Posts Tagged ‘Il-Gaġġa’

  • Twieled u miet fix-xandir

    Charles Arrigo ihares lejn Evelyn ghadha tifla.jpgEvelyn Arrigo bir-ritratt ma' huha - 1.JPG

    Charles Arrigo fuq ir-Rediffusion.jpgCharles Arrigo.jpg

    Kien ritratt partikolari li deher fuq Facebook li ħajjarni sabiex nikteb dan l-artiklu. Fih kienu jidhru tifla ċkejkna b’ħarsa tassew ħelwa u mqarrba li kienet flimkien ma’ raġel li għall-ewwel jien m’għaraftx. Ir-ritratt kien sempliċi imma intriganti. Ma ridtx wisq biex tintebaħ li bejn dawk it-tnejn kien hemm relazzjoni ta’ affett kbir. Staqsejt ftit u skoprejt li dawn iż-żewġ individwi kienu l-magħruf u mibki Charles Arrigo u oħtu ż-żgħira Evelyn.

    Meta ltqajt ma’ Evelyn sabiex nintervistaha dwar ħuha, sibt li akkost li għaddew tant snin minn dak ir-ritratt, dik il-ħarsa mqarqċa kienet għadha tilgħab f’għajnejha. Iżda fuq kollox, indunajt ukoll li hi kienet tagħti lemħa sewwa lil ħuha. Avolja l-mewt ormaj firdet lil dawn it-tnejn, ir-rabta li kien hemm bejn iż-żewġt aħwa baqgħet soda mmens u nnutajt li d-dmugħ ifeġġ fuq xfar għajnejha kull darba li ssemmih. “Qalbek żgħira inti,” għedtilha jien. Imma hi saħqet bi tbissima li qalbha kienet iktar pjuttost kbira….

    Kien fessud

    Charles Arrigo twieled fis-6 t’April 1929 fil-Belt Valletta. Huwa kien l-ikbar fost sebat aħwa; żewġ subien u ħamest ibniet. Meta kienu jistaqsuh dwar ħutu, Charles kien iħobb isemmi li għall-ewwel kien għamel ħames snin waħdu, tant li l-ġenituri tiegħu ħasbu li ma kienx ser ikollhom aktar tfal. Għaldaqstant, hu kien dara mfissed mhux ħażin u għalkemm wara twieldu ħutu l-oħra kollha, il-fsied baqa’ jħobbu. Intant, anki meta kiber, speċjalment peress li baqa’ għażeb, ħutu l-bniet baqgħu jfissduh ħafna.

    Evelyn tiftakar li speċjalment fl-aħħar snin, Charles kien jgħaddi spiss jiekol għandha. Kien iċemplilha qabel jitlaq mix-xogħol sabiex hi tibda tipprepara l-ikel.

    “Kien jiġi jiekol għall-ħabta tal-10.15am peress li kien jibda kmieni ħafna x-xogħol. Meta kien jasal għandi, kien jiftaħ il-gazzetti kollha u joqgħod jixtarrhom kemmxejn. Imbagħad kien jitlobni nagħmillu wieħed irqiq – jiġifieri gin and tonic. Xil-11.00am konna nibdew nieklu u ngħidu kelma bejnietna. Imbagħad kien jerħilha lura għar-raqda ta’ wara nofsinhar,” ftakret Evelyn.

    Ommu – l-akbar kritika tiegħu

    Kien jinġieb ħafna mal-familjari tiegħu. Imma ċertament, l-aktar persuna għal qalbu kienet ommu. Skont Evelyn hi kienet li bassret mill-ewwel x’kien ser isir binha. “Kien iħobb jikkummenta dwar dak kollu li jara – min ġej, min sejjer, x’qed jagħmel dak u x’qed tagħmel dik. U darba qalithielu – Int kummentatur għad issir la tikber ibni!”

    Aktar minn darba waqt l-intervisti li għamlulu, Charles stqarr li ommu kienet l-għeżeż ħaġa għalih. Kienet ukoll l-akbar kritika tiegħu. Ma nesa qatt meta fid-29 ta’ Settembru 1962, hu kien il-persuna magħżula biex tiftaħ għall-ewwel darba l-istazzjon televiżiv Malti:

    “Dan huwa l-Malta Television Service. Jiena Charles Arrigo qiegħed insellmilkhom f’isem il-kollegi kollha tiegħi tal-Malta Television Service, waqt li nawguralkhom divertiment bil-programmi tal-lejla. Illum inħoss li qed niltaqa’ magħkom wiċċ imb’wiċċ u nixtieq li kienet ħaġa possibbli li nieħu b’id kull wieħed u waħda minnkhom. Mill-lum il-quddiem ser tibdew tarawni ta’ spiss nippreżentalkhom il-programmi u nwasslilkhom l-aħbarijiet fi djarkhom.”

