Posts Tagged ‘Afrika’

  • L-ESPERJENZA TAL-ANZJANI HIJA IMPREZZABBLI

    Max Farrugia flimkien mas-Sindku tal-Hamrun, Christian Sammut“Minħabba li ġejt nominat għall-Premju Anzjanità Attiva, flimkien ma’ għadd ta’ anzjani oħra, dan l-aħħar attendejt għall-preżentazzjoni tal-premijiet. Wieħed wara l-ieħor, ir-rebbieħa bdew jiġu msejjħa biex jitilgħu fuq il-palk ħalli jirċievu l-premju. Ismi kien l-aħħar wieħed li ġie mħabbar, bħala r-rebbieħ tas-sezzjoni akkademika. Meta ndunajt li rbaħt, lanqas naf x’ħassejt. Niftakar biss li qomt emozzjonat u ħarist lura nfittex lis-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut, li kien innominani,” stqarr Max Farrugia, anzjan ta’ 72 sena.

    CertifikatDin is-sena, bħas-snin ta qabel, is-Segretarjat Parlamentari Għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva organizza dan l-avveniment taħt il-Patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro. Kif stqarr is-Segretarju Parlamentari, Anthony Agius Decelis, l-għan tal-Premju Anzjanità Attiva huwa li tiġi rikonoxxuta l-ħidma varja tal-anzjani fil-komunità. Anki għal dis-sena, kien hemm konkorrenza qawwija mingħand diversi persuni li ġew nominati minn għaqdiet u NGOs differenti biex juru l-abbiltajiet tagħhom. Bord indipendenti għażel u immerita lill-individwi partikolari li kienu ‘role models’ fis-soċjetà tagħna.

    “Meta s-Sindku tal-Ħamrun għarraffni li kien innominani għal dan il-premju, kont diġà kuntent ferm. Il-fatt li jinnominak Sindku juri li dan japprezza x-xogħol li tagħmel int fir-raħal,” lissen b’emozzjoni Farrugia.

    Max Farrugia beda jaħdem fil-volontarjat mill-età ta’ 16 il-sena, meta kien imsieħeb maż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, u hemm kien jgħin fit-tagħlim u fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet.

    “Wara li temmejt l-edukazzjoni tiegħi, applikajt bħala night reporter mat-Times of Malta u ntagħżilt. Kien xogħol interessanti ferm li kompla saħħaħli kitbieti. Hemmhekk kelli l-opportunità li naħdem mill-qrib ma’ Mabel Strickland. Mhux darba u tnejn li akkumpanjajtha l-Parlament sabiex nagħmlilha traduzzjoni. Spiċċajt naħdem ma’ dan il-ġurnal fl-1968, imma bqajt nirrispetta lil Stricklandsa mewtha għax dejjem ġid rajt minnha. Kienet waħda li tagħtik parir u li tinkoraġġik. Kienet tasal tirrabja miegħek jekk tiżbalja, però mbagħad ma kienetx tiddejjaq tfaħħrek jekk tagħmel xi ħaġa tajba.”

    Minn hemm, Farrugia kompla bl-istudji tiegħu fejn kiseb Diploma mal-British Institute u speċjalizza fil-ġurnaliżmu fit-turiżmu. Għalkemm il-ħsieb tiegħu kien li jidħol jaħdem fil-qasam tat-turiżmu, ma rnexxielux, u eventwalment applika biex jidħol maċ-Ċivil.

    “Dħalt mal-Malta Electricity Board li aktar tard saret magħrufa bħala l-Enemalta. Bdejt fl-istores bħala skrivan u minn hemm bdejt navvanza. Finalment, fl-1996 sibt ruħi responsabbli mit-twaqqif tal-arkivju u l-librerija tal-Enemalta. Kelli nibda kollox mill-bidu għax ma kien hemm xejn ħlief kamra kbira b’400 kaxxa ippakkjati bid-dokumenti. Tlabt xi mwejjed u persuni biex jagħtuni daqqa t’id u wara xogħol qatiegħ u bla waqfien, ġibna kollox kif kellu jkun. Biss biss, ikklassifikajna iktar minn 4000 ritratt li kienu juru l-kostruzzjoni tal-power stations f’Malta. Kien hemm ukoll għadd ta’ pjanti antiki u disinji relatati ma’ dan il-qasam li kienu interessanti ħafna.”

