Posts Tagged ‘Aġenzija Appoġġ’

  • INT, SA FEJN KAPAĊI TASAL?

    Jiġu mumenti f’ħajtek meta tħossok waħdek wisq. Qalbek titqal u bħal taqa’ dalma quddiem għajnejk. Ġewwa fik tibda tħoss bħal vojt profond li m’għandu l-ebda qiegħ. Il-Woman answering phonekwistjonijiet ta’ madwarek  jibdew jidhru bla tarf u mingħajr ebda soluzzjoni. Nies f’dinjietek kemm trid imma ħadd minnhom li tista’ tafda b’dak li tant qed jifnik. Huma waqtiet fejn donnok tisma’ lil ruħek tixher għall-għajnuna, għall-attenzjoni, għall-imħabba. Tixxennaq imqar għal stranġier, li akkost li ma jafekx, xorta waħda lest li jagħtik ftit widen. Imqar leħen ħabib li jtaffilek kemmxejn mis-sikta u mis-solitudni tal-lejl. Imqar xi ħadd li jgħinek tara d-dawl mill-ġdid…

    “Is-solitudni hija l-akbar povertà” qalet darba Mother Theresa. “Waħda mill-agħar mardiet hija li ma tkun ħadd għal ħadd,” sostniet darb’oħra. Ma kienet tieqaf qatt tinkoraġġixxi lil dak li jkun biex jgħin “Jekk ma tistax titma’ mitt persuna, almenu itma’ waħda.” U finalment ammettiet illi “Il-miraklu mhux li aħna nwettqu dan ix-xogħol imma li aħna kuntenti li nagħmluh.”

    Dawn il-kwotazzjonijiet dwew f’moħħi hekk kif kont qed nisma’ dak li kellhom x’jgħiduli l-intervistati ta’ din il-ġimgħa. Svetlana Camilleri, il-Leader tas-Supportline 179 tal-Aġenzija Appoġġ, flimkien ma’ voluntier ta’ dan is-servizz, spjegawli dak li jiltaqgħu miegħu ta’ kuljum waqt il-ħabtiet meta jċempel it-telefon.

    “Fl-ewwel ġranet tiegħi bħala voluntier, nistqarr li kont nibża’ daqsxejn, għax meta terfa’ t-telefon, ma tkunx taf x’każ ser jippreżentalek dak li qiegħed iċempel. Imma mbagħad, ftit ftit, tibda tagħmel il-kuraġġ u t-taħriġ li tieħu flimkien mal-għajnuna kontinwa li jagħtuk l-istaff tal-Aġenzija Appoġġ, jgħinuk tidħol dejjem aktar fl-ambjent ħalli tkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor,” beda jispjegali l-voluntier.

    Bl-għajnuna ta’ numru ta’ voluntiera, is-servizz tas-Supportline 179 ilu għaddej għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, u preżentament l-Appoġġ għandha madwar 78 voluntiera f’dan il-qasam.

    “Għandna voluntiera li ilhom magħna mill-bidu,” infurmatni Svetlana. “Madanakollu kull sena ssir sejħa għall-voluntiera oħra sabiex inkunu nistgħu noffru servizz aħjar lil dawk li huma fil-bżonn. Is-sena li għaddiet irċevejna 16,446 telefonata u 10,868 minnhom kienu każijiet ġenwini.”

    X’tip ta’ telefonati jwieġbu dawn il-voluntiera?

