-
IL-MERA TAD-DEFFIEN
“Twelidna mhu xejn ħlief il-bidu tal-mewt tagħna” kiteb il-poeta Edward Young (1681 – 1765). Ħsieb pjuttost negattiv u anki kemmxejn makabru…. imma reali. “Xi nies tant jibżgħu li għad imutu li qatt ma jibdew jgħixu” innota l-awtur u saċerdot Henry Van Dyke (1852 – 1933). “Kulħadd jgħid, ‘Kemm hi diffiċli din li rridu mmutu’ – ilment pjuttost stramb meta ħiereġ minn ħalq nies li kellhom jgħixu” irrimarka l-kittieb Mark Twain (1835 – 1910). Min-naħa l-oħra l-ġurnalist Norman Cousins (1915 – 1990) sostna illi “Il-mewt mhiex l-agħar telfa fil-ħajja. L-agħar telfa tikkonsisti f’dak li jmut ġewwa fina meta nkunu għadna ħajjin.” B’mod aktar pożittiv l-intraprenditur u filosofu William Penn (1644 – 1718) ikkummenta li “Il-mewt mhi xejn ħlief il-bidla tagħna miż-żmien, għall-eternità.” Fehmiet differenti ta’ nies li għexu f’ċirkustanzi diversi. Daqstant ieħor huwa ta’ min jixtarr dawn iż-żewġ kummenti ħerġin minn fomm nies li kienu jafu sewwa li l-mewt kienet wara biebhom: “Il-mewt taf tkun waħda mill-aqwa barkiet tal-bniedem” Socrates, filosofu (c. 469–399 QK) u “Dak li ma jibżax mill-mewt, imut darba biss” Giovanni Falcone, maġistrat (1939 – 1992). Madanakollu, jingħad x’jingħad, ħafna jibqgħu tal-opinjoni li l-mewt m’hawnx agħar minnha u jekk jistgħu, lanqas isemmugħa biss ma jridu. U allura, staqsejt, x’jgħaddi minnu deffien li biex jaqla’ l-għixien tiegħu jeħtieġlu jmiss mal-mewt kuljum?
“Hu xogħol li tidrah bħal kull xogħol ieħor,” qalli Alfred Mifsud li sa ftit taż-żmien ilu kien jaħdem bħala deffien. “Il-familja tagħna ilha ‘l fuq minn mitt sena tagħmel dan ix-xogħol. Beda din il-linja z-ziju ta’ missieri Lukardu Pace li kien iġorr il-mejtin bil-karrijiet taż-żwiemel. Huwa miet meta ġie mtajjar waqt inċident tat-traffiku fil-Wied ta’ Birkirkara u warajh kompla missieri Fidiel li llum jgħodd it-93 sena. Missieri rawwem lili u lil ħuti f’dan ix-xogħol, għalkemm jien biss ħriġt bħala sewwieq tal-karrijiet taż-żwiemel. Ħuti qabdu linja oħra però żammu xorta waħda f’dan il-qasam fejn fosthom għandhom negozju tat-twiebet.”
Sibt li Alfred kien bniedem ġentili u li jaf jilqgħek ħafna. Ix-xogħol tiegħu għamlu dejjem bil-qalb u qatt ma tmeżmeż minnu. Imrobbi sa minn ċkunitu jaċċetta l-mewt bħala parti mill-ħajja, għalih kienet l-aktar ħaġa naturali li ta’ tnax-il sena jaqbad ir-rota u jmur mill-Ħamrun saċ-ċimiterju ta’ Ħal-Qormi biex jgħin lid-deffien Pawlu ta’ Setti. Ta’ età hekk żgħira, kien diġà jmur jagħti daqqa t’id ukoll lil missieru meta kien imur ikeffen il-mejtin.
