-
L-ESPERJENZA TAL-ANZJANI HIJA IMPREZZABBLI
“Minħabba li ġejt nominat għall-Premju Anzjanità Attiva, flimkien ma’ għadd ta’ anzjani oħra, dan l-aħħar attendejt għall-preżentazzjoni tal-premijiet. Wieħed wara l-ieħor, ir-rebbieħa bdew jiġu msejjħa biex jitilgħu fuq il-palk ħalli jirċievu l-premju. Ismi kien l-aħħar wieħed li ġie mħabbar, bħala r-rebbieħ tas-sezzjoni akkademika. Meta ndunajt li rbaħt, lanqas naf x’ħassejt. Niftakar biss li qomt emozzjonat u ħarist lura nfittex lis-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut, li kien innominani,” stqarr Max Farrugia, anzjan ta’ 72 sena.
Din is-sena, bħas-snin ta qabel, is-Segretarjat Parlamentari Għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva organizza dan l-avveniment taħt il-Patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro. Kif stqarr is-Segretarju Parlamentari, Anthony Agius Decelis, l-għan tal-Premju Anzjanità Attiva huwa li tiġi rikonoxxuta l-ħidma varja tal-anzjani fil-komunità. Anki għal dis-sena, kien hemm konkorrenza qawwija mingħand diversi persuni li ġew nominati minn għaqdiet u NGOs differenti biex juru l-abbiltajiet tagħhom. Bord indipendenti għażel u immerita lill-individwi partikolari li kienu ‘role models’ fis-soċjetà tagħna.
“Meta s-Sindku tal-Ħamrun għarraffni li kien innominani għal dan il-premju, kont diġà kuntent ferm. Il-fatt li jinnominak Sindku juri li dan japprezza x-xogħol li tagħmel int fir-raħal,” lissen b’emozzjoni Farrugia.
Max Farrugia beda jaħdem fil-volontarjat mill-età ta’ 16 il-sena, meta kien imsieħeb maż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, u hemm kien jgħin fit-tagħlim u fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet.
“Wara li temmejt l-edukazzjoni tiegħi, applikajt bħala night reporter mat-Times of Malta u ntagħżilt. Kien xogħol interessanti ferm li kompla saħħaħli kitbieti. Hemmhekk kelli l-opportunità li naħdem mill-qrib ma’ Mabel Strickland. Mhux darba u tnejn li akkumpanjajtha l-Parlament sabiex nagħmlilha traduzzjoni. Spiċċajt naħdem ma’ dan il-ġurnal fl-1968, imma bqajt nirrispetta lil Stricklandsa mewtha għax dejjem ġid rajt minnha. Kienet waħda li tagħtik parir u li tinkoraġġik. Kienet tasal tirrabja miegħek jekk tiżbalja, però mbagħad ma kienetx tiddejjaq tfaħħrek jekk tagħmel xi ħaġa tajba.”
Minn hemm, Farrugia kompla bl-istudji tiegħu fejn kiseb Diploma mal-British Institute u speċjalizza fil-ġurnaliżmu fit-turiżmu. Għalkemm il-ħsieb tiegħu kien li jidħol jaħdem fil-qasam tat-turiżmu, ma rnexxielux, u eventwalment applika biex jidħol maċ-Ċivil.
“Dħalt mal-Malta Electricity Board li aktar tard saret magħrufa bħala l-Enemalta. Bdejt fl-istores bħala skrivan u minn hemm bdejt navvanza. Finalment, fl-1996 sibt ruħi responsabbli mit-twaqqif tal-arkivju u l-librerija tal-Enemalta. Kelli nibda kollox mill-bidu għax ma kien hemm xejn ħlief kamra kbira b’400 kaxxa ippakkjati bid-dokumenti. Tlabt xi mwejjed u persuni biex jagħtuni daqqa t’id u wara xogħol qatiegħ u bla waqfien, ġibna kollox kif kellu jkun. Biss biss, ikklassifikajna iktar minn 4000 ritratt li kienu juru l-kostruzzjoni tal-power stations f’Malta. Kien hemm ukoll għadd ta’ pjanti antiki u disinji relatati ma’ dan il-qasam li kienu interessanti ħafna.”
