Posts Tagged ‘Milied’

  • IL-PRESEPJU LI ĦOLOQ PANDEMONJU SĦIĦ…

    Mijiet, jekk mhux eluf, bħal daż-żmien imorru jduru l-ibliet u l-irħula ta’ Malta biex jaraw il-presepji ppreżentati. Wieħed minn dawn il-presepji l-aktar magħruf  bla dubju ta’ xejn huwa dak li hemm fl-Istitut Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun…

    B’kumbinazzjoni dil-ġimgħa ltqajt ma’ eks-kollega tiegħi u flimkien ġeddidna diversi memorji. Tiskanta kif jibda jiġri bik moħħok, jgħarrex biex jiftakar dak il-wiċċ, dik l-esperjenza u mitt ħaġ’oħra. Tirrealizza kemm għalkemm jgħaddu diversi snin, ċerti nies u affarijiet jibqgħu għeżież ħafna għalik. Il-memorja tagħhom tkun ittappnet biss bħal kif tagħmel ħġieġa miksija bin-nida…. mesħa waħda malajr u kollox jerġa’ jiġi lura f’tebqa t’għajn.

    U donnha dil-ġimgħa għalhekk ġiet. Kont qed nagħmel xi ftit riċerka dwar presepju fiż-Żejtun u ħabta u sabta ntbaħt li waqt it-tiftix tiegħi kont iltqajt ma’ teżor! U dat-teżor kien ilu taħt ħalqi sew – sa minn tfuliti.

    Niftakar illi fil-ġurnata tal-Milied, il-ġenituri tiegħi kellhom drawwa ħelwa ħafna; dik li qabel l-ikla ta’ nofs inhar, kienu  jieħdu lili u lil ħuti nżuru l-presepji madwar Malta kollha. Biż-żmien saret tradizzjoni li nibdew mill-presepju tal-Istitut ta’ Ġesù Nazzarenu taż-Żejtun. Ta’ tifla li kont, kont nimpressjona ħafna ruħi mill-pasturi jiċċaqalqu li kellu fih u kull darba kont nitħasseb kif kienu jsiru dawk il-movimenti. Min qatt kellu jgħidli xi storja kbira kien hemm wara dak il-post?

    Sfortunatament meta konna mmorru nżuru dan il-presepju, qatt ħadd ma kien spjegalna xi ħaġa dwaru. Konna nidħlu narawh, nistagħġbu bi ġmielu u nitilqu. Għalhekk tistgħu timmaġinaw kif bqajt meta sirt naf illi dan kien l-ewwel presepju f’Malta li kien mekkanizzat bl-għajnuna ta’ mutur elettriku. Iktar minn hekk id-data tat-tiswir tiegħu kienet tmur lura sal-1947! B’sorpriża kbira rnexxieli niltaqa’ ma’ żewġ persuni li ħadmu fuqu f’dak iż-żmien….

    Lil Pawlu Pavia mort inżuru flimkien man-neputi tiegħu Manuel Vella ġewwa d-Dar tal-Anzjani ta’ St Vincent de Paule, fejn illum qiegħed jgħix. Sibtu qed jaqra ktieb dwar it-turbini tal-gass…

    “Illum għandi 85 sena u xorta bqajt ninteressa ħafna ruħi fit-teknoloġija għax nieħu gost nara x’qegħdha toffri d-dinja moderna ta’ llum.”

    Fil-fatt Pawlu għamel żmien twil jaħdem bħala tekniku fil-power station l-antika fix-xatt tal-Belt.

    “U hemmhekk għal ftit ma ħallejtx ġildi. Niftakar illi ġurnata minnhom kont għadni apprentist u kont qiegħed naħdem fuq pompa flimkien mal-istruttur tiegħi Toni Pizzuto. F’daqqa waħda smajna l-Pawlu Pavia balumba (is-sirena) ddoqq sabiex tavżana li kien ġej attakk mill-ajru. Ħarisna lejn is-sema imma ma rajna xejn. Wara ftit jiena bdejt nisma’ l-ħoss imbiegħed ta’ ajruplan. Toni merini imma jiena kont ċert. F’dawk iż-żminijiet tibda tidra ċerti ħsejjes u affarijiet. Saħansitra tkun kapaċi tagħraf x’tip ta’ ajruplan ġej, kemm hu fil-għoli u f’liema bogħod qiegħed. Għall-ewwel rajtu daqs dubbiena – kien hemm ħafna sħab u allura aktar stajt narah malajr. Immarkajt lejh u proprju dak il-ħin smajnih jogħdos ‘l isfel. Għedtlu ser jitlaqha Ton! Toni qabadli jdejja u nżilna niġru lejn in-niżla l-antika tal-kurċifiss. Imma hekk kif wasalna f’nofs triq, jien deherli li aħjar jekk immorru nistkennu f’xelter qrib. Iżda Toni ddeċieda li jibqa’ sejjer fi triqtu u jien irħejtilha qisni għafrid lejn ix-xelter. Hekk kif dħalt fix-xelter bl-eżatt, il-bomba tolqot il-post fejn kien mar jistkenn Toni. Flimkien miegħu mietu tnejn oħra dakinhar. Mumenti li ma ninsihom qatt!”

    Staqsejtu jekk fil-Milied l-attakki kienux jieqfu…

    “Għandek tkun taf li l-għadu la għandu ġranet, la għandu siegħat, la għandu bil-lejl u lanqas bi nhar. Fejn jista’ jattakkak, jattakak. Ġieli kienu jieqfu naqra f’xi Milied imma biex jistrieħu u mhux b’xi rispett lejn xi ħaġa. U inti xorta ma tkunx moħħok mistrieħ għax  ma stajtx tieħu b’garanzija li mhux ser jattakkaw. Tkun beżgħan li jafu jiġu u moħħok xorta jibqa’ jtektek. Għamilna ngħixu hekk mill-1938 sal-1945, kuljum, ġurnata wara l-oħra.”

    Domna ħafna nitkellmu dwar dawn iż-żminijiet sakemm imbagħad wasalna għall-istorja tal-presepju.

    “Fl-1945, kif għaddiet il-gwerra, iz-ziju tiegħi, l-Monsinjur Emmanuel Galea ġietu x-xewqa li jagħmel presepju kbir ġewwa l-istitut li tiegħu huwa kien id-direttur. Sa dak iż-żmien kien jeżisti presepju ieħor, ħafna aktar żgħir. Kellu numru ta’ pasturi li kienu jiċċaqalqu permezz ta’ spaga li t-tfal tal-istitut stess kienu joqogħdu jiġbdu minn taħt mejda. It-tfal kienu jagħmlu siegħa kull wieħed u n-nies kienet tagħtihom xi ftit ħelu. Imma l-isqof kien imħasseb dwar din il-biċċa xogħol u minflok xtaq joħloq presepju li kellu jkun mekkanizzat b’mutur elettriku.

    Fl-1946  ftehemna li nneħħu l-presepju li kien hemm u minflok bdejna nibnu dak li hemm illum bil-qies ta’ 27 pied tul b’20 pied wisa’. Taħt id-direzzjoni tiegħu, ġew xi bennejja li fetħu tlett twieqi filwaqt li l-mastrudaxxi bnew il-pjattaforma tal-presepju. Wara, jiena u hu ffurmajna l-kartapesta mill-karti, l-gazzetti u l-kolla. Trid tifhem li dak iż-żmien ma kien hawn xejn. Ridt tara kif ser tkun kreattiv u tuża l-immaġinazzjoni tiegħek biex toħloq dak li trid.

    Wasalna mbagħad għall-pasturi u l-isqof telaqha f’idi biex inwettaq il-ħolma tiegħu. Bdejt inkisser moħħi kif ser nagħmel biex noħloq il-movimenti li konna ddiskutejna dwarhom. Iddeċidejt li nibda mill-Madonna u ftit ftit bdejt nifforma l-pastur mill-fildiferru u l-injam. Meta lestejtha, l-Madonna setgħet tbaxxi rasha u ċċaqlaq idejha u għamilt ftit aktar kuraġġ. Irnexxieli nsib mutur minn ħanut u bdejt nissara mat-taħbila li kelli nsolvi – dik li nħaddem il-pasturi kollha permezz tiegħu. Biex tgħaxxaqha, dak iż-żmien il-kurrent ma kienx b’saħħtu l-ħin kollu u għalhekk ridt insib irkaptu kif nixgħel il-mutur mingħajr ma nħallih jintefa’. Ftit ftit bdejt nibni l-pasturi u nimmekkanizzahom. Is-sitwazzjoni kienet kull ma tmur tikkumplika ruħha, hekk kif il-movimenti tal-pasturi riedu jikkumplimentaw lil xulxin bħal ngħidu aħna l-Madonna kienet titbaxxa u tbus lil binha filwaqt li San Ġużepp jinżel għarkubbtejh.”

    Fil-Milied tal-1947 l-isqof iddeċieda li jiftaħ il-presepju għall-pubbliku. Hu u neputih kienu bassru li presepju oriġinali bħal dak kien ser iqajjem interess kbir imma qatt ma ħasbu li kien ser joħloq pandemonju sħiħ!

    “Meta ftaħna l-presepju qamet storja sħiħa. In-nies ġew minn kull naħa ta’ Malta.  Ma stajnix inlaħħqu magħhom u dawn bdew jiffullaw għax kulħadd ried jidħol biex jara. Kien hemm min saħansitra kellu xi jgħid għax taf inti, issib min jipprova jqabbeż. Fil-fatt kellha tiġi anki l-pulizija biex tikkalma u tieħu ħsieb is-sitwazzjoni.”

    Pawlu saħaq aktar minn darba li l-isqof ried jgħaddi messaġġ partikolari permezz ta’ dan il-presepju…

    “Hu xtaq li min jiġi jżur il-presepju, ma japprezzax biss il-ġmiel tal-grotta u jitlaq il-barra. Ried li l-viżitaturi jikkunsidraw il-ħames misteri tal-ferħ li fuqhom ġie mibni b’dettall kbir il-presepju. Ippjana illi huma jaħsbu ftit fuq dak li ġara kemm qabel it-twelid ta’ Ġesù u kif ukoll wara.”

