Posts Tagged ‘Birgu’

  • Djarju ta’ poeta, suldat fl-Assedju l-Kbir

    450 sena ilu, Malta kienet għaddejjha minn wieħed mill-agħar perjodi fl-istorja tagħha, hekk kif din ġiet attakkata minn armata kbira Torka li kienet ħalfet li se teqred lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn wiċċ id-dinja. It-Torok ma kellhom l-ebda dubju li dil-gżira ċkejkna kienet ser tiġi f’idejhom f’qasir żmien u waqt bosta mumenti, anki l-kavallieri għaddielhom minn moħħhom l-istess ħsieb. Imma wara assedju kbir li ħalla warajh mijiet ta’ mejtin u midruba, fosthom lill-magħruf Dragut, Malta, il-Maltin u l-kavallieri, irnexxielhom joħorġu rebbieħa u t-Torok ġew f’sitwazzjoni fejn kellhom jirtiraw b’mod immedjat.

    Affreski li juru xeni mill-assedju tal-1565

    Fatt interessanti huwa illi l-aktar episodji sinifikanti li seħħu waqt dan l-assedju ġew impinġija mill-artist Taljan, Matteo Perez d’Aleccio. Huwa ġie kkummissjonat jagħmel dax-xogħol minn Fra Jean l’Evesque de La Cassiere, li kien il-Gran Mastru ta’ Malta bejn is-snin 1572 u l-1581. Is-sett ta’ affreski tal-Assedju l-Kbir tal-1565 kellu l-għan li jikkommemora dawn il-ġrajjiet tremendi imma erojċi li kienu ġraw xi ftit tas-snin qabel. M’hemmx xi ngħidu, rebħa monumentali bħal dik li kisbu l-kavallieri f’pajjiżna, kienet ġibdet ir-rispett u l-ammirazzjoni ta’ bosta pajjiżi, tant li l-Ordni mhux talli reġgħet ġiet fuq saqajha imma saret akbar milli qatt kienet qabel. Illum dawn l-affreski jinsabu ġewwa waħda mis-swali tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta u huma xhieda ta’ dak li għadda minnu pajjiżna fis-sena 1565.

    It-taqtiegħa bejn l-Ordni u t-Torok

    LimissoGħal mijiet ta’ snin, il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Ottomani kienu mqabbdin f’xulxin kemm fuq kwistjoni ta’ reliġjon u anki minħabba l-għatx li kellhom għall-poter sabiex jakkwistaw l-artijiet.

    Għalkemm oriġinarjament, l-Ordni kellha l-funzjoni li tilqa’ u tieħu ħsieb il-pellegrini li kienu jaslu f’Ġerusalemm, maż-żmien din evolviet natura militari sabiex tiddefendi b’mod attiv il-pellegrini u r-reliġjon Kristjana. Naturalment, dan l-aġir tal-kavallieri, ma damx ma daħħalhom f’taqtiegħat mal-Musulmani, u aktar ma għaddew is-snin, dan il-ġlied beda jiżdied fil-feroċità tiegħu.

    Hekk kif l-Ordni bdiet tikseb is-simpatija tan-nobbli, tar-rejiet u tal-Papiet, din bdiet tiġbed lejha wkoll bosta donazzjonijiet ta’ flus, rikkezzi, artijiet u privileġġi. B’hekk beda jikber ukoll il-poter tal-membri tagħha u dan wassal biex attira diversi tfal tan-nobbli li bdew jieħdu l-voti sabiex isiru kavallieri.

    L-Ordni ta’ San Ġwann f’Rodi

    L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann damet f’Ġerusalemm sal-1187, sakemm finalment, din il-belt waqgħet taħt il-kmand tas-Sultan Saladin. B’hekk il-kavallieri kellhom jibdlu l-kwartieri tagħhom u jimxu lejn Margat fis-Sirja, imbagħad f’Acre fi Tripli u eventwalment f’Limassol f’Ċipru. Madanakollu, x-xewqa tal-kavallieri kienet li jirnexxielhom jakkwistaw il-gżira ta’ Rodi, u fl-1309, huma rebħuha mingħand il-Biżantini.

    Il-kavallieri ma damux ma għarfu u sarrfu l-kwalitajiet ta’ Rodi li kienet gżira b’pożizzjoni tassew strateġika hekk kif din kienet tgħaqqad id-dinja tal-Lvant ma’ dik tal-Punent. Huma bidlu lil din il-lokalità f’belt iffortifikata u maż-żmien, bnew flotta liema bħalha li bdiet tattakka b’mod regolari x-xwieni tal-Ottomani. Iżda dan ma kienx biżżejjed għall-kilba tal-poter u l-flus għax apparti x-xwieni, l-Ordni bdiet taħbat ukoll għal xi bliet u kastelli Ottomani, sakemm finalment, it-Torok ġew urtati mhux ħażin.

    Il-kavallieri kienu saru xewka tweġġa’ ħafna qalb l-imperu Ottoman u t-Torok ma tħallew bl-ebda għażla ħlief li jaraw kif se jsibulhom tarfhom. Huma attakkaw lil Rodi għal diversi drabi imma qatt ma rnexxielhom iġibuha żewġ. Sakemm finalment, fl-1522, Sultan Suleiman ħa r-riedni f’idejh u ma qgħadx bi kwietu qabel niżżel il-kavallieri għarkubbtejhom wara sitt xhur ta’ kumbattimenti. Fuq deċiżjoni tal-istess sultan, l-Ordni tħalliet titlaq minn Rodi b’mod ċivili u dakinhar anki numru ta’ nies minn Rodi ngħataw il-libertà li jsegwuhom. Ftit kien jaf Suleiman, kemm xi snin wara, huwa kien ser jiddispjaċih bil-kbir talli wera tant irġulija mal-kavallieri.

    Il-Kavallieri jsibu ruħhom Malta

    Infatti, wara li l-kavallieri għamlu sebgħa snin iterrqu u jsalpaw minn art għall-oħra, mingħajr l-ebda post li setgħu isejjħulha darhom, huma ġew mogħtija l-gżejjer tagħna mill-Imperatur Charles V. Kien l-14 t’Ottubru 1530 meta huma middew l-ewwel passi tagħhom fuq l-art li eventwalment kellha tifforma parti tant importanti mill-istorja tal-Ordni.

    Anki Malta nzertat li kellha pożizzjoni ġeografika sinifikattiva ħafna bħal dik ta’ Rodi, hekk kif din kienet tinsab f’nofs il-Mediterran bejn l-Ewropa u l-Afrika. Naturalment, il-kavallieri ma damux ma bnew fuq dan il-potenzjal sabiex jibdlu lil Malta f’fortizza. Filwaqt li n-nobbli ta’ Malta kienu jgħixu fl-Imdina, il-kavallieri ppreferew jistabilixxu ruħhom il-Birgu, l-aktar minħabba l-viċinanza tal-baħar. Dak iż-żmien, il-Birgu kien jikkonsisti biss f’raħal ċkejken tas-sajjieda li kellu kastell antik. Imma l-paġna ta’ dan il-post ma damitx ma nqalbet ta’ taħt fuq meta l-kavallieri bdew jibnu l-palazzi tagħhom u l-parroċċa tal-Birgu nbidlet fil-Knisja Konventwali tal-Ordni.

    It-Torok jaħilfu li jeqirdu l-Ordni darba għal dejjem

    (c) National Maritime Museum; Supplied by The Public Catalogue FoundationFi ftit tas-snin, l-Ordni reġgħet issaħħet u l-qawwa tal-flotta tagħha bdiet tintuża biex mill-ġdid tattakka x-xwieni tal-Ottomani li kienu jsalpaw fl-ibħra tal-qrib. Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser u l-istorja rrepetiet ruħha, hekk kif mill-ġdid, it-Torok daħħluha f’rashom li jrażżnu lill-Ordni – issa, darba għal dejjem.

    Il-kavallieri kienu ilhom jisimgħu mingħand l-ispiji tagħhom li l-Ottomani kienu qed jippjanaw attakk kbir għal fuq Malta u min-naħa tagħhom, huma bdew jippruvaw jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jippreparaw il-gżira sabiex tilqa’ għal dan l-assedju. Madanakollu, hekk kif il-kavallieri sabu l-flotta massiċċa tat-Torok ma’ wiċċhom fl-għodwa tat-18 ta’ Mejju tal-1565, huma baqgħu bla kliem.

    Poeta jikteb djarju waqt li qed jieħu sehem fl-assedju

    Minn hemm bdew il-battalji ħorox bejn il-kavallieri u l-Ottomani li damu għaddejjin sa erbgħa xhur wara. Fatt kurjuż huwa illi fost is-suldati li kienu qed jipparteċipaw f’dan l-assedju flimkien mal-Ordni, kien hemm ukoll min niżżel xi noti dwar dak li kien qed iseħħ.

    Fost dawn, kien hemm Francesco Balbi di Correggio, poeta li kien jikteb bit-Taljan u bl-Ispanjol. Waqt l-assedju, huwa kellu 60 sena, u kien għażel li jservi bħala suldat minħabba li kien qed jgħix f’povertà kbira. Ta’ kittieb li kien, waqt dawn it-taqtiegħat storiċi, huwa żamm djarju fejn kważi ġurnata b’ġurnata jirrakkonta d-dettalji ta’ dak li għaddew minnu hu, sħabu u l-bqija tal-kavallieri, l-Maltin u t-Torok. Meta l-assedju spiċċa, huwa ra kif għamel biex ippubblika d-djarju tiegħu u llum xogħolu huwa meqjus bħala wirt storiku importanti ferm.