    Dan il-kliem tiegħu, flimkien mal-filmat ta’ dan l-avveniment saru sinonimi mal-qasam tax-xandir u spiss deheru f’diversi programmi. Kienu bosta dawk li bagħtu jifirħulu meta rawh jiftaħ l-istazzjon. Iżda kellu kritika waħda biss – dik t’ommu! “Għaġġilt naqra waqt li kont qed titkellem”, qaltlu.

    “Mal-mama kelli relazzjoni specjali. U kien tassew xokk għalija meta qaluli li tawha ħass ħażin waqt li kienet nieżla mit-tqarbin u mietet hemm fil-knisja. Ghalkemm konna qed nistennew il-mewt tagħha, għax kienet niżlet ftit, ma bsarnix li din kienet ser tiġi daqshekk malajr,” stqarr Charles darba minnhom.

    “Dakinhar kien ġie wieħed fuqi u qalli aħjar tiġi malajr għax il-mamà ħassha ħażin,” qaltli Evelyn. “Mill-ewwel għokritni għajnejja meta ried iwassalni bil-karozza għax minn fejn konna noqogħdu sal-Knisja ta’ San Duminku, ma kienx hemm bogħod. Kif wasalna, nara l-mamà flimkien ma’ patri u hekk kif poġġejt ħdejha, poġġiet rasha fuq spallti, ħarset lejja u telqet. Lanqas biss indunajt li kienet mietet, tant li meta ġiet l-ambulanza, ippruvajt nagħtiha l-ossiġnu. Mewtha niżlitli biss meta ġie Charles biċ-ċurkett tat-tieġ tagħha u tahuli.”

    Qatt ma żżewweġ

    Kull darba li staqsew lil Charles dwar l-imħabba u l-għala baqa’ għażeb, huwa tbissem u ddikkjara li darba minnhom kien joħroġ ma’ tfajla bis-serjetà tant li kienu waslu biex jitgħarrsu. Imma dan qatt ma seħħ u hu spiċċa biex qatt ma żżewweġ.

    “Forsi kont daqsxejn egoista u kont mhedi ħafna bix-xogħol tax-xandir li dejjem tani bosta sodisfazzjon,” qal darba meta reġgħu staqsewh dwar dan. “L-uniku dispjaċir li għandi li ma żżewwġitx huwa li m’għandix ulied, imma almenu llum ghandi s-sodisfazzjon li għandi ħafna neputijiet.”

    Beda l-karriera b’kumbinazzjoni

    “Fi żmien il-gwerra, meta kont għadni l-Liċeo, kienu jippubblikaw gazzetta jisimha ‘Young Malta’ u jien ktibt poeżija jisimha ‘The Flag’ u ppubblikawhieli fiha. Ftit wara ġejt mitlub biex immur naqra din il-poeżija fuq ir-Rediffusion u hekk għamilt,” jirrakkonta Charles dwar il-bidu tal-karriera tiegħu.

    “Iżda ftit wara seħħet kumbinazzjoni oħra… Kont qiegħed nistenna r-riżultati tal-eżamijiet peress li xtaqt inkompli nistudja l-università. U ġurnata waħda, il-ħabib tiegħi Ċensu Calleja, li kellu banka tal-lottu f’San Pawl il-Belt, u li jiena spiss kont neħodlu moħħu bid-diskors tiegħi, urieni avviż li kien jgħid li riedu announcer mar-Rediffusion. “Dan xogħol jgħodd għalik,” kien qalli, hekk kif għaddhieli l-gazzetta. “Isa, tħajjar.”

    Min jaf jekk Ċensu kienx xtaq xi naqra paċi mit-taħdit ta’ Charles? Li hu żgur hu illi meta Charles sema’ minnu, minn dawk kollha li applikaw, intagħżel hu u minn hemm bdiet il-karriera tiegħu.

    Vuċi distinta

    Kienu t-2 ta’ Marzu 1947 meta Charles għamel l-ewwel xandira tiegħu fuq ir-Rediffusion. Dak iż-żmien kien hemm Effie Ciantar inkarigat mill-programmi. Il-vuċi distinta ta’ Charles ma damitx ma ġiet rikonoxxuta u meta Ciantar xtaq iżid programm ieħor bil-Malti, hu staqsa lil Charles jekk kienx lest li jibda jagħmel programm ġdid bil-qari tar-rumanzi.

    “Jien kont inħobb naqra u l-idea għoġbitni,” qal Charles. “Dak iż-żmien fl-iskejjel kienu qed jistudjaw ir-rumanz ‘Raġel Bil-Għaqal’ ta’ Ġużè Galea u għalhekk iddeċidejna li nibdew minnu. Kien xogħol li mal-ewwel tani sodisfazzjon kbir u qrajt mijiet ta’ rumanzi!” …. Min qatt kellu jgħidlu li kien ser idum jaqra r-rumanzi proprju sal-aħħar nifs ta’ ħajtu?

