Posts Tagged ‘Belt’

  • Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard

    Ma tistax ma tieqafx tiċċassa lejh meta tara ritratt ta’ ras ta’ skeletru ta’ bniedem iddekorata! Aktar u aktar meta ssir taf li dik hija relikwa ta’ individwu magħruf ħafna madwar id-dinja. U li din tinsab f’monasteru f’Malta.

    Patri Gerard Sasso: il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann

    Relikwa - Patri Gerard Sasso (Ritratt - Fiona Vella)Iltqajt għall-ewwel darba ma’ din l-immaġni waqt xi xogħol li kont qed nagħmel relatat mal-Assedju l-Kbir li seħħ fl-1565. Skoprejt li dik ir-ras kienet maħsuba li tappartjeni lill-Patri Gerard Sasso, il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann, li għex bejn l-1040 u l-1120.

    Jingħad li Patri Gerard kien bniedem twajjeb ħafna u ta’ qalb kbira. Kien jifforma parti mill-Ordni Benedittina u fil-11 il-seklu, huwa rħielha lejn Ġerusalemm sabiex jagħti l-għajnuna tiegħu lill-pellegrini li kienu jżuru dik l-art fi kwantitajiet kbar, akkost il-perikli u s-sofferenza.

     Il-perikli tal-pellegrini

     Dak iż-żmien ma kinetx xi ħaġa faċli li tmur pellegrinaġġ biex iżżur siti Kristjani, speċjalment meta dawn kienu f’art oħra li spiss kienet maħkuma mill-Misilmin. Apparti l-biża’ minn xi attakk fejn wieħed seta’ jiġi misruq jew maqtul, kien hemm ukoll id-diffikultà tat-tul tal-vjaġġ bl-inqas kumdità possibbli. Il-mard, l-inċidenti u l-mewt temmew il-ħajja ta’ bosta minn dawn il-pellegrini. Kienet meqjusa bħala xi ħaġa komuni li pellegrin jista’ ma jirritorna qatt lejn daru u fil-fatt kien hemm sistemi legali li kienu jorbtu lil dak li jkun biex iħallas dejnu qabel ma jitlaq fuq xi vjaġġ bħal dan.

    Jitwaqqaf sptar għall-pellegrini f’Ġerusalemm

    Dan it-tiġrib lill-pellegrini qanqal lil grupp ta’ negozjanti minn Amalfi sabiex iwaqqfu post fejn dawn in-nies setgħu jingħataw l-għajnuna u l-kura meħtieġa. Dan is-servizz tant kien utli u meħtieġ li finalment il-post inbidel fi sptar u dan beda jitmexxa minn Patri Gerard.

    Għalkemm oriġinarjament, dan il-post kien maħsub biex jilqa’ biss lill-pellegrini Kristjani, Patri Gerard ma kienx jagħmel din id-differenza bejn bniedem u ieħor. Jekk persuna kienet fil-bżonn, hu kien jilqagħha b’idejh miftuħa bla ma qatt jistaqsi xejn aktar.

    Titwaqqaf l-Ordni ta’ San Ġwann

    Dan l-aġir tiegħu sar magħruf sewwa man-nies, tant li finalment, aħbaru waslet għand Papa Paskal II. Dan tant ħass ammirazzjoni lejn ix-xogħol li kien qed iwettaq il-patri li fil-15 ta’ Frar 1113, huwa rrikonoxxa l-isptar u l-ordni tiegħu billi ħareġ Bulla Papali li fosthom ta lill-Ordni id-dritt li tagħmel ir-regoli tagħha u li tirrispondi direttament lill-Papa. Minn hemm, dan il-grupp ta’ patrijiet inbidel fl-Ordni ta’ San Ġwann.

    Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien din l-Ordni bdiet tiġbed ir-rispett tan-nies, l-aktar tan-nobbli li l-membri tal-familja tagħhom kienu ngħataw l-għajnuna minn dawn il-patrijiet waqt xi pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Bħala rikonoxximent, dawn l-individwi sinjuri bdew jibgħatu somom kbar ta’ flus sakemm il-ġid beda dieħel għand l-Ordni bir-radam.