    Bis-saħħa ta’ Balbi, illum, wara 450 sena, aħna nistgħu nsegwu pass pass kif żvolġa dan l-avveniment, kif ittieħdu d-deċiżjonijiet, l-iżbalji u l-istrateġiji effettivi li seħħu u diversi esperjenzi oħra.

    Blog ta’ Heritage Malta dwar l-Assedju l-Kbir

    450 Great Siege logo MLT-05Sabiex taqsam dawn il-ġrajjiet interessanti mal-pubbliku, hekk kif dis-sena qed jiġi kkommemorat l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir, Heritage Malta organizzat blog elettroniku fejn wieħed jista’ jaqra silta kuljum tal-aħbarijiet li jkunu ġraw f’dik il-ġurnata partikolari. F’dan il-blog, ma jonqsux ukoll xi fatti mhux tas-soltu u oħrajn kemmxejn kurjużi. Fl-istess blog, il-pubbliku se jkun jista’ jiskopri wkoll informazzjoni dwar numru ta’ oġġetti relatati mal-Assedju l-Kbir li bejn l-4 ta’ Settembru u s-6 ta’ Diċembru 2015, se jkunu qed jiffurmaw parti minn esebizzjoni internazzjonali li se tittella’ minn Heritage Malta fil-Kmamar Statali tal-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt. Barra minn hekk, il-qarrejja ta’ dan il-blog se jkunu wkoll infurmati dwar id-diversi attivitajiet oħra relatati ma’ dan il-perjodu storiku li ser ikun qed jittellgħu minn żmien għall-ieħor.

    Waħda min dawn l-attivitajiet li ġġib l-isem 1565:First and Last Hope se tiġi organizzata fil-Forti Sant’Iermu bejn is-26 u t-28 ta’ Ġunju 2015. Hawnhekk, diversi atturi popolari Maltin ser ikunu qed jagħtu l-ħajja mill-ġdid lil uħud mill-avvenimenti li seħħu waqt l-assedju, filwaqt li jinvolvu anki lill-pubbliku preżenti.

    Il-blog tal-assedju qiegħed jinkludi wkoll xi filmati relatati ma’ dan iż-żmien. Intant, bħalissa, wieħed jista’ jsegwi filmat qasir li jirrakkonta d-destin kiefer tal-Kappella ta’ Sant’Anna li tinsab fil-Forti Sant’Iermu.

    Il-poplu Malti qed jiġi mħeġġeġ isegwi dan il-blog sabiex jagħraf dak li għaddew minnu missirijietna u b’hekk japprezza aktar il-ħila ta’ niesna, il-kapaċità militari tal-Ordni, l-istorja tal-fortifikazzjonijiet u mitt ħaġa oħra. Fl-istess ħin, huwa qed jiġi mistieden jaqsam ħsibijietu dwar dak li jkun qed iseħħ billi jħalli l-kummenti tiegħu fil-blog stess.

    Tista’ tibda tinvolvi ruħek mill-llum stess billi tidħol www.heritagemalta.org/1565

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (13 il-Parti) fit-Torċa tal-14 ta’ Ġunju 2015)

    2015.06.14 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • WIRJA ETNOGRAFIKA TA’ VARI PROĊESSJONALI

    Kultant ikun hemm post li għal xi raġuni jew oħra tiddeċiedi li tevitah…. hekk ġrali bil-Palazz tal-Inkwiżitur li jinsab fil-Birgu. Mingħajr qatt ma żortu, bnejt opinjoni Il-Palazz tal-Inkwiżitur, Birgunegattiva dwaru, bbażata fuq il-kunċett mistkerrah tal-inkwiżizzjoni. Iżda, lekċer partikolari li attendejt għalih dil-ġimgħa, qalibli ħsibijieti ta’ taħt fuq u tefa’ dawl qawwi ta’ għarfien dwar x’seħħ tassew f’dawk iż-żminijiet. Għaldaqstant tħajjart nagħmel daqsxejn riċerka dwar dan il-palazz u fostom skoprejt li dal-bini kien l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu fl-Ewropa li kien għadu eżistenti u fuq kollox miftuħ għall-pubbliku. Apparti minn hekk sibt illi dal-palazz iħaddan fih ukoll bosta affarijiet interessanti, fostom Mużew Nazzjonali tal-Etnografija u diversi esebizzjonijiet. Irrealizzajt li wara kollox, dak li qatt ġara f’dal-palazz,  kien jifforma parti mill-passat ta’ niesi u allura ma stajtx naħarbu aktar…

    Il-kuratur anzjan tal-etnografija, Godwin Vella, laqa’ mill-ewwel it-talba tiegħi biex inżur dan il-post u għalhekk irħejtilha lejn il-Birgu. Wasalt quddiem il-palazz faċilment u did-darba ma ħallejtx lil dal-bini kbir u għoli jintimidani. Kull inċertezza kompliet tisfuma fix-xejn hekk kif intbaħt li wħud mill-ħaddiema tal-palazz kienu ħbieb antiki tiegħi fi żmien l-iskola sekondarja. Dur minn hemm u itla’ minn hawn, finalment wasalna fl-uffiċċju tal-kuratur.

    “Dawn id-diżlivelli, turġien u kurituri huma xhieda ċara tat-tibdiliet li saru f’dan il-palazz. B’xorti tajba, għand kull min għadda dal-palazz, għalkemm bosta minnhom żieduGodwin Vella u rranġaw fih, dawn qatt ma waqqgħu kollox u bnew mill-ġdid. B’hekk il-faxxinu ta’ dal-post huwa illi jekk wieħed ikun kapaċi jaqra dawn il-bidliet fil-binja, jkun jista’ jilmaħ l-iżvilupp arkitettoniku li sar f’Malta bejn is-seklu 15 u s-seklu 18.  Tajjeb ngħidu li partijiet mill-palazz huma magħrufa bħala eżempji eċċezzjonali arkitettoniċi, bħal ngħidu aħna l-bitħa mibnija fi stil Gotiku jew it-taraġ ewlieni li huwa wieħed mill-ifjen spazji barokki.”

    Madakollu, dan l-aħħar, waqt xogħol ta’ konservazzjoni fuq il-bini, moħbi taħt sekli ta’ tibjid, instab li l-palazz kellu ħafna aktar x’jirrakkonta…

    “Sa ftit tax-xhur ilu dejjem konna ngħidu, naħsbu u nemmnu li dan il-palazz oriġina madwar l-1530. Iżda r-riżultati li qed joħorġu waqt proġett ta’ konservazzjoni fil-parti tal-Castellania jindikaw biċ-ċar illi l-binja oriġinali tmur lura għall-medju evu. M’għandnix ħafna imma l-fdalijiet huma konsistenti. Nixtieq niċċara illi fl-ebda ħin ma għamilna skavi fuq il-post, imma sempliċiment waqt it-tneħħija tas-saffi ta’ tibjida wara l-oħra, qed jinkixfu karatteristiċi medjevali.

    Meta l-Ordni waslet f’Malta fl-1530, hija għażlet il-Birgu bħala l-belt kapitali l-ġdida minflok l-Imdina u hawnhekk hija bniet il-bini pubbliku tagħha. Infatti l-Ordni tefgħet għajnejha fuq l-inħawi li jibdewArkitettura fil-Palazz tal-Inkwiżitur minn Triq il-Mina l-Kbira fil-Birgu sal-bidu tal-Kalkara u hemm hi bdiet takkwista xi artijiet u postijiet għaliha. Mill-informazzjoni li għandna jidher li fil-Birgu l-Ordni sabet xi bini medjevali li kien qed jiffjorixxi għad-dell ta’ Kastell Sant’Anġlu u allura riedet tara kif ser tinfilza l-bini tagħha ma’ dak li kien hemm diġà. Kien hemm każi fejn l-Ordni xtrat xi binjiet u waqqgħet biex tibni mill-ġdid dak li kellha bżonn, bħal fil-każ tal-bini tal-isptar ta’ Santu Spirtu li llum huwa l-Kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura. Iżda fil-każ tal-Castellania jidher li ġara bil-kontra, fejn il-bini eżistenti sarulu xi alterazzjonijiet bħal twaqqgħu xi soqfa u tbaxxew xi ħitan imma mill-bqija l-pjanta eżistenti nżammet u kompla jinbena fuqha.”

    Meta fl-1571 l-Ordni mxiet għall-Belt Valletta, uħud mill-binjiet tagħha bdew jintużaw għal skopijiet oħra. Fostom fl-1574, meta l-Monsinjur Pietro Dusina wasal f’Malta biex iwettaq vista pastorali tal-gżejjer u anki biex jaqdi l-funzjoni bħala l-ewwel inkwiżitur ġenerali, l-Gran Mastru La Cassiere offrielu dal-palazz bħala s-sede uffiċċjali tiegħu.

    “Monsinjur Dusina kellu żewġ rwoli prinċipali: r-rwol ta ambaxxatur, dak li llum insejjħulu n-nunzju appostoliku u r-rwol ta’ inkwiżitur fejn hu kellu r-responsabbiltà li jgħallem lin-nies jgħixu skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika.

