Posts Tagged ‘kavallieri’

  • 600 sena ta’ memorja pubblika

    Dr Joan Abela flimkien ma' selezzjoni ta' manuskritti.JPGDr Theresa Zammit Lupi mal-bastardelli li qed jigu mnaddfa.JPG

    Sarah Watkinson u Ivan Ellul - voluntieri fl-Arkivju Notarili.JPGL-ewwel forma ta' passaport.JPG

    Xi mkien trid tieqaf! Infatti, għalkemm konxja li hemm ħafna aktar ġabriet interessanti x’nikteb dwarhom, dan ser ikun l-aħħar artiklu tiegħi f’din is-sensiela. Kull artiklu li ktibt kellu l-għan li jeħodna matul vjaġġ ta’ esplorazzjoni tal-kultura u tal-istorja tagħna. Flimkien skoprejna kif primarjament l-iskop maġġuri ta’ dawn il-ġabriet tat-tifkiriet huwa li permezz tagħhom il-bniedem joħloq mezz kif jippreserva l-memorja tal-persuni, tal-perjodi, tal-mumenti u tal-affarijiet li l-aktar li jgħożż u li ma jrid qatt li jintilfu jew jintesew. Għalkemm uħud fostna jaħsbu li l-memorja hija xi ħaġa li żżommok imwaħħal mal-passat, fir-realtà din għandha l-potenzjal li tgħaqqad l-għeruq tal-bniedem modern ma’ dawk tal-antenati tiegħu u b’hekk tirrinforza l-pedament tal-umanità ta’ llum. Permezz tal-memorja, tarbija li titwieled fid-dinja ma jkollhiex għalfejn tibda kollox mill-bidu, u wara li titgħallem dak li sar qabel, hija tista’ tkompli tibni fuq dak li sabet u b’hekk tinfetaħ l-opportunità għall-progress.

    Din il-ġimgħa ddeċidejt li niddedika l-aħħar artiklu tiegħi lill-Arkivju Notarili li sfortunatament għamel żmien twil abbandunat. Infatti min jaf kemm il-darba għaddejt minn quddiem din il-binja antika li tinsab fi Triq San Kristofru, kantuniera ma’ Triq San Pawl fil-belt Valletta, bla qatt bsart x’seta’ kien hemm wara dak il-bieb kbir. Fi żjara li għamilt f’dan il-post, tkellimt ma’ l-istorika, Dr Joan Abela, u mar-restawratriċi tal-karta u l-kotba, Dr Theresa Zammit Lupi, dwar il-ġabra ta’ aktar minn għoxrin elf reġistru ta’ kitbiet notarili li jinsabu f’dan l-arkivju u li wħud minnhom imorru lura saħansitra sas-seklu 15. Stennejt li kont ser nisma’ elf ġrajja dwar dawn id-dokumenti imma żgur li m’għaddilhiex minn rasi li kont ser nara b’għajnejja t-tifrik tal-ġebel ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija li jinqala’ minn bejn il-paġni tagħhom waqt it-tindif tagħhom!

    Oriġinarjament, l-Arkivji Notarili twaqqfu fl-1640 mill-Gran Mastru Lascaris u kienu jinsabu fl-Oratorju ta’ San Ġwann. Wieħed mill-għanijiet tagħhom kien li jiġbru fihom il-volumi ta’ dawk in-nutara li ma kienux għadhom jipprattikaw jew li kienu mejta, sabiex iservu bħala sors ta’ referenza. Fatt kurjuż huwa li f’dan il-perjodu, kull min ried jilħaq nutar kellu jmur jistudja barra minn Malta, ġeneralment f’Palermo. Barra minn hekk, il-liċenzja biex nutar jibda jipprattika u l-inħawi fejn dan seta’ jaħdem, kienu jiġu deċiżi mill-Gran Mastru.

    Fuq mejda ppreparata apposta għalija, ħalli nkun nista’ napprezza dak li joffri dan l-arkivju, sibt numru ta’ manuskritti mill-ifjen jistednuni biex nagħti titwila lejn il-memorja li tħalliet maħżuża fuq il-paġni antiki tagħhom. Minbarra l-kitba raffinata tipika ta’ dak iż-żmien, stajt nosserva wkoll id-dekorazzjonijiet li bihom ġew imżejjna dawn il-volumi. Skoprejt ukoll illi dawn il-volumi rnexxielhom jirbħu t-theddida taż-żmien għal daqs tant snin minħabba li l-paġni tagħhom inħadmu mid-drapp u għalhekk huma aktar reżistenti mill-karta li nafu llum. Dettal ieħor interessanti huwa illi l-materjal li ntuża biex jgħatti u jipproteġi l-qoxra ta’ numru minn dawn il-manuskritti, fir-realtà huwa aktar antik u prestiġġjuż mill-volum innifsu! Żewġ eżempji li rajt kienu jinvolvu dokument ta’ prova ta’ nobbiltà ta’ żmien il-Kavallieri, u faċċata ddiżinjata bin-noti sbieħ u kkuluriti tal-kotba tal-kant korali li nħolqu fil-perjodu tal-Gran Mastru l’Isle Adam fis-16 il-seklu, liema kotba llum jinsabu fil-Kattidral ta’ San Ġwann. Biex nifhmu ġest bħal dan, irridu niftakru li meta dawn il-paġni tqaċċtu minn dawn il-kotba prezzjużi biex jiġu riċiklati bħala għata għall-volumi oħra, dan il-materjal kien qed jiġi mitqies bħala antik u żejjed.

    Dokument ieħor li rajt, kien juri l-ewwel forma ta’ passaport miktub fuq karta enormi. Dan il-passaport partikolari kien inħareġ minn Sultan Ottoman sabiex jagħti l-permess uffiċċjali lil kaptan Nisrani sabiex dan ikun jista’ jivvjaġġa bil-bastiment tiegħu f’territorju Mislem, mingħajr ma jiġi aggredit u mingħajr ma ssirlu ħsara fil-merkanzija li jkun qed iġorr. Dan kien żmien meta kursara nsara u misilmin kienu sikwit jattakkaw il-bastimenti li jkunu fuq il-baħar ħalli jisirqulhom il-merkanzija u jieħdu n-nies li jsibu fuqhom bħala skjavi. Infatti, dokument ieħor kien jinvolvi l-kuntratt ta’ assikurazzjoni li tħallset minn kaptan ta’ bastiment fl-1536 ħalli jassikura l-merkanzija tal-qoton li kien ser jitrasporta.

    Min-naħa l-oħra, manuskritt ieħor kellu miktub fid-dettall il-kundizzjonijiet maqbula fuq negozju ta’ skjava, fejn fl-1535, persuna li ġġib l-isem ta’ Intlohef, li kienet Musulmana minn Tuneż, kienet qed tiġi mibjugħa lil wieħed Malti għall-prezz ta’ 40 skud. Did-darba, fil-ħażż ta’ din il-kitba, wieħed jista’ josserva l-perċezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li kienu għal kollox differenti minn ta’ llum. Fil-fatt, dawn l-imsejkna li kienu jinqabdu bħala skjavi, spiss kienu jiġu trattati bl-istess mod kif kienu jitqiesu l-annimali jew xi prorpjetà oħra. Dan l-element huwa ċar fl-użu tal-lingwaġġ li jirreferi għalihom fejn ngħidu aħna l-iskjavi mibjugħa fi Tripli kienu jissejħu ‘testa di nigri’, oħrajn jirreferu għall-grupp ta’ skjavi bħala ‘a cargo of slaves’, filwaqt li kien hemm terminu speċifiku użat fil-bejgħ tagħhom li kien jgħid li dawn qed jinbiegħu ‘pro uno sacco ossibus pleno’, jiġifieri bħala xkora għadam. Din tal-aħħar tfisser l-istess bħat-terminu ta’ llum ‘tale quale’ u allura min jixtri skjav, ma setax imur lura għand il-bejjiegħ u jitlob il-flus lura jekk dan jimrad jew imutlu. Sadanittant, permezz ta’ dokumenti oħra, wieħed jista’ jifhem ukoll x’tip ta’ nies kienu qed jixtru dawn l-iskjavi. Ngħidu aħna, jekk tivvaluta ċerti dokumenti ta’ l-ewwel snin meta ġew il-Kavallieri fostna u marru joqogħdu l-Birgu, tara li f’daqqa, il-prezz tal-proprjetà ta’ dawk l-inħawi sploda hekk kif ħafna bdew ifittxu biex jixtru dar f’dawn l-inħawi ħalli jkunu aktar viċin ta’ dawn l-individwi nobbli jew inkella għax hemm kien hemm aktar xogħol. Infatti permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ dar li kellha kamra, kċina, intrata u bir, naraw li din kienet tiswa 40 skud, prattikament daqs kemm kienu qed jinbiegħu l-iskjavi. Għaldaqstant, dan jikkonferma li biex wieħed seta’ jiflaħ il-lussu ta’ skjav, ried ikollu flus mhux ħażin.

    Dokument ieħor partikolari mmens kien miktub minn testatur fis-sena 1814 fuq biċċa njama peress li f’dak iż-żmien kienu jaħsbu li l-injam ma setax iġorr mard fuqu. Dan kien żmien il-pesta qalila li kienet laqtet lil Malta fl-1813 u n-nies kienu qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha sabiex ma jxerrdux il-marda. Infatti din il-biċċa njama twasslet lin-nutar li mbagħad kiteb il-kuntratt ġewwa manuskritt. Mur għidlu li fir-realtà l-injam kien kompliċi ma’ din il-marda u li jekk mimsus minn xi ħadd milqut bil-pesta, huwa kien jitrasferixxi l-infezzjoni lill-bniedem li jmissu wara!

    Sa minn żmien il-Kavallieri, il-liġi kienet titlob lin-nutara kollha sabiex dawn jiddepożitaw tliet tipi ta’ dokumenti: il-bastardello (li kellu fih il-minuti li kienu jittieħdu waqt li jkunu qed jinkitbu l-atti), id-dokument oriġinali tal-kuntratt, u kopja tiegħu tar-reġistru. Fil-fatt, f’dan l-arkivju wieħed isib eluf ta’ bastardelli u ta’ kopji tar-reġistru, mentri l-kuntratti oriġinali jinsabu fl-arkivju prinċipali tal-Arkivji Notarili li jinsab fi Triq Mikiel Anton Vassalli. Il-bastardelli huma importanti ħafna minħabba li fihom ir-riċerkatur jista’ jsib diversi noti addizzjonali bħal ngħidu aħna noti ta’ kontijiet jew ħlas, xi ħaġa li n-nutar ma setax jagħmel fuq il-kuntratt oriġinali li ma setax jintmess. Il-lingwa użata f’dawn id-dokumenti tvarja minn perjodu għall-ieħor b’riflessjoni tas-soċjetà ta’ dak iż-żmien: sat-18 il-seklu l-lingwa hija primarjament bil-Latin, imbagħad fid-19 il-seklu l-lingwa użata taqleb għall-Ingliż u għat-Taljan, waqt li hu biss fl-20 seklu li nibdew naraw l-użu tal-Malti antik.

    Dr Joan Abela insistiet għal aktar minn darba dwar l-importanza ta’ dan il-materjal li jinsab maħżun f’dan l-arkivju, liema materjal ikopri madwar 600 sena ta’ storja kontinwa ta’ diversi livelli tas-soċjetà. Iżda akkost li dil-ħażna tiswa mitqla deheb, din għadha ma ġiet analizzata b’mod xjentifiku u storiku u allura l-potenzjal ta’dan ir-riżors mhux qed jiġi utilizzat. Sfortunatament, dawn l-arkivji għadhom mhumiex meqjusa bħala patrimonju minħabba li għall-istat huma jidhru bħala dokumenti legali. Infatti huma jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tan-Nutar Prinċipali tal-Gvern u mhux tal-Arkivista Nazzjonali.

    Diffikultà oħra hija li ħafna minn dawn il-manuskritti jinsabu f’qagħda mwiegħra peress li huma kienu nġabru minn taħt it-tifrik minn post fi Strada Stretta fejn kienu merfugħa, wara li dan intlaqat mill-bombi tat-Tieni Gwerra Dinjija. Jidher li xi ħadd kien tqabbad ineħħi dawn id-dokumenti sabiex jiġu salvati u b’hekk huma nġabru malajr mill-art, tpoġġew f’għadd ta’ kaxxi, inġiebu f’dan il-post fejn qegħdin bħalissa, u tħallew hemm għal snin sħaħ bla ma ħadd qatt misshom. Dr Theresa Zammit Lupi spjegatli kif mhux darba u tnejn li jsibu xi volum letteralment maqsum fin-nofs b’konsegwenza ta’ xi splużjoni waqt il-gwerra, jew xi volumi oħra mtaqqba bis-shrapnel.

    Intant, għal dawn l-aħħar 10 snin il-Kunsill għar-Riżorsi tal-Arkivju Notarili li huwa NGO volontarju, ħadem bis-sħiħ biex ilaqqa’ flimkien lir-riċerkaturi, lill-akkademiċi u lil ċittadini oħra bil-għan li dawn jappoġġjaw lin-Nutar Prinċipali tal-Gvern u lill-impjegati ta’ dawn l-arkivji sabiex din il-kollezzjoni tkun ippreservata. Fil-fatt Dr Abela, membru ta’ din l-NGO, ilha taħdem f’dawn l-arkivji għal għaxar snin b’mod volontarju bl-iskop li xi darba hija tara d-dokumenti kollha restawrati, konservati u ikkatalogati sabiex dawn ikunu jistgħu jservu bħala riżors sinifikanti ta’ referenza għar-riċerkaturi. Grazzi għal numru ta’ sponsors li jgħinu finanzjarjament lill-arkivju notarili biex jitkompla dan ix-xogħol, ammont konsiderevoli minn dawn il-manuskritti ġew restawrati u konservati. Infatti, is-sena li għaddiet feġġ raġġ ta’ tama li jitwettaq ħafna aktar xogħol meta l-HSBC għadda donazzjoni ta’ 100,000 ewro lil dan l-arkivju. B’dawn il-fondi l-arkivju seta’ jimpjega żewġ esperti fil-konservazzjoni tal-karta u b’hekk dawn bdew jorganizzaw numru ta’ dokumenti li ilhom mitluqin għal għexieren ta’ snin.