    “Tista’ tgħid li jkun hemm telefonati ta’ kull xorta għax is-Supportline huwa vast ħafna. Ikun hemm min iċempel għax ikun qed ibati mis-solitudni u jkun jixtieq lil xi ħadd jisimgħu. Ikollu l-bżonn li jiftaħ qalbu ma’ xi ħadd li lest li jiddedikalu ftit ħin sakemm itarrafflu l-problemi tiegħu u dak li jkun għaddej minnu. Kultant tasal xi telefonata mingħand xi ġenituri li jkollhom id-dubju li wliedhom huma involuti fid-droga u allura dawn ikunu jeħtieġu parir dwar kif ser jaffrontaw din is-sitwazzjoni. Imbagħad nirċievu wkoll telefonati li jkollhom bżonn intervent immedjat bħal per eżempju meta qed iċċempillek mara li sabet ruħha barra t-triq flimkien mat-tfal tagħha, wara li kellha titlaq malajr mid-dar minħabba sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika. F’sitwazzjonijiet bħal dawn il-voluntier jiggwida lil mara biex tmur għand il-pulizija sabiex tagħmel rapport, filwaqt li jibda wkoll iċempel lix-xelters adegwati li forsi jkunu jistgħu joffru rifuġju temporanju lil din il-familja. Ikun hemm każijiet oħra fejn il-voluntier jeħtieġlu jsegwi b’attenzjoni lil xi ħadd li qed iċempel minħabba li għandu f’moħħu li jwettaq xi suwiċidju. Infatti, waqt dawn it-telefonati jkun hemm individwi li diġà jkollhom il-pjan lest ta’ kif ser ineħħu ruħhom b’idejhom. Oħrajn ikollhom il-ħsieb li xi darba jaslu għal din id-deċiżjoni u allura hawn tidħol l-abbiltà tal-voluntier li jkellem u jiggwida lill-persuna biex tersaq għall-għajnuna.

    Huwa importanti li niċċaraw illi l-voluntiera fl-ebda mument ma jkunu weħidhom waqt dawn it-telefonati. Fil-ħinijiet tal-uffiċċju ser isibu l-ħaddiema tal-Appoġġ bħala referenza, u wara dan il-ħin dejjem ikun hemm supervisors on call li ġeneralment dejjem ikunu social workers. Dan ifisser li matul l-24 siegħa li jkun għaddej is-servizz, il-voluntiera dejjem ikunu jistgħu jirreferu ma’ xi ħadd li huwa professjonali f’dan il-qasam.”

    Staqsejt min jista’ japplika biex isir voluntier u x’qiegħed ikun mistenni minnhom?

    “Fir-realtà kull min għandu ‘l fuq minn 21 sena jista’ jkun voluntier. L-importanti huwa li dawn l-individwi jkunu lesti li jieħdu dan l-impenn bis-serjetà u b’responsabbiltà. Aħna nistennew minnhom li jkunu jistgħu jattendu għal tliet xiftijiet fix-xahar, kull xift ta’ 4 siegħat. Hekk kif il-voluntiera jintagħżlu biex jagħtu dan is-servizz, huma jingħataw taħriġ bażiku sabiex jakkwistaw il-ħiliet neċessarji. Barra minn hekk, kull xahrejn, aħna norganizzaw support groups għall-voluntiera sabiex inkunu nistgħu niddiskutu dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom waqt dan ix-xogħol. B’dan il-mod, apparti li l-voluntiera jkunu qed jingħataw is-sosteniment regolari min-naħa tal-aġenzija, huma jkunu qed jitħarrġu dejjem iżjed f’ċirkustanzi varji li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

    Bħala Supportline, bħalissa l-aktar li għandna bżonn ta’ voluntiera huma fil-weekends, fil-ġranet pubbliċi u fix-xift ta’ fil-għaxija, jiġifieri bejn it-8.00pm u nofs-il-lejl. Peress li dan is-servizz jibqa’ għaddej 24 siegħa kuljum, huwa jagħti lok lil dawk l-individwi li jaħdmu imma li jixtiequ jagħtu daqqa t’id, sabiex isibu l-ħin adegwat li jistgħu jgħinu fih.

    Bħalissa għandna l-applikazzjonijiet miftuħa għal dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom bħala voluntiera u b’hekk min jixtieq isir jaf aktar dwar dan is-servizz, jista’ japplika sas-7 ta’ Settembru 2011. Wara din id-data, aħna nibagħtu għal dawk li jkunu applikaw sabiex jattendu għal interview. L-applikanti jiġu mistiedna wkoll bħala grupp ħalli b’hekk inkunu nistgħu nosservaw kif huma jirrelataw ma’ persuni oħra. Minn hawn ukoll, aħna nkunu nistgħu nindividwaw x’tip ta’ persuni qed japplikaw u fejn naħsbu li jistgħu jkunu l-aktar ta’ servizz, peress li l-voluntiera jistgħu anki jgħinu fis-servizz Programm Ulied Darna.”