    Il-palazz li issa kien sar magħruf bħala ‘tal-inkwiżitur’, kien maqsum fi tliet sezzjonijiet. L-aktar waħda spettakolari kienet il-piano nobile fejn hu kien jaqdi l-parti tiegħu bħala ambaxxatur u fejn allura Il-kappella fil-Palazz tal-Inkwiżiturkellu l-uffiċċji tiegħu u tal-ħaddiema li kellu bżonn. Fl-istess sezzjoni l-inkwiżitur kellu wkoll l-appartament privat tiegħu li kien jinkopora numru ta’ swali ta’ ċertu daqs u statura u anki kappella privata. Kien hemm żmien meta kien hawn żewġ appartamenti f’dan il-palazz imma llum għad fadal biss l-aħħar wieħed li nbena. It-tieni sezzjoni kienet isservi għall-funzjoni marbuta mal-inkwiżizzjoni u allura nsibu t-tribunal fejn kienu jinstemgħu l-każi, il-ħabs u l-kamra tat-tortura. Kollox kien isir taħt segretezza kbira fejn min jissejjaħ hemm ġew, kellu jżomm ħalqu magħluq dwar dak kollu li jkun ġara hemmhekk. Iżda min-naħa l-oħra, dak kollu li ntqal waqt dawn il-każi, ġie mniżżel bi skruplu kbir sal-inqas dettall f’dokumenti apposta li llum jinsabu miġbura f’parti mill-Mużew tal-Kattidral tal-Imdina. It-tielet sezzjoni kienet tikkonċerna l-aspett domestiku u fostom tinkludi l-kċina, xi mħażen tal-ikel u oġġetti oħra.

    Ħafna nies għandhom impressjoni ħażina ħafna ta’ daż-żmien f’Malta peress li jqabblu lil din l-inkwiżizzjoni Rumana mal-ħruxija tal-inkwiżizzjoni medjevali jew dik Spanjola. Madanakollu f’Malta jingħad li l-inkwiżizzjoni kienet aktar kawta u li l-iskop prinċipali tagħha kien aktar ibbażat fuq ir- riforma milli fuq il-kastigi u t-tortura.”

    Diversi inkwiżituri oħra li kienu joqogħdu fil-palazz komplew jixtru xi proprjetà tal-madwar u jniffduha mal-bini ħalli jkomplu jkabbruh uPalazz tal-Inkwiżitur, Birgu (3) jsebbħuħ. Il-palazz għadda f’idejn diversi individwi, fostom anki f’idejn uffiċċjali Ingliżi li użawh bħala l-kwartieri tagħhom u huma wkoll adattawh għall-esiġenzi ta’ dak iż-żmien.

    “Għalkemm hemm min ma jaqbilx ma’ dawn l-interventi li saru fuq il-palazz matul iż-żminijiet, nistgħu ngħidu li dawn it-tibdiliet li saru kienu sagrifiċċji żgħar biex il-bini baqa’ ntatt. Kien proprju minħabba li l-palazz dejjem instablu użu li hu baqa’ protett. Ix-xorti daħkitlu wkoll għax il-palazz għadda minn taħt gwerra qalila b’wiċċ il-ġid, ħlief għal xi marki tax-shrapnel mal-ħitan tiegħu.

    Huwa importanti li nsemmu wkoll il-ħafna xogħol ta’ restawr li sar fuq dan il-palazz fostom dak taħt id-direzzjoni tal-Kuratur Vincenzo Bonello fis-snin tletin meta l-bini ġie miftuħ bħala Mużew qabel il-gwerra u aktar tard fis-snin sittin meta l-Mużew reġa’ nfetaħ għall-pubbliku. Riċentement, il-Kuratur Kenneth Gambin għamel ukoll karriera ta’ snin sħaħ f’konservazzjoni kbira tal-bini fejn neħħa diversi artijiet tal-konkos u oġġetti oħra sabiex ħalla biss dak li hu tassew importanti storikament.”

    Fl-1981 parti mill-Palazz tal-Inkwiżitur inbidlet f’Mużew tal-Folklor. U aktar tard, fl-2003 il-Palazz ġie assenjat lill-Heritage Malta u l-post ġie individwat bħala Mużew Nazzjonali tal-Etnografija.

    “B’etnografija qed nifhmu l-kultura, it-tradizzjonijiet u d-drawwiet tas-soċjetà, kemm dik urbana u kemm dik rurali. Heritage Malta għandha tliet mużewijiet oħra ddedikati għall-etnografija li kollha Esebizzjoni Permanenti - Mużew Nazzjonali tal-Etnografijaqegħdin f’Għawdex: tnejn fiċ-Ċittadella; il-Mużew u l-Ħabs u l-oħra hija l-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra. Il-kunċett huwa illi dawn flimkien joffru perspettiva in ġenerali tal-kultura Maltija: dal-palazz jagħmel enfażi fuq il-kultura reliġjuża u dik urbana, filwaqt li dawk t’Għawdex jiffukaw aktar fuq il-kuntest rurali; id-drawwiet u s-snajja. B’hekk b’dawn is-siti qed nagħtu stampa kkulurita, għalkemm mhux kompluta, tal-kultura u l-identità Maltija kif żviluppat f’dawn l-aħħar sekli.”

    Fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija wieħed isib numru ta’ esebizzjonijiet permanenti li juru l-kultura urbana u reliġjuża ta’ pajjiżna. Fostom laqgħatni ħafna mudell mill-isbaħ u mill-aktar dettaljat tal-Mandraġġ. Barra minn hekk minn żmien għal żmien, Heritage Malta torganizza numru ta’ attivitajiet minn dan il-post…

    “Bħala Mużew, minn sena u nofs ‘l hawn, ħloqna programm ta’ attivitajiet annwali li jitrattaw l-aspett intanġibbli tal-patrimonju Malti fostom it-Mudell tal-Mandraġġtradizzjonijiet u d-drawwiet antiki. Dawn jinkludu l-festival tal-logħob tradizzjonali u attività annwali li għandha x’taqsam mal-kultura tal-festi. Is-sena li għaddiet għamilna wkoll wirja bbażata fuq l-armar tal-festi u dis-sena bħala t-tieni edizzjoni tagħha, qed niffukaw fuq il-vari titulari jew proċessjonali, kemm dawk li joħorġu minn festi primarji, kemm dawk sekondarji u kif ukoll minn knejjes oħrajn li mhumiex parroċċi. Forsi ftit jafu li f’Malta hawn kważi il-fuq minn 110 statwa li joħorġu kull sena f’purċissjoni u bejniethom dawn saru fuq medda ta’ 400 sena, fejn l-iktar waħda antika hija l-Bambina tal-Isla u l-aktar ġodda nħadmu wara s-sena 2000.

    Din il-wirja ser tkun tikkonsisti f’numru ta’ minjaturi ta’ dawn l-istatwi li l-biċċa l-kbira tagħhom ġew mislufa lil Heritage Malta minn għadd ta’ kollezzjonisti dilettanti. Minħabba problema ta’ spazju ma kienx possibbli li ninkludu rappreżentazzjoni ta’ kull statwa eżistenti. Madanakollu ffukajna fuq selezzjoni li turi b’mod partikolari l-iżvilupp artistiku tal-istatwi filwaqt li tagħti wkoll idea ċara tal-esponenti ewlenin ta’ dawn ix-xogħolijiet, kemm dawk Maltin u anki wħud barranin. Xorta waħda iżda, kull min jattendi għall-wirja, ser jingħata fuljett b’informazzjoni bażika dwar l-istatwi kollha oriġinali.”

    Għalkemm il-wirja fetħet il-bieraħ u ser tkompli għaddejja sat-3 t’April 2011, għall-ġurnata ta’ llum biss, ser ikun hemm attività speċjali li mhux ta’ min jitlifha!

    “Il-Ħadd, apparti l-wirja li semmejna,  fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, ser ikollna  wkoll attività prinċipali fejn numru ta’ nies tas-sengħa se jkunu qed jagħmlu xogħol relatat ma’ dal-qasam tal-istatwi Palazz Inkwiżitur, Birgu (2)fil-minjaturi. B’xorti tajba l-kollezzjonisti tal-istatwi f’Malta huma numerużi ħafna u għalhekk hawn suq interessanti li jirrendi ruħu f’numru ta’ snajja’ u arti relatati. Infatti min jattendi għall-wirja ser ikun jista’ jara mhux biss il-minjaturi imma anki kif jinħadmu permezz ta’ individwi li ser ikunu  qed jagħmlu xogħol fit-tafal, xogħol fuq il-bradelli u xogħol fuq il-pewter.

    Primarjament din l-attività ġiet maħsuba għall-familji u għalhekk ser issir bejn is-1:00pm u l-5:00pm filwaqt li l-prezz tad-dħul tnaqqas konsiderevolment: €2 kull adult u tfal taħt it-12 il-sena jidħlu b’xejn. Barra minn hekk, għal min ikun jixtieq, bil-ħlas ta’ €1 oħra jkun jista’ jidħol ukoll fil-Mużew Marittimu.”

    Iżda dan mhux kollox, għax nhar l-Erbgħa 16 ta’ Frar 2011, bejn is-6:00pm u t-8:30pm, ser jiġi organizzat seminar b’numru ta’ kelliema li ser jiddiskutu dwar diversi aspetti tal-vari titulari.