    Dr Zammit Lupi spjegatli kif il-proġett li qed taħdem fuqu jikkonsisti fit-tindif u l-organizzazzjoni ta’ kwantità kbira ta’ bastardelli. Għalissa dan il-proġett qiegħed jiffoka biss fuq it-tneħħija ta’ dawn il-frammenti jew volumi, mill-kaxxi li nġabru wara l-gwerra, fejn id-dokumenti ta’ 600 sena qegħdin imħallta ħallata ballata. Wara, dawn id-dokumenti jitnaddfu ħafif b’pinzell biex jitneħħa t-trab, u kultant anki l-ġebel, minn ġo fihom. Imbagħad huma jitqassmu f’folders ‘acid free’ u jintrefgħu f’kaxxi oħra skont in-nutar li ħadem fuqhom u d-dati tagħhom.

    Jekk tieqaf tixrob is-sitwazzjoni kollha f’daqqa, żgur li taħbat taqta’ qalbek li xi darba dawn id-dokumenti kollha se jiġu rkuprati. Madanakollu, dawn l-arkivji sikwit jagħmlu sejħa għall-voluntieri li jixtiequ jagħtu daqqa t’id f’dan ix-xogħol, u ftit għajnuna oħra, dejjem tagħmel differenza pożittiva. Infatti waqt din l-intervista, iltqajt ma’ wieħed mill-voluntieri, l-arkivista Ivan Ellul, li fil-preżent qiegħed jieħu ħsieb ifassal indiċi tal-bastardelli sabiex biha tinbena database għar-riċerkaturi. Fost it-8000 bastardello li hemm, tlestew 3000 minnhom u għalhekk fadal ħafna aktar xogħol xi jsir. Huwa stqarr li “hija esperjenza sabiħa wisq li taħdem b’kuntatt dirett ma’ volum ta’ 400 sena. Ċertament, f’pajjiżi oħra, din l-opportunità toħlomha biss tista’.” Voluntiera oħra, Sarah Watkinson, li qed tistudja Masters fl-Istorja u hija wkoll id-Deputat Chairperson tal-HSBC Bank Foundation, hija responsabbli mill-proġett tan-nutara Ingliżi. Dan il-proġett jinvolvi l-qari tad-dokumenti tas-seklu 19, meta n-nutara kienu jużaw il-lingwa Ingliża u Taljana, sabiex imbagħad id-dettalji l-importanti jiddaħħlu f’database li aktar tard se toffri referenza utli ħafna għar-riċerkaturi. Hija qaltli li fl-arkivju notarili “qisu l-Milied kuljum għax spiss issib informazzjoni li tissorprendik!”. Barra minn hekk hija spjegatli li f’dan il-proġett huma għandhom bżonn l-għajnuna ta’ voluntieri li jafu jaqraw u jiktbu b’dawn iż-żewġ lingwi.

    Staqsejt x’hemm bżonn biex wieħed jingħaqad magħhom bħala voluntier u rċevejt ir-risposta pronta u diretta “Imħabba lejn l-arkivju!”. Hija din l-imħabba li l-individwi nvoluti hawnhekk jippruvaw jittrażmettu lill-oħrajn bil-ħsieb li ħafna aktar nies japprezzaw li wara dawn il-ħitan storiċi ta’ din il-binja antika, il-poplu Malti jippossjedi teżor. “Hawnhekk hawn il-memorja ta’ mijiet ta’ snin tal-antenati tagħna. Huwa obbligu u dritt tagħna li naħdmu biex nippreservaw dawn id-dokumenti li jagħtuna identità,” sostniet Dr Abela.

    Intant, dan l-aħħar inħolqot ukoll Steering Committee għar-Rijabilitazzjoni tal-Arkivji Notarili u din diġà kellha laqgħat mas-Segretarjat Parlamentari Għall-Ġustizzja sabiex tiġi diskussa l-possibilità li dawn l-arkivji jiġu meqjusa bħala parti mill-patrimonju Malti. Barra minn hekk, dan il-grupp qiegħed jaħdem bis-sħiħ biex jivvaluta l-opportunità li ssir applikazzjoni għall-fondi tal-Unjoni Ewropeja ħalli kemm il-binja ta’ dan l-arkivju u kif ukoll id-dokumenti li jinsabu miġbura fih jiġu restawrati u konservati sabiex tingħatalhom funzjoni aktar xierqa. B’hekk kemm ir-riċerkaturi u kull min iżur dan il-post isib ambjent li jilqgħu ferm aktar.

    Għal aktar informazzjoni dwar dan l-Arkivju Notarili wieħed jista’ jċempel fuq 21224217 ext 427, inkella jissieħeb fil-paġna tal-Facebook Notarial Archives Preservation – Call for Volunteers.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (20 Parti) fit-Torċa tas-16 ta’ Marzu 2014)

    2014.03.16 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-JIEN U LIL HINN MINNI

    Tgħallem kif tista’ toqrob lejn is-silenzju li hemm fik innifsek u tkun taf li fid-dinja għal kollox hemm raġuni…. Elisabeth Kubler-Ross – psikjatra u awtriċi

    Għalkemm fil-ħajja huwa tajjeb li żżomm ruħek bieżel u dejjem għaddej b’xi ħaġa, kultant jiġu mumenti meta tħossok li ma tiflaħx titħabat aktar. Tibda tixxennaq imqar għal ftit mumenti ta’ rilassament Il-ġmiel tal-kjostrufil-kwiet u s-silenzju, mingħajr id-daqq tal-mobile, il-listi interminabbli ta’ messaġġi fl-email u l-urġenza ta’ xogħol wara ieħor li jrid isir illum qabel għada. Jasal punt meta jkun inutli li tibqa’ tagħfas u tipprova tkompli u tross sninek biex tibqa’ għaddej, għax ruħek innifisha tgħidlek – daqshekk, agħtini serħan!

    F’waqtiet hekk, allura jkollok tieqaf u titħasseb fejn tista’ tmur tirkupra ftit is-serħan tal-moħħ, it-trankwillità tal-ġisem u s-serenità tar-ruħ. Hemm diversi għażliet kieku – kollox jiddependi minn kemm għandek ħin u flus x’tinvesti f’dat-tip ta’‘fsied’.

    Mhux darba u tnejn li l-għażla tiegħi waqgħet fuq vakanza qasira fil-gżira t’Għawdex u hekk ġara anki did-darba… iżda b’differenza. Il-post li żort dan l-aħħar kien mogħni b’silenzju armonjuż, bi storjaFr Peter Paul Cachia antikissima, b’xogħolijiet tal-arti prezzjużi, b’arkitettura mill-ifjen,  b’ġonna donnhom ħerġin mill-istampi u anki b’ikel bnin u kumpannija mhux tas-soltu! Qatt ma bsart li ser insib dan kollu fil-Kunvent ta’ Santu Wistin li jinsab ir-Rabat Għawdex…

    L-ispazju mdaqqas fil-pjazza ta’ quddiem il-kunvent solvieli mill-ewwel il-problema tal-parkeġġ u fil-bieb, pront u fil-ħin miftiehem, insib lil Fr Peter Paul Cachia jistennieni.

    Mill-ewwel laqagħtni l-fatt li kien liebes pajżan u mhux bl-abitu kif ippretendejt li ser insibu jien. Nistqarr li hekk ħassejtni aktar komda, qisni dieħla fid-dar ta’ xi ħbieb iktar milli f’kunvent fejn soltu jkolli impressjoni forsi xi ftit aktar formali.

    “L-abitu nilbsuh waqt il-funzjoni tal-quddiesa, meta noħorġu għax-xogħol u meta mmorru niltaqgħu man-nies,” fehemni Fr Peter hekk kif ikkummentajt dwar dan. “Imma hawn ġew, fejn trid tmidd idejk u taħdem, dak it-tip ta’ lbies mhux daqshekk prattiku u komdu.

    “Naturalment l-abitu huwa l-uniformi tagħna li jiddistingwina kemm bħala individwi reliġjużi u anki jagħmel distinzjoni bejn il-komunità tagħna u ta’ reliġjużi oħrajn. Iżda l-aqwa ħaġa tal-abitu hija s-sinifikat tiegħu peress li jissaggralizza lill-bniedem. Madanakollu jiena nħoss illi l-ħajja reliġjuża turi ruħha fl-atitudni tagħna u mhux fl-għażla tal-ħwejjeġ li nilbsu.”

    Hekk kif tajt l-ewwel passi fil-kunvent ma stajtx ma napprezzax l-arkitettura mirquma tiegħu li evidentement kienet tixhed storja twila warajh. Infatti waqt riċerka li għamilt xi ġranet qabel, sibt illi l-oriġini eżatta ta’ dan il-kunvent kienet pjuttost inċerta. Skont xi storiċi, dan il-bini kien diġà msemmi fir-reġistri tal-Ordni fl-1453.

    “Jingħad li dal-bini huwa l-eqdem kunvent  f’Għawdex. Fl-1411 il-patrijiet Agostinjani kienu diġà qed jgħixu f’Malta imma hawnhekk nikkalkulaw li ilna mill-1453. Hawn min jgħid li konna hawn qabel Id-daħla għall-kunventukoll imma aħna dejjem nibbażaw fuq dak li hemm miktub. Ovvjament il-kunvent ma kienx minn dejjem bħal kif nafuh illum. Il-bini tkabbar u ttella’ ftit ftit matul is-snin u kien biss fl-1690 li ġie rranġat fl-istruttura preżenti.”

    Akkost il-milja ta’ das-snin kollha nnutajt li l-istat tal-bini huwa solidu ferm.

    “Minn wara s-snin sebgħin dan il-kunvent għamel żmien twil b’partijiet minnu mhux utilizzati. Infatti sas-snin disgħin kien jintuża biss bħala dar tal-irtiri għall-patrijiet stess li kienu jiġu hawnhekk u ma kienx miftuħ għall-pubbliku in ġenerali.

    Finalment fl-1994 iddeċidejna li flok inħallu dan l-ispazju moħli, nibdew nilqgħu il-pubbliku fih u għalhekk kien hemm bżonn li jsiru diversi adattamenti. Qagħdna ħafna attenti li nħallu l-karattru tal-post bla mittiefes u fl-istess ħin iddedikajna 16 il-kamra b’żieda ta’ kamra tal-banju f’kull waħda, sabiex in-nies li jiġu joqogħdu magħna jkollhom il-kumdità u l-privatezza neċessarji. Illum il-post jista’ jilqa’ fih 58 persuna.

    Għamilna wkoll xi żidiet interessanti oħra bħal mużew b’diversi oġġetti partikolari li kienu jinstabu f’dan il-kunvent u li dehrilna li setgħu jkunu ta’ nteress għall-pubbliku li jiġi jżurna.”

    Biex inkun nista’ nifhem aħjar, Fr Peter ħadni nara l-esebiti li għalkemm mhux f’xi kwantità enormi, l-varjetà tagħhom taf tolqot il-gosti ta’ individwi differenti.

    “Dawn huma żewġ ġebliet li nstabu fuq l-oqbra ta’ xi kavallieri li kienu mietu waqt kruċjata f’Tuneż u li r-Re Luwiġi IX kien ġie f’din il-gżira biex jidfinhom. Kienu fl-inħawi fejn illum hemm l-Oratorju Ġebla minn fuq qabar ta' kavallier datata 1270peress li sa madwar l-1940 hemmhekk kien ċimiterju.

    Għandna wkoll bosta oġġetti reliġjużi fostom ornamenti antiki li kienu jżejjnu l-knisja bihom u dawn is-set ta’ ħwejjeġ li ħallilna l-Isqof Camilleri; li kien Agostinjan u ħadem bħala l-Isqof t’Għawdex fl-aħħar tas-seklu l-ieħor u fil-bidu ta’ dan.

    Imbagħad hawn xi opri tal-arti bħal pitturi u skulturi, reċipjenti tradizzjonali tal-kċina bħal dawn il-baqar tal-fuħħar li kienu jintużaw biex jissajjar l-istuffat u affarijiet kurjużi bħal din il-lista tal-1923 fejn hawn imniżżel l-ordnijiet speċifiċi ta’ kif għandhom jindaqqu l-qniepen.”

    Kif qbiżna fuq l-aspett artistiku ma stajtx ma nitlobx lil Fr Peter biex idaħħalni daqsxejn fil-knisja tal-kunvent fejn kont naf li hemm opra mill-isbaħ tal-pittur Mattia Preti.

    “Din il-knisja hija mfittxija ferm mill-korijiet minħabba li hija akustika ħafna. Imma ċertament għandha wkoll valur kbir artistiku minħabba l-pitturi li tħaddan ġewwa fiha.

    Fost dawn hemm din il-pittura li kkonfermajna li hi xogħol ta’ Mattia Preti meta sibna d-dettalji fl-arkivji tagħna. Saret fl-1694 u hija l-kwadru titulari tal-knisja. Il-kwadru juri lil Santu Wistin flimkien ma’ Pittura ta' Giuseppe BriffaSan Ġwann Battista u l-Beatu Guliermu t’Aquitana.

    Però din mhux l-unika biċċa arti li hawn ġol-knisja. Dawn iż-żewġ pitturi mill-ifjen li qed tara f’kull ġenb, ġew maħduma mill-pittur bravissimu Giuseppe Briffa.”

    Kull tant żmien l-arkivji tal-kunvent jiżvelaw xi biċċa informazzjoni ġdida…

    “Fuq barra tal-knisja hemm erba’ statwi li  jirrappreżentaw lil Santu Wistin, lill-Madonna taċ-Ċintura, lil San Nikola minn Tolentino u lil San Tumas minn Villanova. Għal diversi snin kien maħsub li dawn l-Faċċata tal-Kunvent Santu Wistin Rabat Għawdexistatwi kienu saru mill-iskultur Rabti Antonio Busuttil fl-1860. Iżda dan l-aħħar instab illi l-istatwa ta’ Santu Wistin u l-istatwa nofs bust tal-Madonna taċ-Ċintura li hemm mal-faċċata tal-knisja u li forsi ftit jagħtu kasha, huma xogħolijiet aktar antiki tal-1770.”