    Waqt li kien qiegħed jagħmel dax-xogħol, huwa ġie rakkommandat biex isaħħaħ l-istudji tiegħu, u din l-opportunità fetħitlu bibien oħra.

    Qoxra tal-ktieb - L-Internament-u-l-Eżilju-Matul-l-aħħar-Gwerra“Kelli 55 sena meta ggradwajt b’Diploma in Library and Information Studies. Bħala parti mill-kors kelli nipparteċipa f’ħidma ta’ 100 siegħa f’xi arkivju jew librerija, u jien għażilt l-Arkivju Nazzjonali. Hemmhekk laqgħani l-Arkivist Nazzjonali, Charles Farrugia, u dan stedinni biex nagħmel il-klassifikazzjoni u l-indiċjar ta’ għadd ta’ dokumenti tal-ħabs li kienu għadhom kif waslu fl-arkivji. Aċċettajt u bdejt inqassam kollox għalih.”

    “Ma domtx ma nnutajt anomalija u mort niddiskuti mal-arkivist dwarha. Filwaqt li l-parti l-kbira tal-volumi kienu mqassma rġiel u nisa għalihom u ma kienu akkumpanjati bl-ebda ritratti, żewġ volumi minnhom kienu juru rġiel u nisa mħalltin u kien hemm anki r-ritratti tagħhom! L-arkivist infurmani li dawk kienu l-individwi li kienu ġew internati f’Malta u aktar tard fl-Afrika, minħabba li ġew meqjusa b’fehma kontra l-Imperu Ingliż.”

    “Bdejt nifli dawn id-dokumenti b’interess u ħaġa ġġib lill-oħra. Bqajt skantat meta ġurnata minnhom jitfaċċa f’idejja r-ritratt taz-ziju t’omm marti, ħu San Ġorġ Preca. Imbagħad sibt ukoll ritratt ta’ qassis li kien jiġi minn missieri. Minn hemm, kibirli l-interess f’dan is-suġġett, sakemm finalment ħriġt il-ktieb L-internament u l-eżilju matul l-aħħar gwerra.”

    Bħala parti mir-riċerka għal dan il-ktieb, huwa saħansitra mar il-Palestina peress li hemm kienu jinsabu xi Maltin miżżewġin Taljani li kienu ġew internati f’dan il-post.

    “Inħobb nikteb ħafna dwar il-Perjodu Brittaniku peress li jagħmel parti mill-Istorja riċenti ta’ pajjiżna, u huwa żmien li jien għext u għadni niftakar sewwa. Barra minn hekk, għad hemm affarijiet ta’ dak il-perjodu li tista’ tara u tmiss b’idejk.”

    Qoxra tal-ktieb - Enrico DandriaInfatti, anki l-ktieb l-ieħor tiegħu Enrico Dandria – Qassis, Politiku u Patrijott jitratta dan il-perjodu.

    “Kelli diġà ‘l fuq minn 60 sena meta ġejt rakkommandat biex nistħarreġ il-ħajja ta’ dan il-Monsinjur li ħadd ma kien għad kiteb dwaru. Kien l-ewwel Ministru tal-Edukazzjoni f’Malta fl-1921. Għex żmien politiku mqalleb u kellu sehem importanti f’għadd ta’ avvenimenti sinifikanti, fosthom: it-twaqqif tal-Assemblea Nazzjonali, l-irvellijiet tas-Sette Giugno, it-twaqqif tal-partiti politiċi, l-ewwel elezzjonijiet parlamentari fl-1921, l-ewwel Self Government u t-tilwima politiko-reliġjuża bejn il-Partit ta’ Strickland u l-Knisja.”