    Qatt ma kont intbaħt illi t-twieqi jaqsmu l-presepju fi stejjer partikolari…

    “Ippjanajna kollox eżattament fuq l-istejjer tal-Bibbja. Fit-tieqa tax-xellug tista’ tara dak li ġara qabel it-twelid ta’ Ġesù fostom it-tħabbira tal-anġlu Gabriel u ż-żjara ta’ Marija fil-villaġġ ta’ Ein Karem fejnIl-presepju kellhom id-dar tagħhom Eliżabetta u żewġha Żakkarija. Mit-tieqa tan-nofs tilmaħ lil Betlehem fil-quċċata u aktar ‘l isfel il-grotta fejn hemm it-twelid ta’ Sidna Ġesù. F’naħat oħra, l-anġli qed iwasslu l-aħbar lir-rgħajja filwaqt li l-maġi ġejjin bl-iġmla tagħhom wara li dawn ġew imsejjħa minn Alla nnifsu (b’turija li għalkemm pagani, Kristu kien ġie biex isalva lill-bndemin kollha). Fit-tarf tal-presepju hemm ukoll għajn li minnha qed jimlew in-nies li tfakkarna fi kliem Kristu “min għandu l-għatx ħa jiġi għandi u jixrob”. F’ġenb ieħor hemm ir-rgħajja man-ngħaġ tagħhom; xena li tfakkarna fil-kliem “jiena r-ragħaj it-tajjeb li nagħraf in-ngħaġ tiegħi waħda waħda u li nagħti ħajti għalihom”. Fl-aħħar tieqa ‘l fuq fl-għoli hemm il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju u t-tbassira ta’ Xmun. Finalment l-aħħar xena turi l-ħarba lejn l-Eġittu.”

    Pawlu Pavia dam jieħu ħsieb dan il-presepju għal aktar minn 60 sena.

    “Bil-mod il-mod għamilt diversi xeni u llum hemm mat-80 pastur. Kull darba kont nara x’ser inżid jew inbiddel fih. Għalija dak il-presepju qatt mhu lest għal kollox. Inqabblu ma’ sinfonija mhux kompluta… dejjem tista’ tirranġa biex issir aħjar.”

    Iltqajt ukoll ma’ Swor Pawlina Gauci li flimkien ma’ Swor Anġela (illum mejta) kellha f’idejha r-responsabbiltà biex tlibbes lill-pasturi ta’ dan il-presepju. Illum Swor Swor Pawlina GauciPawlina tgħodd is-77 sena. Qattat ħafna snin fil-missjoni fejn fostom kellha x-xorti taħdem għal xahrejn fl-Indja ma’ Madre Tereża u s-sorijiet tagħha. F’dawn l-aħħar snin hija għamlet ukoll 14-il sena missjoni l-Perù. Imma kienu t-tlett snin li għamlet il-Persja li daħħluha f’dan il-proġett..

    “Pawlu Pavia talabni ngħinu biex isiru l-ħwejjeġ tal-pasturi. Dak iż-żmien jiena kont il-Madre Superjura tal-Istitut u għalhekk kien dover tiegħi li ngħin. Fl-istess ħin, peress li għext xi snin il-Persja, kelli ċerta esperjenza dwar l-istil tal-ilbies li Pawlu xtaq ilibbes lill-pasturi tiegħu. Tal-ħwienet kienu jagħtuna diversi kampjuni ta’ drappijiet u anki xi biċċiet li kien jifdlilhom u għalhekk id-drapp ma kienx problema. Adattajna kemm stajna biex inqarrbu lejn il-ħwejjeġ li kienu jilbsu fi żmien il-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Jiena kont infassal u nħit bil-magna filwaqt li Swor Angela, li kellha jdejha iżgħar minn tiegħi, kienet tħit b’idejha xi irqaqat bħal kmiem u hekk.

    Pawlu kien jaqlagħlna l-pasturi erbgħa erbgħa, niddiskutu miegħu x’jixtieq u l-bqija f’idejna. Kont emozzjonata ħafna waqt li kont qed naħdimhom għax kont qed nagħmel xi ħaġa biex ngħin lill-kunvent u biex permezz ta’ dan il-presepju nirsistu biex inressqu aktar erwieħ lejn Alla.

    Il-kongregazzjoni tagħna ilha teżisti biss għal dawn l-aħħar 70 sena. Imma illum il-vokazzjonijiet naqsu ħafna.”

    Xtaqt inkun naf jekk ilix ma żżur il-presepju?

    “Immur inżuru kull sena għax fl-istess ħin immur nagħti l-awguri lill-Madre tal-Istitut.  Sfortunatament matul dawn l-aħħar snin in-nies li jżuru dan il-presepju naqsu qatiegħ. Forsi l-istorja tinbidel dis-sena għax sirt naf li sar xi tibdil sabiħ ħafna.”

    Ma stajtx ma nkellimx ukoll lill-kuratur preżenti ta’ dan il-presepju li jiġi n-neputi ta’ Pawlu, Joseph Pavia.

    “Inqas ma ssemmini aħjar” laqagħni mill-ewwel Joseph.

    Imma għall-ebda raġuni ma kont ser inħallih barra. Matul sena waħda biss li hu ilu jieħu ħsieb dan il-presepju, it-tibdil li sar fil-lok huwa mpressjonanti u utli ferm.

    “Jiena n-neputi ta’ Pawlu Pavia. Sa minn ċkuniti zijuwi kien jeħodni miegħu biex narah jaħdem fuq il-presepju. Mas-snin ħareġ fija t-talent tad-diżinn u t-tpinġija u ftit ftit zijuwi beda jafdani bl-irtokk tal-pasturi. Huwa dam snin kbar jieħu ħsieb dan il-presepju imma fl-aħħar snin kellu jċedi din ir-responsabbiltà u ddeċidejt li nidħol minfloku jien.”

    Talabni nimxi warajh, daħħalni fil-kamra tal-presepju fid-dlam u xegħel id-dawl. Ħsiebu rnexxielu għax bqajt impressjonata bil-bosta. Lanqas biss għaraftha l-kamra li kont ilni tant inżur!

    “Deherli li din il-kamra kien jistħoqqilha ftit rinovar għax ma kinetx għadha tilqgħek. Ippjanajt li nżommha sempliċi kemm jista’ jkun imma fl-istess ħin ma xxaħħaħt xejn fil-materjali li użajt u fil-ħin li ddedikajt għaliha. Tajtha stil medjevali li jixraq ħafna mal-presepju nnifsu u qgħadt attent li nżomm il-karattru oriġinali tal-kamra u tat-tagħmir li kien fiha. Kont qed nagħmel kollox waħdi, niddedika ftit siegħat kuljum matul dis-sena li għaddiet. Imbagħad ġie jagħtini daqqa t’id Leli Mifsud fejn qaxxar il-bqija tal-ħitan u kaħħal il-kamra. Jien komplejt ngħaddi d-dawl u nagħmel il-bqija tax-xogħol.”

    Mill-bosta xogħol li għamel, l-aktar li apprezzajt kienet l-idea  tal-kummentarju li huwa sawwar dwar l-istorja ta’ dan il-presepju storiku…

    “Dik li jiġu n-nies iżuruh u ma jafu xejn dwar l-istorja tiegħu, kienet tagħtini ġewwa ħafna. Għalhekk bdejt mill-ewwel naħdem fuq kummentarju qasir sabiex jakkompanja lill-viżitatur. Irnexxieli ndaħħal Joseph Pavial-istorja ta’ dan il-presepju f’tul ta’ sitt minuti ħalli dak li jkun ma jiddejjaqx jisma’. Traduċejt dan il-kummentarju f’ħames lingwi differenti u tlabt lil qarrejja professjonali biex jagħmlu dax-xogħol: il-Malti – Frans Zahra, l-Ingliż – Anthony Girard, it-Taljan – Nicola Tombion, il-Franċiż – Elizabeth Grech Scicluna u l-Ġermaniż – Andreas Reiff. Xtaqt ukoll inlaqqa’ mużika apposta għall-kummentarju. Għalhekk avviċinajt lill-Maestro Ray Sciberras u tlabtu jiktibli biċċa mużika li tfakkar fiż-żminijiet imbiegħda tat-twelid ta’ Ġesù. Ma xtaqt xejn bombastiku imma ridt illi matul dawk is-sitt minuti, jiġu espressi l-mumenti differenti li twassal il-ġrajja tal-presepju. Għall-ewwel il-maestro nħasad għax kien dubbjuż kif seta’ jdaħħal dan kollu f’ħin daqshekk qasir. Imma meta lesta u sejjaħli biex nismagħha għall-ewwel darba, mill-ewwel fhimt li kien għamilli kapolavur!”

    Skont kliem Joseph innifsu hemm ħafna aktar x’isir fuq il-presepju…

    “Il-mekkaniżmu mhux ser immissu imma l-pasturi għandhom bżonn xi ħwejjeġ li jridu jinbidlu. Il-kartapesta, is-saqaf u s-sistema tad-dawl iridu jinbidlu wkoll. Barra minn hekk is-susa għamlet ħafna ħsara wara dawn is-snin kollha. Anzi nistagħġeb kif żamm dan iż-żmien kollu speċjalment meta tikkunsidra illi jekk tidħol taħtu tinduna li prattikament il-presepju sar mix-xejn: il-qiegħ tiegħu maħdum mill-fallakki, il-bibien u l-purtelli. Is-sena d-dieħla nixtieq ukoll nerġa’ nħaddem l-għajn bl-ilma għax maż-żmien kienet ġarrbet xi ħsara u ma ħadmitx aktar. Kollox bil-mod għax hawnhekk waħdi qed naħdem. Napprezza kieku kull tant żmien jiġi xi ħadd jagħtini daqqa t’id.”

