Posts Tagged ‘Bernadine Scicluna’
-
Fuq il-passi ta’ Pawlu
“Kif ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard….” Għoddni qed nilmaħ lill-appostlu San Luqa jikteb dawn il-vrus taħt id-dawl kiebi ta’fjamma ta’ xemgħa tperper maż-żiffa dieħla fil-kamra. L-istess ġabra ta’ kliem li llum, wara dawn is-snin kollha, għadna nisimgħu jinqara kull sena waqt il-quddiesa taċ-ċelebrazzjoni tal-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna. Jingħad li fis-sena 60 W.K., San Pawl waqqaf l-ewwel knisja f’Malta, proprju fil-grotta tar-Rabat, fejn kien qiegħed jiġi miżmum bħala ħabsi. U minn hemm beda l-kult qawwi Pawlin li matul is-snin ġibed lil bosta barranin lejn pajjiżna, hekk kif dawn xtaqu jmiddu passejhom fuq l-istess art li mexa fuqha dan il-qaddis. Hekk kif Frar huwa sinonimu ma’ din il-ġrajja tant kbira, għal dil-ġimgħa għażilt li nżur il-kumpless tal-Mużew Wignacourt li jinsab ir-Rabat, liema binja twassal ukoll għall-grotta ta’ San Pawl. Madanakollu, hekk kif flimkien mal-Kuratur Dun Ġwann Azzopardi u mal-Assistenta Kuratriċi, Michelle Galea, dort il-livelli varji li fih dan il-post, bqajt sorpriża kemm fir-realtà dan is-sit huwa ġawhra ta’ wirt kulturali li ma jkoprix biss din il-ġrajja imma anki diversi perjodi oħra tal-istorja għanja ta’ pajjiżna.
Tassew, kienet il-grotta li llum hija magħrufa bħala Ta’ San Pawl, li nisslet ir-reverenza lejn din il-biċċa art. Iżda minn hemm, ftit ftit, tqanqal moviment sħiħ, hekk kif l-awtoritajiet responsabbli minn dil-grotta, għarfu l-valur ta’ dan il-post u bdew jużaw din is-sitwazzjoni għal diversi għanijiet, sakemm illum insibu numru ta’ binjiet li twaqqfu fuq dan is-sit reliġjuż. Intant, kull min iżur il-Mużew Wignacourt u jiġi akkumpanjat mill-Kuraturi, inkella jagħżel li jdur mal-post permezz ta’ audio-guide, għandu l-opportunità li jesperjenza dawn it-tibdiliet li fosthom jinkludu l-grotta ta’ San Pawl, labirint sħiħ ta’ ipoġew taż-Żminijiet Feniċi, Rumani u Kristjani, grupp ta’ xelters imħaffra f’qiegħan l-art matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u mużew mogħni b’kollezzjonijiet differenti u interessanti.
Inżilt flimkien ma’ Michelle lejn il-grotta ta’ San Pawl u hemm qattgħajna ftit ħin fis-silenzju, nosservaw is-sempliċità tagħha, kif jixraq. M’hemm l-ebda dokument li jikkonferma li kienet proprju din il-grotta li kien fiha San Pawl meta kien f’pajjiżna. Imma min-naħa l-oħra, illum għandna biżżejjed tagħrif biex nagħrfu fejn kienet il-belt Melite u sa fejn kienu jaslu l-konfini tagħha. B’hekk nistgħu nikkalkulaw fejn kienu l-ħabsijiet ta’ dak il-perjodu, li ġeneralment kienu jinsabu eżatt barra l-belt. U minn xi sinjali fis-soqfa tal-grotta nnifisha, hemm indikazzjoni qawwija li din setgħet kienet tintuża bħala ħabs. Huwa fatt kurjuż illi l-kult ta’ San Pawl ma ħax mill-ewwel fost il-Maltin, kemm minħabba li dawn kellhom l-allat tagħhom u probabbilment anki minħabba t-theddida tal-preżenza tar-Rumani li kienu qed jippersegwitaw lill-Kristjani.
