• TLIET AĦWA GĦAL GĦAN WIEĦED

    Ngħixu f’dinja mimlija nies iżda xorta waħda jiġu mumenti meta nħossuna tant weħidna. Terġa’ u tgħid meta wieħed ikun jgħix fuq gżira ċkejkna bħal tagħna, l-iffullar tal-bnedmin fuq l-istess biċċa roqgħa art, jinħass ħafna aktar. Trid jew ma tridx, tmur fejn tmur, tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jafek. Imma, fir-realtà kemm minn dawn l-individwi jistgħu jiġu definiti biss bħala konoxxenzi aktar milli ħbieb? Kemm minnhom jinteressahom verament minnek u int minnhom? Il-bruda, is-superfiċjalità u l-artifiċjalità li jitrażmettu uħud minnhom tant tkun qawwija li bosta drabi tippreferi tidħol f’qoxortok u tgħix fl-illużjoni ta’ dinja għalik. U forsi għalhekk allura, meta tiltaqa’ ma’ xi ħadd ġenwin tant tapprezzah….

    Soqt lejn l-Isla f’ġurnata kiesħa tax-xitwa. Kont sejra fuq stedina ta’ Anna nnifisha illi xtaqitni mmur nara d-dar kbira tal-pupi tagħha. Ma kontx naf min hi. Miegħi ħadt lil ħabiba tiegħi Lilian peress li hi Anna Abela Ruggier mad-dar tal-pupiwkoll kollezzjonista ta’ dawn id-djar. Ikolli nistqarr illi s’issa l-kollezzjonisti li ltqajt magħhom waqt dawn l-intervisti, dejjem kienu nies interessanti kemm għalija u kemm għall-qarrejja tagħna. Imma f’din id-dar ħassejt xi ħaġa inspjegabbli…. kif ser naqbad infissrilkhom?

    Nibda biex ngħid illi flok sibna persuna waħda tilqagħna, sibna tlieta li kollha kellhom ħafna affarijiet x’juruna u x’jirrakkuntawlna. Aktar minn hekk, akkost li kollha kellhom il-perspettiva partikolari tagħhom, kellhom ukoll kompliċità qawwija f’dak kollu li kienu jagħmlu. Fuq kollox, il-mod familjari li laqgħuna bih ħassejtu jħollni u jxennaqni biex intawwal kemm nista’ l-ħin, fejn b’sinċerità, għal darba f’mitt qamar, ħassejtni tassew nappartjeni.

    “Għamilt żmien ngħix l-Ingilterra u hemmhekk kont nara ħafna djar tal-pupi għall-bejgħ. Iġġennint warajhom u ħlift li xi darba jkolli waħda. Madanakollu kont deċiża illi d-dar ridt nagħmilha jien u mhux nixtriha. Meta ġejt lura Malta, bdejt nixtri l-katalgi, nimmarka l-għamara li nixtieq u noħlom. Bdejt inpinġi u nara d-dar f’moħħi. Xtaqtha stil Vittorjan għax dak hu l-aktar żmien li jogħġobni. Li kieku nista’ ngħix fih għax il-ħwejjeġ, il-kpiepel u l-mod ta’ ħajja  ta’ dak iż-żmien, jaffaxxinawni wisq.

    Sikwit kont noqgħod niffitta lil ħija Michael li kien mastrudaxxa biex jaħdimli din id-dar. Imma hu kien isostni illi d-dar li ridt jien kienet kbira wisq u qatt m’għamilieli. B’xorti tajba fl-aħħar ikkonvinċejt lil ħija John, li għalkemm xogħlu proprja kien li jillostra l-injam, aċċetta li jipprova jaħdimha.”

    Bil-qiegħda komdu fuq sufan kbir u bi tbissima fuq fommu, John daħal fid-diskussjoni…

    “Naf id-data eżatt meta bdejtha d-dar – kien is-7 ta’ Settembru 1998. Bqajt niftakarha ċara għax dakinhar ħija Michael ġabli xi plywood biex nibda naħdimha u xahar wara miet. Spiċċajtha eżatt f’lejlet il-John Abela RuggierMilied tal-1999. Għamilt siegħat sħaħ naħdem fuqha wara li niġi mix-xogħol u fil-weekends ġieli qattajt ġranet sħaħ. Kont noqgħod naqta’ l-injam matul il-ġurnata ħalli mbagħad fil-għodu kmieni noqgħod ninkolla u niżbogħ bil-kwiet. Ridt nagħmel kollox jien għax jien bniedem nervuż ħafna u jekk nara xi ħaġa sejra ħażin, malajr nitlef il-boxxla. Imma ħaġa tal-iskantament hija illi akkost li jien għandi dal-karattru nervuż, inħoss li dax-xogħol metikoluż iserraħni u n-nervi jgħinuni biex kemm jista’ jkun ma niżbaljax. Ftit ftit din id-dar saret parti minni u x-xogħol bdejt dejjem aktar nirfinah u nagħmlu minn qalbi. Tant hu hekk illi meta darba minnhom ħadt żball u l-lupa ġibditli subgħajja, mort indewwih minnufih l-isptar, infaxxajtu u l-għada erġajt intfajt naħdem fuqha.”