    “Ħajjet Dandria ma kinetx nieqsa mill-kontroversji. Bejnu u bejn l-Ordni Franġiskan Konventwali kienet qamet kwistjoni dwar twaqqigħ ta’ parti mill-knisja ta’ San Franġisk fi Strada Reale fil-Belt Valletta. Dan il-każ spiċċa l-Qorti u wara kienu saru liġijiet ġodda dwar il-kultura u l-antikitajiet. Huwa miet f’qasir il-għomor fl-età ta’ 40 sena.”

    Biex saret ir-riċerka għal dan il-ktieb, Farrugia ngħata għajnuna sinifikanti mill-Arċisqof Pawlu Cremona li fetaħlu l-bieb tal-arkivji tal-Knisja f’Malta u saħansitra rranġalu permess biex juża l-arkivji tal-Vatikan f’Ruma. Huwa għamel ukoll stħarriġ fil-British Archives.

    “Meta niddeċiedi li nagħmel xi ħaġa, nidħol b’ruħi u ġismi għaliha. Nemmen li jekk trid tagħmel xi ħaġa, trid tagħmilha sew!”

    Meta rtira bil-pensjoni, Farrugia deherlu li kellu jsaħħaħ is-sehem tiegħu fil-volontarjat.

    “Fost xogħol ieħor, bdejt intella’ programm ta’ siegħa bl-isem 20:30 fuq l-istazzjon televiżiv lokali Xejk. Kien programm kollu kemm hu ddedikat lill-patrimonju kulturali u fih kont ninkludi bosta intervisti mas-Sindki tal-Kunsilli Lokali. Aktar tard, dan il-programm mexa għal fuq l-istazzjon F Living Channel.”

    Max Farrugia (Photo - Fiona Vella)Għalkemm Farrugia hu mill-Ħamrun, huwa dejjem kellu interess fl-irħula u l-ibliet kollha tal-gżejjer tagħna, partikolarment fir-reġjun tan-Nofsinhar ta’ Malta. Dan wasslu biex jagħti sehem f’diversi għaqdiet.

    “Meta kont qed nattendi għall-kors tad-Diploma in Library and Information Studies, flimkien mal-lekċerer tagħna Hella Jean Bartolo, waqqafna l-NGO Friends of the National Archives. Wara li Bartolo ħallietna, jien sirt il-President ta’ din l-Għaqda u għadni sa llum nagħti ħafna kontribut.”

    Huwa msieħeb f’għadd ta’ għaqdiet, inkluż il-Malta Railway Foundation. Kull sena, għadu jikteb diversi artikli għall-kotba tal-festi ta’ bosta rħula. Jgħin ukoll biex jitfasslu mixjiet kulturali ġewwa l-Ħamrun.

    “Nistqarr illi llum ġieli nkun okkupat iktar milli kont fiż-żmien meta kont impjegat! Fil-ħajja huwa importanti ferm li jkollok skop għax b’hekk il-ħajja tkompli. Nemmen li meta l-anzjani jirtiraw mix-xogħol, għandhom xorta waħda jibqgħu attivi f’xi ħaġa jew oħra. L-esperjenza tal-anzjani hija mitqla deheb u l-pajjiż għandu jkun għaqli biżżejjed biex jiggwadanja minnha. Min-naħa l-oħra, l-anzjani jirbħu għax jibqgħu jħossuhom involuti u utli fil-komunità. Huwa tajjeb li tibni fuq iż-żgħażagħ iżda l-esperjenza tal-anzjani hija imprezzabbli!”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-SENIOR TIMES – OCTOBER li ħareġ mat-Times of Malta tat-18.10.2018)

    2018.10.18 / no responses / Category: Times of Malta

  • Djarju ta’ poeta, suldat fl-Assedju l-Kbir

    450 sena ilu, Malta kienet għaddejjha minn wieħed mill-agħar perjodi fl-istorja tagħha, hekk kif din ġiet attakkata minn armata kbira Torka li kienet ħalfet li se teqred lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn wiċċ id-dinja. It-Torok ma kellhom l-ebda dubju li dil-gżira ċkejkna kienet ser tiġi f’idejhom f’qasir żmien u waqt bosta mumenti, anki l-kavallieri għaddielhom minn moħħhom l-istess ħsieb. Imma wara assedju kbir li ħalla warajh mijiet ta’ mejtin u midruba, fosthom lill-magħruf Dragut, Malta, il-Maltin u l-kavallieri, irnexxielhom joħorġu rebbieħa u t-Torok ġew f’sitwazzjoni fejn kellhom jirtiraw b’mod immedjat.