    Kont kurjuża nistaqsih x’ifisser dan il-presepju għalih?

    “Għalija dan il-presepju huwa parti mill-familja u nħoss nostalġija kbira lejh. L-għan prinċipali tiegħi huwa illi minflok jispiċċa biż-żmien, dal-presepju jingħata mill-ġdid il-ħajja ħalli n-nies terġa’ tibda żżuru bi ħġarha. Żgur li ser nagħmel l-almu kollu tiegħi biex dan iseħħ. Nappella biex in-nies jiġu jaraw ix-xogħol li sar u fl-istess ħin iħallu donazzjoni għas-sorijiet li għandhom bżonn ħafna għajnuna speċjalment fil-manutenzjoni ta’ dan l-Istitut.

    Ta’ min isemmi wkoll li bħalissa għaddejja l-kawża għall-beatifikazzjoni tal-Isqof Emmanuel  Galea. Jekk dan iseħħ, għad jiġi żmien meta l-valur ta’ dal-presepju jiżdied ħafna aktar.”

    Fl-isfond tal-kamra, Joseph beda jsemmagħli l-kummentarju. Bħad-deċifrar ta’ xi manuskritt antik, l-istorja tal-presepju tremblet quddiemi u f’daqqa lmaħt elf dettall li qatt ma nnutajt qabel matul dawk is-snin kollha li kont ilni nżuru. Il-mużika sabiħa mliet il-kamra u ħassejtni nogħdos fiha matul iż-żminijiet, il-bogħod il-bogħod sal-ewwel Milied.

    Il-presepju tal-Istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu jinsab fi Triq l-Isqof Emmanuel Galea fiż-Żejtun. Ser ikun miftuħ għall-wiri mill-14 ta’ Diċembru 2009 sas-6 ta’ Jannar 2010. Ħinijiet tal-ftuħ: mid-9:30am sa 12:00pm u mill-4:00pm sas-7:00pm.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-20 ta’ Diċembru 2009)

    2009.12.20 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • FTIT MAĠIJA TAGĦMEL TAJJEB…

    Il-loġika tagħti lill-bniedem dak li għandu bżonn. Il-maġija tagħtih dak li jixtieq… Tom Robbins (kittieb Amerikan)

    Għall-intervisti tiegħi ġeneralment inħobb nagħżel nies li forsi qatt jew ftit li xejn ikun instema’ dwarhom. Inkun irrid indaħħal ftit maġija f’ħajjithom flimkien ma’ daqsxejn fama, suċċess u rikonoxximent. Madanakollu dil-ġimgħa ksirt dir-regola… għalkemm mhux għal kollox. Iltqajt mal-preżentattriċi Ruth Frendo li naturalment m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni magħkom. Permezz ta’ din l-intervista hi fetħet bieb ħelu fuq ħajjitha li forsi ftit jafu dwaru u li jien ma tantx kont qed nippretendi li ser insib….

    Lil Ruth ilni nsegwiha fuq diversi programmi imma l-aktar wieħed għal qalbi, bla dubju huwa Pandora. Jogħġobni għax jitratta suġġetti misterjużi bħal affarijiet paranormali u sopranaturali…. nieħu Ruth Frendopjaċir insegwih u nitkexkex fl-istess ħin.  Daqstant ieħor laqatni l-ktieb il-ġdid tagħha li jġib l-istess isem tal-programm u li t-tnehdija tiegħu saret fl-Imdina Dungeons. Tafu intom… qisek anki bla ma trid, ftit ftit mill-esperjenzi tibda tibni sensazzjoni dwar bniedem. U dwar Ruth kelli daqsxejn impressjoni partikolari peress li hi titratta dawn is-suġġetti. Madanakollu dan il-ħsieb mal-ewwel dab fix-xejn hekk kif poġġejna fuq il-mejda u bdejna nitkellmu dwar il-kollezzjoni li hi għandha tant għal qalbha.

    Ruth tikkollezzjona dekorazzjonijiet tal-Milied ta’ kull xorta, forma u qies. Però hemm kundizzjoni waħda fuqhom – kollha huma magħmula mill-injam. Xtaqt inkun naf għaliex?

    “F’dawn l-aħħar snin saru moda dawn is-siġar tal-Milied imżejjnin b’xi kulur partikolari bħal deheb, fidda, aħmar jew ikħal. Mhux koroh taf, imma narahom naqra bla ħajja. Għall-kuntrarju, l-injam jagħti dak is-sens ta’ sħana u ta’ merħba waqt li fl-istess ħin joħloq atmosfera tradizzjonali. Apparti minn hekk id-dekorazzjonijiet li normalment insibu llum għalkemm ħafna minnom huma sbieħ u fini, narahom jarmu element ta’ produzzjoni tal-massa. L-injam jagħti dik l-emozzjoni ta’ valur u uniċità u jagħmel l-oġġett jidher aktar oriġinali.”

    Uritni xi wħud minnhom…

    “Dawn huma ftit għax b’kollox għandi madwar 600 biċċa. Fil-fatt bl-amment diffiċli biex ngħidlek eżatt x’għandi għalkemm kollha niftakarhom waħda waħda. Nagħtu każ jekk nidħol f’xi ħanut li jkollu minnhom, mill-ewwel ngħidlek jekk għandix bħalhom jew le.”

    Fost il-kollezzjoni tagħha kien hemm snowmen, father xmas, stilel, anġli, suldati, bambini, presepji, pasturi, ċriev, nani u għefiered. Insomma, ħafna minn kollox! Imma din il-kollezzjoni kif bdiet?

    “Meta kelli xi disgħa snin, iz-zija Marianne li kienet tħobb issiefer sikwit, marret l-Isvezja u minn hemm ġabitli nofs ġewża b’bambin tal-injam fiha u miksi b’kutra ċkejkna tal-injam ukoll. Dar-rigal mill-Dekorazzjoni - Father Xmasewwel seraqli qalbi bi ħlewwitu għalkemm ta’ tifla li kont qatt ma bsart x’għad iwassalni biex nagħmel. Dik il-ġewża fil-fatt kienet l-ewwel dekorazzjoni tal-injam li kelli u li għadni ngħożż sal-ġurnata ta’ llum. Sena wara qlajt sett ieħor ta’ dekorazzjonijiet tal-Milied, kollu magħmul mill-injam. Kont nintilef indawwarhom f’idi u nħares lejhom. Erħili nitħasseb u nimmaġina min ħadimhom … ovvjament dak iż-żmien ma kellix dubju li kienu dawk in-nani ż-żgħar li jgħinu lil Father Xmas jaħdem ir-rigali. Kont narahom ċari quddiem għajnejja huma u jiddeċiedu ħosbiena liema forma ser jagħtu lil dik il-biċċa njama li jkollhom f’idejhom biex imbagħad erħilhom inaqqxu, jiddiżinjaw u jagħtu l-kulur. Kienu mumenti maġiċi tal-Milied li ma ninsa qatt.”

    Skoprejt illi l-Milied minn dejjem lagħab karta importanti fil-ħajja tal-familja ta’ Ruth…

    “Jien il-Milied minn dejjem kont inħobbu. Tfuliti għaddejtha mal-familja estensiva tiegħi li primarjament kienet tikkonsisti fija, l-ġenituri tiegħi, iz-zija, in-nanna u l-kelba. Mal-ġenituri tiegħi kont inħobb narma s-siġra tal-Milied u nixtri u narma l-pasturi. Maz-zija kont nieħu gost nixtri r-rigali. Filwaqt li n-nanna kienet teħodni nara l-presepji. Kull membru tal-familja tiegħi inzerta li jħobb ħafna daż-żminijiet u għalhekk għandi memorji sbieħ u ferrieħa tagħhom. Niftakar ukoll sewwa li kont naqra tifla fitta mhux ħażin u kelli drawwa li kienet toħloq daqsxejn ħsara! Kont inħobb indawwar minn post għall-ieħor id-dekorazzjonijiet tal-Milied li jkunu fuq is-siġra. Kienet logħba għalija. L-ewwel insejjaħ lil kulħadd u nġegħlhom jimmemorizzaw dak li qed jaraw imdendel mas-siġra. Imbagħad huma kienu joħorġu u wara li nibdel il-postijiet tad-dekorazzjonijiet, riedu jaqtgħu x’biddilt. Il-problema kienet li dawn id-dekorazzjonijiet kienu tal-ħġieġ u kont inkisser xi tnejn ‘l hemm u ‘l hawn. Forsi, issa li qed naħseb fuqha, għalhekk ħajjruni għad-dekorazzjonijiet tal-injam!”

    Tlabt lil Ruth tirrakkuntali xi stejjer interessanti biex akkwistat dawn id-dekorazzjonijiet…

    “Għal honeymoon jien u Charlot morna l-Amerika. Hemmhekk sirna nafu li kien hemm stabbilment li jbiegħ id-dekorazzjonijiet tal-Milied. Kien jinsab madwar sagħtejn il-bogħod bil-coach u għalkemm dat-tip ta’ trasport għat-tul idejjaqni ħafna, xorta waħda mort. Qgħadna nistennewh jiftaħ imma mbagħad sibt ħafna affarijiet sbieħ.

    Darba minnhom konna qegħdin ir-Russja u hemmhekk sibna matrioshka magħmula minn diversi Father Xmas u ġewwa nett kien hemm sett ta’ dekorazzjonijiet tal-Milied żgħar tal-injam.

    Darb’oħra konna fuq cruise il-Messiku u f’ħanut fuq il-vapur intbaħt li kien hemm wieħed qiegħed ibiegħ dawn id-dekorazzjonijiet. Intlift inqalliblu u nfittex biex nagħżel l-iktar biċċiet oriġinali. Kif mort inħallas qalli li fit-12 il-sena li kien ilu jaħdem hemm qatt ma kien ra lil xi ħadd entużjast daqsi għal dawk l-oġġetti!