    Ir-rikkezza ta’ dan il-kunvent stħajjiltha bħal paġni antiki ta’ ktieb li aktar ma tqalleb, iżjed issib informazzjoni u rakkonti mill-aktar interessanti. U fil-fatt kien għad fadal ħafna aktar x’nara. Bl-innoċenza kollha staqsejt lil Fr Peter jekk kellhomx xi xelters fil-kunvent u hu tbissem u sempliċiment talabni nsegwih.

    “Qabel nieħdok isfel fix-xelters ħa nurik xi ħaġa oħra…”

    Inżilna sular taħt l-art fejn kien hemm xi kmamar imħaffra.

    “Dan ngħidulu l-eremitaġġ minħabba li dari l-patrijiet kienu jinżlu fih biex jagħmlu x-xogħol tal-ġurnata tagħhom. Kull patri kellu l-aċċess għal din il-parti tal-L-eremitaġġ fil-Kunvent Santu Wistin Rabat Għawdexkunvent mill-kamra l-oħra tiegħu fejn kien jgħix, jikteb, jitlob u jorqod. Għaldaqstant taħt il-kamra proprja tiegħu, kull patri kellu wkoll dan l-ispazju fornut b’dak li kellu bżonn biex jaqla’ l-għixien tiegħu u tal-patrijiet l-oħra billi kienu jaħdmu xi affarijiet u mbagħad ibiegħuhom. Kellhom il-bir fejn jaħżnu l-ilma u dan it-tip ta’ kenur biex isajjru fih.”

    U proprju fin-nofs ta’ din il-moħba ċkejkna, minn wara gradi baxxi tal-ħadid, nilmaħ xi turġien neżlin aktar fil-fond tal-art. Ix-xelters! Bdejna neżlin…

    “Ħares sewwa lejn il-bokka tax-xelters u tara tlett tipi ta’ saffi stratigrafiċi ta’ tafal b’kulur differenti, segwiti mill-ħaġar iebes. Għax ix-xelters jinżlu tliet sulari taħt l-art u jinfirxu f’tul ta’ metri sħaħ tant li Id-daħla għax-xelters - livelli stratigrafiċijaslu sa taħt il-pjazza kollha li hemm quddiem il-kunvent u anki jilħqu numru ta’ djar oħra fil-madwar.”

    Issa fhimtha t-tbissima tiegħu! Ix-xelters kienu profondi mmens tant li lanqas stajna nidħlu sa ġewwa nett, kemm minħabba li f’partijiet minnhom jinfed l-ilma mill-qiegħan tal-art u anki peress li naħat oħra ngħalqu għal raġunijiet ta’ sigurtà ta’ aċċess.

    “Ġeneralment f’kull xelter apparti l-kmamar l-oħra provduti għall-kenn mill-attakki tal-gwerra, kien ikun hemm ukoll tliet kmamar prinċipali: infermerija, kappella u klassi għat-tfal. U dawn ix-xelters huma msawwra f’din il-forma.”

    Għalkemm min-natura tiegħu dan it-tħaffir taħt l-art ifakkar f’mumenti tal-waħx għal poplu tagħna, ma stajtx ma napprezzax kemm dawn ix-Il-profondita tax-xeltersxelters kienu mqassma b’mod professjonali u mhux f’geġwiġija bħal inħawi oħra li ġieli rajt. Ammirevoli kien ukoll l-istat tajjeb ħafna ta’ preservazzjoni ta’ dawn ix-xelters. Infatti biex inkun iktar preċiża dan il-livell għoli ta’ manutenzjoni kien jagħni lill-bini kollu u lill-oġġetti kollha li kienu jinsabu f’dan il-kunvent.

    “Il-kariżma tagħna bħala partijiet Agostinjani hija l-komunjoni. Dan ifisser li aħna ngħixu f’komunità u naqsmu kollox bejnietna. Tant hu hekk illi kull tip ta’ finanzi li jdaħħal kull patri titpoġġa f’kaxxa komuni u minnha nieħdu ħsieb inħallsu għal dak kollu li neħtieġu.

    L-istess kariżma twassalna biex naqsmu wkoll ħajjitna u d-dar tagħna mal-lajċi li jkunu jixtiequ jgħixu għal ftit fl-ambjent tagħna jew li jixtiequ jesperimentaw u jifhmu xi tfisser il-ħajja kontemplattiva ta’ patri.

    Għaldaqstant nifhmu illi l-post irid ikun miżmum f’qagħda eċċellenti, l-ewwel nett biex iwassal dak l-ambjent seren u pjaċevoli fejn wieħed jista’ jinġabar fih innifsu u jsib is-serħanu anki għax aħna konxji wkoll li meta tilqa’ n-nies għandek trid iżżomm ċertu livell professjonali, tajjeb daqs il-kunventi l-oħra madwar id-dinja li joffru l-istess servizz tagħna.”

    Kulħadd jista’ jiġi joqgħod f’dan il-kunvent?

    “Iva, sakemm jinżamm id-dekor u s-silenzju, kulħadd huwa milqugħ hawn ġew. Fostna jiġu kemm Maltin u kif ukoll turisti, li mhux neċessarjament ikunu nsara imma xorta waħda japprezzaw dawn it-tip ta’ postijiet, ovvjament minħabba d-diversi aspetti oħra li kapaċi joffru apparti mill-lat reliġjuż.”

    X’tistennew min-nies li jiġu jżurukhom?

    “Naturalment li javżawna minn qabel biex jirriservaw post. Imma nassigurak li ma nġiegħlu lil ħadd iqum u jitlob magħna bilfors jew li jiġi jattendi għall-quddies fil-għodu! Naturalment għal min jixtieq Il-baqar tal-fuħħar għall-istuffathemm din il-possibilità letteralment żewġ passi l-bogħod fil-knisja tagħna stess. Imma min jippreferi jiġi biex ikollu kamra fejn jistrieħ għall-kwiet u jieħu xi ikla tajba magħna, għandu l-libertà kollha li jagħmel dan.”

    Iċ-ċempila ta’ qanpiena tidwi mal-kunvent qatgħatilna kliemna…

    “Kumbinazzjoni! Sar il-ħin għall-ikel. Ejja miegħi…”

    Ma stennejtix din. Inġbarna bil-qiegħda flimkien maż-żewġ patrijiet l-oħra: il-pirjol u s-sagristan li wkoll kienu lebsin ħwejjeġ ta’ kuljum u li żiedu dak is-sens uniku ta’ kumpliċita bejnietna. B’tazza nbid ħamra f’idejna, bdiet diskussjoni ferm imħawwra proprju daqs l-ikel bnin li beda jinżilli għasel!

    “Din hija l-użanza tagħna u l-unika regola marbuta mal-ħin. Għalhekk min jagħżel li jiekol magħna jkun irid josserva l-ħin li nagħtuh peress li kulħadd jiekol flimkien u b’hekk il-mistednin tagħna jsiru jafuna aħjar u aħna lilhom.

    F’dan il-kunvent qegħdin tliet patrijiet. Hawn il-pirjol li huwa l-animatur tagħna u allura hu responsabbli mill-komunità tagħna  f’dawk li huma dmirijiet bħal li jara li jiġu segwiti minna l-atti komuni Arkitettura 1 - Kunvent Santu Wistin Rabat Għawdexfostom it-talb u l-ħajja komuni bejnietna u li jsir id-djarju ta’ kuljum fejn fih jitniżżlu l-avvenimenti tal-ġurnata u li maż-żmien isiru arkivji. Hawn ukoll is-sagristan li fost ix-xogħolijiet tiegħu jieħu ħsieb il-knisja u dak kollu li jikkonċerna l-quddies. Imbagħad hawn l-ekonomu, li bħalissa huwa jien, li fost ir-responsabbiltajiet tiegħi nieħu ħsieb id-dħul u l-ħruġ tal-finanzi tal-kunvent, ix-xiri li jkun hemm bżonn u li nara l-bżonnijiet strutturali u ta’ ndafa li jkollu bżonn il-kunvent.

    Ħafna nies ifittxuna biex jorganizzaw l-irtiri u dawn għalina jingħataw prijorità peress li din hija l-funzjoni prinċipali tagħna bħala kunvent. Uħud minnhom jitolbuna biex niffurmawlhom irtiri u laqgħat skont is-suġġett tal-għażla tagħhom. Oħrajn jiġu b’mod individwali u jersqu għandna biex jiddjalogaw magħna fuq ċerti aspetti u għażliet tal-ħajja. Għalhekk aħna nisħqu ħafna fuq is-silenzju f’dan il-post.”

    Lestejna mill-ikel u Fr Peter ħadni nżur iż-żewġ ġonna li jħaddan fih dan il-kunvent. L-ikbar wieħed iġib l-isem Tagaste; il-post fejnIl-kjostru tal-Kunvent Santu Wistin Rabat Għawdex twieled Santu Wistin. Imma jiena ntlift wara l-ġnien iż-żgħir magħruf bħala l-kjostru; post li trid tkun fih biex tifhem ġmielu u biex tħoss fuqek dik il-paċi li kapaċi jnissel.

    “It-trankwillità hija importanti ferm għalina għax aħna nemmnu illi fis-silenzju l-bniedem jista’ jiltaqa’ aktar miegħu nnifsu u allura jersaq aktar qrib t’Alla. Santu Wistin jgħidilna illi Alla mhux il-barra minnek imma qiegħed ġewwa fik. Għalhekk iktar ma tinżel fil-profondità tiegħek innifsek, iżjed tiltaqa’ ma’ Alla. Dan huwa l-aspett fundamentali u pożittiv għala nilqgħu n-nies hawnhekk.”

    Il-kunvent ma kien jispiċċa qatt. Dħalt fil-kmamar li fihom jilqgħu lin-nies u sibt li kienu ħelwin ferm uKamra tipika fil-kunvent ndaff tazza, fi stil tipikament Malti u jagħtu għal fuq il-ġonna. Sinċerament ħassejtni nixxennaq biex ngħaddi jumejn f’dan il-post mżewwaq b’tant kultura, b’kuluri naturali u bil-ħlewwa ta’ dawn il-patrijiet tant ospitevoli. Iżda l-patrijiet infushom għandhom ukoll diversi lati oħra, ukoll ferm profondi. Waqt id-diskursata tagħna sirt naf li Fr Peter qatta’ l-biċċa l-kbira minn ħajtu fil-missjoni.

    “Meta gejt iffurmat patri, 33 sena ilu, mill-ewwel għażilt li mmur il-missjoni. Għamilt 19 il-sena l-Alġerija. Kont naħdem ma’ numru kbir ta’ individwi minn pajjiżi differenti li kienu jmorru jaħdmu hemmhekk għal kumpanniji kbar. Kienu joqogħdu fi djar pri-fabbrikati li jiffurmaw speċi ta’ villaġġi. Kelli madwar 36 minn dawn u biex inwettaq ix-xogħol pastorali tiegħi ivvjaġġajt mas-6000 kilometru fix-xahar. Qsamt anki d-deżert meta mort naħdem fost il-ħaddiema li dak iż-żmien kienu qed jibnu l-pipeline tal-gas li minnha għaddew il-gas għall-Ewropa. Min-naħa l-oħra, fl-Brażil hemm numru ta’ provinċji Agostinjani li fil-preżent qed jippruvaw jingħaqdu flimkien fi provinċja waħda Brażiljana. Hemmhekk qattajt 12-il sena oħra ta’ missjoni.”

    B’differenza minn kif forsi ħafna minna jimmaġinaw li l-patrijiet jgħixu ħajja trankwilla, intbaħt li ħajjet Fr Peter kienet attiva u mpenjuża ferm. Iżda hu qalli li ried joqgħod attent ħafna għal kemm jinvolvi ruħu.

    “Waħda mill-akbar tentazzjonijiet tagħna hija proprju l-attiviżmu: li inti minħabba l-attivitajiet li tidħol għalihom tħalli t-talb, tabbanduna l-komunità u ma tirriservax ħin għall-laqgħat tal-kunvent. Huwa għalhekk importanti ħafna li tillimita ruħek għax jekk titbiegħed minn kollox, faċilment titlef il-vokazzjoni tiegħek li hija l-għan prinċipali li jagħmlek patri.”

    Bejnietna ingħadu ħafna aktar affarijiet u ċertament kien hemm anki iżjed x’jingħad imma sfortunatament il-ħin beda jagħfas. Biex nagħlaq, staqsejtu x’sodisfazzjon tagħtih il-vokazzjoni fil-ħajja tiegħu?

    “Il-ħajja vokazzjonali hija ta’ sodisfazzjon kontinwu. Iżda fil-ħajja reliġjuża jkollok ukoll il-kriżijiet tiegħek bħal kulħadd. Ma nista’ ninsa qatt per eżempju l-kriżi kbira li għaddejt minnha meta kont qed Fr Peter Paul Cachia fil-kjostru inwettaq il-missjoni tiegħi fl-Alġerija waqt li l-pajjiż kien għaddej minn diffikultajiet kbar.

    Kemm ilni f’dan il-kunvent, għal dawn l-aħħar sena u nofs, qed inqatta’ mumenti prezzjużi fejn fostom nista’ nistrieħ ftit u ngawdi daqsxejn lil ommi. Iżda indubbjament il-vokazzjoni tiegħi għad twassalni għal ħafna esperjenzi oħra ġodda. Nistennew u naraw.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-14 ta’ Novembru 2011)

    2010.11.14 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • MINN WARA L-ĦITAN TAL-KLAWSURA

    Is-sorijiet tal-klawsura minn dejjem kienu jintrigawni. Qatt ma stajt nifhem l-għażla tagħhom li jinqatgħu kompletament mid-dinja biex imorru jingħalqu wara erbgħa Mix-xellug - Il-Vigarja Swor Aloisia Bajada u Madre Michelina Mifsudħitan. Spiss kont nipprova nimmaġina x’tip ta’ persuni jistgħu jkunu u x’inhu dak li jwassalhom biex jieħdu deċiżjoni drastika bħal dik. Dak il-wiċċ mistur għad-dell tal-grada ċkejkna kien ikompli jqanqalni biex niskopri l-emozzjonijiet u l-ħsibijiet moħbija wara dawk l-għajnejn baxxuti. Iżda fl-istess ħin kont rassenjata li ser nibqa’ bil-kurżità għax kont naf li lil dawn is-sorijiet ma tistax tkellimhom kif ġieb u laħaq.