    Tlabt lil Svetlana tgħidli aktar dwar dan is-servizz …

    “Il-voluntiera ta’ Programm Ulied Darna jmorru fid-djar ta’ familji li diġà qed jirċievu xi servizz ieħor li toffri l-Aġenzija Appoġġ, jew Aġenzija oħra fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.Svetlana Camilleri L-għan tal-voluntiera jkun li jgħinu lill-familji biex jakkwistaw ċerti abilitajiet sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw bl-aħjar mod possibbli bħal ngħidu aħna, jorganizzaw attivitajiet għat-tfal, jgħinu fl-interazzjoni u fil-komunikazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied billi per eżempju juruwhom kif jgħinu lit-tfal jagħmlu l-homework jew kif iżommu d-dixxiplina b’mod kostruttiv. Dawn il-voluntiera jistgħu wkoll jiddirezzjonaw aħjar lill-ġenituri f’kif jużaw il-flus tagħhom b’mod aktar effiċjenti, kif iqassmu x-xogħol tad-dar jew kif isajru ikel aktar bnin u tajjeb għas-saħħa.

    Fir-realtà dawn huma affarijiet prattiċi tal-ħajja ta’ kuljum, iżda li jagħmlu differenza kbira jekk ikunu nieqsa f’familja. Għaldaqstant meta nirrealizzaw li ċerti familji partikolari, b’dik id-daqsxejn għajnuna tal-voluntier, jistgħu jiġu lura fuq saqajhom, aħna noffrulhom dan is-servizz. Huwa importanti li nsemmu illi l-voluntier mhux ser imur fid-djar u jagħti xi lecture lill-membri tal-familja jew li min-naħa l-oħra ser ixammar il-kmiem u jagħmel ix-xogħol kollu hu. Infatti aħna nitolbu lil dawn il-familji biex meta l-voluntier ikun id-dar tagħhom, huma jibqgħu għaddejjin bir-rutina ta’ kuljum sabiex il-voluntier ikun jista’ josserva fejn hemm il-bżonn li l-familja tingħata l-għajnuna ħalli tissaħħaħ.”

    Waqt ir-riċerka tiegħi għal din l-intervista, iltqajt ukoll mal- Emotional Support Helpline 116 123.

    “Biex inżommu mal-linja tal-Unjoni Ewropeja dan in-numru joffri s-servizz tas-Supportline lil dawk l-individwi li jkunu jinsabu barra minn pajjiżhom, ħalli b’hekk ikun hemm numru ġenerali magħruf fejn wieħed jista’ jersaq għall-għajnuna. Dan ifisser li min forsi kien imdorri jċempel fuq il-helpline tal-pajjiż tiegħu, jista’ juża l-istess numru, u fil-każ ta’ Malta, it-telefonata tkun iddirezzjonata għall-voluntieri tas-Supportline 179.”

    Tlabt lill-voluntier li kien magħna waqt din l-intervista biex jgħaddili ftit l-esperjenza tiegħu f’dan ix-xogħol li qed jagħmel…

    “Issa ilni voluntier mas-Supportline għal dawn l-aħħar sitt snin u nista’ ngħid li sa llum għadni nħoss ħafna sodisfazzjon li qed inkun ta’ għajnuna għal dawk li jċemplu. Niftakar li għall-bidu ma kontx naf eżattament x’inhu r-rwol ta’ voluntier fuq Supportline imma meta mbagħad ingħatajt it-taħriġ, mill-ewwel għoġbitni n-natura tax-xogħol għalkemm irrealizzajt li kienet ġenerika ħafna.

    Waħda mill-aktar affarijiet li jolqtuni f’dan ix-xogħol hija l-opportunità li tmiss tassew mal-polz tas-soċjetà. Permezz tas-Supportline tesperjenza ġrajjiet li bosta nies qed jgħixu fil-magħluq. Dawn ma jkunux affarijiet li tista’ titkellem dwarhom ma’ kulħadd u allura f’ċirkustanzi regolari tal-ħajja, rari niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Huma realtajiet ta’ tbatija u żminijiet diffiċli li jgħaddu minnhom ċerti individwi li forsi nies oħra lanqas joħolmu biss li jeżistu. Fil-fatt jiġu mumenti fejn li kieku ma nkunx konxju li qed naħdem fuq sitwazzjoni vera, nasal biex nemmen li dak li qed nisma’ mhux tassew minnu!