Infatti jidher illi kien il-patri eremita Spanjol, Juan Benegas de Cordoba, li kabbar din id-devozzjoni meta fis-17 il-seklu, huwa żar din il-grotta u din tant laqtitu li ddeċieda li jiddedika ħajtu biex jippromwovi din id-devozzjoni lejn San Pawl fil-gżejjer tagħna. Il-ħsieb tiegħu rnexxa, hekk kif dan beda jattratta lejn pajjiżna ammont kbir ta’ pellegrini sabiex iżuru dan il-post. Dan il-fatt ġibed ukoll l-attenzjoni tal-Gran Mastru Fra Alof de Wignacourt li ma damx wisq ma għaraf il-potenzjal ta’ sit bħal dan u xtaqu li jsir tal-Ordni peress li din ma kellha l-ebda proprjetà li kienet abbinata ma’ dan il-qaddis, filwaqt li d-Djoċesi ta’ Malta kellha aktar minn post wieħed. Wara diversi diskussjonijiet, fosthom mal-Papa Pawlu V, ġie deċiż li l-grotta ta’ San Pawl kellha tgħaddi f’idejn il-kustodja ta’ l-Ordni u tinfired minn mal-parroċċa ddedikata lill-istess qaddis li kienet inbniet fis-16 il-seklu, sabiex din tibqa’ tal-Isqof u tal-poplu. Min-naħa tiegħu l-Gran Mastru kien obbligat li jipproteġi l-grotta u li jagħmilha disponibbli għall-pellegrini. B’hekk huwa ordna l-kostruzzjoni ta’ palazz maħsub għall-Kappillani ta’ l-Ordni li kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ din il-grotta lejl u nhar. M’hemmx għalfejn ngħidu, dan kien ukoll mezz li bih setgħu jintlaqgħu wkoll l-aqwa nobbiltà ta’ dak iż-żmien f’pajjiżna fejn apparti li dawn kienu jkunu miġbuda mill-ispiritwalità tal-post, dawn kienu jiġu attratti wkoll mill-prestiġju tal-Ordni u probabbilment kienu jħallu xi kemxa ġmielha warajhom. Fil-fatt fuq il-grotta, l-Ordni bniet ukoll knisja ċkejkna ddedikata lil San Publiju fejn illum il-viżitaturi jistgħu jaraw dak li ħallewlna l-kavallieri f’dan il-post, fosthom kwadru titulari li juri xbieha tal-Madonna bil-Bambin li qed iżomm f’idejh is-salib ta’ l-Ordni, liema xogħol huwa tal-artist Mattia Preti.
Il-mawra fil-Mużew ta’ Wignacourt issa niżlitna ‘l isfel, lejn il-katakombi msawwra fil-blat tal-madwar. Ikolli ngħid li kont impressjonata ferm bl-istat tajjeb ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Ta’ min isemmi illi dan il-mużew għamel madwar sena u nofs magħluq sabiex isirlu r-restawr u l-konservazzjoni li kellu bżonn, wara li kien ilu miftuħ mill-1981, u kien f’Diċembru tal-2013 li reġa’ nfetaħ għall-pubbliku. Il-katakombi jkopru perjodi differenti fl-istorja u jitfgħu dawl sinifikanti fuq ir-ritwali ta’ dak iż-żmien. Kif bosta minnha jafu, dawn l-inħawi tar-Rabat huma miżgħuda b’dawn il-katakombi li llum jinsabu mifruxa taħt id-djar tal-madwar u minn żmien għall-ieħor nisimgħu b’xi skoperta ta’ xi parti oħra tagħhom. Infatti, ġara l-istess hawn ukoll fejn f’dawn l-aħħar snin, waqt xi xogħolijiet li kienu qed isiru, inkixfet parti oħra żgħira ta’ katakombi li fiha nstabet agape table li madwarha n-nies kienu jiċċelebraw il-vjaġġ tal-mejjet lejn dinja aħjar permezz ta’ ikla bejniethom. Sfortunatament, il-katakombi kollha li jinsabu ġo dan il-post ġew imbattla milli kien fihom u minflok intlew bit-terrapien waqt it-Tieni Gwerra Dinjija sabiex tissaħħaħ l-art ħalli taħtha jitħaffru aktar xelters. Min jaf x’qatt instab u x’qatt ittieħed minn dawn il-katakombi matul is-snin! Imma f’qabar minnhom, ġewwa din il-parti ċkejkna tal-katakombi li nstabet dan l-aħħar, wieħed għadu jista’ jara xi għadam uman li b’xi mod irnexxielu jiskappa d-destin li għaddew minnu l-oqbra l-oħra.
