Archive for November 16th, 2014

  • Mitluf wara l-ħin

    Stephen Zammit biswit il-makkinarju tal-arlogg tal-Muzew Marittimu fil-Birgu.JPGL-arlogg tal-Muzew Marittimu tal-Birgu.jpg

    L-arlogg tal-Kon-Kattidral ta' San Gwann, il-Belt Valletta.JPGL-arlogg ta' Pinto li jinsab fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta.JPG

    Ix-xitan ma jaħti xejn

    Qatt innutajtu li bosta drabi, l-arloġġi tal-knejjes ma jaqblux bejniethom? Meta darba staqsejt dwar dan, xi ħadd semmieli t-tradizzjoni li tgħid li dak kien ġest li jsir apposta biex iħawwad lix-xitan, sabiex jekk dan jersaq lejn il-knisja, ma jkollux idea liema wieħed minnhom kien il-ħin it-tajjeb.

    “Kollha ħmerijiet dawk!” ħatafni mill-ewwel Stephen Zammit, espert fil-qasam tal-arloġġi. “Li kieku naqbad insemmilek dwar l-għidut żbaljat li nisma’, lanqas nieqaf!”

    “Mela għandek tkun taf li meta kienu jsiru żewġ kampnari fi knisja, l-arluġġar ma kienx jagħmel żewġ magni, imma magna waħda. Għaldaqstant, meta kien jitpoġġa arloġġ fuq il-kampnar l-ieħor, dan kien isir biss għall-bilanċ tal-estetika. Infatti, bosta drabi l-minutieri tal-arloġġ l-ieħor kienu jkunu biss miżbugħa fuq il-ħajt u ġeneralment dawn kienu juru nofsinhar.”

    L-arloġġ tal-Mużew Marittimu

    Qatta’ ħamiem inħasdet, tgerrxet u taret il-bogħod hekk kif ħabta u sabta, mill-kampnar li konna ħdejh, bdew ħerġin moti sbieħ u sodi.

    “Xi ġmiel hux?” staqsini Stephen hekk kif rama jgħodd bil-mod id-daqq tal-qniepen. Il-ħoss waqaf eżatt kif waqaf jgħodd hu.

    “Dak nafu bl-amment jien,” qalli hekk kif beda jispjegali x-xogħol li kien wettaq fuq l-arloġġ li jinsab fuq il-bejt tal-bini tal-Mużew Marittimu li jinsab il-Birgu.

    “Oriġinarjament, dan l-arloġġ li nħadem fid-19 il-seklu, kien jinsab ġewwa kampnar żgħir li kien iħares fuq Baċir Numru 1. Imbagħad, wara li tmexxa għal hawn, l-uċuħ ta’ dan l-arloġġ bdew jagħtu fuq Bormla, l-Isla u l-Belt Valletta.”

    Mitluf wara l-arloġġi sa minn ċkunitu

    “L-ewwel interess fl-arloġġi tqanqal fija meta bdejt immur nisma’ l-quddies fil-knisja ta’ Ħ’Attard. Ta’ tifel li kont, affaxxinajt ruħi bl-arloġġ li kien hemm fil-kampnar,” beda jirrakkuntali Stephen.

    “Imbagħad, meta kelli madwar 11 il-sena, tħajjart nibda nsewwi l-iżveljarini li kienu jaħdmu bil-ħabel. Kull wieħed li kont insib wieqaf kont niftħu u noqgħod ninnutah sabiex nipprova nifhem għaliex ma kienx qed jaħdem. Ftit ftit bdejt nintebaħ bil-partijiet li ma kienux f’posthom jew li jkunu tkissru. Hekk kif kont nagħraf li kien hemm xi parti miksura, kont immur nordnaha mingħand aġent tal-ispare parts tal-arloġġi li kien hemm il-Belt. U meta din tasal, kont nara li npoġġiha f’postha u l-arloġġ jerġa’ jaħdem.”

