Posts Tagged ‘Ġimgħa Mqaddsa’

  • WIRJA TAL-ĠIMGĦA MQADDSA – wirja bi skop

    Fil-ħajja kultant jiġu mumenti meta tibda titħasseb jekk Alla jeżistix tassew f’ħajjitna. Partikolarment meta jseħħu traġedji kbar u tara popli sħaħ jinkinsu qishom nemel mejtin, jiġik id-dubju jekk wara kollox hux qegħdin weħidna hawn isfel u li m’hemm ħadd jieħu ħsiebna fir-realtà! Ħsibijiet koroh ħafna li jqanqlu fik emozzjonijiet ta’ disperazzjoni li tħosshom iridu jiklulek qalbek. Diffiċli l-ħajja meta tgħolli għajnejk il-fuq lejn is-sema kaħlana u moħħok jgħidlek li dak hu l-limitu tal-eżistenza tiegħek u li m’hemm xejn aktar. Iebsa wisq biex taċċetta li m’hemm l-ebda entità lejn min tista’ tirrivolġi għall-għajnuna u li dak li ġejt mgħallma u li emmint matul ħajtek kollha huwa biss gidba.

    Biex tgħaqqad, l-atteġġjament ta’ wħud minn dawk li jagħżlu li jkunu r-rappreżentanti tal-messaġġ t’Alla, xi kultant aktar jitfgħek fil-limbu milli jurik id-dawl. Nagħżel biss illi nsemmi każ li seħħ il-ġimgħa li għaddiet fejn għad-diżappunt u l-inkredultà tal-familjari u l-mistednin, tarbija ta’ koppja mhux miżżewġa, ġiet mgħammda għaliha weħidha, f’sala ta’ knisja u wara li spiċċat il-quddiesa u telaq kulħadd il-barra! U dan meta  waqt il-quddiesa, smajna priedka mqanqla mill-qassis b’messaġġi kontinwi ta’ tolleranza u mħabba filwaqt li fl-istess ħin, f’rokna mwarrba f’dak il-post, kien hemm dit-tarbija u l-ġenituri tagħha jistennew ħalli titgħammed. Tgħid Kristu hekk kien jagħmel kieku għex dis-sitwazzjoni? Nitbissem meta mbagħad jiġi xi ħadd jistagħġeb il-għala qed jonqsu n-nies mill-Knisja!

    Iżda trid jew ma tridx, bosta drabi jkollok tagħraf illi għandek bżonn li temmen sabiex tkun tista’ tibqa’ għaddej. U għalhekk, meta tiltaqa’ ma’ grupp ta’ żgħażagħ jaħdmu mimlija fiduċja u ħeġġa sabiex jiċċelebraw dal-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa, qalbek donnha tistejqer u fik terġa’ tinbet dik il-fjamma li tkun għoddha ntfiet….

    Ryan Bezzina, il-viċi Chairman tal-Kummissjoni Festa Esterna –Fgura laqgħani ġewwa l-Knisja l-Antika tal-Fgura. Flimkien ma’ sħabu, huwa kien qiegħed ilesti l-aħħar preparamenti sabiex tittella’ l-wirja annwali tal-Ġimgħa l-Kbira.

    “Flimkien ma’ missieri Raymond u l-Kummissjoni, ilni ntella’ din il-wirja għal dawn l-aħħar sitt snin,” beda d-diskors Ryan. “Fil-fatt kien missieri stess li rawwimni f’dan il-qasam. Sa minn meta kont żgħir, Raymond u Ryan Bezzina (lemin) (organizzaturi tal-wirja) flimkien mal-Kappillan tal-Fgurakont narah jgħin fl-armar tal-festa u maż-żmien anki jiena bdejt immidd idi. Ftit wara beda jitħajjar jixtri xi statwa żgħira u minn hemm id-delizzju kiber tant li missieri beda jikkollezzjona sett ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Iżda wara xi snin iddeċieda li jieqaf u minfloku għażilt li nkompli nibni s-sett jien. Sadanittant bdejna ninteressaw ruħna wkoll f’xi oġġetti antiki tal-arti sagra. Meta rawni daqshekk iddedikat, sħabi ħajjruni ntella’ wirja u ddeċidejt li nipprova. Flimkien mal-Kummissjoni u permezz ta’ xi kollezzjonijiet privati oħra, jiena u missieri bdejna ntellgħu wirja annwali fejn kull sena, inżidu xi ħaġa ġdida. Nistgħu ngħidu li kollox beda minn sett ta’ vari żgħar!”

