• IL-KAĊĊA – KWISTJONI TAĦRAQ

    Il-kaċċa hija kwistjoni taħraq f’pajjiżna. Issib lil min huwa favurha u jemmen li hi dritt sagrosant li wieħed jipprattikaha bħala passatemp. Oħrajn jemmnu illi l-kaċċa hija sempliċiment qtil ta’ ħlejjaq innoċenti u li għandha tiġi abolita għal kollox. Min-naħa l-oħra, ssib uħud illi l-kaċċa jaċċettawha, basta tkun legali.

    Iltqajna mal-membri ta’ żewġ għaqdiet illi din il-kwistjoni jgħixuha kuljum u staqsejnihom ftit mistoqsijiet biex naraw kif jaħsbuha.

    INTERVISTA: JOE PERICI CALASCIONE – PUBLIC RELATIONS OFFICER FKNK

    Il-Birdlife u għaqdiet oħra jsostnu illi l-kaċċa illegali f’Malta hija allarmanti. X’inhuma l-kummenti tiegħek?

    Joe Perici CalascioneKollox hu relattiv fil-ħajja u għaldaqstant ċerti aġġettivi bombastiċi illum drajnihom u m’għadhomx jimpressjonawna. Tali aġġettivi jintużaw mill-attivisti anti-kaċċa sabiex jimpressjonaw lil dak is-settur tal-poplu Malti u anki dak internazzjonali li mhumiex intiżi fis-suġġett. Min hu dak li jista’ jgħid liema hu l-livell li tagħmel il-kaċċa “aċċettabbli” jew “allarmanti”? Għalija, kull attivita’ ta’ kaċċa illegali hija ħażina u għandha titrażżan bi sforz komuni bejn il-partijiet kollha konċernati.

    Taħseb li l-kaċċa illegali qed tiżdied?

    Le. U dan huwa fatt li jista’ jarah kull min verament jinteressah ikun hemm fl-għalqa jum wara jum. Il-fatti konkreti huma bosta u daqstant l-argumenti. Meta fis-snin li għaddew kien hawn problema ta’ kaċċa illegali ġejja minn snin kbar ta’ qabel, minħabba liġijiet li ftit biss kienu jafu li jeżistu għax ma kien hawn ebda nfurzar ta’ xejn, l-FKNK u l-Birdlife kienu ngħaqdu flimkien fuq Bord sabiex bl-għajnuna tal-Korp tal-Pulizija, ta’ l-Armata Lokali u tad-Direttur ta’ l-Ambjent isolvu din il-problema. It-tnejn li aħna ftehemna li ma konniex ser niktbu jew nitkellmu kontra xulxin fil-pubbliku u li ser naħdmu flimkien u s-sitwazzjoni bdiet tirranġa ruħha. Imma l-Birdlife Malta kisru dan il-qbil u erġajna morna l-baħar. Illum nemmen li l-Birdlife Malta jaqblilha li ġġiegħel lil min jemmen li hawn il-kaċċa illegali f’Malta għax kieku l-funzjoni tagħha tispiċċa.

    Temmen illi ċertu prattiċi illegali tal-kaċċa għandhom il-protezzjoni ta’ wħud f’pożizzjonijiet influwenti f’Malta?

    Din il-mistoqsija hija waħda delikata ħafna. Proprju ftit tal-ġranet ilu l-FKNK kellha tgħaddi minn investigazzjoni minħabba l-fatt li l-mod li bih esprimit ruħha fi stqarrija li għamlet, fejn issemma’ dan il-punt, seta’ ġie interpretat ħażin. Fir-realta’ l-għajta tal-FKNK kienet indirizzata biex l-awtoritajiet jagħmlu sforz serju ħalli jeqirdu lil dawk il-ftit individwi li jippersistu li jkomplu jagħmlu l-ħsara lin-namra tradizzjonali tagħna. Dwar dan il-punt għalhekk nixtieq nieqaf hawn minħabba li l-investigazzjoni għadha għaddejja.

    Jista’ jkun li r-rapporti li jidhru fuq il-media qed jiġu esaġerati bil-ħsieb li tiġi abolita l-kaċċa f’Malta?