    Għalkemm Patri Gerard kien l-ewwel mexxej tal-Ordni, qatt ma kibritlu rasu. Huwa baqa’ dejjem bniedem umli, jaqdi dmiru mal-fqir, il-marid u l-batut. Miet fl-1120 u postu ttieħed mill-Kavallier Franċiż Raymond du Puy. Dan ma kien jixbaħ xejn lil ta’ qablu għax apparti li kien reliġjuż, kien ukoll statista. Infatti, huwa ma damx ma bidel in-natura tal-Ordni, ikkodifika r-regoli tagħha u waqqaf grupp ta’ patrijiet li kienu lesti li jiġġieldu sabiex jipproteġu lill-pellegrini. Barra minn hekk, huwa ra kif joħloq mezzi oħra sabiex isaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-Ordni billi akkwista artijiet u rikkezzi oħra.

    Ġisem Patri Gerard jitqies b’relikwa

    Wara l-mewt ta’ Patri Gerard, ġismu nżamm fil-monasteru ta’ Ġerusalemm u l-Kavallieri raw kif għamlu biex ippreservawh bl-aħjar mod. Dan il-korp kien miżmum b’qima kbira tant li kull meta l-Kavallieri bidlu l-post tal-kwartieri tagħhom, huma ħaduh magħhom bħala relikwa prezzjuża.

    Ras Patri Gerard issib ruħha Malta

    Il-Monasteru ta’ Sant’Ursula l-BeltIżda ġara li għal xi raġuni, dan il-ġisem ma baqax intatt u fl-1749, ras il-patri sabet ruħha f’Malta wara li nġarret minn Monasque fi Franza fuq ordni tal-Gran Mastru Emmanuel Pinto. Dan it-tagħrif huwa kkonfermat minn dokumenti li hemm maħżuna ġol-kaxxa ċkejkna li fuqha sserraħ din ir-relikwa.

    Għall-ewwel, din ir-ras inżammet fil-Palazz Maġisterjali u aktar tard, din tmexxiet flimkien mar-relikwi l-oħra li kienu merfugħa fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann il-Belt. Eventwalment, fid-19 ta’ Ġunju 1830, din ir-ras ġiet fdata f’idejn is-sorijiet tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula, il-Belt, fejn għadha sa llum, f’vetrina żgħira biswit l-altar tal-kor, ġewwa l-kappella tal-monasteru.

    Fil-21 ta’ Diċembru 2001, ir-relikwarju tal-injam li kienet miżmuma fih din ir-ras, inbidel ma’ wieħed tal-fidda u dan ġie rregalat mill-Prof. Dr Guglielmo de Giovanni-Centelles, Duka ta’ Precacore, flimkien ma’ martu Donna Carla.

    Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard

    Madre Prijoressa Sr. Agnese Zammit OSS biswit ir-relikwa ta' Patri Gerard Sasso (Ritratt - Fiona Vella)Wara li rriċerkajt din it-tema, ma stajtx ma nżurx il-post fejn tinsab din ir-relikwa. Akkost li l-monasteru jiġbor fih sorijiet tal-klawsura, it-talba tiegħi ġiet milqugħa mal-ewwel u ma domtx ma sibt ruħi wiċċ imb’wiċċ ma’ dan il-bniedem li tant nies jitkellmu b’rispett lejh.

    “Kull sena, jiġu għadd ta’ nies minn madwar l-Ewropa kollha biex iżuru din ir-relikwa,” infurmatni l-Madre Prijoressa Sr. Agnese Zammit OSS tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula l-Belt.

    Il-Madre Prijoressa liebsa l-istolone u l-manto di punta“F’April li għadda, kellna anki żjara statali mill-Prinċep u Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta, Frá. Matthew Festing. Għal din l-okkażjoni, peress li aħna sorijiet tal-Ordni, nilbsu l-abitu statali li jinkludi l-istolone u l-manto di punta”.