“Qabel in-nies ma kienux imutu l-isptar imma ħafna drabi kienu jieħdu l-aħħar nifs tagħhom ġo djarhom stess. Għalhekk, meta kien imut xi ħadd, il-kummisjonant kien jaqla’ lil dak tal-karru biex imur
jiġbor lill-mejjet. Dak iż-żmien il-mejjet kien jinġarr sal-kappella tar-raħal fuq l-ispalla u kien jiġi akkumpanjat minn purċissjoni ta’ familjari, ħbieb u fratelli ta’ fratellanzi bħal dawk Tas-Sagrament jew Tar-Rużarju. Magħhom ġieli kien ikun hemm ukoll is-sorijiet tal-kunventi tal-karitajiet li kienu jinġiebu fid-dar tal-mejjet biex jitolbu għalih qabel jittieħed għad-difna. Spiss dawn is-sorijiet kienu jieħdu magħhom ukoll lil xi tfal tal-abbatija. F’ċerti każi jien kont niġi mqabbad inkun wieħed mir-reffiegħa tat-tebut. Fil-kappella kienet issir l-uffizzjatura fejn titkanta l-libera u ssir funzjoni qasira għall-mejjet mis-saċerdot. Wara, it-tebut kien jinġarr sal-karru tal-mejtin u jien kont inwasslu saċ-ċimiterju fejn bosta drabi dfint il-mejjet ukoll. F’każi fejn il-mejjet kien jindifen f’ċimiterju tal-gvern, bħal dak tal-Addolorata, id-dfin kien isir mid-deffiena tal-post. ”
Kollox kien isir fl-ewwel siegħat tal-jum peress li dawn in-nies kollha kienu jridu jmorru jkomplu jlaħħqu max-xogħol tagħhom tal-ġurnata. Għalhekk dak li kien jarma l-karrijiet, kien ikollu jibda jipprepara kollox mal-lejl… Kien hawn li beda jifforma d-destin ta’ Alfred u Mary, li l-quddiem kellha tkun il-mara tiegħu.
“Inzerta li l-ġar tagħna fejn konna noqogħdu f’Santa Venera, kien jarma l-karrijiet tal-mejtin u ta’ xi 14-il sena, Alfred kien imur jgħinu. Imma niftakar li dak iż-żmien jien kelli xi 7 snin u kont nitwaħħax meta kont noħroġ kmieni għall-quddies u nsib dawk il-karrijiet qed jintramaw fit-triq wieħed wara l-ieħor biex jintrabtu maż-żwiemel suwed u kbar, b’rixa twila fuq rashom! Għal xi raġuni, mhux mill-karrijiet kont nibża’ imma miż-żwiemel. Għadni sa llum nitwerwer miż-żwiemel u b’xejn mhu ser tressaqni lejn xi wieħed minnhom.
Nistqarr li fl-istess ħin il-karrijiet kienu jiġbdu ħafna aktar ir-rispett tan-nies għax kulħadd kien jintebaħ li għaddejjin b’xi ħadd mejjet u kienu jieqfu għal mument minn dak li jkunu qed jagħmlu. Niftakar darba minnhom rajt karru abjad qed iġorr tebut abjad ta’ tfajla ta’ 14-il sena li kienet fil-klassi tiegħi u qgħadna narawh għaddej u għedna talba għal ruħha.”
Nassumi li apparti r-rispett kien hemm ukoll doża ta’ kurżità. Imma kontra dak li jiġri llum, fejn id-dinja tibqa’ ddur akkost kemm imutu nies, dak iż-żmien il-Maltin kienu jhedew jirrakkuntaw u jwasslu l-aħbarijiet ta’ min naqas minn wiċċ id-dinja f’dawk l-aħħar siegħat, u kien rari li xi ħadd jibqa’ minsi…
“In-nannu kien l-ikbar raġel tal-Mellieħa: kemm mill-persuna u minn kollox,” kompliet tiftakar Mary. “Il-funeral tiegħu sar fis-17 ta’ Diċembru, f’ġurnata kiesħa b’bard ixoqq il-għadam. Kien joqgħod in-
naħa tal-Belleview ħdejn il-bandli u minn hemm ir-reffiegħa kellhom iġorruh fuq l-ispalla sal-knisja tal-Mellieħa! Kollox mar sew sakemm wasalna fil-knisja u kollha ngħatajna xemgħa tixgħel f’idejna. Imma f’daqqa waħda, wieħed minn dawk li kienu refgħu lil nannuwi t-triq kollha, għadda x-xemgħa lil ta’ ħdejh, tah attakk ta’ qalb u miet hemm sobtu! Naturalment kellna nkomplu bil-funeral tan-nannu fejn ħadnih ftit metri bogħod għad-difna fiċ-ċimiterju tal-post. U sakemm wasalna sad-dar ftit tal-ħin wara, kulħadd kien diġà jaf li miet wieħed mir-reffiegħa tal-Pirrex, kif kienu jsejjħu lil nannuwi.”