Taraġ ieħor aktar ‘l isfel li donnu jieħdok fil-qalba tal-art, iwassal għax-xelters li kellhom jitħaffru malajr sabiex joffru protezzjoni lin-nies tal-inħawi waqt l-attakki kiefra tal-gwerra. Mill-ġdid, dawn ix-xelters miżmuma f’kundizzjoni mill-iprem, jitfgħu dawl differenti lil realtà oħra li għex il-poplu tagħna f’passat aktar riċenti. F’dawn ix-xelters, wieħed isib ħamsin kamra b’kollox u meta wieħed jgħodd kemm kienu jesgħu nies anki l-kurituri ta’ bejniethom, ġie kkalkulat li setgħu jilqgħu fihom madwar 350 persuna. Fatt interessanti huwa li wħud minn dawn il-kmamar ġew imżejjna, kemm billi nżebgħu l-ħitan tagħhom, u anki permezz ta’ madum sabiħ kollu diżinji kkuluriti. Jagħtik li taħseb li anki f’dan iż-żmien imwiegħer u f’din is-sitwazzjoni ta’ tbatija u ta’ biża’, kien hemm min ittanta jsebbaħ anki din it-toqba fil-blat, forsi biex jinsa l-kruha. Madanakollu, fir-rigward ta’ kamra minnhom partikolarment aktar imdaqqsa u rranġata, kien hemm xi anzjani Rabtin li taw indikazzjoni li din kienet qed tiġi użata biex in-nisa tqal setgħu jwelldu t-trabi tagħhom fiha jekk jinqabdu waqt xi attakk mill-ajru. Ikun tassew interessanti li kieku nsibu lil xi ħadd li għadu jiftakar dan iż-żmien u jittieħed rikordju bil-miktub u idealment viżwali tal-memorji tiegħu.
Finalment kien imiss li nerġgħu nitilgħu ‘l fuq u hekk kif ħriġna fil-modernità tal-mużew, għal ftit mumenti ħassejt l-impressjoni li kont għadni kif tlajt minn dinja oħra. Anki dan il-mużew huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fin-naħa t’isfel wieħed jista’ japprezza l-arkitettura sabiħa tal-post u jifli xi kollezzjonijiet, fosthom 49 mudell ta’ kappella maħdumin minn George Pellegrini Petit; oġġetti antiki li kienu jintużaw fil-funerali, bħal katallett tal-epoka barokka; tagħmir tal-knisja inkluż ċuqlajta kbira li kienet tintuża fil-ġimgħa l-kbira, u għadd ta’ buzzetti artistiċi tal-iskultur magħruf Anton Agius li ġew mgħoddija minn martu bħala donazzjoni lil dan il-mużew. Oġġett mhux tas-soltu miżmum hawnhekk hija l-karozza Austin Six Limousine tal-1937, li dari kienet tintuża mill-Arċisqof Dom Maurus Caruana u mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi.
