• L-ISFERA – ĠURNAL ĠDID GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

    Nispera illi filwaqt li ħafna nies qegħdin barra jxommu l-fwieħa tal-fjuri, xi ħadd ieħor qed jiddedika ftit ħin biex jiżra aktar… Herbert Rappaport.

    M’ilnix ħafna żmien fil-qasam tal-kitba. Madanakollu minn dejjem niftakarni nħobb nikteb. L-ewwel tentattivi tiegħi kienu stejjer qosra fuq ktieb magħmul bil-karti strazzi. Kont anki npinġi xi stampi li jkunu relatati mal-istorja li nkun ktibt. Il-ħolma tiegħi kienet li meta nikber insir bħall-idolu li kelli – Trevor Zahra. Nikolhom kont il-kotba tiegħu!

    Dawn it-tifkiriet bdew għaddejjin minn moħħi hekk kif mort niltaqa’ ma’ tlett ġuvintur sabiex nitkellmu dwar proġett kbir tagħhom – dik li jistabilixxu l-ewwel gazzetta bil-Malti iddedikata liż-żagħżagħ…

    Kevin Mercieca  kien il-moħħ wara din l-idea. Kont kurjuża nkun naf kif beda kollox.

    Is-Sajf li għadda kont qed naħdem part-time mal-iSmash TV u s-Smash radio. Xogħli kien bħal dak ta’ ġurnalista, jiġifieri nikteb ir-rapporti għall-aħbarijiet u anki kont naqrahom. Minn hemm beda jbherren f’moħħi li noħroġ gazzetta immirata lejn iż-żagħżagħ minn 16-il sena l-fuq.

    Niftakar li għall-ewwel, meta mort niddiskuti din l-idea ma’ ħbiebi Kurt u Stefan, m’aċċettawx il-proposta tiegħi minnufih. Imma mbagħad, wara xi ħmistax, iddeċidew li jingħaqdu miegħi biex nagħmlu dal-proġett realtà.

    Kif ħriġtu bl-isem L-Isfera?

    Għamilna laqgħa bejnietna u kkunsidrajna diversi ismijiet. Iddeċidejna li nagħżlu l-isem L-Isfera għax l-isfera tiġbor kollox fiha u tolqot kull dimensjoni. Missier Kurt, Michael Pawley, iddiżinjalna anki l-logo tal-gazzetta li jidher fis-sit elettroniku tagħna.

    X’inhu l-iskop ta’ L-Isfera?

    L-iskop tal-gazzetta huwa biex nedukaw liż-żagħżagħ fil-qasam tal-kitba u l-qari tal-gazzetti u biex nifirxu aktar il-libertà tal-kelma, ovvjament mingħajr ma jinqabżu l-limiti tagħha. Nixtiequ li permezz Kevin Mercieca - Editur L-Isferata’ din l-opportunità, ħafna aktar żagħżagħ jitħajjru jgħidu tagħhom u ma jiddejqux jiktbu fehmithom. B’hekk fejn forsi f’gazzetti oħra stabbiliti huwa diffiċli ħafna biex jiktbu xi ħaġa, fil-gazzetta tagħna għandhom il-possibilità li jiktbu artiklu sħiħ jew saħansitra jkollhom is-sezzjoni tagħhom ukoll.

    Min jista’ jikteb fil-gazzetta L-Isfera u dwar liema suġġetti?

    Bħalissa l-kontributuri ta’ L-Isfera huma ħbieb tagħna stess u numru ta’ nies akkademiċi. Però kull min jixtieq jikteb fil-gazzetta tagħna, aħna ser nilqgħuh b’idejna miftuħa.

    Bħala suġġetti m’hemmx limitu. L-importanti huwa illi l-għan tal-artiklu jkun informattiv u edukattiv. Fuq kollox, nixtieq niċċara li aħna ma naċċettawx kitba ta’ politika partiġġjana. Niktbu dwar politika imma b’mod newtrali. Għaldaqstant kull min jixtieq jikkontribwixxi b’kitbietu jrid iżomm dan f’moħħu. It-tul tal-artikli ġeneralment ikun ta’ madwar 400 kelma. Anki jekk forsi l-Malti ta’ min jikteb ma jkunx xi wieħed ta’ livell għoli, l-importanti li jkun hemm messaġġ interessanti u mbagħad il-kitba nieħdu ħsiebha aħna. Idealment nixtiequ nsibu xi kontributuri regolari wkoll.

    Kemm sibtu ko-operazzjoni biex din il-gazzetta tkun suċċess?

