna passi u qabżiet b’saħħithom imma fl-istess ħin grazzjużi. Legat innifsu kien għalliem partikolari mmens li kien iħobb jisfida ħafna lill-istudenti tiegħu biex ma jagħmlu qatt l-istess passi jew sekwenzi darbtejn.

    L-irġiel huma rarità fl-ispettakli tal-ballet. Għaliex?

    Hija diffiċli ħafna li n-nies titgħallem toħroġ mill-mentalita’ li l-ballet jagħtik ‘kwalitajiet femminili’ u li allura hu tan-nisa biss. Matul il-karriera tiegħi rajt diversi ġenituri jitfansu meta tissuġġerilhom li jibgħatu tifel biex jitgħallem il-ballet. Kultant mhux għax huma ma jkunux jixtiequ imma aktar minħabba l-inkwiet illi t-tifel jiġi mgħajjar jew bullied minn tfal oħra li kieku jidħol għal biċċa xogħol bħal din. Sfortunatament dan it-twemmin huwa ngranat wisq il-ġewwa fis-soċjetà u jrid jgħaddi żmien mhux ħażin biex il-ħolma li naraw aktar individwi maskili f’dan il-qasam isseħħ. Din il-mentalità ma teżistix biss f’Malta, bħal kif il-film Billy Elliot jiddeskrivi ħafna tajjeb. Li kieku kellna nħarsu lejn Mikhail Baryshnikov, speċjalment f’Don Quixote, żgur li jkollna nerġgħu naħsbuha darbtejn. M’hemm xejn aktar b’saħħitha daqs raġel (iva bit-tights li fil-fatt joħorġu aktar il-linja tal-muskoli) meta jkun fiċ-ċentru tal-palk.

    Fit-tmiem ta’ kull term, inti torganizza spettaklu fejn jieħdu sehem bosta mill-istudenti tiegħek inklużi dawk l-aktar żgħar. X’inhu l-iskop ta’ dan l-ispettaklu u kemm jitlob preparazzjoni?

    It-tfal jaffaxxinaw ruħhom b’dan l-ispettaklu u l-entużjażmu tagħhom jagħmilli l-kuraġġ biex intella’ wieħed kull sena. Permezz tiegħu huma jitgħallmu jaħdmu flimkien bħala grupp u f’kull korjografijaIt-tfal juruk minn ċkunithom ngħollilhom l-istandard ftit aktar mil-livell li jkun mitlub għall-eżamijiet tagħhom. F’dawn il-mumenti huma jitgħallmu japprezzaw illi l-ballet mhux biss teknika imma li wieħed ma jistax jiżfen mingħajr passjoni u spirtu, mingħajr emozzjoni. Wara li jidraw il-passi, nibda ngħallimhom kif jużaw il-parti ta’ fuq ta’ ġisimhom fostom kif jikkontrollaw il-ħarsa tagħhom sabiex ikunu jistgħu jwasslu l-ferħ lill-ġenituri tagħhom li huma jkunu qed iħossu waqt li qed jiżfnu. L-esperjenza li tesprimi ruħek fuq palk hija vitali għal kull żeffien. Fil-fatt waħda mill-istudenti tiegħi li marret tistudja ż-żfin barra minn Malta baqgħet mistagħġba meta sabet illi ħafna minn sħabha qatt ma kienu żifnu fuq palk filwaqt li hi setgħet tiftaħar li kienet ipparteċipat f’madwar għaxar wirjiet! Ir-rehearsals għal dan l-ispettaklu jibdew fil-bidu ta’ Lulju. Dan ifisser bejn wieħed u ieħor ħames ġimgħat ta’ taħriġ kuljum. Madanakollu l-preparazzjoni għax-xenarju, il-kostumi u ħafna affarijiet oħrajn ikunu diġà bdew fil-bidu ta’ Jannar.

    X’tirrakkomanda lil dawk li huma nteressati li jitgħallmu l-ballet? Għaliex għandhom jagħżlu l-iskola tiegħek u fejn jistgħu jikkuntattjawk?

    Jekk tixtieq titgħallem il-ballet, x’qed tistenna? Iktar ma tibda kmieni aħjar! Iżda qalbek trid tkun hemm. L-iskola tiegħi hija l-unika waħda li tgħallem il-ballet Russu fis-sistema tal-Legat. Min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jikkuntattjani fuq 21583368 jew 99474127 inkella jista’ jidħol fil-websajt www.oliviadow.com fejn hemm ukoll l-email news@oliviadow.com. Aktar minn hekk nistiednek tiġi tagħtina titwila f’106 Triq Leli Falzon, Naxxar. Nistennewk!

    MARTINA ZAMMIT: Żeffiena, korjografa u għalliema

    Kemm ilek titħarreġ fiż-żfin tal-ballet?

