-
Stilla Maltija f’Hollywood
Kull meta nsemmi lill-artist Malti Joseph Calleia, kważi kulħadd jaħseb li qed nirreferi għat-tenur lokali ta’ fama internazzjonali, Joseph Calleja. Imma dan tal-aħħar twieled tliet snin wara li miet l-attur Malti li f’Hollywood irnexxielu jikseb suċċess kbir, hekk kif hu ħadem aktar minn 55 film. Min-naħa l-oħra hija tassew ironika li ħafna minna jafu u probabbli jammiraw lill-artisti Charlton Heston, Jerry Lewis, Dean Martin, Marlene Dietrich, Rita Hayworth u Jane Russell, iżda fl-istess ħin, m’għandhomx l-iċken idea li dawn kollha deheru f’xi film mal-attur Malti Joseph Calleia. Għaldaqstant dil-ġimgħa ddeċidejt li niddedika dan l-artiklu għalih għax naħseb li dan l-individwu jixraqlu li jkun magħruf ħafna aktar mal-poplu tagħna. U min jaf? Forsi fl-aħħar xi stazzjon lokali jitħajjar jagħmel il-pass li jurina xi film minn tiegħu u mhux dejjem nirrepetu u nhedew b’films fejn jidhru biss atturi barranin. Meta se jitgħallem jirrispetta aktar lil niesu dan il-poplu tagħna?
Naturalment, la ħadd qatt ma kien wera interess biex jinfurmana dwar dan l-attur, anki jiena sirt naf bih wara ħafna snin. U kien għall-ħbieb tiegħi Eman Bonnici, Andrew Borda u Joseph Borda li finalment ġejt mgħarrfa b’din l-istilla Maltija f’Hollywood. Kull wieħed minn dawn il-ħbieb kellu storja differenti x’jirrakkuntali dwar Joseph Calleia fejn saħansitra wieħed minnhom kien ħabib tiegħu. Imma ejja nibdew il-ġrajja ta’ dan il-personaġġ mill-bidu…
Joseph Calleia twieled fl-4 t’Awwissu 1897 fl-inħawi tas-Saqqajja, ir-Rabat Malta. Missieru Pasquale oriġinarjament kien minn Bormla u kien perit. Meta ibnu kiber, huwa insista ħafna fuqu sabiex isir inġinier u b’din il-mira, Joseph beda jattendi l-Kulleġġ ta’ San Alwiġi f’Birkirkara. Min-naħa l-oħra, ommu Elena neè Falzon, kienet mill-Belt u din mill-ewwel intebħet li binha kien maqtugħ għal xorta oħra ta’ xogħol, partikolarment meta nnutat li Joseph kellu talent naturali għall-palk. Infatti, kienet hi li rawwmitu u għenitu biex jiżviluppa din il-kapaċità hekk kif hu beda jieħu sehem b’ruħu u b’ġismu f’kull attività tad-drama li kienet tittella f’dak il-kulleġġ. Hawnhekk ta’ min ikun jaf li fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi għad hemm rikordju sabiħ ta’ Joseph Calleia bħala student, hekk kif ikkonfermali Joseph Borda, ammiratur kbir tiegħu, meta huwa żar dan il-post u b’sorpriża kbira, lemaħ lil Joseph flimkien ma’ sħabu f’ritratt tal-klassi tal-1912.
Sfortunatament, fl-1906, omm Joseph mietet fl-età ta’ 37 sena u t-telfa tagħha binha ħassha ħafna. Min jaf jgħidilna jekk din kinetx waħda mir-raġunijiet għala fl-1914, fl-età ta’ 17 il-sena, huwa ddeċieda li jħalli lil Malta sabiex jipprova jsib xortih fil-qasam tal-ispettaklu f’pajjiż barrani? Li hu żgur kien li missier Joseph oġġezzjona ferm għal din l-għażla ta’ ibnu, anki minħabba li f’dak il-perjodu, ix-xogħol tal-ispettaklu kien meqjus bħala dnub. Tant hu hekk, li meta l-ġuvni baqa’ jinsisti li ried jitlaq, missieru wissieħ biex ma jużax kunjom il-familja. U Joseph ma ħasibhiex darbtejn biex minflok adotta kunjom nanntu, li kien Spurin.
Irridu niftakru li fl-1914 kienet tqanqlet l-Ewwel Gwerra Dinjija u infatti xi wħud mill-bliet kapitali tal-Ewropa kienu diġà sofrew id-danni tagħha. Imma lanqas din it-theddida ma qatgħet qalb Joseph Calleia hekk kif hu ħolom u xtaq bis-sħiħ li jagħmel xi ħaġa sinifikanti b’ħajtu. Possibilment huwa kien diġà nnota li kellu potenzjal qawwi u li leħnu kien jipprometti għall-affarijiet akbar meta f’età tant żagħżugħa, huwa kien diġà bena esperjenza fuq il-palk Malti, l-aktar fil-kant liriku, fejn hu saħansitra serva bħala tenur fit-Teatru Rjal.
Intant, in-namra tiegħu għall-qasam artistiku ħadet lil Joseph l-Ingilterra fejn hu ngħaqad ma’ grupp mużikali li beda jdur f’diversi ħwienet u swali biex joffri spettaklu ta’ daqq u kant. Wara sentejn jagħmel dan ix-xogħol, huwa kien ħabat jikseb kemmxejn popolarità iżda d-destin kellu ppjanat għalih opportunità ferm akbar. Ir-riċerkatur Eman Bonnici stqarr li x-xorti tajba li laqtet lil Joseph waslet għandu f’forma pjuttost stramba, hekk kif dan il-personaġġ kien qed jivvjaġġa fuq bastiment li ħabta u sabta għereq f’nofs ta’ baħar u b’xorti tajba, il-bastiment l-ieħor li ġabar lis-superstiti, ġarr lil kulħadd sa l-Istati Uniti – l-art tal-ħolm fejn ħafna jemmnu li kollox hu possibbli!
B’ta’ fuqu senduqu, Joseph sab ruħu f’pajjiż ieħor u hemm mill-ġdid kellu juri kuraġġ u perseveranza. Huwa ma damx ma sab xogħol bħala wejter u fl-istil uniku tiegħu, kien joqgħod ikanta waqt li jservi lill-klijenti. U eventwalment din it-tattika ħadmitlu għax darba minnhom, fost il-klijenti nzerta kien hemm wieħed li kien jorganizza l-ispettakli fi Broadway u meta sema’ leħen Joseph, dan offrielu x-xogħol minnufih.
L-ewwel xogħol teatrali ta’ Joseph deher fl-1926 taħt l-isem ta’ ‘Broadway’ u minn hemm huwa beda karriera ġdida. Skont Eman Bonnici, jidher li kien ix-xogħol ‘The Broken Wing’ li wassal lil Joseph għal aktar suċċess hekk kif dan l-ispettaklu ntalab biex jintuża għall-ftuħ tat-teatru Duke of York fl-Ingilterra. Diversi gazzetti f’dan il-pajjiż barrani bdew jiktbu dwar dan il-ġuvni Malti ta’ talent kbir u din l-aħbar waslet anki Malta. Dan qanqal lil missieru Pasquale sabiex jagħraf li wara kollox ibnu kien għamel għażla tajba meta ddeċieda li jidħol fid-dinja tal-ispettaklu u għalhekk huwa kkuntattjah u qallu li minn dakinhar ‘l hawn, kien qed jagħtih il-barka tiegħu biex juża kunjomu proprja. Joseph xtaq jikkuntenta lil missieru u b’hekk huwa beda jsejjaħ lilu nnifsu Joseph Spurin Calleja.
Minħabba d-dehra Mediterranja tiegħu, b’dak il-wiċċ mislut u b’dawk l-għajnejn skuri u profondi, Joseph ma damx ma beda jingħata rwoli ta’ gangster fix-xogħolijiet teatrali, hekk kif fis-snin tletin fl-Amerika bdiet tgħolli rasha l-Mafja. Din ir-realtà bdiet tiżvolġi anki fil-qasam tal-films, tant li l-kumpanija Warner Brothers Pictures kienet ħadet magħha l-aqwa atturi ta’ dik l-epoka biex jaħdmu partijiet ta’ gangsters, fosthom lil James Cagney, George Raft u Humphrey Bogart. Il-pubbliku beda jfittixhom ħafna dawn it-tip ta’ films u għalhekk il-kumpanija l-oħra tal-films, Metro Goldwyn Mayer, xtaqet ħafna li tidħol ukoll f’dan is-suq. Hi ma damitx ma tefgħet għajnejha fuq Joseph, l-aktar wara s-suċċess ġdid li kellu fil-parti tal-gangster Tony Mako fix-xogħol teatrali ‘Small Miracle’. U fi ftit taż-żmien Joseph sab ruħu jaħdem f’Hollywood u jidher fuq il-liżari taċ-ċinema.
Għall-ewwel film tiegħu ‘My Sin’, fl-1931, Joseph Calleia Spurin irċieva 8000 dollaru. Iżda taħt dak l-isem, ħadem biss film ieħor wieħed biss ‘His Woman’ peress li mbagħad hu ntalab iqassar ismu għax hekk kien twil wisq. B’hekk, Joseph reġa’ lura għall-isem oriġinali tiegħu, Joseph Calleia, fejn aktar kmieni kien diġà bidel l-ittra j ma’ l-ittra i, sabiex l-Amerikani jkunu jistgħu jlissnu kunjomu kif suppost.
Fis-sentejn li għamel mal-MGM huwa ħadem għaxar films fosthom il-film ‘Tough Guy’ (1936) fejn ħadimha ta’ Joseph ‘Joe’ Calerno. Ta’ min isemmu illi fl-1935 daħlet iċ-ċensura f’Hollywood u b’hekk il-gangsters ma setgħux jibqgħu jidhru aktar bħala eroj fil-films. Allura, għalkemm naraw lil Joseph jaħdimha mill-ġdid ta’ kriminal, fl-aħħar tal-film huwa jipiċċa maqtul. Madanakollu, għalina l-Maltin dan il-film għandu tifsira kbira ħafna għax nistgħu ngħidu li għall-ewwel darba, bis-saħħa ta’ dan l-attur, tlissnet il-lingwa Maltija waqt film li nħadem f’Hollywood. Dan ġara meta Joseph ġie mqabbad ikanta xi ħaġa biex jimla l-ħin waqt xena partikolari u f’dak il-mument, ġietu f’moħħu għanja folkloristika Maltija.
Meta l-kuntratt mal-MGM għalaqlu, dan l-artist ħa deċiżjoni riskjuża oħra hekk kif huwa għażel li jibda jaħdem għal rasu. Imma bħas-soltu, Joseph kien jaf sewwa x’inhu jagħmel għax ix-xogħol tiegħu bħala attur xorta waħda baqa’ għaddej qatiegħ. Fl-1938 huwa ħadem waħda mill-partijiet l-aktar għal qalbu – dik fi rwol ta’ pulizija Tuneżin fil-film ‘Algiers’ li għaliha huwa rebaħ il-Best Actor Award mill-kritiċi tal-Amerika.
Il-films li ħadem fihom dan l-artist Malti bdew deħlin anki f’pajjiżna. Imma mhux kollha għax uħud minnhom ġew iċċensurati. Fosthom kien hemm il-film ‘Full Confession’ (1939) fejn Joseph kellu l-parti ta’ qassis li ried jikkonvinċi qattiel sabiex jagħti ruħu f’idejn il-pulizija ħalli jeħles bniedem innoċenti li kien ser jieħu l-ħtija minfloku. Kien iċċensurat ukoll il-film ‘Valentino’ (1951) fejn l-attur Malti ħadem ir-rwol tal-manager ta’ Valentino. Film ieħor li nżamm kien ‘The Iron Mistress’ (1952) fejn f’waqt minnhom, Joseph jidher ibus lill-attriċi Mae West li dak iż-żmien kienet waħda mill-aktar nisa seduċenti ta’ Hollywood. Min jaf jekk din iċ-ċensura qattx nislet xi diżappunt f’qalb l-attur Malti? Iżda ċertament, skont Andrew Borda, Joseph Calleia kien ħassha ħafna meta ħuħ, Dun Anton Calleja, irrifjuta l-flus li bgħatlu bħala rigal peress li dan saħaq li dawk kienu flus id-dnub u li għalhekk l-artisti ta’ Hollywood kienu ser jispiċċaw kollha l-infern!
Fir-realtà qatt ma nstema’ xi skandlu dwar dan l-attur. Anzi, fl-agħar waqtiet tat-Tieni Gwerra Dinjija, bħal ħafna atturi oħra, Joseph ngħaqad bħala membru mal-United States Organizations sabiex joffri spettaklu lit-truppi bil-għan li jgħollulhom il-moral. Minn ritratti li rnexxielu jakkwista Joseph Borda naraw illi Calleia kien ġie jagħti dan is-servizz anki f’Malta fl-eqqel żmien tal-gwerra u meta ra l-bżonn tal-poplu Malti, huwa daħħal idejh fil-but u għen personalment.
Għalkemm Joseph kien jgħix l-Amerika f’dar lussuża flimkien ma’ martu Eleonora nee’ Vassallo, li kienet bint emigrant Malti, huwa qatt ma nesa lil Malta, lil niesha u l-lingwa tagħha. Infatti, mhux darba u tnejn li l-familjari tiegħu kienu jsibuh ma’ wiċċhom għall-għarrieda kull darba li kien ifettilu jżur lill-gżejjer tagħna. U meta huwa rtira minn Hollywood, fl-età ta’ 66 sena, awtomatikament qalbu ġibditu lura lejn art twelidu fejn mar joqgħod f’dar bl-isem ‘Joel’ fi Triq Imrabat, tas-Sliema. F’din id-dar, Joseph installa l-istess sistemi li kellu fl-Amerika bħal ngħidu aħna l-intercom, il-lift u l-arja kkundizzjonata – oġġetti li f’pajjiżna l-Maltin qatt ma kienu raw. Iżda min-naħa l-oħra, Joseph baqa’ pjuttost bniedem sempliċi għalkemm riservat u lil ħbiebu kont tgħoddhom fuq is-swaba ta’ jdejk.
