Posts Tagged ‘Forti Rikazli’

  • Il-bikja ta’ ġnien Villa Frere

    Il-Perit Edward Said fit-tempju ta' gewwa gnien Villa Frere Peter Patrick Borg Ghigo fit-tempju li nfired minn ma' Villa Frere minhabba l-bini ta' spazju ghall-parking

     Ritratt tal-gnien mir-rivista Country Life - 1Il-parti tal-prinjola fi zmien Price - ritratt mir-rivista Country Life -

    Fil-5 ta’ Marzu ta’ din il-ġimgħa sirt naf li kien qiegħed jiġi ċċelebrat il- 250 anniversarju mit-twelid ta’ Mikiel Anton Vassalli; personaġġ magħruf bħala ‘missier l-ilsien Malti’ minħabba l-kontribut kbir li ta biex il-Malti jsir lingwa nazzjonali. Fatt li tani x’naħseb ħafna għax proprju erbat ijiem qabel, jien inzertajt kont qiegħda f’post partikolari mmens li fih Mikiel Anton Vassalli min jaf kemm qatta’ żmien.

    Villa Frere u John Hookham Frere

    Għadilli ġieli smajt b’Villa Frere, ma kelli l-ebda idea fejn tinsab u daqstant ieħor ma kontx naf bil-ġnien tagħha li Vassalli jiftakru sabiħ daqs ġenna tal-art, filwaqt li llum huwa mitluq u fi stat ta’ abbandun. Infatti għall-ewwel, hekk kif il-Perit Edward Said u Peter Patrick Borg Ghigo stednuni biex nagħti titwila f’dan il-ġnien, ma tantx ħbatt nimpressjona ruħi wisq…. sakemm ħarsti waqgħet fuq it-tempju l-antik u l-arkitettura tal-madwar u hemm intbaħt li kienet ġejja xi storja interessanti. Iżda qatt ma bsart kemm! U hekk kif meddejt passejja proprju fil-mogħdijiet li mxew minnhom is-sidien ta’ dan il-post u anki Vassalli tagħna, ftit ftit bdejt niskopri l-istorja u d-destin ta’ dan il-lwog, sakemm f’għajnejja, l-istat imwarrab tiegħu ħa sura aktar romantika u stħajjiltni daqslikieku għal mument, kont sibt ruħi fi ġnien moħbi u msaħħar.

    L-istorja li smajt jiena tibda mill-1821 meta John Hookham Frere, aristokratiku Ingliż, iddeċieda li jiġi jqatta’ ftit taż-żmien f’pajjiżna, peress li martu, il-Kontessa Elizabeth Jemima, kienet ma tiflaħx u t-tabib irrakkomandalha biex tmur tgħix f’xi pajjiż fil-Mediterran fejn l-ambjent kien aktar sħun. Minħabba li pajjiżna kien kolonja tal-Ingliżi, Hookham Frere kien għażel lil Malta minn inħawi oħra għax kien jippreferi joqgħod flimkien ma’ suditti oħra tal-Ingilterra. Inizzjalment huma marru joqogħdu fil-palazz Casa Correa fi Triq l-Ifran, il-Belt. Madanakollu wara ftit, huma sabu żewġt idjar imdaqqsa max-xatt tal-Pietà li kienu għall-kiri, u l-koppja Frere, flimkien ma’ oħt Frere u l-ħaddiema li kienu jieħdu ħsiebhom, marru jabitaw hemmhekk.

    Għall-arja tal-baħar il-kontessa dehret li qed taqleb għall-aħjar u Frere li kien studjuż tal-klassiċi beda jorbot qalbu dejjem aktar ma pajjiżna, speċjalment meta sar jaf bl-istorja tagħna u wara li żar xi siti storiċi u arkeoloġiċi. Infatti, apparti li kien jaf sewwa bosta lingwi inkluż il-Grieg, il-Latin, it-Taljan, il-Franċiż u l-Ispanjol, huwa beda wkoll jitħarreġ fil-lingwa Maltija u fil-lingwi Ebrajċi. Sadanittant, huwa ttraduċa għall-Ingliż xi xogħolijiet letterarji klassiċi, li wħud minnhom illum jinsabu fil-Biblijoteka Nazzjonali. Ġewwa Villa Frere, hu kellu wkoll waħda mill-ifjen libreriji taż-żmien u mhux darba u tnejn li minħabba fiha kienu jżuruh diversi intelletwali anki minn pajjiżi barranin.

    Intant, fl-1795 Mikiel Anton Vassalli kien lesta l-ewwel dizzjunarju bl-alfabet u l-grammatika bil-Malti. Iżda ħajtu nbidlet mill-lejl għan-nhar meta hu nqabad jgħin lill-Franċiżi biex jitkeċċew il-Kavallieri tal-Ordni minn pajjiżna, u ġie kkundannat sentejn ħabs fil-Forti Rikażli. Inħeles meta l-Franċiżi ħadu lil Malta fl-1798 imma dawn baqgħu f’Malta sentejn biss u meta bdiet il-ħakma tal-Ingliżi, Vassalli reġa’ nxteħet il-ħabs sakemm marad u wara ftit ġie eżiljat fi Franza. Huwa tħalla jiġi lura Malta għoxrin sena wara, fl-1820, sena qabel wasal Frere f’pajjiżna.