    Ilni nitħarreġ fil-ballet minn meta kelli ħames snin. Dak ifisser li ilni sittax-il sena niżfen issa. Ikolli nammetti li ngħożż kull minuta!

    Tippratika xi stil ta’ żfin ieħor?

    Iva ppruvajt xi stili oħra fostom il-ballet modern u l-jazz. It-tnejn offrewli    esperjenza sabiħa u ħadt gost nipprattikahom. Taħriġ ieħor li ħadt kien   fit-teatru mużikali li permezz tiegħu rnexxieli niżviluppa ħafna aktar l-   espressjoni taż-żfin tiegħi.

    Il-ballet xi jfisser għalik?

    Jekk inħares lura lejn dawn is-snin li għamilt niżfnu, ngħidlek li l-ballet kien u hu ħajti. Fil-fatt ma nistax nimmaġina ħajti mingħajr ballet. Meta nkun qed niżfen inħoss li nista’ nippermetti lili nnifsi l-Seamus K Vella Aloisio u Martina Zammitlibertà li nkun dak kollu li rrid u li nħalli lil ġismi jeħodni fejn irid hu. Iż-żfin ifisser li tisma’ u tifhem dak li jrid ġismek u l-ispirtu tiegħek u li tagħfas lilek innifsek sa l-ikbar limitu possibbli. Għalija ma teżisti l-ebda sfida akbar minn din. M’hemmx kliem biex infissirlek xi tħoss wara t-taħriġ tajjeb ta’ żifna ballet…forsi eżilerata, libera jew mistrieħa? Anki meta nkun qed nara lil xi żeffiena oħra jiżfnu, mingħajr ma rrid ġieli nsib lili nnifsi nitbissem u nċaqlaq rasi bħal movimenti li jkunu qed jagħmlu huma. F’mumenti bħal dawn mhux l-ewwel darba li nintilef f’dinja għalija u ninsa li nkun qegħdha mdawwra b’nies oħra fost l-udjenza! Tinteressani ħafna wkoll l-Istorja tal-ballet u kull ktieb li nsib dwarha nixorbu!

    X’tirrakkomanda lil dawk il-ġenituri li għadhom inċerti jibgħatux lil uliedhom għall-lezzjonijiet tal-ballet?

    Ma nistax nifhem għala l-ġenituri għandhom joqogħdu jaħsbuha. Hekk jew hekk, fl-opinjoni tiegħi, huma t-tfal stess li juruk iridux jitgħallmu dan it-tip ta’ żfin jew le. Sa mill-ewwel lezzjonijiet il-ġenituri ser jintebħu jekk uliedhom hux maqtugħin għal dan il-qasam. F’eta’ tenera t-tfal ikollhom ħafna enerġija u l-ġisem flessibbli u addattat għal dan it-taħriġ. Min jaf? Forsi fostom ikun hemm il-ballerini t’għada u minn hemm meta jikbru, jaraw huma sa fejn iridu jaslu. Indubbjament il-ballet jgħinhom iżommu figura sabiħa, irawwimhom b’dixxiplina u jgħinhom jaħlu ħafna enerġija! Illum jiena nħarreġ lil dawn it-tfal żgħar u ngħoxa narahom ħerġin b’wiċċhom aħmar pepprin hekk kif jaqbżu f’ħoġor il-ġenituri tagħhom b’għajnejhom jixegħlu bl-eċitament. Xeni bħal dawn ma jħallulek l-ebda dubju jekk it-tfal ikunux qed jieħdu gost. Fl-istess ħin irridu noqogħdu attenti illi ma ninvolvux lit-tfal f’wisq attivitajiet kurrikulari għax meta dawn jibdew jinzertaw fl-istess ħin jew eżatt wara xulxin, il-pjaċir jinbidel fi stress kemm għat-tfal u kif ukoll għall-ġenituri. Idealment għandna nħallu lit-tfal stess juruna dak li veru jixtiequ jagħmlu.

    SEAMUS K. VELLA ALOISIO: Żeffien

    Kemm ilek tipprattika l-ballet u għaliex għażilt dan it-tip ta’ żfin?

    Issa ilni niżfen il-ballet għal dawn l-aħħar tliet snin. Kollox beda meta kont immur insegwi lit-tfajla tiegħi tiżfen u spiċċajt inqbadt fix-xibka tal-faxxinu tiegħu jiena wkoll! Jiena sfida nikolha u ż-żfin tal-ballet huwa ħafna aktar iebes milli jidher… għalkemm li tagħmlu jidher faċli huwa parti mill-kompitu tiegħek bħala żeffien. Wara lezzjoni waħda biss nispiċċa mxarrab għasra bl-għaraq u jirnexxieli anki niskopri muskoli li lanqas biss kont naf li kelli.