    Affreski li juru xeni mill-assedju tal-1565

    Fatt interessanti huwa illi l-aktar episodji sinifikanti li seħħu waqt dan l-assedju ġew impinġija mill-artist Taljan, Matteo Perez d’Aleccio. Huwa ġie kkummissjonat jagħmel dax-xogħol minn Fra Jean l’Evesque de La Cassiere, li kien il-Gran Mastru ta’ Malta bejn is-snin 1572 u l-1581. Is-sett ta’ affreski tal-Assedju l-Kbir tal-1565 kellu l-għan li jikkommemora dawn il-ġrajjiet tremendi imma erojċi li kienu ġraw xi ftit tas-snin qabel. M’hemmx xi ngħidu, rebħa monumentali bħal dik li kisbu l-kavallieri f’pajjiżna, kienet ġibdet ir-rispett u l-ammirazzjoni ta’ bosta pajjiżi, tant li l-Ordni mhux talli reġgħet ġiet fuq saqajha imma saret akbar milli qatt kienet qabel. Illum dawn l-affreski jinsabu ġewwa waħda mis-swali tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta u huma xhieda ta’ dak li għadda minnu pajjiżna fis-sena 1565.

    It-taqtiegħa bejn l-Ordni u t-Torok

    LimissoGħal mijiet ta’ snin, il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Ottomani kienu mqabbdin f’xulxin kemm fuq kwistjoni ta’ reliġjon u anki minħabba l-għatx li kellhom għall-poter sabiex jakkwistaw l-artijiet.

    Għalkemm oriġinarjament, l-Ordni kellha l-funzjoni li tilqa’ u tieħu ħsieb il-pellegrini li kienu jaslu f’Ġerusalemm, maż-żmien din evolviet natura militari sabiex tiddefendi b’mod attiv il-pellegrini u r-reliġjon Kristjana. Naturalment, dan l-aġir tal-kavallieri, ma damx ma daħħalhom f’taqtiegħat mal-Musulmani, u aktar ma għaddew is-snin, dan il-ġlied beda jiżdied fil-feroċità tiegħu.

    Hekk kif l-Ordni bdiet tikseb is-simpatija tan-nobbli, tar-rejiet u tal-Papiet, din bdiet tiġbed lejha wkoll bosta donazzjonijiet ta’ flus, rikkezzi, artijiet u privileġġi. B’hekk beda jikber ukoll il-poter tal-membri tagħha u dan wassal biex attira diversi tfal tan-nobbli li bdew jieħdu l-voti sabiex isiru kavallieri.

    L-Ordni ta’ San Ġwann f’Rodi

    L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann damet f’Ġerusalemm sal-1187, sakemm finalment, din il-belt waqgħet taħt il-kmand tas-Sultan Saladin. B’hekk il-kavallieri kellhom jibdlu l-kwartieri tagħhom u jimxu lejn Margat fis-Sirja, imbagħad f’Acre fi Tripli u eventwalment f’Limassol f’Ċipru. Madanakollu, x-xewqa tal-kavallieri kienet li jirnexxielhom jakkwistaw il-gżira ta’ Rodi, u fl-1309, huma rebħuha mingħand il-Biżantini.

    Il-kavallieri ma damux ma għarfu u sarrfu l-kwalitajiet ta’ Rodi li kienet gżira b’pożizzjoni tassew strateġika hekk kif din kienet tgħaqqad id-dinja tal-Lvant ma’ dik tal-Punent. Huma bidlu lil din il-lokalità f’belt iffortifikata u maż-żmien, bnew flotta liema bħalha li bdiet tattakka b’mod regolari x-xwieni tal-Ottomani. Iżda dan ma kienx biżżejjed għall-kilba tal-poter u l-flus għax apparti x-xwieni, l-Ordni bdiet taħbat ukoll għal xi bliet u kastelli Ottomani, sakemm finalment, it-Torok ġew urtati mhux ħażin.