    Dekorazzjoni partikolari oħra tahieli wieħed li sar jaf li għandi din il-kollezzjoni u waqt li kien Betlehem sabli presepju żgħir tal-injam u ġabuli.

    Kif qed tara hemm ħafna stejjer konnessi ma’ din il-kollezzjoni. Għalkemm imbagħad hemm ukoll uħud minnhom li jiena nixtri minn fuq l-internet. Anki prezzhom ivarja ħafna, tant li għandi oġġetti li jiswew 20c imbagħad hemm oħrajn li jiswew ħamsin ewro l-waħda.”

    Imma din il-kwantità ta’ dekorazzjonijiet joqogħdu kollha fuq siġra waħda?

    “Iva dik storja oħra fil-fatt. Bħalissa għandi siġra twila 7 piedi. Kien xtrahieli Charlot bħala sorpriża għall-Milied ftit qabel iżżewwiġna. Flimkien magħha kien irregalali qabda settijiet u dekorazzjonijiet tal-injam li kien qagħad ifittixxli b’paċenzja kbira. Għandi raġel romantiku ħafna… aktar minni żgur! Insomma, jiena għedejt nimla’ fuqha dawn id-dekorazzjonijiet li kont ilni nġemma’. Imma għalkemm is-siġra fiha daqsiex, darba waħda xorta waħda għelbet b’kollox taħt it-toqol. U Charlot kellu bil-paċenzja kollha jagħmilli ħadida fil-qiegħ tagħha ħalli jissodaha aktar. Issa għandi l-ħsieb li nixtri siġra oħra għax daż-żmien għandi ħafna aktar dekorazzjonijiet x’indendel.”

    Kont kurjuża nkun naf x’ikunu l-emozzjonijiet tagħha meta tkun qed tarma s-siġra. Kienet għadha kif qaltli li ma tantx hi romantika imma r-risposta li tagħtni ma ppretendejtix hekk…

    “Qatgħa kbira għax inkun qisni fabbrika għaddejja ngħaġġel biex ma naħlix ħin. Kull sena, kif jgħaddi kollox, ingeżwer dawn id-dekorazzjonijiet wieħed wieħed fit-tissues biex innaqqas kemm jista’ jkunSett ta' dekorazzjonijiet mir-riskju li jinkisru. Għalhekk imbagħad is-sena ta’ wara, irrid noqgħod nerġa’ noħroġhom wieħed wieħed. Biex tifhem naqra kemm nieħu xogħol biss biss ngħidlek li nieħu tmien siegħat b’kollox biex narmaha u tmienja oħra biex inżarmaha lura. Nagħmilhom f’daqqa waħda, f’xi weekend ġeneralment. Xi drabi naqsamha fuq żewġ ġranet. Kif inlesti, niżbarazza l-kaxxi u l-karti kollha li nkun qlajt. Imbagħad nixgħel naqra mużika tal-Milied, nipprepara hot chocolate u hemm jibda l-pjaċir – meta nkun nista’ ngawdi s-siġra lesta. Ikun f’dawn il-mumenti meta jibdew għaddejjin minn quddiem għajnejja l-memorji sbieħ ta’ meta xtrajthom u l-kummenti ta’ dawk li jarawhom. Mumenti żgħar li ma tinsihom qatt.”

    Azzardajt nistaqsiha jekk tħossx nostalġija meta tkun qed terġa’ ddaħħalhom lura fil-kaxxi tagħhom. Imma hi kienet deċiża fir-risposta…

    “Kanna kbira żgur għax kif għedtlek, irrid nerġa’ ngħaddi ħin twil naqla’ kollox. Fil-fatt jien nibda narma s-siġra mill-aħħar t’Ottubru u nħalliha sal-aħħar ta’ Jannar ħalli x-xogħol li nieħu jkun mistħoqq. Għaldaqstant meta niġi biex inżarma, l-festi jkunu ilhom li għaddew u jkolli sebgħa mitt sena biex infittex inneħħi kollox.”

    Daqs dawk dekorazzjonijiet… kien hemm xi waħda li xtaqet takkwista u għadu qatt ma rnexxielha?

    “Iva ilni 16 il-sena nibni din il-kollezzjoni imma għad m’għandix stilla jew anġlu tal-injam għal fuq il-quċċata tas-siġra. Bħalissa għandi anġlu magħmul mid-drapp u b’idejh maħduma biż-żibeġ tal-injam. Imma m’inix kuntenta biżżejjed. Nixtieq xi ħaġa purament tal-injam, xi ħaġa tradizzjonali. S’issa għadni qatt ma ltqajt ma’ dak li nixtieq jien.”

    Ruth kompliet tispjegali kif kultant tidħol f’ħanut u ma ssib xejn. Imbagħad tidħol f’ieħor u ssib ħafna. Ġieli anki jkollha tixtri sett sħiħ bl-istess speċi ta’ dekorazzjoni. F’dawn il-każi ma twaħħalx kollox imma terfagħhom fil-kaxxi tagħhom għas-siġra li jmiss! Issuġġerejtilha tpartat…

    “Għadni qatt ma ltqajt ma’ xi ħadd li għandu tip ta’ kollezzjoni bħal tiegħi. Kieku tkun interessanti.”

    Ruth qaltli li f’Malta u Għawdex issib dekorazzjonijiet tal-injam mill-isbaħ. Però hi u żewġha ġieli żaru wkoll xi fieri tal-Milied partikolarment fil-Ġermanja u l-Awstrija fejn dax-xogħol hu popolari ħafna. Ma jonqosx li kull fejn imorru jaraw jakkwistawx xi ħaġa tajba għall-kollezzjoni għax fi kliem Ruth din issa saret ossessjoni żgħira tagħha. Staqsejtha jekk għal dan il-għan jippreferux isiefru fi żmien il-Milied?

    “Le. Dik darba kienet. Konna għamilna l-honeymoon fiż-żminijiet tal-Milied. Imma waqt li konna msefrin irrealizzajna illi dik is-sena tant tlifna okkażżjonijiet fejn is-soltu niltaqgħu mal-ħbieb u mal-membri tal-familja, tant li ddeċidejna li ma nerġgħux insiefru aktar fil-ġranet tal-Milied. Hekk jew hekk, speċjalment permezz tal-internet, dawn l-affarijiet issibhom għall-bejgħ matul is-sena kollha.”

    Intbaħt li l-Milied kien għadu żmien prezzjuż ħafna għal Ruth…

    “Jiena kont iffortunata ħafna li kelli tfulija maġika. Ħafna mill-membri tal-familja tiegħi huma mdaħħlin fis-settur tal-edukazzjoni u meta kont żgħira f’Diċembru spiss kont niġi mistiedna għal bosta parties tat-tfal. Tgħidx kemm kont naqla’ rigali! Għandi wkoll memorji sbieħ tal-familja tagħna f’daż-żminijiet. Ngħidu aħna waqt li konna nkunu qed nippreparaw xi Christmas log: min iħallat it-taħlita, min ikisser il-galettini, min iqatta’ ċ-ċirasa u min iħoll iċ-ċikkulata. U jien niġri minn post għall-ieħor innaqqar u hekk. Għaldaqstant ma jistax jonqos illi b’esperjenzi bħal dawn il-Milied  baqa’ jqanqal ferħ kbir f’qalbi.”

    Xtaqt nagħlaq billi nistaqsiha xi jfisser għaliha l-Milied?

    “Narah okkażżjoni tajba biex niftakar f’nies li forsi nkun ilni ma nara. Imqar nibgħatilhom kartolina jew xi messaġġ bl-email jew bl-sms. Hija wkoll skuża tajba biex niltaqgħu mal-ħbieb li minħabba x-xogħol tagħna kellna nnaqqsu ħafna ħruġ minn magħhom. Għalija l-Milied huwa ż-żmien fejn jiġru l-affarijiet tajbin u meta qisu kulħadd iġib ruħu xi ftit aħjar. Għalhekk ħassejt ħafna per eżempju meta ġrat dik it-traġedja tat-tsunami. Kull traġedja hija kerha imma fil-Milied ħafna aktar.

    Il-Milied huwa wkoll mument fejn bħala preżentatriċi niġi mitluba nagħti ftit mill-ħin tiegħi biex nipparteċipa fi programmi fejn ikunu qed jinġabru fondi għall-għajnuna ta’ diversi organizzazzjonijiet u individwi. Nipprova dejjem naċċetta għax nemmen b’saħħa illi kulħadd jistħoqqlu jgawdi mill-maġija li joffri dan iż-żmien.”

    Infridna kontra qalbna għax ikolli nistqarr li fil-fatt inħolqot ċerta maġija anki bejnietna. U hekk kif bdejt miexja lura lejn il-karozza tiegħi, f’dik is-sikta ta’ lejl mimli kwiekeb, stajt diġà nħoss il-benna li jġib miegħu daż-żmien ħelu ta’ Diċembru.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-13 ta’ Diċembru 2009)

    2009.12.13 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • X’INHI DAR MINGĦAJR PRESEPJU?

    Huwa l-Milied li jkun hemm fil-qalb li jpoġġi l-Milied fl-arja… W.T Ellis

    Hekk kif jibda Diċembru, trid jew ma tridx, issib lil moħħok qed jibda jikkalkula l-ġranet li fadal għal Milied. Forsi biex tara kemm fadallek żmien biex tieħu vaganza mix-xogħol jew biex tqis kemm baqa’ ġranet biex tixtri r-rigali. Sfortunatament, ikolli nammetti illi meta nikbru, f’ħafna minna, dak is-sens ta’ meravilja u veneranza għal dawn iż-żminijiet jibda jintilef naqra. Imma dan kollu jinbidel hekk kif tibda trabbi lil uliedek. Tibda tapprezza t-tbatija li tgħaddi minnha l-omm u l-preokkupazzjoni tal-ġenituri biex jaraw kif ser jieħdu ħsieb ‘l uliedhom bl-aħjar mod. Fuq kollox tibda tagħraf l-imħabba kbira li jħossu lejhom …. dik l-emozzjoni bla qies li diffiċli biex titfisser. U forsi għalhekk terġa’ tibda titqanqal ċerta emozzjoni fik  hekk kif tħares lejn dik il-koppja u taraha tagħmel mill-aħjar biex tindokra lil dik it-tarbija ċkejkna. Jista’ jkun li bla ma nafu, meta ndaħħlu presepju d-dar, nkunu qed noffru djarna sabiex nagħtu kenn u rifuġju lil Bambin Ġesù u lill-ġenituri għeżież tiegħu. Għax wara kollox, fil-fond ta’ qalbna nafu illi dik it-tarbija fqajra fil-maxtura hija daqsxejn tagħna lkoll.