    Il-wirja hija mqassma f’erbgħa sezzjonijiet…

    “Aħna nippruvaw nolqtu d-diversi interessi ta’ dawk kollha li jiġu jżuru din il-wirja li daqs kemm kibret illum, aktar tista’ ssejħilha esebizzjoni. Fil-fatt in-nies timxi matul xenarji mibnija apposta u tittieħed minn sezzjoni għall-oħra akkompanjata minn selezzjoni professjonali ta’ dawl u mużika sagra. L-iskop tal-wirja huwa li ndaħħlu lin-nies fl-atmosfera tal-Ġimgħa Mqaddsa, nifhmu aktar il-passjoni ta’ Kristu u x’tirrappreżenta l-Ġimgħa l-Kbira u f’dan kollu ndaħħlu wkoll it-tradizzjonijiet lokali.

    L-ewwel sezzjoni, eżatt kif tidħol, tikkonsisti f’sett ta’ vari tradizzjonali li magħhom insibu wkoll xogħol ta’ fidda, skultura, rakkmu mill-isbaħ u fin-nofs kurċifiss antik tal-kartapesta. Interessanti nsemmi wkoll illi hawnhekk ser ninkludu wkoll ventartal antik (artal li jintrama quddiem l-artali għall-okkażżjoni) u karti tal-glorja fi tlieta (li dari kienu jitqiegħdu fuq l-artali biex tingħad il-quddiesa minn fuqhom).

    It-tieni sezzjoni ser tkun imżejjna b’xenarju msejjes fuq il-pittura tal-aħħar ċena ta’ Leonardo Da Vinci fejn hemmhekk in-nies tista’ tara l-mejda tal-appostli armata bi stil Lhudi, eżatt kif jingħad li kienet fl-aħħar ikla li għamel Kristu magħhom. F’din il-parti jispikka ħafna x-xogħol tal-platti tal-ismid fostom il-platti bl-ismijiet tal-appostli.

    It-tielet sezzjoni hija dik li l-aktar li timpressjona n-nies u fiha nsibu statwi life-size. Kemm l-istatwi u kemm ix-xenarju li jdawwarhom huma maħduma fuq il-film The Passion of The Christ. Għażilna dan l-Sett ta' statwi lifesizeistil peress li jidhrilna li dan il-film kien l-aktar wieħed qawwi u realistiku. L-ewwel ma ħdimna kienet l-istatwa ta’ Kristu u din mall-ewwel laqtet ħafna lil kull min ġie jaraha. L-iskultura tagħha hija xogħol ta’ James Azzopardi min-Nadur. L-oriġinalità tal-istatwa toħroġ l-aktar peress li din mhiex imlibbsa parrokka (kif soltu jkunu statwi bħal dawn.) Minflok din għandha x-xagħar tar-ras u s-suf tal-ġisem, imdaħħlin waħda waħda minn ġilda partikolari tal-fibre li jagħtu lill-istatwa s-sensazzoni ta’ ġilda ta’ bniedem veru, meta tmissha. Bl-istess mod, inħadem ukoll is-suldat il-manigold li jidher qiegħed isawwat lil Kristu. Ta’ min isemmi li dis-sena f’dix-xena ser jiżdied ukoll iċ-ċenturjun bil-qiegħda qed jgħodd is-swat ta’ Kristu.

    Finalment in-nies tasal għar-raba’ sezzjoni li bosta jsibuha bħala l-aktar naħa prezzjuża, propju minħabba li fiha nesebixxu selezzjoni ta’ oġġetti sagri antikiStatwa ta' Kristu li kienu jintużaw ġol-knejjes. Hawnhekk kull sena nagħmlu xi ħaġa ġdida u ċertu nies jiġu letteralment biex jaraw din il-parti. Għaldaqstant ma nistax niżvela ħafna minn dak li ser jaraw. Nista’ però nsemmilek illi fostom ser ikun hemm kollezzjoni ta’ kurċifissi antiki maħduma minn materjali differenti u li wħud minnhom imorru lura għal aktar minn 300 sena. Kważi daqstant antik ser isibu wkoll vestwarju li kien jintlibes mill-qassisin fiż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Ser ikun hemm ukoll għadd ta’ platti tal-ismid, kollha maħdumin mill-membri tagħna.”

    Ryan qalli illi t-tradizzjoni tal-platti tal-ismid inbdiet f’Ħaż-Żebbuġ u llum daħlet f’ħafna rħula oħra. Huwa xogħol ta’ paċenzja kbira imma r-riżultat tiegħu huwa mpressjonanti u mill-isbaħ (kif qagħad jurini Christian Brincat li biex ifehemni kif isir dan ix-xogħol, beda jżejjen platt tal-appostli quddiemi). Għal dis-sena wieħed mill-attrazzjonijiet ser ikun platt ta’ ftit akbar minn metru maħdum bis-smid u mibni fuq kwadru. Huwa x-xogħol ta’ żgħażugħ ta’ 21 sena, Emmanuel Spiteri…