    Għandi l-impressjoni li l-irġiel huma rarità fl-ispettakli tal-ballet. X’taħseb li hi l-kawża u kif tħossok bħala wieħed mill-ftit?

    Iva ftit hawn ballerini rġiel f’Malta iżda din mhix biss problema lokali. Sfortunatament ħafna mill-ġenerazzjoni tiegħi u anki dik ta’ qabli tlajna bil-mentalità li l-ballet huwa tal-bniet u li s-subien għandhom L-irġiel huma rarita' fid-dinja tal-balletil-futbol. Għaldaqstant is-subien u l-ġuvintur jaħsbuha darbtejn sabiex jgħaddilhom il-ħsieb minn moħħhom li jidħlu għal dal-ġeneru ta’ żfin. Il-fatt li jien ‘wieħed mill-ftit’ kultant tiffrustrani għax inkun nixtieq li jkolli l-opprotunità li nsegwi żeffiena maskili jiżfnu ħalli nitgħallem minnhom u ntejjeb iż-żfin tiegħi. Kull meta nsib l-opportunità li mmur nara xi spettaklu fejn ikun hemm żeffiena rġiel nieħu gost ħafna għax b’hekk inkun nista’ nispira ruħi u anki nagħmel xi ftit aktar tal-kuraġġ. Proprju minħabba l-fatt li l-irġiel huma ‘rarita’, huwa fatt magħruf illi huwa ħafna aktar faċli għall-irġiel biex jiġu aċċettati ħalli jitħarrġu f’dan il-qasam. Dan b’kuntrast mad-dinja femminili fejn il-ballerini nisa jippreżentaw ruħhom bil-mijiet għall-awdizzjonijiet u jkunu lesti li jagħmlu minn kollox biex jagħżlu lilhom. Fatt interessanti huwa illi Ms Olivia Dow ma żżommx flus lis-subien sabiex jitħarrġu fil-ballet. U dan kollu bit-tama li jitħajjru aktar subien f’dan il-qasam.

    Tippratika xi stil ta’ żfin ieħor?

    Iva. Tħarriġt fil-breakdance u ppruvajt anki naqra żfin latin u ballroom.

    Il-ballet xi jfisser għalik?

    Iż-żfin jagħtini l-opportunità li nesprimi ruħi b’mod differenti mis-soltu. Hekk kif inkun qed nagħmel l-almu tiegħi waqt il-passi ħfief tal-qbiż, jirnexxieli ntiegħem it-togħma ħelwa tal-libertà. Fl-istess ħin inħoss l-enerġija ħierġa tiġri mill-ponot ta’ subgħajja ta’ jdejja sa dawk ta’ saqajja. Barra minn hekk, meta nkun qed niżfen bħala koppja, ma nkun qed nara ‘l ħadd aktar ħlief lill-partner tiegħi. Inħalli lill-ispirtu tiegħi jagħmel hu u waqt dawk il-mumenti jkolli l-impressjoni li t-tnejn li aħna nkunu qed niċċaqalqu daqs li konna ġisem wieħed. Peress li waqt iż-żfin ma tistax tikkomunika verbalment, huwa neċessarju li toħloq tip ta’ konnessjoni oħra li tiġi naturali dak il-ħin. Xi ħaġa li tgħaġġibbni u li ma nafx kif naqbad infissirlek biex nispjegaha. Iżda waqt it-taħriġ l-istorja tinbidel… trid taħdem iebes u tipprova mill-aħjar li tista’ biex ittejjeb il-livell tiegħek. It-taħriġ jinvolvi ħafna ħsieb u konċentrazzjoni. Matul iż-żmien skoprejt illi f’dan il-qasam dejjem tista’ tagħti naqra aktar milli taħseb li ġismek huwa kapaċi jagħmel. M’hemmx limiti…. Is-sigriet ta’ kollox huma l-qalb u l-moħħ.

    X’tirrakkomanda lil dawk il-ġenituri li għadhom inċerti jibgħatux lil uliedhom għall-lezzjonijiet tal-ballet speċjalment lis-subien?

    Li jmorru u jippruvaw! Jekk il-ġenituri ma jagħtux l-opportunità lil uliedhom, dawn qatt ma ser ikunu jafu jekk it-tfal tagħhom hux ser jieħdu pjaċir jew le. L-importanti huwa illi t-tfal ma jiġu qatt sfurzati. Nerġa’ nisħaq illi għandna noħorġu minn din il-mentalità li l-ballet huwa ‘tal-bniet’. Li nista’ ngħid huwa illi mill-esperjenza tiegħi l-ballet għeni nagħmel progress kbir kemm fiżiku u kif ukoll f’dik li hi mentalità. Nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li saħansitra nħoss li din l-esperjenza għallmitni nsir raġel aħjar.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Settembru 2009)