• ĊOFF BLU GĦALL-PROTEZZJONI TAT-TFAL

    Għalkemm l-interpretazzjoni tal-kuluri taf tvarja minn kultura għall-oħra, bosta jaqblu illi l-kulur blu jnissel sens ta’ trankwillità fil-bniedem, probabbilment minħabba li jfakkar fil-ġmiel tas-sema u fil-wisgħa tal-baħar. Għaldaqstant hemm min jisħaq illi f’uffiċini  miżbugħa b’dan il-kulur, il-ħaddiema jħossuhom aktar sereni u jkunu iżjed produttivi. Uħud mill-konsulenti tal-moda jirrakkomandaw illi jintlibsu ħwejjeġ blu meta wieħed ikun sejjer għal xi intervista tax-xogħol peress li dan il-kulur jissimbolizza l-lealtà. Jingħad ukoll illi minn studji li saru rriżulta illi dawk l-individwi li jerfgħu l-piż, ikunu kapaċi jimmaniġġjaw toqol ferm  akbar b’iktar faċilità jekk il-ħitan tal-gym ikunu blu. Apparti minn dan, il-blu huwa wkoll il-kulur li jwassal messaġġ ta’ saħħa u għerf. Naturalment ma setax jonqos illi b’dawn id-doni kollha, dan il-kulur ikun dak favorit tiegħi. U għalhekk tistgħu taħsbu kif inħsadt meta sirt naf x’kien qed jirrappreżenta din id-darba fil-kampanja Ċoff Blu…

    Fl-1989 Bonnie Finney iddeċidiet li twaħħal ċoff blu mal-aerial tal-vann tagħha wara li n-neputi Michael Dickerson, tifel ta’ erbgħa snin, ġie maqtul bis-swat li qala’ mingħand il-ġenituri tiegħu. Ħut Michael, it-tnejn taħt l-età ta’ tliet snin, ukoll kienu qed jiġu maħqura severament, tant li darba minnhom waħda mit-tfal spiċċat l-isptar u minn hemm ġie skopert id-delitt tiegħu. “Għaliex ċoff blu?” staqsewha n-nies. Ir-risposta tagħha kienet li għażlet dak il-kulur minħabba li kien ifakkarha fil-ġrieħi koħol li kienet tara kontinwament fuq l-għeżież neputijiet tagħha. Għalhekk il-blu kien iservi bħala tifkira kostanti biex tkompli tiġġieled u xxerred il-messaġġ biex jiġu protetti t-tfal. Meta saru jafu b’dan, in-nies f’Norfolk Virginia bdew iwaħħlu ċ-ċfuf blu huma wkoll sabiex jagħtu sostenn lil dan il-messaġġ. Finalment miljuni ta’ nies madwar il-pajjiż għamlu l-istess u llum din il-kampanja xterdet anki b’mod internazzjonali.

    Dan ix-xahar il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali nediet il-kampanja ‘Ċoff Blu’ sabiex anki f’pajjiżna titqajjem aktar kuxjenza dwar l-abbuż tat-tfal. Għalhekk din il-ġimgħa tkellimt ma’ Carlo Olivari Demanuele u ma’ Jacqueline Vella li jagħmlu parti mill-kumitat li qed jaħdem fuq din il-kampanja.

    “Flimkien mal-kollegi Elizabeth Scerri u Roseanne Cassar aħna ffurmajna kumitat sabiex niġbru l-materjal dwar din il-kampanja peress li ġie deċiż li din tiġi introdotta anki f’pajjiżna. Fil-fatt din il-kampanja ġiet adattata għall-kultura tagħna fejn fostom iffukajna ħafna fuq it-trobbija pożittiva tat-tfal.”

    X’tinkludi t-trobbija pożittiva?

    “Kulħadd huwa konxju kemm huma kruċjali l-ewwel snin tat-trobbija tat-tfal. Matul dawn is-snin bikrin it-tfal jiffurmaw il-karattru u l-personalità tagħhom u kollox jiġi bbażat fuq l-esperjenza tat-trobbija tagħhom.