    Minn hemm ma damx ma dar għall-arloġġi tal-idejn, li għalkemm kienu iżgħar u b’hekk kien jeħtiġielhom iktar attenzjoni, xorta waħda sab irkaptu tagħhom. Stqarr li kienet l-hena tiegħu meta kien jerġa’ jisma’ t-tektik regolari ta’ arloġġ li ma kienx jaħdem għax b’hekk kien iħoss li reġa’ tah il-ħajja.

    Involut fl-arloġġi tal-knejjes b’mod aċċidentali

    Is-snin gerrbu u Stephen kompla jinvolvi ruħu f’din is-sengħa tat-tiswija tal-arloġġi.

    Ġara li darba minnhom, ir-Reverendu Kanonku Louis Suban, li dak iż-żmien kien il-Kappillan tal-Imsida, iltaqa’ maz-ziju ta’ Stephen fejn fosthom qallu kemm xtaq isib lil xi ħadd li kien kapaċi jsewwielu l-arloġġ antik tal-parroċċa li nħadem fit-18 il-seklu.

    “Zijuwi rrakkommandani għalkemm ma qallux li jien kont in-neputi tiegħu u l-kappillan ikkuntattjani. Min-naħa tiegħi, ħassejtni tassew eċitat li kont ser naħdem fuq arloġġ daqstant antik. Mort narah u sibt li kellu xi partijiet li kienu ddeterjoraw biż-żmien. U wara li bdiltlu u rranġajtlu dak li kien hemm bżonn, dan l-arloġġ prezzjuż reġa’ beda jaħdem u hekk għadu s’issa!” qalli kburi.

    L-arluġġara Maltin ta’ dari

    “Inzerta li Fr. Suban għandu interess fl-arloġġi minħabba li l-antenati tiegħu kienu jagħmluhom. Infatti kienu huma li ħadmu l-arloġġi tal-parroċċa ta’ Marsaxlokk u ta’ Ħal-Safi. Inċidentalment xi familjari tiegħu ħadmu anki fuq dan l-arloġġ,” spjegli Stephen hekk kif ħareġ ċavetta mill-but u daħħalni fil-kampnar sabiex nara mill-qrib l-istruttura tal-mekkaniżmu tal-arloġġ.

    Qatt ma rajt magna daqstant kbira ta’ arloġġ u f’għajnejja dehret pjuttost ikkumplikata. Intant, fuq parti minn dan il-mekkaniżmu stajt nara l-firma mnaqqxa – Brothers Suban. Malta. 1896.

    “Ġeneralment, kemm l-arluġġara u kif ukoll dawk li jagħmlu xogħol ta’ tiswija fuqhom kienu jħallu marka apposta sabiex jiddokumentaw xogħolhom,” fehemni Stephen hekk kif ipponta subgħajh lejn firma oħra.

    Did-darba kien hemm miktub: Matthew Dutton. London. 1810.

    “B’dan il-mod insibu min bena s-sistema oriġinali, meta u fejn. Permezz ta’ dawn l-indikazzjonijiet, sirt konxju minn kemm kellna arluġġara u nies li jsewwu l-arloġġi matul dawn l-aħħar sekli f’pajjiżna. Imma sfortunatament, mhux kulħadd kien iħalli l-firma tiegħu u b’hekk, għalkemm ikun ċar li min ħadem l-arloġġ kien Malti, ma jkollniex idea dwar min kien eżatt.”

    Stephen kompla jfehemni dwar kemm iħossu ddiżappuntat meta jisma’ lil ċerti persuni jitkellmu dejjem fuq l-istess arluġġara, bħallikieku ma kienx hemm oħrajn ukoll.

    “Ngħidu aħna, ħafna jsemmu lil Michelangelo Sapiano peress li hu kien tassew prolifiku fil-qasam tal-arloġġi. Però dan inzerta għex fi żmien meta kien hawn għatx kbir għall-arloġġi u hu għaraf jisfrutta l-opportunità. Infatti, Sapiano ħadem madwar 21 arloġġ ta’ diversi parroċċi f’Malta, inkluż dak ta’ Ħal-Luqa.”