    Għalhekk tistgħu taħsbu kif bqajt meta dan l-aħħar irċevejt ittra mingħand il-ħabib tiegħi Ralph Micallef fejn infurmani li kien irreferini biex niltaqa’ mal-Madre tas-Sorijiet Agostinjani tal-Klawsura ta’ Santa Katerina! Nistqarr li domt ftit intella’ u nniżżel qabel ċempilt lill-Madre. Kont qed nipprova nara kif ser inpoġġi l-kliem ma’ persuna bħal din. Imma lanqas ħaqq kemm ħlejt ħin għax Madre Michelina laqgħatni b’ġentilezza u ħlewwa kbira u bla eżitazzjoni aċċettat li niltaqgħu.

    Tlajt it-telgħa wieqfa ta’ Triq ir-Repubblika b’ċerta trepidazzjoni u hekk kif wasalt quddiem il-bieb tal-monasteru ntbaħt li min jaf kemm għaddejt minnIl-kamra fejn jiltaqgħu man-nies quddiem dan il-post mingħajr ma qatt kont naf x’kien. Ċempilt il-qanpiena tal-bieb u kif identifikajt ruħi, l-bieb infetaħ waħdu. Imbuttajtu l-ġewwa u dlonk sibt ruħi f’kamra bi stil antik mill-isbaħ. Quddiemi wkoll tfaċċaw tliet itwieqi mbarrati bil-ħadid miżbugħ bajdani. Waqaft ħdejhom imma l-Madre sejjħitli bi tbissima u daħħlitni ġewwa.

    “Bħalissa għaddej xi xogħol ta’ restawr. Kellhom jgħaddu 500 sena biex irranġajna l-faċċata tal-monasteru. Imma ftit taż-żmien ilu għal naqra ma ġratilnix diżgrazzja kbira hekk kif waqa’ xi ġebel għal isfel waqt li kienet għaddejja l-purċissjoni ta’ San Duminku minn quddiemna. Imn’Alla ma weġġa’ ħadd. Bdejna x-xogħolijiet ħames snin ilu u l-ispiża telgħet mhux ħażin. Imma meta ġew il-bennejja, l-ġebel tant kien iddeterjorat li bidlu 40% minnu. Sfortunatament il-fondi qed jixxuttaw u l-bqija ser ikollu jitħalla kif inhu għalissa,” bdiet tispjegali l-Madre hekk kif bdejna mexjin minn kamra għall-oħra.

    Ma’ l-ewwel impatt tiegħi mal-post intbaħt li kont diġà żbaljata fuq punt wieħed! Is-sorijiet tal-klawsura ma kienux jgħixu wara erbgħa ħitan imma ġo palazz storiku u spazzjuz li kien  jesa’ fih erbgħa sulari.

    “Dan il-bini jiftakar lill-Kavallieri ta’ San Ġwann,” fetħet id-diskursata l-Vigarja Swor Aloisia Bajada li ngħaqdet magħna hekk kif ratni nammira l-ġmiel tal-madum prezzjuż u kkulurit, l-arkitettura mirquma u l-pitturi antiki. “Fil-fatt dal-monasteru għandu storja mill-isbaħ u tmur lura għal snin twal. Dnub li ftit biss jafuha.”

    “Din taf tgħidlek l-istorja tal-monasteru fuq ponot subgħajha,” qaltli bi tbissima l-Madre.

    Swor Aloisia hija soru ta’ 84 sena iżda akkost l-età tagħha hija persuna vivaċi, ċajtiera u b’memorja mill-aqwa.

    “Jiena l-hena tiegħi nidħol fil-profond ta’ dak kollu li nagħmel,” kompliet tgħidli. “Għalhekk spiss kont nintefa’ fl-arkivji tal-monasteru nqalleb fil-manuskritti u d-dokumenti antiki ħalli nitkixxef aktar dwar il-ġrajja ta’ dal-post li ngħix fih. Sibt illi l-arkivji jmorru lura sal-1606 u huma miżgħuda b’dettalji ferm interessanti dwar dak kollu li għaddew minnu s-sorijiet. Uħud mid-dokumenti huma bil-Latin però rnexxielna nsibu lil min jittraduċielna xi xogħol għat-Taljan u jien qlibt parti minnu bil-Malti.

    Oriġinarjament hawnhekk kien hawn id-dar tal-Belt tal-Markiżi Giovanni u Katarina Vasco Oliviero li kienet magħrufa bħala Casa Vanilla. Fl-1576 it-tifel tal-koppja marad bil-pesta u ommu li kienet devota ta’ Santa Katarina għamlet wegħda li jekk binha jfieq, hija tagħti d-dar tagħha lill-Knisja. It-tifel fieq u ħu Katarina, li kien ukoll prokuratur tat-Teżor ta’ l-Ordni, fakkar lil oħtu fil-wegħda li kienet għamlet.

    Il-Markiża wettqet il-wegħda tagħha imma meta fl-1611 hija saret taf bi grupp ta’ tfajliet imsejjħa l-‘Orfanelle della Misericordia’ hija ddeċidiet li ddawwar id-deċiżjoni tagħha u minflok għaddiet il-Il-monasteru minn fuq il-bejtproprjetà lilhom. Dawn it-tfajliet kienu qed jieħdu ħsieb lil xi tfal li kellhom il-problemi fil-familja u matul is-snin kienet ġiethom il-vokazzjoni reliġjuża għall-ħajja tal-klawsura. Biex id-dar setgħet tinbidel f’monasteru ħalli tkun tista’ tilqa’ fiha lil madwar 45 soru u 15 il-tifla, il-Markiżi bnew kappella mal-ġenb tad-dar u xtraw ukoll xi bini tal-madwar. Huwa għalhekk li llum hawn dal-kobor kollu tant li l-ħitan tal-monasteru jmissu ma’ Triq ir-Repubblika, ma’ Triq San Kristofru, ma’ Strada Stretta u anki ma’ parti minn San Duminku. Sa sena wara mit-testment, il-markiżi mietu u hekk kif anki binhom kien laħaq miet qabilhom, is-sorijiet tal-klawsura wirtu anki l-ġid kollu tal-Markiżi.

    Fl-1714 il-monasteru kellu bżonn xi tibdiliet strutturali u tant intefqu flejjes illi eventwalment ma kellhomx biżżejjed fondi biex ikomplu l-kappella. Fl-1798 s-sorijiet kellhom anki jieqfu jieħdu ħsieb it-tfal minħabba li kienu waqgħu f’għaks kbir.”

    Ma tridx wisq biex tifhem kemm spejjeż jirrikkjedi post bħal dak. Kelli kurżità kif jiffinanzjaw ruħhom dawn is-sorijiet?

    “Fi żmien il-Kavallieri kienu bdew jidħlu bosta tfajliet nobbli bħala sorijiet tal-klawsura u dawn kienu jġibu doti kbar magħhom. Fil-fatt waħda minnhom kienet Swor Marianna Pinto, oħt il-Gran Mastru Pinto nnifsu. Tul is-snin dan il-ġid akkumula mhux ħażin u l-monasteru kien jgħix permezz tar-renta fuq l-artijiet u mill-flus li dawn is-sorijiet ġabu magħhom. Illum naturalment l-istorja nbidlet imma għallinqas għad fadlilna biex ngħixu permezz tal-imgħaxijiet li nħolqu mill-bejgħ ta’ xi bini li kien proprjetà tal-monasteru.”

    Fil-kunvent kien hemm kwiet perfett tant li konna qisna qegħdin weħidna f’dak il-post. Xtaqt inkun naf kemm hemm sorijiet?

    “Bħalissa qegħdin 10 sorijiet u sfortunatament għandna 4 minnhom morda. L-ikbar soru hawnhekk tgħodd l-età ta’ 88 sena u l-iżgħar waħda għandha 60. Ilna madwar 25 sena ma jkollna vokazzjonijiet ġodda hawn ġew.”

    Impressjonanti! Allura x’jiġri jekk jilħqu jonqsu s-sorijiet kollha?

    “Jiena qatt ma naqta’ qalbi,” weġbitni bil-ħlewwa l-Madre li issa ilha tmexxi l-monasteru għal dawn l-aħħar ħames snin. “Nemmen ħafna fil-provvidenza t’Alla u npoġġi t-tama kollha tiegħi fih. Iżda nammetti li bħalissa l-ħajja pjuttost iebsa hekk kif ħafna mis-sorijiet kibru mhux ħażin u jridu jieħdu ħsieb lil sħabhom morda apparti li jridu jkomplu bil-faċendi u d-dmirijiet ta’ kuljum.”

    “Din l-istorja diġà ġrat fl-1798 meta s-sorijiet kienu xjieħu kollha u kien għad fadal tmienja biss. Tant kienet gravi s-sitwazzjoni li soru minnhom li kienet tiġi mill-familja Preziosi, kellha tmur lura għand qrabatha biex jieħdu ħsiebha fl-aħħar ġranet ta’ ħajjitha. Imma hawn hu l-kobor tal-Mulej; appena mietu dat-8 sorijiet, minnufih daħlu 16 oħra u l-ħajja kompliet,” serrħitli rasi Swor Aloisia.

    F’dal-punt deherli li kelli nistaqsi x’wassalhom biex saru sorijiet tal-klawsura u l-istejjer li rrakkuntawli żgur li ma bsarthomx!

    “Fi żmien it-tieni gwerra dinjija kienet waqgħet bomba ġol-ġnien tal-monasteru u għalhekk is-sorijiet kienu marru jsibu rifuġju f’Ta’ Ċenċ Għawdex. F’dik il-ħabta jiena kelli 16 il-sena u lanqas biss kont naf Il-Vigarja Swor Aloisia Bajadax’jaħbtu das-sorijiet tal-klawsura. Jiena kont mix-Xagħra u darba minnhom wara li rajt xi xogħol tal-ħjata tagħhom urejt ix-xewqa li niltaqa’ magħhom. Sħabi daħku bija u qaluli ‘Mela dawk ser ikellmuk? Dawk trid tkun ser tidħol magħhom biex jiftħulek.’ Imma jiena kelli kurżità kbira biex nara x’ikunu dawn is-sorijiet li ma joħorġu qatt u finalment ikkonvinċejt lil sħabi li kienu ikbar minni biex jeħduni għandhom. Tgħidx x’biża’ kelli li jdaħħluni veru magħhom għax jien kull ma ridt li naqta’ l-kurżita’. Imma meta morna serrħuli rasi li kont għadni żgħira wisq biex nidħol magħhom imma li jekk ridt stajt nibqa’ nżurhom. Hekk għamilt u bdiet tiġi wkoll ħabiba tiegħi miegħi. Ftit ftit inġbidna lejn il-ħajja ta’ dawn is-sorijiet sakemm darba minnhom, meta għalaqna t-18, inżilna Malta (fejn kienu rritornaw is-sorijiet) u ngħaqadna magħhom. Kienet l-aqwa għażla tiegħi tant li jekk nerġa’ nitwieled nerġa’ nagħżel dit-tip ta’ ħajja,” ikkonfermatli Swor Aloisia.

    “Jiena wkoll kelli 18-il sena meta dħalt soru tal-klawsura u daqs Swor Aloisia konvinta mid-deċiżjoni tiegħi. Imma għandek tkun taf li l-ewwel darba li saċerdotMadre Michelina Mifsud issuġġerieli li nidħol soru tgħidx kif ħtaftu. Kien jarani ninvista lil Santa Rita kuljum u darba qalli “Inti għax ma tidħolx soru? Dejjem insibek quddiem Santa Rita.” U spirtu pront weġibtu ‘Għandix nidħol soru! Jien irrid ingawdi ħi’. Kont tfajla fuq ruħi u dejjem nittanta x-xemx għaddejja għax kont inħobb ħafna nitkellem man-nies. Xorta waħda das-saċerdot baqa’ sakemm laqqagħni mal-Madre ta’ Santa Monica u minn hemm bdejt ngħaddi xi weekends għandhom sakemm ftit ftit trawwimt minnhom u verament tħajjart nidħol soru. Niftakar li ddeċidejt li nidħol soru ma’ ta’ Santa Rita u meta wissewni li dawk kienu sorijiet tal-klawsura, għalkemm ma kontx naf wisq dwarhom, bqajt insostni li magħhom ridt nidħol. Xi xhur qabel kont mort inżur lil Frenċ tal-Għarb u waqt li għamilli s-salib fuq moħħi biż-żejt tal-Madonna, bla ma jaf xejn fuqi kien bassar li jien kont ser insir soru tal-klawsura mal-monasteru ta’ Santa Katarina u li kont ser immut hemm ġew. Meta finalment dħalt magħhom, missieri ħalef li ma kontx ser indum aktar minn ħmistax hemm ġew u s’issa ilni 47 sena.”

    Qomna minn fejn konna u bdejna mexjin lejn il-kappella tal-monasteru. Minnufih laqtuni ż-żewġt itwieqi magħluqa bil-gradi li kienu misjuba wara l-artal.

    “Il-ħajja tal-klawsura kienet ħafna aktar iebsa qabel imma aħna konna nafu għal xiex dħalna u ma nsibu l-ebda problema bir-regoli li rridu nimxu magħhom.

    Erbgħa snin ilu ma kontx ser taqbad u tiġi hekk kif għamilt illum u noqogħdu ndawwruk ma’ kullimkien. Min jaf kemm permessi ridt biex stajt biss biss tkellimna. Mal-wasla tiegħek kieku kont indoqq qanpiena biex is-sorijiet l-oħra jinġabru kollha f’kamarthom ħalli ma jiltaqgħux miegħek.