    “Dan l-avveniment huwa maħsub biex jilħaq ukoll settur ta’ nies li jinteressawhom aspetti oħra tal-vari titulari. Id-dħul għal dan is-seminar huwa bla ħlas. Il-kelliema li ser jieħdu sehem m’għandhom Poster tal-Wirjabżonn tal-ebda introduzzjoni: Rev. Fr. Gino Gauci, H.E. Dr. Ray Bondin, Mr. Charles Coleiro, Mr. Mario Coleiro u Mr. Victor Caruana. L-aspetti li ser jitkellmu dwarhom huma varji u jinkludu fostom l-aspett teoloġiku tal-vara u l-aspett tal-iżvilupp artistiku. Ma jistax jonqos li jiġi trattat ukoll l-aspett folkloristiku fejn naraw id-dimensjoni differenti li tieħu l-vara hekk kif toħroġ mill-knisja. Il-festi parrokkjali ta’ pajjiżna huma ħafna aktar minn ċelebrazzjonijiet ikkuluriti. Huma manifestazzjoni importanti ta’ soċjeta’ reliġjuża li tiltaqa’ biex tesponi pubblikament id-devozzjonijiet li waslu għandha tul is-sekli. Il-festi jilħqu bilanċ sottili bejn ir-reliġjuż u s-sekulari, tant li ħafna drabi ma jibqax distinzjoni bejn it-tnejn. Għalkemm reliġjużi fin-natura tagħhom, il-festi Maltin iħaddnu patrimonju kulturali ta’ identita’ nazzjonali u wirt intanġibli li jinkludi ċerimonji solenni u pompużi, mużika, artistrija, ċelebrazzjonijiet popolari, piroteknika u ikel. U dan kollu ser jiġi diskuss u trattat f’dan is-seminar li qed nippreżentaw.”

    Ma stajtx nirreżisti milli nitlob lil Godwin jeħodni dawra mal-palazz fejn fostom laqqagħni wkoll maż-żewġ kuraturi sħabu li flimkien miegħu jieħdu ħsieb dal-post (għalkemm l-aħħar kuratur għadu jibda dil-ġimgħa). Kif qalli Godwin, il-palazz huwa ġojjell arkitettoniku u anki bejta interessanti ta’ numru ta’ oġġetti li jixhdu l-kultura tagħna l-Maltin.

    “Nistqarr miegħek li kultant mhiex daqshekk faċli li żżewweġ iż-żewġ aspetti f’daqqa, f’dak li għandu x’jaqsam mal-Palazz tal-Inkwiżizzjoni u l-Mużew tal-Etnografija. ImmaPalazz tal-Inkwiżitur, Birgu (1) ftit ftit qed nippruvaw intejjbu l-esperjenza ta’ dawk li jiġu jżuru dan il-post billi qed naħdmu biex nerġgħu nlibbsu l-palazz bid-dehra grandjuża u sofistikata li kellu qabel. Pjan ieħor prinċipali tagħna huwa li nagħmlu lil dal-palazz kemm jista’ jkun aċċessibbli għall-pubbliku. Infatti sa tliet snin ilu kien hawn inqas minn nofs il-palazz li ma kienx miftuħ, mentri llum il-viżitaturi jistgħu jżuru madwar żewġ terzi minnu. F’dawn l-aħħar snin qed nieħdu wkoll in konsiderazzjoni l-kummenti li jħallilna l-pubbliku fir-reġistri tagħna u wara li ddiskutejna wħud minnhom ġie deċiż li noħolqu sekwenza madwar il-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija sabiex b’hekk l-esperjenza madwar dawn il-postijiet tkun aktar informattiva u pjaċevoli.”

    Innutajt illi kienu qed isiru diversi xogħolijiet madwar il-palazz…

    “Ix-xogħol hawnhekk għaddej il-ħin kollu, kemm bħala konservazzjoni tal-bini u tal-esebizzjonijiet u anki fl-akkwist ta’ numru ta’ esebiti ġodda. Għalkemm strutturalment il-bini tal-palazz huwa pjuttost solidu, jien inħobb inqabblu ma’ silġa għax li kieku kellu jieqaf il-manteniment tiegħu, mill-ewwel jibda jinħall u jiddeterjora.”

    Bi pjaċir sirt naf illi l-attendenza f’dan il-palazz tilħaq l-40,000 viżitatur fis-sena, li minnhom 6000 huma tfal tal-iskejjel, 9000 oħra huma Maltin u l-bqija barranin. Il-Palazz Attività edukattiva fil-Palazz tal-Inkwiżiturtal-Inkwiżitur u l-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija joffru wkoll l-opportunità lil min jixtieq jagħmel xi xogħol volontarju f’dan il-post.

    “Kull min jixtieq jgħin huwa apprezzat ħafna. In-natura tax-xogħol tvarja sewwa hawnhekk, skont x’ikun irid jagħmel l-individwu. Hawnhekk jista’ jsir xogħol amministrattiv, xogħol ta’ riċerka jew anki xogħol ta’ manteniment tal-bini.”

    Il-Palazz tal-Inkwiżitur flimkien mal-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija jkunu miftuħin kuljum id-9:00am u l-5:00pm bl-eċċezzjoni ta’ xi ġranet partikolari. Aktar dettalji dwar dan is-sit u anki dwar siti oħra ta’ Heritage Malta jinsabu fuq il-website www.heritagemalta.com

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-13 ta’ Frar 2011)

    2011.02.13 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • MILIED FIX-XELTER U MEMORJI TAL-GWERRA

    Kultant jiġu drabi meta nħossni qisni x-xbieha ta’ mera mfarrka… persuna waħda b’diversi angoli li kollha jippreżentaw l-istess wiċċ imma fir-realtà l-ebda waħda mhi bħall-oħra. Fil-fatt sikwit insib ruħi niġġieled miegħi nnifsi għax min-naħa inkun naħsibha mod u min-naħa l-oħra nkun nixtieq xi ħaġa oħra. Karattru li kultant jgħejjik saħansitra biex tifhem lilek innifsek imma li fl-istess waqt jimlilek ħajtek b’sens ta’ meravilja għax int stess qatt ma tkun ċerta sa fejn kapaċi tasal u x’kapaċi tagħmel.

    Dawn il-ħsibijiet paralleli jmissu anki ż-żminijiet tal-Milied fejn xi drabi nsibni nifraħ qisni tifla żgħira u f’mumenti oħra jaqbduni nervi kbar. Tferraħħni s-sempliċità, it-tradizzjoni ta’ dan iż-żmien u l-awtentiċità tan-nies li l-Milied tassew jagħnihom b’ferħ speċjali, tant li jmissulek qalbek. Tifliġni l-falsità ta’ min jifraħ bik biss f’dawn il-ġranet u ċ-ċelebrar u l-ferħ sfurzat. Għalkemm anki dis-sena kelli nieħu doża mit-tnejn, qed nirrealizza li did-darba qed ngħix dal-ġranet b’sentimenti oħra. U dawn l-artikli huma l-kawża. Aktar mill-artikli, in-nies li ltqajt magħhom, li bil-perspettivi differenti tagħhom, b’xi mod jew ieħor kollha għallmuni xi ħaġa ġdida li permezz tagħha wassluni biex nifhem aħjar lili nnifsi.

    Għalhekk infittex dak li mhux soltu. Għalhekk did-darba ddeċidejt li nistħarreġ x’inhi dir-rappreżentazzjoni ta’ Milied Fix-xelter li qed itella’ l-pageant group tal-Każin tal-Banda ta’ San Filep ġewwa Ħaż-Żebbuġ.

    Iltqajt ma’ Brian Bonnici, id-direttur artistiku u l-kittieb tal-iskript ta’ din ir-rappreżentazzjoni u ma’ Tanya Borg, waħda mill-atturi. Xtaqt li l-intervista ssir fil-passaġġi u l-kmamar tax-xelter li jinsab taħt il-Każin ta’ San Filep sabiex b’hekk inkun nista’ nixrob l-atmosfera tal-post. Hekk kif inżilna tlabt lil Brian jispjegali kif bdiet din l-idea u għaliex għażlu li jippreżentaw presepju ħaj ġo xelter?

    “Ħaż-Żebbuġ huwa magħruf ħafna għall-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira imma fil-Milied ftit li xejn kien hawn organizzat. Għaldaqstant xtaqna noħorġu b’idea oriġinali. Għażilna li noħolqu presepju ħaj b’tema tradizzjonali Maltija u bnejna l-istorja tal-Milied fuq karattri tipiċi Maltin. L-isfond ta’ dan ix-xelter mħaffer biex jagħti rifuġju waqt it-tieni gwerra dinjija dehrilna li kien perfett sabiex nieħdu n-nies li jiġu jżuruna lura fiż-żmien meta dawn il-ġranet kienu jiġu ċċelebrati b’mod ħafna aktar sempliċi u ġenwin. Tajna l-ħajja lil xi karattri magħrufa u ħallatnihom man-nies komuni sabiex flimkien dawn ifakkruna fil-messaġġ veru tal-Milied.

    L-ewwel rappreżentazzjoni saret is-sena li għaddiet u s-suċċess li kellna għamlilna l-kuraġġ biex dis-sena nerġgħu ntellgħu oħra. Madanakollu biddilna xi karattri ħalli b’hekk inħajjru jżuruna mill-ġdid anki lil dawk li ġew is-sena li għaddiet.”

    L-oriġinalità hija l-ħin kollu fuq moħħ dal-grupp. Tanya kompliet tispjegali…

    “Għalkemm aħna l-atturi għandna skript fuq hiex nimxu, dan qiegħed hemm biex iservi biss bħala bażi. Tant hu hekk illi l-ebda rappreżentazzjoni ma tkun bħall-oħra. Dan għax aħna nistiednu lin-nies jidħlu magħna fl-interpretazzjoni tal-istorja. Għaldaqstant dawk li jinżlu magħna fix-xelter, apparti milli jsegwu dak li jkun għaddej, jistgħu anki jikkumentaw u jidħlu f’diskursata mal-personaġġi. F’xi drabi l-viżitaturi jkunu saħansitra jistgħu jduqu xi platt minestra magħna jew ibillu griżmejhom b’xi tazza nbid mill-ħanut tax-xorb ġor-raħal ħaj li ser isibu fix-xelter.”

