• DIVERTIMENT F’POST L-INKWIET?

    Il-Milied li għadda, irċevejt email li ħallietni xxukkjata! Bagħtithieli ħabiba tiegħi barranija, studenta ta’ 18-il sena li ġiet Malta biex tistudja fl-Università tagħna. Tfajla kwieta, bilkemm tgħid kelma fil-klassi, aħseb u ara tinbex lil xi ħadd f’Paceville. “Qlajt xebgħa,” kitbitli. “Għandi mnieħri miksur u żewġ black eyes. Ġuvni barrani segwieni waqt li kont miexja lura lejn id-dar minn Paceville. F’ħin minnhom ħatafni u waddabni f’għalqa biswit ħafna djar. Ried bilfors ikollu x’jaqsam miegħi u meta rreżistejtu, qabad jagħtini bla ħniena bil-ponn f’wiċċi u telaqni biss meta ra xi nies resqin qrib.” Moħħi nixef u jdejja weħlu mal-keyboard. X’ser naqbad ngħidilha? Ċempiltilha wara ftit u għalkemm ippruvat tbellagħhieli li issa kienet aħjar, leħinha kien miksur u mbeżżgħa. Kien żmien meta suppost  kienet qed tistudja għall-eżamijiet u minflok kellha tgħaddi minn dit-trawma sħiħa f’pajjiżna! Tistgħu timmaġinaw x’baqa’ mill-ġenituri tagħha u mill-Maltin li kienu qed jilqugħha f’darhom.

    Din il-memorja reġgħet ġiet f’moħħi dil-ġimgħa hekk kif waqt li kont qed inqalleb il-paġni ta’ gazzetta lokali, nilmaħ dan il-kliem: “Did-darba lil ibni ġietu tajba… imma bħala ġenitur, missier ta’ erbgħa, inħossni nistħi li bqajt sieket għal tant żmien, akkost li kont konxju minn dak li qed jhedded liż-żgħażagħ, lil uliedi.” L-ittra kienet miktuba mill-avukat Dr Anthony P Farrugia li dan  l-aħħar għadda minn mumenti diffiċli wara li ibnu u t-tfajla tiegħu ġew attakkati minn grupp ta’ żgħażagħ li kienu għadhom kif serqu turist fl-inħawi tal-bajja ta’ San Ġorġ u dawn marru jagħtuh l-għajnuna. “X’nagħmel allura? Inwissi lil uliedi biex darb’oħra, jekk jaraw lil xi ħadd fil-bżonn, jibqgħu għaddejjin u ma jindaħlux sabiex ma jidħlux fl-inkwiet?”Dr Farrugia saħaq illi ġuvnott li kien magħhom, kellu jinżel saħansitra sa Spinola biex isejjaħ lill-pulizija. Huwa staqsa il-għala f’post fejn jinġabru tant żgħażagħ, m’hemmx aktar sorveljanza sabiex dawn jiġu protetti u anki biex tinżamm l-ordni pubblika?

    Naturalment, bħal kif jiġri s-soltu, il-karba ta’ dal-missier ma waqgħetx fuq widnejn torox u qamet agħa fost in-nies. Kulħadd jgħid tiegħu. Mitt bniedem, mitt fehma. Fosthom kien hemm min insista li dawn l-inċidenti jseħħu b’mod regolari mhux fl-inħawi ta’ Paceville biss imma anki fil-Gżira u f’Buġibba. Iżda oħrajn merewhom peress li kienu tal-fehma li fl-inkwiet jidħlu biss dawk l-individwi li jmorru fil-postijiet ‘żbaljati’ u li allura jkunu qed ifittxu l-ġlied. Dort dawra mal-gazzetti u fil-facebook u innutajt dak kollu li kien qed jintqal fuq ir-radju u fit-triqat. Ħassejt li b’mod ġenerali l-poplu huwa konxju li hemm problemi ta’ sigurtà f’dawn il-postijiet ta’ divertiment imma li ormaj tgħallem jgħix magħhom, hekk kif iċ-ċriev tgħallmu jgħixu mal-iljuni fil-ġungla. Infatti ż-żgħażagħ li ma jħossuhomx komdi f’dawn il-postijiet kellhom jagħżlu li jiltaqgħu f’inħawi oħra. Mentri oħrajn li sħabhom imorru hemm biss, jilludu ruħhom li lilhom qatt mhu ser jiġrilhom xejn għax huma ma jittantawx lix-xemx għaddejja. Innutajt li teżisti bħal passività “Għax hekk jew hekk x’tagħmel? Ma tmur imkien?” jistaqsuk. Donnu ħadd ma jrid joħroġ għonqu. Ta’ Maltin li aħna, ħafna minna nhedew inparlaw hekk kif il-media tiġbdilna l-ispaga sakemm imbagħad induru għal xi ħaġ’oħra u s-suġġett imut fuq ruħ ommu. U sadanittant l-impotenza tal-ġenituri li jipproteġu lil uliedhom kull darba li dawn joħorġu jiddevertu f’dawn il-postijiet, qiegħda tifni lil ħafna.