    Bi trobbija pożittiva nifhmu trobbija fl-aħjar interess tat-tfal fejn fuq kollox jiġu mħarrsa d-drittijiet tagħhom, jiġu ggwidati fid-deċiżjonijiet tagħhom, jingħataw l-opportunità li jissawwru f’individwi, Carlo Olivari Demanuelefilwaqt li jiġu mgħejjuna biex jiffurmaw u jiżviluppaw il-personalità tagħhom. Fuq kollox it-trobbija pożittiva tinkludi wkoll trobbija mingħajr ebda tip ta’ abbuż flimkien ma’ element ta’ dixxiplina u għixien f’ambjent kemm jista’ jkun pożittiv.

    Huwa importanti li nsemmu illi meta qed ngħidu trobbija pożittiva m’aħniex nindirizzaw biss lill-ġenituri imma anki lill-edukaturi kollha tat-tfal. Ngħidu aħna jekk hemm iż-żewġ ġenituri jaħdmu, it-tfal ser ikunu qed iqattgħu ħafna ħin man-nanniet, maz-zijiet jew ma’ aħwa ikbar. F’dawn il-każi huwa neċessarju illi kull wieħed u waħda minnhom jużaw l-istess sistema ta’ trobbija ħalli t-tfal jgħixu f’kontinwità u koerenza. Ma tagħmilx sens illi l-ġenituri jużaw metodi mod u mbagħad l-edukaturi l-oħra jkollhom attitudnijiet oħrajn.”

    Mill-esperjenza tagħkom, x’inhuma d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ġenituri tal-llum?

    “Billi tkun ġenitur ma jfissirx li tkun taf x’inhuma l-aħjar modi biex trabbi lil uliedek. Anzi, ġeneralment hekk kif titwieled l-ewwel tarbija l-ġenituri jibdew jitgħallmu mill-iżbalji u mill-esperjenza. Irridu nammettu illi t-trobbija tat-tfal mhiex xi ħaġa faċli speċjalment bil-pressjoni u l-istress tax-xogħol preżenti fil-ħajja ta’ llum. Barra minn hekk, it-tfal t’issa mhumiex it-tfal ta’ dari li joqogħdu kwieti b’ħarsa biss. F’daż-żminijiet it-tfal jafu d-drittijiet tagħhom, jistaqsu ħafna affarijiet u jistennew li l-ġenituri tagħhom jieħdu interess f’ħajjithom.

    Permezz ta’ din il-kampanja aħna qed nirrikonoxxu dawn id-diffikultajiet u qed noffru għodda sempliċi imma utli ħalli l-ġenituri jkunu jistgħu jgħinu lilhom infushom u jkunu aktar effettivi u pożittivi fil-ħajja ta’ wliedhom.”

    Fhiex tikkonsisti din l-għodda?

    “Hija għodda xjentifikament pruvata u għalhekk ħassejna li għandna ngħadduha lil kulħadd. Tinkludi bosta fatturi li kollha flimkien jgħinu biex it-trobbija tat-tfal tkun ħafna aktar pożittiva.

    Waħda mill-aktar fatturi importanti fit-trobbija pożittiva hija l-komunikazzjoni effettiva bejn il-ġenituri u t-tfal. Ma nistgħux nieqfu nenfasizzaw kemm huwa neċessarju dan id-djalogu li permezz tiegħu l-ġenituri jinkoraġġixxu t-tfal, jibnulhom stima tagħhom infushom u jagħtuhom sens ta’ responsabbiltà u ko-operazzjoni bejn il-membri tal-familja.

    Il-pożittività hija element qawwi fit-trobbija. Fi żminijiet oħra kien hawn it-twemmin illi bit-tmaqdir, tipprovoka lit-tfal biex jaħdmu aktar. Imma llum dan ir-raġunar m’għadux meqjus daqshekk effettiv. Jacqueline VellaInstab illi huwa ħafna aħjar illi tfaħħar lit-tfal sabiex b’hekk timmotivahom biex jaħdmu aktar tajjeb. Ma tridx tesaġera u lanqas tigdeb. Imma jekk per eżempju, t-tifel ġie jurik tpinġija, inti għandek tkellmu dwarha u tfaħħru għax-xogħol li għamel. Jekk it-tpinġija tkun tajba, importanti li tgħidlu li hi tajba. Fl-istess ħin jekk forsi din it-tpinġija mhiex ta’ livell tajjeb daqs is-soltu, tgħidlu li għalkemm ix-xogħol li għamel għoġbok, is-soltu jpinġi ħafna isbaħ. B’hekk bla ma tmaqdar tkun qed tfiehem illi inti temmen li t-tifel kien kapaċi jagħmel xi ħaġa aħjar bi ftit aktar attenzjoni u b’hekk trabbilu aktar fiduċja.”