Fis-sular ta’ fuq, il-viżitaturi jistgħu josservaw il-lussu tal-palazz li dari kien tal-Kappillani tal-Ordni u li llum huwa mibdul fi swali ta’ esebizzjonijiet varji. Parti kbira mill-esebizzjonijiet tinkludi bosta xogħolijiet tal-arti ta’ wħud mill-aqwa artisti bħal Vincenzo Hyzler, Francesco Zahra, Giuseppe Calì, Antoine Favray u Mattia Preti. L-iktar pittura antika fil-kollezzjoni ta’ dan il-mużew huwa kwadru poliptiku tal-1588 li llum hu ffurmat minn ħames partijiet fejn fihom wieħed isegwi l-ħajja ta’ San Pawl. Xogħol ieħor interessanti juri xbieha tad-Duluri li ġiet impinġija fuq injama ta’ daqs żgħir minn Mattia Preti. Minħabba li din ix-xbieha nħadmet b’lewn wieħed kjar oskur u peress li m’għandix is-soliti movimenti bħall-pitturi oħra, hemm min jaħseb li l-artist seta’ ħadem din il-pittura għalih biex iġorrha miegħu bħala speċi ta’ santa. Esebizzjonijiet oħra jinkludu relikwi, fosthom anki kopja tal-liżar ta’ Turin li ġiet awtentikata fl-1663, kwadri tal-ex-voto, paramenti ta’ Papa Pawlu V, mapep antiki u numru ta’ artifatti arkeoloġiċi li jingħad li nstabu fl-inħawi tal-Baħrija u tar-Rabat. Esebit ieħor interessanti huwa artal portabbli li kien jintuża fuq ix-xwieni; oġġett rari li probabbilment bħalu wieħed isib biss f’xi kollezzjoni privata. Wieħed jista’ jżur ukoll il-kamra tal-Kapitli mgħonija b’għadd ta’ kwadri ta’ Gran Mastri differenti, fosthom dak ta’ Wignacourt. Imbagħad hemm ukoll il-kappella li kienu jużaw il-kavallieri u sepulkru li kien jintrama f’Ħamis ix-Xirka. Kamra oħra li laqtitni kienet dik tat-teżorier li fuq is-sodda tiegħu, fl-għoli fuq ir-raff, imma dejjem taħt għajnejh, kien iżomm il-kaxxa tal-flus ħalli jipprova jevita milli xi ħadd jisraqhielu.
Huwa importanti li wieħed ikun jaf li parti kbira minn dawn il-kollezzjonijiet li wieħed jista’ jara f’din is-sezzjoni tal-mużew, għaddiet hawnhekk bħala donazzjoni fl-1960, permezz ta’ wirt li ħalla n-Nutar Francesco Catania, li kien magħruf ħafna r-Rabat. Il-kollezzjonijiet li ġew minn għandu kienu jinkludu kwadri, għamara, diżinji, kotba, mapep, u artifatti arkeoloġiċi imprezzabbli. Dun Ġwann Azzopardi spjegali kif hu kellu x-xorti li jiltaqa’ man-Nutar Catania li spiss kien jinkoraġġih biex jinteressa ruħu fl-istorja sħiħa ta’ dan il-kumpless Pawlin. Mur għid lin-nutar li fl-1981, kellu jkun proprju Dun Ġwann li kellu jkun l-ewwel Kuratur ta’ dan il-mużew. Aktar minn hekk, min jaf qattx basar li l-istess qassis kien ser ikun l-editur tal-ktieb ‘Notary Francesco Catania (1872-1960) and his collections at the Wignacourt Museum’ li ser joħroġ għall-bejgħ mill-ġimgħa d-dieħla. Dan il-ktieb li fih 440 illustrazzjoni, jinkludi wkoll għadd ta’ materjal informattiv dwar il-Mużew Wignacourt u dwar in-Nutar Catania u l-kollezzjonijiet tiegħu. Fosthom wieħed isib numru ta’ studji u ta’ katalogi li jagħtu tagħrif siewi dwar dawn il-kollezzjonijiet: bħal ngħidu aħna katalogu tal-kwadri li ġie ppreparat minn Antonio Espinosa Rodriguez li kien Kuratur tal-Mużew Marittimu ta’ Malta u aktar tard tal-Mużew tal-Arti; katalogu tal-artifatti arkeoloġiċi tal-Perjodi Feniċi, Puniċi u Rumani li ġie mfassal mis-Superintendent tal-Wirt Kulturali, Anthony Pace; studju tad-diżinji li sar mill-Kuratriċi tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Bernadine Scicluna, u studju ta’ mappa ta’ Malta tal-1833 li twettaq mill-avukat u espert fil-qasam tal-mapep, Dr Albert Ganado.
