Posts Tagged ‘Ordni ta’ San Ġwann’
-
Temmen jekk trid
Soqt għal għonq it-triq lejn il-Mellieħa taħt sema tqila bi sħab iswed ċomb u tlabt bil-qalb li nilħaq nasal qabel din ifettlilha tiftaħ bwiebha… U oħroġ il-għaġeb, hekk kif missejt mat-tarġa tal-bieb tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, inħoss l-ewwel qatriet qawwija nieżla fuq dahri, li mill-ewwel inbidlu f’xita qalila, hekk kif dħalt ġewwa għall-kenn ta’ dan ir-rifuġju sagru. Għajnejja mill-ewwel waqgħu fuq dak li kont mort għalih – in-numru kbir ta’ kwadri ex-voto mwaħħla mal-ħitan. U hekk kif rajt lil Jimmy Muscat riesaq isellimli, ma domtx ma ntbaħt li għal darb’oħra, kont ser niskopri xi erbgħa stejjer interessanti mhux ħażin.
Infatti, kien proprju l-ktieb ta’ dan l-awtur ‘Ex-Voto: Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa’ li ġibidni lejn dan il-post. F’dan il-ktieb li hu wkoll speċi ta’ katalogu, Jimmy jippreżenta ġabra tal-110 kwadru ex-voto li rnexxielhom isalvaw sal-ġurnata ta’ llum f’dan is-santwarju, fejn 64 minnhom għandhom tema marittima, filwaqt li l-oħrajn juru xeni ta’ mard u inċidenti li n-nies irnexxielhom ifiequ minnhom. Naturalment, kull kwadru għandu l-istorja partikolari tiegħu imma mhux kull wieħed fih id-dettalji ta’ dan ir-rakkont miktubin fuqu. Uħud mill-kwadri għandhom xi deskrizzjoni ta’ dak li kien seħħ biex saret din il-pittura, oħrajn għandhom biss id-data mniżżla fuqhom, filwaqt li numru ieħor juru l-ittri V.F.G.A. (Votum Fecit Gratiam Accepit) li jfisser li l-wegħda ntalbet u l-grazzja nqalgħet. Fl-istess ħin, anki jekk numru ta’ xogħolijiet m’għandhom l-ebda kitba fuqhom, jekk wieħed jiflihom sewwa, xorta waħda jista’ jinnota xi dettalji li kapaċi jagħtuh indikazzjoni tal-kuntest tagħhom, bħal ngħidu aħna mit-tip ta’ xwieni, mill-bnadar li jkollhom fuqhom, mill-inħawi li jidhru fl-isfond, mill-ilbies tan-nies u mill-għamara tad-djar. Għaldaqstant, dawn l-ex-voto mhumiex biss xhieda tat-twemmin tal-popli matul iż-żminijiet imma anki riflessjoni tal-istorja u tas-soċjetajiet differenti li ħallew dan il-wirt tagħhom f’dan il-post.
Imma, ejja nimxu lura fis-snin, lejn il-bidu ta’ dan is-sit… Skont l-istudji fl-istorja tal-Mellieħa li għamel Jimmy, jidher li qabel is-17 il-seklu, l-inħawi ta’ fejn illum jinsab dan is-santwarju, kienu biss għerien naturali. Minħabba l-attakki spissi tal-pirati li kienu jsibu l-bajja tal-Mellieħa mira faċli biex minnha jitilgħu l-art, l-inħawi tal-madwar kienu meqjusa bħala perikolużi wisq biex wieħed jgħix fihom. Probabbilment kien hemm xi wħud li kienu jazzardaw jgħixu f’xi għerien tal-madwar, imma dawn kienu jafu li kienu qed jilgħabu xortihom kuljum hemmhekk. Intant, skont xi dokumenti li nstabu, jidher li fl-1640 kien beda t-tħaffir tal-inħawi fejn illum jinsab is-santwarju. Iżda mill-ġdid, minħabba l-invażjonijiet minn perjodu għall-ieħor tal-pirati, intilfu ħafna dokumenti sinifikanti minn dan il-post u fil-fatt il-manuskritti li għandna llum jibdew mit-18 il-seklu.
Il-ħaġa tal-iskantament hija illi għalkemm dawn l-inħawi kienu meqjusa tat-twegħir, bosta pellegrini xorta waħda kienu jirriskjaw ħajjithom sabiex iżuru wieħed minn dawn l-għerien li kien meqjus bħala sagru minħabba xbieha partikolari li kellu fuq il-ħajt. Dan għaliex it-tradizzjoni tgħid li din ix-xbieha tal-Madonna bil-Bambin f’idejha kien pinġiha fuq il-blat San Luqa, meta fis-sena 60W.K. huwa kien qiegħed f’Malta flimkien ma’ sieħbu San Pawl, u għalhekk din kienet ikkunsidrata bħala mirakoluża. Tradizzjoni oħra relatata ma’ dan il-post tirrakkonta illi fis-sena 409W.K. grupp ta’ isqfijiet kienu żaru dan l-għar u meta raw din it-tpinġija ta’ San Luqa mal-blat u t-twemmin sod li kien hemm marbut magħha, huma ddeċidew li jikkonsagraw dan il-post bħala knisja.