    “Domt naħdem fuqu ġimgħatejn, erbgħa siegħat kuljum. Huwa xogħol li trid attenzjoni u paċenzja kbira għalih imma li jekk tagħmlu bil-qalb, wara jagħtik sodisfazzjon kbir. Tgħallimt dis-sengħa Christian Brincat qed jaħdem fuq platt tal-ismidhawnhekk, fil-maħżen tal-Kummissjoni. Oriġinarjament aħna konna nqabbdu lil ħaddieħor biex jagħmlilna dawn il-platti. Ġara li darba minnhom dan l-individwu ma setax jaqdina bħas-soltu u sħabi ħajjruni nipprova nagħmel xi ħaġa jien. Jiena kont ilni ninnota kif isir dax-xogħol għax l-arti minn dejjem togħġobni. Iddeċidejt li nipprova u ftit ftit irnexxieli naħdem l-ewwel platti sakemm bil-mod bnejt it-tattika partikolari tiegħi. Is-sigriet qiegħed fil-kapaċità ta’ kif tħallat u tpoġġi l-kuluri fuq il-platti. Kemm ilni membru fil-Kummissjoni tgħallimt ħafna minn sħabi akbar minni. Fil-fatt hawnhekk tħarriġt ukoll fis-sengħa tal-ixkatlar li aktar il-quddiem wasslitni biex sibt xogħol f’dan il-qasam.”

    L-iskop oriġinali tal-Kummissjoni Festa Esterna – Fgura huwa li ttella’ l-festa ta’ dan ir-raħal imma l-għan tagħha jmur aktar minn hekk.

    “Permezz tal-maħżen tal-armar, aħna niġbru ż-żgħażagħ aktar lejna u nżommuhom il-bogħod mill-inkwiet u l-vizzji ħżiena. Nitgħallmu diversi snajja’ flimkien u fl-istess ħin nieħdu pjaċir naħdmu kollha għal għan wieħed. Tista’ tgħid li f’dal-maħżen prattikament niġu kuljum għax dejjem inkunu għaddejjin fuq xi proġetti ġodda.

    Is-sena 2010 hija sena importanti ħafna għall-Fgura minħabba li dis-sena ser ikunu qegħdin qegħdin jiġu ċċelebbrati bosta anniversarji sinifikattivi għall-għaqdiet tal-parroċċa fostom il-25 sena mill-ftuħ mill-każin tal-banda imma b’mod speċjali l-anniversarju tal-50 sena mill-wasla tal-vara titulari tal-Madonna tal-Karmnu. Fil-fatt f’Ottubru li ġej ser inkunu qed intellgħu wirja Marjana fuq statwi antiki li jirrappreżentaw lill-Madonna. U kif qed insemmu dan, ta’ min navżaw ukoll li dis-sena l-festa tal-Fgura mhux ser tiġi ċċelebbrata fit-tieni Ħadd ta’ Lulju kif isir is-soltu, imma minflok ser issir fl-1 t’Awwissu 2010.”

    B’entużjażmu kbir, Ryan u sħabu dawwruni mal-imħażen fejn rajt uħud mix-xogħolijiet li kienu qed isiru fostom dak tal-induratura u l-fibre. Kien hemm membri ta’ kull età, saħansitra tfal żgħar li kienu qed jaħdmu fuq liedna twila.

    “Aħna nilqgħu lil kull min juri interess li jixtieq jaħdem magħna,” qalli Ryan. “U mhux nies mill-Fgura biss huma membri ta’ din il-Kummissjoni. Kull fil-għaxija, għall-ħabta tal-5:00pm, niftħu l-bibien Tfal jaħdmu l-liednatal-maħżen u tara l-membri ġejjin, kulħadd iddedikat fuq xogħolu għax kull wieħed minnhom għandu xi parti li hu responsabbli minnha. Hawnhekk jiġu nies li bosta drabi lanqas ikunu jafu li għandhom l-arti fihom iżda mbagħad maż-żmien toħroġ b’mod naturali peress li hawn l-ambjent iħajjrek tmidd idejk. Nagħmlu dax-xogħol għax inħobbu l-armar għax mill-bqija hawn kollha volontarji. Huwa xogħol impenjattiv li jagħtik sodisfazzjon kbir. Tagħmel ukoll ħafna kuraġġ meta tara ż-żgħażagħ jaħdmu bil-ħerqa.

    Għall-ewwel darba dis-sena, flimkien ma’ din il-wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa ser issir ukoll rappreżentazzjoni ħajja bl-għajnuna tal-atturi tal-Fgura Paegant Group. Il-Ħamis 25 ta’ Marzu 2010 ser issir it-tisliba (wara l-ftuħ uffiċċjali tal-wirja). Imbagħad ser ikun hemm rappreżentazzjoni ta’ ċenaklu ħaj fl-1 t’April 2010 (Ħamis ix-Xirka) mit-8:00pm il-quddiem u l-għada t-2 t’April 2010 (il-Ġimgħa l-Kbira) mid-9:00am sa nofsinhar.