    Lin-nies stajna nkellmuhom biss minn wara dawk il-gradi. La stajna nisimgħu radju, la naraw televiżjoni u lanqas naqraw gazzetti. Konna għal kollox maqtugħin mill-bqija tad-dinja biex inkunu nistgħuIl-kappella bil-gradi wara l-artal niffukaw biss fuq it-talb u fuq Alla. In-nies ftit li xejn kienu jafuna għalkemm dejjem urew qalb tajba magħna. Però naħseb li kienu jaħsbuna nies imdejjqin ħafna peress li konna dejjem imsakkra hawn ġew. Ħadd minna ma kellu permess biex joħroġ barra ħlief għal bżonn biex immorru għal xi kura. Lanqas jekk jomordu l-ġenituri tiegħek u wisq anqas għall-funeral tagħhom ma stajt tattendi. Hawnhekk setgħu jidħlu biss familjari, sal-kuġini u nitkellmu minn wara l-grada. Barranin ħadd.”

    Il-madre ratni nitmeżmeż u ma flaħtx ma nistaqsihiex għala bniedem għandu jaċċetta li jiċċaħħad tant, sempliċiment għall-fidi? Imma t-tnejn qabżu fuqi u rrispondewni…

    “Aħna ma nħossuniex imċaħħda. Din hija t-tip ta’ ħajja li għażilna. Nammettu li ġieli jiġu mumenti iebsa bħal kif jiġu fuq kulħadd. Imma permezz tal-fidi tagħna, lanqas biss inħossu n-nuqqas li qed titkellem dwaru inti. Kultant lanqas aħna stess ma nkunu nafu kif ser infissru din il-vokazzjoni tagħna. Imma biex forsi nagħtuk ħjiel infakkruk li għalkemm inti ma dħaltx soru bħalna, m’għandniex dubju li tagħmel bosta sagrifiċċji biex tara l-familja tiegħek kuntenta.”

    Is-sorijiet għarrfuni wkoll li wara l-Koncilju tal-1963 l-affarijiet inbiddlu xi ftit.

    “Issa nistgħu nitkellmu mal-pubbliku għalkemm dejjem minn wara l-grada. Lanqas biss ngħidlek kemm jiġu nies kuljum jitolbuna l-pariri jew biex jiftħu qalbhom magħna. Barra minn hekk it-telefon ma jieqafx minuta.

    Sirna wkoll nistgħu nsewgu ċertu programmi fuq ir-radju u fuq it-TV. F’dawn l-aħħar erbgħa snin qegħdin ukoll noħorġu nisimgħu l-quddies man-nies minflok narawha minn fuq il-monitor minn wara l-artal tal-kappella. Kienet esperjenza sabiħa wisq meta rajna l-attendenza tan-nies tfawwar il-kappella wara din il-bidla. Fejn qabel kien ikun hemm wieħed jew żewġ persuni, illum il-kappella tkun mimlija nies. Joqogħdu anki jkantaw magħna u tgħidx kemm jieħdu ħsiebna meta xi waħda minna ma tinżilx għall-quddiesa. Nifhem li dan kien pass il-quddiem għax b’hekk in-nies saret tafna u tfittixna u nġibdet ħafna lejna. Tneħħa l-misteru ta’ x’seta’ konna u fejn ħafna ħasbuna strambi u ma nafux immorru man-nies issa setgħu jifhmu li aħna m’aħniex ħlief bnedmin bħalhom li ddeċidejna li niddedikaw ħajjitna biex nitolbu għall-bżonnijiet tal-popli kollha u tad-dinja.”

    Imma ngħid jien mhux aħjar tmidd idejk u tagħmel xi ħaġa milli toqgħod titlob biss?

    “Aħna nagħmlu ħafna xogħol fil-monasteru imma t-talb huwa d-dedikazzjoni tagħna. It-talb għandu qawwa kbira quddiem Alla u t-talb tagħna kontinwu jservi biex min ma jafx jew m’għandux ċans jitlob, nitolbu aħna għalih. Il-Papa xebbaħ lis-sorijiet tal-klawsura mal-power station tal-Knisja u sostna illi li kieku m’hawnx dat-tip ta’ sorijiet, il-Knisja tkun fqira ħafna.

    Peress li aħna ddedikati lil Alla, nkunu nistgħu nidħlu f’intimità miegħu u nwasslulu t-talb kollu ta’ dawk li jkunu rrakkomandaw ruħhom f’talbna. Fil-fatt kull fil-għodu fl-5:45am l-ewwel talba tagħna L-inħawi tal-madwar minn fuq il-bejtdejjem tkun dedikata għall-bżonnijiet ta’ dawk li jkunu kellmuna, għall-morda, għall-ġerarkija tal-Knisja u għal dawk kollha li għandhom bżonn l-għajnuna t’Alla. Noffru wkoll diversi quddisiet għall-benefatturi tagħna kemm ħajjin u anki mejtin.”

    It-tnejn li huma saħqu miegħi li ma jħossuhomx magħluqa u li qatt ma jixxenqu għal barra. Biex ifehmuni aħjar iddeċidew li jtellgħuni fuq il-bejt u għalhekk it-tlieta li aħna rkibna l-lift għal erbgħa sulari ‘l fuq.

    “Qabel dal-lift ma kienx jeżisti. Konna nitilgħu fuq il-bejt kull nhar ta’ Ħadd u biex niċċajtaw aħna u telgħin it-taraġ bl-ikel ta’ nofs inhar f’idejna konna nagħmlu tabirruħna li sejrin sa San Pawl il-Baħar. Veduta minn fuq il-bejt tal-moansteruIllum m’għadnix nifilħu nitilgħu dak it-taraġ kollu imma l-bejt sabiħ wisq!”

    Ma ridtx wisq biex nifhem hekk kif xrifna barra għall-frisk tal-arja. L-għoli tal-post jippermetti xeni mill-isbaħ li jinfirxu sa fuq il-baħar.

    “Għidilna kif tista’ tħossok imsakkra f’dal-ġmiel? Tant hawn sabiħ li bla ma trid tidħol f’meditazzjoni. Fl-istess ħin in-nies tant huma qrib li ma tħossok waħdek qatt. F’xi ġurnata sabiħa mhux darba u tnejn li nitilgħu hawn u noqogħdu nitpaxxew bid-dgħajjes sbieħ għaddejjin.”

    Ressquni qrib ċint li jagħti għal isfel fuq il-ġnien. Ommi ma kif inħsadt! Kemm kien hemm għoli!

    “Hawn dan l-għoli kollu għax hawnhekk kien hawn barriera minn fejn inqata’ l-ġebel kollu biex inbena l-bqija tal-monasteru. Issa ħares hemm isfel ara, hemmhekk hemm il-kannierja fejn jindifnu s-sorijiet li jmutu.”

    Dħalna ġewwa mill-ġdid u s-sorijiet ħaduni f’kamra minn fejn huma jittawwlu biex jaraw il-purċissjonijiet għaddejjin. Xtaqt inħoss kif iħossuhom huma wara dik in-nisġa ta’ Il-ġnien kien barriera minn fejn inqata' l-ġebel għall-bqija tal-biniħadid u għalhekk ersaqt qrib u ttawwalt barra. Minn wara t-toqob tal-grada stajt nara n-nies għaddejjin b’ħajjithom fit-triq ta’ taħtna u fl-uffiċini faċċata u bla ma naf kif ersaqt bil-ħeffa lura hekk kif għajnejn raġel minnhom iltaqgħu ma’ tiegħi malli rnexxielu jilmaħni. Il-Madre tbissmet u talbitni nsegwiha għax issa xtaqet tniżżilni fil-kannierja.

    “Nippreferi li nilħqu nidħlu qabel jidlam għax nibża’ mill-mejtin u niddejjaq nidħol hemm fid-dlam.”

    Issa kien imiss lili nitbissem. Fl-istess ħin stagħġibt kemm kien għadda ħin u lanqas biss indunajt.

    “Aħna ngħixu għal dejjem fil-monasteru tagħna u meta mmutu nindifnu hawn ukoll.”

    Ma kien hemm xejn tal-biża’ fil-kannierja. Anzi! Bħal kif kien hemm fil-bqija tal-kunvent kienet teżisti sensazzjoni ta’ paċi u serenità.

    “Hawnhekk ma jonqosna xejn ħlief aktar vokazzjonijiet. Bħal kif stajt tara b’għajnejk stess aħna ngħixu ħajja pjuttost trankwilla u ferħana. Dejjem insibu fhiex nhedew uIl-kennierja - faċċata hemm il-qabar tat-tifel tal-Markiżi huwa biss iż-żmien li issa qed irażżnilna kemmxejn il-pass. Min jaf kemm organizzajna attivitajiet bejnietna u kemm ħadna gost flimkien bl-aktar affarijiet sempliċi. Għax wara kollox x’ifisser li tkun ferħana fil-ħajja jekk mhux li tħossok sodisfatt bl-għażliet tiegħek u bil-ħajja li tkun għext?

    Issa inti għaddejt dal-ftit siegħat magħna u nixtiequk li twassal din l-esperjenza lill-oħrajn. Jekk hemm xi tfajliet li jixtiequ jiġu jaraw kif ngħixu, aħna nilqugħom b’idejna miftuħa u min irid jista’ anki jqatta’ xi xhur magħna biex jara kif imur.”

    Kont kurjuża kif it-tfajliet li jidħlu magħhom jistgħu jkomplu jesprimu ruħhom apparti bit-talb?

    “Min jidħol hawn ma tispiċċax ħajtu imma sempliċiment jibda paġna ġdida minnha. Min għandu xi talent ċertament li ser isib skop għalih għax hawnhekk jiġu ħafna nies jitolbuna biex naħdmulhom bosta affarijiet li jirrikjedu sengħa bħal ħjata, crochet, ganutell, pittura eċċ.”

    Iż-żewġ sorijiet ħadnuni magħhom daqs li kieku konna ilna nafu ‘l xulxin is-snin u waqt li rregalawli kuruna mill-isbaħ wegħduni hekk..

    “Issa inti benefattriċi tagħna wkoll u mill-lejla ser tibda tkun fit-talb tagħna.”

    Kliemhom imlieli qalbi. Laħaq dalam x’ħin ħriġt minn hemm u jkolli ngħid li kif l-għodwa ċediet għall-miġja ta’ lejl ġdid, daqstant ieħor fehemti kienet inbidlet. Għafast il-kuruna f’idi u hekk kif ħaffift lejn il-karozza biex nasal malajr ħdejn żewġi u binti, f’moħħi fhimt ċar li kull għażla kapaċi twassal għas-sodisfazzjon tal-ħajja.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 ta’ Settembru 2010)

    2010.09.19 / 3 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IL-GWERRA MA DIFNITUX…

    Kull meta nara xi filmati dwar Malta fil-gwerra, qalbi tingħasar. Ma niflaħx nara lil dawk l-ajruplani jitilqu l-bombi fuq niesi u fuq pajjiżi. Taqbadni rabja kbira u ma nkunx nista’ nikkontrolla d-dmugħ hekk kif nara n-nies imwerwra jiġru fit-triqat biex jippruvaw isibu l-kenn tax-xelters waqt li djarhom ikunu qed isiru frak. Dawk id-djar li mhux biss min jaf kemm swew sagrifiċċji għas-sidien tagħhom imma li fihom dawn kellhom dak kollu li huma jkunu akkwistaw jew wirtu matul is-snin. Affarijiet b’memorji ta’ nies maħbubin u oġġetti prezzjużi li qatt aktar ma setgħu jinġiebu lura hekk kif saru trab taħt it-terrapien….

    Dawn il-memorji reġgħu tqanqluli dil-ġimgħa hekk kif iltqajt ma’ wieħed mill-fundaturi tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes, Raphael Micallef u mal-President tagħha, Vincent Galea.

    “Sfortunatament l-akbar dilettanti tal-mudelli tal-knejjes kienu jgħixu fl-inħawi tal-Belt Valletta u l-Kottonera – l-iktar żewġ postijiet li ġew milquta fil-gwerra. Hemmhekk kont issib mudelli li kienu ilhom jintirtu s-snin. Imma meta ġiet il-gwerra, in-nies kellhom jabbandunaw djarhom u bosta kellhom iħallu anki dawn il-mudelli warajhom. Min jaf kemm teżori ntradmu f’dawk is-snin!” bdieli d-diskors Raphael.

    “Fil-fatt ta’ min isemmi illi dan id-delizzju jmur lura prattikament għal żmien il-kavallieri. Meta l-kavallieri ġew jgħixu fost il-Maltin, naturalment dawn ġabu t-tradizzjonijiet u l-kultura tagħhom Vincent Galea mal-mudell tal-villaġġ Maltimagħhom. Kif kulħadd jaf, il-kavallieri kienu nies sinjuri ħafna u kellhom djar mill-ifjen. Ħafna minnhom kellhom użanza li jiddedikaw kamra mid-dar biex tintuża bħala kappella fejn il-qassis seta’ jmur iqaddes xi quddiesa u fejn il-membri tal-familja setgħu jgħidu r-rużarju flimkien. Xi nobbli Maltin li kienu midħla tal-kavallieri tħajjru jagħmlu xi ħaġa simili. Imma minħabba li dawn ma kellhomx l-istess spazju għad-dispożizzjoni tagħhom, minflok kappella huma bdew jagħmlu bħal speċi ta’ gwardarobba li meta tinfetaħ ikun hemm artal fiha li jkun armat b’kollox. Ġeneralment din kienet titpoġġa fis-salott u meta tingħalaq, minn barra kienet tidher bħala biċċa mill-għamara tal-kamra. Dawn kienu jissejħu artali mobbli jew artali portabbli. Infatti xi żmien ilu kienet saret wirja tagħhom ġewwa l-palazz tal-President. Iżda fid-djar tal-kavallieri kien ikun hemm ukoll Maltin oħra – is-servitù, nies ta’ klassi baxxa jew aħjar il-poplu in ġenerali. Dawn ukoll twebblu b’din it-tradizzjoni. Iżda kemm minħabba li ma  kellhomx finanzi u kemm għan-nuqqas ta’ spazju peress li kien ikollhom ħafna tfal, huma bdew jarmaw xkaffa b’xi statwa tal-Madonna fuqha u jżejjnuha bil-gandlieri u l-fjuri. Dik il-parti tad-dar bdiet issir magħrufa bħala r-rokna tad-devozzjoni. Maż-żmien kien hemm min beda jżid artal żgħir u jżejjnu sakemm naqra naqra waslu biex għamlu l-ewwel mudelli ta’ knejjes żgħar. U minn hemm beda kollox,” irrakkuntali Vincent.