    Probabbilment l-attrazzjoni li kellu Frere lejn il-lingwa Maltija, laqqgħet lil dawn iż-żewġ individwi flimkien. Ma damitx ma tnisslet ħbiberija ġenwina bejniethom tant li Frere għen lil Vassalli biex jippubblika l-kitbiet tiegħu ġewwa l-Ingilterra peress li f’Malta dan ma kienx possibbli. Kien ukoll bl-għajnuna ta’ Frere li Vassalli sar l-ewwel professur tal-Malti fl-Università. Frere ħaseb ukoll għall-edukazzjoni tat-tliet subien ta’ Vassalli meta hu kien f’qagħda finanzjarja wisq imwiegħra biex jgħin lill-uliedu. Il-ħbiberija bejn dawn it-tnejn tant kienet soda li baqgħet b’saħħitha saħansitra wara l-mewt ta’ Vassalli li seħħet fit-12 ta’ Jannar 1829. Fil-fatt, meta l-Kappillan irrifjuta li jagħti difna Kattolika lil Vassalli peress li dan għamel żmien jikkollabora mal-Protestanti, minnufih daħal Frere biex il-katavru tiegħu jindifen fiċ-ċimiterju li llum hu magħruf bħala Msida Bastion.

    Ġara li f’Jannar tal-1831 mietet ukoll mart Frere u din ġiet midfuna biswit Vassalli. Il-familjari ta’ Frere talbuh bil-ħerqa biex jirritorna lura lejn pajjiżhom imma hu bl-ebda mod ma ried jitlaq minn Malta. Jingħad li waħda mir-raġunijiet setgħet kienet li mill-ġnien ta’ daru, huwa seta’ jilmaħ iċ-ċimiterju fejn kienet tinsab midfuna martu u b’hekk forsi kien baqa’ jħossha qribu. Mill-ittri ta’ oħtu naraw li għall-ewwel Frere waqa’ f’dieqa kbira iżda wara ftit hi u ħbiebu bdew jagħmlulu l-qalb sakemm reġa’ ġie f’tiegħu. Kien f’dan il-perjodu meta Frere iddeċieda li jibda joħloq ġnien sabiħ mix-xagħri li kien akkwista fit-telgħa tal-Qrejten.

    Sa llum ma nafux min kien il-perit li għenu jifforma ġnien tal-meravilji fi 12 il-tomna raba’, fejn apparti l-pjanti, is-siġar u l-veġetazzjoni ta’ kull tip li ħawwel, hu bena wkoll numru ta’ kostruzzjonijiet mill-ifjen, fosthom żewġ tempji, pergola, funtani u għadd kbir ta’ ċisterni sabiex jiġbor l-ilma fihom. Fatt kurjuż huwa li waqt dawn ix-xogħolijiet, f’mument minnhom il-ħaddiema ta’ Frere iltaqgħu ma’ dagħbien li kien mimli bit-tafal u l-blat. Meta d-dagħbien beda jitbattal instab li din il-ħofra fil-forma ta’ lembut, kienet tinżel għal madwar 60 pied taħt l-art sakemm beda jippenetra l-ilma baħar li għamel impossibbli aktar tħaffir. L-element misterjuż dwar dan id-dagħbien kompla jikber meta fost il-materjal li tneħħa minnu, Frere sab ukoll ġebla li kienet tindika li ġiet maħduma mill-bniedem preistoriku. Huwa kien affaxxinat wisq b’din is-sezzjoni tal-ġnien, speċjalment meta ħabibu Giorgio Grognet de Vasse, webblu li dak id-dagħbien seta’ kien parti mill-leġġendarja Atlantis. Infatti biex jaqsam din is-sejba ma’ aktar nies, huwa ħaffer gallerija li minnha wieħed seta’ jittawwal fid-dagħbien u għamel il-ġnien tiegħu aċċessibbli għall-pubbliku.

    Fl-1824 il-Gvernatur Ingliż kien ħatar lil Frere bħala president tal-kumitat responsabbli miċ-Ċentru tal-Industrija fil-Furjana li kellu l-funzjoni li jgħin lill-fqar u lil dawk bla xogħol. Fis-snin li kien ilu f’pajjiżna, Frere kien sar magħruf sewwa bħala filantropu kbir u infatti jingħad li parti mill-idea ta’ dan il-ġnien inħolqot f’moħħu sabiex bih huwa joffri x-xogħol lill-fqar. Infatti, minn dokumenti li nstabu jidher li hemmhekk Frere ħaddem mat-300 ġardinar. Aktar tard, meta fl-1837 faqqgħet il-kolera f’pajjiżna, huwa ta assistenza finanzjarja lill-eluf ta’ Maltin u bosta baqgħu jħabbtu l-bieb tal-villa tiegħu u jingħataw l-għajnuna minnu.