    Minħabba dax-xogħol tibda tara l-ħajja minn lenti differenti. Tibda tapprezza ħafna iżjed l-affarijiet iż-żgħar f’ħajtek, bħal ngħidu aħna s-saħħa fiżika u mentali u l-affarijiet materjali li tgawdi minnhom. Man answering phoneTitgħallem tgħożż aktar lin-nies ta’ madwarek: lill-familjari, lill-ħbieb u lil bosta individwi oħra li tgħix magħhom ta’ kuljum, l-aktar meta tara x’iġarrbu n-nies li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom u l-proċess diffiċli li jgħaddu minnu sakemm jirkupraw. L-istess meta ttiegħem is-solitudni ta’ dawk li jċemplulek. Kif tista’ ma titqanqalx meta tara li ċerti nies iċemplu sempliċiment biex jitkellmu ftit għax m’għandhomx mod ieħor ma’ min jitkellmu? Tibda tifhem li inti tgawdi bosta affarijiet li ħaddieħor m’għandux u għalhekk apparti li tibda tapprezza aktar dak li għandek, tħoss aktar il-ħtieġa li tgħin.

    Meta jgħaddu s-siegħat li nqatta’ fuq is-Supportline nipprova ma nibqax naħseb dwar dak li nkun smajt għalkemm ikolli nammetti li mhux dejjem jirnexxieli għax ċerti sitwazzjonijiet li jgħixu wħud, imissulek qalbek wisq. Imma grazzi għat-taħriġ li ningħata regolarment mill-Aġenzija, jiena nitgħallem kif naqta’ ċertu linja bejn kemm ninvolvi ruħi ħalli hekk inkun fi stat tajjeb li ngħin lil ħaddieħor. Trid iżżomm ċar f’moħħok li mhux dejjem ser taqdi għal kollox lil dak li jkun għax jiġu waqtiet fejn dan ma jkunx possibbli. Fuq kollox trid iżomm lura milli tiġġudika, akkost liema sitwazzjoni tisma’ dwarha.

    Min-naħa tiegħi, nixtieq nagħmel kuraġġ lil dawk li huma mħajjra biex jingħaqdu bħala voluntiera mal-Appoġġ. Hemm ħafna x’tagħti f’dan ix-xogħol imma żgur li tieħu wisq aktar lura. Jiena għandi fiduċja kbira fit-taħriġ li jingħata u għalhekk jekk forsi hemm xi ħadd li jaħseb li din hija biċċa xogħol kbira wisq għalih, inħajjru jipprova xorta waħda, japplika, jattendi għat-taħriġ u mbagħad jieħu deċiżjoni wara. Ċertament irid ikollok xeħta u ħajra għal xogħol bħal dan. Nagħlaq billi nfakkar illi jekk ma tippruvax, żgur li ma tkunx taf sa fejn inti kapaċi tasal!”

    L-applikazzjonijiet jagħlqu fis-7 ta’ Settembru 2011. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq is-Supportline 179 jew 22959000. Inkella tistgħu tapplikaw permezz tal-websites: www.appogg.gov.mt jew www.fsws.gov.mt, jew tniżżlu applikazzjoni u tibgħatuha bil-posta, indirizzata lil: Christine Zammit, Aġenzija Appoġġ, 36 St Luke’s Road, G’Mangia, PTA 1318.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-28 t’Awwissu 2011)

    2011.08.28 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • DAQQA T’ID LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ

    Qawl Ċiniż jgħid: “Agħti ħuta lil xi ħadd u tkun tmajtu għall-ġurnata. Għallmu kif jistad u tkun tmajtu għal ħajtu.” L-għerf li hemm maħżun f’dan il-qawl huwa proprju l-Stephen Vella u Jessica Camillerigħan wara l-proġett Embark4Life. “Kull bniedem jiġi f’punt fejn irid jakkwista l-indipendenza f’ħajtu,” saħqu miegħi Stephen Vella, il-Project Leader, u Jessica Camilleri, il-Project Administrator ta’ dan il-proġett. “Imma hemm każi fejn individwu ma jkollux il-ħiliet bażiċi u lanqas l-għajnuna tant meħtieġa biex jilħaqhom, u għalhekk isibha diffiċli ferm biex ifendi għal rasu. Huwa hemm fejn nidħlu aħna biex nagħtu daqqa t’id. Iżda finalment huwa f’idejn iż-żagħżugħ li jagħraf il-bżonn li jaċċetta l-għajnuna tagħna u li jiddeċiedi li jibda kapitlu ġdid f’ħajtu.” X’hemm isbaħ milli wieħed jgħinek issib it-triq it-tajba u mbagħad iħallik fil-libertà biex tkompli miexi fejn tixtieq qalbek?