    Qatt ma kont bsart illi dan id-delizzju kellu storja daqshekk imbiegħda u fl-istess ħin romantika! Madanakollu l-gwerra tat daqqa ta’ ħarta kbira lil din it-tradizzjoni.

    “Wara l-gwerra dan id-delizzju baqa’ nieżel, kemm għax sadanittant kienu daħlu delizzji oħra u kif ukoll peress li wara l-gwerra, l-Knisja ma baqgħetx daqshekk influwenti fuq in-nies. Fil-fatt maż-żmien din it-tradizzjoni bdiet tintesa imma kien għad hawn min kellu xi mudelli tal-knejjes fid-dar tiegħu u lil xi ħwienet kont bqajt issibilhom xi affarijiet għall-bejgħ konnessi ma’ dawn il-mudelli. Għaldaqstant nistgħu ngħidu illi hekk kif inħolqot din l-Għaqda, dak il-ġamar li kien għoddu ntefa’ reġa ħa n-nar mill-ġdid u l-ispontanjetà tad-delizzju reġa’ ngħata l-ħajja.”

    Raphael kompla jinfurmani dwar it-tnissil ta’ din l-Għaqda…

    “Kien fl-1986 meta jiena, Tony Terribile u Pawlu Piscopo ddeċidejna li nistiednu lill-pubbliku biex nerġgħu nrawwmu dan id-delizzju li ftit ftit kien beda jispiċċa. Konna għamilna appell fil-ġurnali lokali ħalli min kien interessat javviċinana biex niffurmaw Għaqda. U l-Għaqda bdiet, bl-ewwel President tagħha jkun il-magħruf Guido Lanfranco.”

    Eventwalment l-Għaqda rnexxielha takkwista binja żgħira fejn ikunu jistgħu jinġabru l-membri.

    “Dan il-bini jinsab f’37 Triq il-Lvant, il-Belt Valletta proprju  taħt il-kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura ta’ Sant’Ursula. Meta dħalna fil-post sibnih abbandunat u mimli mbarazz. Dħalna għal spiża kbira biex irranġajnih. Iżda issa hemm is-sodisfazzjon illi għandna ċentru tagħna fejn nistgħu nlaqqgħu lill-membri kull tant żmien. Fil-fatt kull meta norganizzaw xi attivitajiet, hawnhekk ikun mimli sa ruħ ommu bil-membri li ormaj imissu mal-400; membri li l-eta’ tagħhom tibda minn tfal ta’ 7 snin u tibqa’ tiela’ sa anzjani.”

    Min jista’ jsir membru ta’ din l-Għaqda?

    “Il-membri tagħna huma tfal, irġiel, nisa u anki numru ta’ emigranti Maltin. Kulħadd hu milqugħ. M’hemmx għalfejn li wieħed ikollu xi mudell jew li jkun beħsiebu jagħmel xi wieħed. Għandna membri li ngħaqdu magħna sempliċiment għax jinteressahom il-folklor u t-tradizzjonijiet reliġjużi u għalhekk jieħdu pjaċir jattendu għad-diskussjonijiet edukattivi li aħna norganizzaw.

    Is-sabiħ hu li għandna ħafna żgħażagħ bħala membri u dawn peress li jkunu f’kuntatt akbar man-nies huma l-individwi ideali biex ikomplu jxerrdu dan id-delizzju.”

    Fhiex jikkonsistu l-attivitajiet tal-Għaqda?

    “Fiċ-ċentru tagħna sikwit inġibu individwi sabiex jitkellmu mal-membri tagħna ħalli jgħaddulhom tagħrif utli u relevanti dwar dan id-delizzju. Biex nagħtik eżempju, dan l-aħħar ġie Guido Lanfranco li beda jispjega dwar id-disinji fil-knejjes u dwar it-titulari tagħhom. Jattendu wkoll diversi nies tas-sengħa sabiex jaqsmu xi ideat dwar kif jista’ jsir ix-xogħol fuq il-mudelli, bħal ngħidu aħna kif jinbena mudell ta’ knisja, kif isir l-indurar, l-irħamar, kif titnaddaf il-fidda, kif tirtokka statwa u ħafna oħrajn. Peress li ċertu mudelli huma oġġetti fissi fid-djar ma jkunx possibbli li wieħed jeħodhom x’imkien biex jaħdem fuqhom ħaddieħor. Fuq kollox, iċ-ċokon tax-xogħol jagħmilha imprattika li tagħtiha lil xi ħadd professjonali. Għaldaqstant ikun siewi ħafna li wieħed jitħarreġ kif jagħmel dan ix-xogħol huwa stess. Xejn xejn jitgħallem ukoll xi ħaġa ġdida.

    Barra minn hekk, kull xahrejn l-Għaqda toħroġ ukoll fuljett żgħir bl-isem ‘Il-knisja tiegħi’. Fih ikun hemm numru ta’ artikli b’tagħrif dwar il-mudelli u l-arti sagra filwaqt li ninkludu wkoll xi avviżi dwar xi  żjarat kulturali li norganizzaw.

    Fl-ewwel ġranet tar-Randan prinċipalment issir il-wirja annwali tagħna fejn il-membri jesebixxu xi oġġetti tagħhom.

    Nixtieq niċċara illi aħna ma nagħtux importanza biss lid-delizzju imma anki lill-ispiritwalità tal-membri tagħna. B’dan il-għan aħna norganizzaw laqgħat flimkien anki fil-knisja speċjalment fiż-żmien tal-Għid u l-Milied sabiex niċċelebraw dawn il-festi bħala familja waħda.”

    Raphael u Vincent bdew idawwruni mal-post u juruni xi xogħolijiet u mudelli li ġew irregalati lill-Għaqda minn xi membri tagħha.

    “Dan il-mudell ġie msawwar mill-ġebla tal-franka minn Manuel Psaila  bejn l-1935 u l-1940 u ġie  mbierek mill-Vigarju tal-Isqof Mario Caruana.  Huwa mudell tal-faċċata tal-Knisja tal-Madonna tal-Raphael Micallef mal-mudell maħdum minn Manuel PsailaKarmnu tal-Gżira, magħrufa wkoll bħala ‘Tal-ġebla’.  Ħaġa oħra li żżid il-valur ta’ dil-knisja hu illi t-tinqix li sar fuq il-parti tal-ġebel, inħadem fuq id-disinn tal-iskultur magħruf Marku Montebello. Ix-xogħol tal-ħjata sar minn Ersilia, waħda minn ulied Manuel li wara mewt missierhom għoġobhom jgħaddulna dan il-mudell biex b’hekk ikun jista’ jitgawda wkoll minn dawk kollha li jiġu hawn. “Ħierġa qalbna miegħu dan il-mudell,” kienu qalulna meta morna biex inġibuh. “Daqs li kieku ħiereġ xi membru anzjan tal-familja.” Fil-fatt kif semmejtlek fil-bidu, dan il-mudell huwa wieħed mis-superstiti tal-gwerra. Irnexxielu jsalva peress li Manuel kien trasportah bl-akbar għożża u attenzjoni mill-Gżira sal-Pietà fejn kien mar  joqgħod waqt il-gwerra. Irridu ngħidu illi din l-opra ma kinetx laħqet tlestiet għal kollox u għalhekk l-Għaqda ħadet ħsieb biex torqomha fosthom billi indurata u rħamata. Kull min jiġi hawnhekk l-ewwel ma jara lilha u kulħadd jintilef warajha.

    Imbagħad għandna wkoll dan il-mudell ta’ raħal maħdum mill-ġablo. Oriġinarjament kien inġieb hawn għall-wirja minn wieħed mill-membri tagħna minn B’Bugia li wara għoġbu jħallih lill-Għaqda. Huwa xogħol rappreżentattiv li juri n-natura ta’ raħal Malti fl-inqas dettall tiegħu fejn wieħed jista’ jara l-knisja bħala ċ-ċentru, z-zuntier, il-każin tal-banda, il-ħwienet, l-isqaq u t-triqat bl-ismijiet tagħhom. Anki dan il-mudell huwa apprezzat ħafna speċjalment minħabba l-oriġinalità tiegħu.”

    F’ħin minnhom nara lil Vincent ġej bi flixkun kbir tal-ħġieġ f’idu. Ġo fih kien hemm armata statwa ta’ San Ġużepp bil-Bambin f’idu. Ma stajtx nifhem kif iddaħħal hemm ġew ħlief billi nqala’ l-qiegħ tal-flixkun.

    “Le, nassigurak li l-qiegħ huwa intatt. Ġużi Psaila minn Ħaż-Żabbar ħadmu billi b’paċenzja kbira qata’ l-injam fi strixxi rqaq u permezz ta’ pinzetta twila reġa’ nkolla kollox flimkien fil-ġewwieni tal-flixkun.”

    Did-darba Vincent immarkali lejn il-ħajt fejn kien hemm mudell magħluq f’niċċa tal-injam.

    “Dak hu oġġett ieħor imprezzabbli li għandha l-Għaqda. Sidha kien membru anzjan mill-Mosta. Kien wiret dan il-mudell li għandu aktar minn 100 sena minn għand nannuh u finalment d-dixxendenti Mudell ta' niċċa ta' 100 sena maħduma bil-quillingtiegħu ħallewh lilna. Il-mudell ġie maħdum bl-arti tal-quilling li jikkonsisti fit-tkebbib tal-karti tad-deheb.”

    Kien hemm bosta mudelli nteressanti oħra tant li hu mpossibbli ninkludihom kollha. Barra minn hekk Vincent urini diversi albums mimlija bir-ritratti ta’ kwantità ta’ xogħlijiet. L-aktar wieħed li laqgħatni kien mudell ta’ xena ta’ dari meta l-qassis kien imur iqarben permezz ta’ għodda partikolari lil dawk morda bil-pesta. Tqanqlitli l-kurżita’ dwar x’ifissru dawn il-mudelli għal dawn id-dilettanti?

    “Fi tfuliti dawn il-mudelli kienu parti mill-kultura prinċipali b’folklor Malti reliġjuż. Tista’ tgħid li kont issib minn dawn il-mudelli kważi f’kull dar. Tant hu hekk illi anki fil-ħanut li kellu missieri l-Belt kien hemm rokna b’mudell ta’ knisja żgħira ddedikata lil Madonna tad-Duluri u jien kont nieħu ħsieb l-armar tagħha.

    Illum ngħodd it-80 sena imma niftakar ċar mudell ieħor li kellu tifel ġirien tiegħi. Kien mudell ta’ knisja maħdum bl-arkett iddedikat lill-Kunċizzjoni. Fil-festa tagħha kien jarma l-Mudell tat-tqarbin lin-nies morda bil-pestaknisja u jagħmel festin fid-dar tiegħu fejn kien jistieden lill-ġirien u lit-tfal tagħhom. Jiena kont inħobb noqgħod nimita lill-qassisin u allura kont nagħmlilhom il-liturġija u t-tridu u noqgħod inqaddes u nippriedka. Wara konna nagħmlu purċissjoni mal-kurituri tad-dar kbira tagħhom u nispiċċaw bl-antifona u bil-benedizzjoni.

    Ir-reliġjon kien parti essenzjali minn ħajjitna tant illi niftakar ukoll illi konna nixtru ċ-ċikwejra (li kienet ċikkulata mfarrka biex inħalltuha mal-kafè) u magħha, magħluqa f’envelop, konna nsibu santa. Kienet l-hena tagħna nġemmgħu s-santi u npartuhom.

    Għall-grazzja t’Alla dal-passatemp tal-mudelli tal-knejjes issa reġa’ daħal fid-djar tagħna. Għad-dilettanti, l-mudell tagħhom ikollu importanza kbira tant li wħud jarmawh kuljum skont il-kulur tal-liturġija tal-ġurnata. F’pajjiżna hawn bosta li għandhom id-delizzju li jgħinu fil-knejjes kemm fuq barra, bħal fil-festi u kemm fuq ġewwa. Għalhekk permezz ta’ dawn il-mudelli huma jkunu jistgħu joħolqu dak l-ambjent tal-knisja li tant jgħożżu u saħansitra jkunu jistgħu jibnuh u jirranġawh f’darhom u skont il-gosti tagħhom.”

    L-interess kbir li għandu Raphael f’dal-qasam wassalni biex nistaqsih jekk qattx għaddietlu minn rasu li jsir qassis?

    “Għalkemm minn dejjem kelli ġibda lejn il-ħidma pastorali u meta kont tifel kont abbati, qatt ma tħajjart nidħol is-seminarju. Għadni s’issa bniedem reliġjuż ħafna imma maż-żmien bnejt familja ma’ marti Helen. Żewwiġna ħija li kien saċerdot u llum għandna ħamest itfal u ilna miżżewġin aktar minn 50 sena.”

    Biex tibni dawn il-mudelli jrid ikollok xi sengħa partikolari?

    “Bosta mill-membri qatt ma kellhom esperjenza qabel fuq dan id-delizzju imma b’dana kollu ġew hawn, ħadu dik l-edukazzjoni dwar dan ix-xogħol u llum il-ġurnata tiskanta kemm huma attivi anki bil-mudelli li għandhom fid-dar. Nista’ nsemmilek żewġ membri simili: Anthony Pule’ u Simon Mercieca li għandhom mudelli meravilja fid-djar tagħhom. Imbagħad ma nistax ma nsemmix lil membru ieħor tagħna Hector Bruno li bħalissa qiegħed jibni mudell mill-isbaħ ta’ knisja maħdum bl-injam ġewwa maħżen kbir li l-quddiem jixtieq jikkonvertih f’mużew. Fil-fatt l-għan tal-Għaqda hu illi jkompli jinkoraġġixxi lil dak li jkun biex jidħol fl-ispirtu tad-delizzju.”

    Kemm huwa importanti li dan id-delizzju jibqa’ ħaj?

    “Naturalment kull ħaġa li tkun marbuta mal-istorja tal-pajjiż hija importanti għax tiġi tagħmel parti mit-tradizzjoni tiegħu u allura huwa neċessarju li tibqa’ ħajja u tibqa’ għaddejja għax jekk titlef tradizzjoni jkun diffiċli ferm biex tirkupraha.