    Iżda din id-dinja ma turi ħniena ma’ ħadd u f’Jannar tal-1839, Frere tilef lil oħtu Susan. Minn kitba tiegħu jidher li l-uġiegħ f’qalb Frere kien aktar akut minħabba li anki martu kienet mietet f’Jannar. Waqt nota tiegħu huwa ikkummenta li x-xahar ta’ Jannar kien sar wisq żmien melankoniku għalih. Mur għidlu li anki hu kellu jintemm proprju f’Jannar tal-1846!

    Villa Frere u Edward Price

    Mit-30 sena ta’ wara l-mewt ta’ Frere, ftit li xejn nafu x’sar mill-villa fejn kien jogħod, sakemm fl-1876, il-Konti Rosario Messina daħal għall-kirja tal-post. Fl-1885, bintu Giuseppina żżewġet lill-uffiċjal navali Edward Price u dawn marru joqogħdu f’din il-villa. Inzerta li Price kellu għall-qalbu ħafna l-ġonna u għalhekk hu ma damx biex intefa b’ruħu u ġismu biex jerġa’ jagħti l-ħajja lill-ġnien distint ta’ Villa Frere. Infatti huwa kompla jżid partijiet oħra ħelwin miegħu fejn fosthom huwa inkluda ġnien bi stil Ġappuniż, ġnien tal-kaktus, u ġnien tan-nani.

    Il-post reġa’ ħa r-ruħ u ma damx biex sar attrazzjoni turistika. Xi artisti kienu jagħżlu lill-ġnien ta’ Villa Frere biex ipittru xeni mill-isbaħ, peress li l-post kellu veduti mill-aqwa tal-baħar u ta’ l-inħawi tal-madwar. Intant dal-ġnien tant akkwista fama li saħansitra ġew iżuruh żewġ irġejjen tal-Ingilterra Adelaide u Mary, u r-reġina tar-Rumanija, Marie. Fl-1930, ir-rivista prestiġġjuża Country Life ippubblikat artiklu dwar dan il-ġnien u din kompliet iżżidlu l-fama tiegħu meta xebħet it-tifsila tiegħu u l-esperjenza ġewwa fih ma’ pellegrinaġġ fl-essenza tal-ġmiel. Imn’Alla li din ir-rivista ippubblikat għadd ta’ ritratti mill-ifjen ta’ dan il-post għax destinu ma kienx fadallu wisq biex jinbidel kompletament. Infatti, il-leġġenda tal-ġnien ta’ Villa Frere intemmet meta mart Edward mietet sitt snin warajh, fl-1939, u l-proprjetà għaddiet f’idejn il-gvern Malti.

    L-isfreġju ta’ Villa Frere

    Waqt l-attakki tat-Tieni Gwerra Dinjija, Villa Frere intlaqtet bosta drabi u l-ġnien sar ħerba. Wara l-gwerra, il-qagħda soċjo-ekonomika tal-pajjiż ma tantx kienet tiflaħ tiddedika wisq interess għall-ġnien antik u fi żmien qasir, il-villa u parti mill-ġnien tagħha ġew mikrija lil terzi biex isir kummerċ fihom. Fl-1957 fin-naħa fejn dari kien hemm il-ġnien Ġappuniż, inbniet skola primarja, filwaqt li t-terrazzin romantiku li kien joffri xeni sbieħ tal-inħawi tal-madwar, twaqqa’ biex minfloku nbniet skola tan-nurses ħalli tingħaqad mal-isptar St Luke’s li fl-1930 kien inbena biswit il-parti ta’ fuq tal-ġnien ta’ Villa Frere.

    Akkost li matul is-snin numru ta’ individwi li kellhom għal qalbhom il-wirt kulturali Malti u li kienu jafu b’dan is-sit, għamlu minn kollox biex dan jiġi protett, fl-1980 tgħattiet parti oħra tal-ġnien bil-konkrit sabiex fuqha jinżel il-helicopter li kien jagħti servizz ta’ emerġenza fl-isptar St Luke’s. Naturalment, apparti l-ħsara fl-ambjent tal-villa, ma setax jonqos li kull darba li dan il-helicopter jinżel fl-inħawi, il-vibrazzjonijiet tiegħu jkomplu jkabru aktar il-fdalijiet ta’ dan il-ġnien. Fl-1990 twaqqgħu l-istalel li kien hemm quddiem Villa Frere u minflokhom ittellgħu blokok kbar ta’ appartamenti. Fl-2008 il-MEPA skedat iż-żewġ tempji ta’ dan is-sit bħala Grad 1, filwaqt li l-ġonna ġew skedati fi Grad 2. Madanakollu dan ma sewa xejn biex iwaqqaf l-isfreġju li baqa’ jsir fuq dan il-post hekk kif fl-aħħar snin ġie deċiż li jinbena parking minflok id-dagħbien allavolja ġewwa fih kien għadu jidher il-lavur li kien għamel Frere. Infatti d-dagħbien intela’ bir-radam, inqered taraġ sabiħ li kien jgħaqqad it-tempju l-kbir mal-ġnien, il-fdalijiet ġew imbuttati b’gaffa l-ġewwa u magħhom iċċaqalu wkoll xi dekorazzjonijiet antiki li sa dak iż-żmien irnexxielhom isalvaw. Ħajt kiefer qata’ b’sikkina fl-ispirtu ta’ dan il-post, hekk kif partijiet mill-villa spiċċaw mifruda u sparpaljati. Sadanittant matul is-snin xi nies bdew jisirqu partijiet mill-fdalijiet ta’ din il-binja, mentri oħrajn ivvandalizzaw il-post għal darba darbtejn sabiex jaqalgħu l-bebbux minn taħt id-dekorazzjonijiet tal-ġebel storiku!

