• Temmen jekk trid

    Soqt għal għonq it-triq lejn il-Mellieħa taħt sema tqila bi sħab iswed ċomb u tlabt bil-qalb li nilħaq nasal qabel din ifettlilha tiftaħ bwiebha… U oħroġ il-għaġeb, hekk kif missejt mat-tarġa tal-bieb tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, inħoss l-ewwel qatriet qawwija nieżla fuq dahri, li mill-ewwel inbidlu f’xita qalila, hekk kif dħalt ġewwa għall-kenn ta’ dan ir-rifuġju sagru. Għajnejja mill-ewwel waqgħu fuq dak li kont mort għalih – in-numru kbir ta’ kwadri ex-voto mwaħħla mal-ħitan. U hekk kif rajt lil Jimmy Muscat riesaq isellimli, ma domtx ma ntbaħt li għal darb’oħra, kont ser niskopri xi erbgħa stejjer interessanti mhux ħażin.

    P1130729Infatti, kien proprju l-ktieb ta’ dan l-awtur ‘Ex-Voto: Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa’ li ġibidni lejn dan il-post. F’dan il-ktieb li hu wkoll speċi ta’ katalogu, Jimmy jippreżenta ġabra tal-110 kwadru ex-voto li rnexxielhom isalvaw sal-ġurnata ta’ llum f’dan is-santwarju, fejn 64 minnhom għandhom tema marittima, filwaqt li l-oħrajn juru xeni ta’ mard u inċidenti li n-nies irnexxielhom ifiequ minnhom. Naturalment, kull kwadru għandu l-istorja partikolari tiegħu imma mhux kull wieħed fih id-dettalji ta’ dan ir-rakkont miktubin fuqu. Uħud mill-kwadri għandhom xi deskrizzjoni ta’ dak li kien seħħ biex saret din il-pittura, oħrajn għandhom biss id-data mniżżla fuqhom, filwaqt li numru ieħor juru l-ittri V.F.G.A. (Votum Fecit Gratiam Accepit) li jfisser li l-wegħda ntalbet u l-grazzja nqalgħet. Fl-istess ħin, anki jekk numru ta’ xogħolijiet m’għandhom l-ebda kitba fuqhom, jekk wieħed jiflihom sewwa, xorta waħda jista’ jinnota xi dettalji li kapaċi jagħtuh indikazzjoni tal-kuntest tagħhom, bħal ngħidu aħna mit-tip ta’ xwieni, mill-bnadar li jkollhom fuqhom, mill-inħawi li jidhru fl-isfond, mill-ilbies tan-nies u mill-għamara tad-djar. Għaldaqstant, dawn l-ex-voto mhumiex biss xhieda tat-twemmin tal-popli matul iż-żminijiet imma anki riflessjoni tal-istorja u tas-soċjetajiet differenti li ħallew dan il-wirt tagħhom f’dan il-post.

    P1120168Imma, ejja nimxu lura fis-snin, lejn il-bidu ta’ dan is-sit… Skont l-istudji fl-istorja tal-Mellieħa li għamel Jimmy, jidher li qabel is-17 il-seklu, l-inħawi ta’ fejn illum jinsab dan is-santwarju, kienu biss għerien naturali. Minħabba l-attakki spissi tal-pirati li kienu jsibu l-bajja tal-Mellieħa mira faċli biex minnha jitilgħu l-art, l-inħawi tal-madwar kienu meqjusa bħala perikolużi wisq biex wieħed jgħix fihom. Probabbilment kien hemm xi wħud li kienu jazzardaw jgħixu f’xi għerien tal-madwar, imma dawn kienu jafu li kienu qed jilgħabu xortihom kuljum hemmhekk. Intant, skont xi dokumenti li nstabu, jidher li fl-1640 kien beda t-tħaffir tal-inħawi fejn illum jinsab is-santwarju. Iżda mill-ġdid, minħabba l-invażjonijiet minn perjodu għall-ieħor tal-pirati, intilfu ħafna dokumenti sinifikanti minn dan il-post u fil-fatt il-manuskritti li għandna llum jibdew mit-18 il-seklu.

    P1120126Il-ħaġa tal-iskantament hija illi għalkemm dawn l-inħawi kienu meqjusa tat-twegħir, bosta pellegrini xorta waħda kienu jirriskjaw ħajjithom sabiex iżuru wieħed minn dawn l-għerien li kien meqjus bħala sagru minħabba xbieha partikolari li kellu fuq il-ħajt. Dan għaliex it-tradizzjoni tgħid li din ix-xbieha tal-Madonna bil-Bambin f’idejha kien pinġiha fuq il-blat San Luqa, meta fis-sena 60W.K. huwa kien qiegħed f’Malta flimkien ma’ sieħbu San Pawl, u għalhekk din  kienet ikkunsidrata bħala mirakoluża. Tradizzjoni oħra relatata ma’ dan il-post tirrakkonta illi fis-sena 409W.K. grupp ta’ isqfijiet kienu żaru dan l-għar u meta raw din it-tpinġija ta’ San Luqa mal-blat u t-twemmin sod li kien hemm marbut magħha, huma ddeċidew li jikkonsagraw dan il-post bħala knisja.

    P1120131Li nafu fiż-żgur huwa li maż-żmien, inbena santwarju sħiħ madwar ikona li turi x-xbieha tal-Madonna bil-Bambin f’idha. Barra minn hekk inbnew ukoll xi kmamar għall-pellegrini fejn dawn setgħu jistrieħu ftit qabel jerħulha lura lejn l-abitat tagħhom. Sal-ġurnata ta’ llum,  bosta pellegrini għadhom iżuru dan il-post biex jitolbu l-għajnuna tal-Madonna tal-Mellieħa quddiem din ix-xbieha. Min-naħa l-oħra, xi studjużi tal-arti għandhom ukoll interess f’din ix-xbieha peress li għad hemm diversi mistoqsijiet relatati magħha. Fosthom hu maħsub li l-ikona li qed naraw fil-preżent, kienet saret fit-13 il-seklu. Iżda mid-dehra taħt din it-tpinġija, hemm oħra ferm aktar antika minnha, minħabba li waqt li kien qed isirilha xi restawr, beda joħroġ xi fdal tad-deheb minn taħtha. Dan jindika l-possibilità li jista’ jkun hemm xbieha eqdem mgħottija b’dik preżenti. Sadanittant, minn dokumenti tal-visti pastorali li saru matul is-snin, Jimmy skopra li għal aktar minn darba, l-isqfijiet ta’ dawk il-perjodi kienu qed jinnutaw li x-xbieha tal-Madonna kienet qed tisfuma biż-żmien u għalhekk huma talbu biex titpinġa oħra fuqha sabiex il-pellegrini jkunu jistgħu jibqgħu jaraw u jidentifikaw max-xbieha tal-Madonna li għaliha kienu qed jiġu f’dan il-post.

    P1120141Hekk kif għajnejja ġrew fuq l-ammonti ta’ kwadri ex-voto li jmorru lura għal mijiet ta’ snin, fihom ilmaħt it-tama ta’ bosta individwi li akkost li kienu f’ibħra ‘l bogħod minn xtutna, talbiethom xorta waħda daret lejn il-Madonna li fiha huma kellhom l-akbar fiduċja – dik tas-Santwarju tal-Mellieħa. Iżda ma kienux biss il-Maltin li kienu jiggranfaw ma’ din il-karba għall-għajnuna divina ta’ din il-Madonna meta l-mewt kienet daqstant viċin! Infatti kienu ħafna l-individwi barranin li kienu rregalaw il-kwadri ex-voto tagħhom lil dan is-santwarju meta rritornaw qawwijin u sħaħ lejn pajjiżna. Fost dawn kien hemm il-ġeneral tal-flotta tal-Ordni, Fra Antonio Correa (Montenegro) li wiegħed u ta kwadru mill-isbaħ lill-Madonna tas-Santwarju tal-Mellieħa wara li x-xwieni li kien responsabbli minnhom inqabdu f’maltempata tal-biża’ waqt li kienu qed jaqsmu u jbaħħru qrib il-gżejjer ta’ Taranto fl-1678 u finalment irnexxielhom isalvaw. Ex-voto ieħor pjuttost kurjuż huwa dak li jidher proprju fil-qoxra tal-ktieb ta’ Jimmy fejn did-darba, il-Madonna li tidher fuq ix-xbieha  tal-ex-voto, tixbaħ ħafna lill-Madonna tal-Monasteru ta’ Kykkos li jinsab f’Ċipru u għalhekk hija għal kollox differenti minn dik tal-Mellieħa. Għaldaqstant wieħed jistaqsi kif dan ix-xogħol ġie inkluż ma’ din il-kollezzjoni tas-santwarju? Kitba fuq dan l-ex-voto li tidher li hi ta’ lingwa antika Russa u Griega, taf tipprovdi xi indikazzjoni dwar din ir-raġuni, iżda s’issa ħadd għadu ma rnexxielu jiddeċifra x’hemm miktub.

    P1120138Kwadri oħra, daqstant emozzjonali, juru persuni jew familji qed jitolbu bil-ħrara għall-qraba morda tagħhom u mill-ġdid hawnhekk, apparti li f’dawn il-wegħdi naraw is-simboli tat-twemmin, fl-istess ħin għandna stampa ċara tas-sitwazzjoni tas-saħħa li kien hawn f’pajjiżna matul is-snin, fejn fosthom uħud kienu mardu bil-malarja, bit-tuberkolożi, bil-pneumonia, bil-ġidri, bil-kolera, bid-difterite u anki bil-pesta. Fost dawn, laqgħatni ħafna kwadru minnhom li juri xena ta’ sptar tal-pesta tal-1813. Dan il-kwadru kien wiegħda magħmulha minn Anna Lungaro u l-qarib tagħha Giovanni Portelli peress li hi kienet mardet bil-marda tal-pesta u permezz tal-ħniena divina tal-Madonna tal-Mellieħa, nhar it-Tlieta, 17 t’Awwissu 1813, hi u tnejn oħra biss mill-160 persuna li kien hemm fl-isptar tal-pesta, irnexxielhom isalvaw.

    P1120134Jimmy kompla jdawwarni madwar is-santwarju li ġewwa fih jinkorpora wkoll l-għerien naturali tal-post li indubbjament jagħtuh laqta’ pjuttost insolita u surreali. Iżda daqstant ieħor bqajt impressjonata bil-kwantità ta’ ex-voto oħrajn li kellhom kull xorta ta’ forma: ittri, ritratti, x-rays, ċertifikati, ilbies tat-trabi, krozzi, u dak kollu li tista’ timmaġina. Wegħdi magħmula mhux biss mill-Maltin imma minn kull ġens li qatt żar dan il-post. Infatti peress li fil-Mellieħa hemm diversi lukandi, it-turisti spiss isibu ruħhom f’dan il-lok, u anki dawk li mhumiex Kristjani, xorta waħda jiġu mistiedna biex jittawwlu u jaraw x’hemm. Uħud minn dawn, imqanqla minn dik ix-xhieda kollha ta’ sabar, fejqan u mirakli, bla ma jafu kif, isibu ruħhom huma wkoll jitolbu l-għajnuna quddiem il-Madonna u numru minnhom, jerġgħu jirritornaw lura lejn gżiritna bir-rigal tagħhom meta talbhom jinstema’. Minn fost il-ħafna oġġetti li kien hemm, sibt ruħi qiegħda naqra ġrajja minn ġurnal li kienet qed tirrakkonta kif koppja Ingliża li t-tobba kienu qatgħulhom qalbhom li għad ikollhom tarbija, meta żaru dan is-santwarju u għamlu t-talba tagħhom, huma rritornaw lejn artna tmien snin wara b’żewġt itfal tagħhom.

    P1120122Ex-voto oħra ta’ qisien differenti, li ħafna minnhom ġew maħdumin mill-fidda fid-19 il-seklu, juru diversi partijiet tal-ġisem bħala rappreżentazzjoni ta’ b’hiex kien marid l-individwu li għamel il-wegħda. Numru minnhom għandhom forma ta’ qalb imma dawn huma simbolu tal-imħabba lejn il-Madonna. Oħrajn juru par għajnejn u id u dawn kienu jissimbolizzaw is-superstizzjoni tal-magħmul li ġej mill-għajn. Bħall-oġġetti l-oħra, anki dawn jitfgħu dawl fuq is-soċjetà li għamlithom, hekk kif l-abbundanza li ngħataw biha u l-fatt li ħafna minnhom huma identiċi, juru li tant kien hemm talba għal dawn il-wegħdi, li dawn l-oġġetti kienu qed jiġu manifatturati fil-kwantità u mibjugħa. Iżda darba minnhom kien ġie żmien meta isqof partikolari kien beda jitnaffar minn dawn l-affarijiet, uħud minnhom saħansitra superstizzjużi, imwaħħla madwar l-artali tal-knejjes kollha! U għalhekk hu ordna li dawn kellhom jitneħħew minnufih u jiġu merfugħa fis-sagristija, b’eċċezzjoni tal-qalb li kienet tirrappreżenta l-imħabba lejn il-Madonna. Infatti Jimmy għadu sa llum isib minn dawn l-ex-voto fil-kaxxi iżda hu jemmen li rigward dawn il-wegħdi, jiswew kemm jiswew, u juru x’juru, jeżisti l-obbligu li dawn jintwerew fil-pubbliku peress li huma kienu kollha doni li ngħataw b’qima, b’rispett u b’imħabba lill-Madonna. Għaldaqstant hu qed jagħmel minn kollox biex jesponi kull oġġett li jingħata lis-santwarju, akkost il-problema tal-ispazju u l-fatt li dawn il-wegħdi għadhom deħlin.

    P1130721Proġett ieħor li dejjem isus fuq moħħ Jimmy jirrigwarda r-restawr tal-kwadri ex-voto sabiex dawn jiġu konservati għar-referenza tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna. Huwa jixtieq ħafna li jsib xi sponsors li jkunu jistgħu jagħtuh daqqa t’id biex isir dan ir-restawr. Sfortunatament, in-nuqqas ta’ għarfien fiż-żminijiet antiki dwar kif kien l-aħjar mezz kif jinżammu oġġetti bħal dawn, kien wassal għall-qerda ta’ għadd ta’ kwadri sinifikanti u min jaf kemm informazzjoni ntilfet! Infatti bosta minn dawn il-kwadri kienu ġew mormija wara li sofrew danni peress li tpoġġew direttament fuq blat umduż, filwaqt li oħrajn ġew anki maħsula bl-ilma wara li swiedu minħabba n-nugrufun li tqanqal mill-kwantità ta’ xemgħat u ftili taż-żejt li kienu jinxtegħlu għal siegħat twal fis-santwarju!

    P1120170Temminx jew le f’dawn il-mirakli jew fl-istess reliġjon innifsu, ma naħsibx li tista’ tibqa’ biered għal kollox fil-preżenza ta’ din il-ġabra mmensa tat-tifkiriet ta’ nies li emmnu, afdaw u qalgħu l-għajnuna meta l-aktar li kellhom bżonnha. Ċertament jagħmel tajjeb li kieku intom jirnexxielkhom issibu ftit ħin biex iżżuru dan il-post sinifikanti ħafna f’pajjiżna u fil-kultura tagħna sabiex b’hekk taraw b’għajnejkhom, tmissu b’idejkhom u tħossu b’qalbkhom.

    Is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa jkun miftuħ mis-7.00am sa nofsinhar u mill-4.00pm sas-6.00pm. Issir ukoll quddiesa kuljum fit-8.30am, filwaqt li dik tal-Ħadd tibda fl-10.00am u tkun bl-Ingliż.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 ta’ Jannar 2014 fis-sensiela Ġabriet it-Tifkiriet)