    Kull sena, fit-13 t’Ottubru, dawn is-sorijiet jorganizzaw quddiesa solenni b’rispett lejn Patri Gerard. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, jattendu l-Kavallieri ta’ San Ġwann kollha li joqogħdu Malta u mill-ġdid huma jilbsu l-abitu statali.

    Ħadd ma jaf kien kien jidher wiċċu

    Ħadd ma jaf fiċ-ċert kif kien wiċċ Patri Gerard. Madanakollu, sforz ir-rispett kbir li n-nies minn dejjem kellhom lejh, saru diversi pitturi tiegħu fejn wiċċu ġie mmaġinat mill-artisti. Wieħed minn dawn il-kwadri li juri lil Patri Gerard qed jilqa’ lil Godfrey de Bouillon, Duka ta’ Lower Lorraine u mexxej tal-Ewwel Kruċjata ġie maħdum mill-pittur magħruf Antoine De Favray u jinsab esebit fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti fi Triq Nofsinhar il-Belt.

    Sadanittant, jekk qanqaltilkhom biżżejjed kurżità, tistgħu taraw ukoll kopja ta’ dan il-kwadru fuq il-blog tal-Assedju l-Kbir ta’ Heritage Malta – www.heritagemalta.org/1565

    Apparti kurżitajiet simili relatati mal-Ordni ta’ San Ġwann, f’dan il-blog tistgħu ssegwu wkoll rakkonti ġurnata b’ġurnata ta’ dak li għaddew minnu Malta, il-Maltin u l-Kavallieri waqt il-perjodu aħrax tal-Assedju l-Kbir li beda f’Mejju u ntemm f’Settembru tal-1565.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (12 il-parti) fit-Torċa tas-7 ta’ Ġunju 2015)

    2015.06.07 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • RUĦ ĠDIDA LIL SENGĦA ANTIKA

    L-Istorja minn dejjem kienet taffaxxinani imma minn meta bdejt nagħmel intervista wara l-oħra biex nibni dawn l-artikli, irnexxieli nagħraf ukoll kemm humaPio Borg interessanti n-nies ta’ llum. B’mod speċjali l-anzjani tagħna, sirt nistħajjilhom enċiklopediji ħajjin, mogħnija bl-isbaħ informazzjoni, dettalji, rakkonti, memorji, esperjenzi, kapaċitajiet… M’hemmx tmiem għal din il-lista għax kull darba li niltaqa’ ma’ individwu ġdid, niskopri xi ħaġ’oħra u nirrealizza x’qed nitilfu meta m’aħniex nieħdu rekordju nazzjonali ta’ dan it-tagħrif kollu. Sa mn’Alla li jeżistu ċerti għaqdiet li jlaqqgħu ż-żgħażagħ ma’ dawn l-anzjani, ħalli b’hekk almenu dan il-wirt kulturali tagħna b’xi mod jew ieħor jiġi mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet ta’ wara. Proprju dil-ġimgħa sibt ruħi mistiedna għand Pio Borg, membru tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes, li l-għan prinċipali tagħha huwa li jagħti ruħ ġdida lil sengħa antika permezz tal-entużjażmu taż-żgħażagħ ta’ llum.

    Pio Borg illum jgħodd is-67 sena. Huwa kollezzjonist ferventi ta’ bosta affarijiet reliġjużi. Jiftakar sewwa l-bidu ta’ din l-Għaqda, li dis-sena qed tiċċelebra l-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