    L-iżvilupp tax-xandir

    Tista’ tgħid li x-xandir Malti u Charles Arrigo kibru flimkien. Fl-1947 ir-Rediffusion kien ilu 12 il-sena għaddej, imma kollox kien baqa’ pjuttost fil-bidu. Fl-1950, Charles ġie appuntat bħala produttur tad-drama u tad-dokumentarji. F’dan iż-żmien huwa kien involut ukoll bħala attur mal-British Institute Players u mal-Atturi Theatre Group u għalhekk ma damx ma beda jieħu sehem fid-drammi li kien jipproduċi huwa stess u anki oħrajn. Aktar tard, meta fetaħ it-televiżjoni Malti, huwa ħa sehem ukoll f’diversi teleserials, fosthom: fil-parti tal-kappillan f”Il-Gaġġa’, bħala qassis f”Leli ta’ Ħaż-Żgħir’, bħala isqof f”Wirt’, bħala tabib f’ ‘Il-Madonna taċ-Ċoqqa’, u bħala kulunell f”Villa Sunset’. Interessanti nsemmu wkoll li hu kien ħa sehem fil-film klassiku ‘The Malta Story’.

    Għall-ħabta tal-1959, ir-Rediffusion iddeċidiet li tibgħat lill-produtturi Maltin l-Ingilterra sabiex dawn jitħarrġu b’mod aktar professjonali mal-BBC u Charles kien wieħed minnhom. “Hemmhekk ġejna ttrenjati f’bosta oqsma fosthom dwar kif isir l-editing, kif jiġu prodotti r-radjudrammi u kif nużaw leħinna aħjar,” ftakar Charles.

    Fl-1962, numru ta’ ħaddiema oħra, inkluż Charles, reġgħu ntbagħtu għand il-BBC, did-darba sabiex jitħarrġu fis-sengħa relatata mat-televiżjoni minħabba li f’Malta kienu qed isiru l-preparamenti biex jinfetaħ l-istazzjon Malti – Malta Television Service. U eventwalment kien Charles stess li fetaħ l-istazzjon.

    “Għalkemm kollox kien jidher miexi ħarir u sewwa dakinhar, kulħadd kellu eċċitament kbir fuqu,” stqarr Charles meta tkellem dwar din il-ġurnata. “Apparti li kien hemm il-preokkupazzjoni biex naraw li kollox imur sew, kellna wkoll id-dubju li l-udjenzi setgħu ma jieħdux grazzja mad-dehra tagħna. In-nies kienu ilhom jisimgħuna fuq ir-radju u ħafna kienu draw u tħabbu ma’ leħinna. Imma issa d-dubju tagħna kien x’ser tkun ir-reazzjoni tan-nies meta tara bixritna. Personalment kont diġà kelli popolarità mhux ħażin u bżajt li se jkun hemm min jgħid – ara, dak hu?! Imma għal grazzja t’Alla nkwetajna għalxejn, għax ma ġrax dak li tħassibna fuqu u n-nies laqgħuna tajjeb ħafna.”

    Fl-1971 Charles sar l-assistent kap tal-programmi tar-radju u tliet snin wara, hu laħaq bħala kap tad-drama u d-dokumentarji. Fl-1987 huwa ngħata r-responsabbiltà bħala deputat kap ta’ Xandir Malta u fl-1991 sar id-direttur eżekuttiv tal-board tal-Public Broadcasting Services u manager ta’ Television Malta.

    Staqsini 20

    Fost ix-xogħolijiet li jibqa’ magħruf għalihom hemm il-programm ‘Staqsini 20′ li hu kien introduċa f’Malta wara li n-nies kienet drat tisimgħu jixxandar bl-Ingliż minn fuq il-General Overseas Service tal-BBC.

    “Il-programm biddel ħafna ismijiet sakemm finalment sar magħruf bħala ‘Staqsini 20′. L-ewwel programm kien ixxandar għall-ħabta tal-1957 meta l-istudios tagħna kienu għadhom f’121 Triq Brittanja, l-Belt, illum magħrufa bħala Triq il-Melita. Dan kien studio żgħir ħafna u meta l-idea ta’ dan il-programm bil-Malti laqtet mill-ewwel l-immaġinazzjoni tas-semmiegħa, lanqas biss kien hemm post għan-nies kollha li xtaqu jattendu. Imbagħad f’Jannar tal-1958 konna mxejna għall-istudios tal-Guardamangia u hemmhekk konna aktar ixxamplati u n-nies setgħu jipparteċipaw b’aktar kumdità. Però ġie żmien meta l-popolarità ta’ dan il-programm tant kibret li ġieli tellgħajnih fit-Teatru Manoel,” irrakkonta Charles.