Li nafu fiż-żgur huwa li maż-żmien, inbena santwarju sħiħ madwar ikona li turi x-xbieha tal-Madonna bil-Bambin f’idha. Barra minn hekk inbnew ukoll xi kmamar għall-pellegrini fejn dawn setgħu jistrieħu ftit qabel jerħulha lura lejn l-abitat tagħhom. Sal-ġurnata ta’ llum, bosta pellegrini għadhom iżuru dan il-post biex jitolbu l-għajnuna tal-Madonna tal-Mellieħa quddiem din ix-xbieha. Min-naħa l-oħra, xi studjużi tal-arti għandhom ukoll interess f’din ix-xbieha peress li għad hemm diversi mistoqsijiet relatati magħha. Fosthom hu maħsub li l-ikona li qed naraw fil-preżent, kienet saret fit-13 il-seklu. Iżda mid-dehra taħt din it-tpinġija, hemm oħra ferm aktar antika minnha, minħabba li waqt li kien qed isirilha xi restawr, beda joħroġ xi fdal tad-deheb minn taħtha. Dan jindika l-possibilità li jista’ jkun hemm xbieha eqdem mgħottija b’dik preżenti. Sadanittant, minn dokumenti tal-visti pastorali li saru matul is-snin, Jimmy skopra li għal aktar minn darba, l-isqfijiet ta’ dawk il-perjodi kienu qed jinnutaw li x-xbieha tal-Madonna kienet qed tisfuma biż-żmien u għalhekk huma talbu biex titpinġa oħra fuqha sabiex il-pellegrini jkunu jistgħu jibqgħu jaraw u jidentifikaw max-xbieha tal-Madonna li għaliha kienu qed jiġu f’dan il-post.
Hekk kif għajnejja ġrew fuq l-ammonti ta’ kwadri ex-voto li jmorru lura għal mijiet ta’ snin, fihom ilmaħt it-tama ta’ bosta individwi li akkost li kienu f’ibħra ‘l bogħod minn xtutna, talbiethom xorta waħda daret lejn il-Madonna li fiha huma kellhom l-akbar fiduċja – dik tas-Santwarju tal-Mellieħa. Iżda ma kienux biss il-Maltin li kienu jiggranfaw ma’ din il-karba għall-għajnuna divina ta’ din il-Madonna meta l-mewt kienet daqstant viċin! Infatti kienu ħafna l-individwi barranin li kienu rregalaw il-kwadri ex-voto tagħhom lil dan is-santwarju meta rritornaw qawwijin u sħaħ lejn pajjiżna. Fost dawn kien hemm il-ġeneral tal-flotta tal-Ordni, Fra Antonio Correa (Montenegro) li wiegħed u ta kwadru mill-isbaħ lill-Madonna tas-Santwarju tal-Mellieħa wara li x-xwieni li kien responsabbli minnhom inqabdu f’maltempata tal-biża’ waqt li kienu qed jaqsmu u jbaħħru qrib il-gżejjer ta’ Taranto fl-1678 u finalment irnexxielhom isalvaw. Ex-voto ieħor pjuttost kurjuż huwa dak li jidher proprju fil-qoxra tal-ktieb ta’ Jimmy fejn did-darba, il-Madonna li tidher fuq ix-xbieha tal-ex-voto, tixbaħ ħafna lill-Madonna tal-Monasteru ta’ Kykkos li jinsab f’Ċipru u għalhekk hija għal kollox differenti minn dik tal-Mellieħa. Għaldaqstant wieħed jistaqsi kif dan ix-xogħol ġie inkluż ma’ din il-kollezzjoni tas-santwarju? Kitba fuq dan l-ex-voto li tidher li hi ta’ lingwa antika Russa u Griega, taf tipprovdi xi indikazzjoni dwar din ir-raġuni, iżda s’issa ħadd għadu ma rnexxielu jiddeċifra x’hemm miktub.