    Din il-wirja ser tittella’ fil-Knisja l-Qadima tal-Fgura. Ftuħ: il-Ħamis 25 ta’ Marzu 2010 mis-7:00pm sat-8:30pm; il-Ġimgħa 26 ta’ Marzu 2010 mill-5:30pm sad-9:00pm; is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ Marzu 2010 mit-8:30am sa nofsinhar u mis-6:00pm sat-8:00pm; it-Tnejn 29 u t-Tlieta 30 ta’ Marzu 2010 mis-6:00pm sat-9:00pm; l-Erbgħa 31 ta’ Marzu 2010 mis-6:00pm sad-9:30pm; il-Ħamis l-1 t’April 2010 mit-9:00am sa nofsinhar u mis-6:00pm sal-11:00pm u l-Ġimgħa 2 t’April 2010 mit-8:00am sa nofsinhar.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 ta’ Marzu 2010)

    2010.03.21 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • DAR-RAĠEL KELLU JINQATEL!

    Rappreżentazzjonijiet tal-ġrajja tal-passjoni ta’ Kristu ilhom isiru s-snin. Madanakollu n-nies baqgħet dejjem tattendi bi ħġara, akkost li ormaj l-istorja kulħadd jafha. Fil-fatt għadni niftakar b’ċarezza meta kont għadni tifla u l-ġenituri tiegħi kienu jeħduni nara xi dramm tal-passjoni f’dawn il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Kont nidħol sewwa fir-rakkont u kważi kważi kont nemmen li jiena waħda minn dawk ta’ madwar Kristu. Qalbi kienet tibda tħabbat sitta sitta meta kont nara lil Ġuda qed jiftiehem biex jittradih. Kien ikolli aptit inqum u nieħdu f’kantuniera u nfehmu bl-iżball li kien ser jagħmel, kemm għalih, għax kien ser jibqa’ misħut u kemm għal Ġesù li kien ser ibati u jinqatel. Imma ħabta u sabta kont nirrealizza li dik kienet biss reċta, li dak li kellu jiġri, diġà ġara u hekk jew hekk, dak li jseħħ kull sena quddiem għajnejna, kien ilu miktub.

    B’danakollu meta dis-sena ġejt magħżula biex għall-ewwel darba nieħu sehem fi dramm tal-passjoni, ilqajt l-istedina minnufih. Kemm għax id-drama hija għall-qalbi ħafna, kemm għax finalment anki jien ser jirnexxieli nkun parti minn rappreżentazzjoni ta’ dil-ġrajja u speċjalment meta sirt naf li ser ninterpreta l-karattru tal-mara l-midinba – li wara l-agħa li qajjem id-Da Vinci Code dwar din il-mara, saret taffaxxinani wisq! Fuq kollox, meta qrajt l-iskript ta’ dan id-dramm u fhimt l-iżvolġiment partikolari ta’ din l-istorja, xtaqt nistħarreġ aktar x’inhu dak li jwassal biex jissawwar rakkont bħal dan u xi jfisser li taħdem il-parti ta’ Kristu sena wara l-oħra…

    Dwar dan id-dramm li jġib l-isem Tamara, tkellimt ma’ Charles Scerri; il-kittieb u d-direttur. Bdejt billi staqsejtu x’ħajjru għall-kitba ta’ dan it-tip meta xogħolu huwata’ natura  ferm differenti?

    “Ma nafx nagħtik risposta eżatta ta’ kif jien bdejt nikteb jew x’ħajjarni nibda nikteb. Li naf huwa li mingħajr kitba inħossni qisni biċċa raba’ li fiha ma joktor xejn. Forsi twieldet miegħi mistura u tinħema u tistenna l-istaġun tagħha.  Forsi żviluppat bil-mod, fis-skiet, fil-ħemda ta’ dak li jagħmlek int. Li naf huwa li saret parti essenzjali minni.

    Min-naħa l-oħra nara relazzjoni qawwija bejn ix-xogħol u l-kitba tiegħi. L-uġiegħ fiżiku u speċjalment dak mentali, jiżra’ emozzjonijiet li mhux faċilment jinħakmu. Jien nikteb dak li nħoss u dak li nara madwari fil-ħajja ta’ kuljum – il-ħsibijiet li jġarrbuna u li jġibu l-eżistenza tagħna sema mudlama.”

    Minbarra Tamara qatt ktibt skripts ta’ drammi oħra?

    “Ktibt ħafna drammi u mhux biss fuq il-ġrajja tal-passjoni ta’ Kristu. Għamilt xogħol relatat mal-problemi soċjali li jiffurmaw il-bizzilla tas-soċjeta’ li ngħixu fiha illum. Minn dawn l-aktar għall-qalbi hemm id-dramm ‘Żaren’ li jesplora s-solitudni u l-impossibilita’ li terġa’ tqum fuq saqajk biex issir dak li vera xtaqt li kont.”

