Posts Tagged ‘periklu’

  • AKTAR MA SSIR TAF X’ISARRFU L-BNEDMIN, AKTAR TAPPREZZA L-ANNIMALI

    Darba xi ħadd ikkummenta li aktar ma jsir jaf xi jsarrfu l-bnedmin, aktar japprezza l-annimali. U mill-annimali kollha, bla dubju, l-aktar wieħed fidil lejn sidu huwa l-kelb. Smajna b’diversi rakkonti dwar din ir-rabta sabiħa bejn il-kelb u dak li jieħu ħsiebu. Imma sfortunatament, smajna anki b’każi oħra fejn l-annimali ġew maħqura jew abbandunati. Fuq in-naħa l-oħra tal-munita fil-fatt hemm min isostni illi “tfal u bhejjem, għali dejjem”. Iżda fir-realtà l-kelb kif isir problema fil-ħajja tal-bniedem? It-tfixkil joħolqu l-annimal jew il-bniedem innifsu?

    Dan l-aħħar sikwit konna qegħdin naqraw bosta ittri fil-gazzetti li kienu juru l-inkwiet tagħhom dwar in-numru dejjem jikber ta’ klieb li jiġġerrew fit-triqat. Klieb li ħafna drabi kienu qed jiffurmaw gruppi Dogs Trust Launch Malta (Ritratt - Rene' Rossignaud)illi joħolqu sitwazzjoni inkwetanti. Għalkemm forsi ma jagħmlulek xejn, inti u għaddej minn ħdejhom, il-preżenza ta’ klieb li jafu jkunu bil-guħ jew wisq agħar morda, żgur li ma tkunx waħda pjaċevoli. Maż-żmien tibda tinnota anki xi mankamenti fuq dawn il-klieb – sinjali ċari ta’ moħqrija u abbuż. Titħassarhom imma aktar u aktar tibża’ minnhom għax issa tinkwieta li huma rrabbjati.

    Għaldaqstant apprezzajt ħafna meta sirt naf b’inizzjattiva ġdida li ser tibda bejn id-Dogs Trust ta’ l-Ingilterra u l-SPCA f’Malta. Waqt it-tnehdija ta’ dan il-proġett li saret din il-ġimgħa, ħadt l-opportunità biex nara l-perspettiva ta’ wħud li attendew…

    INTERVISTA: DAVID NEWALL -Direttur Internazzjonali – Dogs Trust

    Kif bdiet l-idea ta’ dan il-proġett?

    Id-Dogs Trust hija l-akbar istituzzjoni ta’ karità fl-Ingilterra li tieħu ħsieb il-ħarsien tal-klieb. Barra x-xogħol li nagħmlu fl-Ingilterra nnifisha, aħna naħdmu wkoll fuq diversi proġetti ma’ pajjiżi oħra.

    F’dawn l-aħħar ħames snin konna qed naħdmu fuq programm fir-Rumanija fejn kien hemm problema kbira bil-klieb abbandunati. Hemmhekk għażilna li naħdmu f’Aradia – waħda mill-akbar bliet tal-David Newall (Ritratt - Fiona Vella)pajjiż. Matul il-ħames snin li għamilna fil-post, irnexxielna nisterelizzaw 7000 kelb li kienu qed jiġru fit-toroq. Elfejn kelb minn dawn instabulhom djar fejn joqogħdu imma l-oħrajn reġgħu ittieħdu lura minn fejn kienu inġabru. Bi pjaċir ngħidu illi n-numru ta’ klieb jiġru mat-toroq ta’ Aradia diġà naqsu ferm għalkemm nafu illi hemm bżonn proċess itwal biex dawn jiġu fix-xejn.

    Issa li dan il-proġett wasal fi tmiemu, bdejna niddiskutu dwar pjan ġdid. Xtaqna naħdmu fuq żona kkonfinata, xi post li ma setax jiġi nfiltrat minn klieb oħra. Ġietna f’moħħna li naħdmu fuq gżira. Ikkunsidrajna diversi gżejjer imma finalment, wara li tkellimna mal-SPCA ta’ Malta, iddeċidejna li nagħżlu lil Malta għall-proġett tagħna.