    Barra minn hekk dan id-delizzju partikolari huwa marbut mar-reliġjon u allura jqarrbek aktar lejn Alla u lejn il-Knisja. San Ġorġ Preca kien jgħid “dak li hu tajjeb u jressqek lejn Alla għandek tinkoraġġih”. Mill-esperjenza personali tiegħi,” kompla jfehemni Vincent, “anki nies li forsi kienu xi daqsxejn imbegħdin mill-Knisja, meta bdew jaħdmu f’dan id-delizzju, reġgħu bdew jersqu lejn il-Knisja u lejn ir-reliġjon. Għax jekk inti ngħidu aħna, tkun qed tarma l-artal, bla ma trid ser tinteressa ruħek fil-liturġija tal-Knisja u fil-qaddisin u allura ser issir aktar midħla tar-reliġjon.

    Barra minn hekk bħala Għaqda dan id-delizzju aħna nixtiquh jibqa’ jeżisti għax joffri żvog u għandu wkoll tema soċjali peress li jlaqqgħak man-nies, iħajjrek tiddiskuti u tkabbar il-kultura tiegħek u jgħallmek toħloq xi ħaġa b’idejk. Fl-istess ħin dan ix-xogħol jiftaħ bieb għal diversi snajja’ bħall-arġentiera li jispeċjalizzaw fir-raġġieri żgħar u oġġetti oħra ċkejkna tal-fidda, dawk li jaħdmu l-arkett, oħrajn li jagħmlu l-istatwi bit-tafal jew bil-kartapesta u dawk li kapaċi jaħdmu skultura żgħira adatatta biex teħel mal-bradelli u mal-affarjiet tal-mudelli tal-knisja.”

    Kemm hija popolari l-wirja annwali tal-Għaqda u x’ser naraw dis-sena?

    “Nistgħu ngħidu illi issa dil-wirja daħlet fil-kalendarju tal-wirjiet lokali. Jiġu bosta dilettanti imma mhux biss. Fil-fatt l-għan tal-wirja, apparti li tesponi x-xogħlijiet tal-membri tagħha, titwaqqaf biex tiġbed membri oħra prospettivi. Mhux darba u tnejn illi jiġu diversi tfal tal-iskola mal-għalliema tagħhom minħabba l-proġetti kulturali li jiġu mitluba jagħmlu u wara naraw lill-istess tfal ġejjin mal-ġenituri tagħhom biex jidħlu bħala membri magħna.

    Fil-wirja ta’ dis-sena ser ikollna attrazzjoni speċjali li tikkonsisti f’diversi statwi oriġinali tal-Passjoni maħduma fuq dawk tal-purċissjonijiet li jsiru ġewwa Spanja. Dawn huma kollha maħdumin bl-idejn u Statwi bi stil Spanjolmlibbsin bi drapp mill-aktar fin skont it-tradizzjoni Spanjola. Barra minn hekk ser ikun hemm ukoll xogħol b’diversi materjali fosthom bis-sulfarini, mudelli ta’ knejjes u kollezzjonijiet ta’ affarijiet reliġjużi tradizzjonali bħall-kwadri tal-ex-voto u santi.

    Il-ħidma tal-Għaqda mhux biss din il-wirja imma b’sodisfazzjon nistgħu ngħidu illi l-frott tagħha huma n-numru kbir ta’ wirjiet personali li jkun hemm fid-djar. Jekk tqis li meta bdejna l-Għaqda kull ma kien hawn kienu biss tlett wirjiet personali tal-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Belt u tara x’hawn illum ma’ Malta u Għawdex kollha, tifhem il-benefiċċju li qed iħalli x-xogħol tagħna.

    Nixtiequ nappellaw lill-pubbliku in ġenerali biex jiġi jagħti titwila lejn dak li kien kapaċi jagħmel il-poplu Malti matul iż-żminijiet u anki illum fis-snin riċenti. U għaliex le? Forsi minn dis-sena, xi wħud minnhom jitħajjru jissieħbu magħna sabiex huma wkoll jiffurmaw parti minn dan il-patrimonju Malti.”

    Din il-wirja qed tittella’ fis-Sala ta’ San Franġisk fi Triq Melita, l-Belt Valletta mis-Sibt 20 ta’ Frar 2010 sas-Sibt 6 ta’ Marzu 2010. Ħinijiet tal-ftuħ mid-9:30am – 12:30pm u mill-4:30pm sas-7:30pm. Id-dħul huwa b’xejn u wieħed jista’ wkoll jinkiteb bħala membru.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 ta’ Frar 2010)

    2010.02.21 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IL-PURĊISSJONI TA’ SAN GIRGOR: TRADIZZJONI JEW FIDI?

    Nhar l-Erbgħa li ġej, fiż-Żejtun, issir il-purċissjoni tradizzjonali ta’ San Girgor. Bħala Żejtunija, jiena trabbejt f’din it-tradizzjoni. Kienet tkun l-hena tiegħi nattendi għaliha, aktar u aktar meta gew għala widnejja bosta ġrajjiet u leġġendi li hemm marbuta ma’ din il-purċissjoni u mal-knisja antika ta’ San Girgor. Niftakar li meta skoprejt li kien hemm passaġġi sigrieti f’din il-knisja, ma qgħadtx bi kwieti qabel irnexxieli nidħol fihom u nara b’għajnejja x’kien hemm mistur fis-silenzju ta’ wara dawk il-ħitan antiki ta’ dik il-knisja. Flimkien magħkom il-qarrejja, xtaqt naqsam din il-ġrajja antika. B’dan il-għan, tkellimt mal-Kanonku Dun Joe Abela, li bħali għandu għal qalbu ħafna r-raħal taż-Żejtun u t-teżori tiegħu…

    Kif bdiet il-purċissjoni ta’ San Girgor?

    Dari kien hemm ħafna teoriji dwar kif bdiet din il-purċissjoni. Meta fl-1575 il-Monsinjur Pietru Dusina żar iż-Żejtun u staqsa lin-nies tal-post meta u għaliex bdiet din il-puċissjoni, l-anzjani Żwieten qalulu Dun Joe Abela illi din kienet ilha teżisti s-snin.  Dwar għaliex kienet issir, min qal ħaġa u min oħra. Min sostna li darba kien hemm maltempata kbira u peress li ma saritx ħsara fin-naħat taż-Żejtun, saret din il-wegħda. Oħrajn qalu li dak iż-żmien flotta Torka li kienet ġejja tattakka lil Malta, ġiet meqruda proprju permezz ta’ dil-maltempata u allura bdiet issir din il-purċissjoni bħala ringrazzjament. Diversi minn dawn it-teoriji fil-fatt insibuhom miktubin f’numru ta’ kotba. Madankollu xi ftit tas-snin ilu, il-Patri Dumnikan Dun Mikiel Fsadni irnexxielu jiskopri meta bdiet din il-purċissjoni u għaliex. Sab din l-informazzjoni waqt li kien qiegħed jagħmel riċerka f’xi dokumenti tal-Kurja.  Fil-fatt din il-purċissjoni votiva kien ordnaha l-Isqof Cubelles fl-1543 (ftit snin qabel l-Assedju l-Kbir) bħala talba lil Alla biex issaltan il-paċi fost in-nazzjonijiet Ewropej fi żmien ta’ periklu kbir. F’dak iż-żmien wegħdi ta’ pellegrinaġġi simili kienu komuni ħafna.

    Min kien jipparteċipa fil-purċissjoni?

    Fiż-żminijiet imbiegħda meta bdiet, ftit li xejn kien ikun hawn festi u ċelebrar. Qabel lanqas il-baned ma kienu jeżistu. Waqt festa, kienet issir quddiesa kantata u purċissjoni qasira, jekk kienu jagħmlu, u daqshekk. Għaldaqstant il-festa ta’ San Girgor kienet waħda kbira u importanti. Eluf ta’ nies kienu jinġabru għal dan il-pellegrinaġġ li għalih kienu jieħdu sehem il-kleru kollu u l-fratellanzi kollha ta’ Malta. Mas-sebħ fl-Imdina kien jiġi sparat tir u minn hemm kienu jitilqu l-Monsinjuri bil-mixi. Kienu jaslu l-ewwel sal-Marsa u mbagħad Ħal-Tarxien. Fl-istess ħin, mill-parroċċi kollha ta’ Malta, kienu jitilqu l-Kleru, l-qassisin u l-patrijiet – kollha bl-ilbies u bl-istandardi partikolari tagħhom. Kienet festa mill-ikbar, l-akbar festa ta’ Malta. Tant kienet ikkunsidrata din il-festa f’dawk iż-żminijiet, illi fil-kitba taż-żwieġ, l-għarus kien iwiegħed lill-għarusa li kien ser jeħodha għall-festa ta’ San Girgor u għal dik tal-Imnarja. Barra minn hekk, fl-inħawi taż-Żejtun matul it-triq li minnha kienet tgħaddi l-purċissjoni, nbnew numru ta’ palazzi u djar mill-isbaħ mis-sinjuri ta’ dak iż-żmien biex dawn ikunu jistgħu jgawdu din il-festa tradizzjonali. Tnejn minn dawn huma ‘Casa Perellos’ li nbniet mill-Gran Mastru Ramon Perellos u dak li llum huwa magħruf bħala ‘Juventutis Domus’ li kien inbena mill-Isqof Ferdinando Mattei. Eluf ta’ nies kienu jaslu ftit ftit saż-Żejtun u ż-Żwieten kienu tgħallmu jaqalgħu biċċa ħobż tajba billi kienu jippreparaw l-ilma u l-ikel għall-bejgħ u l-banketti u s-siġġijiet għall-kiri. Wara li nbniet il-knisja parrokkjali li hemm illum, kif kienu jaslu quddiemha, il-fratellanzi kienu jbaxxu l-istandardi u kienet teżisti d-drawwa biex wieħed jara min kien kapaċi jniżżel l-istandard ‘l isfel l-aktar. Aktarx dawn kien ikollhom xi tfajla qed tinnutahom fil-folla  li mbagħad kienu jħajjruha biex tiżżewwiġhom. Hemmhekk kienu jkantaw l-antifona ta’ Santa Katerina u mbagħad kienu jibqgħu sejrin sal-Knisja ta’ San Girgor biex jagħmlu l-quddiesa – dik li għadha ssir sal-lum. Il-quddiesa jqaddisha l-Kantur li huwa dak il-Monsinjur li jieħu ħsieb il-kant. Anki din it-tradizzjoni għadha tinżamm sal-lum. Interessanti li nsemmi illi l-pożizzjoni ekkleżjastika tal-Kantur oriġinarjament kien inizzjaha l-Konti Ruġġieru meta niżel f’Malta fl-1090. L-armi tal-kanturi kollha, bl-ewwel waħda tibda fis-sena 1372, huma mpittra fis-sagristija. Il-Kantur li għandna bħalissa huwa Monsinjur Vincenzo Borg minn Birkirkara.

    X’differenza hemm bejn il-purċissjoni ta’ dari u dik ta’ llum?

    Differenza kbira! Imma l-bidla fil-purċissjoni ma saritx mill-lum għal għada. L-importanza tagħha tnaqqset matul iż-żminijiet. Oriġinarjament din il-purċissjoni kienet issir fit-12 ta’ Marzu li kienet il-Il-portiku romaneskġurnata tal-festa ta’ San Girgor Papa. Imma dan kien jaħbat waqt ir-Randan, żmien ta’ penitenza kbira f’dawk iż-żminijiet u naturalment ix-xalar ma kienx hemm postu. Kien għalhekk illi d-data tal-purċissjoni tressqet għall-ewwel Erbgħa ta’ wara l-Għid. Fis-sena 1622 il-purċissjoni kellha tiġi trasferita peress li kien inqala’ xi nkwiet minħabba l-preċedenza tal-parroċċi waqt il-purċissjoni. Aktar tard fl-1926, l-Isqof Mawru Caruana beda jinnota illi dak li kien beda bħala pellegrinaġġ ta’ talb, in-nies kienet biddlitu f’xalata ħdejn il-baħar. Għalhekk iddeċieda li jqassar u jissimplifika din il-purċissjoni u ordna illi ma kellhomx jibqgħu jieħdu sehem il-parroċċi kollha. Setgħu jipparteċipaw biss l-Isqof, il-Mosinjuri u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat li kienet l-ewwel Fratellanza ta’ Malta. Barra minn hekk, it-triq tal-purċissjoni kellha tibda minn Ħal-Tarxien. Bi speċi ta’ tpattija minħabba dan it-tnaqqis, huwa iddedika l-parroċċa l-ġdida ta’ Tas-Sliema lill-Papa San Girgor il-Kbir. Sa ħamsin sena ilu, jien ilħaqtha titlaq minn hemm. Imma darba minnhom għamlet ix-xita u ddeċidew li dakinhar il-purċissjoni kellha tibda minn San Klement fiż-Żejtun stess. Minn dakinhar ‘l hawn il-purċissjoni ta’ San Girgor baqgħet tibda minn San Klement, jitkantaw xi salmi, jidħlu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fejn titkanta l-antifona ta’ Santa Katerina, jimxu sal-Knisja ta’ San Girgor, ikantaw il-miserere tlett darbiet u ssir quddiesa.

    Illum x’parteċipazzjoni jkun hemm f’din il-purċissjoni?

    Illum din il-purċissjoni kważi spiċċat fix-xejn. Saret biss xalata. Fil-fatt ftit li xejn ikun hemm nies isegwuha. Illum in-nies aktar ikun moħħhom fl-ikel, fix-xalar u fl-ewwel għawma ġo Marsaxlokk. Fil-purċissjoni għadhom jieħdu sehem l-Arċisqof, numru ta’ Monsinjuri, ftit seminaristi u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat. Nixtieq insemmi illi numru ta’ Żwieten li għandhom għal qalbhom din il-purċissjoni, inkitbu fil-Fratellanza tar-Rabat sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jieħdu sehem. Għall-quddiesa, il-Knisja ta’ San Girgor tkun mimlija. Turisti ftit li xejn ikun hemm peress illi l-purċissjoni tgħaddi fi ftit minuti kollox u allura l-aġenziji turistiċi ma jarawx xi importanza fiha.

    Għaliex intagħżlet il-knisja antika ta’ San Girgor għal din il-purċissjoni?