    Jiena bniedem pożittiv iżżejjed kultant u l-immaġinazzjoni tiegħi tiġri bija. Ħsibt illi peress li dan il-proġett kien oriġinali u kellu skop li jeduka liż-żagħżagħ, konna ser insibu ħafna jdejn miftuħa biex jgħinuna. Imma b’dispjaċir kbir, sibna l-kuntrarju. Batejna ħafna biex ħriġna bl-ewwel gazzetta. Dorna bosta stamperiji u kollha tawna stimi għolja. Kellna bżonn ħafna riklami biex inkopruhom imma bosta ħwienet għalqulna l-bieb b’diversi skużi. Kien hemm min lanqas biss tana ċ-ċans nispjegawlu x’kien il-mottiv għala konna qed nitolbuh jirriklama magħna. Oħrajn qalulna “jien ma nħobbx naqra xbin” u tawna l-gazzetta lura bla ma biss taw ħarsa waħda lejha! Jiena nifhem illi mhux la kemm wieħed joħroġ il-flus mill-but imma nemmen ukoll li għandu jkun hemm aktar fiduċja fiż-żagħżagħ ħalli b’hekk dawn jiġu mgħejjuna joħolqu xi ħaġa għall-ġid.

    L-ewwel gazzetta li ħriġna għamilniha bil-ħlas – 51 ewro ċenteżmi. Imma minn 400 kopja, inbiegħu biss 20! Għamilna b’150 ewro telf. Mit-tieni edizzjoni ‘l hemm, ittantajna nagħmluha b’xejn imma s’issa qatt m’għamilna qliegħ, dejjem bit-telf.  Sfortunatament meta kienu jiżdiedu r-riklami fil-gazzetta, l-istima tal-istamperija kienet tiżdied ukoll. U dan meta ta’ riklam, ftit li xejn konna qed nitolbu flus.

    X’inhu r-rwol tiegħek f’din il-gazzetta?

    Jiena l-editur u allura r-rwol tiegħi huwa illi flimkien ma’ oħti Rachel Pulis (li hija l-editriċi assistenta tal-gazzetta), nieħdu ħsieb it-tqassim tal-artikli u r-riklami ta’ L-Isfera. F’idejja għandi wkoll il-kitba tan-novelli għad-diskussjoni.

    Kemm il-edizzjoni ta’ L-Isfera ġew ippubblikati s’issa?

    L-ewwel edizzjoni ta’ L-Isfera tqassmet f’Diċembru 2008. Il-gazzetta kienet toħroġ kull xahrejn u b’hekk ippubblikajna ħames edizzjonijiet. Iżda minn Settembru li għadda, kemm minħabba n-nuqqas ta’ L-Isferafinanzi u kif ukoll peress li ma tantx kellna rispons tajjeb, ħadna deċiżjoni li noħorġu l-gazzetta online. Jekk immorru tajjeb bil-websajt, nixtiequ li mbagħad ikollna l-kwartieri tagħna. Imqar nikru garaxx fejn in-nies ikunu jistgħu jiġu jiltaqgħu magħna u forsi jitħajjru jkunu disponibbli biex jiktbu huma wkoll.

    Sadanittant, aħna ser inkunu qed niktbu wkoll f’diversi gazzetti oħra lokali sabiex in-nies isiru jafu aktar bina. Il-pjan tagħna huwa illi b’hekk L-Isfera tissaħħaħ mill-ġdid u nkunu nistgħu nerġgħu ndawwruha f’gazzetta kif bdiet oriġinarjament permezz tal-għajnuna ta’ aktar riklami.

    Kull min daq il-ħajja jaf illi l-ewwel passi ta’ kull proġett, rari jkunu ward u żahar. U bis-sewwa jew bid-dnewwa, bosta minn dawk li jkollhom xi ħolma f’ħajjithom jirrealizzaw illi t-triq hija ferm aktar iebsa milli ħasbu. Xtaqt l-aħħar kummenti ta’ Kevin dwar dan….

    Akkost id-diffikultajiet li sibna, il-ħolma tiegħi għadha qawwija u għandi fiduċja kbira li naraha titwettaq fil-futur qarib. Fuq kollox meta nara l-progress li għamilna jiena u sħabi fostom f’kitbietna, fil-kuntatti li għamilna u fil-perserveranza u l-kuraġġ li qed naħdmu bih, ngħid illi dal-proġett diġà ħareġ ħafna pożittiv minnu.

    Fil-preżent L-Isfera toħroġ fuq websajt u tiġi rrinovata kull darba li tidħlilna xi kontribuzzjoni. Madanakollu għalkemm l-ispejjeż naqsu, xejn ma jsir b’xejn u lil min jeħdilna ħsiebha rridu nħallsuh.