    Jeżistu ħafna drammi tal-passjoni. Għaliex tħajjart tikteb wieħed inti wkoll?

    “Ftit li xejn tagħmilli differenza jekk inkitbu mijiet ta’ dawn it-tip ta’ drammi jew jekk mijiet oħra għad jinkitbu. Iżda jkolli ngħid li jien ġej minn ambjent fejn il-ħbiberija soda għandha valur. U għalhekk il-kitba tad-drammi bdiet bħala mezz biex grupp ta’ żagħżagħ minn Bormla fid-disgħinijiet isaħħu din il-ħbiberija ta’ bejniethom billi jagħtihom lok ikunu fil-kumpanija ta’ xulxin. Għalkemm għaddew diversi snin, dan il-valur għadu hemm, kif jistgħu jixhdu n-numru ta’ atturi li did-darba qed jieħdu sehem f’dan id-dramm.”

    X’hemm differenti fid-dramm Tamara?

    “Huwa dramm tradizzjonali u mhux. Tradizzjonali fis-sens li l-ġrajja hi dik li hi u dik li kulħadd jaf. Iżda mbagħad id-dramm ikompli jesplora wkoll l-intern tal-bniedem, l-emozzjonijiet li jsaħħuħ u dawk li jixkanawħ minn tulu fl-art. Il-bniedem isofri waħdu, fis-solitudni tiegħu, imma jaqsam dan kollu ma’ dawk li jdawwruh, irid jew ma jridx.

    Hemm karattri li l-istorja tradizzjonali ma’ tefgħetx dellha fuqhom għalkemm huma wkoll setgħu għaddew minn sitwazzjonijiet li ġabuhom irmied. Il-karattru ta’ omm Ġuda per eżempju, għandu sinifikat Charles Scerripurament emozzjonali għalija. Hija wkoll tilfet iben, hekk kif tilfitu omm Kristu u għalhekk id-dulur tagħha ma setax kien anqas. Iċ-ċirkustanzi kienu diversi imma l-fatt jibqa’ li binha ġie magħżul sabiex l-istorja tibqa’ tiftakru bħala viljakk. Għandha diskors pjuttost b’saħħtu imma li għalija jirrappreżenta r-realta’ ta’ omm li tilfet wild. U kieku għexet warajh, b’dak id-dell ikrah tiegħu jiġri warajha, hija wkoll b’xi mod intilfet.”

    Għaliex għażilt dan l-istil ta rakkont?

    “Huwa stil mexxej imma fl-istess ħin idaħħlek fl-istorja billi jgħidlek li int mhux wisq differenti minn dak li qed tara u li ħajtek tista’ tkun il-ħajja tal-karattru li hemm faċċata tiegħek. Wara kollox hija biss il-qoxra ta’ barra li nbidlet matul iż-żminijiet. Il-bniedem kien u jibqa’ l-istess flimkien mad-dgħjufija tiegħu. Hemm dawk li jagħtu kollox mingħajr ma jistennew xejn lura imbagħad hemm dawk li jaħtfu kollox mingħajr ma jagħtu xejn. Hemm dawk li l-ħajja kienet iebsa magħhom u li kontinwament ifittxu biex jiġġarbu b’idejhom. Il-ħajja hija ċirku dejjiemi li la fih bidu u wisq anqas tmiem.”

    Kemm temmen illi l-udjenza ser tkun tista’ tirrelata ruħha mal-atturi?

    “Fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja, inti dejjem tibki l-istorja tiegħek. L-istejjer huma diversi imma jingħaqdu f’ċertu punti tagħhom. Huwa dan fejn l-udjenza tħossha parti minn dak li qed tara. L-iżvilupp tal-monologu li għandu ċerta saħħa f’din ir-rappreżentazzjoni huwa il-ħsieb tagħna lkoll. Ngħidu aħna, Ġuda jistaqsi lill-udjenza… “Għaliex ġejtu hawn? Biex issiru tafu lili?”. Fil-verita’ hemm bżonn li nfittxuh lil Ġuda, meta t-tradiment jgħix u joktor fina? Meta Hu kien minxur ma’ l-art jitlob lil-Missieru biex jieqaf Miegħu, aħna konna hemm u il-bewsa kienet tagħna wkoll.”

    Xi tfisser għalik il-ħajja ta’ Kristu u dak li għadda minnu?