Bla dubju, il-Mużew Wignacourt joffri esperjenza distinta lil kull min iżuru, hekk kif dan il-post u l-kollezzjonijiet tiegħu, kapaċi jolqtu għadd ta’ interessi differenti. Peress li wieħed jeħtieġ iqatta’ siegħa jew tnejn jekk irid jara sewwa dan il-post, kafetterija li tinsab f’dan il-mużew, tkompli ssaħħaħ il-professjonalità ta’ dan is-sit li għandu jkun xempju għas-siti kulturali kollha tagħna.
Il-Mużew Wignacourt jinsab fi Triq il-Kulleġġ, ir-Rabat. Għal aktar informazzjoni, tistgħu ċċemplu fuq 27494905.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (17 il-parti) tat-Torċa tat-23 ta’ Frar 2014)
-
WAQT ĦARBA S’GĦAWDEX
Ix-xogħol qatt ma bżajt minnu imma daqstant ieħor dejjem fittixt il-bilanċ fejn imqar għal ftit mumenti nkun nista’ nieqaf u nistrieħ u ngawdi l-frott ta’ dak li nkun qed naħdem għalih. Għaldaqstant hekk kif għal dawn l-aħħar ġimgħat tħabatt u stinkajt biex ippreparajt ruħi għall-eżamijiet, bl-istess ħeġġa dil-ġimgħa tlaqt daqsxejn ir-riedni u ħrabt lejn il-gżira qariba tagħna Għawdxija. Bakkart biex nilħaq il-vapur kmieni u hekk kif waqt il-vjaġġ qasir iżżerżaqna fuq wiċċ l-ilma kaħlani u sabiħ minn quddiem il-gżejjer ta’ Kemmuna, bħal iddubitajt jekk wara kollox nixtieqx li qatt jinbena dak il-famuż pont li għandu jgħaqqad liż-żewġ gżejjer prinċipali. Tgħid kieku dan is-sens ħelu ta’ avventura jogħsfor? Il-bieba kbira tal-vapur tniżżlet u soqt ħafif il-barra bħal għasfur ħiereġ mill-gaġġa. Fost l-attivitajiet l-oħra li kont ippreparajt, kelli ppjanati wkoll xi intervisti interessanti. Għeżież qarrejja, peress li dan l-aħħar ħassejt in-nuqqas tagħkom, iddeċidejt li waqt din il-vaganza neħodkhom miegħi…
L-ewwel intervista kienet ma’ John Cremona fil-Ministeru t’Għawdex fejn bħalissa b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, għaddejja wirja ta’ xogħolijiet artistiċi tal-iskultur Vincent Apap. Uħud minn dawn ix-xogħolijiet kienu jinsabu fil-kollezzjoni riservata tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, filwaqt li xi oħrajn reċentement ġew mogħtija b’donazzjoni lil Heritage Malta mill-familjari tal-artist stess u allura din hija okkażżjoni unika biex wieħed jarahom kollha flimkien.
“Kull sena fin-Notte Gozitana, ġewwa s-swali tal-Ministeru t’Għawdex, tittella’ wirja ta’ xogħolijiet ta’ kalibru sabiex il-poplu jkun jista’ jgawdi u japprezza t-talenti artistiċi ta’ numru ta’ individwi li għamlu isem f’pajjiżna. Din id-darba l-għażla tagħna waqgħet fuq l-iskultur rinomat Malti Vincent Apap. Nixtieq insemmi li din hija l-ewwel wirja tax-xogħolijiet ta’ dan l-artist li qed issir wara li huwa ġie nieqes fl-2003. Fuq uħud minn dawn ix-xogħolijiet artistiċi kien hemm il-bżonn li jsir xi xogħol ta’ konservazzjoni mid-Diviżjoni tal-Konservazzjoni ta’ Heritage Malta, kemm biex dawn jinżammu fi stat tajjeb u kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jiġu esposti għall-pubbliku f’din il-wirja.
Din il-wirja ġiet maqsuma f’ħames taqsimiet: xbiehat, busti ta’ monumenti pubbliċi, xogħolijiet konnessi mal-familja rjali, xogħolijiet sagri u skulturi assoċċjati mat-tfal.”