    Proprjament din il-knisja hija ddedikata lil Santa Katerina ta’ Lixandra. Hija magħrufa bħala Ta’ San Girgor minħabba din il-purċissjoni. Jingħad li meta l-Isqof Cubelles beda dan il-pellegrinaġġ, ried isib l-Knisja ta' San Girgoraktar parroċċa imbiegħda mill-Imdina sabiex it-triq tkun waħda twila. U b’hekk ġiet magħżula din il-knisja li dak iż-żmien kienet il-Parroċċa taż-Żejtun.

    L-arkitettura tal-Knisja ta’ San Girgor tixhed l-antikità tagħha. Uħud jgħidu li għandha d-dehra ta’ fortizza. Ġieli serviet funzjonijiet oħra minbarra dawk pastorali?

    Oriġinarjament il-Knisja ta’ San Girgor inbniet bħala knisja għall-ħtiġijiet pastorali. F’dokumenti li saru fl-1436 mill-Isqof Senatore de Mello din il-knisja kienet diġà tissemma bħala l-Parroċċa taż-Żejtun L-arkitettura minn ġewwa tal-Knisja ta' San Girgorideddikata lil Santa Katerina. Din il-knisja ma nbnietx f’daqqa. Żiedu fuqha matul iż-żminijiet skont il-ħtieġa. Bdiet bħala kappella żgħira biex isservi l-inħawi kollha tax-Xlokk: iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Ħal-Għaxaq, Birzebbugia u Marsaxlokk. Meta mbagħad ġew il-Kavallieri, ftit ftit ġabu l-prosperità f’pajjiżna billi kienu jħaddmu n-nies u billi kienu jieħdu ħsieb is-sanità u s-saħħa tal-poplu Malti. Għalhekk il-popolazzjoni bdiet tikber u kulħadd bena l-parroċċa tiegħu. Fl-istess ħin, il-knisja ta’ San Girgor bdiet titkabbar ukoll. Fl-1545 il-Konċilju ta’ Trento ordna illi l-knejjes Insara kellu jkollhom il-forma ta’ salib ruman u hekk il-knisja ta’ San Girgor ħadet il-forma kif nafuha illum.

    L-arkitettura tal-knisja tirrifletti ż-żminijiet differenti li nbniet fihom. Il-koppla ta’ San Girgor hija fost l-aktar koppli antiki li jeżistu fil-knejjes Maltin. Aspett sabiħ ħafna, stil romanesk, jidher fil-ħnejjiet ġejjin daqsejn għall-ponta bix-xorok iduru magħhom.  Il-kappelluni bi stil gotiku bil-bsaten telgħin mill-art li jaqsmu s-saqaf min-naħa għall-oħra f’erbgħa biċċiet, huma bellezza.  Fl-artal maġġur u fl-artali l-oħra ta’ San Girgor u tal-Karmnu insibu stil Barokk li kien popolari ħafna fi żmien il-Kavallieri. Il-ħlewwa tal-portiku rumanesk tikkuntrasta bil-kbir mal-binja massiċċa ta’ wara li tagħti d-dehra ta’ fortizza. Għalkemm din il-knisja qatt ma kienet fortizza, hija serviet ta’ ħolqa importanti fid-difiża ta’ Malta billi kienet tintuża’ bħala post ta’ osservazzjoni mis-suldati Knisja f'għamla ta' fortizzatad-Dejma. Il-knisja ta’ San Girgor damet isservi ta’ knisja parrokkjali mat-300 sena, bejn wieħed u ieħor sal-1708, meta mbagħad kien hemm il-parroċċa l-ġdida. Għamlet żmien mitluqa, tant li l-Isqof Davide Cocco Palmieri ried iwaqqagħha biex jieħu l-ġebel tagħha. Fortunatament l-ordni tiegħu ma ngħatatx widen. Aktar tadd il-knisja għamlet żmien isservi bħala post fejn is-sajjieda kienu jerfgħu x-xbieki tagħhom u wkoll fejn il-knisja parrokkjali kienet terfa’ xi statwi. Fis-snin meta l-Maltin qamu kontra l-Franċiżi, din il-knisja serviet ukoll ta’ sptar peress li dak li kien hemm fil-belt Valletta kien f’idejn il-Franċiżi nfushom. Fl-aħħar gwerra, il-knisja serviet ukoll bħala post ta’ rifuġju għal dawk l-għadd ta’ familji li ħarbu mill-Kottonera. Jien niftakru ċar dak iż-żmien. Minn xi għaxart elef ruħ, fiż-Żejtun konna noqogħdu sittax-il elf. Kulħadd kien ġabar xi familja miegħu. Niftakar li missieri kien daħħal żewġ familji joqogħdu magħna. Uħud bdew joqogħdu fil-każini, oħrajn fid-Domus u l-bqija proprju f’din il-knisja. Niftakar lil Knisja ta’ San Girgor maqsuma bil-lożor. Familja kienet toqgħod ġo kaxxa mdawwra bi tlett lożor! Ta’ min jgħid li din il-knisja fi żmien l-assedju l-kbir, kienet intużat ukoll kontra l-Maltin stess meta din ġiet maħtufa mit-Torok li kienu ħadu taħt idejhom dawk l-inħawi.

    X’tgħidilna dwar il-passaġġi sigrieti li hemm ġewwa din il-knisja?

    Meta kont tifel jien, kien hemm l-għidut illi madwar il-koppla tal-Knisja ta’ San Girgor, kien hemm passaġġi sigrieti li fihom kien hemm midfunin xi nies li kienu qatlu t-Torok u ħallewhom hemm. Kien Il-fdalijiet umani fit-tielet kuridurjingħad illi darba minnhom, it-Torok kienu laħqu telgħu sewwa lejn iż-Żejtun sakemm il-Maltin indunaw bihom. Min seta’, telaq kollox u ħarab lejn l-Imdina. Imma xi oħrajn, li kienu jafu bil-passaġġi sigrieti, telgħu jistaħbaw fihom bit-tama li joħorġu wara li jgħaddi kollox. Iżda ġara, li kif soltu kienu jagħmlu, dawn il-kursara daħlu wkoll fil-knisja u ndunaw bil-Maltin mistoħbija hemm fuq u mbarrawhom hemm. Meta ż-Żwieten l-oħra ġew lura, dawn kienu laħqu mietu u peress li kienu ilhom sewwa mejtin, l-iġsma ta’ dawn l-imsejkna tħallew hemm. Dari, dawn l-invażjonijiet f’dawk l-inħawi kienu spissi u sikwit kienu jħallu ħerba sħiħa warajhom. Kitba fuq pilastru ħdejn l-altar maġġur tfakkar kif f’wieħed minn dawn l-attakki li sar fl-1614, it-Torok għamlu ħsara konsiderevoli lil din il-knisja. Il-Misilmin kienu jisirqu kull ma jiġi għal idejhom u jkaxkru lin-nies tal-inħawi magħhom biex jeħduhom bħala skjavi. Kienu jiġu bix-xwieni mill-Afrika u l-ewwel ma kienu jsibu quddiemhom kienu l-bajjiet ta’ San Tumas, ta’ Wied il-Għajn, ta’ Birzebbugia u dik ta’ Marsaxlokk li kollha kienu faċli ħafna biex titla’ minnhom. Il-passaġġi sigrieti nbnew biex jintużaw bħala lok ta’osservazzjoni għal dawn is-sibbien ħalli minnhom jingħata l-allarm lill-bqija ta’ Malta. Il-passaġġi sigrieti kienu biss leġġenda sakemm darba minnhom fl-1969, is-sagristan tal-knisja, Ġan Marì Debono, kien qiegħed iħalleb il-bejt minħabba x-xita. Dan innota li kien hemm ġebla għolja li ma kienx jaf x’inhi u ddeċieda li jaqlagħha. Hekk kif fetagħha ra ħafna dlam u tħasseb hemmhekk fejn kien jiġi. Dak il-ħin stess, mar iġib xemgħa u niżel fl-ispiera mudlama. Hemmhekk isib tlett kuriduri u fihom kien hemm għadd ta’ skeletri mxerrda. Fil-ħitan, imbarrati bil-ġebel, instabu wkoll ħames fetħiet li tlieta minnhom kienu jagħtu fuq ir-Ramla ta’ San Tumas u Wied il-Għajn u t-tnejn l-oħra, fuq Marsaxlokk u Birżebbugia. Mal-iskeletri nstabu wkoll żewġ muniti żgħar, il-fdalijiet ta’ salib Biżantin u biċċa xibka li kienet tintlibes fuq is-sider taħt il-kurrazza.

    X’importanza kienet ingħatat is-sejba ta’ dawn il-passaġġi sigrieti?

    Uuu. X’agħa kienet qamet! Il-gazzetti faru kollha bl-aħbar u kienu għamlu propoganda kbira. Kien ħareġ illi l-leġġenda tal-passaġġi sigrieti kienet realtà imma li dawn ma kienux madwar il-koppla imma mibnija ġol-ħitan massiċċi tal-kappellun tal-lemin. Niftakar li kemm l-Isqof Gonzi u kif ukoll il-Gvernatur kienu żaru l-knisja u anki daħlu fil-passaġġi sigrieti, fost diffikultà kbira dak iż-żmien. L-istudjużi ippruvaw jiddataw l-għadam li nstabu. Imma dak iż-żmien ma setgħux joħorġu konklużjonijiet peress li ħareġ li l-fdalijiet kienu ilhom wisq esposti għall-arja. Id-dati fuq il-muniti ma kienux baqgħu jingħarfu. Imnaqqxa fid-daħla tal-passaġġi, instabet ukoll id-data 1909. Huwa evidenti li dawn il-passaġġi kienu diġà nstabu darb’oħra. Jista’ jkun li f’dak iż-żmien, meta ntlemħu l-iskeletri, beżgħu li setgħu kienu xi fdalijiet ta’ xi mejtin bil-pesta u l-passaġġi reġgħu ingħalqu minnufih.

    X’ġara minn dawn l-iskeletri u x’inhi l-opinjoni tiegħek dwar din is-sejba?

    L-iskeletri li nstabu fil-passaġġi sigrieti ġew impoġġija fuq in-naħa ta’ wara tat-tielet kuridur. Il-fdalijiet li nstabu magħhom qegħdin esposti kollha ġo kamra fil-knisja ta’ San Girgor stess. Nistqarr li lili din il-ġrajja tan-nies magħluqa hemm ġew mit-Torok, ma tantx tinżilli. Ma nistax nifhem kif fiż-żmien meta n-nies kienu jiġu ppersegwitati tant mit-Torok, ma ħadu xejn magħhom biex jiddefendu ruħhom. Ma nemminix dit-teorija u hemm oħrajn li jaħsbuha bħali. Diffiċli kif ma sibna kważi xejn li xejn mal-iskeletri. Jiena aktar naħseb illi l-passaġġi għamlu żmien jintużaw bħala ossarju u li dawk l-iskeletri tpoġġew hemmhekk biex jagħmlu spazju lil xi oħrajn li kienu jindifnu taħt il-qiegħa tal-knisja.

    Innutajt li mal-ħitan tal-Knisja ta’ San Girgor hemm ukoll għadd ta’ graffiti b’dati antiki magħhom. X’tikkummenta?

    Iva. Il-ħitan miżgħuda bihom għalkemm sfortunatament maż-żmien, dawn qed jintilfu wieħed wieħed. Graffiti partikolari huma dawk tal-istilla ta’ David maqsumha bi vleġġa. Donnu kien hemm xi Graffiti ta' xini ta' żmien is-seklu 17moviment anti-semitiku kontra l-Lhud. Irridu niftakru li fiż-żminijiet tan-nofs, il-Lhud kienu jiġu ppersegwitati ħafna mill-Insara. Hemm ukoll numru ta’ graffiti ta’ xwieni b’dati li jmorru lura għas-sbatax-il seklu. Dawn kienu jkunu wegħdi li kienu jagħmlu s-sajjieda meta kienu jeħilsu minn xi għawġ fuq il-baħar. Dawk is-sajjieda li ma kienx ikollhom flus biżżejjed biex jagħtu xi għotja lill-knisja, kienu minflok jonqxu x-xwieni tagħhom fuq wiċċ il-knisja bħala devozzjoni.

    Il-Knisja ta’ San Girgor hija teżor storiku. Taħseb li hija rikonoxxuta biżżejjed u li qed tingħata l-protezzjoni li jixirqilha?

    Daqs tlett snin ilu sar restawr tajjeb ħafna lil din il-knisja u nħossni kuntent ħafna bix-xogħol li sar. Taf x’nixtieq? Li jiġi rranġat iz-zuntier li hemm madwarha. Il-ġebel ittiekel ħafna, tant li ġie perikoluż immens biex timxi fuqu speċjalment meta jkun imxarrab.

    Il-purċissjoni ta’ San Girgor flimkien mal-istorja antika tal-knisja innifisha huma wirt storiku tagħna l-Maltin kollha.  Imma llum din il-purċissjoni temmen li għadha sinjal ta’ fidi jew tradizzjoni?

    Illum kollox sar jieħu l-forma ta’ spettaklu u kollox jiġi ridott f’xalata. Naħseb li ftit huma dawk li għadhom iqisu din il-purċissjoni bħala xi mezz ta’ penitenza jew ta’ talb. Fil-fatt il-Knisja stess ma tantx għadha tagħfas ħafna fuq purċissjonijiet u ċelebrazzjonijiet bħal dawn. Jiena stess, illum sirt nemmen illi jekk irrid nitlob sewwa, aħjar ninġabar f’post għall-kwiet milli nieħu sehem f’purċissjoni bħal din. Iż-żminijiet jinbidlu.

    Allura taħseb li m’għadx fadal aktar skop li tibqa’ ssir il-purċissjoni ta’ San Girgor?

    Le. Mhux qed ngħid hekk. Wegħda solenni hija wegħda. U jiena nemmen  li din il-purċissjoni għandha tibqa’ ssir għax hija wegħda li l-poplu għamel ma’ Alla. Wegħda għandha tinżamm għal dejjem.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 t’April 2009)

    2009.04.12 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

Travelogue

Archives

September 2017
M T W T F S S
« Mar    
 123
45678910
11121314151617
18192021222324
252627282930  

Recent Posts

Comments