    It-tema tal-Milied kompliet tissaħħaħ fija hekk kif dil-ġimgħa ltqajt ma’ żewġ individwi li saħqu miegħi illi għalihom il-Milied hu s-sena kollha…

    Jesmond Micallef stedinni mmur nara l-pasturi tiegħu. Huwa bgħatli xi ritratti ta’ xogħlijietu u minn hemm, ma kellix bżonn ħafna aktar konvinzjoni biex nilqa’ l-istedina tiegħu. Mill-ewwel laqtitni l-umiltà kbira tiegħu akkost li x-xogħol li jagħmel huwa mill-isbaħ. Kelma ġġib lill-oħra u naturalment xtaqt inkun naf kif bdiet din in-namra tiegħu..

    “Hija interessanti tkun taf li kollox beda permezz tal-ġara li kienet toqgħod faċċata tagħna. Meta kont żgħir, bħat-tfal kollha l-oħra, kont inħobb inpinġi ħafna. Darba minnhom, Tessie Meli il-ġara tagħna, Jesmond Micallefrat xi tpinġijiet tiegħi u apprezzathom ħafna, tant li bdiet tħajjarni biex nattendi l-iskola tal-arti. Jiena kont tifel waħdi u l-ġenituri tiegħi kienu kemmxejn kbar fl-età. Għaldaqstant, għalkemm l-imħabba tagħhom kienet kbira u mimlija għożża, jista’ jkun illi affarijiet bħal dawn ma għarrfux jarawhom. Tessie marret tkellimhom u saħansitra bdiet twassalni hi stess sal-iskola. Hemmhekk tgħallimt il-bażi tal-arti: id-diżinn, l-anatomija tal-bniedem u l-kuluri. Minn hemm beda kollox u mbagħad komplejt. Jekk  xi ħadd iqabbdek it-triq trid titgħallem tkompli timxi waħdek. Fil-fatt fl-iskola tal-arti m’għallmunix kif nagħmel il-pasturi. Għamilt il-pasturi għax għażilt hekk jien. Imma dik ukoll ġiet b’mod naturali għax jien bqajt nattendi l-mużew għal 24 sena sħaħ. Hemmhekk, ta’ kull sena trid tipprepara numru ta’ grotti, statwi u bambini għall-premjazzjoni tat-tfal li jattendu l-mużew. F’dawn l-affarijiet ma tantx tista’ tesperimenta imma niftakar illi s-superjur kien jgħidilna: “Meta tkunu qed taħdmu oġġett, agħmluh bl-aħjar mod, daqs li kieku ser tagħtuh lit-tifel tar-reġina.” U meta kont nistaqsih kemm ser nagħmel kwantità, kien jgħidli biex naħdem kemm niflaħ għax aktar ma naħdem, aktar nitħarreġ f’din is-sengħa. U hekk kien.”

    Mal-medda taż-żmien Jesmond ħadem ukoll xi presepji imma dan l-aħħar iddeċieda li jiffoka biss fuq il-pasturi. Madanakollu l-ispeċjalità tiegħu huwa l-mod ta’ kif xorta waħda joħloq sfond ta’ presepju għal dawn il-figuri tiegħu.

    “ ‘Hemm regola waħda fl-arti. U din hija l-kreattività.’”ikkwotali Jesmond. “Jekk ma tikkreax ħa tibqa’ l-istess. Sfortunatament kultant jidhirli illi aħna l-Maltin, forsi minħabba li għamilna ħafna snin taħt popli oħra, tlajna b’mentalità ta’ inferjorità. Naħsbu illi l-barrani jinqala’ aktar mill-Malti. Imma aħna għandna t-tajjeb tagħna u għalkemm żgħar, għandna x’noffru. Fil-fatt, permezz ta’ dax-xogħol qed nikkonferma illi meta tagħmel xi ħaġa minn qalbek, toħroġ sabiħa. L-importanti huwa illi dejjem trid tara x’ser tivvinta. Hawn ara… ħa naqralek kwotazzjoni oħra,” qalli. “ ‘L-arka ta’ Noe ġiet mibnija mid-dilettanti filwaqt li t-Titanic inbena mill-professjonisti.’ Issa l-istorja ta’ dawn it-tnejn kulħadd jafha. X’irrid ngħid? Li biex taħdem dawn l-affarijiet, ma tridx tkun ta’ skola kbira jew xi professjonista. Jibbasta biss li jkollok l-imħabba u l-passjoni għall-oġġett u tagħmlu. Ovvjament trid ċertu tagħrif bażiku bħal dak li ħadt jien għax inkella l-figuri jiġuk żbilanċjati. Imma mbagħad aktar ma taħdem, ix-xogħol stess jgħallmek u waħdek tibda tesperimenta kif ser toħloq affarijiet ġodda.”

    Qanqalli l-kurżità il-għala kien iħobb juża l-kwotazzjonijiet. Mir-risposta tiegħu fhimt illi għandu l-istess fehma tiegħi dwar das-suġġett…

    “Għax dawk jibqgħu mmarkati f’moħħok. Huma sentenzi qosra imma konċiżi bħal dik id-daqqa fuq ras il-musmar. Jogħġbuni għax meta niftakar fihom juruni t-triq li rrid nimxi magħha.”

    Erġajna dawwarna d-diskors dwar ix-xogħol tiegħu.  Jesmond intilef jurini d-diversi pasturi u anki xi aċċessorji li jaħdem għal magħhom…

    “Ara, per eżempju dak l-isfond għamiltu bis-sufra antika, xi ħaġa li diffiċli ssibha fil-ġurnata ta’ llum għax issa jużaw materjal sintetiku. Ħafna mix-xogħol tiegħi naħdmu bit-terracotta imma nħobb nesperimenta b’bosta oġġetti oħrajn. Ngħidu aħna għall-iskrizzjoni ta’ dan l-anġlu użajt iċ-ċomb u sammart l-ittri fih. Dik l-istilla ħdimtha bi pjanċa rqiqa, mentri dan il-frott għamiltu billi ħallejt il-kuluri tax-xemgħa tat-tfal. Dawn il-bixkilel iż-żgħar insiġthom minn affarijiet tal-baħar li sibt mormija bħal xi oġġetti tas-sajjieda, spag u anki biċċa siġġu mkisser.”

    Xtaqtu jispjegali x’inhu l-iskop ta’ dax-xogħol u x’jispirah?

    “Dan ix-xogħol sar parti minn ħajti. Tista’ tgħid li ħajti noffriha għal dax-xogħol għax għalija dan huwa appostolat. Kif qaltilna Madre Tereża, jiena nipprova nkun bħal dak il-lapes iż-żgħir li l-Mulej jikteb Presepju ta' Jesmond Micallefbih. Hemm min jikteb bil-priedki filwaqt li jiena nipprova nikteb bil-pasturi. L-għan mhux li ngħidu li hu xogħol sabiħ għall-għajn biss. Għalija jekk ix-xogħol ma jmissx il-qalb, hemm xi ħaġa nieqsa u għalhekk permezz ta’ xogħli dejjem nipprova nwassal messaġġ. Per eżempju hawnhekk Ġesù tarbija huwa mgeżwer fil-maktur abjad bil-faxxi koħol li kienet tilbes Madre Tereża – sinjal modern tal-faqar li fl-istess ħin jagħti xejra oriġinali. L-iskop aħħari ta’ dan ix-xogħol huwa li tant ikun ta’ livell illi wieħed ma jerfgħux ġo kaxxa u jwarrbu hekk kif jgħaddu l-ġranet tal-Milied iżda jżommu ġo post adattat matul is-sena kollha. Għahekk noqgħod attent illi l-qisien ta’ dax-xogħlijiet ma jkunux goffi wisq.

    Għal dax-xogħol tispirani l-ħajja ta’ kuljum: l-affarijiet li niltaqa’ magħhom u l-pitturi li nara fil-knejjes. Jiena nipprova jkolli għajn li tara.”

    Jesmond tellagħni fil-workshop tiegħu fejn fih kellu l-forn (kiln) li jsajjar it-tafal fih. Kont kurjuża dwar il-proċess tax-xogħol…

    “Jien għalija Milied is-sena kollha għax dax-xogħol jintogħġob ħafna u biex inlaħħaq mal-ordnijiet, irrid naħseb minn qabel. Nagħmel minn Jannar sa Novembru naħdem imma mbagħad f’Diċembru nieqaf ħalli ngawdi l-Milied mal-familja.

    L-ewwel ma nibda naħdem fit-tafal. Inkun irrid inlesti numru ta’ xogħol mhux ħażin sakemm nimla’ l-forn kollu għax dan jieħu 12-il siegħa biex itella’ t-temperatura ta’ 950 grad celsius u 12-il siegħa oħra biex jibred. Il-prodott finali jkun tat-terracotta u jien niżbħu bl-acrylic jew biż-żebgħa taż-żejt u mbagħad inżejjinhom b’xi aċċessorji oħra.”