    X’parti tilgħab it-trobbija pożittiva fil-ħajja futura ta’ wliedna, anki ‘l quddiem meta jsiru adulti?

    “Jekk il-ġenituri jgħinu lil uliedhom jibnu ċertu stima fihom infushom, il-quddiem meta ser isibu lil xi ħadd li jgħaddilhom kummenti negattivi, ser ikunu kapaċi jilqgħu għalihom. Min-naħa l-oħra jekk it-tfal jitrabbew bi stima baxxa, kummenti bħal dawn ikissruhom għax jikkonfermawlhom dak li jkun qed jinkwetahom. Huwa vitali li nrawwmu f’uliedna sens ta’ kuraġġ ħalli jkunu jistgħu jikkumbattu mad-diffikultajiet tal-ħajja.

    Barra minn hekk għandna nħajjru lil uliedna sabiex jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom. Jeħtieġ li nsibu ħin għal dan akkost il-ħajja sfrenata li ngħixu fejn it-tfal huma ffukati ħafna fuq l-istudju. Dak li qed iħossu t-tfal huwa importanti ħafna għall-familja għax fl-aħħar mill-aħħar din ser timxi skont l-ambjent li joħolqu dawn l-emozzjonijiet. Fil-fatt huwa tajjeb illi nrawwmu lit-tfal jiftħu qalbhom magħna sa mill-ewwel snin ta’ ħajjithom. Meta jibdew imorru l-iskola, għandna nistaqsuhom kif kienet il-ġurnata tagħhom. Fl-istess ħin dan ikun sinjal li aħna qed ninteressaw ruħna f’ħajjithom u f’dak li jgħaddu minnu. Inkunu nistgħu wkoll nitkellmu dwar l-emozzjonijiet diversi li jħossu huma u anki dawk li jgħaddu minnhom l-oħrajn li jistgħu jkollhom kuntatt magħhom.

    Ħafna mill-azzjonijiet tagħna huma marbutin mal-emozzjonijiet tagħna. Għaldaqstant huwa tajjeb li nkunu konxji minn dan ħalli ma nħallux l-emozzjonijiet jirkbuna u b’hekk inkunu nistgħu nikkontrollawhom aktar. L-emozzjonijiet huma parti integrali mill-ħajja tagħna u ma nistgħux inħalluhom barra. Ma nistgħux per eżempju nisħqu fuq is-subien biex ma jibkux! Mela s-subien m’għandhomx l-emozzjonijiet tagħhom ukoll?

    Fil-fatt f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna, sar ħafna żvilupp u diġà qed naraw ir-riżultati tiegħu. Biss biss jekk ninnutaw lit-tfal Maltin jitkellmu waqt xi programm fuq it-TV nintebħu x’differenza hemm bejnhom u bejn it-tfal ta’ dari. It-tfal ta’ llum huma ħafna aktar kunfidenti u dan proprju minħabba li nbidel il-mod kif nindirizzaw lit-tfal – billi aħna l-adulti nitkellmu magħhom u nistaqsuhom għall-opinjoni tagħhom u mhux sempliċiment niddettawlhom.

    Il-ġenituri u l-edukaturi għandhom id-dmir illi jħarrġu lit-tfal kif joqogħdu fuq saqajhom u jagħrfu jagħmlu għażliet tajbin fil-ħajja tagħhom. Akkost ta’ dan, nixtiequ nenfasizzaw li m’għandna ninsew qatt illi jafu kemm jafu, uliedna jibqgħu tfal u għandhom bżonn il-gwida u l-protezzjoni tagħna. ”

    X’jikkostitwixxi abbuż?

    “Hemm diversi tipi ta’ abbuż fosthom dak psikoloġiku u dak fiżiku.