    “Jiena ħdimt fuq l-arloġġ li hemm Ħal-Luqa ta’ Sapiano u hemmhekk rajt b’għajnejja u missejt b’idejja l-inġenjosità li kellu dal-bniedem. Immeraviljajt ruħi hekk kif bdejt nifli s-sistema li ħadem fil-mekkaniżmu ta’ dan l-arloġġ sabiex biha jirregola tliet minutieri tal-ħin u waħda li turi d-data.”

    Madanakollu, skont Stephen, Sapiano tħarreġ f’din is-sengħa mal-familja Tanti li mmanifatturaw madwar sebgħa arloġġi tal-knejjes, fosthom dak tal-Qrendi u ta’ Ħal-Tarxien. Però dawn ftit li xejn qatt issemmew.

    “U mhux dawk biss. Hemm ħafna aktar arluġġara Maltin li ma nitkellmux dwarhom. Fosthom hemm Demanuele li ħadem l-arloġġ tal-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar, Muscat li mmanifattura l-arloġġ taċ-Ċitadella t’Għawdex u ċertu Gauci li ftit nafu dwaru.”

    Il-mekkaniżmu tal-arloġġi

    Għal dawn l-aħħar tletin sena, Stephen kellu l-opportunità li jaħdem fuq l-arloġġi ta’ diversi parroċċi u lwogi oħra u għalhekk biż-żmien, huwa rabba’ istint naturali ta’ kif jagħraf bejn ix-xogħol ta’ arluġġar u ieħor. Fl-istess ħin, huwa dara jagħraf ċerta uniformità bejn il-bażi ta’ kull struttura mekkanika tal-arloġġi u b’hekk isawwret fih l-esperjenza neċessarja biex isewwi l-arloġġi kollha li jsib quddiemu.

    “Ħares lejn dawn it-tliet sezzjonijiet tal-arloġġ,” talabni Stephen. “Innota kif dik tan-nofs hija mdendla ma’ pendlu sabiex tirregola l-ħin, filwaqt li s-sezzjonijiet l-oħra qegħdin hemm biex imexxu l-kwarti u s-siegħat.”

    Matul din id-diskussjoni tagħna, konna akkumpanjati mit-tektik regolari tal-arloġġ. Iżda f’daqqa waħda, parti mis-sistema ċċaqalqet u f’kemm trodd salib, il-mekkaniżmu kollu donnu ħa l-ħajja, hekk kif aktar sezzjonijiet mill-istruttura metallika bdew jimxu, jduru u jperpru, filwaqt li lieva twila bdiet tiġbed u timbotta l-imrietel tal-ħadid mal-qniepen li kien hemm il-fuq, sabiex dawn idoqqu u jimmarkaw il-ħin.

    It-tnejn skittna għal mument sabiex napprezzaw is-sengħa ta’ min ħadem dik is-sistema.

    “Probabbli inti taħseb li jiena drajthom dawn l-esperjenzi u li allura m’għadhomx jimpressjonawni,” kiser is-silenzju Stephen, hekk kif id-daqq tal-qniepen waqaf u l-apparat reġa’ kkalma għat-tektik tal-polz regolari tiegħu. “Però kif qed tara għadni nsibhom affaxxinanti wisq u għalkemm ilni snin naħdem fuqhom, baqgħu jimmeraviljawni.”

    Jista’ jkun li bla ma jaf, Stephen jinħakem ukoll mill-ġibda naturali li jħoss lejn it-toni mużikali li tħaddem is-sistema, hekk kif apparti dax-xogħol, huwa wkoll vjolinista mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

    “Niġi nirregola dan l-arloġġ darba f’ġimgħa,” qalli Stephen hekk kif beda jimmanipula t-tliet piżijiet tal-arloġġ u jien erħejtilha nsegwi dak li kien qed jagħmel.

