• ĊAFĊIFA MAĊ-ĊIEF

    Kull sena, fil-bidu tas-Sajf, il-BirdLife Malta torganizza għall-membri tagħha vjaġġ qasir bid-dgħajsa lejn l-irdumijiet magħrufa bħala Ta’ Ċenċ bil-għan li titgawda l-kolonja kbira taċ-ċief li jgħixu f’dawk l-inħawi.

    Dis-sena ġejt mistiedna minn Geoffrey Saliba, l-Campaigns Co-ordinator ta’ BirdLife Malta, sabiex ningħaqad ma’ dan il-grupp. Wegħedni li ser tkun esperjenza indimentikabbli u jien ilqajt l-istedina.

    “Ilna norganizzaw dawn il-vjaġġi mill-2006 u dejjem kellna rispons tajjeb. L-iskop tagħna huwa li nuru lin-nies, partikolarment lit-tfal, dan il-fenomenu naturali mill-isbaħ u b’hekk nisperaw illi l-pubbliku jibda japprezza u jifhem aktar il-valur ta’ dawn l-għasafar,” beda jispjegali Geoffrey.

    F’dan iż-żmien tas-sena, ċ-ċief ikunu għadhom fuq il-bejtiet tagħhom. Skont ir-riċerka li saret minn John J Borg, membru ta’ BirdLife Malta, iċ-ċief iżommu l-istess sieħeb jew sieħba u jekk ma jsibu xejn liĊief fil-bejta jgerrixhom, huma jibqgħu jużaw l-istess toqba għall-bejta tagħhom. Jagħmlu perjodu ta’ kważi xahrejn fuq il-bajd fejn huma jibdlu lil xulxin kull tant ġranet. Wara 55 ġurnata, l-bajd ifaqqas u l-friegħ jagħmlu madwar 13-il ġimgħa fil-bejta (sal-bidu t’Ottubru). Matul dan iż-żmien il-friegħ jiġu mżoqqgħa mill-ġenituri tagħhom iżda fl-aħħar ġimgħatejn huma jibdew inaqqsu ż-żjarat tagħhom sakemm finalment jabbandunawhom għal kollox. B’hekk il-friegħ ikollhom iħallu l-bejta u jitgħallmu jfendu għal rashom. F’dan il-perjodu l-friegħ jibdew neżlin lejn il-punent tal-Mediterran u l-Atlantiku sabiex jaslu fin-Nofsinhar tal-Afrika. Ġeneralment il-friegħ jagħmlu xi sentejn jew aktar il-bogħod mill-art, jiġifieri jgħixu, jistadu u jorqdu fuq il-baħar. Iċ-ċief jerġgħu lura lejn l-art biex ibejjtu biss.

    Ta’ min isemmi illi ċ-ċief jgħix sa madwar 30 sena. Huwa jżomm għal tant żmien fuq il-baħar permezz ta’ żewġ abbiltajiet partikolari -  dik li jogħdos sa 15-il metru taħt l-ilma biex jaqbad il-ħut u l-kapaċità li jneħħi l-melħ li m’għandux bżonn minn ġismu grazzi għall-glandola speċjali fuq munqaru.

    “Madwar 5% tal-popolazzjoni taċ-ċief fil-Mediterran ibejjtu fl-irdumijiet tal-gżejjer Maltin. L-irdumijiet ta’ Ta’ Ċenċ huma mportanti ħafna għaliex l-akbar kolonja taċ-ċief f’pajjiżna tgħix proprju hemm,” kompla jgħidli Geoffrey hekk kif qbadna l-vjaġġ lejn l-irdumijiet.

    Fuq il-baħar bdejna naraw xi ċiefa ‘l hemm u ‘l hawn. It-tfal bit-trombi tagħhom telqulha jfittxu bil-pika min minnhom ser jara l-aktar ċief. Iżda ma tantx kellhom għalfejn jitħabtu wisq hekk kif wasalna Tfal josservaw iċ-ċief ftit il-barra mill-irdumijiet… Id-dehra tal-kwantità kbira ta’ ċief itir fuq il-baħar, bla ebda tnaffir mid-dgħajjes tagħna, hija xena li tħallik b’ħalqek miftuħ.

    “Qatt ma rajt daqstant għasafar f’daqqa hawn Malta,” stagħġeb wieħed minn dawk li kienu magħna.

    Kulħadd intilef jieħu r-ritratti u jiġbed il-filmati taċ-ċief li kienu mdawwrin magħna fi kwantitajiet kbar. B’ħeffa kbira huma kienu qed itiru u jogħdsu taħt l-ilma jew inkella jiġru fuq wiċċ il-baħar sabiex jerġgħu jaqbdu r-rankatura għal titjira oħra. Ix-xemx nieżla fl-isfond bidlet is-sema kulur oranġjo sabiħ. L-irdumijiet għoljin u siekta bdew jarmu d-dell tagħhom fuqna u jostru l-bejtiet bil-friegħ taċ-ċief imgezza fihom.

    Xeni mill-isbaħ illi jkolli nistqarr li qatt ma ppretendejt li stajt nara f’Malta.

    “Impressjonanti hux? Naħsbu li hawn bejn 5000 u 8000 par ibejjtu fl-irdumijiet tal-gżejjer Maltin. Tista’ tgħid illi ilhom ibejjtu hawn minn dejjem. Ir-raġuni hija illi hawnhekk huma jsibu l-abitat adattat għalihom,” infurmani Geoffrey bi tbissima hekk kif rani mitlufa nħares madwari.

    Xtaqt inkun naf kemm huma protetti dawn l-għasafar… “Iċ-ċief huma protetti mill-liġi. Ħadd ma jista’ jżomm, igerrex u wisq anqas jikkaċċja jew jonsob dawn l-għasafar. Il-bejtiet tagħhom huma wkoll Ċiefa miexja fuq il-baħarprotetti. Iżda sfortunatament għad hawn min jispara fuq dawn l-għasafar u hemm ukoll min jisraq il-bejtiet tagħhom. Fil-fatt dis-sena kellna każijiet ta’ ċief feruti biċ-ċomb u anki ta’ bejtiet minn fejn insteraq il-bajd, il-friegħ jew l-adulti.”

    Ħasra! B’xorti tajba dawn huma l-ftit minn ħafna. U mill-ħarsa ta’ sodisfazzjon li kellu kull min gawda minn din l-esperjenza, bla dubju l-kuxjenza lejn il-protezzjoni ta’ dawn l-għasafar tkattret aktar.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-23 t’Awwissu 2009)