Bdejna nduru ma’ dawn ix-xogħolijiet li kollha għandhom l-istorja partikolari tagħhom. Fosthom laqgħatni ħafna bust li kien juri x-xbieha ta’ żewġt itfal; proprjament iż-żewġt aħwa tal-artist, li huwa wettaq meta kellu biss 14 il-sena!
“Fis-sezzjoni tat-tfal naturalment tara l-ispontanjetà u l-immedjatezza tal-karattri. Huwa xogħol frisk u forsi ftit anqas tradizzjonali mill-oħrajn. Ta’ min isemmi illi Apap kien magħruf ħafna għall-ħeffa li kien jaħdem biha, fejn fi ftit minuti kien kapaċi jifforma xbieha tajba ħafna ta’ dak li jkun poġġut quddiemu. Infatti waqt intervista li darba ta l-artist stess kien semma li ċerti individwi impenjatissimi ħafna, bħal ngħidu aħna Winston Churchill, kien allokalu għaxar minuti biss biex jippużalu. Il-kapaċità li jaħdem malajr xbieha fil-materjal li jkollu taħt idejh għenitu biex joħloq xogħolijiet li artisti oħra forsi jsibu aktar imprekattivi – bħal ngħidu aħna meta l-mudelli jkunu tfal u ma tantx ser joqogħdulek fl-istess poża għal ħin twil. Kien favorih ukoll il-fatt li kien jippreferi jaħdem ‘live’, bil-persuna preżenti quddiemu. B’hekk ix-xebħ kien joħroġ ħafna aktar.”
Infatti inklużi fil-wirja kien hemm ukoll busti ta’ diversi personaġġi barranin magħrufa bħall-Prinċep Charles, id-Duka ta’ Kent u l-Prinċep Filippu, Duka ta’ Edinburgh.
“Flimkien ma’ ħuħ Willie Apap li kien pittur, Vincent Apap kellu l-opportunità li jitla’ jaħdem f’Buckingham Palace fejn hemmhekk dawn iż-żewġ artisti Maltin wettqu xogħolijiet mill-ifjen li llum jinsabu f’bosta kollezzjonijiet privati. Permezz ta’ din il-wirja għandna l-possibilità li napprezzaw l-id tal-iskultur li tidher ċara ħafna fuq dawn il-buzzetti tal-ġibs.”
Imxejna aktar il-ġewwa fejn did-darba kien hemm xi buzzetti ta’ xogħolijiet sagri.
“Vincent Apap ħadem bosta xogħolijiet għall-knejjes tal-gżejjer tagħna. Ma setax jonqos li peress li huwa kien minn Tas-Sliema, wieħed isib preżenza sabiħa u numeruża tax-xogħolijiet tiegħu fil-Knisja tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema. F’din is-sezzjoni fosthom għandna dan is-sett ta’ buzzetti konnessi ma’ personaġġi tal-Bibbja li minnhom finalment inħadmu statwi kbar li jinsabu fil-knisja li semmejna.”
Inzerta illi l-biċċa xogħol l-aktar għal qalb John kienet proprju f’din is-sezzjoni…
“Hija din l-istatwetta tal-ġibs mogħtija kulur sewdieni biex tixbaħ lill-materjal tal-bronż. Turi rappreżentazzjoni tat-tentazzjonijiet ta’ Sant’Antnin. Jogħġobni ħafna l-istil li nħadmet bih: taħlita ta’ stil tradizzjonali klassiku flimkien ma’ dak modern. In-nisġa ta’ figuri li bħal donnhom qed jissieltu biex joħorġu mill-forma tax-xbieha tal-qaddis huma qawwija ħafna u jwasslu l-messaġġ b’mod b’saħħtu u ċar.”
L-isfond tas-sala jagħlaq bil-kapolavuri monumentali ta’ dan l-iskultur li ċertament huma l-aktar magħrufa mal-pubbliku. Sett ta’ busti kbar, did-darba ta’ diversi personaġġi Maltin kienu xempju tax-xogħol dettaljat li kien magħruf għalihom dan l-artist. Fl-istess ħin, il-qies imdaqqas tal-busti jagħti indikazzjoni ċara tal-kobor tax-xogħol finali meta komplut bil-bqija tax-xbieha tal-personaġġ. Ħasra li ma kienx hemm xi bust tal-ġganti li minnhom Vincent Apap sawwar il-funtana tat-Tritoni, liema xogħol probabbilment ser ikun dak l-aktar miftakar għalih.