    Il-proġett Embark4Life beda fl-2009 u bħalissa qed isiru arranġamenti sabiex jibqa’ għaddej sal-aħħar tal-2012. Qed jiġi ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-European Social Fund u huwa ikkoordinat mill-Aġenzija Appoġġ u mill-Aġenzija Sedqa b’kollaborazzjoni mal-ETC u mal-Awtorità tad-Djar. Dal-proġett ġie partikolarment imfassal sabiex jagħti għajnuna lil żgħażagħ ta’ bejn l-eta ta’ 16 u 24 sena ħalli jintegraw aħjar fid-dinja tax-xogħol u fis-soċjetà.

    “Dehrilna li jekk diversi entitajiet jgħaqqdu l-forzi tagħhom flimkien, il-proġett ikollu ċans akbar li jkun ta’ suċċess. B’hekk apparti li l-ebda entità ma tkun qed taħdem għal rasha u forsi anki tidduplika x-xogħol, b’kollaborazzjoni akbar bejniethom, l-entitajiet konċernati jkunu jistgħu joffru qafas aktar sikur għal din l-istrateġija mmirata biex tgħin liż-żgħażagħ li jkunu ser jiġu introdotti għad-dinja tax-xogħol. Għall-istess raġuni, qed naħdmu wkoll id f’id ma’ numru ta’ istituzzjonijiet li huma relatati b’xi mod jew ieħor ma’ dal-qasam, bħal ngħidu aħna: Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Sedqa, Suret il-Bniedem, Dar Osanna Pia, u l-Probation Services.

    Ġie deċiż li naħdmu ma’ dik is-sezzjoni ta’ żgħażagħ li għandhom bejn l-età ta’ 16 u 24 sena minħabba li nemmnu li din hija l-faxxa l-aktar vulnerabbli biex tintegra fid-dinja tax-xogħol. Għażilna li l-età Embark4Life Poster 1tibda minn 16-il sena għax nixtiequ li għallinqas iż-żgħażagħ ikunu spiċċaw l-edukazzjoni formali tagħhom u idealment ikollhom l-ischool leaving certificate, ħalli b’hekk ikun hemm pedament sod ta’ edukazzjoni. Immirajna l-għażla tagħna sal-età ta’ 24 sena għax naħsbu illi f’dan il-perjodu, iż-żgħażagħ ikunu aktar miftuħa għat-tagħlim u għat-taħriġ. Barra minn hekk ġuvni ta’ 18-il sena li jsib ruħu fit-triq, ċertament issirlu iżjed ħsara u jista’ jiġi ħafna aktar sfruttat minn wieħed li jsib ruħu fl-istess kundizzjoni f’età akbar għax dan b’xi mod jew ieħor ikun tgħallem ikampa fil-ħajja u jkun diġà rabba ċertu qoxra.”

    Fhiex tikkonsisti l-għajnuna jew is-servizzi ta’ Embark4Life u għal min huma applikabbli ?

    “Hemm diversi servizzi li jingħataw u dawn dejjem jiddependu mill-ħtiġijiet partikolari ta’ kull individwu. Huma applikabbli għal żgħażagħ li qed isibu diffikultà biex jidħlu fil-qasam tax-xogħol minħabba diversi raġunijiet bħal ngħidu aħna dawk li jkunu trabbew f’xi istituzzjonijiet, dawk li qegħdin f’riskju li jiġu mkeċċija mill-familji tagħhom, dawk li kellhom problema ta’ droga u dawk li qegħdin fil-ħabs u qed jaħsbu kif ser jintegraw ruħhom meta joħorġu minn hemm ġew.