    “L-Għaqda tnisslet fl-1986 meta ngħaqdu flimkien Raphael Micallef, Tony Terribile, Pawlu Piscopo u wara daħlu wkoll George Gusman u Guido Lanfranco. Jien kontLogo Għaqda Mudelli Knejjes - 25 sena wieħed minn tal-bidu li sirt membru magħha għax mill-ewwel emmint fl-iskop tajjeb li kellha. Fil-gwerra konna tlifna ħafna oġġetti prezzjużi, speċjalment fl-inħawi tal-Kottonera li ġarrbu ħafna ħsara. Għalhekk konna fuq ix-xwiek biex insiru nafu dwar il-ftit li kien għad fadal, filwaqt li ttamajna li nkunu nistgħu nerġgħu nagħtu r-ruħ lil dax-xogħol tal-mudelli tal-knejjes. Bi pjaċir ngħid li l-Għaqda mhux talli rnexxielha tqajjem mill-ġdid l-interess f’das-snajja’, talli poġġiethom fuq pedestall. Illum qegħdin madwar 400 membru u tliet kwarti minnhom huma żgħażagħ, kollha kemm huma bil-pika dwar min ser jaħdem l-aqwa biċċa xogħol. Xhieda ta’ dan huma l-bosta wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira li jittellgħu madwar l-irħula u l-bliet tagħna.”

    Pio kompla jispjegali kif f’din l-Għaqda ssib kull xorta ta’ nies imsieħba. Fehemni wkoll dwar l-opportunitajiet li din kapaċi toffri.

    “Il-membri tagħna jiġu minn diversi oqsma tant li għandna anki nies li jaħdmu fis-sezzjoni tar-restawr tal-gvern, għalliema u avukati.Il-Veronika B’hekk jinħoloq iċ-ċans illi l-membri bejniethom jistgħu jaqsmu bosta ideat dwar kif jaħdmu xi oġġett jew ieħor. Intant kull xahrejn issir laqgħa fejn espert f’xi qasam relatat jew xi ħadd mill-membri stess jagħtu tagħrif siewi dwar is-sengħa tagħhom: fl-injam, fl-irħamar, fl-istatwar, fil-fidda eċċ eċċ. Infatti l-aħħar wieħed li ġie jżurna kien Renzo Gauci u flimkien miegħu rajna kif jinħadmu l-istatwi, kif jiġu ffurmati u kif tibda l-proċedura. Naturalment, f’sagħtejn laqgħa, mhux ser issir taf kollox imma jkollok biżżejjed għarfien biex jixprunak tkompli tfittex u titgħallem. Ovvjament l-Għaqda isservi wkoll ta’ vetrina fejn f’numru ta’ okkażżjonijiet il-membri jistgħu jesebixxu s-sengħa tagħhom jew xi oġġetti li jkunu akkwistaw.

    Barra minn hekk, l-Għaqda taqdi funzjonijiet oħra fosthom it-tixrid tat-tagħlim storiku u kulturali. Fil-fatt kull tant żmien immorru nżuru postijiet differenti bħall-katakombi ta’ San Pawl, il-mużew ta’ Ħaż-Żabbar u l-kappella ta’ Sant’Anġlu fejn ikollna wkoll gwida li tagħtina informazzjoni. B’hekk wieħed mhux qiegħed mal-Għaqda biss biex jarma xi gandlier jew biex jibni mudell imma anki biex jifforma ruħu f’dawn l-oqsma.

    Nistgħu ngħidu li din l-Għaqda tagħmel ġid kemm b’mod dirett bħal meta qed turik kif taħdem xi ħaġa, u anki b’mod indirett f’dak li hu ġid spiritwali, peress li żżommok f’kuntatt kontinwu mal-Knisja. Bi kburija nista’ nsemmilek li minn fost il-membri tagħna diġà ħarġu erbgħa saċerdoti.”

    Ma’ Pio ltqajt f’binja fejn hu jżomm il-kollezzjonijiet tiegħu u fejn iqatta’ siegħat sħaħ jaħdem fuq xi ħaġa jew oħra. Hekk kif konna telgħin it-taraġ wiesgħa u għoli tal-post, hu Il-mant, l-artal u l-vari ta' Pio Borgġibidli l-attenzjoni għal xi skultura mill-ifjen fil-ħitan li kienet tixhed li dik id-dar kienet tiftakar żmien il-kavallieri. Kont ilni biex nidħol f’dar hekk u tarġa wara tarġa ħassejtni tiela’ f’xi dinja oħra, kif fil-fatt kien għax hekk kif Pio fetaħ il-bieb, ħabta u sabta sibt ruħi mdawwra b’kull xorta ta’ kollezzjonijiet, tant li għall-ewwel ma kontx naf minn fejn ser naqbad nibda!