    Friends of Villa Frere

    Nistqarr li dawn il-ġrajjiet ħallewni bla kliem hekk kif flimkien ma’ Edward u Peter bdejt insegwi dak li kien għad fadal minn dan is-sit. F’dawn l-aħħar snin, dawn iż-żewġ individwi stinkaw qatiegħ biex joħolqu kuxjenza dwar Villa Frere bit-tama li jsalvaw almenu dak li kien fadal u biex jippruvaw iżommu l-attentati li jsiru kull tant żmien biex dan il-ġnien jinqered kompletament ħalli jinbidel fi blokok ta’ appartamenti.

    Intant, bħalissa jidher li hemm interess biex jitneħħa l-ġnien ta’ Villa Ciantar liema proprjetà tinsab biswit Villa Frere. Apparti li tkun tassew ħasra li kieku dan jiġri peress li dan ġie mfassal bi stil barokk fi żmien il-Kavallieri u allura huwa aktar antik minn dak ta’ Villa Frere innifsu, il-qerda tiegħu tkun daqqa ta’ ħarta kbira għall-kuntest tal-ġnien ta’ Villa Frere li ormaj kważi ttiekel għal kollox.

    Edward Said, li huwa perit rinomat fil-qasam tal-konservazzjoni, u li għamel studju dettaljat dwar Villa Frere, stqarr miegħi li jekk dan il-ġnien jintilef, miegħu nkunu tlifna wkoll parti sinifikanti mill-istorja tagħna, u mhux biss! Infatti mill-ġrajjiet li rrakkuntajt fuq, wieħed ma jdumx biex jagħraf li dan il-post iħaddan ukoll fih tifkiriet kulturali, soċjali, letterarji, filoloġiċi, arkitettoniċi, botaniċi, ortikulturali, ekoloġiċi u arkeoloġiċi. Sorprendentement il-ġnien, li minnu ormaj fadal biss madwar tliet tomniet, għadu jagħti l-ħajja lil numru ta’ pjanti u siġar li kienu tħawwlu b’tant għożża mis-sidien antiki tiegħu, fosthom prinjola sabiħa li parti minnha tkissret dan l-aħħar waqt maltempata qalila. Waqt li tnikkitt għall-prinjola, ħarsti waqgħet ukoll fuq palma twila, illum bla weraq xejn, għax hekk kif kienet għoddha għalqet il-mitt sena, din inħakmet mill-marda li qerdet għadd ta’ siġar oħra bħalha, u magħha ntemmet parti oħra mir-reminixxenza ta’ dawn il-ġrajjiet. Minflokha nħolqot xena oħra li tissimbolizza l-bikja ta’ dan il-post.

    L-NGO Friends of Villa Frere twaqqfet bil-ħsieb li aktar nies isiru jafu dwar dan is-sit ħalli b’hekk tinħoloq aktar reżistenza kontra l-qerda tiegħu. Barra minn hekk, din L-NGO għandha l-għan li tipproteġi, tirrestawra u tikkonserva dan il-post. Fatt interessanti huwa illi huma rnexxielhom jagħmlu kuntatt ma’ xi dixxendenti tas-sidien l-antiki tal-post, fejn waħda minnhom, Josephine Tyndale-Biscoe, li hija n-neputija tat-tifla ta’ Edward Price, ippubblikat xi memorji tal-familjari tagħha fi ktejjeb bl-isem ‘A Lost Maltese Garden’.