    Fil-kamra ngħaqdet magħna Carrie, b’għajnejn żoroq pariġġ ta’ ħutha l-oħra u b’libsa ħelwa ffjurita….

    “Jiena xogħli f’din id-dar tal-pupi hija l-ħjata. L-hena tiegħi nara x’ser nivvinta għax inħobb naħdem ħafna l-krafts.

    Niftakar illi meta kont żgħira, ommi ma kinetx tħallini noqgħod niġġerra barra. Allura wara li kont niġi mill-iskola u nlesti l-homework, kont nintefa’ ħdejn il-bieb tagħna flimkien ma’ xi tfal oħra u noqgħod infassal u nħit il-ħwejjeġ għall-pupa li kont qlajt mill-Awstralja. Fil-fatt għadni nħit l-ilbiesi tal-pupi sal-lum – hemm ara, għandi pupa qed tistennieni biex naħdmilha libsa tat-tieġ. Ma setax jonqos li x-xogħol tal-ħwejjeġ għall-pupi ta’ din id-dar ħdimthom kollha jien.”

    “Imma Carrie għamlet ħafna aktar minn hekk,” qabdet turini Anna. “Ara xi ġmiel ta’ purtieri, dawk kollha hi għamlithom. Il-lożor, il-kutri, is-saqqijiet l-antiki, is-srievet, ix-xugamani żgħar, il-ħwejjeġ tas-sodda tal-bizzilla – jiena noħlom u hi taħdimli.”

    “La tixtieqhom tant, nagħmilhomla,” weġbitni bil-ħlewwa Carrie. “Hekk jew hekk jiena meta naqbad il-magna, nisker fuqha daqskemm nieħu pjaċir naħdem dawn l-affarijiet.”

    “Imn’Alla kienu huma!” reġgħet daħlet pronta pronta Anna li għalkemm l-iżgħar fost ħutha, għandha kariżma partikolari mmens kif tikkonvinċihom imorru għal għajnha. “Jiena għandi jdejja kbar wisq għal dawn l-oġġetti żgħar u mhux l-ewwel darba li jaqgħuli minn idi. Forsi għalhekk wara kollox jogħġbuni tant, għax jien kbira ħafna għal ħdejhom. Xi drabi ġieli ippruvajt naħdem xi ħaġa jien ukoll imma m’għandix paċenzja u nixba malajr! Għallinqas ġietni tajba għax kemm John u kemm Carrie jiġġieldu biex jagħmlu oġġett ċkejken u ftit ftit bejn dak li nixtri jien u dak li jagħmluli huma, irnexxieli nimla’ t-18 il-kamra li fiha din id-dar.”

    Fil-fatt John stqarr miegħi illi minn hawn u minn hemm il-minjaturi bl-injam jaħdimhom għalkemm mhux kapaċi jagħmel bħalhom ta’ daqs kbir…

    “M’għandix spjegazzjoni għaliha din. Jista’ jkun li l-ideat ta’ kif għandi naħdem bla ma naf ġibthom mingħand missieri u ħija li t-tnejn kienu mastrudaxxi. Xi snin ilu kont attendejt għal xi korsijiet fit-tinqix tal-injam u fil-guilding u permezz tagħhom komplejt insaħħaħ dat-talent tiegħi.

    Bnejt did-dar tal-pupi mix-xejn. Xtrajt żewġ folji tal-kartun u bdejt infassal id-dar skont l-istruzzjonijiet ta’ oħti. Imbagħad irnexxieli nsib xi injam mingħand regettier fejn fostom akkwistajt xi biċċiet tal-Sezzjoni mid-dar tal-pupipine u tal-kewba. Din tal-aħħar kellha mal-mitt sena u minnha ħdimt ħafna mill-għamara ċkejkna tad-dar. L-aktar li ġiet għal qalbi l-kamra tal-ikel għax ħarġitli sabiħa u realistika immens. Xtrajt ukoll transformer u miegħu qabbadt il-kwantità kbira ta’ bozoz li fiha d-dar. Għaddejt il-wires kollha jien. Daħħalthom minn bejn il-ħitan u minn taħt it-tapiti sabiex ix-xogħol jiġi pulit kemm jista’ jkun. Barra minn hekk iddiżinjajt id-dar biex tinfetaħ minn kull naħa u allura wara kull faċċata ssib kmamar differenti.”