    “Tridx nibdew minn dan l-artal?” issuġġerili Pio filwaqt li stqarr li l-ġurnata ta’ qabel kien ilu ħames siegħat jaħdem fuqu biex ikun jista’ juriehuli armat.“Dan l-artal hu portabbli u bħalissa qed nirrestawra l-armarju tiegħu. Bejn wieħed u ieħor għandu madwar sebgħin sena u  oriġinarjament kien ta’ ħija, li kien espert dwar l-affarijiet tal-Knisja. L-artal huwa kkonsagrat u għalhekk sar numru ta’ quddies fuqu. Il-konsagrazzjoni tiegħu saret billi ntbagħtu xi relikwi tal-qaddisin minn Ruma li tpoġġew f’dil-ħofra ċkejkna mħaffra apposta fil-wiċċ tal-artal u dan ġie mbierek mill-Isqof.”

    Sirt naf li Pio prinċiparjament jaħdem fl-injam imma meta kien sagristan huwa interessa ruħu li jitgħallem ħafna snajja’ oħra u għalhekk jista’ jmidd idu għal xogħolijiet varji.

    “Il-Belt kien hemm ċertu Carmelo Bonello li kien magħruf ħafna għas-sengħa tiegħu biex jagħmel it-tabelli tal-ħwienet. Min jaf kemm qattgħajt siegħat bil-qiegħda fuq it-taraġ tal-kantina tiegħu ħalli nosservah jaħdem, waqt li kultant kont inqum nagħtih daqqa t’id jiżbogħ meta jitlobni ngħinu. B’hekk ftit ftit ħadt il-qagħda jiena wkoll tant li għamilt diversi xogħolijiet fosthom iż-żebgħa u d-dekorazzjonijiet tad-deheb tal-koppla kollha tal-Knisja tal-Erwieħ tal-Belt.”

    Għajnejja għatxana flew l-oġġetti mdendlin mal-ħitan fejn fosthom kien hemm kwadri kbar mimlija bil-forom tal-wegħdi li kienu jirregalaw in-nies meta jaqalgħu xi grazzja, Il-wegħdinumru ta’ prospettivi ddiżinjati għal wara l-artal u statwi kbar fin-niċeċ li dari kienu jiddendlu mal-ħitan tal-kmamar tas-sodda…

    “Ara dan mant li ser inżanżan dis-sena għall-wirja. Hu mant uniku għax fih iħaddan is-snajja kollha: skultura, rakkmu tad-deheb, xogħol ta’ l-injam, lussu ta’ drappijiet, glalen tad-deheb eċċ. Ħa npoġġi fih il-Madonna tar-Rużarju bil-bradella b’kollox li qiegħda fil-parroċċa ta’ San Duminku.”

    Bħas-soltu, kelli kurżità minn fejn bdiet din in-namra għall-kollezzjonijiet u Pio ħasadni mhux ftit meta bi tbissima għarraffni li hu kien twieled fi tmiem il-gwerra fil-kannierja ta’ San Duminku u għalhekk letteralment seta’ jgħid li l-affarijiet tal-knisja kienu qegħdin f’demmu!

    “Apparti minn hekk, missieri u zijuwi kienu sagristani fil-Knisja ta’ San Duminku u allura jiena u ħija konna deħlin u ħerġin hemm ġew. Niftakar ukoll li meta kont żgħir konna mmorru għand in-nanna li kienet toqgħod Santa Venera. Hemmhekk kien hemm id-drawwa li jarmaw monti li kellu sezzjoni ddedikata lit-tfal: għas-subien kien ikun hemm statwi tal-festa u għall-bniet kienu jbiegħu għamajjar żgħar tal-injam. Ma kienux xi affarijiet elaborati Il-vari fl-armarjitaf imma ta’ tfal li konna, konna niġġennu fuqhom. Ta’ kull sena, n-nanna kienet titlobni nfakkarha xi statwi kienet diġà tatni u mbagħad tmur u tagħżilli oħra. Kienu statwi jiswew ftit li xejn, magħmula mit-tafal u miżbugħa bil-kulur tat-tibjid għax dak iż-żmien ma kienx hemm żebgħa. Imma tiskanta kif, affarijiet bħal dawn jidħlu f’qalbek u jibqgħu fik matul ħajtek kollha.