    Flimkien ma’ kull individwu aħna nfasslu pjan b’numru ta’ parametri li jkopru l-istili bażiċi li wieħed għandu bżonn biex jirnexxi fil-ħajja. Mhux kulħadd għandu l-istess ħtiġijiet. Ngħidu aħna, hemm min ikun falla ħafna lezzjonijiet meta kien l-iskola, tant li meta jiġi biex joħroġ, lanqas l-ischool leaving certificate ma jingħatalu. Hemm min għandu diffikultà biex jifhem il-lingwa Ingliża u allura mbagħad issibu jbati biex jgħaddi minn ċerti eżamijiet bħal per eżempju, biex iġib il-liċenzja tal-karozza. Żgħażagħ oħra jkun jonqoshom xi ‘O’ Levels u l-ġenituri tagħhom ma jkunux jifilħu jħallsulhom għall-lezzjonijiet. Lil dawn iż-żgħażagħ, aħna noffrulhom servizz ta’ taħriġ b’xejn, weħidhom jew fi grupp, biex jirkupraw l-edukazzjoni u ċ-ċertifikati li jkollhom bżonn. Nagħtu wkoll għajnuna f’dik li tikkonċerna l-komunikazzjoni u għaldaqstant inħarrġu liż-żgħażagħ kif jikkomunikaw aħjar, kif jużaw il-kompjuter, kif jidħlu fl-internet, kif jiktbu cv u kif jippreparaw ruħhom għal intervista.

    Sfortunatament naraw ukoll ħafna żgħażagħ li donnhom ma jkunu jistgħu joħorġu qatt mill-fażi tat-taħriġ. Jibqgħu jattendu għall-kors wara l-ieħor u jġibu ċ-ċertifikati kollha, imma mbagħad isibu Embark4Life Poster 2diffikultà biex jużaw dawk il-ħiliet li jkunu tgħallmu sabiex bihom isibu xogħol adattat. Lil dawn iż-żgħażagħ aħna ngħinuhom billi ninkoraġġuhom japplikaw għal xi xogħol, anki billi nuruhom bl-opportunitajiet kontinwi li jkun hemm fl-ETC. Kultant niltaqgħu ukoll ma’ żgħażagħ li ma jkunux qed japplikaw għax-xogħol peress li jidhrilhom li l-ebda pożizzjoni ta’ xogħol offruta ma tkun tixtraq għall-kwalifikazzjonijiet li jkollhom. F’dawn il-każi, aħna naħdmu ma’ dawn l-individwi biex infehmuhom li m’hemm xejn ħażin li tibda minn xogħol partikolari u mbagħad tibda tiela’ tarġa tarġa ‘l fuq. Bla dubju, jekk ma tibdiex minn x’imkien, żgur li ma tasalx u jekk ma taħdimx, ma jkollokx flus biex tmantni ruħek.”

    Iżda apparti mit-taħriġ edukattiv, Embark4Life joffri wkoll saqaf fuq ras numru ta’ żgħażagħ li jsibu ruħhom f’diffikultà…

    “Huwa inutli li tipprova tħajjar żagħżugħ biex imur jaħdem jekk dan m’għandux fejn joqgħod u ma jafx kif ser jiekol matul il-ġurnata! Daqstant ieħor hu impossibli li ssib impjieg lil xi ħadd li għandu problemi ta’ alkoħol jew droga. F’dawn il-każi partikolari aħna noffru wkoll sistemazzjoni temporanja fi djar jew hostels apposta bħal Suret il-Bniedem u Dar Osanna Pia, sakemm iż-żagħżugħ jitgħallem ħiliet biżżejjed u jsir aktar responsabbli tiegħu nnifsu sabiex jinqata’ minn dawn il-vizzji, jrabbi aktar fiduċja fih innifsu u jkun jista’ jvara ħajtu fid-dinja tax-xogħol. Nixtiequ niċċaraw li din is-sistemazzjoni hija waħda temporanja u allura matul numru stabbilit ta’ xhur, iż-żagħżugħ bl-għajnuna ta’ youth worker li tkun qed issegwih u tinkoraġġieh, irid juri biċ-ċar li lest li jgħin lilu nnifsu sabiex jirnexxi u allura jeħtieġ li jattendi għat-taħriġ li nippjanaw u li finalment jibda jmur jiċċekkja x’opportunitajiet hemm mal-ETC u anki jibda jirreġistra.  L-għajnuna tal-youth worker tinkludi wkoll taħriġ f’kif wieħed iqassam u jfaddal flusu ħalli fi ftit taż-żmien ikun jista’ jikri proprjetà għal rasu.