    Għal aktar informazzjoni dwar din l-NGO wieħed jista’ jibgħat email fuq villafrere@gmail.com

     

    (Dan l-artiklu ġie ppublikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (19 il-parti) fit-Torċa tad-9 ta’ Marzu 2014)

    2014.03.09 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • WIRT IŻ-ŻEJTUN

    Kull meta nċempel lill-ġenituri tiegħi, tiġri ħaġa partikolari – awtomatikament naqleb l-istil tal-lingwaġġ għad-djalett Żejtuni u hekk kif naqta’, nerġa’ lura għal Malti tas-Dar antika fiż-Żejtunsoltu. Ma nagħmiliex apposta imma nieħu gost meta xi ħadd jiġbidli l-attenzjoni għal dan il-fatt għax fir-realtà nħossni kburija li jiena waħda minn dawk il-ftit li għadni kapaċi nitkellem bid-djalett Żejtuni. U akkost li llum mort noqgħod f’post ieħor, li huwa għall-qalbi ħafna wkoll, belt twelidi ż-Żejtun hija bħal dik l-ewwel imħabba, li trid jew ma tridx, ma tneħħiha qatt minn qalbek!

    Għalhekk meta dan l-aħħar sirt naf li kienet ser titwaqqaf l-għaqda Wirt iż-Żejtun, dlonk ikkuntattjajt lill-moħħ wara l-ħolqien tagħha, il-perit Żejtuni Ruben Abela.

    “Peress li minn dejjem kont kburi li jien Żejtuni, niftakar li meta kont għadni tifel u kont nattendi fi skola primarja tas-sorijiet, spiss kienu jħobbu jaqbdu miegħi għax kont miż-Żejtun. Aktar tard meta kbirt u bdejt naħdem, kienu joqogħdu jinkuni b’Santa Katarina u jsostnu miegħi li mhiex qaddisa. Imma jien qatt ma ħallejt lil ħadd b’xejn taf!”

    Illum Ruben jaħdem bħala Manager ma’ Heritage Malta fil-qasam tal-konservazzjoni u dan l-aħħar ġie nkarigat mill-proġetti kollha tar-restawr. Kelli kurżità jekk il-fatt li trabba’ f’belt tant storika bħal mhu ż-Żejtun, kellux sehem biex hu jaqbad din il-linja tax-xogħol?

    “Meta kont qed nistudja għall-perit, l-għan tiegħi dejjem kien li xi darba għad nagħti kontribut liż-Żejtun. Il-wirt storiku in ġenerali u l-protezzjoni tiegħu minn dejjem kienu l-linja tiegħi imma Ruben Abelanaturalment il-postijiet fiż-Żejtun niffoka fuqhom aktar. Infatti jiena l-perit responsabbli mir-restawr tal-Knisja ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun, għalkemm dan l-aħħar dax-xogħol kellu jieqaf peress li m’hemmx fondi biżżejjed biex inkomplu.”

    Kif nibtet l-idea ta’ din l-għaqda Wirt iż-Żejtun?

    “Lejn l-aħħar tas-sittinijiet u l-bidu tas-sebgħiniejat kienet teżisti għaqda simili bl-isem Żejtun Historical Society li kienet immexxijja minn Walter Zahra.

    Nistqarr li kont ilni ħafna naħseb kif nista’ nagħmel biex noħloq aktar kuxjenza u interess dwar il-valur tal-wirt kulturali taż-Żejtun. Imbagħad is-sena l-oħra nnutajt fenomenu jseħħ dwar il-futbol, fejn iż-Żejtun Corinthians irnexxielhom joħolqu sapport kbir għat-tim tagħhom. Bejni u bejn ruħi għedt, jekk dawn irnexxielhom joħolqu xi ħaġa daqstant b’saħħitha, għaliex m’għandux jirnexxieli jien ukoll li nibni xi ħaġ’oħra simili imma dwar il-wirt storiku Żejtuni li jagħtina l-identità tagħna?

    Stħarriġt diversi ideat speċjalment permezz tal-facebook fejn bdejt intella’ xi paġni li kienu jinkludu vidjows u informazzjoni interessanti dwar iż-Żejtun. Xtarrejt il-possibilità li nwaqqaf fondazzjoni imma Logo - Wirt iż-Żejtunwara xi żmien deherli li jekk minflok noħloq għaqda, inkun qed inqarreb ħafna aktar lejn l-iskop aħħari tiegħi; dak li nqajjem kuxjenza dwar il-wirt kulturali taż-Żejtun. Minn hemm ħareġ l-isem Wirt iż-Żejtun u hekk kif ftaħt paġna fil-facebook taħt dan it-titlu u rajt li fi żmien sena, l-membri telgħu għal aktar minn 1300, ikkonfermajt li finalment kien wasal iż-żmien li nagħmel l-ewwel pass biex din l-għaqda ssir realtà.

    Inizzjalment bżajt li qed nimmira fl-għoli żżejjed u meta fit-3 t’Ottubru 2010 saret l-ewwel laqgħa, ma stennejtx aktar minn 20 persuna. Iżda minflok attendew 65 u l-entużjażmu tan-nies għamilli kuraġġ u wrieni biċ-ċar li dakinhar twieled Wirt iż-Żejtun. Infatti waqt l-istess laqgħa ġiet approvata r-riżoluzzjoni minn dawk preżenti u twaqqaf kumitat ad hoc li l-membri tiegħu huma Dr Malcolm Borg, Dr Joe Buttigieg, is-Sur Jesmond Cutajar, is-Sinjura Ninette Sammut, il-Perit Audrey Testaferrata de Noto u Dr Nadia Theuma. Dawn kienu ta’ għajnuna kbira b’mod speċjali fit-tfassil ta’ l-istatut ta’ l-għaqda.