    Niftakar ukoll li meta kien fetaħ l-istazzjon tat-TV f’Malta, Charles Arrigo kellu programm jismu ‘Il-Quċċija’ u fih dejjem kien jinkludi parti dwar l-artiġġjanar u s-snajja’ antiki. Darba minnhom kien stieden lili u lil missieri Toni biex nitkellmu dwar il-qasam tal-Ġimgħa l-Kbira fejn fosthom tajna r-riċetta tal-borma tfuħ li titpoġġa fis-sepulkru f’dawn iż-żminijiet.”

    Pio qalli li llum tista’ ssib tixtri din it-taħlita lesta fil-pakketti imma m’għandi l-ebda dubju li din ma tħabbatiex mal-oriġinal u għalhekk tlabtu jgħidli r-riċetta biex ngħaddiha lilkhom, forsi min jaf?

    “L-ewwel ħaġa jrid ikollok kwantità ta’ nbid iswed. Sadanittant minn jumejn qabel, jeħtieġ ixxarrab taħlita ta’ lumi, larinġ, mandolina, bastun tal-kannella, ftit nuċimuskata u tħalliha okkupata bl-għatu magħluq ħalli tiffermenta. Wara jumejn tħallatha mal-inbid u tagħtiha fawra qawwija fuq in-nar. Matul il-ġranet li n-nies jiġu biex jinvistaw is-sepulkru, trid tħalli din il-borma fuq spiritiera b’nar bati ta’ ftila jew tnejn u toqgħod attent li ma tħallix lit-taħlita tinxtorob, billi minn ħin għal ħin iżżid l-inbid li jkun evapora.”

    Proprju fin-nofs tal-kamra, fuq mejda mdaqqsa, Pio kellu numru ta’ vari ta’ San Duminku li kienu qed jistennew biex jinġarru għall-post tal-wirja.

    “Dawn l-istatwi li qed tara hawnhekk huma maħduma minn tafal imlibbes bil-kartapesta. Kien ħadimhomli Noel Cauchi, membru żgħażugħ tagħna li sfortunatament riċentement tlifna f’inċident fatali.

    Din hija vara minjatura, kopja mqaxxra tal-istatwa titulari ta’ San Duminku tal-Belt, filwaqt li din l-istatwa l-oħra qed turi miraklu li għamel dan il-qaddis, li kważi ħadd mill-qaddisin l-oħra qatt m’għamlu Vara ta' San Duminku - il-ħruq tal-kotba– dik li qajjem tifel mill-mewt. Din l-istatwa l-oħra turi l-fidi kbira li kellu San Duminku meta biex jiġġieled l-ereżija li kienet qed tiġi mgħallma, huwa sfida lill-Albeġiżi biex jitfgħu l-kotba tagħhom u dak tiegħu tal-evanġelju ta’ San Mattew fin-nar. Jekk il-kotba jinħarqu kien sinjal li r-reliġjon tagħhom kienet falza. Hekk sar u għalkemm il-kotba l-oħra nqerdu, dak tal-evanġelju ma ntmissx mill-fjammi.”

    Kemm stejjer li qatt ma smajthom! Iżda kien għad fadal iktar minn hekk. Bi kburija Pio għarraffni li dawn l-istatwi kienu ser jiġu esebiti fil-wirja ta’ dis-sena għall-ewwel darba.