    Brian spjegali kif dan ix-xelter jifforma parti minn xelter kbir li kien ikopri l-arja kollha ta’ taħt il-pjazza…

    “Matul it-tieni gwerra, f’dawn in-naħat telgħu bosta refuġjati speċjalment min-naħa tal-Kottonera u għalhekk kien hawn bżonn kbir ta’ xelters imdaqqsin. L-inżul f’dan ix-xelter minnu nfih huwa esperjenza imma meta fost waħda mill-udjenzi nzertajna mara li snin ilu użat dan ix-xelter bħala rifuġju, għal mument kull min kien hemm baqa’ bla kliem. Qaltilna “X’differenza minn kif kien qabel! Jien hawn inżilt fi żmien il-gwerra u llum ġejt bi skop tant differenti!” Huma dawn l-emozzjonijiet li nkunu nixtiequ nqanqlu.”

    Għall-ewwel ma stajtx nifhem x’kellhom x’jaqsmu l-karattri Maltin fl-istorja tal-Milied u għalhekk it-tnejn ramaw jirrakkuntawli l-iskop tagħhom…

    “In-Naplitani jdaħħlu l-karattru ta’ Pulċinella fil-presepju tagħhom. Għalhekk dehrilna li aħna stajna ndaħħlu lil Ġaħan. Ġaħan jixtieq isib il-vera messaġġ tal-Milied u għalhekk jitilqilha jfittex il-grotta ta’ Ġesu… bil-bieb ikaxkar wara dahru. Minflok it-tlett maġi, daħħalna tlett pijunieri Maltin li kollha nzertaw twieldu ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Niltaqgħu ma’ Mikiel Anton Vassalli li fostom narawh jitlob lil Madonna sabiex tgħin lilu bħala missier l-ilsien Malti u lill-poplu kollu ħalli jagħraf juża’ din il-lingwa b’mod tajjeb u mhux biex jidgħi jew jiddisprezza. Xena oħra turina lil Dun Karm Psaila fil-waqt li qiegħed jispira ruħu bix-xena tal-Milied biex jikteb poeżija tiegħu. Insibu lil Dun Mikiel Xerri jitlob l-għajnuna tal-Omm u l-Iben Mqaddsa sabiex dawn jagħtu l-kuraġġ lill-poplu Malti ħalli ma jibżax jistqarr u jiddefendi twemminu – messaġġ importanti issa li għaddejja din il-kontroversja tat-tneħħija tal-kurċifissi. Ma setax jonqos li ninkludu lil San Ġorġ Preca li kien hu li mexxa t-tradizzjoni tal-Milied f’pajjiżna. Interessanti nsemmi li f’dan ir-rwol konna ffortunati li sibna persuna li jixbaħ ħafna lil San Ġorġ innifsu.”

    Sabiex iħawwru din l-atmosfera nsibu wkoll għadd ta’ karattri oħra bħall-kebbies tal-fanali, il-bejjiegħa tal-ħaxix u l-ħobż, l-iskarpan u s-sewwejja tat-toroq.

    “Kull karattru għandu messaġġ x’jagħti. Jiena li naħdem il-parti ta’ Gejta flimkien ma’ ‘oħti’ Berta nilqgħu lill-viżitaturi u nintroduċuwhom minn xena għall-oħra filwaqt li bejn ċajta u nibxa, nirrakkuntaw kif beħsiebna nqattgħu l-ġranet tal-Milied u b’hekk nitfgħu dawl fuq id-drawwiet ta’ dak iż-żmien.

    Karattru ieħor ser narawh qiegħed jixtri xi kannestri u xkejjer tal-ġwież mingħand il-bejjiegħ tal-ħaxix sabiex bihom jibni presepju kbir. Ikun imbagħad proprju dal-karattru li fl-aħħar tal-mawra fix-xelter jieħu lill-viżitaturi jaraw presepju kbir (madwar 13-il pied b’10) li hu jkun bena.”

    Fil-fatt hekk kif irfist fil-każin, sibt lil Brian mimli żebgħa, qiegħed jirtokka dan il-presepju. Il-binja tiegħu kienet tassew impressjonanti, mhux tas-soltu, mimli għerien u grotot imdaħħla f’xulxin. Brian qalli illi ħadmu fuq l-ambjent tal-widien Maltin…

    “Jien ngħix għall-arti u għall-kultura. Kuntent ħafna illi permezz ta’ din ir-rappreżentazzjoni nistgħu nuru kemm dawn il-ġranet tal-Milied m’għandhomx ikunu ġirja sfrenata biex nixtru r-rigali. Infakkru kemm fis-sempliċità tat-tradizzjonijiet Maltin nistgħu nsibu l-veru ferħ li jġib miegħu l-Milied.”

    Tanya għalqet b’dan il-messaġġ…

    “B’kollox qegħdin mal-40 attur u kultant niżdiedu anki naqra aktar! Is-sena li għaddiet kien hemm min tant ħa gost li ddeċieda li jingħaqad magħna u tajnih rwol fl-istorja wkoll. L-etajiet tagħna jvarjaw minn tfal sa anzjani u kollha naħdmu b’għan wieħed… Għalkemm ir-rappreżentazjoni li naħdmu hija fittizja, il-messaġġ li rridu nwasslu huwa “Moħħkhom hemm! Araw x’inhu l-veru Milied!”

    Il-laqgħa li kelli flimkien ma’ Brian u Tanya tant laqtitni li ġieni l-ħsieb li nkompli nfittex dwar kif kien jgħix il-poplu Malti fiż-żminijiet tal-gwerra u x-xelters. L-għażla tiegħi marret fuq il-kittieb magħruf – Ġorġ Peresso. Xejn xejn kienet skuża biex niltaqa’ miegħu u nsir nafu. Hu aċċetta minnufih. Kelli għatx kbir biex nisma’ x’kellu x’jirrakkuntali. U b’dak il-leħen meqjus u mirqum tiegħu ma ridtx ħafna biex moħħi jara stampa ċara tal-ħajja ta’ dak iż-żmien….

    “Jien twelidt fid-9 ta’ Settembru 1930, f’dawk il-ġranet meta ġiet proklamata l-gwerra. Dakinhar missieri, li kien jaħdem ma’ tal-irmonk, kien qiegħed jitfa’ blokkijiet kbar fil-bajja tal-Mellieħa bi Gorg Peressopreparazzjoni għall-attakki mill-baħar fuq pajjiżna. Naturalment l-ewwel snin ma niftakarhomx imma niftakar lill-familjari tiegħi jirrakkuntaw… Sakemm il-gwerra kienet għadha n-naħa ta’ fuq, bejn l-Ingliżi u l-Franċiżi, f’Malta ma konnix affettwati imma l-preparamenti għaliha xorta bdew fostom bit-tħaffir ta’ bosta xelters. Meta mbagħad Mussolini ssieħeb ma’ Hitler, Malta daħlet b’ruħha u sniena fil-gwerra tant li b’mod immedjat, għall-ħabta tas-7:00am ġejna attakkati mill-ajruplani Taljani.

    Aħna konna ngħixu l-Birgu u għall-bidu missieri ma xtaqtx jitlaq minn hemm ħalli ma jitbiegħedx wisq mill-post tax-xogħol. Imma meta l-Birgu beda jiġi attakkat b’qilla kbira kuljum u l-ħin kollu, ma baqgħatilnix għażla oħra ħlief li ndabbru rasna. Morna noqogħdu man-nanna f’Birkirkara fejn hi kienet refuġjata għand xi ħbieb tagħha.

    Birkirkara ma tantx kienet ibbumbardjata u allura l-aktar li niftakar xi bomba tfaqqa’ ‘l hemm u ‘l hawn. Imma darba waħda waqgħet bomba ħdejn il-Knisja ta’ Santu Rokku, qrib ta’ fejn konna noqogħdu aħna u dakinhar mietu ħafna nies.

    Meta l-gwerra bdiet tiqliel ġieli nqatlu mat-30 persuna kuljum: kien hemm min baqa’ jippersisti li jibqa’ jgħix ġo daru akkost l-attakki kontinwi, oħrajn ma kienux laħqu daħlu fix-xelters, filwaqt li bosta oħra mietu waqt li kienu qed jikkumbattu fuq il-kanuni. Kien hemm uħud li saħansitra mietu waqt li kienu għall-kenn tax-xelters – każ partikolari minnhom seħħ f’Ħal-Luqa meta ntlaqtu ż-żewġ bokok ta’ xelter, infaqgħu xi kanen u n-nies mietu mgħarrqa fih. Illum hemm triq imsemmija għal dan l-avveniment.

    L-1942 kienet l-aktar sena kerha għal Malta b’mod partikolari April meta fostom waqa’ t-teatru rjal, niżlet il-bomba fuq il-Knisja tal-Mosta u ġara l-każ li semmejtlek f’Ħal-Luqa. Kien il-konvoj ta’ Santa Marija li wasal f’Awwissu ta’ dik is-sena li salva lil Malta. Illum li għaddew 50 sena minn dal-ġrajjiet, inħarġu fil-beraħ id-dokumenti tal-gwerra mill-uffiċċju tal-Ingilterra fejn fihom ġie żvelat illi Malta kienet waslet biex iċċedi lill-Italja għax ma kelliex biex tkompli tissielet. Għall-kuntrarju ta’ kif ħafna jaħsbu, illi l-Maltin salvaw għax il-konvoj ipprovdiena bl-ikel, fir-realtà dan għenna billi ġab miegħu ukoll numru ta’ armamenti, bombi, petrol, fuel u spare parts għall-ajruplani. Minn Malta imbagħad tħejjiet l-invażjoni fuq Sqallija u hekk kif dawn ma setgħux jużaw aktar l-ajruporti tagħhom, Malta ma baqgħetx issofri aktar attakki. Kultant kien jersaq jattakkana xi ajruplan Ġermaniż imma nistgħu ngħidu illi mal-1943 l-gwerra mill-ajru f’Malta kienet spiċċat.”