    Fit-30 ta’ Jannar 2011 ser issir l-ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Wirt iż-Żejtun fejn dawk li jkunu ssieħbu bħala membri, jkunu jistgħu jikkontestaw jew jivvutaw għal diversi ħatriet konnessi mal-għaqda.”

    Intant bħalissa Wirt iż-Żejtun qed tilqa’ l-applikazzjonijiet mingħand dawk li jixtiequ jissieħbu f’din l-għaqda. Tlabt lil Ruben jikkonfermali jekk il-membri kellhomx ikunu Żwieten biss?

    “Assolutament li le! Wirt iż-Żejtun mhiex għaqda ta’ grupp partikolari għax nemmen li l-wirt storiku huwa ta’ kulħadd. Ovvjament qed nistenna li l-maġġoranza ser ikunu Żwieten imma l-għaqda hija miftuħa għal kulħadd.

    Bi pjaċir ngħidlek li diġà għandna membri minn postijiet oħra li ngħaqdu magħna sempliċiment għax jinteressaw ruħhom fil-qasam tal-wirt storiku u għax raw xi ħaġa pożittiva f’din l-inizzjattiva. Triq fiż-ŻejtunSinċerament għalina, aktar ma jkun hemm diversità fil-membri, tant l-aħjar, għax jekk jissieħbu magħna nies li qed japprezzaw il-wirt taż-Żejtun u mhumiex minn din il-belt, allura dawn ikunu qed jagħtu eżempju lil dawk iż-Żwieten li forsi ma jkunux qed japprezzaw daqshekk.”

    X’ser ikun mistenni mill-membri ta’ Wirt iż-Żejtun?

    “Mill-membri ser ikun mistenni li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-għaqda u li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom magħna. Finalment l-iktar kontribut importanti tagħhom ikun dak li jwasslu l-messaġġ lill-oħrajn dwar il-valur tal-wirt kulturali Żejtuni.”

    X’tip ta’ attivitajiet beħsiebkom torganizzaw?

    “Għal dis-sena diġà għandi programm t’attivitajiet imma naturalment irid jitwaqqaf il-kumitat l-ewwel.

    Nibda biex ngħidlek li nixtieq ħafna li niffukaw fuq it-tfal Żwieten sabiex nibdew inrawwmu fihom l-imħabba lejn belt twelidhom u ngħallmuhom japprezzaw is-sabiħ tal-post li jgħixu fih. Dan hu possibbli Dettalji arkitettonici ta' dar fiż-Żejtunbilli nersqu aktar lejn l-iskejjel u norganizzaw attivitajiet relatati mat-tfal u l-wirt kulturali. Meta kont kunsillier fil-Kunsill Lokali taż-Żejtun, kont diġà bdejt xi ħaġa simili u nista’ ngħid li t-tfal ta’ dak iż-żmien telgħu b’ċerta mħabba lejn belt twelidhom. Huwa għalhekk illi f’Wirt iż-Żejtun ftaħna applikazzjonijiet b’rati speċjali għall-membri tfal.

    Ħsieb ieħor tiegħi huwa li kull sena norganizzaw symposium ma’ grupp ta’ esperti sabiex finalment minnu tinħareġ pubblikazzjoni. Idealment das-symposium ikun marbut mal-attivitajiet ta’ Żejt iż-Żejtun.

    Attivitajiet oħra ser jinkludu t-twaqqif ta’ numru ta’ heritage trails madwar inħawi differenti fiż-Żejtun. Ta’ min isemmi li l-Kunsill Lokali taż-Żejtun diġà fassal xi ħaġa simili f’forma ta’ fuljett maħdum f’diversi lingwi.”

    X’funzjoni ser ikollha Wirt iż-Żejtun?

    “Eventwalment l-iskop tal-għaqda huwa illi flimkien inkattru l-interess u r-rispett lejn il-wirt naturali, kulturali, ambjentali, storiku, etnografiku u arkeoloġiku kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli li għaddewlna ż-Żwieten ta’ qabilna biex inħarsuh, nivvalorizzawh, inkattruh u ngħadduh liż-Żwieten ta’ warajna fl-aħjar stat possibbli, f’kull livell tas-soċjeta’ u fl-isfond ta’ żvilupp sostenibbli.