    It-tlieta li huma kienu f’kompetizzjoni min ser jurina xhiex. Minn ħin għall-ieħor bdew idawwrulna d-dar biex inkunu nistgħu ninnutaw dawn id-dettalji. Imma d-dar mhux la kemm taqbad u tressaqha għax il-kobor u t-toqol tagħha huma mpressjonanti sew. Nistqarr li qatt ma rajt dar tal-pupi daqshekk kbira: bi tlett sulari u anki bl-‘attic’ mimli sa ruħ ommu b’affarijiet ċkejkna oħra…

    “Ġo din id-dar, kull fejn tiftaħ issib xi ħaġa,” kompliet turina hekk kif fostom bdiet toħroġ il-kxaxen mill-bank tal-kċina u urietna kif kienu mimlijin bis-skieken, il-frieket u l-imgħaref żgħar. Fl-armarji kien hemm minn kollox, skont il-kamra li kienu fiha. Ngħidu aħna ġol-kmamar tal-banju kien hemm ix-xugamani u l-facecloths. Ġol-kċina kien hemm il-vażetti tal-ħwawar, it-tazzi tal-inbid, il-fliexken tax-xorb u saħansitra n-‘nutcracker’.

    “Ċertu affarijiet minn dawn qegħdin merfugħa għad-dar il-ġdida li beħsiebna naħdmu,” infurmatni Anna.

    Hawn għandek ix-xogħol erġajt, għedt lil John biex ninkih ftit. Imma hu qaleb naqra għajnejh u daħak daqs li kieku ried jgħidli x’tagħmel?

    “Issa ser nagħmlu dar u żewġt iħwienet oħra. Imma did-darba ma rridx indum naħdem fuqhom daqshekk,” saħaq John. “Diġa’ għandna ħafna ideat għax din Anna ġġennek daqs kemm tibda turik affarijiet! Fostom ser nagħmlu l-art kollha bit-twavel u fis-saqaf ta’ kamra minnhom ser inqabbad lil wieħed jagħmilli pittura bħal kif hemm f’xi palazzi tal-Belt. Inzertajna li dak kollu li hu antik, jogħġobna wisq.

    Imma l-inkwiet tiegħi taf x’inhu? Il-problema biex issib dawn l-affarijiet żgħar biex taħdem. Xi snin ilu kont immur għand taż-żebgħa u nixtri b’faċilità ċerti oġġetti bħal viti tas-6mm u ċappetti tat-12mm. Iżda illum dawn ma ssibhomx għax jgħidulek li l-aġenti m’għadhom iġibuhom għax m’hawnx bejgħ tagħhom.”

    Min-naħa tagħha Anna bi pjaċir kbir qaltli illi meta tmur għand tal-ħwienet u tgħidilhom li qed tfittex xi ħaġa għad-dar tal-pupi, dawn jilqugħa u jgħinuha b’entużjażmu…

    “L-aktar kamra għall-qalbi f’din id-dar hija l-kamra tat-tfal. Niftakar darba kont qed nara t-TV u ġie quddiemi riklam tal-wallpaper bit-teddybears. Mort malajr biex nixtrih imma tal-ħanut qaltli illi kien spiċċa u dendilt geddum żul minn hemm. Meta ratni hekk qaltli li kellha bordura ħelwa ħafna u ħaditni naraha. Kienet ta’ Peter Rabbit u kif rajtha tgħidx kemm dħakt għax kienet perfetta. Naturalment għalkemm tal-ħanut ħasbet li kienet żgħira wisq, lili kienet timlili l-ħajt kollu tal-kamra perfettament.”

    Anna ilha tarma din id-dar għal dawn l-aħħar 4 snin…

    “Dawk li jikkollezzjonaw dawn id-djar tal-pupi jirrakkomandaw illi l-ewwel tixtri l-għamara u mbagħad id-dar sabiex meta din tasal tkun tista’ timliha mill-ewwel u mhux tħalliha vojta. L-ewwel ma xtrajt kienu l-kmamar tal-banju. Imma naqra naqra xtrajt u ħdimt l-għamara għall-kmamar kollha. Niftakar sewwa dik il-lejla meta ħija lestieli d-dar. Kien tard, lejliet il-Milied u ħuti marru jorqdu. Imma jien, x’norqod? Ftaħt il-kaxxi kollha madwari u ntlift nimla’ l-kmamar bl-oġġetti ċkejknin li tant kont ilni nġemma’. Waqaft biss meta smajt is-serduk jidden u ndunajt li kienu saru l-erbgħa ta’ fil-għodu! F’jum il-Milied hekk kif qamu ħuti qaluli li kien dnub li dik id-dar kienet għadha vojta. Tista’ taħseb kemm tpaxxejt narahom jistagħġbu hekk kif ftaħtha u sabuha mimlija u lesta.”