    Illum Paceville rari nitla’ iżda nistqarr li anki meta kont iżgħar, kont immur hemm għax bilfors. Hemmhekk kienu jinġabru l-maġġoranza ta’ sħabi u taż-żgħażagħ l-oħra u allura ma tantx kien hemm għażla. M’għandix xi memorji sbieħ tal-post, dejjem maħmuġ, bini fuq xulxin, taraġ imkisser mimli remettar (li llum wara tant snin ġie rranġat imma r-remettar għadu jkun hemm), nies jixorbu u jidħku jgħajtu biex jiġbdu l-attenzjoni, mużika għolja li ma tħallikx tgħid kelma ma’ dak li jkun, nies fis-sakra u oħrajn jilgħabuha li huma fis-sakra, barranin li donnhom qatt ma raw mara f’ħajjithom…. Ironikament kont nieħu r-ruħ meta jsir il-ħin biex nitlaq minn hemm, sakemm imbagħad kont niftakar li għad fadal saram ieħor. Kif ser immur lura d-dar? L-għażla kienet jew li noqgħod nittallab biex iwassalni xi ħadd minn sħabi, bit-tama li sakemm naslu biex nitilqu, ma jkunx xorob iżżejjed,  inkella li immur b’taxi, mgħaffġa bejn qabda żgħażagħ oħra li ma nafx, filwaqt li nispera li ser nasal sad-dar għax mhux darba u tnejn li kelli neħodha mas-sewwieqa biex ma jwaqqfunix f’xi pjazza wara li nkun ħallast biz-zalza! Meta ġibt il-liċenzja u xtrajt il-karozza ħsibt li kont akkwistajt il-libertà minn dan kollu. Fir-realtà spiċċajt is-sewwieqa ta’ ċertu sangisugi u meta kont nirrifjuta li nservihom, kont irrid naffaċċja t-triqat lura lejn il-karozza waħdi, fil-baħħ u fid-dlam.

    Sfortunatament mill-kummenti li bdejt naqra, għaraft li l-ħajja ma nbidlitx wisq għalkemm għaddew is-snin. Infatti bosta żgħażagħ ilmentaw li m’hux qed ikun hemm kontroll fuq l-età ta’ dawk li jitħallew jidħlu u wisq agħar jixorbu fil-clubs, b’uħud jinsistu li f’dawn il-postijiet, ċerti tfajliet taħt l-età qed ikunu wkoll ingaġġati bħala ‘żeffiena’. Barra minn hekk, akkost li kulħadd jaf li t-tipjip ġewwa dawn il-lwogi huwa projbit, jidher biċ-ċar li mhux kull post qed iżomm mar-regolamenti. Individwi oħra saħqu li oġġetti tal-ħġieġ f’dawn il-postijiet huma ta’ periklu kontinwu, hekk kif xi minn daqqiet, taf issib ruħek f’nofs ta’ ġlieda bla ma taf kif. Tfajla minnhom irrakkuntat kif proprju waqt ġlieda bħal din, hi spiċċat imwaddba fl-art minn bouncer tal-post, hekk kif dan ġera biex iferraq lill-ġellieda “u nara banketta għaddejja minn quddiem wiċċi!” Xi ħaddieħor kiteb: “Il-garanzija li jekk toqgħod attent ma jiġrilek xejn, hi biss illużjoni. Ċerti individwi juruk li jkunu għatxana biex jaqalgħu ġlieda u f’post fejn l-alkoħol (u mhux biss!) ikun għaddej bil-kwantità, tistenna li tinqala’ xi traġedja kbira xi darba.”