    “Għandi 14 il-biċċa li juru episodji mill-ħajja ta’ San Duminku, fosthom l-aktar vara riċenti li turi lil San Duminku ma’ San Franġisk. Dawn iż-żewġ qaddisin teżisti rabta kbira bejniethom tant li fir-reliġjon kattolika huma magħrufa bħala t-tewmin. Dan minħabba li bejn wieħed u ieħor, it-tnejn waqqfu l-ordni tagħhom fl-istess żmien. Jingħad ukoll li darba ltaqgħu u biex juru l-ferħ tagħhom, għannqu lil xulxin u hekk qed turihom din il-vara.”

    Ersaqna aktar il-ġewwa u fis-silenzju maestuż tiegħu, magħluq f’niċċa kbira, nilmaħ statwa mdaqqsa ta’ San Duminku li mal-ewwel laqtitni ħafna.

    “Dak sab ruħu għandi wara li missieri xtrah mingħand ħuħ qabel mar l-Awstralja. Huwa xogħol uniku u formidabbli li jgħodd madwar 90 sena. Kien inġab minn Bolzano flimkien ma’ statwa oħra pariġġu Il-vara l-kbira ta' San Duminku li għandha madwar 90 senata’ San Pawl. L-istatwa hija maħduma kollha fl-injam, apparti minn xi aċċessorji tagħha li huma tal-fidda u bil-pedestall b’kollox hija għolja metru. Għal dis-sena, wara tant żmien,  din l-istatwa aktarx ser titlaqqa’ ma’ ta’ pariġġa.”

    F’diversi kaxxi u magħluqin sewwa wara numru ta’ armarji, Pio kellu wkoll għadd ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira, bosta minnhom kopji tal-vari tal-Belt. Xtaqt nifhem x’iwassal biex wieħed jibqa’ jixtri kopja wara l-oħra tal-istess oġġett. U tipikament tiegħu, Pio weġibni permezz ta’ rakkont ieħor…

    “Dan is-sett li qed tara hawnhekk għandu ‘l fuq minn 90 sena. Li kieku rajt kif kien meta akkwistajtu, kont tgħidli miġnun għax ċertu statwi kienu saru qishom karta peress li kienu merfugħin f’post umdu. B’paċenzja kbira nixxifthom waħda waħda fuq il-bejt u rtukkajthom mill-inqas possibbli biex ma nneħħilhomx l-antikità. Trid tkun taf għaliex xtrajtu sett bħal dan? Għax ma stajtx inħalli l-istorja u l-artiġġjanat tiegħu jintilfu!

    Għandek tkun taf li dawn huma l-istess statwi li tant snin ilu kienu jiġu armati madwar il-gabbana li llum għadha tinsab fl-istess post, fiL-ort tal-Ġetsemani Triq Merkanti biswit il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Il-gabbana kienet ta’ ċertu Carmelo Fenech li kien ibiegħ ir-ruġġata minnha. Imma fiż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, peress li kienet ottagonali, ġo kull arkata ġietu f’rasu li jarma statwa ħalli jesebihom lill-pubbliku. Kien jibda jarma fl-Erbgħa tat-tniebri u mbagħad iħallihom hemm il-Ħamis u l-Ġimgħa filwaqt li s-Sibt iżarma kollox biex għall-Ħadd jerġa’ jiftaħ bir-ruġġata. Tant kien akkanit u dilettant ta’ dawn l-affarijiet li f’dawk it-tliet ijiem kulħadd kien jaf li Carmelo kien jorqod fil-gabbana stess li ma jmorrux jisirqulu l-istatwi!”

    Għiduli intom kif tista’ ma tapprezzax lil dawn l-individwi meta joħorġulek b’rakkonti hekk imprezzabbli li wħud minnhom huma letteralment marbuta ma’ siti jew binjiet storiċi? Huwa impossibbli li ninkludi dak kollu li wrieni jew qalli Pio għax m’għadnix spazju biżżejjed. Uħud mill-kollezzjonijiet tiegħu jafu skulturi rinomatissimi bħal Alfred Camilleri Cauchi filwaqt li oħrajn iħaddnu ġrajjiet kurjużi. Infatti mhux darba u tnejn li Pio u sħabu offrew l-informazzjoni tagħhom għar-riċerka ta’ diversi studenti.