Infurmawni li l-funzjoni tal-quddies għall-mejjet bdiet biss mas-snin sebgħinijiet.
“Meta l-funeral kien jikkonsisti biss f’funzjoni qasira, ġieli laħħaqt madwar tlieta, erbgħa difniet. Imma mbagħad meta bdiet issir il-quddiesa, ma stajtx naħdem aktar minn tnejn. Kont naħdem f’diversi ċimiterji fosthom tnejn f’Ħal-Qormi; dawk ta’ San Bastjan u ta’ San Ġorġ, tnejn f’Ħaż-Żebbuġ; f’dak magħruf bħala tar-raħal u f’ta’ San Blas, u fiċ-ċimiterji ta’ Ħaż-Żabbar, tal-Gudja, tal-Birgu u tal-Imġarr.”
Alfred ġabli xi ritratti fejn hu kien qed jidher waqt xogħolu. Iżda magħhom kellu wkoll xi ritratti li juru karrijiet oħra interessanti.
“Ara dan hu l-karru li kont insuq jien. Innota ftit, għalkemm jingħad li l-mewt ma taħfirha lil ħadd u żżomm lil kulħadd ugwali, xorta waħda l-bniedem irnexxielu joħloq il-livelli anki f’dan il-qasam. Għax meta l-mejjet kien ikun sinjur, il-karru tiegħu kien ikun tal-prima, b’ħafna skultura kulur id-deheb u kien jinġarr minn erbat iżwiemel. Imma meta l-mejjet ma kienx daqshekk tat-tajjeb, kien jintuża l-karru tas-sekonda li kien ikun sempliċiment miżbugħ biss u kien jinġarr minn żewġt iżwiemel. Osserva wkoll il-karozzi li hemm fuq wara peress li f’dik il-ħabta kienu qed jintużaw iż-żewġ mezzi f’daqqa.
Min-naħa l-oħra dar-ritratt b’serbut ta’ karozzelli għaddejjin mill-Ħamrun qed juri kif kienu jsiru l-funerali kbar ta’ dari. Issa dan ir-ritratt l-ieħor huwa eżempju tal-ewwel karru li kien jintuża għad-dfin fl-
Addolorata; interessanti kemm kien differenti minn dak li kien jintuża fi żmieni. Ara, dan hu karru ieħor li kien ta’ wieħed Żejtuni li kienu jafuh bħala tad-Dmura u fih kienu nġarru Nerik Mizzi, Dun Karm Psaila u Dun Ġorġ Preca. Issa agħti ħarsa lejn dan ir-ritratt li qed juri karru barrani… id-differenza hija kbira ħafna għax sempliċi għal kollox. M’hemm l-ebda maestrija evidenti fl-iskultura u t-tiżjin tiegħu bħal kif kienu l-użanzi tagħna lokalment.”
Komplejna nqallbu r-ritratti u fosthom rajt lil Alfred isuq wiginet; li kien bħal karozzin bla tinda u l-passiġġiera kienu jidħlu minn wara u joqogħdu bil-qiegħda fil-ġnub tiegħu (kif nagħmlu llum f’jeep). Imma din id-darba mhux mejjet kien qed iġorr imma lil waħda mill-parteċipanti ta’ Miss Malta ta’ madwar 50 sena ilu waqt festival tal-inbid. F’ritratt ieħor kien hemm il-parteċipanti ta’ Miss Malta qed jippużaw mal-wiginet u ma’ wieħed miż-żwiemel li soltu kien ikun involut f’xogħol ieħor għal kollox differenti. Tgħid kienu jafuh dan? Alfred urieni wkoll inkwadru kbir imwaħħal fis-salott fejn hu kien il-kuċċier ta’ karru.
“Ġie żmien meta riedu jaqtgħu lil dawn il-karrijiet imma kien inqala’ xi nkwiet minħabba l-ħlas tan-nofs venda. Ġara li min kellu jaqsam l-ħlas ma’ missieri ma riedx iħallas is-sehem tiegħu u allura missieri sostna li ried jibqa’ jarma. Għaldaqstant meta miet wieħed mill-Ħamrun magħruf bħala Pisani tad-dawl u qabbad lilna, aħna morna għalih bil-karru imma magħna ġew ukoll il-pulizija. B’hekk konna aħna li wassalna l-aħħar mejjet bil-karru ġewwa l-Addolorata għax imbagħad missieri tħallas u l-karrijiet waqfu.”