    Għal dawk li ma jiftakruhx il-programm ‘Staqsini 20′, nistgħu ngħidu li dan kien ibbażat fuq għażla ta’ kliem partikolari li kienu jibgħatu n-nies mid-djar, u panel ta’ individwi kien jipprova jaqta’ dan il-kliem permezz ta’ mistoqsijiet li kienu jagħmlu. Skont Charles, meta l-kliem ma kienx jinqata’ mill-panel, dawk li jkunu ssuġġerewhom, kienu jirbħu lapes tal-fidda.

    Kummentarji

    Ċertament, l-aktar aspett li Charles Arrigo baqa’ magħruf għalih kien ix-xogħol ta’ kummentatur f’bosta okkażżjonijiet statali u kif ukoll reliġjużi. Infatti hu kien wieħed minn tal-ewwel li ħareġ bl-outside broadcasting.

    “Il-kummentarji minn dejjem kienu għal qalbi għax permezz tagħhom stajt nieħu sehem dirett u mill-qrib fl-aktar avvenimenti importanti tal-gżejjer tagħna,” stqarr Charles. Infatti, fost id-diversi kummentarji tiegħu huwa għamel dak ta’ meta Malta saret Repubblika, meta żarna l-Papa Ġwanni Pawlu II, u meta waslet ir-Reġina Eliżabetta II f’pajjiżna.

    Kien ukoll l-ewwel wieħed li mar jagħmel il-kummentarju tal-Karnival t’Għawdex, għalkemm darba minnhom ammetta li l-Karnival ma kienx wisq għal qalbu….

    L-aħħar kummentarju li għamel seħħ tliet ġimgħat qabel miet u dan kien relatat mal-Pontifikal Solenni tal-Konsagrazzjoni Episkopali tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex.

    Kien ġentlom

    Fl-1995, Charles Arrigo ngħata l-Midalja Għall-Qadi Tar-Repubblika. Bosta minn dawk li ħadmu miegħu jiftakru s-serjetà u l-professjonalità li dejjem ħadem biha u li kien jesiġi anki minn dawk kollha ta’ madwaru. Madanakollu, Charles baqa’ msemmi wkoll għal kemm kien iħobb jagħti daqqa t’id lil dak li jkun biex anki hu jirnexxi f’dak kollu li jkun qed jagħmel.

    Skont oħtu Evelyn, Charles kellu karattru sod u perfezzjonist u kien kapaċi jċanfrek waħda sewwa jekk ma timxix mar-regoli. Iżda mbagħad kien jgħaddilu wkoll malajr u ma kontx iddum ma tara xi tbissima fuq xufftejh.

    Hu spiss kien isostni illi biex wieħed ipoġġi wara mikrofonu jew quddiem kamera, kellu jkun ippreparat sewwa. “Għandna dejjem inżommu f’moħħna li aħna nkunu qed niġu mistiedna nidħlu fid-djar tan-nies u għalhekk irridu nuru serjetà u professjonalità, kemm fl-ilbies, kemm fil-komportament u anki fil-preparazzjoni li nagħmlu. Jekk wieħed ma jkunx imħejji biżżejjed, ikun qed jonqos bil-kbir kemm lejn is-semmiegħa u kif ukoll lejn it-telespettaturi. F’każ bħal dan, ikun ħafna aħjar jekk wieħed jibqa’ d-dar u ma jippreżenta ruħu quddiem ħadd!”

    Meta darba staqsewh kif jixtieq li jibqgħu jiftakruh in-nies, ir-risposta tiegħu kienet: “Jiena m’għandi l-ebda pretensjonijiet li n-nies se jibqgħu jiftakruni b’xi mod jew ieħor. Imma nispera li jekk jiftakru fija jgħidu: Charles Arrigo kien ġentlom.”

    It-tmiem

    Charles Arrigo ħalliena fl-2006. Miet għall-għarrieda, l-istess bħal ommu, waqt li kien qiegħed ix-xogħol – jaqra silta ta’ rumanz ġdid tal-kollega tiegħu Charles Abela Mizzi u jevalwa l-programmi li kellhom isiru.

    “Kont qed nistennieh għall-ikel,” qaltli Evelyn imbikkma. “Ftit tas-siegħat qabel kien ċempilli kif jagħmel is-soltu biex jara x’kont se nsajjar. Għedtlu ravjul t’Għawdex illum. Kien iħobbu ħafna. Qalli nċempillek qabel nitlaq ħalli titfgħu fil-misħun. Imma sfortunatament dit-telefonata ma waslet qatt. Twieled u miet fix-xandir. U jiena bqajt b’qalbi maqsuma li tlift lill-għażiż ħija b’mod tant ħesrem bla ma qatt kelli ċ-ċans li nsellimlu għall-aħħar darba.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (18 il-parti) fit-Torċa tal-14 ta’ Settembru 2014)

    2014.09.14 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Ġieħ lill-ktieb Malti