Waqt li kien qiegħed jagħmel dax-xogħol, huwa ġie rakkommandat biex isaħħaħ l-istudji tiegħu, u din l-opportunità fetħitlu bibien oħra.
“Kelli 55 sena meta ggradwajt b’Diploma in Library and Information Studies. Bħala parti mill-kors kelli nipparteċipa f’ħidma ta’ 100 siegħa f’xi arkivju jew librerija, u jien għażilt l-Arkivju Nazzjonali. Hemmhekk laqgħani l-Arkivist Nazzjonali, Charles Farrugia, u dan stedinni biex nagħmel il-klassifikazzjoni u l-indiċjar ta’ għadd ta’ dokumenti tal-ħabs li kienu għadhom kif waslu fl-arkivji. Aċċettajt u bdejt inqassam kollox għalih.”
“Ma domtx ma nnutajt anomalija u mort niddiskuti mal-arkivist dwarha. Filwaqt li l-parti l-kbira tal-volumi kienu mqassma rġiel u nisa għalihom u ma kienu akkumpanjati bl-ebda ritratti, żewġ volumi minnhom kienu juru rġiel u nisa mħalltin u kien hemm anki r-ritratti tagħhom! L-arkivist infurmani li dawk kienu l-individwi li kienu ġew internati f’Malta u aktar tard fl-Afrika, minħabba li ġew meqjusa b’fehma kontra l-Imperu Ingliż.”
“Bdejt nifli dawn id-dokumenti b’interess u ħaġa ġġib lill-oħra. Bqajt skantat meta ġurnata minnhom jitfaċċa f’idejja r-ritratt taz-ziju t’omm marti, ħu San Ġorġ Preca. Imbagħad sibt ukoll ritratt ta’ qassis li kien jiġi minn missieri. Minn hemm, kibirli l-interess f’dan is-suġġett, sakemm finalment ħriġt il-ktieb L-internament u l-eżilju matul l-aħħar gwerra.”
Bħala parti mir-riċerka għal dan il-ktieb, huwa saħansitra mar il-Palestina peress li hemm kienu jinsabu xi Maltin miżżewġin Taljani li kienu ġew internati f’dan il-post.
“Inħobb nikteb ħafna dwar il-Perjodu Brittaniku peress li jagħmel parti mill-Istorja riċenti ta’ pajjiżna, u huwa żmien li jien għext u għadni niftakar sewwa. Barra minn hekk, għad hemm affarijiet ta’ dak il-perjodu li tista’ tara u tmiss b’idejk.”
Infatti, anki l-ktieb l-ieħor tiegħu Enrico Dandria – Qassis, Politiku u Patrijott jitratta dan il-perjodu.
“Kelli diġà ‘l fuq minn 60 sena meta ġejt rakkommandat biex nistħarreġ il-ħajja ta’ dan il-Monsinjur li ħadd ma kien għad kiteb dwaru. Kien l-ewwel Ministru tal-Edukazzjoni f’Malta fl-1921. Għex żmien politiku mqalleb u kellu sehem importanti f’għadd ta’ avvenimenti sinifikanti, fosthom: it-twaqqif tal-Assemblea Nazzjonali, l-irvellijiet tas-Sette Giugno, it-twaqqif tal-partiti politiċi, l-ewwel elezzjonijiet parlamentari fl-1921, l-ewwel Self Government u t-tilwima politiko-reliġjuża bejn il-Partit ta’ Strickland u l-Knisja.”
“Ħajjet Dandria ma kinetx nieqsa mill-kontroversji. Bejnu u bejn l-Ordni Franġiskan Konventwali kienet qamet kwistjoni dwar twaqqigħ ta’ parti mill-knisja ta’ San Franġisk fi Strada Reale fil-Belt Valletta. Dan il-każ spiċċa l-Qorti u wara kienu saru liġijiet ġodda dwar il-kultura u l-antikitajiet. Huwa miet f’qasir il-għomor fl-età ta’ 40 sena.”