    Meta nisma’ dawn il-ġrajjiet insibha diffiċli biex nemmen li pajjiżna għadda minn dan kollu… sakemm nitla’ l-Belt u nsib ma’ wiċċi t-teatru rjal għadu mfarrak s’issa! Imma meta wieħed jgħix ġrajjiet bħal dawn x’iħallu fil-fond ta’ qalb bniedem?

    “Tħalla fija s-sens favur il-paċi u d-diplomazija. Tnisslet ukoll fija ċertu biża’ mid-djar imġarrfa…

    Niftakar li meta kelli madwar sebgħa snin, morna lura fil-Kottonera. Ma stajnix immorru noqogħdu l-Birgu għax dan kien sar ħerba waħda. Minflok morna ngħixu Bormla, n-naħa ta’ Santa Margerita. Issa kont kbir biżżejjed biex nifhem li kien hemm gwerra. Li ma konnix nafu kien li hemmhekk konna qed ngħixu fuq numru ta’ bombi mhux sploduti, tant li darba ħarġuna minn djarna għax sabu waħda! Għalkemm ma kontx imdejjaq ngħix f’Bormla, l-ambjent tat-tifrik kien jimpressjonak. Kull fejn tħares djar imwaqqa’, ċnagen, terrapien, djar mill-isbaħ b’faċċata biss u wara vojt. Ma’ nista’ ninsa qatt dik is-sensazzjoni ta’ biża’ hekk kif tħares minn ġo tieqa ta’ xi dar li fi żmienha kienet mill-ifjen u tara l-qamar jittawwallek minn bejn il-ħitan tal-kmamar tagħha bla saqaf. Id-dehra ta’ dar bla saqaf kienet tħawwadni wisq!

    Bħalissa qed tiġini f’rasi l-purċissjoni tal-Milied li kienet titlaq minn ħdejn id-dar tal-Mużew bil-fanali jixegħlu u l-kliem tal-Verbum Dei Caro Factum Est mixgħula wkoll. Qed nismagħna nkantaw kant sabiħ tal-Milied filwaqt li għaddejjin bejn it-toroq kollha mħaffra u d-djar imġarrfa. Dik l-innoċenza tal-Milied imħallta mal-kruha tat-tiġrif tal-gwerra għadha f’moħħi daqs xena b’kuntrast minn xi film tal-waħx.”

    Is-sens tat-tiġrif ħalla mpressjoni kbira fuq il-ħajja ta’ Ġorġ. Imma xorta waħda kellu rakkont ħelu x’jirrakkuntali relatat ma’ dan…

    “Akkost li kont nibża’, l-kurżità kienet tegħlibni u flimkien ma’ sħabi kont immur nesplora xi dar abbandunata. Għadhom jiġu quddiem għajnejja sa llum iz-zukklatura mpinġija u l-fuklar bil-madum taċ-ċeramika li darba sibna ġewwa dar li fi żmienha kienet tas-sinjuri. Hawnhekk iddeċidejna li nibnu palk tal-ġebel u konna nagħmlu t-teatrin. Jum minnhom tawni parti fejn kelli nadura alla falz u quddiemi ġabuli ritratt sabiħ ta’ Doris Day!”

    Aktar ma bdejna nitħaddtu, aktar bdew jitqanqlu l-memorji…

    “Għandi storja ħelwa oħra li tkexkek fl-istess ħin. Mela meta tkun żgħir tibda tisma’ l-kbar jitkellmu u ma tantx tifhem x’inhu jingħad. Meta mbagħad tikber, kollox jibda jieħu postu u tara stampa aktar ċara. U hekk sirt naf min kienu Hitler u Mussolini. Darba minnhom fit-triq tagħna smajthom jgħidu li kienu ser jgħallqu lil dawn it-tnejn u beżgħan kif ukoll kurjuż mort narahom. Minn ġol-gallerija ta’ dar nofsha mwaqqgħa kienu qed iniżżlu b’ħabel żewġ trajbi. Fuq il-ħwejjeġ tagħhom in-nies spjegawli li wieħed kellu miktub Hitler u l-ieħor Mussolini. Hekk kif dendluhom in-nies ramat iċċapċap, tidħak u twaddbilhom l-affarijiet. Bdiet ħierġa l-frustrazzjoni tan-nies, anki ta’ dawk li forsi għall-ewwel kienu emmnu li t-Taljani kienu ser jitfgħawlna l-fjuri u mhux il-bombi. Ngħid is-sew jien dak il-ħin tħassarthom lil dawk iż-żewġ mgħallqa għax ma ndunajtx li kienu pupi tat-tiben. Mort maħsud id-dar u kif ktibt fil-ktieb li għadni kemm ħriġt ‘It-Tifel tan-Nanna’ hekk kif ommi fehmitni x’kien ġara u min kienu dawk iż-żewġ individwi, dik kienet l-ewwel u l-aħħar darba li tħassarthom.”

    Ġorġ għażel li jagħlaq b’dan il-kliem…

    “Meta sirt abbati fil-Knisja ta’ Santa Tereża fil-Milied kont ninżel ngħin il-quddiesa ta’ nofs il-lejl. Kont noqgħod nixxennaq biex xi darba nagħmel dik il-priedka sakemm darba għamiltha. Wara l-quddiesa l-fra kien jagħtina torta żgħira, tajba ħafna, tal-marmorata bil-bambin tax-xemgħa fuqha. Kumbinazzjoni l-mara tiegħi Isabella fil-Milied tagħmel din it-torta u b’hekk mingħajr ma taf qegħdha tkompli din it-tradizzjoni marbuta ma’ tfuliti.”

    Bla dubju issa aktar tħajjart immur inżur din ir-rappreżentazzjoni tal-Milied Fix-xelter. U hekk kif ser inkun qed insegwi dak li l-atturi ser jippreżentawli, m’għandix għalfejn nitħasseb aktar jekk hux ser nixrob l-atmosfera tal-post!

    Kull rappreżentazzjoni tieħu madwar 20 minuta u titlaq minn ħdejn il-bieb tal-Każin ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ. Il-pubbliku jista’ jattendi għalihom f’dawn il-ġranet u l-ħinijiet: illum il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2009 mill-10:00am sa 12:00pm u mill-5:00pm sat-8:00pm. Mit-Tnejn 28 sal-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2009 mis-6:00pm ‘l quddiem. F’każ li jkun hemm gruppi li jixtiequ jorganizzaw żjara, inkluż għat-turisti, jistgħu jċemplu fuq 79270400 jew email fuq pageantgroupstphilip@gmail.com. Id-dħul huwa bla ħlas imma donazzjoni tkun apprezzata.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Diċembru 2009)

    2009.12.27 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • SODI DAQS IS-SWAR TAL-BIRGU

    “Tista’ tieħu ritratt ta’ xi ħadd. Imma li jirnexxielek tikkonvinċi lill-individwi oħra biex iħossu xi ħaġa għalih billi turi l-qalba tal-umanità tiegħu, dik hija xi ħaġa oħra.” Paul Strand (Fotografu Amerikan, 1890-1976)

    Jiena nammira ħafna l-kreattività. Aktar u aktar meta l-individwu juża’ t-talent tiegħu biex f’dinja li tagħma wara tant xinxilli, huwa jagħti importanza lil nies li forsi ftit Joe Smithkieku kienu jintebħu bihom.

    Din il-ġimgħa ltqajt ma’ Joe Smith, fotografu Malti li wara snin ta’ esperjenza fil-fotografija, illum qiegħed jikseb suċċess wara l-ieħor bix-xogħlijiet tiegħu.   Din il-ġimgħa huwa ħareġ l-ewwel ktieb fotografiku tiegħu ‘Survivors -The Ageing Population of Birgu’, ktieb li kont ilni nistenna sa mill-ewwel darba li tajt daqqa t’għajn lejn uħud mir-ritratti tiegħu u speċjalment meta smajt xi stejjer li kien hemm warajhom…

    “Ilni sitt snin naħdem fuq dan il-ktieb. L-idea tiegħu ġiet b’kumbinazzjoni. Niftakar kien ċempilli Mario Azzopardi u talabni biex niġbed xi ritratti ta’ xi atturi barranin li kienu ser jagħtu spettaklu f’forma ta’ teatru tat-triq ġewwa l-Birgu. Aċċettajt u mort siegħa qabel biex nilħaq nieħu idea tal-post. F’ħin minnhom sibt ruħi fi Triq Hilda Tabone u nara mara anzjana qegħdha sserraħ ma’ grada. Ġibidni wiċċha, is-sempliċità taghha u dik il-qagħda tipikament Maltija. Għedt ħa nistaqsiha ħa neħdilha ritratt u kif ersaqt lejha għolliet idejha u qaltli “bonġu inti min hawn?” Weġibtha li jien mir-Rabat u hi pronta pronta rrispondietni li r-Rabat hi kienet qattgħet xi żmien bħala refuġjata waqt il-gwerra. Kif qed tgħidli dan, l-anzjana nqalgħet minn mal-ħajt u qaltli “ara jien hemmhekk anki dirgħajja tlift”. Dak il-ħin inblajt. Kompliet tgħidli li kien jisimha Inez Portelli u kif jum fost l-oħrajn irċeviet telefonata mingħand oħtha mill-għassa tal-pulizija. Oħtha kienet telgħet refuġjata qabilha r-Rabat u kellha bżonn ftit ħalib għat-tarbija tagħha. Bla ma tilfet ħin, Inez tefgħet xi ħalib fil-basket, qabdet lil binha ta’ tmien snin u flimkien telgħu bil-mixi mill-Birgu. Waslu r-Rabat f’silenzju kbir, ma kienx hemm ruħ fit-triq.  Inez ma ntebħitx li kienet waslet f’nofs air-raid warning! Inez Portelli fil-faċċata ta' SurvivorsF’daqqa waħda taqa’ bomba viċin li tajjrithom bil-blast tagħha. Hekk kif ġiet f’sensiha, Inez tara lil binha mimli demm u mwerwra bdiet tistaqsih xi ġralu. Imma mbikkem binha qalilha li d-demm li kellu miegħu kien tagħha u mbeżżgħa beda jimmarka lejn idejha. Hekk kif ħarset lejn idejha u ratha mdendla bil-biex, Inez intilfet minn sensiha u mn’Alla kien hemm tim mediku viċin li dewwiha malajr. Emminni Fiona, taf kemm il-darba rrakkuntajtha din l-istorja? Imma ara, għadu jaqbadni l-bard sal-lum kull darba li nerġa’ niftakar.”