    Innutajt illi fil-workshop tiegħu kellu bosta xogħol ieħor li mhux kollha kienu konnessi mal-Milied: fostom biċċa xogħol tal-Ġimgħa l-Kbira u xi figuri mlibbsa bi stil antik Malti. It-timbru ta’ xogħlu huwa l-istil u d-dettall tal-ħwejjeġ tal-figuri tiegħu. Tkellimna fuq mitt ħaġ’oħra kollha interessanti ferm imma sfortunatament l-ispazju huwa limitat. Għaldaqstant ser inwasslilkhom l-aħħar messaġġ tiegħu…

    “Is-sabiħ fil-ħajja hu li tagħmel xi ħaġa inti. Però tagħmel tajjeb li tidħol f’għaqda għax b’hekk tkun tista’ taqsam l-ideat.

    Jien taf xi nħoss nieqes… li f’Malta m’hawnx mużew tal-presepji bħal kif hemm f’Għawdex u f’diversi postijiet oħra madwar id-dinja. Huwa sabiħ li nżommu t-tradizzjoni tal-presepju ħajja.”

    ***************************************************************************************************************

    Iltqajt ma’ Manuel waqt wirja li kien qed jieħu sehem fiha u bqajt impressjonata ħafna b’xogħlu. Kelli letteralment nofroq bejn in-nies biex inkun nista’ nara aħjar l-għażla Manuel Vellata’ presepji li kellu. Jien li l-affarijiet oriġinali jinżluli għasel, weħilt quddiem presepju partikolari mmens li ma stajtx nifhem x’inhu qabel Manuel fehemni t-tifsira tiegħu…

    “Dak presepju bi stil rinaxximentali,” qabad jispjegali b’entużjażmu hekk kif induna li nteressajt ruħi. “Presepju bħal dak jissimbolizza l-waqgħa tal-paganiżmu u l-bidu tal-Kristjaneżmu. Għalhekk qed tara l-bini nofsu mwaqqa’. L-istil rinaxximentali jrid kollox bl-eżatt għax f’dawk iż-żminijiet kienu jimxu b’ħafna simettrija. Il-pasturi li jżejjnuh huma bi stil Lhudi.”

    Dak li kelli bżonn biex neħel hemm. Fil-fatt Manuel kompla jispjegali kif hemm żewġ tipi oħra ta’ presepji…

    “Hemm l-istil Naplitan li tagħrfu mill-ewwel għax ma jkollux grotta u l-pasturi jkunu lebsin bil-qalziet. Barra minn hekk, dan ikun imqassam fi tlett biċċiet: in-nattività, it-taverna fejn issib in-nies jixorbu u jixxalaw u mbagħad għandek it-tħabbira. Kollox għandu tifsira f’dan it-tip ta’ presepju. L-ewwel nett jissimbolizza li qabel ġie Kristu fid-dinja n-nies kienu jgħixu f’ħajja ta’ xalar żejjed u ħafna ma kienux jagħtu każ -għalhekk Ġesù ġie biex isalvana. Anki l-pasturi għandhom it-tifsira tagħhom bħal dawk li jbiegħu l-ħut u l-ħaxix li ma jissimbolizzawx lin-nies infushom imma l-istaġuni. Il-problema tagħhom, dawn it-tip ta’ pasturi hu li diffiċli ħafna biex issibhom għall-bejgħ hawn Malta.

    Imbagħad fl-aħħar u mhux l-inqas hemm il-presepju tradizzjonali bil-grotta u l-pasturi kif nafuhom aħna.”

    Anki l-presepju tradizzjonali kellu dik il-laqta’ oriġinali tiegħu, mhux biss grotta imma mdawwar b’bini ieħor fostom bil-lukanda li ma kelliex post għal San Ġużepp, il-Madonna u t-tarbija tagħhom.

    Meta rani nkompli nistaqsi Manuel stedinni f’daru. Hemmhekk sibt l-aħħar ftit mudelli li kien għad fadallu fostom mudell mill-isbaħ illi kien qed jistenna lil sidu jmur jiġbru.

    “Innota naqra kemm fih dettallji,” stedinni Manuel. “Barra minn hekk ara ftit il-wiċċ tal-ħitan, it-toqob irqaq u l-kuluri realistiċi tiegħu. Il-presepju nnifsu, jekk toqgħod tilgħab miegħu, tagħmlu b’xi mod jew ieħor. Is-sigriet qiegħed fil-kapaċità biex tqarreb lejn il-verità n-nisġa tal-ġebla antika.”

    Tlabtu jgħidli pass pass kif jinħadem dan ix-xogħol…

    “Ara, l-ewwel irid ikollok il-pasturi għax naturalment fuqhom jinbena l-bqija tal-presepju. Imbagħad niskeċċja l-abbozz kif nixtieq nagħmel ix-xogħol. Jekk inkun qed naħdem għan-nies huma jiġu jaraw l-abbozz u jgħiduli jekk jogħġobhomx. Minn hemm nibda’ nqatta’ l-biċċiet tal-polystyrene (li hawn Malta nsejjħulu ġablo). Naħdem fuq iktar minn presepju wieħed fl-istess ħin. Ngħidu aħna, sakemm biċċa xogħol qed tinxef, ninkolla biċċa presepju jew naħraqlu xi parti minnu.”

    Kif taħarqu? Għaliex?

    “Għax bħala struttura, meta jitlesta l-presepju, aktar ikun qisu xi villa milli presepju ta’ żmien Kristu. Kollox ikun lixx, sabiħ u perfett tant li ġieli nitħassru naħarqu. Imma n-natura tal-presepju hekk titlob.

    L-aktar li nieħu pjaċir nagħmel dax-xogħol għal xit-3:00am. Nitla’ fuq il-bejt f’silenzju totali u taħt sema sabiħ mimli kwiekeb, nintilef naħdem u bilkemm ninduna bil-ħin. Jiena u nsawwar fih, inħossni qisni qiegħed ngħix hemm ġew. Peress li jien għaddej il-ħin kollu b’din in-namra tiegħi, jiena u l-mara sirna ngħixu l-Milied kuljum. Dejjem issibni bil-Bambin f’idi lili.”

    Niltaqa’ kemm niltaqa’ ma’ nies, il-ħlewwa ta’ ċertu ndividwi tibqa’ dejjem tissorprendini. Għajnejn Manuel kienu jarmu tbissima kontinwa u kull meta bdejt infaħħarlu xi ħaġa, arah jarma jidħak daħka ferriħija u ġenwina. Meta mbagħad ingħaqdet magħna martu Joanne letteralment bdejt inħossni qisni xi waħda minn tal-familja.

    “Kif kont qed ngħidlek, meta naħarqu, niffurmah imma peress li dan hu xogħol tal-idejn, diffiċli biex wieħed jiġi bħall-ieħor. Għaldaqstant tista’ tgħid li dik tagħtihom identità unika wkoll. Wara jkun imiss Dettall mill-presepju ta' Manuel Vellaxogħol Joanne biex iddawwru bit-tissues ħalli toħloq it-tissue effect. Xogħol ta’ paċenzja kbira imma illum hi saret tieħu pjaċir daqsi tagħmlu dax-xogħol. Wara ngħadduh b’passati tal-ġibs u kolla, innixfuh u jkun imiss li nagħtih il-kulur. Anki bil-kuluri nħobb nesperimenta ħafna bħal kif qed tara f’dak il-presepju b’kulur ħadrani. L-aħħar passi huma t-tpoġġija tal-pasturi u l-ħolqien ta’ diversi aċċessorji li noħolqu aħna stess b’dak kollu li jiġi f’idejna.”

    Joanne stqarret li dax-xogħol ta’ żewġha mhux minn dejjem kien għal qalbha…

    “Fil-bidu kien jaħdem fil-washroom u ma stajtx niċċaqlaq bih. Għalhekk niżżel kollox fil-garaxx. Wara ftit tal-ġranet, raġel li kien għaddej minn ħdejna nnota l-presepju li kien għamel Manuel u ma qgħadx kwiet qabel irnexxielu jixtrih. Minn hemm bdiet tiġri l-kelma u llum il-presepji tagħna huma mfittxija ħafna.”

    Id-demm għall-presepji jidher li ilu jiġri mhux ħażin fil-vini tal-familja kemm ta’ Manuel u kif ukoll ta’ Joanne. Fil-fatt iz-ziju u l-kuġin ta’ Manuel ħadmu fil-presepju tal-Istitut tan-Nazzarenu fiż-Żejtun. Filwaqt li n-nannu ta’ Joanne kien jibni l-presepji u l-mudelli tal-knejjes. Akkost ta’ dan kollu Manuel saħaq illi kien ħabibu Joe Falzon li ħajjru jibda dax-xogħol.

    “Issa ilni tlett snin għaddej u dejjem nipprova nesperimenta u nagħmel xi ħaġa aħjar minn tas-sena ta’ qabel. Fil-fatt għas-sena d-dieħla diġa’ għandi xi ħaġa tbherren f’moħħi. Inħobb nosserva ħafna madwari speċjalment il-bini sabiex nara jekk nistax indaħħal xi ħaġa minnu fil-presepji tiegħi. Meta togħġobni xi ħaġa, naqbad il-kamera u niġbed qabda ritratti. Ara per eżempju, qed tagħrfu t-torri ta’ Bettina? Ġieli nieħu wkoll xi ideat mill-kartolini tal-Milied. Isma’ ejja ara din… qed tarahom in-nies ġewwa?”

    Reġa’ beda jidħak ferħan. B’mod inġenjuż kien irnexxielu jdaħħal il-pasturi fil-kmamar tal-presepji u minn barra stajna naraw dak li kien qed iseħħ ġewwa. Kull presepju huwa wkoll armat b’sistema ta’ dawl ta’ 12V. Barra minn hekk huma miksija b’laqgħa plastik sabiex ma tiġrilhomx ħsara jekk jixxarrbu.