Biex saret ir-riċerka għal dan il-ktieb, Farrugia ngħata għajnuna sinifikanti mill-Arċisqof Pawlu Cremona li fetaħlu l-bieb tal-arkivji tal-Knisja f’Malta u saħansitra rranġalu permess biex juża l-arkivji tal-Vatikan f’Ruma. Huwa għamel ukoll stħarriġ fil-British Archives.
“Meta niddeċiedi li nagħmel xi ħaġa, nidħol b’ruħi u ġismi għaliha. Nemmen li jekk trid tagħmel xi ħaġa, trid tagħmilha sew!”
Meta rtira bil-pensjoni, Farrugia deherlu li kellu jsaħħaħ is-sehem tiegħu fil-volontarjat.
“Fost xogħol ieħor, bdejt intella’ programm ta’ siegħa bl-isem 20:30 fuq l-istazzjon televiżiv lokali Xejk. Kien programm kollu kemm hu ddedikat lill-patrimonju kulturali u fih kont ninkludi bosta intervisti mas-Sindki tal-Kunsilli Lokali. Aktar tard, dan il-programm mexa għal fuq l-istazzjon F Living Channel.”
Għalkemm Farrugia hu mill-Ħamrun, huwa dejjem kellu interess fl-irħula u l-ibliet kollha tal-gżejjer tagħna, partikolarment fir-reġjun tan-Nofsinhar ta’ Malta. Dan wasslu biex jagħti sehem f’diversi għaqdiet.
“Meta kont qed nattendi għall-kors tad-Diploma in Library and Information Studies, flimkien mal-lekċerer tagħna Hella Jean Bartolo, waqqafna l-NGO Friends of the National Archives. Wara li Bartolo ħallietna, jien sirt il-President ta’ din l-Għaqda u għadni sa llum nagħti ħafna kontribut.”
Huwa msieħeb f’għadd ta’ għaqdiet, inkluż il-Malta Railway Foundation. Kull sena, għadu jikteb diversi artikli għall-kotba tal-festi ta’ bosta rħula. Jgħin ukoll biex jitfasslu mixjiet kulturali ġewwa l-Ħamrun.
“Nistqarr illi llum ġieli nkun okkupat iktar milli kont fiż-żmien meta kont impjegat! Fil-ħajja huwa importanti ferm li jkollok skop għax b’hekk il-ħajja tkompli. Nemmen li meta l-anzjani jirtiraw mix-xogħol, għandhom xorta waħda jibqgħu attivi f’xi ħaġa jew oħra. L-esperjenza tal-anzjani hija mitqla deheb u l-pajjiż għandu jkun għaqli biżżejjed biex jiggwadanja minnha. Min-naħa l-oħra, l-anzjani jirbħu għax jibqgħu jħossuhom involuti u utli fil-komunità. Huwa tajjeb li tibni fuq iż-żgħażagħ iżda l-esperjenza tal-anzjani hija imprezzabbli!”
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-SENIOR TIMES – OCTOBER li ħareġ mat-Times of Malta tat-18.10.2018)
Category: Times of Malta | Tags: 20:30,Afrika,Anthony Agius Decelis,Arċisqof Pawlu Cremona,arkivji tal-Vatikan,Arkivju Nazzjonali,British Archives,Charles Farrugia,Christian Sammut,Diploma in Library and Information Studies,Enemalta,Enrico Dandria,F Living Channel,Fiona Vella,Friends of the National Archives,Hella Jean Bartolo,internati,knisja,Mabel Strickland,Malta Electricity Board,Malta Railway Foundation,Marie Louise Coleiro,Max Farrugia,Palestina,Partit ta’ Strickland,Premju Anzjanità Attiva,San Gorg Preca,Segretarjat Parlamentari Għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva,Sette Giugno,Xejk,Ħamrun