    Pawlu u Marija Mizzi.JPGIl-Gagga.jpg

    Il-Miklem Malti.jpgIl-volumi tad-dizzjunarju ta' Joseph Aquilina.jpg

    Għalkemm illum jeżistu alternattivi elettroniċi għall-ktieb tradizzjonali, personalment nemmen li s-sensazzjonijiet sbieħ li kapaċi jagħtina ktieb m’għandna nħalluhom jintilfu qatt. Għadni niftakar meta fi tfuliti, fejn diġà kont noħlom li la nikber xtaqt insir kittieba, kont insawwar kotba bl-istejjer tiegħi permezz tal-karti strazzi u kont nieħu gost inżommhom f’idejja u nqalleb il-paġni tagħhom. Kont nieħu xogħol mhux ħażin biex inqasqas il-karti ħalli jiġu kollha ta’ l-istess daqs, biex nikteb jew nittajpja fuqhom, u saħansitra biex niddiżinja u nagħti l-kulur lil xi stampi relevanti mal-ġrajja.

    Dawn il-memorji tqanqlu lura f’moħħi meta dil-ġimgħa erħejtilha lejn l-Imdina sabiex niltaqa’ ma’ Pawlu Mizzi li kien il-moħħ wara l-ħolqien tad-dar tal-pubblikazzjoni Klabb Kotba Maltin. Fl-isfond tat-tokki tal-qniepen tal-kattidral storiku u imponenti, Pawlu mar lura fiż-żmien sabiex jirrakkuntali kif twebbel biex jagħmel dan ix-xogħol u kif din ix-xewqa tiegħu affetwat il-bqija ta’ ħajtu u ta’ familtu, u anki l-aspett tal-ktieb Malti f’pajjiżna.

    Skont Pawlu Mizzi, kienet proprju osservazzjoni li darba kiteb Mikiel Anton Vassalli li wasslet biex qanqlet fih ħolma kbira li eventwalment sawwret il-ħolqien ta’ Klabb Kotba Maltin. “Kien qal illi l-Maltin bla tagħlim tal-Malti ma jistgħux jimxu ‘l quddiem,” irrimarka Pawlu. “Għalkemm kienu għaddew bosta snin minn meta Vassalli kiteb dan, anki f’żgħożiti stajt ninnota illi pajjiżi kien għadu nieqes bil-kbir mit-tagħlim tal-Malti. Fatt li kiddni ħafna. U minn dakinhar ‘l hemm bqajt nhewden xi stajt nagħmel jien sabiex nibdel din is-sitwazzjoni.”

    Il-bniedem huwa xi ftit jew wisq il-prodott ta’ żmienu u probabbilment din il-ħeġġa lejn il-lingwa ta’ pajjiżu tnisslet f’Pawlu sforz il-moviment qawmien letterarju li kien qiegħed iseħħ f’dawk is-snin. Barra minn hekk, l-istudju tal-Istorja fl-Università ta’ Malta, laqqgħu ma’ bosta personaġġi li komplew influwenzaw il-fehma tiegħu. Sadanittant, kien hemm diġà xi individwi li kienu qed jippruvaw iwittu triq aktar soda għall-Malti u għall-qari tiegħu. Imma sfortunatament, dawn il-proġetti kienu qed ifallu wieħed wara l-ieħor u għalhekk Pawlu ħass il-bżonn li jgħarbel sewwa dan il-qasam qabel imidd passejh il-quddiem.

    “Kien żmien meta kotba bil-Malti ftit li xejn kont issib. Iżda fuq kollox, il-Maltin ma kienu juru l-ebda ħajra li jaqraw bil-Malti u wisq inqas li jixtru l-kotba miktuba bil-Malti,” beda jfehemni Pawlu. “Għalhekk għall-ewwel iddeċidejt li nippubblika xi kotba skolastiċi ħalli nsir midħla ta’ x’kien jinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ ktieb, fosthom kemm kien hemm spejjeż.”

    Għalkemm huwa kien joqgħod Għawdex, Pawlu beda jistampa dawn il-kotba għand il-Lux Press f’Malta biex imbagħad ibiegħhom mill-ħanut Ideal Bookshop li kien jinsab Għawdex. Peress li dawn il-kotba skolastiċi kienu utli, huwa rnexxielu jbiegħhom u bis-saħħa tagħhom beda jintroduċi ruħu fil-qasam tal-pubblikazzjoni.

    “Imbagħad imxejt għall-pass li jmiss fejn tħarriġt aktar fis-settur tal-kitba billi bdejt naħdem bħala korrispondent mal-Allied Malta Newspapers u kont nirrapporta dwar dak kollu li jseħħ f’Għawdex,” kompla jirrakkuntali Pawlu.