    “Għal dawk li huma kredenti u sa ċertu punt anki għal dawk li jsibu diffikultà biex jemmnu, l-figura ta’ Kristu għandha valur importanti fl-istorja ta’ l-umanità. Ħafna kienu dawk li tilfu ħajjithom għal dan Il-bewsa ta' Ġudait-twemmin u fl-istess waqt, bosta oħra, sabu kenn u tama ġdida. Kristu kif deskritt fir-rakkont tal-Bibbja huwa figura rivoluzzjonarja li jfittex is-sewwa mingħajr kantunieri u preġudizzji. Żgur mhux personalita’ medjokri. U hekk kif għadu jiġri sa llum, individwi ta’ din ix-xorta huma ppersegwitati minn sistema li għandha għeruqha miżrugħa fl-oqbra tal-passat. Jien nifhem għaliex dan ir-raġel kien hemm bżonn li jinqatel u meta nħares madwari nifhem ukoll li anki kieku ġie illum, triqtu ma kienetx tintemm wisq differenti. Madanakollu jibqa’ l-fatt li l-umanita’ tiegħu ġibdet lejh liż-żgħir, lill-magħdur u lil dawk kollha li aħna nqisuhom bħala rifjut. Kliemu kien faċli biex tifhmu imma jeħtieġ kuraġġ inuman biex jitwettaq. Mhux faċli tħobb li min jobgħodok imma dak hu Kristu – karattru li jibqa’ jaffaxina.”

    Għaliex id-dramm jismu Tamara u x’inhu l-messaġġ li tixtieq twassal permezz ta’ dan ir-rakkont?

    “Il-kelma Tamara tista’ tinqasam f’tama u f’mara u anki f’tama ta’ mara. Bosta drabi l-kelma ‘mara’ tiġi użata biex tirrappreżenta ġens jew poplu. Fl-istess ħin, il-kelma ‘tama’ qed tirreferi għat-tama ta’ kulħadd: it-tama tan-nies ta’ dak iż-żmien, it-tama ta’ Ġuda li emmen li Kristu kien ser jifdihom, it-tama ta’ Kristu li ġie biex jifdi ġens u t-tama tagħna lkoll illum. Għalhekk nistgħu ngħidu li Tamara huwa dramm dwar it-tama ta’ kulħadd.

    Aħna nixtiequ li l-udjenza li tiġi tara Tamara ma tapprezzax biss ix-xeni li qed tara madwarha imma tixtarr u tirrifletti fil-fond dwar dawn il-ġrajjiet. Ġrajjiet li wara kollox, akkost li għaddew tant snin, għadhom validi sal-lum. Inbidlet biss il-qoxra imma ma rridux wisq biex insibu li karattru minnhom jixbaħna sew.

    Finalment il-messaġġ ta’ dan id-dramm hu li għal Kristu u għas-soċjeta’ ta’ llum l-imħabba m’hiex biżżejjed.”

    Ir-rwol ta’ Kristu huwa f’idejn Carlos Farrugia li m’għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni mal-qarrejja tagħna.

    Matul dawn l-aħħar snin inti nterpretajt il-parti ta’ Ġesù f’diversi drammi tal-passjoni. Kif sibt ruħek taħdem dan il-karattru?

    “Kienet purament b’kumbinazzjoni… kont qed nimmudella u wieħed li kien fl-udjenza deherlu li jiena stajt ninterpreta l-parti ta’ Kristu f’film li kien qed jagħmel biex jintuża fit-tiġien. Qatt ma kont irreċtajt qabel imma minn hemm nibtet iż-żerriegħa tal-imħabba għad-drama. Għall-ewwel bdejt ninterpreta l-parti ta’ Kristu fid-drammi tal-passjoni kif kont naf jien. Bdejt bi stil tradizzjonali: Kristu jippriedka, Kristu jissallab u Kristu jqum mill-mewt. Imma mbagħad bdejt nitħarreġ fid-drama u fit-tielet sena, ħdimt dramm tal-passjoni miktub minn Patri Ġwann Abela li kien iġib l-isem Ġrajjietna. Dan kien dramm bi stil modern b’paralleliżmu qawwi bejn il-ġrajja tal-passjoni u l-ħajja ta’ llum. Qatt aktar ma ħarist lura u dis-sena ser ninterpreta l-parti ta’ Kristu għat-12 il-darba.”

    Kif tipprepara ruħek biex tinterpreta l-parti ta’ Kristu?

    “Nistqarr illi fl-ewwel sentejn, il-parti ta’ Kristu kont nagħmilha biex nidher f’parti importanti u daqshekk. Però mbagħad meta bdejt nistudja l-linji u allura awtomatikament bdejt nitgħallem l-iskrittura u l-kliem ta’ Kristu nnifsu, ħassejtni qed ninteressa ruħi aktar u aktar fil-ħajja tiegħu. Rajt ma nafx kemm il-film dwar il-ħajja ta’ Kristu u bqajt sakemm anki rajt films illi kienu nżammu jew ġew skumnikati mill-Knisja. Għall-ewwel l-interess beda biex nara l-interpretazzjoni ta’ atturi oħrajn bħala Kristu imma mbagħad ġiet b’mod naturali li nistudja l-ħajja ta’ Kristu.