    Bla ebda dubju! Din il-kampanja li tuża il-Birdlife Malta tispikka partikolarment fis-sensazzjonaliżmu tal-media. Ġejna fi stat li l-kaċċa saret issue nazzjonali. Il-media illum tifforma parti mis-soċjeta’ tagħna u għalhekk għandha obbligu li tirraporta l-verita’ mingħajr ma tkun preġudikata. Jiddispjaċina meta naraw illi ċertu ġurnali u mezzi oħra jippersistu li jxandru biss il-messaġġ ta’ naħa waħda. Aħna kaċċaturi u nassaba u d-dmir tagħna huwa li niddefendu l-kaċċa u l-insib illegali u tradizzjonali tal-Maltin u l-Għawdxin.

    X’kampanji edukattivi qed torganizzaw għall-membri tal-Federazzjoni tagħkom u għall-pubbliku in ġenerali?

    L-FKNK taħdem kontinwament sabiex tkun tista’ tinvesti f’kampanji ta’ tagħlim u għarfien ta’ diversi aspetti tal-kaċċa, insib u konservazzjoni. Madanakollu il-problemi huma bosta, għalkemm uħud minnhom jispikkaw partikolarment. Dawn huma l-finanzi, is-sitwazzjoni dwar il-liġijiet u r-regolamenti lokali, kif ukoll il-fatt li l-FKNK taħdem biss bil-volontarjat. Jiddispjaċini ngħid per eżempju, illi t-talba tagħna għall-laqgħa mal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni għadha ma ġietx milqugħa minkejja li din saret hekk kif ġie maħtur il-kabinett il-ġdid tal-Gvern. Dawn huma kollha elementi li jixhdu illi akkost ir-rieda tajba tal-FKNK, din ma tista’ twettaq xejn peress li ma ssib għajnuna minn imkien.

    Għaliex issostnu li qed issir kampanja ta’ mibegħda kontra l-kaċċaturi u n-nassaba mill-Birdlife u għaqdiet oħra?

    Ħafna mir-risposta għal din id-domanda diġà tkellimt fuqha iktar kmieni. Kien hemm żmien meta l-FKNK u l-Birdlife Malta kienu saru veru qrib xulxin u kont emmint illi fl-aħħar il-Birdlife kienet ser taċċetta l-kaċċa u l-insib legali. Madanakollu dan l-aħħar il-Birdlife hija mmexxija minn direttur eżekuttiv ġdid Tolga Teluge li aktar huwa strateġist pjuttost minn amoruż ta’ l-agħsafar. Dan mill-ewwel ħareġ bi stqarrijiet illi kien ser jeħles il-kampanja Maltija u Għawdxija mill-kaċċaturi u n-nassaba Maltin u Għawdxin. Fejn kien hemm xi forma ta’ ftehim komuni, dan ra kif żera’ l-mibegħda u l-istmerrija lejna. Konsegwentement ir-relazzjoni bejn l-FKNK u l-Birdlife Malta marret ħafna għall-agħar.

    Liema huma l-impatti ambjentali li qegħdin jikwetawkom?

    L-impatt ambjentali li l-iktar li jinkwetana huwa t-telf kontinwu ta’ abitat naturali. L-ispekulazzjoni għall-bini u għall-proġetti qegħdin kull ma jmorru jieklu mill-ftit li fadal. Il-problema tal-kambjament tal-klima huwa wkoll ta’ min jagħtih importanza għax għadna ma nafux kif ser jolqotna. Imbagħad hemm l-użu multiplu ta’ l-art; xi ħaġa li aħna nemmnu li tista’ tgħin fis-sitwazzjoni ta’ llum.

    Taħseb li ż-żoni tal-kaċċa għandhom ikunu esklużivament ristretti għall-inħawi partikulari bħalma huma r-riservi naturali?

    Min jaf għalfejn il-pubbliku in ġenerali ma jsib ebda oġġezzjoni li qiegħed jiġi kategorikament miċħud milli jidħol f’ċerti żoni li hemm f’idejn il-Birdlife Malta imma jippretendi li bi dritt jidħol mingħajr ebda riserva f’kull żona immaniġġjata mill-FKNK? Mela mhux l-istess huma żoni f’Malta f’idejn l-NGO’s? Dan ikompli juri kif il-mentalità ta’ mibegħda kontra l-kaċċaturi u n-nassaba qegħdha tidħol f’kollox. L-FKNK tapprezza li l-poplu Malti għandu jkollu l-iżvog tiegħu u jgawdi l-kampanja. Huwa għal dan il-għan illi fiż-żoni tal-FKNK issib picnic sites li huma aċċessibbli għall-pubbliku.

    Għaliex il-Miżieb huwa żona importanti għall-kaċċaturi u n-nassaba Maltin?