    Permezz ta’ Embark4Life, b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar, kull tant żmien, aħna nagħmlu sejħa pubblika għal dawk li għandhom xi appartamenti vojta u jkunu jixtiequ jikruhom lil dan il-proġett. Embark4Life Poster 3Eventwalment aħna nidħlu f’kuntratt mas-sid u nikru dawn il-postijiet għal mhux aktar minn sena. Fl-istess ħin, aħna nidħlu bi sħab maż-żagħżugħ jew żagħżugħa konċernata bi ftehim li huma jridu jħallsu d-dawl, l-ilma, l-ikel u l-ħtiġijiet l-oħra tal-post. Barra minn hekk, il-ftehim ikun jinkludi wkoll il-pjan li sa disgħa xhur wara, jridu jkunu bdew ifaddlu biżżejjed flus biex meta aħna noħorġu mill-kuntratt ta’ kiri, huma jkunu jistgħu jibqgħu jikru l-post bi flushom. Ovvjament dawn ir-regolamenti mhumiex inflessibli għax aħna nagħtu attenzjoni individwali lil kull każ. Infatti hemm każi fejn akkost li wieħed ikun tassew qed jgħin ruħu u jġemma’, ma jkunx irnexxielu jilħaq il-mira ppjanata saż-żmien stabbilit. Allura, anki biex ma jintilifx il-ġid kollu li nkunu għamilna miegħu, aħna nikkunsidraw li  nestendu das-servizz tagħna bi tliet xhur oħra.”

    Stephen u Jessica enfasizzaw kemm il-darba li s-suċċess ta’ dan il-proġett huwa rikonoxxut skont kemm jirnexxielhom jintegraw liż-żgħażagħ mal-bqija tas-soċjetà, b’mod speċjali fil-qasam tax-xogħol. Huma wrewni statistika ta’ kemm ġew mgħejuna żgħażagħ s’issa u kienu sodisfatti ħafna bir-riżultati li ottjenew kemm ilu li beda l-proġett.

    “Inħossu sodisfazzjon kbir meta naraw li ż-żgħażagħ qed jirrikorru b’mod konsistenti għall-għajnuna li qed noffru. Imma aktar minn hekk, il-ġid ta’ dan il-proġett ikun evidenti meta naraw bidla drastika jew aħjar tranżizzjoni f’dawn iż-żgħażagħ, fejn minflok li jirċievu biss, huma jsiru wkoll ċittadini parteċipi fis-soċjetà.

    Akkost li qed nuruk din l-istatistika, għalina kull każ partikolari huwa suċċess. Biex nagħtuk eżempju, dan l-aħħar koppja li ġew mgħejjuna permezz ta’ dan il-proġett, għażlu li jagħmlu l-festin tat-tieġ tagħhom proprju f’dawn l-uffiċini. Kien il-mod tagħhom kif ħallsuna lura ta’ dak li għamilna magħhom, billi wrewna wkoll li jqisuna bħala parti mill-familja tagħhom. Sfortunament fl-istess ħin, dan huwa wkoll eżempju ċar li jfissirlek is-sitwazzjoni li tinħoloq meta jkun hemm in-nuqqas tal-preżenza tal-familjari”.

    X’jista’ jagħmel żagħżugħ li jixtieq jipparteċipa f’dan il-proġett?

    “Min hu interessat jiġi referut mill-entitajiet li qed jipparteċipaw fil-proġett, prinċiparjament Aġenzija Sedqa u Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Żgħażagħ u l-Probation Officers. Madanakollu, meta jkun hemm żgħażagħ li ma kellhomx kuntatt ma’ dawn l-entitajiet, aħna nirreferuhom lil waħda mill-entitajiet rikonoxxuti sabiex tirreferihom hi. Ġieli jiġu każi meta ma nkunux nistgħu nsibu post alternattiv għal xi żagħżugħ li jeħtieġu u allura, fejn ikun possibbli, ngħidulu jistaporti ftit ieħor sakemm nirranġaw is-sitwazzjoni. Min-naħa l-oħra, ġieli jersqu għandna żgħażagħ għax ikunu imbuttati minn ħaddieħor, iżda ma jkollhom l-ebda ħeġġa biex jikkollaboraw. Ikun hemm ukoll min jidhirlu li m’għandux bżonn l-għajnuna tagħna, akkost li xi ħadd jirreferih għandna. Min jiġi hawn irid ikun liberu li jixtieq l-għajnuna, ma jistax jiġi sfurzat. Naturalment aħna ma nkeċċu lil ħadd u nagħtu ċans lil dak li jkun biex jagħraf x’inhi l-aħjar triq għalih. Però finalment hemm ħafna żgħażagħ oħra għatxana li jagħmlu bidla f’ħajjithom u Embark4Life jiftaħ il-bibien tiegħu beraħ għal dawn!”