    Jiena nemmen li kull lokal għandu jkollu NGO simili. Din L-Art Ħelwa u Fondazzjoni Wirt Artna jagħmlu ħafna xogħol siewi madwar Malta kollha imma dawn ma jistgħux jagħtu l-attenzjoni diretta lil kullBini fiż-Żejtun lokal. F’dan il-punt ma nistax ma nsemmix ukoll ix-xogħol impekkabbli li għamel il-Kunsill Lokali taż-Żejtun fejn permezz tas-sottokumitat tal-arti u l-kultura, huwa għamel ġid kbir f’dik li hija ħolqien ta’ kuxjenza dwar il-wirt kulturali tal-lokal. Dan kollu sar permezz tal-organizzazzjoni ta’ diversi attivitajiet fostom fil-promozzjoni tad-djalett, l-għana u l-poeżija. Iż-żmien meta kien hawn min jistħi li hu miż-Żejtun issa għadda u mar, grazzi għall-kampanja sħiħa li għamel il-Kunsill Lokali biex titneħħa l-immaġni negattiva li nħolqot minħabba parti mill-istorja tal-post. Tant hu hekk illi illum kunsilli oħrajn iħarsu lejn il-kunsill taż-Żejtun bħala suċċess.

    NGO bħal Wirt iż-Żejtun tista’ tkompli tibni fuq dan kollu. Kunsill lokali huwa marbut bil-liġijiet tiegħu u għandu ċertu limiti sa fejn jista’ jasal, bħal ngħidu aħna ma jistax jagħmel inizzjattivi f’qasam privat, mentri NGO tista’.  Anki f’dak li jirrigwarda fondi mill-Unjoni Ewropea, biex tingħata għajnuna f’dan il-qasam, jeħtieġ li jkun hemm NGO fil-lokal u bħalissa fiż-Żejtun m’hemmx NGO relatata.”

    Il-ħerqa u l-entużjażmu ta’ Ruben flimkien mal-ideat interessanti tiegħu ċertament ser isarrfu f’ġid kbir għal-lokal taż-Żejtun hekk kif jiġu attwati. Tkellimna dwar diversi proġetti li għandu ppjanati…

    “Forsi ftit jafu li ċ-ċangatura taz-zuntier tal-Knisja ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun hija l-istess ċangatura li kien hemm fl-art tal-barracks tal-kavallieri ta’ Forti Rikażli. Sabu ruħom iż-Żejtun meta fi żmien l-Ingliżi, kuntrattur Żejtuni ġie mqabbad jaqla’ ċ-ċangatura tal-forti u dan wara ħadem bihom iz-zuntier tal-knisja. Xi snin ilu kien hemm lapida tal-irħam taħt il-bieb prinċipali tal-knisja li kienet tixhed din l-istorja. Sfortunatament xi vandali kissru din il-lapida u minflok ġiet irrestawratha, intremiet! Qed nittamaw li erbgħa snin oħra, Wirt iż-Żejtun jkun jista’ jikkommemora l-100 sena anniversarju taz-zuntier billi fostom nerġgħu nagħmlu lapida ta’ tifkira.

    Każ ieħor li ilu ħafna fuq moħħi hija l-Knisja ta’ San Girgor li ċertament hija waħda mill-akbar teżori li għandna ż-Żejtun. Hija magħrufa fost l-oħrajn bħala enċiklopedija tal-arkitettura peress li fiha Il-knisja ta' San Girgorgħandek l-istili kollha tal-arkitettura, ibda mill-perjodu sikolo-normann u ibqa’ sejjer sal-perjodu neo-klassiku. Iżda barra minn hekk din il-knisja antikissima tħaddan potenzjal kbir storiku u arkeoloġiku. Ngħidu aħna, taħt dil-knisja qatt ma ġie skavat b’reqqa u dan meta viċin sewwa tagħha, fl-inħawi tal-iskola sekondarja taż-Żejtun, instabu fdalijiet arkeoloġiċi ta’ villa Rumana. Infatti waslitli informazzjoni illi meta attwalment saru xi skavi żgħar taħt iz-zuntier, kien instab xi fuħħar li llum jinsab fil-mużew tal-knisja.”

    Marbuta wkoll mal-Knisja ta’ San Girgor hemm diversi kurżitajiet u misteri oħra li personalment nixtieq ħafna li xi darba narahom solvuti. Għaldaqstant ħassejtni tassew fuq ix-xwiek meta Ruben żerżaqli din l-informazzjoni…

    “Waħda mill-kurżitajiet li Wirt iż-Żejtun jista’ jixħet dawl fuqha hija l-ġrajja tal-passaġġi sigrieti li jinsabu fil-knisja ta’ San Girgor fejn ġew skoperti għadd ta’L-iskeletri tal-passaġġi sigrieti f'San Girgor skeletri umani. Sal-llum ħadd ma jaf eżatt kif dawn sabu ruħhom hemm imma jiena nħossni determinat biex niċċara din l-istorja darba għal dejjem. Jinħtieġu ħafna xogħol u fondi biex din il-mira ssir realtà fejn fostom għandi ppjanat li dan l-għadam jitpoġġa għal analiżi xjentifika.”