    Il-kavallieri kienu saru xewka tweġġa’ ħafna qalb l-imperu Ottoman u t-Torok ma tħallew bl-ebda għażla ħlief li jaraw kif se jsibulhom tarfhom. Huma attakkaw lil Rodi għal diversi drabi imma qatt ma rnexxielhom iġibuha żewġ. Sakemm finalment, fl-1522, Sultan Suleiman ħa r-riedni f’idejh u ma qgħadx bi kwietu qabel niżżel il-kavallieri għarkubbtejhom wara sitt xhur ta’ kumbattimenti. Fuq deċiżjoni tal-istess sultan, l-Ordni tħalliet titlaq minn Rodi b’mod ċivili u dakinhar anki numru ta’ nies minn Rodi ngħataw il-libertà li jsegwuhom. Ftit kien jaf Suleiman, kemm xi snin wara, huwa kien ser jiddispjaċih bil-kbir talli wera tant irġulija mal-kavallieri.

    Il-Kavallieri jsibu ruħhom Malta

    Infatti, wara li l-kavallieri għamlu sebgħa snin iterrqu u jsalpaw minn art għall-oħra, mingħajr l-ebda post li setgħu isejjħulha darhom, huma ġew mogħtija l-gżejjer tagħna mill-Imperatur Charles V. Kien l-14 t’Ottubru 1530 meta huma middew l-ewwel passi tagħhom fuq l-art li eventwalment kellha tifforma parti tant importanti mill-istorja tal-Ordni.

    Anki Malta nzertat li kellha pożizzjoni ġeografika sinifikattiva ħafna bħal dik ta’ Rodi, hekk kif din kienet tinsab f’nofs il-Mediterran bejn l-Ewropa u l-Afrika. Naturalment, il-kavallieri ma damux ma bnew fuq dan il-potenzjal sabiex jibdlu lil Malta f’fortizza. Filwaqt li n-nobbli ta’ Malta kienu jgħixu fl-Imdina, il-kavallieri ppreferew jistabilixxu ruħhom il-Birgu, l-aktar minħabba l-viċinanza tal-baħar. Dak iż-żmien, il-Birgu kien jikkonsisti biss f’raħal ċkejken tas-sajjieda li kellu kastell antik. Imma l-paġna ta’ dan il-post ma damitx ma nqalbet ta’ taħt fuq meta l-kavallieri bdew jibnu l-palazzi tagħhom u l-parroċċa tal-Birgu nbidlet fil-Knisja Konventwali tal-Ordni.

    It-Torok jaħilfu li jeqirdu l-Ordni darba għal dejjem

    (c) National Maritime Museum; Supplied by The Public Catalogue FoundationFi ftit tas-snin, l-Ordni reġgħet issaħħet u l-qawwa tal-flotta tagħha bdiet tintuża biex mill-ġdid tattakka x-xwieni tal-Ottomani li kienu jsalpaw fl-ibħra tal-qrib. Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser u l-istorja rrepetiet ruħha, hekk kif mill-ġdid, it-Torok daħħluha f’rashom li jrażżnu lill-Ordni – issa, darba għal dejjem.

    Il-kavallieri kienu ilhom jisimgħu mingħand l-ispiji tagħhom li l-Ottomani kienu qed jippjanaw attakk kbir għal fuq Malta u min-naħa tagħhom, huma bdew jippruvaw jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jippreparaw il-gżira sabiex tilqa’ għal dan l-assedju. Madanakollu, hekk kif il-kavallieri sabu l-flotta massiċċa tat-Torok ma’ wiċċhom fl-għodwa tat-18 ta’ Mejju tal-1565, huma baqgħu bla kliem.

    Poeta jikteb djarju waqt li qed jieħu sehem fl-assedju

    Minn hemm bdew il-battalji ħorox bejn il-kavallieri u l-Ottomani li damu għaddejjin sa erbgħa xhur wara. Fatt kurjuż huwa illi fost is-suldati li kienu qed jipparteċipaw f’dan l-assedju flimkien mal-Ordni, kien hemm ukoll min niżżel xi noti dwar dak li kien qed iseħħ.