    Sabiex inkun nista’ nara b’għajnejja r-riżultati ta’ Embark4Life, iltqajt ma’ żagħżugħ li bħalissa qiegħed jipparteċipa f’dan il-proġett…

    “Għandi 17-il sena. Kienet social worker tal-Appoġġ li ntroduċietni għal Embark4Life. Nistqarr li għall-ewwel ma tantx kont ħadtu ħafna bis-serjetà dan il-proġett u llum nistħi meta niftakar kemm ġieli ħallejt nies jistennewni biex jagħtuni xi taħriġ u jiena ma attendejtx! F’ħajti jiena għaddejt minn ċerti diffikultajiet…dort f’diversi istituzzjonijiet, tlaqt mill-iskola mingħajr school leaving certificate u saħansitra għamilt perjodu l-ħabs. Illum, meta noqgħod naħseb, nirrealizza li kelli wisq libertinaġġ u qisni ftit li xejn kelli kontroll fuqi nnifsi.

    Illum qed ngħix f’dar li tilqa’ ż-żgħażagħ u s-servizz li qed jingħata lili qed jiġi ssapportjat finanzjarjament mill-proġett E4L. Hawnhekk jieħdu ħsiebi ħafna u fuq kollox qed jgħallmuni kif insir aktar Embark4Life Poster 4responsabbli, iddixxipplinat u indipendenti. Fl-uffiċini ta’ Embark4Life, attendejt għal taħriġ maħsub għalija fejn permezz tiegħu ġibt l-ischool leaving certificate. Barra minn hekk, bħalissa qed nistudja l-Malti, l-Ingliż u l-kompjuter. Preżentament inħossni kburi ħafna li rnexxieli nżomm ix-xogħol għal dawn l-aħħar disgħa xhur u nofs, xi ħaġa li qatt ma kont kapaċi nagħmel qabel. Kien permezz ta’ dan ix-xogħol li ndunajt li togħġobni l-kċina u għalhekk ser nibda nieħu taħriġ fl-ITS.

    Hawnhekk għenuni ħafna speċjalment meta emmnu fija u meta ħallsuli dak li kelli bżonn biex niġi fuq saqajja. Għallmuni ħafna affarijiet tal-ħajja fosthom kif nikteb cv, kif insib xogħol u kif infaddal. Għamluli r-referenzi u sabuli dar fejn noqgħod temporanjament sakemm nitgħallem noqgħod għal rasi, għalkemm nammetti li s’issa din l-idea li noqgħod waħdi, tbeżżagħni xi ftit. F’dawn l-uffiċċji niltaqa’ wkoll ma’ sħabi, li forsi barra t-triq kienu jdaħħluni fl-inkwiet, imma hawn nieħu gost narahom jieħdu l-għajnuna u jitgħallmu bħali.

    Nirrakomanda liż-żgħażagħ li għandhom bżonn l-għajnuna sabiex jagħrfu jaċċettawha u jieħdu l-ġid minnha. Jekk f’qalbhom veru jħossu l-bżonn li jitgħallmu xi ħaġa, hawnhekk tajjeb ħafna. Żgur aħjar milli toqgħod tiġri barra bla skop!”

    Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett Embark4Life, wieħed jista’ jċempel fuq 21323520. Jista’ wkoll jibgħat email fuq e4l.fsws@gov.mt jew jidħol fil-website www.fsws.gov.mt. L-uffiċini ta’ Embark4Life jinsabu f’168, Triq il-Wied, l-Imsida.

    Dan il-proġett qed jitmexxa mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li tinkorpora Aġenzija Sedqa (www.sedqa.gov.mt), Aġenzija Appoġġ (www.appogg.gov.mt) u Aġenzija Sapport (www.sapport.gov.mt).

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-7 t’Awwissu 2011)

    2011.08.07 / no responses / Category: Torca - Perspettivi