    “Nagħmlu x-xogħol minn qalbna,” qaltli Joanne. “Imma kultant taf x’idejjaqni? Tisma’ ħafna jgħidulek illi jixtiequ jippromwovu l-prodott Malti imma mbagħad meta tipprova żżid il-kwalità jibdew jinqalgħu l-problemi. Per eżempju xi klijenti jistaqsuna jekk nistgħux nagħtuhom il-presepju bil-kaxxa miegħu biex ikollhom fejn jerfgħuh meta jgħaddi kollox. Imma meta morna nieħdu stima minn fabbrika lokali qaltilna li l-iżgħar ordni hija ta’ elf kaxxa! Impossibbli taħdem hekk.”

    Xtaqt neħdilhom l-aħħar kumment dwar il-presepju fid-djar tagħna l-Maltin…

    “Il-presepju għamel ħabta ser jintnesa. Ħafna ntilfu wara s-siġra tal-Milied u l-Father Xmas. Imma f’dawn l-aħħar snin l-istorja nqalbet u l-imħabba lejn il-presepju reġgħet kibret sew. Għax il-presepju jiġbor il-familja madwaru u joħloq Milied isbaħ fid-dar li tilqgħu fiha.”

    Għal interess tal-qarrejja, ix-xogħlijiet ta’ Jesmond Micallef u Manuel Vella ser ikunu qegħdin jieħdu sehem fil-wirja tal-presepji organizzata mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju taħt il-knisja ta’ San Franġisk il-Belt mill-5 sal-20 ta’ Diċembru 2009. Wara din id-data, l-wirja ser titmexxa fis-sagristija tal-Valletta Waterfront.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Diċembru 2009)

    2009.12.06 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • XI JFISSER GĦALIK IL-MILIED?

    Ġej il-Milied! Il-kelma biss ukoll kapaċi tqanqal dak il-ferħ speċjali li dan iż-żmien iġib miegħu. Il-Milied jasal kull sena u miegħu jinħolqu memorji u tikiriet ġodda għas-snin ta’ wara. Hija kurjuża kif bosta drabi, meta niftakru fil-ġranet tal-Milied l-imgħoddija, huma l-aktar affarijiet sempliċi li jibqgħu miftakra b’għożża. Il-Milied huwa l-ħlewwa tal-passat, il-kuraġġ għall-preżent u t-tama għall-futur. Xi jfisser għalik il-Milied?

    INTERVISTA: LORRIE COLLINS – PRO & SALES MANAGER – ESL GROSS MARKET

    Kif jibda joqrob il-Milied, x’inhu l-ewwel ħsieb li jiġik?

    Lorrie CollinsBla dubju, l-ewwel ħsieb li jiġini huwa x-xogħol. Minħabba li aħna qegħdin fin-negozju tal-ġugarelli, nibdew naħdmu fuq l-ordni tal-Milied minn xi tlett xhur qabel. Kieku ma nagħmlux hekk, kieku żgur ma nlaħħqux fil-ħin u r-riżultat ma jkunx ħlief stress, diżappunt u telfien ta’ bosta klijenti li jmorru jinqdew għand ħaddieħor. Għaldaqstant bilfors trid taħseb daqshekk bil-quddiem. Bħala l-Public Relations Officer tal-kumpanija, għandi f’idejja l-pubbliċità li din ukoll trid tibbukkjaha minn kmieni. Temminni jekk ngħidlek illi biex fil-Milied inġib individwu ta’ xi stazzjon tar-radju biex ixandar minn hawnhekk, irrid navżah minn sena qabel u ġieli anki iktar? Aħna nużaw żewġ tipi ta’ riklamar: min-naħa biex niġbdu lill-klijenti l-ġodda u min-naħa l-oħra, biex inżommu lill-klijenti eżistenti tagħna kuntenti sabiex jerġgħu jiġu jinqdew minn għandna darb’oħra. It-tip ta’ reklamar li semmejt fl-aħħar jieħu diversi forom bħal kalendarji bir-ritratti tat-tfal li jiġu jixtru minn għandna, djarji għas-sena l-ġdida u affarijiet oħrajn li jżommu l-klijenti tagħna jiftakru fina matul is-sena kollha. Hekk jew hekk il-ġugarelli jinxtraw għal bosta okkażżjonijiet oħra barra mill-Milied u aħna dejjem inkunu armati b’dak kollu li wieħed jixtieq.

    X’inhi l-isbaħ memorja tiegħek tal-Milied?

    Kont għamilt żmien nilbes ta’ Father Xmas u nqassam il-ġugarelli lit-tfal fid-djar tagħhom. Ir-reazzjonijiet differenti tat-tfal hekk kif kienu jarawni ma nista’ ninsihom qatt. Min kien jibża’ minni u jinfaqa’ f’bikja kbira, min kien jagħtini xi kartolina jew xi ittra u min ilestili l-ħelu u l-biskuttini. Niftakar darba waħda, tifla partikolari kienet ippreparatli l-ħalib sħun u qagħdet tistennieni sakemm nixorbu kollu. Għalkemm dak il-ħin ma kelli aptitu xejn, kelli ndawwar wiċċi, ngħolli d-daqna biex ma nxarrabhiex u biex ma taranix it-tifla u nixorbu bilfors! Imma nammetti li meta rajt wiċċha ferħan se jtir, il-ħalib li kont ħadt, niżilli għażel. L-innoċenza tat-tfal hija ħelwa wisq. Għalhekk neħodha bi kbira ħafna meta nisma’ bi tfal li jiġu abbużati. Il-Milied huwa ż-żmien tat-tfal u fil-ferħ tagħhom tara l-kobor t’Alla. Jaqbadni swied ta’ qalb meta niftakar fit-tfal abbandunati ġewwa l-istituti f’dawn iż-żminijiet. Għalkemm dawn it-tfal, permezz tal-ġenerożità ta’ ħafna, ma jkunux neqsin mir-rigali u mill-parties, ikollhom l-egħżeż ħaġa nieqsa – l-imħabba tal-ġenituri tagħhom. Nemmen li l-isbaħ rigal għal dawn it-tfal ikun li l-ġenituri jeħduhom f’darhom fil-ġranet tal-Milied u possibilment iżommuhom għal kollox.

    Liema hu dak ir-rigal li qlajt fil-Milied li l-aktar li għoġbok?

    Kien rigal ta’ flus, proprjament kienet munita kbira tal-fidda li tani n-nannu meta kelli xi sitt snin. Fil-Milied konna ninġabru d-dar tan-nanna xi ħamsa jew sitt neputijiet u n-nannu kien idurna wieħed wieħed u jagħtina xi ħaġa tal-flus. Dak inhar kien tani tmintax irbiegħi – l-akbar munita li kellu! Qatt ma kont stennejt li kien ser jagħtini daqstant. Fi tfuliti għext f’familja li konna naqlugħa u nikluha. Tmintax irbiegħi għalija kienu dinja. Niftakar li nxtħett nifraħ biha fil-ħanut tax-xorb tan-nannu u xi klijenti li kellu, meta rawni daqstant kuntent, bdew jagħtuni xi soldi huma wkoll. Għamilt turrun bihom f’idejja u qgħadt nurihom lil kulħadd. Wieħed anzjan għamel tabirruħu li jrid jeħodhomli. Imma jien ma ridt nagħtihomlu b’xejn. Wara li tani kedda tajba, qabad jidħak u tani sold hu wkoll.

    X’differenza hemm bejn il-Milied ta’ meta kont tfajjel u l-Milied ta’ llum?

    Meta kont tfajjel kont inqatta’ ħafna ħin il-Mużew. Prattikament konna noqogħdu bieb ma’ bieb miegħu u sikwit kont immur hemm. Bosta drabi, meta kont niġġieled ma’ ħuti kont naqbad nirrabja, noħroġ il-barra u nitlaq il-Mużew. Nista’ ngħid illi l-Mużew kien ir-rifuġju u ċ-ċentru tal-attenzjoni tiegħi minħabba li kien ikun hemm diversi attivitajiet għaddejjin il-ħin kollu. Fi żmien il-Milied, kien ikun hemm min qed jibni l-grotti sabiex jingħataw lit-tfal, bil-kobor jgħodd skond l-attendenza tagħhom. Oħrajn kienu jkunu qed jgħallmu l-kant tal-Milied lit-tfal għal waqt il-purċissjoni tal-Bambin. Il-purċissjoni kienet xi ħaġa għall-qalbi ħafna u kull sena, sakemm kelli erbatax-il sena, bqajt nieħu seħem fiha. Memorja ħelwa ta’ dak iż-żmien kienet meta darba waħda kienu qed iqassmu l-grotti u lili tgħidx kemm damu biex għajjtuli. Bdejt ninkwieta li dik is-sena, ma kienu ser jagħtuni xejn. Qlajt qalbi nistenna imma mbagħad sibt li kienu ħallewni għall-aħħar għax kelli l-akbar grotta. Mhux bilfors jekk kont il-ħin kollu dieħel u ħiereġ hemmhekk? Tifkiriet oħra sbieħ huma dawk ta’ meta konna ninġabru għand iz-zijiet u konna naqsmu magħhom il-ferħ tal-Milied. Illum li kbirt u qiegħed naħdem f’dan il-qasam, ingawdi l-Milied wara li jgħaddi kollox għax f’dawn il-ġranet l-aktar li nkunu mħabbtin. Aħna jkollna niċċelebraw il-Milied fil-ġranet ta’ wara li jgħaddi kollox. Għall-ewwel taraha stramba iżda mbagħad tidra taf. Madanakollu, dik il-quddiesa ta’ nofs il-lejl bqajt ma nitlifhiex. U biex żgur ma norqodx xi raqda tajba sforz l-għejja li jkolli, dejjem nagħżel xi kappella żgħira bħal dik ta’ San Ġakbu tax-Xgħajra jew ta’ Santa Marija f’Bubaqra ż-Żurrieq għax hekk inħossni aktar parteċipi f’dak kollu li jkun qed jiġri madwari.

    X’tixtieq f’dan il-Milied?