    X’inhu l-iskop ta’ dan il-proġett?

    L-iskop prinċipali huwa illi nbiddlu l-kultura tal-poplu Malti dwar il-klieb. Nixtiequ nifirxu l-messaġġ ta’ kemm tkun aħjar il-ħajja (kemm għall-klieb u kif ukoll għal sidhom) li kieku s-sidien jitgħallmu jkunu aktar responsabbli tal-annimali tagħhom.

    Dan il-proġett ser jinħadem fuq medda ta’ ħames snin. Il-mira finali hija illi wara dan il-perjodu, nkunu sterelizzajna 35,000 kelb li jinsabu fid-djar Maltin. Fl-istess ħin, qed nisperaw illi l-gvern Malti jieħu ħsieb it-3000 kelb ieħor li hemm jiġġerrew fit-triqat.

    Bħalissa 46% tal-Maltin ma jikkunsidraw qatt illi jadottaw kelb mix-xelters u mis-santwarji tal-annimali. Aħna nixtiequ naħdmu flimkien mal-poplu Malti biex inbiddlu din il-kultura. Fil-fatt, ser inkunu qed nagħmlu stħarriġ regolari biex nosservaw jekk din il-bidla tkunx qed isseħħ ftit ftit.

    Sfortunatament mhux in-nies kollha jħobbu l-annimali. Aħna naħdmu biex kemm jista’ jkun nuru lil dawn in-nies kemm l-annimali jistgħu joffrulhom għajnuna u mħabba f’ħajjithom. U kull ma jippretendu lura minn għandhom hija daqsxejn kura u mħabba.

    Kif taħsbu illi ser jirnexxielkom tbiddlu din il-kultura?

    Id-Dogs Trust temmen ħafna fil-‘pester power’ u għaldaqstant minn Settembru li ġej ser inkunu qed inżuru l-iskejjel Maltin biex nagħmlu kampanja mat-tfal favur il-klieb. Il-kampanja tagħna tgħid “It is nicer to neuter” u b’dan it-tagħlim ser nippruvaw inbiddlu l-kultura tal-poplu Malti permezz tat-tfal.

    Konxji illi m’aħniex ser inbiddlu l-kultura mill-llum għal għada imma kif għedtlek, it-tfal għandhom metodi ta’ persważjoni b’saħħithom ħafna. Huma stess ibiddlu l-kultura tal-ġenituri tagħhom u tal-adulti l-oħra.

    Fil-fatt biex dan il-proġett ikun suċċess, impjegajna żewġ Maltin: lil Irene Micallef li ser tkun qed tieħu ħsieb il-kampanja edukattiva u lil Sarah De Cesare illi hija l-Campaign Manager.

    Imma l-isterelizzar tal-annimali mhux krudili?

    Lanqas xejn! Anzi maż-żmien tkun qed tissalvagwardjahom kontra ċentru mard tal-kanċer. Barra minn hekk it-temperament tal-annimali li jiġu sterelizzati jinbidel ħafna u jkunu aktar trankwilli. Ovvjament permezz tal-isterelizazzjoni tnaqqas ukoll ħafna mill-ammont ta’ klieb li jiġġerrew barra.

    Mill-istudji tagħna sibna illi ħafna mill-klieb li jiġġerrew barra huma dawk imsejjħa “latch-key dogs” jiġifieri klieb li fil-għaxija jingħataw jieklu u jorqdu għand sidhom imma matul il-ġurnata jitħallew liberi barra fit-triqat. Mitluqa biex jagħmlu li jridu, dawn il-klieb jitħalltu bejniethom u r-riżultat ikun numru ta’ ġriewi li ħadd ma jrid. Kemm hu aktar krudili meta wieħed ikollu jgħarraq, joqtol jew jabbanduna ġriewi li ma jridx?

    L-isterelizzar mhux moħqija. Huwa biss att responsabbli li permezz tiegħu nikkontrollaw il-popolazzjoni tal-klieb. B’dan il-mod, il-ħajja ta’ kulħadd tkun ferm aħjar u t-triqat tagħna jkunu ħafna aktar trankwilli u bla periklu biex timxi fihom.

    Għaliex għażilt li taħdem f’dan ix-xogħol?

    Kull ġurnata f’dax-xogħol hija differenti. Inqum fil-għodu u nħossni kuntent li għandi ġurnata quddiemi fejn nista’ nservi ta’ għajnuna għal dawn il-ħbieb tagħna b’erba’ saqajn imma bla vuċi. Jeżistu ħafna diffikultajiet f’dan ix-xogħol imma meta tirbaħhom issib ħafna sodisfazzjon. Inħossni privileġġjat li għandi dan ix-xogħol.

    Id-Dogs Trust x’tieħu minn dawn il-proġetti?

    Id-Dogs Trust teżisti għall-benefiċċju tal-klieb. Għandna numru ta’ benefatturi illi jgħinuna ħafna finanzjarjament. Fil-fatt permezz tagħhom stajna ngħaddu żewġ vannijiet għall-użu tal-Maltin f’dawn il-proġetti. L-għan tad-Dogs Trust huwa illi tagħmel differenza fil-ħajja tal-klieb. Jekk jirnexxielha tagħmel dan permezz tas-suċċess tal-proġetti tagħha tkun laħqet l-iskop tagħha. U dak li tieħu lura – is-sodisfazzjon.

    X’jidhirlek mix-xogħol li qed tagħmel l-SPCA f’Malta?

    Jiena kelli l-opportunità li nżur ix-xelters tagħhom u li niddiskuti man-nies li jieħdu ħsieb l-SPCA ta’ Malta. Jidhirli li qed jagħmlu biċċa xogħol fantastika anki jekk forsi m’għandhomx biżżejjed faċilitajiet. Għandhom bżonn ħafna għajnuna biex jiġbru l-fondi neċessarji għall-bini tax-xelter il-ġdid f’Ta’ Qali. Nispera li ħafna ser jingħaqdu magħhom biex jagħtuhom din l-għajnuna. Aħna ser inkunu qed ngħinu wkoll.

    ————————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: BARBARA CASSAR TORREGIANI – President – SPCA Malta

    Kif beda dan il-proġett?

    Kont qegħdha nattendi għall-konferenza annwali li torganizza d-Dogs Trust. Waqt din il-laqgħa sirt naf kemm din l-istituzzjoni tat għajnuna lil numru ta’ pajjiżi mill-Ewropa tal-Lvant. Xtaqt nieħu parir Barbara Cassar Torregiani (Ritratt: Rene' Rossignaud)rigward il-bini l-ġdid li nixtiequ nagħmlu f’Ta’ Qali u għalhekk bdejt nikkonsulta magħhom. Ftit ftit id-diskors kompla jinfirex u d-Dogs Trust interessaw ruħhom ħafna f’pajjiżna u fix-xogħol li konna qed nagħmlu. Fil-fatt ġew Malta u jiena ntroduċejthom ma’ numru ta’ NGOs oħra. Matul id-diskussjonijiet, id-Dogs Trust urewni bi ħsieb li kellhom – li jaħdmu fuq proġett fi gżira. Staqsewni jekk jidhirlix li Malta tkunx interessatha għal proġett bħal dan u ovvjament jien ħtafthom fil-kelma! Huma għandhom entużjażmu qawwi għal dan ix-xogħol u diġà ġew iħarrġu b’xejn lill-istaff tagħna. Finalment illum qed nara l-bidu ta’ dan il-proġett iseħħ u ninsab kuntenta ħafna.

    X’inhu l-iskop ta’ dan il-proġett?

    Id-Dogs Trust flimkien mal-SPCA ta’ Malta ser ikunu qed jaħdmu flimkien biex jitnaqqas kemm jista’ jkun in-numru ta’ klieb li għandna jiġġerrew fit-toroq tagħna.

    Kif beħsiebkom tibdew taħdmu?

    Il-gvern għadu kif għaddilna biċċa art f’Ta’ Qali biex inkunu nistgħu nibnu xelter ġdid u akbar għall-ħarsien tal-klieb. Iżda tana din l-art bil-patt u l-kundizzjoni li nsibu l-fondi biex nibnu l-istruttura aħna. Bla flus ma jsir xejn. Id-Dogs Trust ser tipprova tgħinna billi tagħtina l-għodda biex naħdmu bihom: it-taħriġ tal-istaff, it-taħriġ f’dik li hi organizzazjoni u mmaniġġjar u l-bidla fil-kultura tal-poplu Malti.

    Dawn huma l-klieb tagħna. Din hija gżiritna. Din hija problema tagħna. Ejja naħdmu flimkien biex insolvuha. Nemmen ħafna illi bl-għajnuna u bil-ko-operazzjoni tal-poplu Malti jirnexxielna nibnu dan ix-xelter il-ġdid.

    X’inhuma l-problemi tal-SPCA f’Malta?

    Ir-riżorsi u l-faċilitajiet. Għandna sewwieq wieħed li jrid jagħmilha wkoll tal-ispettur, ta’ dak li jsalva l-annimali, ta’ dak li jagħmel il-manutenzjoni fil-post tagħna u mitt ħaġ’oħra. Impossibli taħdem hekk. Kellna wkoll karozza waħda biss. Ġieli jċempluna xi nies u ma nkunux nistgħu naqduhom. Barra minn hekk, il-post sar żgħir ħafna u huwa mimli bħall-postijiet l-oħra kollha li jagħmlu l-istess funzjoni tagħna. Aħna ma nistgħux nagħmlu mirakli. Jekk il-post jimtela’ jkollna nieqfu naċċettaw aktar annimali għax jekk indaħħlu aktar milli suppost, nispiċċaw aħna stess li nkunu qed naħqruhom. Faċilità ġdida, akbar u aħjar għandna bżonnha ħafna biex inkunu nistgħu naqdu lil kulħadd aħjar.

    Għandna bżonn ukoll għadd ta’ voluntiera biex jgħinu lill-istaff żgħir tagħna. Hemm diversi xogħlijiet fejn jistgħu jgħinu: jistgħu jnaddfu l-postijiet tal-klieb, jistgħu joħorġuhom dawra, jistgħu jgħinuna fl-uffiċċju u jistgħu jsibu dar għalihom. Issa la jibda dan il-proġett tal-isterelizazzjoni tal-klieb, speċjalment fejn jidħlu l-klieb li jiġġerrew mat-triqat, ser ikollna bżonn nies biex jidentifikaw fejn qegħdin dawn l-annimali, kemm huma u min qed jitmagħhom. Nafu sewwa illi dawn il-klieb jirnexxielhom ifendu fit-triqat tagħna għax ikun hemm min jitmagħhom. Dawn in-nies ikunu jistgħu jgħinuna billi jgħidulna fejn u kemm hemm klieb bħal dawn.

    Hemm xi limitu kemm jistgħu jdumu l-klieb fix-xelter tal-SPCA? Veru li wara li jgħaddi ammont ta’ żmien, jekk ħadd ma jieħu l-klieb, traqqduhom?

    Le mhux minnu. Jekk trid eżempju ċar ta’ dan, dan l-aħħar għadna kemm sibna dar fl-Ingilterra għal żewġt iklieb partikolari. Kienu ilhom għandna ħames snin.

    L-unika klieb li jkollna nraqqdu huma l-klieb aggressivi. Sfortunatament f’bosta drabi, l-attitudni ta’ dawn il-klieb ma tkunx tista’ tiġi ri-abilitata. Anzi maż-żmien tmur għall-agħar u ma jkunx hemm għażla oħra. Klieb hekk ma tistax tagħtihom lill-familji u lanqas tista’ titfagħhom ma’ klieb oħra. Il-ħasra hija li din l-aggressività tiġi kkawżata mill-bniedem li jkun ħaqarhom jew tellagħhom b’dak il-mod vjolenti.

    Issibu nies interessati li jadottaw il-klieb mill-SPCA?

    Mill-bidu ta’ dis-sena rajna progress u qed jirnexxielna nsibu dar għal kelb wieħed kuljum. Ovvjament nixtieq nara ħafna aktar klieb li jsibu l-imħabba għand xi sid li jixtieq jieħu ħsiebhom. Imma bil-mod nemmen illi l-kultura qed tinbidel u li finalment il-klieb tagħna jsibu l-imħabba li tistħoqqilhom.

    ————————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: IRENE MICALLEF – Education Officer (Malta) – Dogs Trust

    Kif sibt ruħek involuta f’dax-xogħol u fhiex ser tkun tikkonsisti l-parti tiegħek f’dal-proġett?

    Jiena għalliema u x-xogħol tiegħi jogħġobni ħafna. Però minn dejjem xtaqt li nagħmel xi ħaġa biex ngħin lill-annimali. Din l-opportunità għaqdet lit-tnejn flimkien.

    Permezz tat-taħriġ u l-għajnuna minn Dogs Trust jiena ser inkun qed naħdem fl-iskejjel primarji. Il-mira tagħna huma t-tfal bejn is-7 u d-9 snin. Flimkien magħhom ser nagħmlu diversi attivitajiet sabiex ngħallmuhom ikunu aktar responsabbli tal-klieb tagħhom: ngħallmuhom kif jieħdu ħsiebhom aħjar u x’ikollhom bżonn il-klieb biex ikunu aktar b’saħħithom u ferħana.

    Flimkien miegħi ser nieħu xi klieb biex it-tfal ikunu jistgħu jmissuhom u jħobbuhom. L-iskop finali huwa li ngħallmu lit-tfal japprezzaw aktar lil dan l-annimal li tant iħobb lill-bniedem.

    Aħna nemmnu illi t-tfal kapaċi jwasslu messaġġ lill-ġenituri tagħhom u minn hemm lill-bqija tal-poplu kollu. It-tfal għandhom potenzjal kbir biex ibiddlu kultura ta’ pajjiż.

    Kemm temmen fis-suċċess ta’ dan il-proġett?

    Nemmen fih ħafna u mhux għax nagħmel parti minnu jien. Il-poplu Malti jaf li għandu problema b’dawn il-klieb jiġġerrew fit-toroq. Imma billi tagħraf il-problema u ma tagħmel xejn, xejn ma jirranġa Mix-xellug - David Newall, Clarissa Baldwin (CEO - Dogs Trust), Sarah De Cesare u Irene Micallefruħu. Trid tibda taħdem biex tirranġa s-sitwazzjoni. U aħna dak li ser inkunu qegħdin nagħmlu. Jekk nolqtu lit-tfal minn età żgħira, il-bidla sseħħ żgur. Fil-ġranet li ġejjin jiena ser inkun qed nitħarreġ fl-Ingilterra sabiex nara kif hemmhekk irnexxielhom iħaddmu proġett bħal dan b’suċċess. M’għandix dubju li f’Malta ser ikun suċċess ukoll u li wara l-ħames snin minn dan il-proġett, ikollna għarfien biżżejjed biex nibqgħu naħdmu għal rasna.

    INTERVISTA: SARAH DE CESARE – Campaign Manager (Malta) – Dogs Trust

    Kif għażilt li tagħmel dax-xogħol?

    Jiena minn dejjem kelli mħabba kbira lejn il-ħarsien tal-annimali. Sa minn meta kont żgħira niftakarni mmur ma’ missieri l-Belt biex nieħu sehem f’xi protesta fejn jidħol il-ħarsien tal-annimali. Trabbejt ukoll imdawwra bl-annimali u għalhekk l-imħabba tiegħi lejhom hija naturali.

    Jiena nħobb nagħmel xogħoli b’passjoni. Il-familja tiegħi għandha n-negozju tagħha u ilni ħafna naħdem f’dak il-qasam. Ried ikun xogħol li veru jqanqalni daqsu biex nimxi għal xi ħaġ’oħra. U f’dan il-proġett tad-Dogs Trust sibt dak li xtaqt.

    L-istituzzjoni tad-Dogs Trust tagħti ħafna għajnuna u n-nies li jaħdmu fiha huma fantastiċi, jemmnu ħafna f’teamwork u jaħdmu bis-sħiħ u mill-qalb. Insomma, jixbħuni ħafna u għalhekk nemmen ħafna li flimkien bħala tim ser nagħmlu suċċess.

    Fhiex jikkonsisti x-xogħol tiegħek?

    Jiena ser inkun qed nieħu ħsieb il-kampanji ta’ dan il-proġett. Ir-responsabbiltà tiegħi ser tkun li nara li dawn il-kampanji jirnexxu. Ser nibdew l-ewwel kampanja tagħna fil-Belt Valletta. Iddeċidejna li nibdew minn hemm għax tagħmel sens li tibda mill-belt kapitali u mbagħad tifrex il-barra f’postijiet oħra. Qed nippjanaw li nibdew bl-ewwel inizzjattiva tagħna bejn Awwissu u Settembru li ġej. Din ser tkun tinvolvi l-issussidjar qawwi ħafna min-naħa tad-Dogs Trust biex nies li m’għandhomx mezzi biex jisterelizzaw il-klieb tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu dan bi prezz baxx ħafna.

    Għandna biċċa xogħol iebsa quddiemna imma jiena nemmen illi bil-ko-operazzjoni tal-gvern, tal-kunsilli lokali, tal-awtoritajiet lokali u tal-poplu in ġenerali, nirnexxu fl-għan tagħna b’suċċess.

    Għat-tnehdija ta’ dan il-proġett illum kellna attendenza tajba ħafna, anki min-numru ta’ politiċi. Nittama li dan hu biss l-ewwel pass fil-vjaġġ tagħna lejn il-bidla fil-kultura ta’ pajjiżna.

    INTERVISTA: TFAL – Skola Primarja Valletta

    Numru ta’ tfal mill-iskola Primarja tal-Belt Valletta kienu preżenti għat-tnehdija ta’ dan il-proġett. Dawn kienu uħud mill-kummenti tagħhom: Tfal (Ritratt - Fiona Vella)

    Sidney: Jiena nħobb ħafna l-ġriewi għax mill-klieb il-kbar nibża’. Id-dar m’għandix kelb imma għandi ħafna qtates.

    Masielle: Ġejt hawnhekk biex nara l-klieb għax inħobb ħafna l-annimali. Ħadt gost meta l-għalliema qagħdet tispjegalna fuq il-klieb. Nixtieq li kelli kelb imma l-mama ma tridx klieb. Għandi qattusa u għasfur. L-annimali jagħmluna ferħanin.

    Owen: Ġejt hawnhekk biex nieħu pjaċir għax il-klieb inħobbhom allavolja m’għandix wieħed jien. Kieku jkolli kelb żgur li nieħu ħsiebu ħafna.

    Ryan: Darba rajt xi tfal isawwtu kelb b’ħabel u għedtilhom biex ma jsawwtuhx għax dak hu ħolqien t’Alla wkoll.

    Sean: Jiena nħobbhom ħafna l-annimali. M’għandix kelb imma għandi għasfur u qattusa.

    Domenique: Min jaħqar l-annimali għax ma jħobbhomx. Hemm min l-ewwel ikollu kelb u mbagħad ma jkunx iridu aktar u jitilqu fit-triq. Ħażin ħafna min jagħmel hekk.

    Caine: Ġejt nara l-klieb għax inħobbhom. Jien għandi żewġt iklieb. Il-familja kollha tiegħi tieħu ħsiebhom, anki n-nanna.

    Kurt: M’għandix kelb imma kieku kelli kelb nagħtih jiekol, jixrob u nieħdu dawra. Dawk il-klieb li jiġru barra jidhru li jkunu maħqura għax ikunu jibżgħu min-nies.

    Joshua: L-annimali huma tajbin. Aħna għandna nħobbuhom.

    Jade: Ġejt biex nara l-klieb. Ħadt pjaċir illum u tgħallimt li l-klieb irridu nieħdu ħsiebhom u jekk naraw lil xi ħadd iweġġagħhom għandna nwaqqfuh. Jiena għandi kelba jisimha Oakey u nħobbha ħafna. Ma nistax nimmaġinani ngħix mingħajr l-imħabba tagħha!

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 ta’ Ġunju 2009)

    2009.06.21 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • L-INTERESS TAT-TFAL JIĠI L-EWWEL

    Wara artiklu riċenti li deher fit-Torċa rigward abbuż fuq tifel ta’ erbgħa snin, iddiskutejna mal-APPOĠĠ il-proċeduri li jittieħdu f’dawn il-każi. Iltqajna ma’ Ruth Sciberras li hija s-Service Manager tat-Taqsima tas-Servizzi Għat-Tfal.

    “Diffiċli biex togħġob lil kulħadd” qaltilna. “Sfortunatament f’xogħolna bosta drabi, naħa waħda tirringrazzjak u n-naħa l-oħra tmaqdrek għax issostni li m’intix tagħmel xogħlok sew. Iżda aħna nagħmlu xogħolna mhux biex nintogħġbu imma biex inħarsu l-interessi tat-tfal.”

    Sciberras saħqet illi r-rapporti li jidħlu l-APPOĠĠ fuq każijiet ta’ trabi, qatt ma jitpoġġew fuq waiting list. “It-trabi huma fraġli wisq biex jistennew għax anki sempliċiment abbandun jipperikolalhom ħajjithom. F’każijiet bħal dawn immorru nagħmlu home-visit frekwenti u kull meta jinħass il-bżonn ħalli żgur ikollna t-tarbija taħt għajnejna. Mhux qed ngħid li m’għandnix każijiet oħra pendenti, għalkemm dawn qed jonqsu ħafna. Imma żgur mhux f’każ ta’ trabi.”

    Sfortunatament il-kultura tagħna għadha ‘taċċetta’ s-swat fuq it-tfal bħala mezz ta’ dixxiplina. Huma bosta l-każi ta’ abbuż ta’ din ix-xorta, kif ukoll tipi oħra ta’ abbuż li jidħlu għand l-APPOĠĠ. Minn statistika li pprovdewna biha jidher illi matul Jannar u Ġunju 2008 il-ħaddiema tas-servizz għall-ħarsien tat-tfal, ħadmu fuq 1179 każ. 267 minnhom kienu każijiet li bdew jaħdmu fuqhom għall-ewwel darba. Dawn il-każijiet kienu jinkludu abbuż sesswali, abbuż emozzjonali, abbuż fiżiku u traskuraġni. Numru ieħor ta’ tfal kienu f’riskju ta’ abbuż. Fatt allarmanti huwa n-numru ta’ tfal li jiddaħħlu l-isptar minħabba ksur, ħruq ta’ sigaretti, tbenġil u tfiegħ jew swat b’dak kollu li jiġi għal idejn l-adulti. Iċ-ċinturin għadu wieħed mill-aktar metodi użati biex jissawwtu t-tfal.

    Bosta mir-rapporti jidħlu minn fuq is-Supportline 179. Oħrajn jaslu minn diversi sorsi oħra bħall-membri tal-familja, l-Pulizija, l-isptar u mill-iskejjel. “Hekk kif jidħol rapport aħna nibdew ninvestigaw biex nikkonfermaw jekk il-każ hux ġenwin jew le. F’każ ta’ tfal kbar, aħna mmorru nkellmuhom l-iskola skont il-proċedura tan-National Child Protection Policy li għandna mal-iskejjel. F’każ ta’ tfal iżgħar li ma jkunux imorru l-iskola, aħna nibgħatu għall-ġenituri tagħhom sabiex nitkellmu ftit magħhom. Jekk dawn il-ġenituri ma jikkoperawx, nitolbu l-assistenza tal-Pulizija u mmorru l-għassa u nibgħatu għalihom biex jiltaqgħu magħna hemm.”

    Ruth Sciberras sostniet illi “Kemm jista’ jkun, aħna ma nkabbrux l-affarijiet. L-interess tagħna mhux li nieħdu t-tfal minn mal-ġenituri tagħhom imma li naħdmu magħħom ħalli dak l-abbuż jieqaf. Aktar Ruth Sciberrasnippreferu noffru gwida u għarfien  billi nuruhom li hemm metodi oħra ta’ dixxiplina u billi niġbdulhom l-attenzjoni ta’ kemm ħsara tkun qed issir lil uliedhom. Ħafna drabi l-ġenituri jkunu jħobbu ‘l uliedhom daqs il-mimmi t’għajnejhom. Jeħduhom għall-lezzjonijiet tal-Mużew, tal-pjanu, tal-futbol u ta’ ma nafx xiex. Imbagħad uliedhom jagħmlu xi ħaġa li ddejjaqhom u jfajjruhielhom għax ma jafux mod ieħor. It-tfal jgħidulna ‘Idejn il-mummy daqqa żżiegħel bija u daqqa ssawwattni’. Kliem li jweġġa’ u li jiftaħ l-għajnejn tal-ġenituri li jiżbaljaw. Kliem li jgħinhom jippruvaw metodi oħra ta’ dixxiplina flok is-swat.”

    L-APPOĠĠ jibqa’ jsegwi lil dawn it-tfal għal xi żmien wara billi jikkonferma mal-familja u mal-għalliema b’mod regolari sabiex jiġi assigurat li l-abbuż ma reġax ġie rrepetut.

    Fir-rigward tan-numru tas-social workers li jaħdmu fuq dawn il-każi Sciberras infurmatna illi hemm tmintax b’kollox. Ma taħsibx li hemm nuqqas ta’ staff “Imma aktar ma jinħoloq għarfien fis-soċjetà, aktar issib min iċempel. U allura jidħlu aktar każi. Il-unit dejjem qed jikber skont in-neċessità. Mhux qed ngħidlek li dejjem inlaħħqu mall-pass tad-domanda. Imma dan ma jfissirx li mhux qed jiżdiedu s-social workers. Fir-realtà l-problema nsibuha meta nfittxu psikoloġisti speċjalizzati fil-qasam tat-tfal. Mat-tfal trid tkun imħarreġ apposta għax ma tistax tpoġġielhom il-kliem f’ħalqhom. Ikollna bżonn ħafna ta’ nies speċjalizzati f’dan ix-xogħol. U kultant ma nsibux biżżejjed.”

    Staqsejniha jekk isirux home-visits għall-għarrieda peress li xi wħud li kellmuna, ilmentaw illi s-social workers javżaw minn qabel lil dak li jkun ġie irrappurtat qabel imorru għandu. Dwar dan Sciberras ikkonfermatilna illi huma bosta l-każi fejn is-social worker imur għall-għarrieda fuq il-post. L-appuntamenti imbagħad isiru fil-laqgħat ta’ wara.

    “Is-social workers joħorġu għonqhom għal dawn it-tfal. Jidħlu f’kull tip ta’ periklu. F’ċerti postijiet ikollhom saħansitra jmorru bil-pulizija magħhom għall-protezzjoni. Mhux l-ewwel darba li jerfgħu jdejhom fuqhom. Dan ix-xogħol jagħmluh għax iddedikati.”

    Ruth Sciberras assiguratna illi huma ma jaqbdux u jidħlu bl-addoċċ fil-ħajja tal-familji. Huma jippruvaw jifhmu s-sitwazzjoni tal-familja u flimkien magħha jittantaw isibu s-soluzzjonijiet.

    “Però finalment, il-mira tagħna hija t-tfal u l-ħarsien tagħhom. U għalhekk aħna naġixxu dejjem skont l-aħjar interess tagħhom.”

    Aktar informazzjoni dwar is-Servizz għall-Ħarsien tat-tfal tista’ tinkiseb mis-sit www.appogg.gov.mt. Aġenzija Appoġġ tifforma parti mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li tinkorpora wkoll Aġenzija Sedqa (www.sedqa.gov.mt) u Aġenzija Sapport (www.sapport.gov.mt).

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 t’April 2009)

    2009.04.19 / no responses / Category: Torca - Features & Articles