Sabiex wieħed ikollu aktar dettalji dwar il-ħajja ta’ dan l-iskultur u kif ukoll informazzjoni dwar ix-xogħolijiet preżenti f’din il-wirja, wieħed jista’ jakkwista l-pubblikazzjoni bit-titlu Vincent Apap (1909-2003) fejn wieħed isib kitbiet ta’ Sandro Debono, Bernadine Scicluna, Kenneth Cassar, Gabriel Pellegrini u t-tim li wettaq xogħol ta’ konservazzjoni fuq din il-kollezzjoni.
Il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Lulju 2011 (esklużi il-festi pubbliċi). Dħul bla ħlas. Ħinijiet: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8:30am sas-12.45pm. Is-Sibt u l-Ħadd mid-9:00am sa 12:00pm. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel fuq 22100225.
John Cremona li huwa responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ dawn il-wirjiet fis-swali tal-Ministeru t’Għawdex, ma naqasx milli jdawwarni wkoll mal-bqija tal-bini li ċertament għandu storja interessanti ferm. Infatti dan il-bini kien jifforma parti minn sptar antik li nbena fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann għall-ħabta tat-18 il-seklu. Numru ta’ kwadri artistiċi li bosta minnhom kienu jżejjnu s-swali ta’ dawk iż-żminijiet, illum ġew restawrati u tpoġġew lura mill-ġdid mal-ħitan ta’ dan il-post ħalli jkunu jistgħu jitgawdew aktar mill-pubbliku. Marbuta ma’ dan il-post hemm ukoll ġrajja mqanqla dwar il-Kanonku tal-Kattidral t’Għawdex, Giovanni Maria Camilleri, li kien ħalla ġidu kollu biex inbena dan l-isptar, liema deċiżjoni probabbilment swietlu ħajtu meta huwa flimkien mas-seftura tiegħu sfaw maqtula f’daru fiċ-Ċittadella.
U kumbinazzjoni, t-tieni lwog kien proprju fiċ-Ċittadella fejn did-darba John Cremona ħadni nżur wirja arkeoloġika li tinsab fiċ-Ċentru għall-Kultura u Arti (l-informazzjoni dwarha ser tidher il-Ħadd li ġej). Dan il-post li llum jilqa’ fih diversi wirjiet u attivitajiet kulturali, fi żmien il-ħakma Ingliża kien intuża bħala ħabs. Is-swali medjevali, illum imdawwla u rinovati, jilqgħuk ħafna. Imma ngħid għalija l-aktar impressjonanti kien it-tinqix antik fuq il-ħitan tagħhom, fosthom ta’ forom ta’ jdejn u xwieni, li l-priġunieri ta’ dak iż-żmien ħallew mal-ħitan bħala evidenza tal-preżenza tagħhom hemmhekk.
“Hija proprju din l-atmosfera medjevali ta’ dawn il-galleriji li jiġbduni kull sena lejn Malta,” stqarret Colette Marchant, artista Franċiża li bħalissa qed tesponi x-xogħolijiet ta’ pittura tagħha f’dan il-post.
Infatti din hija t-tielet wirja li din l-artista qiegħda ttella’ f’dan iċ-Ċentru. Magħrufa sewwa bħala pittriċi astratta, il-karatteristika ta’ Colette hija li tpinġi mingħajr l-użu tal-pniezel u tiddiżinja biss b’idejha. Tispira ruħha ħafna mid-dawl u min-natura. Ix-xogħolijiet tagħha għandhom l-iskop li jwasslu messaġġ ta’ trankwillità u ta’ skoperta, b’mod sempliċi imma profond u kkulurit li jserraħ l-għajnejn, il-qalb u r-ruħ. Tgħix fi Franza imma waqt dawn il-wirjiet tagħżel dejjem li tmur toqgħod ix-Xlendi, post li hu għal qalbha ħafna, fejn speċjalment tapprezza l-kuluri ta’ nżul ix-xemx li jżejjnu l-inħawi tal-madwar.