Fost dawn kien hemm Andrew Borda li rnexxielu jsir jafu billi kien midħla tat-tenur Oreste Chircop; ħabib antik ta’ Calleia. Andrew ma jinsa qatt l-ewwel darba li daħal fid-dar ta’ dan l-attur li tant kien ilu jammira, fejn tul l-indana tat-taraġ huwa jilmaħ salt ritratti li kienu juru lil Joseph fil-partijiet differenti li kien interpreta matul is-snin. L-istess jiftakar il-mumenti ħelwin li huwa qatta’ flimkien ma’ dan l-attur, kemm f’daru fejn spiss dan kien iħobb joqgħod ikanta u jdoqq il-pjanu, kemm il-knisja peress li Joseph kien bniedem reliġjuż ħafna u anki waqt id-dawriet sbieħ fil-kampanja, speċjalment lejn l-inħawi tal-Madliena li kienu l-favoriti tiegħu.
Andrew lmenta miegħi li akkost li Joseph Calleia kellu fama internazzjonali, meta dan l-attur kien ikun għaddej mit-triqat Maltin, ftit li xejn kienu jgħarfuh nies. Min-naħa l-oħra huwa baqa’ miftakar sewwa f’Hollywood, tant li fis-snin 70, Joseph irċieva telegramma mingħand il-produttur tal-films Francis Ford Coppola, fejn dan kien qed joffrielu l-parti prinċipali ta’ Don Vito Corleone fil-film li kien ser jaħdem – ‘The Godfather’. Imma nzerta li Joseph kien għaddej minn mumenti ta’ swied il-qalb minħabba li fl-1967, huwa tilef lil martu Eleonora u ma ried jaf b’xejn aktar. Infatti huwa ma aċċettax din il-parti li eventwalment ngħatat lil Marlon Brando u għaliha dan irċieva l-ġieħ ta’ Best Actor fl-Academy Awards.
Joseph Calleia ħalla din id-dinja fil-31 t’Ottubru 1975, fl-età ta’ 78 sena. Eman Bonnici spjegali kif f’pajjiżna ma tħabbar l-ebda avviż u ma saret l-ebda ċerimonja biex tinforma lill-poplu Malti li konna tlifna lil wieħed minn tagħna. Deheret biss xi informazzjoni qasira u ritratt tat-tebut tiegħu dieħel fl-Addolorata segwit minn korteo żgħir ta’ nies, l-għada tal-funeral fil-ġurnal Times of Malta. Minflok, ironikament, minħabba li dan l-artist sikwit ħadem il-parti ta’ Sqalli, bi żball, l-istazzjon televiżiv Taljan RAI ħabbar bi prominenza li f’Malta, kien miet l-attur Taljan Joseph Calleia. Lanqas il-lapida ta’ l-irħam fiċ-ċimiterju, fejn hemm ismu minqux flimkien ma’ dawk ta’ familjari oħra tiegħu ma jindika l-kobor ta’ dan il-Malti u ftit ftit dan il-bniedem intesa mal-mogħdija taż-żmien.
Kien biss fl-1997 meta bħala memorja tal-100 sena minn twelidu, nħarġu żewġ bolol kommemorattivi ta’ Joseph Calleia. U kellhom jgħaddu ħafna aktar snin sakemm fl-2005, Eman Bonnici, li kellu biss 15 il-sena, irnexxielu jħajjar lill-iskultur famuż Rabti Anton Agius sabiex jaħdmu bust għal dan l-attur, liema xogħol Anton wettqu bla ħlas. Intant, fir-raħal tal-Imtarfa hemm ukoll triq imsemmija għalih. Imma niddubita kemm mir-residenti jafu tassew min kien Joseph Calleia. Tgħid għad jasal iż-żmien meta dan il-personaġġ kbir jingħata rikonoxxenza nazzjonali?
Aktar informazzjoni dwar dan l-artist issibuha fuq Facebook: Maltese Hollywood Star Joseph Calleia.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (2 parti) fit-Torċa tal-11 ta’ Mejju 2014)
Category: Torca - Features & Articles | Tags: Algiers,Andrew Borda,Anton Agius,artist,Broadway,Duke of York,Dun Anton Calleja,Elena Calleja,Eleonora Calleia,Eman Bonnici,Ewwel Gwerra Dinjija,Fiona Vella,Full Confession,Ingilterra,Joe Spurin Calleia,Joseph Borda,Joseph Calleia,Joseph Spurin,Kulleġġ ta’ San Alwiġi,Metro Goldwyn Mayer,My Sin,Oreste Chircop,Pasquale Calleja,Small Miracle,The Broken Wing,The Iron Mistress,Tieni Gwerra Dinjija,Tough Guy,United States Organizations,Valentino,Warner Brothers Pictures