    Għalkemm numru ta’ żgħażagħ sostnew li l-preżenza tal-pulizija hija regolari f’Paceville u li meta jseħħ inċident, issibhom għall-għajnuna, oħrajn iddubitaw kemm in-numru ċkejken ta’ pulizija fuq il-post jista’ qatt ikun tassew effettiv meta f’ċerti ġranet ikun hemm tant nies miġburin f’dawn l-inħawi. Min-naħa l-oħra xi wħud dehrilhom li għalkemm il-pulizija jiġu fuq il-post, dawn ma jkunux ippreparati għal dak li jinqala’ … “meta ħabibti waqgħet u weġġgħet geddumha, lanqas stikka ma kellhom fuqhom!” kitbet waħda.

    Kultant xi żgħażagħ jiftħu qalbhom mal-ġenituri dwar xi ġlieda li jkunu raw isseħħ quddiem għajnejhom jew li jkunu spiċċaw fiha u dawn jistaqsuhom jekk ċemplux lill-pulizija? Omm kitbet li binha weġibha: “Għalxejn ma, għax il-pulizija dejjem jiġu meta jkun għadda kollox u min ikun qala’ l-inkwiet, ikun laħaq dabbar rasu!” U allura bir-raġun, numru ta’ żgħażagħ u ġenituri staqsew għala l-pulizija għandha tasal fuq il-post wara li jsir l-inċident, meta jaf ikun tard wisq. Għala trid tmur tfittex int lill-pulizija? Għala m’hemmx proċedura ta’ prevenzjoni? Għala l-pulizija ma jkunux qed iduru fit-toroq kontinwament sabiex il-preżenza tagħhom isservi bħala deterrent? Oħrajn xtaqu jkunu jafu għaliex m’hemmx aktar CCTV cameras li jissorveljaw l-inħawi u jekk wara kollox, dawk li hemm bħalissa, humiex qed jaħdmu tassew? Mistoqsija relevanti kienet jekk dawn is-CCTV cameras hux qed ikunu segwiti minn xi ħadd responsabbli waqt li ż-żgħażagħ ikunu miġburin fl-inħawi, inkella jekk jintużax biss ir-recording tagħhom wara li jilħaq jiġri l-fatt? Individwu ieħor staqsa jekk il-pulizija għandhomx aċċess faċli għar-recordings ta’ dawn il-filmati… “Jekk ikun involut barrani f’xi każ, mhux jilħaq idabbar rasu mill-pajjiż sakemm il-filmati jaslu għand il-pulizija, dejjem jekk il-camera tkun irrikordjat veru xi ħaġa!”

    Ċertament, kif jgħid qawl Ingliż, il-prevenzjoni hija aħjar mill-kura. U għaldaqstant ir-rota kull darba ddur fuq il-perċezzjoni ġenerali li dawn iż-żoni mhux qed ikunu regolati adegwatement sabiex l-inċidenti jiġu evitati. “Fl-aħbarijiet nisimgħu biss b’dawk l-inċidenti li jkunu gravi. Imma l-ġlied fil-bars iseħħ kemm il-darba” qal żagħżugħ. Min-naħa l-oħra ġenitur minnhom widdeb illi jekk xi darba ċċempillu bintu u tgħidlu jitla’ Paceville malajr għaliha għax qed jheddidha b’xi periklu xi ħadd, “Ma nkunx responsabbli ta’ x’ifettilli nagħmel! Niġi naqa’ u nqum jekk insibx xi tifel taħt l-età quddiemi dak il-ħin għax b’li jiġi f’idejja niftaħlu rasu!” Kien hemm min issuġġerixxa li jibda jintuża s-servizz tal-pulizija pajżana jduru fost iż-żgħażagħ “Għax int tkun dejjem ikkontrollat mill-ħsieb li ta’ ħdejk jista’ jkun il-persuna li jwaqqfek milli titkessaħ ma’ persuna oħra.” Madanakollu oħrajn insistew illi l-pulizija pajżana mhumiex ta’ deterrent daqs kemm meta qed tara l-uniformi quddiemek u li allura jservu biss biex jikkontrollaw ġlieda meta tkun diġà qamet.