    Id-dar jisimha Rulea Manor u kull kamra għandha l-isem tagħha. Anki l-pupi għandhom l-identità tagħhom…

    “Kif qed tara din id-dar hija mgħammra b’kollox. Saħansitra hemm il-maids u l-butler u dawn għandhom dak kollu li hemm bżonn biex ikunu jistgħu jnaddfu d-dar. Imma jgħixu ħajja tajba dawn għax qatt ma jagħmlu xejn! Dan l-aħħar għamilt żewġ nofs ta’ nhari nnaddaf fiha.  Ħeqq, hekk sew!”

    Id-dar tal-pupi hija mżejjna b’tema tal-Milied għax daż-żmien huwa ħafna għall-qalb it-tliet aħwa. Min-naħa l-oħra, f’darhom proprja, kull ċelebrazzjoni hija valida biex iżejjnu d-dar u jistiednu xi erbat iħbieb jiċċelebraw magħhom. Ħadd mill-aħwa qatt ma żżewweġ u maż-żmien ħajjithom donnha ssawwret flimkien bħal kif jagħmlu l-egħruq kbar ta’ siġra antika…

    “Din id-dar tatna skop biex naħdmu xi ħaġa flimkien. Kullħadd għamel il-parti tiegħu fiha u hi r-riżultat tal-għaqda u l-imħabba tagħna kemm lejn xulxin u kif ukoll lejn dax-xogħol kreattiv li nħobbu Carrie Abela Ruggiernagħmlu,” spjegatli Carrie li sadanittant kienet qed tmelles wieħed mill-qtates sbieħ li jrabbu fid-dar.

    “Kemm hu ħelu hux?” tbissmitli Carrie. “Aħna għandna wkoll għaqda volontarja li permezz tagħha nsewwu l-qtates abbandunati. Niġbru dawn il-qtates mit-triqat u neħduhom fi klinika apposta li tagħmlilna das-servizz bla ħlas. Imbagħad nerġgħu neħduhom lura fejn inkunu sibnihom. Imma għallinqas nikkontrollaw il-popolazzjoni tagħhom.

    Biex inmatnu din l-għaqda u lil dawn il-qtates abbandunati, jiena u xi ħbieb tiegħi nagħmlu l-lotteriji u naħdmu xi affarijiet bħal fradal u papoċċi tas-suf biex bil-flus li niġbru, nixtru wkoll l-ikel għalihom.”

    Il-kreattività f’din il-familja hija qawwija mmens. U meta bdejt nindaga biex nara minn fejn beda kollox, sibt illi dil-linja artistika ilha tiġri sew fil-vini tal-antenati ta’ dil-familja….

    “Missieri kien jilgħab bih l-injam! Kien mastrudaxxa tajjeb ħafna u kien anki jaħdem l-arkett. Fi żmienu kien magħruf ħafna għall-arloġġi bi stil Malti li kien jagħmel. Imma sfortunatament meta nqalgħet il-gwerra, kellu jerħi dax-xogħol minn idu.

    Min-naħa l-oħra ommi kienet tinqala’ ħafna għar-rakkmu. Kienet tagħmel ilbiesi tal-magħmudija mill-ifjen. Kont nintilef inħares lejha taħdem; iddawwar il-lazz mal-labra fuq it-tanbur. Li jiddispjaċini hu li dawn il-ħwejjeġ biegħethom jew tathom kollha u m’għandnix rikordju wieħed għalina!” irrakkuntali John.

    Anna waslet bil-kikkri tat-tè u l-biskuttini. Lanqas intbaħt li konna ilna tlett siegħat hemm ġew! Poġġejna bilqiegħda flimkien bid-dar kbira tal-pupi tħares lejna u mdawwrin min-numru kbir ta’ krafts li ħadmu huma. Kont kurjuża jekk dawn it-talenti tagħhom kienux beħsiebhom jgħadduhom lil xi ħadd….

    “Nixtiequ ħafna,” qaluli. “Kieku jirnexxielna nsibu xi kamra minn fejn inkunu nistgħu ngħallmu lit-tfal, żgur li jsir ħafna ġid. Għandna xi ħbieb oħra wkoll li jinqalgħu għall-krafts u li jixtiequ jgħaddu dat-talent lil ħaddieħor. Il-kreattività timlilek ħajtek u tagħtik skop. Ikun dnub jekk dak li nafu jibqa’ tagħna biss!”

    Kemm Lilian u kemm jien intlifna wara dat-tliet aħwa li ma naqsux milli jagħtuna rikordju ċkejken kull wieħed bħala tifkira tal-laqgħa tagħna.

    “Issa sirna ħbieb taf,” sellmulna huma. “Nittamaw li nerġgħu narawkhom.”

    Ma stajtx ma nistagħġibx bl-ironija tal-ħajja. Kultant l-isbaħ mumenti issibhom meta l-inqas li tkun qed tfittixhom!

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-24 ta’ Jannar 2010)