    Maġġorment l-abbuż psikoloġiku jinħoloq permezz ta’ ħafna titli u kummenti negattivi li xejn ma jagħmlu ġid. Anzi pjuttost aġir bħal dan inaffar lit-tfal u joħolqilhom bosta problemi.

    Sfortunatament sa ftit snin ilu f’Malta kellna kultura li kienet titratta l-kummenti bla rażan u s-swat fuq it-tfal bħala mezzi ta’ dixxiplina. Iżda llum għal dawn is-sitwazzjonijiet għandna tolleranza zero. Għalhekk akkost li forsi uħud mill-ġenituri trabbew f’ambjent differenti, dawn għandhom jevitaw assolutament li jużaw dawn il-mezzi biex jikkoreġu lil uliedhom.

    Barra minn hekk, meta l-ġenituri jerfgħu jdejhom fuq it-tfal, dawn xorta waħda ma jitgħallmux.  Pjuttost darb’oħra ser jaħbu dak li jkunu għamlu, b’konsegwenza illi l-ġenituri ma jkunux jafu x’qed jiġri sewwasew. Apparti minn hekk dawn it-tfal ser jibdew iqisu l-vjolenza bħala soluzzjoni għall-problemi li jsibu huma. Nagħtu każ jekk qegħdin l-iskola u xi ħadd ser jikkuntrarjahom dawn faċilment ser jirrevertu għall-aġir vjolenti li huma mdorrija bih u b’hekk il-vjolenza ser tibqa’ tiġi perpetwata.

    Bil-vjolenza l-ġenituri ma jkunux qed joffru soluzzjoni lil uliedhom, mhux qed jagħtuhom għażliet u mhux qed iwasslu l-messaġġ li huma lilhom iħobbuhom u li hija l-azzjoni li għamlu li ma togħġobhomx. Minflok imġieba vjolenti tagħti x’jifhem illi t-tfal huma ħżiena u għalhekk qed jiġu kkastigati bil-vjolenza.

    Meta ġenitur ikun irrabbjat ikun aktar għaqli jekk jitbiegħed għal ftit mis-sitwazzjoni sakemm jikkalma. B’hekk ikun jista’ jagħti ġudizzju aħjar ta’ x’għandha tkun il-konsegwenza għall-komportament ta’ wliedu. Fl-istess ħin b’attitudni bħal din it-tfal ikunu qed jitgħallmu xi ħaġa importanti fil-ħajja tagħhom: illi meta inti tiġi kkonfrontat b’sitwazzjoni li tipprovokak daqstant, għandek tibża’ għal ġildek u timxi ‘l hemm minnha.”

    X’tifhmu biha konsegwenza?

    “Nużawha biex niddistingwuha mill-kelma ‘kastig’. Kastig jingħata biex jikkastiga imma ma tieħu xejn aktar minnu. Il-konsegwenza tgħallem lil dak li jkun illi għal kull azzjoni hemm prezz x’wieħed iħallas. Fuq kollox il-konsegwenza tagħfas fuq in-negattività tal-azzjoni u mhux fuq il-persuna li hi ‘ħażina’.

    Biex nagħtu eżempju, jekk tifla waqqgħet vażun fl-art u kissritu, bi traskuraġni, l-ewwel ma nagħmlu nneħħu lit-tifla mill-periklu. Imbagħad għandna nfiehmu lit-tifla illi aħna ddispjaċuti għax dak il-vażun kien għal qalbna jew kien jiswa l-flus eċċ. Flimkien tiġi diskussa kif ser tissolva l-konsegwenza, bħal ngħidu aħna jiġi deċiż illi t-tfal ser jagħtuna xi ftit tal-flus mill-karus tagħhom jew li ser inaddfu l-kamra tagħhom għal numru ta’ ġranet biex ipattu għall-ħsara li għamlu.”

    Kemm jgħin li jkun hemm ċertu regoli fil-familja?

    “Ir-regoli huma bżonnjużi ħafna fil-ħajja minħabba li joffru ċertu direzzjoni u sigurtà. Jekk it-tfal jafu li mat-8:30pm iridu jidħlu jorqdu, allura dawn jifhmu illi x-xogħol tal-iskola u dak kollu li jridu jagħmlu fil-ġurnata jrid ikun lest sa dak il-ħin u mhux jibqgħu iġebbduha sal-aħħar.