Kwadri oħra, daqstant emozzjonali, juru persuni jew familji qed jitolbu bil-ħrara għall-qraba morda tagħhom u mill-ġdid hawnhekk, apparti li f’dawn il-wegħdi naraw is-simboli tat-twemmin, fl-istess ħin għandna stampa ċara tas-sitwazzjoni tas-saħħa li kien hawn f’pajjiżna matul is-snin, fejn fosthom uħud kienu mardu bil-malarja, bit-tuberkolożi, bil-pneumonia, bil-ġidri, bil-kolera, bid-difterite u anki bil-pesta. Fost dawn, laqgħatni ħafna kwadru minnhom li juri xena ta’ sptar tal-pesta tal-1813. Dan il-kwadru kien wiegħda magħmulha minn Anna Lungaro u l-qarib tagħha Giovanni Portelli peress li hi kienet mardet bil-marda tal-pesta u permezz tal-ħniena divina tal-Madonna tal-Mellieħa, nhar it-Tlieta, 17 t’Awwissu 1813, hi u tnejn oħra biss mill-160 persuna li kien hemm fl-isptar tal-pesta, irnexxielhom isalvaw.
Jimmy kompla jdawwarni madwar is-santwarju li ġewwa fih jinkorpora wkoll l-għerien naturali tal-post li indubbjament jagħtuh laqta’ pjuttost insolita u surreali. Iżda daqstant ieħor bqajt impressjonata bil-kwantità ta’ ex-voto oħrajn li kellhom kull xorta ta’ forma: ittri, ritratti, x-rays, ċertifikati, ilbies tat-trabi, krozzi, u dak kollu li tista’ timmaġina. Wegħdi magħmula mhux biss mill-Maltin imma minn kull ġens li qatt żar dan il-post. Infatti peress li fil-Mellieħa hemm diversi lukandi, it-turisti spiss isibu ruħhom f’dan il-lok, u anki dawk li mhumiex Kristjani, xorta waħda jiġu mistiedna biex jittawwlu u jaraw x’hemm. Uħud minn dawn, imqanqla minn dik ix-xhieda kollha ta’ sabar, fejqan u mirakli, bla ma jafu kif, isibu ruħhom huma wkoll jitolbu l-għajnuna quddiem il-Madonna u numru minnhom, jerġgħu jirritornaw lura lejn gżiritna bir-rigal tagħhom meta talbhom jinstema’. Minn fost il-ħafna oġġetti li kien hemm, sibt ruħi qiegħda naqra ġrajja minn ġurnal li kienet qed tirrakkonta kif koppja Ingliża li t-tobba kienu qatgħulhom qalbhom li għad ikollhom tarbija, meta żaru dan is-santwarju u għamlu t-talba tagħhom, huma rritornaw lejn artna tmien snin wara b’żewġt itfal tagħhom.
Ex-voto oħra ta’ qisien differenti, li ħafna minnhom ġew maħdumin mill-fidda fid-19 il-seklu, juru diversi partijiet tal-ġisem bħala rappreżentazzjoni ta’ b’hiex kien marid l-individwu li għamel il-wegħda. Numru minnhom għandhom forma ta’ qalb imma dawn huma simbolu tal-imħabba lejn il-Madonna. Oħrajn juru par għajnejn u id u dawn kienu jissimbolizzaw is-superstizzjoni tal-magħmul li ġej mill-għajn. Bħall-oġġetti l-oħra, anki dawn jitfgħu dawl fuq is-soċjetà li għamlithom, hekk kif l-abbundanza li ngħataw biha u l-fatt li ħafna minnhom huma identiċi, juru li tant kien hemm talba għal dawn il-wegħdi, li dawn l-oġġetti kienu qed jiġu manifatturati fil-kwantità u mibjugħa. Iżda darba minnhom kien ġie żmien meta isqof partikolari kien beda jitnaffar minn dawn l-affarijiet, uħud minnhom saħansitra superstizzjużi, imwaħħla madwar l-artali tal-knejjes kollha! U għalhekk hu ordna li dawn kellhom jitneħħew minnufih u jiġu merfugħa fis-sagristija, b’eċċezzjoni tal-qalb li kienet tirrappreżenta l-imħabba lejn il-Madonna. Infatti Jimmy għadu sa llum isib minn dawn l-ex-voto fil-kaxxi iżda hu jemmen li rigward dawn il-wegħdi, jiswew kemm jiswew, u juru x’juru, jeżisti l-obbligu li dawn jintwerew fil-pubbliku peress li huma kienu kollha doni li ngħataw b’qima, b’rispett u b’imħabba lill-Madonna. Għaldaqstant hu qed jagħmel minn kollox biex jesponi kull oġġett li jingħata lis-santwarju, akkost il-problema tal-ispazju u l-fatt li dawn il-wegħdi għadhom deħlin.
Proġett ieħor li dejjem isus fuq moħħ Jimmy jirrigwarda r-restawr tal-kwadri ex-voto sabiex dawn jiġu konservati għar-referenza tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna. Huwa jixtieq ħafna li jsib xi sponsors li jkunu jistgħu jagħtuh daqqa t’id biex isir dan ir-restawr. Sfortunatament, in-nuqqas ta’ għarfien fiż-żminijiet antiki dwar kif kien l-aħjar mezz kif jinżammu oġġetti bħal dawn, kien wassal għall-qerda ta’ għadd ta’ kwadri sinifikanti u min jaf kemm informazzjoni ntilfet! Infatti bosta minn dawn il-kwadri kienu ġew mormija wara li sofrew danni peress li tpoġġew direttament fuq blat umduż, filwaqt li oħrajn ġew anki maħsula bl-ilma wara li swiedu minħabba n-nugrufun li tqanqal mill-kwantità ta’ xemgħat u ftili taż-żejt li kienu jinxtegħlu għal siegħat twal fis-santwarju!
Temminx jew le f’dawn il-mirakli jew fl-istess reliġjon innifsu, ma naħsibx li tista’ tibqa’ biered għal kollox fil-preżenza ta’ din il-ġabra mmensa tat-tifkiriet ta’ nies li emmnu, afdaw u qalgħu l-għajnuna meta l-aktar li kellhom bżonnha. Ċertament jagħmel tajjeb li kieku intom jirnexxielkhom issibu ftit ħin biex iżżuru dan il-post sinifikanti ħafna f’pajjiżna u fil-kultura tagħna sabiex b’hekk taraw b’għajnejkhom, tmissu b’idejkhom u tħossu b’qalbkhom.
Is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa jkun miftuħ mis-7.00am sa nofsinhar u mill-4.00pm sas-6.00pm. Issir ukoll quddiesa kuljum fit-8.30am, filwaqt li dik tal-Ħadd tibda fl-10.00am u tkun bl-Ingliż.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 ta’ Jannar 2014 fis-sensiela Ġabriet it-Tifkiriet)
-
Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard
Ma tistax ma tieqafx tiċċassa lejh meta tara ritratt ta’ ras ta’ skeletru ta’ bniedem iddekorata! Aktar u aktar meta ssir taf li dik hija relikwa ta’ individwu magħruf ħafna madwar id-dinja. U li din tinsab f’monasteru f’Malta.
Patri Gerard Sasso: il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann
Iltqajt għall-ewwel darba ma’ din l-immaġni waqt xi xogħol li kont qed nagħmel relatat mal-Assedju l-Kbir li seħħ fl-1565. Skoprejt li dik ir-ras kienet maħsuba li tappartjeni lill-Patri Gerard Sasso, il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann, li għex bejn l-1040 u l-1120.
Jingħad li Patri Gerard kien bniedem twajjeb ħafna u ta’ qalb kbira. Kien jifforma parti mill-Ordni Benedittina u fil-11 il-seklu, huwa rħielha lejn Ġerusalemm sabiex jagħti l-għajnuna tiegħu lill-pellegrini li kienu jżuru dik l-art fi kwantitajiet kbar, akkost il-perikli u s-sofferenza.
Il-perikli tal-pellegrini
Dak iż-żmien ma kinetx xi ħaġa faċli li tmur pellegrinaġġ biex iżżur siti Kristjani, speċjalment meta dawn kienu f’art oħra li spiss kienet maħkuma mill-Misilmin. Apparti l-biża’ minn xi attakk fejn wieħed seta’ jiġi misruq jew maqtul, kien hemm ukoll id-diffikultà tat-tul tal-vjaġġ bl-inqas kumdità possibbli. Il-mard, l-inċidenti u l-mewt temmew il-ħajja ta’ bosta minn dawn il-pellegrini. Kienet meqjusa bħala xi ħaġa komuni li pellegrin jista’ ma jirritorna qatt lejn daru u fil-fatt kien hemm sistemi legali li kienu jorbtu lil dak li jkun biex iħallas dejnu qabel ma jitlaq fuq xi vjaġġ bħal dan.
Jitwaqqaf sptar għall-pellegrini f’Ġerusalemm
Dan it-tiġrib lill-pellegrini qanqal lil grupp ta’ negozjanti minn Amalfi sabiex iwaqqfu post fejn dawn in-nies setgħu jingħataw l-għajnuna u l-kura meħtieġa. Dan is-servizz tant kien utli u meħtieġ li finalment il-post inbidel fi sptar u dan beda jitmexxa minn Patri Gerard.
Għalkemm oriġinarjament, dan il-post kien maħsub biex jilqa’ biss lill-pellegrini Kristjani, Patri Gerard ma kienx jagħmel din id-differenza bejn bniedem u ieħor. Jekk persuna kienet fil-bżonn, hu kien jilqagħha b’idejh miftuħa bla ma qatt jistaqsi xejn aktar.
Titwaqqaf l-Ordni ta’ San Ġwann
Dan l-aġir tiegħu sar magħruf sewwa man-nies, tant li finalment, aħbaru waslet għand Papa Paskal II. Dan tant ħass ammirazzjoni lejn ix-xogħol li kien qed iwettaq il-patri li fil-15 ta’ Frar 1113, huwa rrikonoxxa l-isptar u l-ordni tiegħu billi ħareġ Bulla Papali li fosthom ta lill-Ordni id-dritt li tagħmel ir-regoli tagħha u li tirrispondi direttament lill-Papa. Minn hemm, dan il-grupp ta’ patrijiet inbidel fl-Ordni ta’ San Ġwann.
Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien din l-Ordni bdiet tiġbed ir-rispett tan-nies, l-aktar tan-nobbli li l-membri tal-familja tagħhom kienu ngħataw l-għajnuna minn dawn il-patrijiet waqt xi pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Bħala rikonoxximent, dawn l-individwi sinjuri bdew jibgħatu somom kbar ta’ flus sakemm il-ġid beda dieħel għand l-Ordni bir-radam.
Għalkemm Patri Gerard kien l-ewwel mexxej tal-Ordni, qatt ma kibritlu rasu. Huwa baqa’ dejjem bniedem umli, jaqdi dmiru mal-fqir, il-marid u l-batut. Miet fl-1120 u postu ttieħed mill-Kavallier Franċiż Raymond du Puy. Dan ma kien jixbaħ xejn lil ta’ qablu għax apparti li kien reliġjuż, kien ukoll statista. Infatti, huwa ma damx ma bidel in-natura tal-Ordni, ikkodifika r-regoli tagħha u waqqaf grupp ta’ patrijiet li kienu lesti li jiġġieldu sabiex jipproteġu lill-pellegrini. Barra minn hekk, huwa ra kif joħloq mezzi oħra sabiex isaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-Ordni billi akkwista artijiet u rikkezzi oħra.
Ġisem Patri Gerard jitqies b’relikwa
Wara l-mewt ta’ Patri Gerard, ġismu nżamm fil-monasteru ta’ Ġerusalemm u l-Kavallieri raw kif għamlu biex ippreservawh bl-aħjar mod. Dan il-korp kien miżmum b’qima kbira tant li kull meta l-Kavallieri bidlu l-post tal-kwartieri tagħhom, huma ħaduh magħhom bħala relikwa prezzjuża.
Ras Patri Gerard issib ruħha Malta
Iżda ġara li għal xi raġuni, dan il-ġisem ma baqax intatt u fl-1749, ras il-patri sabet ruħha f’Malta wara li nġarret minn Monasque fi Franza fuq ordni tal-Gran Mastru Emmanuel Pinto. Dan it-tagħrif huwa kkonfermat minn dokumenti li hemm maħżuna ġol-kaxxa ċkejkna li fuqha sserraħ din ir-relikwa.
Għall-ewwel, din ir-ras inżammet fil-Palazz Maġisterjali u aktar tard, din tmexxiet flimkien mar-relikwi l-oħra li kienu merfugħa fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann il-Belt. Eventwalment, fid-19 ta’ Ġunju 1830, din ir-ras ġiet fdata f’idejn is-sorijiet tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula, il-Belt, fejn għadha sa llum, f’vetrina żgħira biswit l-altar tal-kor, ġewwa l-kappella tal-monasteru.
Fil-21 ta’ Diċembru 2001, ir-relikwarju tal-injam li kienet miżmuma fih din ir-ras, inbidel ma’ wieħed tal-fidda u dan ġie rregalat mill-Prof. Dr Guglielmo de Giovanni-Centelles, Duka ta’ Precacore, flimkien ma’ martu Donna Carla.
Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard
Wara li rriċerkajt din it-tema, ma stajtx ma nżurx il-post fejn tinsab din ir-relikwa. Akkost li l-monasteru jiġbor fih sorijiet tal-klawsura, it-talba tiegħi ġiet milqugħa mal-ewwel u ma domtx ma sibt ruħi wiċċ imb’wiċċ ma’ dan il-bniedem li tant nies jitkellmu b’rispett lejh.
“Kull sena, jiġu għadd ta’ nies minn madwar l-Ewropa kollha biex iżuru din ir-relikwa,” infurmatni l-Madre Prijoressa Sr. Agnese Zammit OSS tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula l-Belt.
“F’April li għadda, kellna anki żjara statali mill-Prinċep u Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta, Frá. Matthew Festing. Għal din l-okkażjoni, peress li aħna sorijiet tal-Ordni, nilbsu l-abitu statali li jinkludi l-istolone u l-manto di punta”.
Kull sena, fit-13 t’Ottubru, dawn is-sorijiet jorganizzaw quddiesa solenni b’rispett lejn Patri Gerard. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, jattendu l-Kavallieri ta’ San Ġwann kollha li joqogħdu Malta u mill-ġdid huma jilbsu l-abitu statali.
Ħadd ma jaf kien kien jidher wiċċu
Ħadd ma jaf fiċ-ċert kif kien wiċċ Patri Gerard. Madanakollu, sforz ir-rispett kbir li n-nies minn dejjem kellhom lejh, saru diversi pitturi tiegħu fejn wiċċu ġie mmaġinat mill-artisti. Wieħed minn dawn il-kwadri li juri lil Patri Gerard qed jilqa’ lil Godfrey de Bouillon, Duka ta’ Lower Lorraine u mexxej tal-Ewwel Kruċjata ġie maħdum mill-pittur magħruf Antoine De Favray u jinsab esebit fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti fi Triq Nofsinhar il-Belt.
Sadanittant, jekk qanqaltilkhom biżżejjed kurżità, tistgħu taraw ukoll kopja ta’ dan il-kwadru fuq il-blog tal-Assedju l-Kbir ta’ Heritage Malta – www.heritagemalta.org/1565
Apparti kurżitajiet simili relatati mal-Ordni ta’ San Ġwann, f’dan il-blog tistgħu ssegwu wkoll rakkonti ġurnata b’ġurnata ta’ dak li għaddew minnu Malta, il-Maltin u l-Kavallieri waqt il-perjodu aħrax tal-Assedju l-Kbir li beda f’Mejju u ntemm f’Settembru tal-1565.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (12 il-parti) fit-Torċa tas-7 ta’ Ġunju 2015)
-
Kurżitajiet dwar Bormla
Avviż li deher dan l-aħħar fuq il-Facebook mill-Cospicua Heritage Society, ġibidli l-attenzjoni u qanqalli l-kurżità. Dan peress illi l-pubbliku kien qiegħed jiġi mistieden biex fis-siegħat mudlama tal-lejl, jingħaqad ma’ grupp li kellu l-għan li jżur numru ta’ inħawi partikolari f’Bormla li huma magħrufa għall-leġġendi u l-misteri tagħhom. Akkost li x-xita kienet qed traxxax minn ħin għall-ieħor u l-bard ma naqasx, ma stajtx nitlef avventura bħal din, u flimkien ma’ għadd ta’ individwi oħra, inġbarna mal-membri ta’ din l-Għaqda u erħejnilha għal din l-esperjenza mhux tas-soltu. Ikolli nistqarr li qatt ma bsart li Bormla kienet kapaċi tidher daqstant romantika u attraenti taħt id-dawl bati tal-fanali mxerrdin ‘l hemm u ‘l hawn. U pass wara pass ħassejtni ninġibed aktar u aktar lejn din il-belt li tissemma’ tant fl-istorja ta’ Malta imma li rari tara attivitajiet bħal dawn isiru fiha. Kien għalhekk li wara din iż-żjara, iddeċidejt li niltaqa’ mal-president tal-Cospicua Heritage Society, Edwin Delceppo, ħalli did-darba fid-dawl tax-xemx, inkompli nagħraf il-valur ta’ dan il-post storiku u s-sinifikat u l-għan ta’ din l-Għaqda.
L-idea tat-twaqqif ta’ Cospicua Heritage Society (CHS) nibtet permezz ta’ Tarcisio Bonnici u ta’ Edwin Delceppo minħabba li dawn xtaqu jagħmlu xi ħaġa biex jgħinu fil-konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali ta’ Bormla. Infatti din l-NGO, li twaqqfet uffiċċjalment f’April tal-2013, għandha l-iskop li tidentifika u li toħloq għarfien dwar l-oġġetti u s-siti ta’ importanza li jinsabu f’Bormla, li tipproteġihom u li taħdem biex issir il-konservazzjoni tagħhom, u anki biex tipprovdi aċċessibbilità adegwata għall-pubbliku li jkun interessat li jżurhom. Sfortunatament, huma jemmnu illi għal ħafna snin, dawn l-inħawi ftit li xejn ingħataw l-importanza li tixirqilhom u dan irriżulta f’ħafna ħsara u f’telf ta’ patrimonju li wara kollox mhuwiex biss tal-Bormliżi imma tal-pajjiż kollu. Ġara wkoll li maż-żmien, ċerti nħawi li qabel kienu jiffurmaw parti minn Bormla, bħal ngħidu aħna ż-żona popolari ta’ Cafe Riche, ġew assenjati lill-postijiet oħra, f’dal-każ lill-Birgu, liema fatti ma niżlu xejn tajjeb mal-abitanti Bormliżi. Iżda t-tgergir biss ma jwassal għal imkien, u naqqar minn hawn u naqqas minn hemm, is-CHG hija konxja li ftit ftit dan il-wirt kulturali tagħha se jintilef għal kollox jekk ma jittieħdux miżuri aktar konkreti f’dan il-qasam.
Jingħad li l-inħawi fejn illum hemm Bormla kienu diġà abitati fi żmien megalitiku peress li nstab materjal arkeoloġiku li jmur lura għal dan il-perjodu. Evidenza oħra tal-antikità ta’ din iz-zona huma l-kwantità ta’ fossili li ġew skoperti mir-Royal Engineers meta dawn kienu qed jiskavaw f’partijiet antiki tal-baċir. Fatt kurjuż huwa illi fi żmien il-Feniċi ‘bir-mula’ kinet tfisser ‘il-bir tas-sid’ u minn hawn jemmnu li ħareġ l-isem ‘Bormla’. La qed insemmu l-baċir ma jistax jonqos li ninkludi wkoll li f’diversi dokumenti, is-CHG sabet illi dari, f’dawn l-inħawi, il-baħar kien jidħol ferm aktar il-ġewwa mill-llum. Barra minn hekk, riżultati ta’ tiftix bil-geo-radar waqt studju li sar mill-Università ta’ Malta f’dawn iż-żoni, kixfu illi fi żminijiet aktar imbiegħda, din il-parti ta’ Malta kienet magħmula mix-xmajjar u li fin-naħa ta’ fejn illum hemm il-Parroċċa Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata, kien hemm l-irdumijiet, bil-livell tal-baħar ferm aktar ‘l isfel.
M’hemmx limitu ta’ kemm tiflaħ tiskopri materjal dwar kull naħa ta’ Bormla. Infatti, minn illustrazzjonijiet li saru f’nofs is-seklu dsatax minn Giovanni Schranz u C.F. von Brockdorff, instab illi fis-seklu tmintax, il-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu żebgħu l-imħażen marittimi tagħhom, li kienu jwasslu sal-Maċina li hemm fid-‘Dockyard creek’ eżatt ħdejn il-baċir Nru. 1., b’kuluri ċelesti u bojod li ċertament illum diffiċli nimmaġinawhom. Madanakollu fil-preżent hemm min qed jisħaq illi jekk għandu jsir restawr tajjeb ta’ dawn l-inħawi, dawn il-kuluri għandhom jerġgħu ilewwnu dawn l-istrutturi mill-ġdid.
Intant, waħda mill-ideat żbaljati dwar Bormla li din l-Għaqda tixtieq tneħħi minn moħħ in-nies hija illi wara t-Tieni Gwerra Dinjija, din il-belt inqerdet għal kollox u li għalhekk ma fadalx bini storiku fiha. “Mhu veru xejn!” sostna aktar minn darba Edwin u bħala prova ta’ dan, huwa ħadni ndur fit-triqat ta’ Bormla. Nistqarr li qatt ma ġejt mogħtija dan il-privileġġ li Bormliż stess idawwarni ma’ beltu, li hu jaf xiber b’xiber, u li lejha hu għandu l-passjoni ta’ wieħed li jappartjeni għal dan il-post. Għaldaqstant, ħtaft l-okkażjoni biex nara b’għajnejh id-dettalji li jien qatt m’osservajt u biex nisma’ minn fommu r-rakkonti li jien qatt ma smajt. Kienu f’dawn il-mumenti li tneħħiet l-għata moderna minn quddiem għajnejja, li spiss kienet qed tostor l-istorja evidentissima li llum ngħaddi minn quddiemha u lanqas biss nintebaħ biha. Ngħidu aħna, min jaf kemm żort il-monti ta’ Bormla mingħajr qatt ma rrealizzajt li fir-realtà Triq il-Ġublew tal-Fidda mhiex ħlief parti minn foss li kien hemm wara s-swar. Xhieda oħra silenzjużi huma l-għadd ta’ saljaturi li wieħed jista’ jinnota taħt diversi galleriji tal-bini antik li permezz tagħhom dari, in-nies kienu jieħdu idea ta’ x’tip ta’ individwi kienu jabitaw ġo dawk il-postijiet. Fil-fatt, uħud kellhom simboli reliġjużi filwaqt li oħrajn kellhom sinjali ta’ xi sengħa partikolari, oħrajn kellhom xi arma tal-familja, mentri numru ieħor kienu jindividwaw ruħhom bir-rikkezza distinta tat-tiswir arkitettoniku tagħhom. Il-faċċati ta’ ċerti djar imżejjna b’mod arkitettoniku għani għadilli llum mitluq, jonqoshom biss ikellmuk biex ifhiemuk il-prestiġju li xi darba kellhom. U fiha tassew x’tifhem li bosta minn dawn id-djar maestużi f’dawn l-aħħar snin qegħdin jinxtraw mill-barranin sabiex jingħataw lura l-ħajja mill-ġdid, imma ftit li xejn iħajjru lill-Maltin jagħmlu l-istess.