    It-tielet pass kien jesiġi minnu deċiżjoni ferm aktar iebsa peress li huwa xtaq jistudja l-Istorja fl-Università ta’ Malta. “F’dak iż-żmien f’Għawdex kien hemm ftit li xejn opportunitajiet u jekk ridt tistudja kellek tinżel Malta għax lanqas is-servizz regolari tal-vapur li hemm illum ma kien jeżisti. Għalhekk jiena u marti Marija, flimkien mat-tliet uliedna Ginette, Anna Maria, u Joseph, inżilna ngħixu f’Malta sabiex jiena nkun nista’ nattendi l-università.”

    Hawnhekk Marija, il-mara tiegħu, irrakkuntatli l-esperjenza diffiċli li kellha tgħaddi minnha meta wara li żewġha ggradwa fl-Istorja fl-1966, huwa wrieha x-xewqa li jibqa’ Malta, kemm minħabba li ried iwettaq il-ħolma li kellu u anki għax din il-gżira kienet ser toffri opportunitajiet aħjar lit-tlied uliedhom li issa kienu qed jikbru.

    “Kien l-akbar xokk ta’ ħajti meta rrealizzajt li konna se nibqgħu Malta għax jiena minn dejjem kont marbuta ħafna m’Għawdex, il-post fejn trabbejt u għext, fejn kelli l-familja u l-ħbieb kollha tiegħi. Malta kienet pjuttost estranja għalija u domt sewwa sakemm aċċettajt il-ħajja hawnhekk. Infatti kienet weġgħa ta’ qalb kbira meta biegħejna d-dar li konna bnejna Għawdex fejn suppost kellna nirritornaw wara li jiggradwa Pawlu.”

    B’danakollu, kif stqarr Pawlu stess, martu dejjem kienet ta’ sostenn kbir għalih u dan jiena stajt nikkonfermah meta osservajt kemm kienet infurmata tajjeb dwar ix-xogħol u l-kotba li ppubblika żewġha matul is-snin.

    “Meta dħalt naħdem il-Polytechnic flimkien ma’ Johnny Sultana bħala librar, stajt insegwi parti oħra minn dan il-qasam,” kompla jgħidli Pawlu. “L-ewwel nett, hekk kif bdejna nikkatalogaw il-kotba ta’ din il-librerija, ma domtx ma ntbaħt li filwaqt li kotba bl-Ingliż kien hemm għażla tajba, dawk bil-Malti kienu joqogħdu kollha fi spazju ta’ ftit aktar minn xibrejn! Dan wera illi sa dak iż-żmien kien hemm selezzjoni wisq żgħira ta’ kotba bil-Malti. Min-naħa l-oħra osservajt illi l-istudenti ma tantx kienu jissellfu kotba, u bil-Malti ftit li xejn.”

    Kien jidher biċ-ċar li jekk tassew ried jagħmel xi ħaġa, Pawlu kien ser ikollu bżonn ta’ kapital kbir u għalhekk dejjem kien jara x’ser jivvinta sabiex joqrob aktar lejn il-ħolma tiegħu. “Darba minnhom fl-1968 niltaqgħu mal-Prof. Oliver Friggieri fi Strada Rjali l-Belt,” ftakret Marija. “U hemm Pawlu fetaħ qalbu miegħu dwar din il-ħolma kbira li kellu, jiġifieri dik li joħloq klabb tal-qari tal-Malti u li jibda jippubblika ktieb bil-Malti kull xahar. Iżda Oliver dlonk urieh li ma kien jaqbel xejn ma’ din l-idea, l-aktar minħabba li dan kien konxju sewwa mid-diffikultajiet u r-riskji li dan ix-xogħol jinvolvi. Però ormaj kien tard wisq biex tipprova ddawwar il-ħsieb lil Pawlu u meta huwa beda jaħdem fuq il-proġett tiegħu, Oliver kien wieħed minn dawk li tawh daqqa t’id sabiex isib awturi tajbin.”

    Infatti Klabb Kotba Maltin ġie stabbilit fl-1969 u l-ewwel ktieb li ġie ppubblikat fl-1971 kien Il-Gaġġa ta’ Frans Sammut, liema ktieb eventwalment kien inħadem ukoll bħala film. Iżda akkost li wasal s’hawn, bdew intoppi ġodda… “Fosthom tgħidx kemm irċevejna ittri psataż talli konna azzardajna noħorġu bil-kelma ‘klabb’ li skont uħud kienet forma mkissra tal-kelma ‘club’ bl-Ingliż,” qaltli Marija.

    “Imbagħad jiena spiċċajt ġejt insulentat u mwaqqa’ għaż-żufjett meta mort quddiem xi membri tal-parlament b’dan il-ktieb sabiex nurihom b’din l-inizzjattiva tiegħi,” kompla Pawlu. “Dan mhux ktieb tiegħek, qaluli wħud minnhom. X’qed tagħmel hawn b’dan il-ktieb jekk m’intix l-awtur?! Naturalment mhux kollha kellhom l-istess reazzjoni, fosthom Ġorġ Borg Olivier li kien qabad u tani ċekk ta’ 90 lira Maltin bħala sostenn għal dan l-impenn tiegħi.”