    Ta’ fiduċjuż li jien, nemmen li xi darba għad nerġa’ nara l-gazzetta tagħna tiġri fl-idejn. Kull m’hemm bżonn daqsxejn fiduċja u għajnuna minn għand xi sponsors sabiex itaffulna l-ispejjeż tagħna u jagħmlulna aktar kuraġġ. M’għandix dubju li jeżistu bosta individwi u kumpaniji li jistgħu jagħtuna daqqa t’id. Issa li L-Isfera rat il-bidu tagħha, kull m’għandha bżonn hija imbuttatura tajba biex tkompli sejra soda fi triqitha.

    Tkellimt ukoll ma’ membru ieħor tal-Isfera – Stefan Darmanin.

    Kif ingħaqadt mat-tim tal-gazzetta L-Isfera u x’inhi l-parteċipazzjoni tiegħek fiha?

    Niftakar darba fost l-oħrajn kont quddiem id-dar ta’ Kevin u dan qalli li xtaq jagħmel gazzetta għaż-żagħżagħ. Għalkemm kont interessat, ħasadni dak il-ħin. Meta komplejt naħseb għedt u iva, din xi Stefan Darmanin - Ko-ordinatur L-Isferaavventura ta’ ftit… mhux ser iddum. Aċċettajt li nissieħeb miegħu u mal-mogħdija taż-żmien ħriġna b’ħames edizzjonijiet! Id-diffikultajiet li sibna kienu ħafna u kellna bżonn ħafna kuraġġ biex inkomplu peress li kellna problema biex insibu l-isponsors. Imma l-kuraġġ li wrew sħabi għeni biex anki jiena nwebbes snieni,  nagħmel il-qalb u nibqa’ naħdem flimkien magħhom.

    Oriġinarjament jiena kont inħobb nikteb l-iskripts għad-drammi. Imma ftit ftit inġbidt lejn l-Istorja tal-Ewropa u għalhekk meta ġejt biex nagħti l-kontribut tiegħi fil-gazzetta għażilt li nikteb il-paġna tal-Istorja.

    Barra minn hekk, ir-rwol tiegħi f’L-Isfera huwa dak ta’ ko-ordinatur.

    X’diffikultajiet iltqajtu magħhom biex stajtu tippubblikaw din il-gazzetta?

    Ħafna aktar milli ħsibna! L-ispiża tal-istamperija hija għolja immens u biex tagħmel is-sitwazzjoni aktar diffiċli, meta konna niġbru aktar riklami, din l-ispiża kienet togħla aktar! Aħna nissagrifikaw ħafna mill-ħin tagħna nduru ‘l hemm u ‘l hawn bit-tama li nsibu xi sponsor jew lil xi ħadd biex jirriklama magħna. Imma tiskanta kemm hi diffiċli biex xi ħadd jagħtik il-fiduċja u l-għajnuna tiegħu. Jgħidulek din xi ħaġa ġdida u ma nafx kif ser tmur. U jibżgħu.

    Min-naħa l-oħra l-qari fost iż-żagħżagħ naqas ħafna peress li fuq l-internet illum issib kollox. Għalhekk issa ddeċidejna li nagħmlu l-websajt tagħna. Imma fir-realtà aħna aktar nixtiequ li l-gazzetta tiġi ppubblikata kif konna nagħmlu qabel għax gazzetta taż-żagħżagħ ma naħsibx li qatt kien hawn u nemmen b’saħħa li l-pjan tagħna jagħmel sens.

    Kemm issibu entużjażmu miż-żagħżagħ biex jiktbu f’L-Isfera?

    Sfortunatament s’issa ma tantx kien hemm entużjażmu. Ħafna miż-żagħżagħ donnhom jibżgħu jesponu lilhom infushom u jiddejqu jidhru f’gazzetta. Jibżgħu li mhux kapaċi u li ser jaqgħu għaċ-ċajt. Forsi għax għadhom ma fehmux is-sodisfazzjon kbir li tieħu meta tara ismek u kitbietek stampati fuq gazzetta.

    X’inhuma l-lati pożittivi ta’ L-Isfera?

    Il-kuraġġ ta’ grupp ta’ żagħżagħ li jixtiequ jagħmlu xi ħaġa utli f’ħajjithom. Jiena xorta waħda bqajt inqis lil L-Isfera bħala avventura għax din il-gazzetta timlini bl-entużjażmu u bil-fiduċja fija nnifsi. Qabel dħalt għal dal-proġett, qatt ma kont ser noħlom li nidħol għal affarijiet hekk u daqstant ieħor sħabi. Bis-saħħa ta’ L-Isfera ħarġu biċ-ċar it-talenti li kellna fina. Forsi mingħajr din l-opportunità dawn qatt ma kienu ser jiżviluppaw. Issa li qed naħdmu fuq dan il-pjan ġdid tal-websajt, għalkemm huwa proġett akbar minn ta’ qablu, dħalt għalih b’aktar konvinzjoni u kuraġġ. L-importanti li t-tim tagħna jiġbor ħabel wieħed u li nsibu lil xi ħadd biex isostnina finanzjarjament.