    Il-Miżieb kienet ġiet fdata lill-FKNK fit-tmeninijiet. F’dak iż-żmien il-post kien sar speċi ta’ miżbla u kważi inaċċessibbli. Minnufih l-FKNK kienet ħolqot sotto-kumitat fi ħdanha sabiex jieħu f’idejh l-immaniġġjar ta’ dan il-post. Snin ta’ tindif u rimi ta’ skart domestiku flimkien maż-żbir tas-siġar taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura, ġabu l-Miżieb kif nafuh illum – post fejn il-pubbliku jieħu pjaċir imur. Barra minn hekk, il-Miżieb iħaddan fih mijiet ta’ kaċċaturi u nassaba, membri tal-FKNK u għalhekk għandu importanza vitali għalina.

    X’relazzjonijiet għandkom ma’ organizazzjonijiet oħra lokali u internazzjonali u x’għajnuna tingħataw minn għandhom?

    Illum l-FKNK hija Organizzazzjoni rikonoxxuta kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment bħala l-Federazzjoni Maltija li tiddefendi l-kaċċa, l-insib u l-konservazzjoni. L-FKNK hija membru sħiħ tal-FACE fejn hija irrappreżentata fuq il-Bord ta’ l-Assemblea Ġenerali b’vot ugwali għal dak ta’ kull pajjiż ieħor. Aħna wkoll membri ta’ l-International Council for Game and Wildlife Conservation (CIC) kif ukoll membru fundatur tal-Friends of Traditional Hunting of the EU (AECT). Il-FACE tat għajnuna imprezzabbli lilll-FKNK. Kienet din l-għaqda li kkummissjonat rapport xjentifiku sabiex janalizza l-impatt tal-kaċċa f’Malta fuq id-dinamika tal-popolazzjoni u l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi li nikkaċċjaw. Il-FACE qegħdha anki illum tgħin sabiex jinstab l-aħjar mezz ta’ kif tista’ tiġi applikata deroga għall-prattiċi tradizzjonali tagħna.

    Kemm taħseb illi l-għaqdiet barranin għandhom dritt li jintervjenu fi kwistjonijiet li wieħed jista’ jqis li huma lokali?

    Fl-ewwel lok wieħed irid jara dawn l-għaqdiet x’qed jiggwadanjaw minn dawn l-attivitajiet? It-tieni trid tanalizza l-metodoloġija li biha jiffaċċjaw il-każ. It-tielet analiżi għandha tkun jekk dawn ġewx hawn għax f’pajjiżhom irnexxielhom jeqirdu kull tip ta’ attività illegali u allura għandhom sitwazzjoni perfetta u allura ġew hawn biex jgħinu lill-Birdlife Malta fil-ħidma kbira tagħhom. Imma possibbli f’dawn il-gżejjer spiċċa kull sens ta’ patrijottiżmu tant li għadna nħossuna servili għall-barrani? Kemm minnkom jew aħjar kemm minn tal-Birdlife Malta marru l-Ġermanja jew il-Gran Brettanja sabiex jinvestigaw attivitajiet illegali li jseħħu f’dawn il-postijiet? L-FKNK tistmerr kull att ta’ kaċċa illegali u m’għandha bżonn ta’ l-ebda barrani li jiġi jinvestiga bi skop li jagħmel ħsara anki lid-dilettanti legali bi skuża ta’ xi att illegali.

    Kif intlaqtet l-FKNK bi sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropeja?

    Ma naħsibx li hemm wisq x’wieħed jista’ jgħid dwar dan il-punt. M’hemm ebda pajjiż li sar membru sħiħ ta’ l-Unjoni Ewropeja li ma tilifx b’xi mod jew ieħor mill-kaċċa li kien jipprattika qabel is-sħubija. Malta ma kinetx eċċezzjoni. Id-differenza ta’ bejn il-kaċċaturi Ewropej l-oħra kollha u aħna l-Maltin hija li dawk l-oħra tilfu ftit mill-ħafna li kellhom, filwaqt li aħna tlifna kollox!

    Kemm taħseb li l-wegħdiet li sarulkom qabel l-elezzjoni jistgħu jinżammu?

    Sa ftit żmien ilu kont wieħed mill-ottimisti li kont nemmen li nistgħu insalvaw dak li kien tagħna bi dritt. Illum, wara l-ewwel deċiżjoni li ttieħdet mill-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzji dwar il-Miżuri Temporanji għall-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiema u s-summiena, jien sirt xettiku ferm. Il-wegħdiet pri-elettorali u pri-Elezzjoni Ġenerali kienu ċari u mingħajr ekwivoċi. Dawn il-wegħdiet ma ħarġux minn xi partit politiku u allura wieħed seta’ jgħid li kienet propoganda politika. Imma ntbagħtu personalment lill kull kaċċatur u nassab liċenzjat mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien. Il-problema tkompli tiżdied meta anki l-Prim Ministru ta’ llum, responsabbli mill-affarijiet tagħna, għoġbu jkompli jiċħad lid-dilettanti minn nofs Settembru wara nofs inhar u qata’ l-istaġun ta’ l-insib ħesrem. Meta nara hekk inħossni tassew xettiku li xi darba għad ikollna eżitu pożittiv.

    L-FKNK taqbel illi għandha titwaqqaf il-Wildlife Crime Unit, kif qed tissuġġerixxi l-Birdlife?

    ALE, Pulizija lokali, Wildlife Crime Unit, huma kollha ismijiet. L-FKNK taqbel li għandu jkun hemm organu serju, hu x’inhu, li jieħu ħsieb l-enfurzar tar-regolamenti. L-importanti hu li tali organu jimxi b’mod serju u mhux jaġixxi ta’ prosekutur, il-ġurija u l-bojja. Fuq kollox m’għandu qatt jitfa’ ‘l kulħadd f’keffa waħda daqs li kieku l-kaċċaturi u n-nassaba kollha huma kriminali.

    ———————————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: GEOFFREY SALIBA – CAMPAIGNS CO-ORDINATOR BIRDLIFE (MALTA)

    Fl-opinjoni tiegħek kemm taħseb li hi mifruxa l-problema tal-kaċċa illegali?

    Geoffrey SalibaDis-sena sibna li l-kaċċa illegali mhux talli hija mifruxa imma hija agħar mis-sena l-oħra. Per ezżempju, it-timijiet tar-Raptor Camp li għadu kemm kellna, raw kaċċa illegali fil-parti l-kbira tal-postijiet f’Malta u f’Għawdex li kienu qed jissorveljaw. Daħlulna wkoll numru kbir ta’ tajr ferut (fil-biċċa l-kbira tajr tal-priża) minn ħafna nħawi, anke minn fuq il-baħar. Għalhekk m’hemmx dubju li l-problema hija mifruxa.

    Taħseb li l-kaċċa illegali qed tiżdied?

    S’issa l-kaċċa illegali dil-ħarifa kienet ħafna agħar mis-sena l-oħra. Għadna qed nanalizzaw ir-riżultati mir-Raptor Camp imma biżżejjed tara kemm għasafar feruti b’tiri ta’ snieter daħlulna reċentement. F’dawn l-aħħar ġimagħtejn biss ġabulna 26 għasafar feruti, kollha ta’ speċi protetti. Fl-istess perjodu s-sena l-oħra, daħlulna disgħa biss, jiġifieri dis-sena kellna t-triplu. Trid tifhem ukoll li dawn huma biss ix-xifer tal-iceberg, għax biex tajra tispiċċa għandna trid l-ewwel ma jkunx sabha l-kaċċatur li sparalha, u t-tieni jrid ikun sabha xi ħadd li lest jgħaddihielna.

    Temmen illi ċertu prattiċi illegali tal-kaċċa għandhom il-protezzjoni ta’ wħud f’pożizzjonijiet influwenti f’Malta?

    Din allegazzjoni li l-FKNK għamlet fi stqarrija riċenti. Aħna ma nikkummentawx u ma nispekulawx jekk ma jkollniex provi.

    Jista’ jkun li r-rapporti li jidhru fuq il-media qed jiġu esaġerati bil-ħsieb li tiġi abolita l-kaċċa f’Malta?

    L-istqarrijiet kollha tagħna huma bbażati fuq fatti xjentifiċi. Aħna ma nesaġerawx ir-rapporti imma sempliċiment nikxfu u nuru l-verità. L-iskop tagħna huwa li nwaqqfu l-kaċċa illegali, mhux li nabolixxu l-kaċċa legali u sostenibbli.

    X’kampanji edukattivi qed torganizzaw għall-membri ta’ l-organizazzjoni tagħkom u għall-pubbliku in ġenerali?