Ormaj intervistajt lil bosta individwi u kważi dejjem nispiċċaw imdawwrin madwar mejda naraw ir-ritratti għax il-viżwal jogħġobni wisq! Imma jkolli nistqarr li did-darba
kont qed inħossni kemmxejn stramba nqalleb ritratti ta’ xeni bħal dawn. Wieħed minnhom kien qed juri lil Alfred qed jerfa’ tebut. Impressjonajt ruħi kif hu kien kapaċi jiftakar il-mejjet li kien qed iġorr f’kull wieħed mir-ritratti. Imma nħsadt wisq aktar meta Alfred beda jirrakkuntali kif kien jiġi trattat minn ċerti nies fil-passat, sempliċiment minħabba t-tip ta’ xogħol li kien jagħmel…
“F’ċerti rħula meta kienu jarawna ġejjin biż-żwiemel, xi ħwienet kienu jagħlqu l-bibien tagħhom sabiex ma nidħlux nieħdu xi belgħa tè minn għandhom. F’Ħal-Kirkop, f’Ħal-Safi u fin-naħat ta’ fuq ta’ Malta kienu jagħmluha spiss din. Mhux għax jibżgħu mill-mewt biss imma għax kienu jitqażżuna. Batejna. Immaġina tkun xi ġurnata kiesħa fil-għodu kmieni u tkun ilek ġej tul triq twila bilqiegħda fuq dak is-saldatur kiesaħ fir-riħ u fil-bard. Tkun tixtieq tixrob xi ħaġa sħuna u ħadd ma jrid idaħħlek. Ġieli kellhom jagħtuna mill-knisja biex nixorbu xi ħaġa.”
Prosit kemm konna nsara! Martu kompliet tgħidli…
“F’xi ħwienet tal-Mellieħa, il-parruċċani kienu jisħqu li n-nies bħal Alfred kellhom jużaw skutella jew makk għalihom għax ħadd ma ried jixrob minn warajhom. U darba l-kappillan kien widdeb lin-nies li jekk jibqgħu jagħmlu hekk, ma kien ser jifdal ħadd mir-raħal biex jidfen lin-nies t’hemm u jitilgħu l-barranin minflok. U llum il-ġurnata hekk qed jiġri.”
Anki meta ġie biex isib tfajla kellu l-problemi Alfred.
“Ġieli ppruvajt inkellem lil xi tfajla u m’aċċettatnix minħabba x-xogħol li kont nagħmel. Kien jiddispjaċini imma kont nifhem għax kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu. Nifhimha li hawn min
jimpressjona ruħu b’xogħol bħal dan.”
Ara Mary ma kellha l-ebda problema dwar dan. Mhux talli, imma biex żgur tkompli mal-andament tad-destin, il-laqgħa tagħhom li kellha finalment twassal għaż-żwieġ tagħhom seħħet waqt li hi kienet waqt funeral u Alfred kien qed jagħmel xogħolu!
“Lil Alfred kont ilni nafu u dejjem wera li kien ġuvni bieżel u bil-għaqal. Ix-xogħol tiegħu qatt ma dejjaqni u bih għejjixna familja ta’ erbat itfal. Kont niddejjaq żgur li kieku kien xi wieħed għażżien jew bla xogħol!”
Min ser ilumha? Fortunatament illum dawn l-affarijiet inqatgħu ħafna. Uliedhom is-subien ħadu x-xogħol ta’ missierhom u ma sabux problemi minn dawn. Barra minn hekk, bint minnhom iżżewġet f’familja miż-Żejtun li hi magħrufa ħafna għall-istess xogħol ta’ missierha. Issa Alfred fadallu biss il-memorji ta’ dax-xogħol li hu saħaq li qatt ma ried jibdlu ma’ xejn.
“Ma konniex nitħallsu wisq imma l-ħobża ta’ kuljum dejjem qlajtha. Hemm mumenti li jdejjquk bħal f’kollox. Ngħidu aħna meta tinżel f’qabar biex tnaddfu mill-għadam u jitla’ l-wirdien għalik, tiddejjaq
le? Imma jien ma nibżax minnu, infarfru minn fuqi malajr u nkompli fuq xogħoli. Barra hekk, min jaf kemm ġieli rqadt iljieli ħdejn il-mejtin li kienu jitħallew 24 siegħa f’kamra apposta fiċ-ċimiterju qabel jindifnu. Qatt ma bżajt u nassigurak li qatt ma qam ħadd.”