    Invenzjoni ġdida biex l-arloġġi jaħdmu weħidhom

    “Sa ftit tas-snin ilu, parti mix-xogħol tas-sagristana kien li jagħtu l-ħabel lill-arloġġi tal-knejjes. Ngħidu aħna sal-2008, l-arloġġ li hemm fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann il-Belt, kien jingħata l-ħabel kuljum sabiex juri l-ħin tajjeb.”

    “Apparti li dan kien strapazz inutli fuq in-nies involuti, il-konnessjoni kontinwa mas-sistemi ta’ dawn l-arloġġi setgħet ukoll tqanqal xi ħsarat. Kien għalhekk li meta fl-2008 ġejt imsejjaħ biex nirrestawra dan l-arloġġ, issuġġerejt li miegħu tintrama wkoll sistema sabiex dan jibda jieħu l-ħabel b’mod awtomatiku perjodikament u b’hekk ħadd ma jkollu għalfejn jimmanipulah. Naturalment, minn żmien għal żmien, xorta waħda jkollu bżonn xi arranġamenti żgħar; bħal meta jkun irid jaqleb id-data minn xahar għall-ieħor peress li mhux ix-xhur kollha għandhom l-istess tul ta’ ġranet.”

    L-istess sistema saret ukoll fuq l-arloġġ maestuż magħruf bħala Ta’ Pinto li jinsab fil-Palazz tal-President ġewwa l-Belt Valletta.

    “Jiena kelli x-xorti nirrestawra dak l-arloġġ li għandu mekkaniżmu interessanti ferm. Infatti jekk tħares sewwa lejh tara li dan l-arloġġ ma jimmarkax biss il-ħin imma anki x-xahar, il-ġurnata u saħansitra l-fażijiet tal-qamar. Biex juri l-ħin, għandu biss minutiera waħda tas-siegħat u dik turik li l-arloġġ huwa antik ħafna. Infatti kelli naħdem b’reqqa kbira fuqu minħabba li ż-żmien għamlu fraġli ħafna,” fissirli Stephen.

    “Li kieku kellek tara l-makkinarju ta’ dan l-arloġġ, kont tista’ tapprezza s-sistema li tmexxi kollox, fosthom anki l-figuri li jdoqqu l-qniepen. Infatti, l-erbgħa figuri tal-metall għandhom kontra-piż kull wieħed li jiġbidhom lura u jimbuttahom il-quddiem fuq il-qniepen sabiex jindaqqu. Il-figura tax-xellug u l-oħra tal-lemin idoqqu l-kwarti b’mod alternat fuq qniepen differenti, filwaqt li ż-żewġ figuri tan-nofs idoqqu l-istess qanpiena tas-siegħa u jalternaw ukoll. Ta’ min jgħid illi din is-sistema ta’ alternazzjoni mhux qiegħda hemm sempliċiment bħala disinn imma għax l-arloġġ ma jiflaħx jerfa’ żewġ affarijiet f’salt.”

    Ġieli sakkruh fil-knisja

    “Ma nixba qatt inħares lejn l-arloġġi u wisq anqas nitkellem dwarhom,” stqarr Stephen hekk kif ta daqqa t’għajn tal-aħħar lejn l-arloġġ tal-Mużew Marittimu u għalaq il-bieb warajh.

    “Kull meta mmur naħdem fuq xi arloġġ, ma nkunx nista’ nirreżisti t-tentazzjoni li nibqa’ hemm siegħa oħra ħalli nikkonferma li kollox qed jaħdem tajjeb. Bla ma naf kif, nintilef u kultant imn’Alla li ċċempilli l-mara biex turini li sar il-ħin.”

    “Saħansitra sakkruni darbtejn fi knisja għax wara s-siegħat kollha li qattgħajt hemm fuq, insew li kont għadni fil-kampnar,” qalli Stephen filwaqt li daħak waħda bil-qalb.

    (Dan l-artiklu jifforma parti mis-sensiela KOBOR IL-MALTI (26 parti) fit-Torċa tas-16 ta’ Novembru 2014)

    2014.11.16 / no responses / Category: Torca - Features & Articles