    Il-BirdLife għandha programm sħiħ ta’ edukazzjoni ambjentali fl-iskejjel li jimxi id f’id mal-kurrikulu nazzjonali. Dal-programm jismu Dinja Waħda u jsir volontarjament f’ħafna skejjel primarji Maltin. Barra minn hekk, norganizzaw diversi attivitajiet għall-membri tagħna li permezz tagħhom in-nies jiġu f’kuntatt man-natura u b’hekk jifhmuha aħjar. Eżempju ta’ dan kienet ir-Raptor Day li organizzajna dan l-aħħar fil-Buskett – din kienet opportunità tajba għall-membri biex igawdu l-ispettaklu tal-passa.

    L-FKNK jakkużaw lill-BirdLife li qed imexxu ‘l quddiem kampanja ta’ mibegħda kontra l-kaċċaturi u n-nassaba. X’tikkumenta?

    Il-BirdLife temmen li l-kaċċa illegali hija problema serja u li trid tissolva. Ħafna kaċċaturi stess jaqblu ma’ dal-ħsieb u anke talbu lill-FKNK biex tieħu pożizzjoni aktar ħarxa u proattiva kontra l-kaċċa illegali, ħaġa li s’issa għadha qatt ma saret. Il-BirdLife tikkampanja kontra l-kaċċa illegali, u kif għedna diversi drabi, qatt ma ħadna pożizzjoni kontra kaċċa legali u sostenibbli. Dwar il-”kampanja ta’ mibegħda” nfakkrek li l-istqarrijiet tal-FKNK kontinwament iwasslu sentimenti ksenofobici u dikjarazzjonijiet foloz. Dawn joħolqu konfużjoni fost il-kaċċaturi u jistgħu jwasslu wkoll għal riperkussjonijiet serji fuq is-sigurta’ tal-membri stess tal-BirdLife li jkunu fuq barra qed jagħmlu riċerka.

    Liema huma l-impatti ambjentali li qegħdin jinkwetawkom?

    Bħalissa l-kaċċa u l-insib illegali huma żewġ problemi ambjentali kbar f’Malta. Il-kaċċa illegali, per eżempju, hija r-raġuni prinċipali għaliex diversi għasafar protetti (bħall-Bies u l-Barbaġann) m’għadhomx ibejtu f’Malta. Madankollu hemm diversi impatti negattivi oħrajn li jeħtieġu attenzjoni serja, fosthom il-bidla fil-klima, iż-żieda fil-popolazzjoni, it-tniġġis u l-firxa tal-bini.

    Il-BirdLife iddikkjarat illi hemm ħdax-il żona f’Malta illi għandhom jiġu meqjusa bħala żoni protetti għall-għasafar. S’issa erbgħa biss minn dawn il-postijiet huma rikonoxxuti bħala riservi. X’taħseb li qed iżomm lill-MEPA milli tieħu azzjoni?

    Mill-ħdax-il IBA (Important Bird Area) li l-BirdLife iddikjarat, il-MEPA għarfet biss erbgħa fit-totalità tagħhom, u sitta oħra ngħataw protezzjoni parzjali. Fid-19 Settembru 2008 l-MEPA tat stat sħiħ ta’ SPA lill-ħdax-il waħda, u dan kien pass pożittiv. Imma tibqa’ l-kwistjoni ta’ dawk is-sitt IBAs li huma parzjalment protetti, fosthom Ta’ Ċenċ, li għad iridu jissolvew.

    Jidhirlek li l-inħawi tal-Miżieb għandu jibda jitqies bħala żona protetta mill-kaċċa?

    Waqt il-passa, it-tajr tal-priża li jasal tard wara nofsinhar, jipprova jgħaddi l-lejl hawn Malta biex imbagħad ikompli l-vjaġġ l-għada. L-iktar post importanti għal dan huwa l-Buskett – f’lejla waħda, n-nies tar-Raptor Camp, dis-sena raw minn 500 sa 600 tajra tal-priża nieżla torqod hemmhekk. Il-Miżieb huwa wkoll masġar kbir u jiġbed lejh ukoll numru ta’ tajr fil-ħarifa biex jgħaddi lejl hemmhekk. Sfortunatament rajna ħafna kaċċa illegali fuq tajr tal-priża fil-Miżieb, inkluż kaċċaturi deħlin għalihom bil-lejl bi dwal qawwijin. F’dawn l-aħħar jiem, minn hemmhekk, daħlulna biss biss żewġ Bghadan Ħomor feruti b’tiri ta’ snieter. Għalhekk huwa inaċċettabbli li post bħal dan, daqshekk importanti għat-tajr tal-priża, jispiċċa nukleu ta’ kaċċa illegali! Bla dubju dawn l-attivitajiet iridu jiġu kontrollati serjament.