    Ingħaqad magħna wkoll Kurt Pawley…

    L-Isfera, kif daħlet f’ħajtek u x’inhu r-rwol tiegħek fiha?

    Daħlet f’ħajti wara li daħlet f’moħħ Kevin. Tgerfixt għall-ewwel meta qalli bil-pjan tiegħu u xtaqt naħsibha ftit qabel naċċetta. Jien daqsxejn karattru negattiv u nkun irrid inqis l-affarijiet sewwa qabel nidħol għalihom. L-aktar li kien qed iħassibni kien kif konna ser niffinanzjaw proġett bħal dan. Min-naħa l-oħra kien hemm il-fatt illi l-kitba minn dejjem kienet togħġobni. Proprjament kont imdorri nikteb stejjer qosra bl-Ingliż imma meta rajt li kienet ser tiġi fdata f’idejja s-sezzjoni tal-films u l-movie reviews, iddeċidejt li nidħol għaliha u nissieħeb mat-tim ta’ L-Isfera.

    Barra minn hekk jiena wkoll is-Segretarju ta’ din il-gazzetta.

    X’jidhirlek mill-andament ta’ L-Isfera?

    Kif kont bassart, l-iffinanzjar tal-gazzetta kien iebes ħafna. Ma tantx sibna għajnuna. Anki l-aktar affarijiet sempliċi għamluhomlna iebsin! Biex infissrlek ftit per eżempju, meta konna mmorru nqassmu l-Kurt Pawley - Segretarju L-Isferakopji tal-gazzetta b’xejn fil-ħwienet, ġieli kien hemm min lanqas biss aċċetta li jgħaddihom lill-klijenti tiegħu. Oħrajn ħadulna tlett kopji biss biex imbagħad ħbewhom wara oġġetti jew prodotti oħra. Ġieli konna mmorru niċċekkjaw jiena u sħabi biex naraw kif qed tmur il-gazzetta tagħna u konna nsibuhom taħt xi kaxxa jew wara xi imbarazz ieħor. Kien hemm ukoll każi fejn ippruvajna nagħtu kopja lis-sid tal-ħanut biex jaqraha hu, ħalli jara fiex tikkonsisti. Numru minnhom qalulna li ma jħobbux jaqraw, oħrajn ħaduha u tefgħuha ‘l hemm quddiemna stess u xi individwi oħra lanqas biss aċċettawha! Tidher ċara illi ma tantx jeżisti interess meta toħroġ xi ħaġa ġdida.

    X’tikkummenta dwar il-fatt li issa L-Isfera qegħdha online?

    Dan huwa attentat biex niġbdu aktar żagħżagħ lejn il-gazzetta tagħna peress illi l-internet illum huwa ħaġa waħda mill-ħajja taż-żagħżugħ. Madanakollu ninsab konxju wkoll illi b’hekk hemm sfera ta’ nies ta’ ċerta età illi bl-internet ma tilħaqhomx għax ma jużawhx. U din hija ħasra għax irċevejna bosta ittri mingħand l-anzjani biex jinkoraġġuna f’dax-xogħol li qed nagħmlu. Peress li fil-gazzetta tagħna għandna rokna tal-anzjani, irċivejna ammont ta’ rispons minn għandhom. Niftakar waħda anzjana kitbitilna “Qawwejtulna qalbna b’dawn l-artikli.” Il-problema hija illi ż-żagħżagħ ftit li xejn ipparteċipaw. Nittama li b’dan l-esperiment jirnexxielna nħajjru aktar żagħżagħ jersqu lejna u jingħaqdu magħna.

    Lilek x’tagħtik L-Isfera?

    Esperjenza sabiħa fejn flimkien ikkumbattejna ħafna affarijiet u b’riżultat t’hekk inħoss li qalbi ssaħħet aktar. Akkost id-diffikultajiet, minflok qtajna qalbna, aktar rabbejna għeruq sodi biex nirnexxu. Meta nara l-gazzetta tagħna nieħu gost li qed inwassal xi ħaġa sabiħa u informattiva lil min qed jaqraha. Fuq kollox il-fatt li nikteb f’L-Isfera jagħtini sodisfazzjon kbir!

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-11 t’Ottubru 2010)