    Pawlu ma qatax qalbu u kompla bix-xogħol li kien daħal għalih. “Jien kont nemmen li jekk ma toħroġx ktieb bil-Malti b’mod regolari, il-Maltin ma kienux se jidraw jinteressaw ruħhom u jixtru dawn it-tip ta’ kotba. Għaldaqstant jiena ridt inderri lill-poplu tagħna u b’mod speċjali lill-membri li bdew jissieħbu ma’ Klabb Kotba Maltin, li dawn kienu ser jibdew isibu ktieb ġdid x’jakkwistaw fi żmien qasir. B’hekk, kien ser jiżdied ukoll l-interess lejn il-lingwa Maltija u l-qari tagħha.”

    Intant it-tieni ktieb li ħareġ minn taħt idejh kien Mas-Sejħa tat-Tnabar li kien jikkonsisti minn ġabra ta’ poeżiji ta’ erbgħa poeti Maltin. It-tielet ktieb kien L-Għanja tas-Sienja li kien traduzzjoni għall-Malti ta’ Ġużè Aquilina tar-rumanz Le Chant de la Noria li nkiteb minn Laurent Ropa. Ir-raba’ wieħed kien Lejn Tnissil ta’ Nazzjon tal-Prof. Henry Frendo, f’liema ktieb Manwel Dimech issemma għall-ewwel darba bħala patrijott Malti… u l-lista tkompli.

    “Kull pubblikazzjoni kienet tinvolvi spejjeż kbar u għalhekk ridt nara minn fejn ser inġib il-kapital. Biex nagħmel tajjeb għan-nuqqas jew għad-defiċjenzi tas-suq, mhux darba u tnejn li kellna nbiegħu xi proprjetà tagħna. Probabbilment ftit jirrealizzaw kemm dan ix-xogħol jinvolvi sagrifiċċji personali u minn dawn kelli nagħmel mhux ftit sabiex inżomm il-Klabb fuq saqajh. Kien għalhekk ukoll illi bejn l-1987 u l-1990 dħalt naħdem bħala direttur tal-Mediterranean Film Studios fejn fosthom kelli r-responsabbiltà li nsib postijiet ideali sabiex jinġibdu l-films fihom u nagħti pariri dwar l-istorja ta’ pajjiżna.”

    Tkellimna dwar numru ta’ proġetti sinifikanti li kienu baqgħu fuq l-ixkaffa tal-awturi għal xi snin imma eventwalment tpoġġew fuq l-ixkafef tal-ħwienet wara li Klabb Kotba Maltin daħal għar-responsabbiltà tal-pubblikazzjoni tagħhom. Fost dawn kien hemm ix-xogħolijiet monumentali tal-Miklem Malti ta’ Erin Serracino Inglott li jikkonsisti f’dizzjunarju, monolingwi, mill-Malti għall-Malti li jagħtik it-tifsiriet mill-għeruq tal-kliem Malti, u s-sitt volumi tad-dizzjunarju Malti-Ingliż-Malti ta’ Joseph Aquilina.

    Xi ħaġa oħra li Pawlu kellu jħabbat wiċċu magħha kienet iċ-ċensura ta’ wħud mill-kotba, fosthom dik ta’ Samuraj li nkiteb minn Frans Sammut u li għalih hu kien ingħata l-Premju Rothmans għal-Letteratura fit-taqsima tal-kitba kreattiva. Fatt kurjuż dwar dan il-ktieb hu li dan kien qed jifforma parti mis-sillabus tal-Malti imma tneħħa minnufih hekk kif ġie ċċensurat minħabba xi żewġ deskrizzjonijiet xotti xotti dwar is-sess.

    Fi kliem il-Prof. Oliver Friggieri, Pawlu jista’ jitqies bħala “missier il-ktieb Malti modern” hekk kif hu ħadem biex inħolqot vetrina fejn l-awturi Maltin setgħu jippubblikaw ix-xogħolijiet tagħhom. Din kienet ukoll opportunità li permezz tagħha ċerti kittieba għamlu l-kuraġġ biex jippubblikaw kitbiethom u llum saru kittieba prolifiċi, bħal ngħidu aħna Trevor Zahra li mal-Klabb kien beda bil-kotba ta’ Kunċett u Marinton.