    Anki jiena nħsadt meta smajt dan ir-rakkont. Joe kompla jgħidli kif ħadilha r-ritratt u mbagħad mar jiġbed l-atturi li kien ftiehem dwarhom. Imma moħħu baqa’ jbherren fuq Inez u meta s-Sindku tal-Birgu John Boxall stiednu jixrob miegħu, l-kliem waqa’ fuqha.

    “Qalli għadek ma tafx kemm hawn oħrajn bħalha ġol-Birgu. Hawnhekk 60% tan-nies għandhom il-fuq minn 70 sena u kollha għandhom storja simili. Għedtlu ill-aħwa x’ħasra. Jiġifieri dawn in-nies qed jixjieħu u jmutu u qed nitilfu dawn l-istejjer kollha? Qalli xi trid tagħmel? Dak il-ħin għaddieli l-ħsieb biex niġbed ir-ritratti u l-istejjer ta’ dawn in-nies. Tkellimt mas-Sindku u għoġbitu l-idea. Hu laqqagħni man-nies u l-bqija kif jgħidu hija storja.”

    Ir-ritratt ta’ Inez Portelli jinsab proprju fuq il-faċċata tal-ktieb ‘Survivors’.

    “Kienet hi li mmotivatni. Minnha beda kollox. Għandi rimors kbir li laħqet ħallietna sakemm ħareġ il-ktieb. Xi żmien ilu, bintha kienet qaltli kemm kienet ferħana li kienet ser tkun fuq il-faċċata.”

    Joe urieni xi ritratti oħra. Laqgħatni wieħed ta’ mara anzjana bit-tromba f’idejha…

    “Dik Maria Demarco. Meta mort għandha qaltli illi l-passatemp tagħha kien li toqgħod tħares bit-tromba lejn il-cruise liners deħlin fil-port. Għall-ewwel ma ntbaħtx bl-importanza ta’ dan il-kumment, Maria Demarcosakemm sirt naf illi żewġha kien ibaħħar fuq it-tankers u hi min jaf kemm żmien kienet għaddiet tgħarrex bit-tromba fuq il-baħar biex tarah ġej lura. Dik id-drawwa kienet saret parti minnha u qisha bla ma taf kienet għadha tfittex u tistennieh.”

    Ritratt ieħor kien juri raġel bil-qiegħda jħares dritt fil-kamera…

    “Iva, dak Lawrence Gatt. Meta ċempiltlu għall-appuntament, qalli ejja fid-9:30am. Inkun qed nieħu tè fil-każin tal-Labour.”

    Xtaqt inkun naf kif kien jiddeċiedi kif ser jeħdilhom ir-ritratt.

    “L-iskop kien li r-ritratti jirrakkuntaw storja u dan għamiltu permezz tal-ambjent stess li kienu mdawwrin bih. Trid tara kif ser toħloq l-istorja b’dak li ssib. Ngħidu aħna, f’dan ir-ritratt ta’ Lawrence Gatt inkludejt dik l-irħama fejn qed jissemma l-Perit Mintoff u l-atmosfera tal-każin li kien hemm dak il-ħin.

    Min-naħa l-oħra, ara, dan ir-ritratt ta’ Lorenza Rodgers huwa xhieda ta’ kif din il-mara, fis-solitudni tagħha, ssib il-kenn fit-twemmin u fir-reliġjon.

    Jiena bħala fotografu m’inix marbut b’xi stil partikolari. Però jekk tħares lejn xogħli, anki dak li mhux dokumentarju soċjali bħal dan, nipprova nikkomponih bi stil drammatiku. Daqs li kieku n-nies qegħdin fuq palk u jien qed niġbed ix-xena. Fil-fatt l-arti tispirani ħafna.”

    Kelli kurżità jekk waqt il-ġbid ta’ dawn ir-ritratti, qattx daħal f’xi post mhux tas-soltu…

    “Jiena qatt ma kelli l-intenzjoni li ninvadi l-privatezza tal-persuni. Imma meta drawni dawn in-nies letteralment kienu jsejjħuli fit-triq u jistaqsuni meta ser immur għandhom. Laqgħuni ħafna u Lawrence u Wiġi Bugejagħallmuni ħafna. Wieħed mill-postijiet li baqgħu f’moħħi kien meta mort nieħu dan ir-ritratt ta’ Lawrence u Wiġi Bugeja. Dawn kienu żewġt aħwa ġuvintur li sfortunatament illum m’għadhomx magħna. Irrakkuntawli stejjer sbieħ meta missierhom kien ibiegħ il-qubbajt u jdoqq iż-żaqq fil-festi. Luigi kien idoqq t-tambur miegħu meta kien tifel. Fettilli nistaqsihom jekk kienx għad fadlilhom xi ħaġa minn dawn l-affarijiet. Luigi qalli “imxi miegħi ħabib”. Daħħalni ġo garaxx mimli oġġetti antiki. Kien għad hemm l-imwejjed tal-qubbajt ta’ missierhom bil-wiċċ tal-irħam, il-miżien u s-skieken, ritratti mal-ħajt – teżor ta’ memorji. Imbagħad Luigi lemaħ it-tanbur mal-ħajt, ħadu miegħu u mxejna lura sad-dar. Tawni grokk whisky, poġġew bil-qiegħda u bdew idoqquli. Dak il-ħin ħassejtni qed ngħix f’mument maġiku li tani s-saħħa nagħmel imqar għaxar snin oħra xogħol bħal dan.”

    Nistqarr magħkom li ħassejtni ngħir għalih. Jiena nxebbaħ esperjenzi bħal dawn ma’ meta ta’ tifla li kont, ġieli kont naqbad f’idejja xi farfett sabiħ u fuq idi, hekk kif jaħrab, kien jitfarfar ftit mill-kulur ta’ ġwinħajh. Għaldaqstant kont kurjuża, proġett bħal dan, x’ħalla f’ruħ dan il-fotografu?

    “Mingħand dawn in-nies, smajt stejjer inkredibbli ta’ sofferenza u ġrajjiet dwar kif irnexxielhom jissoppravvivu. Skoprejt kemm dawn l-individwi kienu nies ta’ stoffa, b’saħħithom ħafna kemm fiżikament u kif ukoll mentalment. Felħu għal ħafna ċirkustanzi matul ħajjithom: gwerra, traġedji, mard. Ħafna minnhom għandhom lil uliedhom emigrati u allura ilhom żmien jgħixu weħidhom.

    Dan il-proġett ħalla fiha sens ta’ saħħa mentali: saħħa li timbuttak li jekk tħoss li int kapaċi tagħmel xi ħaġa f’ħajtek tagħmilha. Irrealizzajt kemm aħna ngergru għall-inqas affarijiet li jiġru f’ħajjitna. Ikollna naqra deni u nagħmlu għaġeb kbir. Meta niftakar minn xiex għaddew dawn in-nies, nara kemm aħna ffortunati li dawn iż-żminijiet lanqas biss nafu x’ifissru. Ikkonfermajt ukoll kemm is-semplicita fil-ħajja hija l-isbaħ ħaġa. Dawn kienu kollha nies sempliċi, fis-sens li ma jfittxux affarijiet kbar, m’hemmx lussu. U akkost id-diffikultajiet kollha li sabu ma’ wiċċhom, baqgħu għaddejjin. Daqs is-swar tal-Birgu b’saħħithom. Hekk inqishom jien.”

    Ir-ritratti tal-ktieb huma fuq stil abjad bl-iswed. Xtaqtu jgħidli għaliex uża dan l-istil.

    “Dan l-istil ineżża r-ritratt u jħalli biss dak li huwa essenzjali. L-attenzjoni qegħdha fuq dawn in-nies u fuq is-sempliċità tagħhom. Fuq kemm huma neqsin minn ċertu kumpanija… in-nuqqas tal-kulur joħroġ aktar dal-messaġġ.”

    Permezz ta’ ‘Survivors’ issa l-istorja ta’ madwar 85 persuna ser tixxerred fost ħafna oħrajn. Fil-fatt Joe beħsiebu anki jbiegħ dan il-ktieb barra minn pajjiżna.