    Fost dawn, kien hemm Francesco Balbi di Correggio, poeta li kien jikteb bit-Taljan u bl-Ispanjol. Waqt l-assedju, huwa kellu 60 sena, u kien għażel li jservi bħala suldat minħabba li kien qed jgħix f’povertà kbira. Ta’ kittieb li kien, waqt dawn it-taqtiegħat storiċi, huwa żamm djarju fejn kważi ġurnata b’ġurnata jirrakkonta d-dettalji ta’ dak li għaddew minnu hu, sħabu u l-bqija tal-kavallieri, l-Maltin u t-Torok. Meta l-assedju spiċċa, huwa ra kif għamel biex ippubblika d-djarju tiegħu u llum xogħolu huwa meqjus bħala wirt storiku importanti ferm.

    Bis-saħħa ta’ Balbi, illum, wara 450 sena, aħna nistgħu nsegwu pass pass kif żvolġa dan l-avveniment, kif ittieħdu d-deċiżjonijiet, l-iżbalji u l-istrateġiji effettivi li seħħu u diversi esperjenzi oħra.

    Blog ta’ Heritage Malta dwar l-Assedju l-Kbir

    450 Great Siege logo MLT-05Sabiex taqsam dawn il-ġrajjiet interessanti mal-pubbliku, hekk kif dis-sena qed jiġi kkommemorat l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir, Heritage Malta organizzat blog elettroniku fejn wieħed jista’ jaqra silta kuljum tal-aħbarijiet li jkunu ġraw f’dik il-ġurnata partikolari. F’dan il-blog, ma jonqsux ukoll xi fatti mhux tas-soltu u oħrajn kemmxejn kurjużi. Fl-istess blog, il-pubbliku se jkun jista’ jiskopri wkoll informazzjoni dwar numru ta’ oġġetti relatati mal-Assedju l-Kbir li bejn l-4 ta’ Settembru u s-6 ta’ Diċembru 2015, se jkunu qed jiffurmaw parti minn esebizzjoni internazzjonali li se tittella’ minn Heritage Malta fil-Kmamar Statali tal-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt. Barra minn hekk, il-qarrejja ta’ dan il-blog se jkunu wkoll infurmati dwar id-diversi attivitajiet oħra relatati ma’ dan il-perjodu storiku li ser ikun qed jittellgħu minn żmien għall-ieħor.

    Waħda min dawn l-attivitajiet li ġġib l-isem 1565:First and Last Hope se tiġi organizzata fil-Forti Sant’Iermu bejn is-26 u t-28 ta’ Ġunju 2015. Hawnhekk, diversi atturi popolari Maltin ser ikunu qed jagħtu l-ħajja mill-ġdid lil uħud mill-avvenimenti li seħħu waqt l-assedju, filwaqt li jinvolvu anki lill-pubbliku preżenti.

    Il-blog tal-assedju qiegħed jinkludi wkoll xi filmati relatati ma’ dan iż-żmien. Intant, bħalissa, wieħed jista’ jsegwi filmat qasir li jirrakkonta d-destin kiefer tal-Kappella ta’ Sant’Anna li tinsab fil-Forti Sant’Iermu.

    Il-poplu Malti qed jiġi mħeġġeġ isegwi dan il-blog sabiex jagħraf dak li għaddew minnu missirijietna u b’hekk japprezza aktar il-ħila ta’ niesna, il-kapaċità militari tal-Ordni, l-istorja tal-fortifikazzjonijiet u mitt ħaġa oħra. Fl-istess ħin, huwa qed jiġi mistieden jaqsam ħsibijietu dwar dak li jkun qed iseħħ billi jħalli l-kummenti tiegħu fil-blog stess.

    Tista’ tibda tinvolvi ruħek mill-llum stess billi tidħol www.heritagemalta.org/1565

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (13 il-Parti) fit-Torċa tal-14 ta’ Ġunju 2015)

    2015.06.14 / no responses / Category: Torca - Features & Articles