    Nixtieq ħafna affarijiet kieku, speċjalment dawk li nitlob għalihom fil-għodu hekk kif niftaħ għajnejja u dawk qabel nidħol norqod; bħal ngħidu aħna biex ikun hawn il-paċi u biex ma jkunx hawn faqar fid-dinja. Però dan il-Milied għandi xewqa kbira partikolari li nkun kuntent ħafna li kieku sseħħ. Bħalissa, ħabiba tiegħi qegħdha l-Ingilterra fejn ser tagħmel operazzjoni serja ħafna. L-ikbar rigal għalija dan il-Milied ikun li kieku din tirnexxielha mija fil-mija u nerġa’ naraha mill-ġdid f’saħħitha, qawwija u sħiħa.

    Xi jfisser għalik il-Milied?

    Ifisser xogħol. Xogħol b’tali manjiera li kif għedtlek, meta n-nies ikunu qed igawdu, aħna nkunu qed naħdmu. U meta l-Milied jgħaddi u kulħadd ikun kwiet f’daru, aħna ngawdu. Per eżempju aħna parties ma mmorrux, la qabel u lanqas waqt il-Milied. Kollox wara irid isir għax ix-xogħol tagħna ma jippermettix. Bħala kumpanija, aħna nagħtu ħafna importanza li l-klijenti, b’mod speċjali t-tfal li jaqalgħu l-ġugarelli tagħna bħala rigali, ma joħorġux iddiżappuntati. Tkun dejjem f’moħħna li l-ġugarelli kollha jkunu jaħdmu sewwa u li kemm jista’ jkun, ikollna għażla kbira sabiex it-tfal isibu dak il-ġugarell li jixtiequ. Fi ftit kliem, għalija l-Milied ifisser il-kuntentizza tal-klijent u dik tat-tfal li jieħdu gost igawdu r-rigali li jinxtraw minn għandna.

    ————————————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: KAPPILLAN WALTER CAUCHI – PARROĊĊA SANT’ANNA, WIED IL-GĦAJN

    Kif jibda joqrob il-Milied, x’inhu l-ewwel ħsieb li jiġik?

    Kappillan Walter CauchiWaħda mid-diffikultajiet li jkolli bħala wieħed minn dawk responsabbli tal-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn, hija dik li nimxi b’mod ġust biex nikkuntenta u nakkomoda lil kull min jitlob is-servizzi tagħna speċjalment peress li għandna sala waħda biss disponibbli. Barra minn hekk, kif jasal il-Milied nibda nkisser rasi sabiex nifhem it-tifsira tal-Milied għalija għal dik is-sena. Inkun irrid insib il-messaġġ ta’ Ġesù illum. Tgħidli mis-sena l-oħra ‘l hawn x’differenza tagħmel?  Iżda fir-realtà iva teżisti differenza għax kull sena Ġesù jitwieled mill-ġdid fiċ-ċirkustanza taż-żmien preżenti. Aħna nsejħulha l-kulturalizazzjoni ta’ Kristu u l-valuri Tiegħu fid-dinja ta’ llum. Barra minn hekk, din id-darba jiena qiegħed nibda bħala kappillan ġdid f’din il-parroċċa u għad irrid nistudja n-nies u l-kultura ta’ Wied il-Għajn. Innutajt illi l-poplu ta’ Wied il-Għajn hu magħmul minn nies li huma ġejjin minn diversi postijiet bħaż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u l-Kottonera. Kollha għandhom il-kultura tagħhom. Il-ħolma tiegħi hija illi permezz tal-ġranet sbieħ tal-Milied, jiena nsir naf aktar lil dan il-poplu sabiex ftit ftit ningħaqdu kollha f’kultura waħda madwar il-Knisja ta’ Ġesù fil-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn.

    X’inhi l-isbaħ memorja tiegħek tal-Milied?

    L-iktar li nara fil-Milied imqaddes hija l-provvidenza t’Alla. Darba niftakar li kelli esperjenza partikolari li tixhed dan biċ-ċar u tikkonferma kif Alla ma jinsik qatt. Niftakar dak iż-żmien kont għadni fil-Parroċċa tal-Gżira. Kelli d-drawwa li nagħmel xi laqgħat tat-talb maż-żagħżagħ fid-dar li kelli bħala kappillan. Lejla waħda, xi jumejn qabel il-Milied, ġie grupp ta’ żagħżagħ għandi. Jekk niftakar sewwa kienu għadhom kif ġew lura mid-diskoteka. Uħud minnhom telgħu ħdejjha u bdejna nitolbu flimkien filwaqt li xi oħrajn, bla ma ntbaħt jien, intefgħu fil-kċina u kielu l-ikel kollu li kelli fil-fridge. Letteralment ma ħallew xejn għalija u hekk kif telqu, għall-ħabta ta’ nofs il-lejl nieqes kwart, kelli aptit niekol il-mejda bil-ġuħ li kelli. Ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel f’dak il-ħin. Bilkemm ridt nemmen meta smajt lil xi ħadd iħabbat ftit wara. Meta ftaħt, sibt raġel li ġie jagħtini suflè. Proprju f’dak il-ħin! Bqajt inħares lejh u għedt ara naqra, dawk iż-żagħżagħ kiluli kollox u Ġesù bgħatli suflè!

    Liema hu dak ir-rigal li qlajt fil-Milied li l-aktar li għoġbok?

    Jiena naqla’ ħafna rigali taf? U daqs kemm naqla’ nagħti wkoll. Però, la qegħdha tistaqsini, niftakar ilu ħafna sewwa, meta kont għadni daqsxejn ta’ tfajjel, iz-ziju kien ġabilna trejn iddur fuq it-tracks. Jiena u ħuti tbellaħna fuqha. Ma konniex imdorrijin naqalgħu rigali hekk. Missieri kien jaħdem ħafna imma l-flus kien jiddedikahom kollha kemm huma għall-edukazzjoni tiegħi u tat-tlett ħuti l-oħra li kollha konna immorru fi skola privata. Kapriċċi ma tantx kien ikollna ħlief meta konna immorru għand in-nanna u kienet tagħtina xi lira biex immorru naraw xi film bħal Ben Hur jew The Ten Commandments.

    X’differenza hemm bejn il-Milied ta’ meta kont tfajjel u l-Milied ta’ llum?

    Meta kont tfajjel, il-gost tal-Milied kien meta kont immur il-Mużew u jagħtuni xi rigal. Dak iż-żmien bħala tfal konna nifirħu bix-xejn. B’daqsxejn ta’ presepju jew b’xi statwa żgħira tal-Bambin kont tagħmilna ferħanin. Konna nixegħlu u nżejnu quddiemhom bix-xemgħat u ndoqqu l-għanjiet tal-Milied fuq ir-rediffusion jew fuq ir-radju personali tagħna. Ovvjament, fil-Milied konna immorru għall-quddiesa wkoll għalkemm jiena qatt ma kont abbati. Dak iż-żmien ma kontx ‘tal-Knisja’ għax missieri kien jinsisti ħafna fuq l-edukazzjoni tagħna u għaldaqstant, ma tantx kien jifdalli ħin għal affarijiet oħra. Il-Milied konna nagħmluh id-dar. Ommi kienet issajjar u tlaqqagħna flimkien. Imbagħad konna immorru għand in-nanna u niltaqgħu mal-kuġini. Iżda meta dħalt għas-saċerdozju, il-Milied tbiddel għalija. Fejn fi tfuliti, l-Milied kont ngħixu d-dar, meta sirt saċerdot il-Milied bdejt ngħixu man-nies. Il-perspettiva tiegħi tal-Milied saret kif jiena ser nagħmel ambjent ta’ Milied u ħajja aħjar għal dawk li huma imġarrbin, imdejjqin jew weħidhom. L-għan tiegħi għal dawn iż-żminijiet ikun biex noħloq Milied bis-sens. Nemmen li għalhekk, f’kull parroċċa li kont fiha, in-nies dejjem fittxew il-knisja u dejjem imlewha daqs bajda għall-grazzja t’Alla. L-iskop tiegħi tal-Milied sar wieħed pastorali b’sens ta’ responsabbiltà u għajnuna għall-proxxmu.

    X’tixtieq f’dan il-Milied?

    Kif għedtlek aktar il-quddiem, l-ewwel nett f’dan il-Milied, nixtieq illi niltaqa’ aktar man-nies ta’ Wied il-Għajn biex insir nafhom aktar. Dan iż-żmien jagħtik bosta opportunità biex tagħmel dan. Barra minn hekk, dan il-Milied huwa marbut mal-pussess ġdid tiegħi għax proprju fil-21 ta’ Diċembru 2008, jiena ser ikolli din iċ-ċelebrazzjoni sabiex l-Isqof jafdali din il-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn. Allura li nixtieq dan il-Milied huwa li nagħraf immexxi lil dan il-poplu li ser jiġi afdat f’idejja. Nikkwota dak li qal Salamun meta nħatar sultan u Alla staqsih x’ried li jagħtih: Mulej agħtini l-għerf u d-dehen biex inkun kapaċi nmexxi lil dan il-poplu. Dak li nixtieq jien għal dan il-Milied – li nagħraf il-missjoni tiegħi. Hija interessanti kif 27 sena ilu, eżatt fl-istess ġurnata, fil-21 ta’ Diċembru 1981, inzertajt ħadt il-pussess tal-Parroċċa tal-Gżira fejn domt tmien snin u nofs.

    Xi jfisser għalik il-Milied?

    Ifisser li irrid niftaħ għajnejja u widnejja biex nara min hu l-fqir tiegħi. Il-fqir tiegħi huwa differenti mill-fqir tiegħek. Il-fqir tiegħi huwa dak li għandu bżonn l-għajnuna tiegħi biss, dak li jiddependi minni għall-għajnuna. Dak li jiena għandi ċ-ċavetta tal-ferħ tiegħu. Fi ftit kliem, il-Milied tiegħi hu li jien noqgħod attent biex nara min għandu bżonn l-għajnuna tiegħi.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 ta’ Diċembru 2008)

    2008.12.21 / no responses / Category: Torca - Perspettivi