    X’relazzjonijiet għandkom ma’ organizazzjonijiet oħra lokali u internazzjonali u x’għajnuna tingħataw minn għandhom?

    Il-BirdLife International hija sħubija rinomata ta’ għaqdiet ambjentali minn madwar id-dinja, u li tagħhom BirdLife Malta hija membru. L-għaqdiet jgħinu lil xulxin billi jaqsmu bejniethom tagħrif xjentifiku u jużaw metodi standardizzati ta’ riċerka sabiex iħaffu l-qsim ta’ dat-tagħrif. BirdLife Malta tikkontribwixxi wkoll f’dir-riċerka internazzjonali u tibbenefika wkoll billi tirċievi għajnuna teknika minn Partners li jkunu fuq proġetti simili.

    Kemm taħseb illi l-għaqdiet barranin għandhom dritt li jintervjenu fi kwistjonijiet li wieħed jista’ jqis li huma lokali?

    L-għasafar li jpassu minn Malta jiġu mill-Ewropa fejn ikunu bejtu jew mill-Afrika fejn ikunu għaddew ix-xitwa. Għalhekk dak li jiġri f’Malta jew fi kwalunkwe pajjiż ieħor fir-rotta tal-passa, jaffettwa l-popolazzjonijiet ta’ dawn l-għasafar fuq skala Ewropeja. Għaldaqstant huwa faċli tifhem għaliex għaqdiet internazzjonali jieħdu interess fl-attività illegali li ssir f’pajjiżna. Il-verità hi li ftit ħafna huma l-kwistjonijiet li tista’ verament tikkunsidrahom “lokali”, għax tista’ tgħid illi kull ħaġa li ssir f’pajjiż taffettwa b’xi mod pajjiżi oħrajn.

    Kif intlaqtet il-BirdLife bi sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropeja?

    Bħala għaqda, ġejna affettwati tista’ tgħid bħal għaqdiet oħrajn. Fir-rigward ta’ l-għanijiet tagħna, id-dħul fl-UE ġab liġijiet aħjar vis-a-vis kaċċa u insib, bis-sahha tal-Birds Directive. Dan kien pass ‘il quddiem għal ħarsien serju tal-għasafar.

    Għaliex il-BirdLife tħoss li għandha titwaqqaf il-Wildlife Crime Unit?

    Bħalissa l-ALE hija l-iskwadra prinċipali responsabbli minn atti kriminali kontra n-natura. Madankollu din l-iskwadra hija batuta kemm f’dak li huwa nies kif ukoll f’vetturi. Barra minn hekk, l-ALE spiss ikollha tieħu ħsieb attivitajiet oħra – per eżempju fis-sajf l-uffiċċjali tagħha jkunu fuq “beach patrol”. Dan ifisser illi fi żminijiet importanti tas-sena ma jkun hemm ħadd biex jieħu ħsieb każijiet ta’ kaċċa illegali. Għalhekk skwadra għal kontra Wildlife Crime hija kruċjali biex tikkonċentra fuq kaċċa u insib illegali – flimkien ma’ atti kriminali oħrajn fuq in-natura – matul is-sena kollha. Skwadra bħal din tkun ta’ benefiċċju għall-pajjiż. Importanti wkoll li skwadra bħal din ikollha anke uffiċċjali li jaħdmu under-cover, li jkunu b’hekk jistgħu jiġbru tagħrif fuq attività illegali b’mod aktar effettiv.

    Hemm xi punti li l-BirdLife u l-FKNK jaqblu fuqhom? Liema huma?

    L-FKNK hija membru tal-FACE, il-Federazzjoni Ewropeja ta’ Kaċċaturi. Il-FACE għandna ftehim mal-BirdLife International, li tagħhom BirdLife Malta hija msieħba. Dan il-ftehim jirrigwarda l-implimentar tal-Birds Directive billi jikkunsidra wkoll gruppi interessati bħal għaqdiet ambjentali u għaqdiet ta’ kaċċaturi. Il-BirdLife Malta u l-FKNK huma t-tnejn marbutin b’dal-ftehim li jonoraw il-Birds Directive. Imma naturalment l-FKNK mhix tonora dal-ftehim peress li tinsisti kontinwament u bla ġustifikazzjoni li Malta tidderoga mill-Birds Directive.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-5 t’Ottubru 2008)