Staqsejtu jekk qatt difinx lil xi ħadd jiġi minnu.
“Iva. Lil ħija li miet ta’ 22 sena għax kien marid bil-kliewi. Miet madwar 29 sena ilu u għalkemm indifen fl-Addolorata, dakinhar kienu ħallewna nniżżluh aħna. Tħoss naturalment tarah nieżel taħt l-art. Imma meta tiftakar kemm kien qed ibati, għax dak iż-żmien ma kienx hemm kura għall-mard bħal dan, tagħraf li fir-realtà straħ u b’hekk tistabar.”
Mary ftakret f’mument partikolari meta Alfred ġie lura mix-xogħol b’qalbu maqsuma…
“Darba ġie u qalli ‘Mer, taf li qatt ma bkejt fil-funerali imma llum tifel żgħir ta’ erbgħa snin qasamli qalbi. Tilef lil ommu u ma setax jifhem meta raha nieżla fil-qabar għaliex qed tħallih u beda jgħajjat u jibki “Ma ejja, ma ejja!”
Rakkont ġibed lil ieħor…
“Snin ilu kienu jmutu ħafna trabi. Min jaf kemm ġarrejt trabi fil-karru l-abjad minn Lazzaret fejn kienu jeħduhom meta kienu jimirdu! Imma darba nqalgħat waħda li ma tinsihiex kif ġieb u laħaq. Inzerta li
fl-istess ġurnata mietu żewġt itrabi bl-istess kunjom. Aħna morna għal waħda minnhom u tlaqna bil-korteo magħna. Iżda kif konna kważi wasalna biha fiċ-ċimiterju, tant li konna ħdejn is-shipbuilding, ġie jilħaqna l-kummissjonant biex jgħarraffna li kienu tawna t-tarbija żbaljata! U kulħadd kellu jmur lura għall-katavru tat-tarbija proprja.”
Smajt bosta rakkonti oħra għax Alfred għamel snin twal jaħdem f’dan il-qasam. Biex nagħlaq xtaqt inkun naf jekk dan ix-xogħol biddlilhomx il-perspettiva tagħhom dwar il-mewt u jekk kienux jibżgħu mill-mewt wara kollox?
Bdiet Mary, “Ma tistax ma tibżax mill-mewt għax anki Kristu beża’ minnha meta waslet is-siegħa Tiegħu. Imma ommi dejjem għallmitni li bħalma ħadna l-ħajja hekk irridu nieħdu l-mewt. Hekk jew hekk inutli tibża’ għax xorta trid tiġi.”
Min-naħa tiegħu Alfred għalaq hekk “Jiena nirraġuna li l-mewt hija parti mill-ħajja tal-bniedem: hekk kif tgħix taf ukoll li trid tmut. Ma nħossx li nibża’ wisq mill-mewt. Inqis ix-xogħol li kelli bħala mera jew ritratt ta’ dak li rrid ngħaddi minnu. Imma nemmen li l-aqwa li tgħix sewwa u l-bqija tħallih f’idejn Alla.”
Forsi ta’ min jixtarr dak li qal il-poeta William Ross Wallace (1819 – 1881) “Kull bniedem imut. Mhux kull bniedem jgħix tassew.”
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Novembru 2011)
Category: Torca - Perspettivi | Tags: Addolorata,Alfred Mifsud,ċimiterju,deffien,dfin,Dun Ġorġ Preca,Dun Karm Psaila,Edward Young,Fidiel Mifsud,Fiona Vella,fratellanzi,Giovanni Falcone,Henry Van Dyke,karru tal-mejtin,Lukardu Pace,Mark Twain,Mary Mifsud,mewt,Miss Malta,Nerik Mizzi,Norman Cousins,Pawlu ta’ Setti,perspettivi,Socrates,sorijiet tal-kunventi tal-karitajiet,Tal-Pirrex,Tar-Rużarju,Tas-Sagrament,tfal tal-abbatija,Torċa,uffizzjatura,wiginet,William Penn,William Ross Wallace