    Kliem Kristu, ngħiduha kif inhi, hu sabiħ, jagħmel ħafna sens u t-tagħlim tiegħu hu importanti. Tant hu hekk illi tħajjart nissieħeb ma’ grupp Kariżmatiku u bqajt sakemm saħansitra mort Iżrael sabiex Carlos Farrugia fil-parti ta' Kristu f'Tamaranimxi fil-passi tiegħu. Hemmhekk żort kull post fejn jingħad li kien. Xtaqt ħafna nifhem u nagħraf min kien tassew Kristu. Dħalt ħafna fil-fond: mort fejn twieled, fejn għex, fejn kellem l-appostli, fejn mexa fuq l-ilma, mort fil-baħħ tad-deżert ħdejn ġebla fuq irdum għoli fejn jintqal li ġie ttantat mix-xitan, rajt il-lok tas-siġra tal-Ġetsemani, dħalt fiċ-ċelel fejn inżamm u fejn ġie ffrustat, rajt kif kienu jsallbu lill-priġunieri f’dawk iż-żminijiet u mort fuq il-Golgota u missejt il-ġebla fejn jgħidu li ssallab. Waqt din iż-żjara stajt nifhem aħjar il-politika ta’ dak iż-żmien bħal min kienu s-Seduċej, il-Fariżej, l-Esseni u ż-Żeloti u l-għala Kristu kien meqjus bħala bniedem perikoluż politikament.

    Wara esperjenza bħal din ma tistax ma tħossx xi ħaġa. Biss biss tifhem żgur it-tbatija tremenda kemm fiżika u kif ukoll emozzjonali li Kristu għadda minnhom. Ġejt lura bi spiritwalita qawwija u bdejt nitratta l-interpretazzjoni tal-parti ta’ Kristu b’mod reliġjuż ħafna. Ngħidu aħna fi żmien ir-Randan kont bdejt insum; ma niekolx ħelu u lanqas alkoħol u bdejt anki nħalli l-leħja twila sew.

    Iżda matul is-snin ikolli ngħid li ma bqajtx daqshekk reliġjuż, għalkemm Kristu xorta waħda baqa’ importanti f’ħajti. F’dawn l-aħħar tliet snin qisni kont bdejt nikkunsidra l-interpretazzjoni tal-karattru ta’ Kristu bħal kull karattru ieħor komuni u daqstant ieħor kont nipprepara ruħi.”

    Fil-fatt dis-sena inti tagħlaq 33 sena – l-età li kellu Kristu meta miet. Smajt li tixtieq tagħmel xi ħaġa speċjali f’Tamara…

    “Iva, ma nafx għal liema raġuni imma dis-sena ilni ħafna nistennieha. San-numru tal-karozza għandi ddedikat għaliha.

    Fil-fatt għandi ppjanat illi dis-sena l-interpretazzjoni tiegħi ta’ Kristu tkun differenti minn ta’ dawn l-aħħar snin. Irrid nerġa’ nħoss dak l-entużjażmu u dik l-ispiritwalità meta kont nidħol fil-fond fil-karattru ta’ Kristu. Nixtieq nagħmel xi ħaġa li tibqa’ memorabbli u permezz ta’ Tamara m’għandix dubju li ser jirnexxieli.”

    Xi tkun tixtieq twassal bl-interpretazzjoni tiegħek ta’ Kristu?

    “Idealment inkun irrid inwassal il-messaġġ tiegħu u dan nagħmlu b’responsabbiltà kbira. Iżda kultant in-nies tirċievi l-interpretazzjoni ta’ attur f’diversi modi.  Ħa nirrakkuntalek tlett ġrajjiet biex infehmek aħjar…

    Darba waħda ħabiba tiegħi laqqgħatni ma’ mara li xtaqet ħafna tiltaqa’ miegħi wara li ratni naħdem il-parti ta’ Kristu. Din laqgħatni ġewwa darha u dawwritni mal-kmamar kollha. Kif wasalna fis-salott, nara ritratt tiegħi (fil-parti ta’ Kristu) impoġġi ġo frame u b’xemgħa tixgħel quddiemu. Għall-ewwel inħsadt imma mbagħad fhimt li għal dil-mara, l-immaġni tiegħi kienet ta’ Kristu. Allura bdejt inħoss ċertu responsabbiltà.

    Iżda fl-istess ħin, din mhiex daqshekk xi ħaġa sabiħa… Għadda ż-żmien u jiena bdejt naħdem il-parti ta’ Sergio fit-teleserial Gizelle. Għodwa waħda kont għaddej mill-Belt u waqqfitni soru  u qaltli “Int ma jmissekx tistħi taħdimha ta’ Kristu u mbagħad tmur tagħmel dawk il-pastażati fuq it-TV?”. Ħallieha li fir-realtà ma kont qed nagħmel l-ebda pastażata imma xorta waħda ħassejt ċertu pressjoni fuqi b’kumment bħal dan. Maż-żmien tibda titgħallem ma tagħtix daqshekk każ.

    Fil-fatt proprju  minħabba l-parti ta’ Sergio, il-kumpanija Bronk kienet qed tinkwieta li ser tonqos l-udjenza għad-dramm tal-passjoni. Qaluli “Jekk ma jiġux nies it-tort tiegħek ser ikun!”. It-tajba kienet li tellgħajna d-dramm disgħa darbiet u f’kollha konna kważi mimlijin bil-pubbliku. Però udjenza minnhom ma ninisha qatt! Kienet rappreżentazzjoni ddedikata għat-tfal u f’waqt minnhom, meta jiena kont qed naqla’ s-swat fil-parti ta’ Ġesù marbut mal-kolonna, nisimgħu t-tfal jgħajtu “Tih għax ħaqqu!”. Naturalment kienu qed jgħidu hekk għax ma setgħux ineħħu minn moħħhom il-karattru ta’ Sergio!”

    Min hu Ġesù għalik?

    “Għalija Ġesù huwa dak li fetaħli t-triq għall-ħajja spiritwali. Irrid niċċara illi meta qed ngħid spiritwali ma rridx infisser ħajja reliġjuża iżda li tkun miftuħ għal dak li fl-aħħar hu fenomenu – dik li temmen li jeżisti esseru suprem li tista’ ssejjaħlu Alla. Iva, nemmen li Alla jeżisti għax ħassejt l-eżistenza tiegħu bosta drabi f’ħajti u meta tlabt,u rċevejt ir-risposti.”

    Li kieku jkollok tinterpreta personaġġ ieħor mill-passjoni ta’ Kristu, lil min tagħżel?

    “Kieku nikkunsidra lil Ġuda. Il-karattru tiegħu minn dejjem kien jaffaxxinani, forsi għax narah miskin, fis-sens li kien vittma. Jekk aħna nemmnu illi permezz tat-tradiment tiegħu, Kristu miet għalina u Annas u Ġesùsalvana, allura fl-istess ħin nistgħu ngħidu illi kieku ma kienx għat-tradiment tiegħu, aħna qatt ma konna ser insalvaw! Ġieli noqgħod nixtarr illi jekk dan il-bniedem kien pre-destinat li jagħmel dak l-att, kif nistgħu nsejjħulu traditur? Ġuda kien affaxxinat bi Kristu għax kien jemmen li kien ser jeħles lill-poplu mir-Rumani. Meta huwa ressqu quddiem is-Sinedrin ħaseb li dawn kienu ser ipoġġu madwar mejda flimkien ma’ Kristu biex iwettqu pjan għall-ħelsien tal-poplu. Qatt ma basar x’kienu ser jagħmlulu. Ġuda nqabad f’nassa u ħelsu minnu b’somma flus. U għalhekk qatel ruħu b’idejh – għax hu lil Kristu kien iħobbu. Ma rridux ninsew li kien għamel tliet snin miexi warajh. Fil-fatt f’Tamara, Ġuda għandu parti importantissima bħal kif għandha wkoll ommu. Imma ma rridx nilħaq niżvela ħafna.

    Nista’ ngħidlek iżda, li mill-ġdid f’dan id-dramm ser insib ruħi f’konfront ma’ Vince Micallef Pulè li ser jinterpreta l-parti ta’ Annas – wieħed mill-qassisin il-kbar li jeħduha kontra Kristu. Bosta mill-atturi l-oħra huma wkoll magħrufa sew mal-pubbliku fostom Ivan De Battista (Elghazar), Clive Piscopo (Azor), Ryan Galea (Ġwanni), Johann Curmi (Simghon), Manuel Farrugia (Pietru), Rainer Cassar (Ġuda), Ritienne Sammut (omm Ġuda), Jason Zerafa (Pilatu), Jason Curmi (Ġajru), Roderick Castillo (Barabba), Manuel Cucciardi (l-imxajtan) u Fiona Vella (il-mara midinba).”

    Tamara ser jittella’  fis-27, 28 u 30 ta’ Marzu 2010 fis-7:00pm ġewwa s-City Theatre, il-Belt Valletta. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq 21808080, 79269247 jew 77150277 jew tibgħatu email fuq: www.biljetti.com. Il-biljetti jistgħu ukoll jinxtraw minn dawn il-ħwienet: Tele zone – Qormi; Call Zone – Paola; 202 Jewellery – Valletta; I – Center – Pieta’; Right Deal – Iklin & Bormla; Untours Insurance – Zabbar u Hair Excellence – Mosta.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-7 ta’ Marzu 2010)

    2010.03.07 / 2 responses / Category: Torca - Perspettivi