    “Matul dawn l-aħħar erbgħa snin ġejt mistieden minn assoċjazzjoni Ingliża tal-fotografija professjonali biex nagħti xi lekċers waqt il-konvenzjoni annwali tagħhom. Darba minnhom tellgħajt miegħi għażla minn dar-ritratti u urejthom lill-mistiedna li kien hemm. Fl-isfond semmajtilhom ukoll arranġament mużikali Malti tal-Etnika u l-Budaj li jġib l-isem ‘Lament’ u li żewwaq ferm tajjeb is-suġġett tar-ritratti. Intilfu fuqhom u talbuni ntella’ l-kotba miegħi meta jkunu lesti. Stqarrew li laqatgħom ħafna l-istil “raw” li kienu ppreżentati fih u li kien jispikka fl-oriġinalità meta kkomparat mal-fotografija kummerċjali li mdorrijin naraw illum.”

    Ta’ min isemmi illi l-format ta’ ‘Survivors’ diġa’ rebaħ premju fil-kompetizzjoni prestiġġjuża Prix de La Photographie Paris fil-kategorija tal-kotba. Il-livell ta’ din il-kompetizzjoni huwa għoli ferm tant li l-ġurija tinkludi fostom lill-edituri tan-National Geographic, tat-Time Magazine u tal-Corriere Della Sera.

    Premju ieħor ta’ valur kbir ingħata lil Joe Smith is-sena li għaddiet meta huwa rebaħ l-ewwel premju minn fost 2500 kompetitur ewropew ieħor. Fil-fatt ir-ritratt tiegħu ġie inkluż f’kalendarju bit-tema ‘Cultures On My Street’ li nediet l-Unjoni Ewropeja meta iddikkjarat is-sena 2008 bħala Is-Sena tad-Djalogu Interkulturali.  Bla dubju din kienet rebħa mhux biss għall-fotografu imma anki għal isem ta’ pajjiżu. B’dan il-ħsieb, f’Settembru li għadda l-Kunsilli Lokali tar-Rabat u ta’ Ħad-Dingli onorawh għall-kontribuzzjoni li huwa ta fil-qasam tal-arti u partikolarment fil-fotografija.

    Fil-fatt Joe Smith ma bdiex bħala fotografu imma bħala pittur.

    “Tħarriġt għand Esprit Barthet u Antoine  Camilleri. Ġieli għamilt xi wirjiet bix-xogħlijiet tiegħi. Waħda li niftakar sewwa hija wirja li għal dak iż-żmien kienet xi ħaġa ġdida f’Malta. Kien jisimha ‘Art-Poetique’ u kont ħdimtha flimkien ma’ Raymond Mahoney. Jiena kont pinġejt il-kwadri u hu kien kiteb dwarhom. Għadni sal-lum nipprattika xi ħaġa. Per eżempju nħobb noqgħod nesperimenta billi nuża proċess partikulari biex nittrasferixxi ritratti fuq watercolour paper ħalli mbagħad nintervjeni fuqhom b’pinzell jew b’lapes.”

    Il-pittura għenet meta hu daħal fil-qasam tal-fotografija?

    Iva. Inħoss li l-bażi li kelli fid-diżinn jidħol b’mod awtomatiku fil-fotografija. Minħabba l-esperjenza li kelli fl-arti viżiva fid-diżinn klassiku bla dubju illum nista’ nikkomponi ritratt ħafna aħjar.”

    Joe saħaq illi hu jħossu xxurtjat illi esperjenza ż-żminijiet tad-dark-room fejn hu kien anki jiżviluppa r-ritratti. Fil-fatt, kważi r-ritratt kollha ta’ ‘Survivor’ ma nġibdux b’kamera diġitali. Kien hu li ħadem fuq in-negattiva, żviluppahom u skannjahom għall-użu fil-ktieb.

    “F’dawk iż-żminijiet, jekk ridt li jkollok ritratt tajjeb, ridt tuża dixxiplina tremenda li fl-istess ħin tgħallmek ħafna. Żball ma stajtx tirranġah. Kont tiġbed ir-ritratt u daqshekk. Ġbidt film u ma tafx x’għandek qabel tiżviluppah. Għalhekk ridt tippjana sewwa qabel tieħdu. Ridt tistudja l-kompożizzjoni, tiċċekkja d-dawl u taħdem bla għaġġla żejda għax jaf ma jerġax ikollok iċ-ċans li terġa’ tiġbed ritratt bħal dak.

    Illum qbadt kamera diġitali f’idejk u ġbidt ritratt. Tista’ tara dak il-ħin ġiekx tajjeb jew le. U jekk trid terġa’ tieħdu. Veru hemm il-kumdità imma hemm ukoll nies li qed jilludu ruħhom li saru fotografi mill-lum għal għada. Fil-fatt ġieli tismagħhom jirraġunaw “issa nieħdu u mbagħad nirranġah bil-kompjuter”. Imma dan hu l-periklu tal-fotografija diġitali. Ritratt tajjeb qatt ma jittieħed hekk. Jekk ma jkollux kompożizzjoni tajba mill-ewwel, ma tkunx tista’ ssalvah.

    Inħobb ngħallem lill-istudenti tiegħi tal-fotografija illi mhux neċessarjament l-ewwel soluzzjoni tkun l-aħjar waħda. Mhux la kemm tpoġġi xi ħaġa bejn erbgħa naħat u tiġbed. Meta titħarreġ kif tittrenja għajnejk, hekk kif tiffrejmja u tikklikja, trid tkun qisek kompożitur li ħloqt sinfonija f’sekonda – s’hemm trid tasal finalment. Ġieli kull ma tkun trid li titbaxxa ftit jew li tibdel il-pożizzjoni jew il-lenti. Is-sigriet hu li jkollok l-imħabba lejn il-fotografija. It-taħriġ, id-dixxiplina u d-dedikazzjoni mbagħad iwittulek it-triq sabiex issir fotografu professjonali.”

    Kif għandu jkun għalih ‘ritratt sabiħ’?

    “Ritratt li jemozzjonani, li jħalli marka ġo fija u li jġegħelni nħares lejh darbtejn, tlieta.”

    Joe għad għandu l-ewwel ritratt li kien ħa. Kellu 20 sena u kien għadu kif xtara l-ewwel kamera tiegħu waqt btala fil-Kanada. Kelli kurżità nkun naf jekk iġorrx kamera miegħu kull fejn imur.Xtaqtu wkoll isemmili jekk qattx ħa xi ritratt bla mistenni…

    “Iva. Jiena l-kamera dejjem tiġri miegħi. Ritratt għal qalbi ħafna u li ħadt bla mistenni kien fl-2005 meta kont waqt vaganza f’Firenze flimkien mal-familja tiegħi. Niftakar li rajt tallab bla saqajn mixħut fit-San Gimignanotriq. Ħdejh, fl-art kellu par saqajn artifiċjali u bott quddiemu. Bgħatt lit-tifel tiegħi biex jagħtih xi ħaġa u ġie xi jgħidli biex nistaqsih nistax neħodlu ritratt. Hu aċċetta u kif kont qiegħed bil-kamera m’għajnejja ninduna li max-xellug tiegħu, f’ħanut sabiħ tal-ħwejjeġ, kien jidher mudell ta’ mara b’dublett twil b’saqajha sbieħ u eleganti fiż-żarbun. Għedt ara x’ironija: il-pupa kellha ġmiel ta’ saqajn u r-raġel ta’ quddiemi kellu saqajħ maqtugħa! U hekk ġbidtu.

    Ritratt ieħor simili ġbidtu f’xita qliel f’San Gimignano biex naqbad lil waħda mara li b’riżoluzzjoni baqgħet għaddejja fi triqitha lejn il-quddies anki meta kulħadd kien qed jistkenn.”

    Xtaqt nagħlaq billi nistaqsih xi tfisser il-fotografija għalih?

    “Jiena fid-dinja ta’ llum ngħid li ma fadal xejn ħlief l-arti. Forsi qed inkun egoist, fis-sens ta’ artist. Imma nammetti illi nimxi ħafna ma’ kumment li jgħaddi wieħed mill-karattri ta’ Oscar Wilde – Art is the supreme truth and life a temporary illusion. L-arti ġġegħlek tħobb, iżżommok il-bogħod mill-perikli tal-ħajja u tgħinek tikkonċentra fuq affarijiet sbieħ. Fiha l-frustrazzjonijiet tagħha wkoll per eżempju sakemm jigi l-kunċett ta’ x’ħa tikkrea. Imma s-sodisfazzjon li tagħtik huwa kbir. Tħossok kuntent minn ġewwa.”

    X’parir jagħti lil min hu mħajjar għall-fotografija?

    “Jekk tħossu l-ġibda lejn il-fotografija titilquhiex. Niltaqa’ ma’ ħafna nies li jgħiduli “jien kont dilettant taf imma dejjem imħabbat”. Dik mhix skuża valida. Trid tibda bil-mod sakemm toħloq stil għalik. Il-premijiet u l-unuri mhumiex it-tragward jew it-tmiem. L-aspett prinċipali tal-fotografija huwa l-komunikazzjoni u l-espressjoni viżiva tal-artist. Li jiġi wara, jiena nqisu bħala bonus. L-aqwa li tkun ikkomunikajt ma’ xi ħadd u li tkun ħadt pjaċir b’dak li għamilt.”

    Il-ktieb ‘Survivors’ ser ikun għall-bejgħ f’Caraffa Stores, Vittoriosa Waterfront mis-Sibt 24 t’Ottubru 2009 sal-Ħadd 1 ta’ Novembru 2009 bejn id-9:00am u l-4:00pm.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-25 t’Ottubru 2009)

    2009.10.25 / no responses / Category: Torca - Perspettivi