    Hekk kif kont qed nagħlaq l-intervista ntfajt niġbed xi ritratti. Tiskanta kemm minn wara lenti ta’ kamera kultant ċertu affarijiet jieħdu perspettiva differenti. Fosthom L-istatwi li ħadem Tonio Cuschierilaqtitni statwa ta’ mara mbikkma li kienet tagħmel parti mill-purċissjoni tad-difna ta’ Kristu. Iżda għal mument, meta lmaħt ir-ritratt u rajt il-bixra tal-istatwi l-oħra, bħal stħajjilthom imbikkma għax sabu ruħhom magħluqa fuq xkaffa wara l-ħġieġ…

    “Dak sett ta’ 22 statwa maħduma minn Tonio Cuschieri minn Tas-Sliema, illum mejjet,” qalli Pio hekk kif sabni qed niflihom. “Ilhom għandi madwar 36 sena. Maħduma mill-kartapesta u flimkien jiffurmaw vari sbieħ tal-Ġimgħa l-Kbira. Xi snin ilu kont narmahom fil-Knisja ta’ San Duminku ġewwa mudell kbir ta’ knisja li kont ħdimt jien stess – kien mudell twil 25 pied, wiesa’ 22 pied u għoli tliet sulari u kellu s-saqaf impitter. Kont tidħol u toħroġ minn dal-mudell daqs kemm kien kbir. Imma llum dawn l-istatwi, flimkien ma’ għadd ieħor ta’ kollezzjonijiet tiegħi, jinsabu magħluqa fil-kaxxi għatxana biex jiġu esposti. Kif qed tara, jiena nieħu ħsiebhom ħafna imma n-natura ta’ dawn l-affarijiet hija li jiġu esebiti u mhux li jingħalqu hawn ġew.

    Illum jien pensjonant u m’għandi xejn iktar ħlief lill-familja tiegħi u lil dawn il-kollezzjonijiet li jiffurmaw parti sostanzjali minn ħajti. Kieku minn żmien għal Statwa - Pio Borgżmien jiġu bosta nies jifirħuli u jieħdu r-ritratti tagħhom. Kulħadd jgħidlek li hu passatemp ta’ min jinkoraġġih. Uħud jeħdulek b’idejk u jtaptpulek fuq dahrek u jirringrazzjawk talli qed tippromwovi affarijiet bħal dawn imma mbagħad tgħaddi l-elezzjoni u bħal dejjem, l-affarijiet tiegħi jibqgħu fil-kaxxi. Imqar xi ħadd mill-awtoritajiet jagħtini biċċa maħżen hawn fil-Belt ħalli nkun nista’ narmah b’dawn il-kollezzjonijiet għat-turisti tagħna. Kelli tama kbira li forsi l-Knisja tal-Maddalena li kienet qed taħżen l-affarijiet tal-Karnival setgħet tkun ideali għalhekk. Imma!”

    Ċertament kollezzjonijiet bħal dawn jiffurmaw parti mill-wirt etnografiku tagħna u nemmen bis-sħiħ li b’wirja mtellgħa professjonalment, inkunu qed inżidu mal-valur kulturali ta’ pajjiżna kemm għalina l-Maltin u anki għat-turisti li jiġu jżuruna.

    Il-Ġimgħa 11 ta’ Marzu 2011 kelli l-opportunità li nattendi għall-ftuħ uffiċjali tal-wirja tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes li tinsab f’Sala San Franġisk, Triq Melita, l-Belt u nista’ niggarantixxi li hemm bosta xogħolijiet interessanti ta’ diversi individwi għall-wiri. Il-wirja ser tibqa’ miftuħa sas-26 ta’ Marzu 2011, mit-Tnejn sal-Ħadd mid-9:30am san-12:30pm u mill-4:30pm sas-7:30pm.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-13 ta’ Marzu 2011)

    2011.03.13 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi