Posts Tagged ‘suwiċidju’

  • INT, SA FEJN KAPAĊI TASAL?

    Jiġu mumenti f’ħajtek meta tħossok waħdek wisq. Qalbek titqal u bħal taqa’ dalma quddiem għajnejk. Ġewwa fik tibda tħoss bħal vojt profond li m’għandu l-ebda qiegħ. Il-Woman answering phonekwistjonijiet ta’ madwarek  jibdew jidhru bla tarf u mingħajr ebda soluzzjoni. Nies f’dinjietek kemm trid imma ħadd minnhom li tista’ tafda b’dak li tant qed jifnik. Huma waqtiet fejn donnok tisma’ lil ruħek tixher għall-għajnuna, għall-attenzjoni, għall-imħabba. Tixxennaq imqar għal stranġier, li akkost li ma jafekx, xorta waħda lest li jagħtik ftit widen. Imqar leħen ħabib li jtaffilek kemmxejn mis-sikta u mis-solitudni tal-lejl. Imqar xi ħadd li jgħinek tara d-dawl mill-ġdid…

    “Is-solitudni hija l-akbar povertà” qalet darba Mother Theresa. “Waħda mill-agħar mardiet hija li ma tkun ħadd għal ħadd,” sostniet darb’oħra. Ma kienet tieqaf qatt tinkoraġġixxi lil dak li jkun biex jgħin “Jekk ma tistax titma’ mitt persuna, almenu itma’ waħda.” U finalment ammettiet illi “Il-miraklu mhux li aħna nwettqu dan ix-xogħol imma li aħna kuntenti li nagħmluh.”

    Dawn il-kwotazzjonijiet dwew f’moħħi hekk kif kont qed nisma’ dak li kellhom x’jgħiduli l-intervistati ta’ din il-ġimgħa. Svetlana Camilleri, il-Leader tas-Supportline 179 tal-Aġenzija Appoġġ, flimkien ma’ voluntier ta’ dan is-servizz, spjegawli dak li jiltaqgħu miegħu ta’ kuljum waqt il-ħabtiet meta jċempel it-telefon.

    “Fl-ewwel ġranet tiegħi bħala voluntier, nistqarr li kont nibża’ daqsxejn, għax meta terfa’ t-telefon, ma tkunx taf x’każ ser jippreżentalek dak li qiegħed iċempel. Imma mbagħad, ftit ftit, tibda tagħmel il-kuraġġ u t-taħriġ li tieħu flimkien mal-għajnuna kontinwa li jagħtuk l-istaff tal-Aġenzija Appoġġ, jgħinuk tidħol dejjem aktar fl-ambjent ħalli tkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor,” beda jispjegali l-voluntier.

    Bl-għajnuna ta’ numru ta’ voluntiera, is-servizz tas-Supportline 179 ilu għaddej għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, u preżentament l-Appoġġ għandha madwar 78 voluntiera f’dan il-qasam.

    “Għandna voluntiera li ilhom magħna mill-bidu,” infurmatni Svetlana. “Madanakollu kull sena ssir sejħa għall-voluntiera oħra sabiex inkunu nistgħu noffru servizz aħjar lil dawk li huma fil-bżonn. Is-sena li għaddiet irċevejna 16,446 telefonata u 10,868 minnhom kienu każijiet ġenwini.”

    X’tip ta’ telefonati jwieġbu dawn il-voluntiera?

    “Tista’ tgħid li jkun hemm telefonati ta’ kull xorta għax is-Supportline huwa vast ħafna. Ikun hemm min iċempel għax ikun qed ibati mis-solitudni u jkun jixtieq lil xi ħadd jisimgħu. Ikollu l-bżonn li jiftaħ qalbu ma’ xi ħadd li lest li jiddedikalu ftit ħin sakemm itarrafflu l-problemi tiegħu u dak li jkun għaddej minnu. Kultant tasal xi telefonata mingħand xi ġenituri li jkollhom id-dubju li wliedhom huma involuti fid-droga u allura dawn ikunu jeħtieġu parir dwar kif ser jaffrontaw din is-sitwazzjoni. Imbagħad nirċievu wkoll telefonati li jkollhom bżonn intervent immedjat bħal per eżempju meta qed iċċempillek mara li sabet ruħha barra t-triq flimkien mat-tfal tagħha, wara li kellha titlaq malajr mid-dar minħabba sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika. F’sitwazzjonijiet bħal dawn il-voluntier jiggwida lil mara biex tmur għand il-pulizija sabiex tagħmel rapport, filwaqt li jibda wkoll iċempel lix-xelters adegwati li forsi jkunu jistgħu joffru rifuġju temporanju lil din il-familja. Ikun hemm każijiet oħra fejn il-voluntier jeħtieġlu jsegwi b’attenzjoni lil xi ħadd li qed iċempel minħabba li għandu f’moħħu li jwettaq xi suwiċidju. Infatti, waqt dawn it-telefonati jkun hemm individwi li diġà jkollhom il-pjan lest ta’ kif ser ineħħu ruħhom b’idejhom. Oħrajn ikollhom il-ħsieb li xi darba jaslu għal din id-deċiżjoni u allura hawn tidħol l-abbiltà tal-voluntier li jkellem u jiggwida lill-persuna biex tersaq għall-għajnuna.

    Huwa importanti li niċċaraw illi l-voluntiera fl-ebda mument ma jkunu weħidhom waqt dawn it-telefonati. Fil-ħinijiet tal-uffiċċju ser isibu l-ħaddiema tal-Appoġġ bħala referenza, u wara dan il-ħin dejjem ikun hemm supervisors on call li ġeneralment dejjem ikunu social workers. Dan ifisser li matul l-24 siegħa li jkun għaddej is-servizz, il-voluntiera dejjem ikunu jistgħu jirreferu ma’ xi ħadd li huwa professjonali f’dan il-qasam.”

    Staqsejt min jista’ japplika biex isir voluntier u x’qiegħed ikun mistenni minnhom?

    “Fir-realtà kull min għandu ‘l fuq minn 21 sena jista’ jkun voluntier. L-importanti huwa li dawn l-individwi jkunu lesti li jieħdu dan l-impenn bis-serjetà u b’responsabbiltà. Aħna nistennew minnhom li jkunu jistgħu jattendu għal tliet xiftijiet fix-xahar, kull xift ta’ 4 siegħat. Hekk kif il-voluntiera jintagħżlu biex jagħtu dan is-servizz, huma jingħataw taħriġ bażiku sabiex jakkwistaw il-ħiliet neċessarji. Barra minn hekk, kull xahrejn, aħna norganizzaw support groups għall-voluntiera sabiex inkunu nistgħu niddiskutu dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom waqt dan ix-xogħol. B’dan il-mod, apparti li l-voluntiera jkunu qed jingħataw is-sosteniment regolari min-naħa tal-aġenzija, huma jkunu qed jitħarrġu dejjem iżjed f’ċirkustanzi varji li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

    Bħala Supportline, bħalissa l-aktar li għandna bżonn ta’ voluntiera huma fil-weekends, fil-ġranet pubbliċi u fix-xift ta’ fil-għaxija, jiġifieri bejn it-8.00pm u nofs-il-lejl. Peress li dan is-servizz jibqa’ għaddej 24 siegħa kuljum, huwa jagħti lok lil dawk l-individwi li jaħdmu imma li jixtiequ jagħtu daqqa t’id, sabiex isibu l-ħin adegwat li jistgħu jgħinu fih.

    Bħalissa għandna l-applikazzjonijiet miftuħa għal dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom bħala voluntiera u b’hekk min jixtieq isir jaf aktar dwar dan is-servizz, jista’ japplika sas-7 ta’ Settembru 2011. Wara din id-data, aħna nibagħtu għal dawk li jkunu applikaw sabiex jattendu għal interview. L-applikanti jiġu mistiedna wkoll bħala grupp ħalli b’hekk inkunu nistgħu nosservaw kif huma jirrelataw ma’ persuni oħra. Minn hawn ukoll, aħna nkunu nistgħu nindividwaw x’tip ta’ persuni qed japplikaw u fejn naħsbu li jistgħu jkunu l-aktar ta’ servizz, peress li l-voluntiera jistgħu anki jgħinu fis-servizz Programm Ulied Darna.”

    Tlabt lil Svetlana tgħidli aktar dwar dan is-servizz …

    “Il-voluntiera ta’ Programm Ulied Darna jmorru fid-djar ta’ familji li diġà qed jirċievu xi servizz ieħor li toffri l-Aġenzija Appoġġ, jew Aġenzija oħra fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.Svetlana Camilleri L-għan tal-voluntiera jkun li jgħinu lill-familji biex jakkwistaw ċerti abilitajiet sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw bl-aħjar mod possibbli bħal ngħidu aħna, jorganizzaw attivitajiet għat-tfal, jgħinu fl-interazzjoni u fil-komunikazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied billi per eżempju juruwhom kif jgħinu lit-tfal jagħmlu l-homework jew kif iżommu d-dixxiplina b’mod kostruttiv. Dawn il-voluntiera jistgħu wkoll jiddirezzjonaw aħjar lill-ġenituri f’kif jużaw il-flus tagħhom b’mod aktar effiċjenti, kif iqassmu x-xogħol tad-dar jew kif isajru ikel aktar bnin u tajjeb għas-saħħa.

    Fir-realtà dawn huma affarijiet prattiċi tal-ħajja ta’ kuljum, iżda li jagħmlu differenza kbira jekk ikunu nieqsa f’familja. Għaldaqstant meta nirrealizzaw li ċerti familji partikolari, b’dik id-daqsxejn għajnuna tal-voluntier, jistgħu jiġu lura fuq saqajhom, aħna noffrulhom dan is-servizz. Huwa importanti li nsemmu illi l-voluntier mhux ser imur fid-djar u jagħti xi lecture lill-membri tal-familja jew li min-naħa l-oħra ser ixammar il-kmiem u jagħmel ix-xogħol kollu hu. Infatti aħna nitolbu lil dawn il-familji biex meta l-voluntier ikun id-dar tagħhom, huma jibqgħu għaddejjin bir-rutina ta’ kuljum sabiex il-voluntier ikun jista’ josserva fejn hemm il-bżonn li l-familja tingħata l-għajnuna ħalli tissaħħaħ.”

    Waqt ir-riċerka tiegħi għal din l-intervista, iltqajt ukoll mal- Emotional Support Helpline 116 123.

    “Biex inżommu mal-linja tal-Unjoni Ewropeja dan in-numru joffri s-servizz tas-Supportline lil dawk l-individwi li jkunu jinsabu barra minn pajjiżhom, ħalli b’hekk ikun hemm numru ġenerali magħruf fejn wieħed jista’ jersaq għall-għajnuna. Dan ifisser li min forsi kien imdorri jċempel fuq il-helpline tal-pajjiż tiegħu, jista’ juża l-istess numru, u fil-każ ta’ Malta, it-telefonata tkun iddirezzjonata għall-voluntieri tas-Supportline 179.”

    Tlabt lill-voluntier li kien magħna waqt din l-intervista biex jgħaddili ftit l-esperjenza tiegħu f’dan ix-xogħol li qed jagħmel…

    “Issa ilni voluntier mas-Supportline għal dawn l-aħħar sitt snin u nista’ ngħid li sa llum għadni nħoss ħafna sodisfazzjon li qed inkun ta’ għajnuna għal dawk li jċemplu. Niftakar li għall-bidu ma kontx naf eżattament x’inhu r-rwol ta’ voluntier fuq Supportline imma meta mbagħad ingħatajt it-taħriġ, mill-ewwel għoġbitni n-natura tax-xogħol għalkemm irrealizzajt li kienet ġenerika ħafna.

    Waħda mill-aktar affarijiet li jolqtuni f’dan ix-xogħol hija l-opportunità li tmiss tassew mal-polz tas-soċjetà. Permezz tas-Supportline tesperjenza ġrajjiet li bosta nies qed jgħixu fil-magħluq. Dawn ma jkunux affarijiet li tista’ titkellem dwarhom ma’ kulħadd u allura f’ċirkustanzi regolari tal-ħajja, rari niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Huma realtajiet ta’ tbatija u żminijiet diffiċli li jgħaddu minnhom ċerti individwi li forsi nies oħra lanqas joħolmu biss li jeżistu. Fil-fatt jiġu mumenti fejn li kieku ma nkunx konxju li qed naħdem fuq sitwazzjoni vera, nasal biex nemmen li dak li qed nisma’ mhux tassew minnu!

    Minħabba dax-xogħol tibda tara l-ħajja minn lenti differenti. Tibda tapprezza ħafna iżjed l-affarijiet iż-żgħar f’ħajtek, bħal ngħidu aħna s-saħħa fiżika u mentali u l-affarijiet materjali li tgawdi minnhom. Man answering phoneTitgħallem tgħożż aktar lin-nies ta’ madwarek: lill-familjari, lill-ħbieb u lil bosta individwi oħra li tgħix magħhom ta’ kuljum, l-aktar meta tara x’iġarrbu n-nies li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom u l-proċess diffiċli li jgħaddu minnu sakemm jirkupraw. L-istess meta ttiegħem is-solitudni ta’ dawk li jċemplulek. Kif tista’ ma titqanqalx meta tara li ċerti nies iċemplu sempliċiment biex jitkellmu ftit għax m’għandhomx mod ieħor ma’ min jitkellmu? Tibda tifhem li inti tgawdi bosta affarijiet li ħaddieħor m’għandux u għalhekk apparti li tibda tapprezza aktar dak li għandek, tħoss aktar il-ħtieġa li tgħin.

    Meta jgħaddu s-siegħat li nqatta’ fuq is-Supportline nipprova ma nibqax naħseb dwar dak li nkun smajt għalkemm ikolli nammetti li mhux dejjem jirnexxieli għax ċerti sitwazzjonijiet li jgħixu wħud, imissulek qalbek wisq. Imma grazzi għat-taħriġ li ningħata regolarment mill-Aġenzija, jiena nitgħallem kif naqta’ ċertu linja bejn kemm ninvolvi ruħi ħalli hekk inkun fi stat tajjeb li ngħin lil ħaddieħor. Trid iżżomm ċar f’moħħok li mhux dejjem ser taqdi għal kollox lil dak li jkun għax jiġu waqtiet fejn dan ma jkunx possibbli. Fuq kollox trid iżomm lura milli tiġġudika, akkost liema sitwazzjoni tisma’ dwarha.

    Min-naħa tiegħi, nixtieq nagħmel kuraġġ lil dawk li huma mħajjra biex jingħaqdu bħala voluntiera mal-Appoġġ. Hemm ħafna x’tagħti f’dan ix-xogħol imma żgur li tieħu wisq aktar lura. Jiena għandi fiduċja kbira fit-taħriġ li jingħata u għalhekk jekk forsi hemm xi ħadd li jaħseb li din hija biċċa xogħol kbira wisq għalih, inħajjru jipprova xorta waħda, japplika, jattendi għat-taħriġ u mbagħad jieħu deċiżjoni wara. Ċertament irid ikollok xeħta u ħajra għal xogħol bħal dan. Nagħlaq billi nfakkar illi jekk ma tippruvax, żgur li ma tkunx taf sa fejn inti kapaċi tasal!”

    L-applikazzjonijiet jagħlqu fis-7 ta’ Settembru 2011. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq is-Supportline 179 jew 22959000. Inkella tistgħu tapplikaw permezz tal-websites: www.appogg.gov.mt jew www.fsws.gov.mt, jew tniżżlu applikazzjoni u tibgħatuha bil-posta, indirizzata lil: Christine Zammit, Aġenzija Appoġġ, 36 St Luke’s Road, G’Mangia, PTA 1318.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-28 t’Awwissu 2011)

    2011.08.28 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IS-SUWIĊIDJU GĦAŻLA?

    Is-suwicidju huwa soluzzjoni permanenti ghal problema temporanja… Phil Donahue.

    Hawn min isostni li m’għandikx dritt ittemm ħajtek. Oħrajn jaħsbu illi b’ħajtek tista’ tagħmel li trid. Imma fir-realtà jekk tagħżel li ttemm ħajtek xi tkun solvejt?

    INTERVISTA: MELISSA AGIUS MSc. – Psikoterapista

    Liema huma l-fatturi maġġuri li jwasslu għas-suwiċidju?

    Is-suwiċidju huwa suġġett vast ħafna. Huma diversi l-fatturi li jistgħu jwasslu għas-suwiċidju. Madanakollu, mir-riċerka li nagħmel, sikwit insib illi dawk l-aktar komuni huma:  problemi finanzjarji, it-telfien tax-xogħol, problemi f’relazzjoni ta’ mħabba, mard li jista’ jwassal għall-mewt, id-dipressjoni u mard mentali.

    Min hu l-aktar suxxettibbli li jwettaq suwiċidju?

    Sa madwar għoxrin sena ilu l-ikbar problema ta’ suwiċidju kienet fl-anzjani speċjalment meta jmut xi ħadd mill-koppja u dak li jibqa’ ma jkunx jista’ jiflaħ għan-nuqqas li jġarrab. Iżda l-introduzzjoni tal-“anti-depressants” fis-suq ikkontribwit biex tnaqqas din ir-rata billi għenet lil dawn in-nies jgħelbu d-dipressjoni.

    Minkejja dan f’dawn l-aħħar għoxrin sena, madwar id-dinja kollha, il-problema daret għal fuq iż-żagħżagħ, l-aktar dawk maskili ta’ bejn l-età ta’ 18-il sena u t-30 sena. Qatt ma tista’ tgħid li dan qed jiġri minħabba xi raġuni partikolari għax ġeneralment ikun hemm diversi. Però żewġ fatturi komuni huma l-istress finanzjarju u problemi fir-relazzjonijiet. L-irġiel għandhom tendenza li jfittxu l-għajnuna anqas min-nisa u tista’ tkun waħda mir-raġunijiet għala r-rata tas-suwiċidju hija għola.

    Il-personalità tal-persuna, il-kuntesti u ċ-ċirkustanzi ukoll jilgħabu parti importanti jekk bniedem jasalx biex iwettaq suwiċidju jew le. Bosta drabi, dawk li jaslu biex jagħmlu dan l-att, ikunu qatgħu Melissa Agius qalbhom jikkumbattu mal-ħajja u jiġu f’punt fejn ma jkunux jistgħu jaraw possibiltà biex joħorġu mill-problema li tkun qed tkiddhom. Issib ukoll numru ta’ individwi li tant ikunu umiljati mill-emozzjonijiet, mid-disprament u mid-dwejjaq li jkunu qed iġarrbu illi jagħmlu minn kollox biex jaħbu s-sitwazzjoni reali li jkunu għaddejjin minnha, jingħalqu fihom infushom u ma jitkellmu ma’ ħadd dwar il-problemi tagħhom. B’hekk il-piż ikun kbir wisq biex iġġorruh u jaslu biex jaħsbu illi l-uniku mod ta’ kif ser jistrieħu huwa billi jmutu.

    Naturalment dawk il-persuni li jbatu b’dipressjoni klinika u dawk li għandhom storja twila ta’ mard mentali huma wkoll suxxettibbli għas-suwiċidju, speċjalment jekk ma jfittxux l-għajnuna f’waqtha.  Iżda l-biċċa l-kbira tal-problemi li semmejna fuq iwasslu għal xi tip ta’ dipressjoni li tista’ twassal għall-att tas-suwiċidju.

    Fid-dinja għal kull problema dejjem teżisti aktar minn soluzzjoni waħda. Kull ma tkun trid ftit għajnuna biex tara d-dawl fost id-dlam li jqanqlu l-problemi sabiex tara t-triq li tgħinek toħroġ il-barra minnhom.

    Kull min iwettaq suwiċidju jkollu problemi psikoloġiċi?

    Problemi personali xi drabi jwasslu għal xi tip ta’ mard mentali.  Għandna tendenza li naħsbu illi min ikollu problemi psikoloġiċi huwa miġnun. Fir-realtà, f’xi mument jew ieħor ta’ ħajjitna, il- probabbilita’ hi li ser ngħaddu minn żmien ta’ problemi psikoloġiċi bħad-dipressjoni jew xi tip ta’ “anxiety disorder”. Id-dipressjoni u l-anzjeta’ jaqgħu taħt “il-mood disorders” u hija waħda mill-fatturi maġġuri li jistgħu jwasslu għas-suwiċidju. Fortunatament il-maġġoranza tal-persuni joħorġu mis-sitwazzjoni b’xi mod jew ieħor, iżda oħrajn le.  Illum il-ġurnata hija ħafna aktar faċli minn qabel biex tfittex għajnuna professjonali f’dan il-qasam.

    Kemm huwa possibbli li bniedem ifejjaq lilu nnifsu minn  ħsibijiet suwiċidali mingħajr għajnuna professjonali?

    Kull bniedem huwa storja għalih. Hemm min hu psikoloġikament b’saħħtu biżżejjed li joħroġ lilu nnifsu minn sitwazzjonijiet iebsa. Ġeneralment dawn in-nies ikollhom għajnuna kbira mill-familja tagħhom u network sħiħa ta’ ħbieb li ftit ftit iġibuhom lura fuq saqajhom. Kultant tkun biss sitwazzjoni ta’ anzjetà tremenda li mhux neċessarjament tkun suwiċidali. Il-problemi jibdew jinbnew fuq xulxin. Għaldaqstant jekk minn ħsieb tasal għat-theddid li tikkommetti suwiċidju u wisq agħar jekk tara li qed issib ruħek tippjana kif ser twettaq dan l-att, ikun wasal iż-żmien biex mill-aktar fis tfittex l-għajnuna professjonali.

    X’inhuma s-sinjali li juru illi bniedem qed jikkunsidra s-suwiċidju u kemm għandna nieħdu dawn is-sinjali bis-serjetà?

    Xi wħud li jkunu qed jikkunsidraw is-suwiċidju jibgħatu numru ta’ sinjali lil dawk ta’ madwarhom bit-tama li xi ħadd minnhom jagħtih l-għajnuna. Sfortunatament individwi oħra ma jkunux kapaċi jikkomunikaw dawn l-emozzjonijiet u għalhekk jingħalqu fihom infushom, jinqatgħu għalihom u jiddispraw. Dawk qrib ta’ dawn l-individwi għandu jitqanqlilhom suspett li hemm xi ħaġa mhux flokha jekk jinnutaw li l-bniedem mhux qed jaġixxi bħas-soltu. Per eżempju jekk jibdew jinnutaw illi wieħed qegħdha tinbidillu l-personalita’ tiegħu, jinqata’ għalih waħdu, isir imdejjaq, ma jkunx irid ikompli bil-ħajja normali tiegħu – kemm jekk xogħol u kemm jekk skola, tibdil fl-irqad u fl-ikel, apatija, kliem ta’ qtiegħ il-qalb u bla tama.  Dawn huma kollha sintomi ta’ dipressjoni illi jekk ma tiġix ikkurata tista’ twassal għas-suwiċidju.

    Tali sinjali għandhom jittieħdu b’serjetà kbira anki jekk nintebħu li wieħed qed jagħmel hekk biex jiġbed l-attenzjoni. Huwa vitali illi nitkellmu ma’ dawn l-individwi u nħajjruhom jieħdu għajnuna professjonali. Is-sapport u l-ħbiberija jgħinu ħafna imma kultant ma jkunux biżżejjed.

    Tali sinjali għandhom jittieħdu b’serjetà kbira anki jekk nintebħu li wieħed qed jagħmel hekk biex jiġbed l-attenzjoni. Huwa vitali illi nitkellmu ma’ dawn l-individwi u nħajjruhom jieħdu għajnuna professjonali.  Għalkemm is-sapport tal-familja u l-ħbieb huma ta’ għajnuna kbira, huwa bniedem professjonali li jkun jista’ jagħti għajnuna lill-individwu u lil dawk ta’ madwaru.

    Fhiex tikkonsisti l-għajnuna ta’ psikoterapista?

    Il-psikoterapista toffri psikoterapija għall-problemi emozzjonali u psikoloġiċi permezz tar-relazzjoni li tinbena bejnha u bejn il-klijent. Hija relazzjoni ta’ fiduċja, mħabba u rispett. Nibdew billi nippruvaw insibu x’inhi l-għeruq tal-problema, immorru lura fil-passat, nużaw l-immaġinazzjoni u l-ħolm, nagħlqu elementi tal-passat li għadhom miftuħin. B’hekk bniedem jibda jsib it-triq biex isib lilu innifsu u jgħix ħajja b’saħħitha.  Ftit ftit id-dipendenza fuq it-terapista tinbidel fl-indipendenza tal-individwu li jiġi mgħallem kif  jerfa’ r-responsabbiltà ta’ ħajtu sabiex jgħix ħajja aktar effettiva, kuntenta u sodisfatta.

    Fejn tinħass in-neċessità, il-klijent jintalab jikkuntattja anki psikjatra sabiex jingħata għajnuna medika. B’alleanza bejn il-psikjatra u l-psikoterapista, ħafna mill-individwi jsibu l-fejqan tagħhom.

    F’din ir-relazzjoni bejn it-terapista u l-klijent, il-klijent irid ikun lest illi jagħmel l-isforz meħtieġ biex l-istat psikoliġiku tiegħu jitjieb.

    Temmen illi jekk tiddiskuti jew ixxandar is-suġġett tas-suwiċidju tkun qed tħajjar lil min iwettqu?

    Lanqas xejn! Wieħed jista’ jżomm biss l-informazzjoni mit-tfal għall-protezzjoni tagħhom. Imma l-adulti għandhom iċ-ċans li jagħżlu x’jaqraw u x’jisimgħu u huwa f’idejhom kif jinterpretaw din l-informazzjoni. Anzi nemmen illi jekk teduka dwar das-suġġett dak li jkun jista jifhem aħjar. Min-naħa l-oħra ma naqbilx illi vittma tas-suwiċidju għandu jiġi mxandar mill-midja peress li din hija xi ħaġa personali għall-vittma. Mhix aħbar pubblika u tikkrea uġiegħ u trawma fil-familja tal-vittma tant li mhix xi ħaġa li normalment wieħed ixandar.

    Għaliex uħud minn dawk li jwettqu suwiċidju jħallu nota?

    Ħafna drabi n-nota hija fattur deċiżiv li tfisser illi l-bniedem huwa ċert li ser iwettaq suwiċidju. Permezz ta’ din in-nota, ġeneralment l-individwu jkun irid jispjega għaliex għamel dak l-att. Peress li huwa jaf li ma jistax isellem lin-nies li jafuh, din in-nota spiss tintuża bħala tislima u biex jingħalaq il-kapitlu tal-ħajja tal-persuna nvoluta. Iżda dan huwa ‘l bogħod wisq mir-realtà għax il-vittma ma jafx l-uġiegħ li ser iħalli warajh. Is-suwiċidju huwa meqjus bħala att egoistiku għax warajh iħalli baħar ta’ uġiegħ u disperazzjoni, b’mod speċjali l-uġiegħ tal-familjari. Ir-riperkussjonijiet devastanti, mimlija b’ħafna ħtija u mistħija li ma ndunawx x’kien qed jiġri. Jintilfu jaħsbu setgħux jgħinu, setgħux iwaqqfu l-att. Jibdew jinkwetaw illi n-nies ser jittimbraw lill-mejjet bħala ‘miġnun’. Bejniethom jibdew jevitaw li jitkellmu dwar din id-diżgrazzja u man-nies ta’ barra wisq inqas. Fid-dinja kulħadd irid ikun responsabbli tal-azzjonijiet tiegħu. Ħadd ma jista’ jgħix għal ħaddiehor. Nistgħu biss nagħtu każ tal-bżonnijiet ta’ xulxin u noffru l-għajnuna tagħna. Pero’ rarament nistgħu nsolvu l-problemi ta’ ħaddieħor. Għalhekk għandna nirreferu għand professjonisti adatti biex jgħinu lill-individwu biex jitgħallem jgħin lilu nnifsu.

    Kemm hija realtà li min iwettaq suwiċidju darba jerġa jipprova?

    Mhux kull każ l-istess. Hemm min ikun deċiż u jibqa’ jibqa’ sakemm jirnexxielu (bejn 15% u 20% tal-każi). Imbagħad hemm oħrajn illi l-avviċinanza tal-mewt tant taħsadhom illi ddawwar paġna fuq ħajjithom. Jindunaw x’kienu ser jagħmlu b’idejhom u jitgħallmu japprezzaw il-ħajja. Permezz tal-għajnuna u l-attenzjoni li jirċievu joħorġu mill-problema u qatt aktar ma jaħsbu li jneħħu ħajjithom b’idejhom.

    Ta’ min jgħid illi numru ta’ attentati ta’ suwiċidju, ma jsirux bil-għan li wieħed joqtol ruħu b’idejh. Ikunu ppjanati biex jiġbdu l-attenzjoni għax ma jkunux jafu kif ser iġibuha b’mod ieħor.

    Dan is-suġġett tas-suwiċidju huwa delikat u fraġli ħafna kif ikunu fil-fatt il-vittmi tas-suwiċidju. Għaldaqstant huwa importanti li niftħu għajnejna għall-għajnuna diversa li hawn illum il-ġurnata.

    ——————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: ANNA MARIA MANGION – Counselling Psychologist u Gestalt Psychotherapist – Aġenzija Appoġġ

    X’għajnuna teżisti għal dawk li jħossu li jixtiequ jwettqu suwiċidju?

    Li toqtol lilek innifsek. Li tieħu ħajtek b’idejk. Din realtà li tkexkex meta taħseb fiha jew meta tkun taf lil xi ħadd li għamel hekk. U faċli tipprova tgħid xi ħaġa biex ittaffi l-ħruxija ta’ din ir-realtà fil-ħajja ta’ xi nies, imma lkoll nafu li fil-fond nett ta’ ġo fina, hi verità li nibqgħu b’ħalqna magħluq, imħassbin. Meta tqis kemm ninvestu biex ngħixu fis-sigurtà, kemm nivvintaw bżonnijiet  u ndawru lilna nfusna b’affarijiet u persuni biex inħossuna fiż-żgur; diffiċli mmens nifhmu li ttemm il-ħajja tiegħek hi possibiltà. Intant, nafu lkoll kemm il-ħajja tista’ tippreżenta ruħha diffiċli, iebsa, u naħsbu li hi impossibli; u meta mmissu l-qiegħ u nsibu darna mal-ħajt fid-disperazzjoni u weħidna, nafu ħsiebna fejn imur – “ jekk il-ħajja hi din, jien ma rridx inkun hemm”.

    Mela fejn trid tkun?” staqsejt lil Michel, f’waħda mill-laqgħat ta’ terapija li kien ikollna darba fil-ġimgħa meta jien kont immur fil-komunità terapewtika għar-rijabilitazzjoni mid-droga. “Irrid inkun Anna Maria Mangionkuntent, ma jonqosni xejn, irrid li l-oħrajn jagħtuni fiduċja, irrid inkun issetiljat.” “Mhux ‘l hemm miexi Michel, biċċa biċċa, pass pass?” “Qed insibha iebsa wisq, qed naqta’ qalbi, iktar ħażin milli tajjeb, kollox u kulħadd qed idejjaqni, qed naħseb biex nitlaq u mmur nieħu.” “Michel tinġarrx mal-‘feeling’. Il-ħajja fiha minn kollox; mhux veru li biex tħossok qed tgħix trid tkun dejjem ferħan, dejjem ‘king’ kif tgħid int. Bħalissa żmien diffiċli, u avolja tibża’ u taħseb li mhu ser jgħaddi qatt, din il-biża’ trid tiffaċċjaha. U meta tgħaddi, tista’ tmur quddiem il-mera u tgħid lilek innifsek prosit, ittaptap fuq spallejk għax ikun irnexxilek taqbeż maltempata. Michel, f’dal-mument ankra ma’ dak li jissapportjak – żomm mal-istruttura tal-programm, agħmel laqgħat mal-istaff, żomm djarju u ikteb id-disperazzjoni tiegħek, imbagħad ġibu miegħek u nitkellmu.” Dakinhar Michel ħareġ ftit aħjar. Meta mort ġimgħa wara kien telaq id-dar. Ftit żmien wara qaluli li kien ħa overdose u issa qiegħed l-isptar. Kemm hi kiefra – anke bl-għajnuna madwarek, tista’ ma temminx u tibqa` tħossok waħdek. Kienet diffiċli li Michel iġorr lilu innifsu. Naħseb li issa qiegħed fejn għandu bżonn ikun – fl-isptar minn fejn ma jistax jitlaq – Michel għandu bżonn min iżommu ma’ djulu u jieħu ħsiebu bħal tarbija sakemm jikber biżżejjed.

    Anzi ħames minuti biss wasalt tard!”, qaltli Melissa x’ħin waslet għat-terapija. “Taf kif soqt, la kantunieri u lanqas ‘lights’ ma rajt, mid-dar s’hawn triq waħda!”. Qalbi qabżet żewġ ħabtiet dak il-ħin. “Kif int Melissa?” “Bħalissa qed inħossni għaddejja fuq is-sħab”. “Jiġifieri?” “Qed ngħaġġel ħafna hux? Bilħaqq nista’ nħallsek darb’oħra għax ‘broke’ sew? “ “Melissa, taf li għadna kif bdejna x-xahar?”  “Bħalissa qed nagħmel ħafna kuntatti ma’ nies li ilni snin ma nkellem, l-aħħar kont sejra għand wieħed li kien ibiegħli l-‘coke’ qabel, u qed jidħolli l-ħsieb biex nagħmel baby.” “Donnok ġejt b’xi kanun għalija llum. Ismagħni sew x’ser ngħidlek – għandek bżonn tagħmel appuntament urġenti mal-psikjatra tiegħek. Għada ser tagħmel kuntatt u għada jien inċempillek biex nara għamiltux.” “Veru! Taf kemm inħossni falluta meta jkolli bżonn nerġa’ nieħu l-‘medication’. Inħossni li kont miexja ’l quddiem u issa …” “Melissa tfalli jekk Alla ħares qatt tweġġa’ int jew tweġġa’ lil xi ħadd. Li inti tkun taf lilek innifsek u tieħu ħsieb tiegħek innifsek mhux falliment. Int għandek ‘awareness’ kbira tal-kundizzjoni tiegħek; issa trid tkun responsabbli wkoll u tipproteġi lilek innifsek. Importanti, inkella tkun qed tirrepeti l-abbuż – darba xi ħadd abbużak, issa qed tabbuża int. Issa trid tkun b’saħħtek u tieħu r-riedni f’idejk. Il-‘medication’ hi mod kif tipproteġi lilek innifsek. Għaliex jekk xi ħaġa tista’ tgħinek ma tużahiex?

    Melissa u jien xorta għadna niltaqgħu. Melissa dejjem tibqa’ tiskopri hi min hi u titgħallem tieħu ħsieb tagħha nnifisha. Il-psikjatra u l-mediċina qegħdin hemm biex jgħinu, l-istess bħall-psikoterapista u t-terapija. Ħafna drabi dawn imorru flimkien. Jekk persuna għandha bżonn l-għajnuna, għandha tirrikorri għand professjonista tal-fiduċja tagħha, ma’ min tħossha komda biex tiftaħ qalbha u taħdem fuqha nnifisha. Mhux faċli tfittex l-għajnuna jekk taħseb li ħadd ma jifhmek u li l-problemi ssolvihom waħdek. Il-professjonista jaħdem miegħek; hu spalla f’waqtiet diffiċli, jimxi miegħek biċċa mit-triq, jurik ftit dawl. Int importanti ħafna li tkun hemm biex tfassal u timxi triqtek.

    F’dawn l-eżempji semmejt persuna bil-vizzju tad-droga u persuna b’kundizzjoni ta’ saħħa mentali. Xi jwassal għal dawn il-kundizzjoniet ma semmejtx, għalkemm forsi tajt ftit ħjiel: it-trawma tal-abbuż, vjolenza, l-esperjenza ta’ ħafna telfiet. F’riskju kbir għas-suwiċidju hemm dawk li jkunu diġà ppruvaw drabi oħra, alkoħoliċi, nies b’mard terminali jew kundizzjonijiet fejn is-saħħa tiddeterjora ftit ftit. Nies f’dipressjoni għandhom riskju kbir. Ħafna drabi min iwettaq suwiċidju ma jkun qed jara l-ebda tama, l-ebda xaqq dawl. Ma jibqgħux jaraw li l-ħajja għandha valur, li għalkemm bħalissa ħlief iswed m’hemmx, madanakollu iridu jibqgħu hemm fil-baħħ, fil-vojt, fid-dwejjaq, fil-bla sens, għax xi darba jfeġġ raġġ dawl. Min ikun iddisprat ma jemminx li xi darba xi ħaġa tiċċaqlaq, jemmen biss f’dik l-esperjenza tiegħu ta’ dak il-ħin, tant li jintilef hemm, jeħel hemm.

    Dan ix-xi ħadd iridna qrib. Hawn nies li vera ma jurux; u hawn nies li ma jistaqsux għall-għajnuna; u hawn nies li tant ikunu depressed li ma tkunx tiflaħhom iżjed għax bl-ebda mod ma tkun tista’ ċċaqlaqhom u tagħmlilhom differenza. L-ideal kieku dawn in-nies ikunu jafu lilhom infushom biżżejjed biex jieħdu huma stess ir-responsabbiltà. Imma mhux dejjem hekk. Mingħajr ma nħossuna ħatja, importanti li nkunu attenti u sensittivi għan-nies qrib tagħna u ngħinu kemm nistgħu. U f’każ li qed nieħdu ħsieb xi ħadd f’din is-sitwazzjoni, importanti ħafna ħafna li nieħdu ħsieb tagħna nfusna jekk irridu nservu biex nibqgħu hemm.

    Nikkonkludi b’dan il-ħsieb: il-lejl, tad-dlam u d-dwejjaq li jagħmik; fejn tkun waħdek tiddispra fl-abbissi, jista’ jkun ġranet, ġimgħat u anke snin. Imma huwa parti minn ħajjitna wkoll. Il-ħajja fiha minn kollox. Ma ngħixux l-illużjoni fejn naħsbu li l-għan tal-ħajja hu li ngawdu u xi kultant nagħmlu xi sagrifiċċju, li l-importanti li nkunu komdi u ċerti, li nkunu niswew daqs kemm niġmgħu rikkezzi, li aħna hawn għal dejjem. L-għan tal-ħajja hu li nikbru, li nsibu dak li aħna tassew, li nkunu liberi. Dan jinvolvi triq iebsa mhux komda. Irridu ngħixu r-realtà tagħna hekk kif tiġi. F’din it-triq kulħadd jogħtor, ħadd mhu perfett, għalhekk irridu ħafna kuraġġ u ħafna għajnuna.

    Persuni li għandhom bżonn sapport jistgħu jċemplu lill-Aġenzija APPOĠĠ fuq Supportline 179. Aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija APPOĠĠ u s–servizzi li toffri hija aċċessibli mis-sit www.appogg.gov.mt. L-Aġenzija APPOĠĠ hi parti mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li tinkorpora wkoll lill-Agenzija Sedqa (www.sedqa.gov.mt) u l-Agenzija Sapport (www.sapport.gov.mt).

    ——————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: MONS. ANTON GOUDER – Provigarju Ġenerali

    X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fejn jidħol is-suwiċidju?

    Irridu nżommu f’moħħna li Alla huwa dak li jagħti l-ħajja u li lilna l-bnedmin ħalaqna kollha xbieha tiegħu (Ġenesi 1, 27). Għalhekk il-ħajja hija qaddisa mit-tnissil sal-mewt u minħabba f’hekk ħadd m’għandu dritt fuq il-ħajja tiegħu nnifsu jew fuq ta’ ħaddiehor. Barra minn dan, irridu niftakru wkoll li aħna lkoll għandna dmir li nħarsu l-ħajja tagħna u ta’ l-oħrajn. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (par. 2280) jgħallimna dan ċar u tond u jgħidlna li aħna amministraturi mhux propjetarji tal-ħajja li tana Alla u għalhekk mhix tagħna b’mod li nistgħu nagħmlu li irridu biha.

    Ir-riflessjoni fuq is-suwiċidju tidħol f’dan il-qafas ta’ verita u tagħlim u minħabba f’hekk, il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħallimna li dan huwa azzjoni serja ħafna (ara Enċiklika, L-Evanġelju tal-Ħajja, par. 66). Kulħadd jaf li kultant ngħaddu minn żminijiet diffiċli ħafna u minn tbatijiet mhux żgħar fil-ħajja. Il-bniedem li jemmen u li jsaħħaħ ir-rabta tiegħu ma’ Alla fi żminijiet normali, ikun jista’ jqiegħed il-fiduċja tiegħu fil-Missier Alla li qatt ma jabbandunah.

    Il-Knisja tgħallem ukoll li biex persuna tkun ħatja ta’ azzjoni gravi hemm bzonn tliet affarijiet:

    a)     l-azzjoni tkun gravi u m’hemmx dubju li s-suwiċidju huwa azzjoni gravi;

    b)    min jagħmel l-azzjoni jrid ikun jaf li dak li se jagħmel huwa gravi;

    c)     min jagħmel l-azzjoni irid ikollu rieda u kunsens sħiħ li jagħmel dak li se jagħmel u ħafna drabi fis-suwiċidju dan ikun nieqes minħabba biża’ jew problemi psikoloġiċi.

    Ta’ min isemmi li min jgħin persuna biex tneħħi ħajjietha jkun ukoll ħati ta’ azzjoni gravi.

    Taħseb li Alla jifhem it-tbatija li jgħaddi minnha min iwettaq suwiċidju u għaldaqstant jaħfer dan l-att?

    Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (par. 2282) jgħid ċar li dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jnaqqsu r-responsabbilta’ ta’ min jagħmel dan il-pass. B’daqshekk l-azzjoni ma ssirx tajba, imma l-ħtija tkun imnaqqsaMons Anton Gouder jew ma teżistix. Huwa Alla biss li jara l-fond tal-qalb tal-bniedem u kemm aħna responsabbli ta’ għemilna. Għalhekk il-ġudizzju fuq il-persuni partikolari għandu jkun f’idejn Alla biss. Il-Katekiżmu stess (par. 2283) jagħtina kliem ta’ faraġ u tama: “M’għandniex naqtgħu qalbna mis-salvazzjoni ta’ persuni li neħħew ħajjithom. Alla għandu toroq li jafhom Hu biss u li permezz tagħhom jagħti ċ-ċans ta’ ndiema. Il-Knisja titlob għal dawn il-persuni.” Għalhekk għandna nsejħu l-imħabba u l-ħniena nfinita ta’ Alla għal dawn il-persuni u l-familjari tagħhom.

    Għaliex is-suwiċidju għandu stigma daqshekk kerha fuqu? Temmen li dan is-suġġett għandu jibqa’ taboo?

    Naħseb li stigma u  taboo  huma marbuta ma’ xulxin u waħda ssaħħaħ lill-oħra. Jiddependi ħafna x’qed nifhmu. Taboo tfisser projbizzjoni li jixxandar jew jitkellmu dwaru. Hemm l-element edukattiv u allura f’dan il-qasam għandu jitneħħa t-taboo u għandha ssir formazzjoni dwar is-suġġett kif ukoll dwar kif għandu jġib ruħu xi ħadd (ħbieb, aħwa, ġenituri u kif ukoll xi professjonisti) meta xi ħadd juri l-intenzjoni tiegħu li jagħmel suwiċidju. Imbagħad hemm l-element ta’ xandir li skond xi riċerka ħareġ li meta jixxadar xi każ ikun aktar ta’ ħsara milli ta’ ġid għall-persuni f’diffikulta’. Allura l-projbizzjoni m’għandniex insejħulha taboo fis-sens negattiv imma għandna nsejħulha difiża u appoġġ lill-persuni f’diffikulta’. L-istess jingħad dwar ir-rispett lejn il-familjari tal-vittma.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-16 t’Awwissu 2009)

    2009.08.16 / no responses / Category: Torca - Perspettivi