    Hija eċċitanti u sabiħa ferm is-sensazzjoni li tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jħaddan l-istess valuri u mħabba lejn xi ħaġa li tgħożż int. U ma ridtx wisq biex nifhem kemm Wirt iż-Żejtun ser tkun kapaċi tagħti das-sodisfazzjon lil dawk li jissieħbu magħha.

    “Permezz ta’ Wirt iż-Żejtun nixtieq naqsam dak kollu li naf u dak kollu li niskopri dwar dal-lokal. Naħseb li ormaj dħalt f’kull rokna possibbli tat-triqat taż-Żejtun biex inħuf u nsib ċertu dettalji prezzjużi li wħud miż-Żwieten stess tant drawhom li bilkemm jafu bihom. Fil-fatt ngħir ħafna għall-kappillan, għall-arċipriet, għall-qassisin u għall-politiċi li jistgħu jidħlu fid-djar tan-nies għax m’għandix dubju li hemm teżori ferm isbaħ wara l-ħitan ta’ bosta djar! Mhux darba u tnejn li ġew xi studenti li jkunu qed jagħmlu xi teżi partikolari u ħadthom jaraw xi eżempji, bħal ngħidu aħna numru ta’ muxrabiji li jinsabu ż-Żejtun.”

    Qabel nagħlaq din l-intervista tlabt lil Ruben jgħidli xi jfisser iż-Żejtun għalih?

    “Iż-Żejtun huwa l-post li trabbejt fih u għalhekk huwa marbut wisq ma’ qalbi. Huwa post li minnu ħarġu wħud mill-personalitajiet li nisġu parti mill-istorja u l-kultura Maltija. Barra minn hekk, il-postijiet differenti li jħaddan ġewwa fih huma xhieda tal-antenati tagħna li matul is-snin għoġobhom jibnu dawn il-binjiet u jieħdu ħsiebhom biex illum nistgħu ngawduhom aħna.

    Hija ħasra li ċertu nħawi lanqas iż-Żwieten stess ma jafu bihom, bħal ngħidu aħna lok partikolari li jinsab fit-tarf tar-raħal t’isfel, minn Villa Cagliaris il-fuq lejn il-Ħofra. Hemmhekk hemm l-unika parti taż-Ir-raħal t'isfel taż-ŻejtunŻejtun li ma nbenix bini modern fiha u għandek letteralment ħajt iffortifikat fejn il-parti ta’ wara tad-djar kollha m’għandhom l-ebda aperturi jagħtu għal fuq l-egħlieqi ta’ faċċata. Dan is-sit nistħajjlu mument maqtugħ fil-passat fejn permezz tiegħu nistgħu naraw kif kienet il-ħajja fiż-Żejtun fiż-żmien medjevali – raħal introvert, protett minn barra b’qoxra ta’ ħajt għoli żewġ sulari. Imbagħad għandek rixtellu antik li donnu serva bħala l-bieb tal-belt, fejn wieħed jista’ jara ċarament it-tranżizzjoni bejn iż-żona rurali u dik urbana.

    Huma dawn il-karatteristiċi partikolari li jagħtu dik l-identità unika lil kull post f’dinja globalizzata bħal ta’ llum. U l-idea ta’ Wirt iż-Żejtun hija propju li tiġbed l-attenzjoni għal dawn il-karatteristiċi. Biex Lino Psaila jtajjar il-manuċċinagħtik eżempju, dan l-aħħar jiena u wieħed minn uliedi konna qed induru n-noti tal-istudju soċjali fejn fostom kien trattat is-suġġett tal-logħob tat-tfal. Sentenza minnhom kienet issemmi t-tajra u inkludiet ukoll li hemm min isejjħilha ħamiema, naturalment għax f’Għawdex jafuha hekk. Imma anki aħna ż-Żwieten għandna kelma apposta għaliha – manuċċa. U għalhekk lil ibni għedtlu biex fl-eżami, apparti milli jniżżel il-kliem li għandu fin-noti tiegħu, iniżżel dik ukoll.

    Huma affarijiet li ninsisti ħafna fuqhom. Forsi jidhru bħala aspetti u karatteristiċi żgħar imma huma dawk li jagħtuk l-identità partikolari tiegħek bħala Żejtuni. Jiena nemmen li kollox huwa katina: il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna, il-wirt li ħallewlna – kollox ma kollox jagħmlek dak li int. U finalment jidhirli li aħna obbligati nipproteġu dak li tħalla lilna u possibilment nħalluh f’kundizzjoni aħjar biex ikun jista’ jitgawda minn dawk li ġejjin warajna.”

    Għal aktar dettalji wieħed jista’ jikkuntattja lil Wirt iż-Żejtun permezz tal-facebook Wirt iż-Żejtun jew bl-email wirtizzejtun@gmail.com inkella jista’ jattendi għal-laqgħa li ser issir fl-10:00am, il-Ħadd 30 ta’ Jannar 2011.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-16 ta’ Jannar 2011)

    2011.01.16 / no responses / Category: Torca - Perspettivi