Din il-wirja ser iddum sas-26 ta’ Ġunju 2011. Ħinijiet mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-10.00am u l-4:00pm. Is-Sibt u l-Ħadd bejn il-11:00am u t-3:00pm. Aktar dettalji fuq 99855103.
Deċiża li ngawdi dak kollu li seta’ joffrili l-post, did-darba paxxejt il-lat antropoloġiku tiegħi fejn fis-swali ta’ fuq taċ-Ċentru għall-Kultura u Arti skoprejt wirja oħra dwar il-Festi ta’ Dari f’Għawdex.
Din il-wirja etnografika tinkludi fiha bosta oġġetti relatati mas-suġġett tal-festi fi żminijiet antiki. Fosthom wieħed isib dekorazzjonijiet antiki ta’ dari bħal skudetti tal-injam li jmorru lura għad-19-il seklu li wħud minnhom huma fil-forma ta’ Kavallieri ta’ San Ġwann u li magħhom kienu jiddendlu l-bnadar. Personalment għoġbuni ħafna r-ritratti li kienu juru xeni differenti mill-ħajja ta’ snin imbiegħda. In-nies jippużaw ferħanin u kburin għar-ritratt kienu lebsin il-ħwejjeġ ta’ dak iż-żmien, uħud fi sfond ta’ nħawi li llum inbiddlu ħafna. Min jaf x’sar minnhom dawn l-individwi? Min jaf għadx hemm min kapaċi jagħrafhom illum bħala xi ħadd mill-antenati tiegħu? Ritratt minnhom kien juri l-Banda tad-Dudi, li kienet l-ewwel orkestrina li ffurmat f’Santa Luċija, Għawdex u li kienet tikkonsisti minn grupp żgħir ta’ mużiċisti li kienu jduru fit-toroq Għawdxin sabiex iferrħu l-udjenzi li jinġabru madwarhom. Fost ritratti oħra li juru purċissjonijiet bl-istatwa tal-qaddis patrun, dak iż-żmien statwi ġodda fjamanti, kien hemm ukoll xi ritratti li juru tradizzjonijiet magħrufa bħall-Benedizzjoni Ewkaristika minn fuq il-baħar f’Marsalforn jew il-ġostra waqt il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fix-Xlendi, b’qatta’ żagħżagħ jistennew ħerqana biex jipparteċipaw.
Ktejjeb żgħir miġbur mill-antropologu Dr Ray Debono Roberts ikompli jagħti aktar dettalji dwar dawn l-egħruq tal-festi Maltin. Sadanittant waqt din il-wirja wieħed isib ukoll formoli fejn qed tintalab informazzjoni u ritratti dwar il-festi t’Għawdex li kienu jsiru qabel l-1955 sabiex dawn jiġu nklużi f’pubblikazzjoni li qed tiġi ppreparata dwar dan il-qasam. Din il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Ġunju 2011.
Stagħġibt kemm kien hemm x’tara u dan meta kont qed indur biss fl-akkwati tar-Rabat Għawdex! Iżda issa kien imiss li nistrieħ ftit u għaldaqstant erħejtilha lejn il-villaġġ tax-Xlendi, fejn qrib it-taħbita nebbiexa tal-baħar ċar kristall, poġġejt f’restorant li dewwaqni naqra benna tal-kċina Għawdxija. Fl-istess ħin kont qed nistenna x-xemx tbatti ftit għax f’moħħi kelli avventura ċkejkna. Imma għalissa ser nieqaf hawn sabiex ingawdi daqsxejn dawn il-memorji sereni. Ngħidilkhom aktar il-ġimgħa d-dieħla…
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 ta’ Ġunju 2011)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 |
8 | 9 | 10 | 11 | 12 | 13 | 14 |
15 | 16 | 17 | 18 | 19 | 20 | 21 |
22 | 23 | 24 | 25 | 26 | 27 | 28 |
29 | 30 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23