    Din il-kwistjoni nislet ukoll battalja bejn dawk li ma jridux li niġu f’sitwazzjoni ta’ “stat polizjesk” u dawk li jinsistu li “il-preżenza tal-pulizija iddejjaq biss lil min beħsiebu jaqla’ l-inkwiet jew jagħmel xi ħaġa li mhux suppost.” Kummenti oħrajn sostnew illi l-pulizija li jiġu assenjati r-responsabbiltà ta’ dawk l-inħawi, għandhom ikunu mħarrġa apposta f’dak ir-rigward. “Għandu jkun hemm preżenza utli u effettiva. Idealment xi skwadra ta’ pulizija li flimkien ma’ riżorsi oħra ta’ servizzi, inkluż dak tal-SAG, joħolqu ambjent ta’ dixxiplina. Sfortunatament il-perċezzjoni tan-nies f’dik li hija dixxiplina mill-pulizija mhiex tajba ħafna u allura l-immaġni tal-pulizija qed tbati ħafna.” Xi ħaddieħor qal: “Jien rajt gang qed tisraq handbag ta’ tfajla u akkost li din bdiet tibki kemm tiflaħ u ssejjaħ għall-għajnuna, ħadd ma ta kasha, tant li dawk li serquha baqgħu fil-viċin ħalli jaraw x’kien hemm tajjeb għalihom fil-handbag!” Bla dubju f’territorju fejn m’hemmx biża’ li wieħed jista’ jinqabad minħabba n-nuqqas ta’ordni, l-inħawi jsiru fertili fil-kriminalità … “bħal ħmieġ li jiġbor il-ġrieden”.

    Kien hemm min farfar dil-kwistjoni malajr billi semma’ illi f’pajjiżi oħra, fl-inħawi tad-divertiment, isir wisq agħar u allura relattivament Paceville huwa sikur. U allura għandna nikkuntentaw b’dan? Oħrajn semmew kif f’bosta mill-clubs, wieħed isib numru ta’ bouncers u allura hekk kif xi ħadd jaqla’ l-inkwiet “jintrema l-barra”. Imma mbagħad kien hemm min staqsa “U lil dak li jintrema’ barra min jiġbru? Aktarx ħadd u allura jmur jaqla’ l-inkwiet x’imkien ieħor, probabbilment fit-triq fejn in-nies m’għandhiex daqshekk protezzjoni”. Infatti suġġeriment għaqli ħafna insista illi s-servizzi ta’ sigurtà li hemm fl-inħawi idealment għandhom jaħdmu flimkien. Ngħidu aħna, jekk xi ħadd huwa tant fis-sakra li mhux qed jara art jew li wasal fi stat li jaqla’ l-inkwiet, dan l-individwu m’għandux jitħalla barra fit-triq bla ma jingħata għajnuna. Biss biss, jekk ma jagħmel ħsara lil ħadd, jaf jilħaq isib il-karozza tiegħu u jipprova jsuq lura lejn id-dar b’konsegwenzi oħra serji.

    L-awtoritajiet saħqu illi l-pulizija qed jagħmlu mill-aħjar li jistgħu hemmhekk. Iżda għalkemm bosta jaqblu ma’ dan, ħafna min-nies jistqarru wkoll illi kieku kellha tiżdied aktar il-preżenza tal-pulizija, iħossuhom ferm aktar protetti. “In-nies meqjusa bħala ‘importanti’ tarahom għaddejjin bil-bodyguards magħhom. Allura uliedna mhumiex meqjusa importanti biżżejjed biex ikollhom il-protezzjoni f’dawn il-postijiet? Ma jistax ikun li nwaqqaf lil uliedi milli joħorġu. U fl-istess ħin għaliex uliedi għandhom jiġu mċaħħda milli jmorru f’dawn l-inħawi sempliċiment għax m’hemmx kontroll biżżejjed?” staqsa ġenitur inkwetat għall-aħħar.

    Anki l-pieni li jingħataw lil dawk li jinqabdu qed iwettqu xi reat qed idarrsu lil ħafna. “Riċentement wieħed weħel multa u twiddiba. B’daqshekk? Issa x’ser jiġri? Il-weekend li ġej ser nerġgħu insibuh Paceville mill-ġdid fostna? Forsi wasal iż-żmien li bħal ma jagħmlu fil-grounds tal-futbol, min jaqla’ l-inkwiet, tinħariġlu ordni biex għall-ammont ta’ żmien partikolari ma jersaqx lejn Paceville iktar. Dak żgur deterrent, meta ż-żgħażugħ għandu t-theddida li jekk ma jġibx ruħu sew, ser jiġi mifrud mill-bqija ta’ sħabu u mċaħħad minn dawn il-postijiet ta’ divertiment. B’hekk anki l-pulizija stess tħoss li xogħolha sewa għal xi ħaġa. Mhux bħal kif jiġri issa, tarresta bniedem illum u l-ġimgħa ta’ wara terġa’ ssibu jaqla’ l-inkwiet mill-ġdid!”

    Nittama li did-darba dil-kwistjoni ma tingħalqx hawn…

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-31 ta’ Lulju 2011)