    Maż-żmien, Pawlu ħass il-bżonn li jippubblika anki kotba b’lingwi barranin dwar Malta. “Parti mill-intwizzjoni ta’ missieri kienet illi huwa nduna bl-interess tal-barranin lejn l-istorja ta’ pajjiżna minħabba li Malta għandha storja sinifikanti mhux biss għalina l-Maltin imma anki f’kuntest ta’ storja ewropea u internazzjonali,” spjegali ibnu Joseph li llum imexxi dan il-Klabb. “Minn hemm huwa kompla jiżvolġi t-teorija tiegħu li kienet tgħid li kien inutli li tistampa kotba bil-Malti għall-Maltin biss. Kien jeħtieġ li s-suq jinfetaħ anki għall-barrani billi pajjiżna jimpenja ruħu li jippubblika kotba ta’ livell akkademiku għoli u anki ta’ preżentazzjoni professjonali. B’dan il-ħsieb missieri ħoloq is-sezzjoni MidSea Books Ltd u beda jistieden awturi u riċerkaturi barranin sabiex jiktbu dwar Malta. F’dak il-perjodu, din kienet xi ħaġa rari ħafna imma hu rnexxielu jqabbad anki din l-idea. L-ewwel ktieb ta’ dan it-tip kien miktub mill-medjevalista Anthony Luttrell dwar Ħal-Millieri. Minn hemm bdew resqin lejna aktar riċerkaturi, fosthom anki dawk Maltin.”

    Fl-1992, Pawlu Mizzi ġie onorat bil-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika iżda kien għad fadallu ħafna aktar xogħol siewi x’jagħmel. Infatti fl-1999 huwa kompla jespandi bit-tielet sezzjoni tiegħu li semma Heritage Books. “Din għandha l-għan li tipproduċi kotba ta’ referenza bl-Ingliż li japplikaw għall-pubbliku in ġenerali,” infurmani Pawlu. “Infatti hawnhekk aħna naħdmu flimkien ma’ diversi aġenziji, fundazzjonijiet, mużewijiet u għaqdiet li għandhom x’jaqsmu mal-konservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali.”

    Illum li jgħodd l-84 sena, u wara li ppubblika madwar 1200 ktieb, staqsejt lil Pawlu jekk kienx iħossu sodisfatt li ħolmietu twettqet. “Naħseb li tajt kontribut fil-qasam tal-Malti,” stqarr Pawlu. “Imma ma nħossx li għandi nitkabbar bih għax nemmen li jien biss wieħed miż-żgħar nett. Għamilt dak li kelli nagħmel u kuntent ferm li ibni Joseph se jkompli jsaħħaħ warajja dak li bdejt jien. Inħossni sodisfatt li matul is-snin rajt bidla kbira pożittiva fejn jidħol il-Malti. Iżda fl-istess ħin hija traġedja li wara kważi 50 sena mill-ftuħ ta’ Klabb Kotba Maltin, riċentement qed jiġi nnutat illi l-qari bil-Malti reġa’ naqas qatiegħ. U mill-ġdid niftakar x’kien qal Vassalli u ma nistagħġibx il-għala r-riżultati tal-istudenti Maltin qegħdin imorru lura wkoll.”

    “Il-ktieb minnu nnifsu sikwit jitqies bħala kumdità milli bħala bżonn,” kompla jfissirli Joseph. “Tixtrih jekk iħajjrek, jew jekk tinteressa ruħek fis-suġġett. Però anki jekk iħajjrek, mhux neċessarjament se tixtriħ għax ktieb tista’ tiddubbaħ jew tisselfu minn xi librerija jew mingħand il-ħbieb, tista’ tagħmlu fotokopja f’temp ta’ ftit minuti, u tista’ teħodlu ritratt. Jeżistu ħafna modi li jitfgħu lura lill-pubblikaturi u personalment kultant nara li ġejna f’sitwazzjoni agħar minn dik li beda minnha missieri. Ma ddejjaqniex il-kompetizzjoni ta’ oħrajn bħalna għax dik toħloq ambjent tajjeb sabiex tinżamm il-kwalità tal-prodott. Iżda fl-istess ħin, nixtiequ li l-awtoritajiet jirrikonoxxu aktar l-impenn u l-ispejjeż li jidħlu għalihom nies bħalna sabiex jippromwovu l-ktieb, bil-Malti u dwar Malta. Ngħidu aħna tkun tassew ta’ għajnuna għalina jekk dawk il-kotba li jinvolvu riċerka ta’ ċertu livell, jinżammu b’moratorju ta’ madwar 12 il-xahar, qabel dawn joħorġu fil-libreriji għall-użu tal-pubbliku.”

    “Għamilna bosta sagrifiċċji sabiex nagħtu importanza lill-ktieb Malti. Nittama li t-triq li wittejna flimkien ma’ individwi oħra li bħalna ħabbew il-ktieb Malti tkompli tissaħħaħ għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna,” temm jgħidli Pawlu hekk kif it-tokki tqal tal-katidral nebbħuni li kien sar il-ħin.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI fit-Torċa tal-10 t’Awissu 2014)

    2014.08.11 / no responses / Category: Torca - Features & Articles