    Fl-istess waqt, fejn ikun hemm bżonn, ir-regoli għandhom ikunu flessibbli għax hija proprju r-riġidità li ddejjaq. Ngħidu aħna jekk waħda mir-regoli fil-familja tgħid illi kulħadd għandu jkun fuq il-mejda tal-ikel mas-7:00pm u jekk per eżempju xi ħadd mit-tfal jippratika xi sports qrib dak il-ħin, m’għandiex tinħoloq problema sempliċiment minħabba dan ir-regolament. Hekk jew hekk aktarx deċiżjoni bħal din oriġinarjament tkun ittieħdet biex tgħaqqad il-familja flimkien f’ħin partikolari. Allura bi ftit ħsieb, fejn ikun possibbli, wieħed jista’ jmexxi dan il-ħin stabbilit għal ġurnata oħra.”

    Intom tisħqu illi r-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied tkun b’saħħitha skont kemm wieħed jinvesti fiha. X’tikkummentaw dwar dan?

    “Kull omm u missier jixtiequ l-aħjar għal uliedhom imma kultant jinqalgħu xi diffikultajiet li joħolqu stress fir-relazzjoni ta’ bejniethom.

    Komunikazzjoni effettiva, attenzjoni mistħoqqa u ħin ta’ kwalità mal-ulied huma tlieta mill-pedamenti ewlenin għal trobbija b’saħħitha u relazzjoni mill-aħjar.

    Il-komunikazzjoni u d-djalogu jistgħu jiġu mnebbħa mill-affarijiet ta’ kuljum u m’hemmx għalfejn id-dedikazzjoni ta’ ħafna ħin għad-diskussjoni. L-importanti li nkunu qegħdin nisimgħu sewwa lil uliedna u nifhmu dak li qed jippruvaw jgħidulna. B’hekk inkunu qegħdin nevitaw illi wliedna jmorru jiftħu qalbhom ma’ ħaddieħor li mhux neċessarjament ser jagħtihom l-aħjar widen jew parir.

    Il-ħin ta’ kwalità nistgħu nivvintawh mix-xejn. Biss biss jekk il-ġenituri għandhom ftit li xejn ħin għad-dispożizzjoni tagħhom, jistgħu jieħdu l-okkażżjoni li jkunu qrib ta’ wliedhom meta jkunu qed iwassluhom x’imkien bil-karozza. Hekk jew hekk dak huwa ħin li joffrilek intimità u attenzjoni personali kemm trid.”

    Kemm huwa importanti illi l-ġenituri jżommu ruħhom aġġornati mas-sistemi moderni tat-trobbija?

    “Is-soċjetà u l-kultura ta’poplu u ta’ pajjiż jinbidlu matul is-snin. Għaldaqstant jgħin ħafna illi kemm il-ġenituri u kif ukoll l-edukaturi jżommu ruħhom infurmati dwar dak kollu li jkun qed iseħħ speċjalment f’dak li jikkonċerna t-trobbija tat-tfal.

    Fil-fatt il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali toffri diversi programmi u servizzi għall-benefiċċju tat-tfal u l-familja. Matul is-sena jiġu organizzati numru ta’ korsijiet ta’ parenting skills u bi pjaċir ngħidu illi dejjem ikun hemm interess u attendenza tajba għalihom.

    Fid-dinja kollox jorbot u huwa għalhekk illi permezz ta’ trobbija pożittiva l-ġenituri jkunu qed iwittu t-triq għall-ħajja ferm aħjar t’uliedhom.”

    Għal dawk li jixtiequ aktar informazzjoni dwar it-trobbija pożittiva l-Fondazzjoni għandha fuljett informattiv ħafna li wieħed jista’ jeċċedi għaliha permezz tal-website: www.appogg.gov.mt inkella billi jċempel lill-Aġenzija Appoġġ fuq 2295 9000 jew lill-Aġenzija Sedqa fuq 2388 5110. Wieħed jista’ jċempel ukoll Supportline 179 f’każ ta’ bżonn ta’ għajnuna.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-30 ta’ Mejju 2010)