Ċertament ma setax jonqos li Edwin jeħodni nżur ukoll partijiet mis-swar li din il-belt hi mżejjna bihom, liema strutturi jiftakru mhux biss mexxejja u periti differenti imma anki t-tibdil li kull ġenerazzjoni applikat fuqhom. Għaldaqstant fosthom waqafna quddiem Verdala Gate fejn ammirajna x-xogħol sabiħ li dari twettaq mill-Ordni ta’ San Ġwann, filwaqt li llum din id-daħla storika qed titħalla tiswied, titmermer u taqa’ biċċa biċċa. Tkellimna dwar il-Firenzuola Lines (jew kif inhuma magħrufa aktar bħala l-Margherita Lines), liema xogħol fuqhom kien inbeda fl-1638 skont pjanta ta’ Fra Vincenzo Maculano da Firenzuola. Minn dokumenti li nstabu, jidher illi l-Gran Mastru Cottoner kien ippjana li jibni belt sħiħa fejn illum tinsab Bormla li kellha ġġib l-isem Civitas Cottonera. Imma din l-idea sfaxxat fix-xejn meta bejn l-1675 u l-1676 ħakmet il-pesta f’Malta u ħalliet numru kbir ta’ vittmi, apparti li fl-1680, miet il-Gran Mastru Cottoner innifsu.
Meta komplejna nimxu lejn Forti Verdala, li nbena fl-1853, sirt naf li waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija dan il-post kien serva bħala kamp għall-priġunieri tal-gwerra, li fosthom kien hemm l-ekwipaġġ tal-bastiment tal-gwerra Ġermaniż Emden u l-Ammirall Karl Doenitz li aktar il-quddiem, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, għal ftit tal-ġranet hu kien sar is-suċċessur ta’ Hitler. Illum, il-parti l-kbira minn dawn il-binjiet inbidlu f’residenzi u huma abitati. Iżda meta tlajna fuq il-bejt ta’ dawn il-binjiet, stajt nilmaħ sezzjoni oħra minn dan il-kamp li tidher li hi abbandunata. Ħafna aktar telqa teżisti fil-parti tar-rampa li permezz tagħha, dari kienu jtellgħu l-kanuni għal fuq l-iswar. Edwin stqarr li hija ħasra li ftit li xejn nies jafu jew jagħtu każ dwar dawn il-ġrajjiet u dawn l-inħawi. Intant, akkost li llum qiegħed jitħalla jissaddad, tripied tal-metall li jinsab fuq dan il-bejt ifakkar illi l-machine guns li kienu jitpoġġew fuqu, min jaf kemm sparaw, u forsi laqtu, ajruplani tal-għadu li kienu jersqu biex jattakkaw l-inħawi. Infatti, fuq il-faċċata tal-bastjun tal-Belvedere, wieħed għadu jista’ jara sal-llum il-marki tal-balal li ħalla wieħed minn dawn l-ajruplani meta dan ipprova jiddefendi ruħu u jirritalja għax-xita ta’ balal li kienu neżlin fuqu minn fuq is-swar.
Naturalment sirt naf ħafna aktar informazzjoni minn hekk iżda huwa diffiċli li ndaħħal kollox f’dan l-artiklu. Imma peress li l-arkeoloġija hija tant għall-qalbi, u anki peress li dan is-sit bħalissa jinsab wara bieb magħluq, żgur li ma nistax inċaħħadkhom milli ninfurmakhom dwar il-kappella Biżantina li żorna waqt il-mawra li saret fil-għaxija f’Bormla. Infatti, flimkien mal-gwida Charmaine Borg, kulħadd rama b’xi torċ jew b’xi xemgħa u kollna kurżità nżilna żewġ sulari taħt l-art fejn hemm sibna din il-wesgħa antika li dari kienet meqjusa bħala art sagra. Jingħad li din il-knisja maqtugħa direttament fil-blat, tmur lura għad-9 seklu W.K. u oriġinarjament din kienet iddedikata lin-Nattività ta’ Ġesù Bambin. Maż-żmien bidlet diversi titli sakemm fi żmien il-Kavallieri, dan il-post ġie profanat u abbandunat sakemm intesa għal kollox u ntradam taħt il-bini ta’ djar oħra. Kien biss fis-snin ħamsinijiet li din il-knisja ġiet skoperta aċċidentalment meta tifel ċkejken tilef żarbuna minnhom fl-inħawi u hekk kif xi nies ramaw ineħħu xi terrapien biex jgħinuh isibha, f’ħin minnhom tfaċċat bokka kbira fl-art. Hemmhekk in-nies reġgħu sabu din il-knisja antika li matul is-snin laħqet ġabret bosta ilma fiha. Kien bis-saħħa tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla u ta’ membri minn din l-Għaqda li eventwalment dan is-sit ġie mnaddaf sabiex b’hekk ma ssirlux aktar ħsara. Il-kwadru titulari li kien jinsab f’din il-knisja illum qiegħed fil-Mużew tal-Kattidral fl-Imdina, filwaqt li xi kwadri oħra nżammu fis-sagristija tal- Parroċċa Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata.
Minn dak li rrakkuntajtilkhom hawnhekk, huwa ċar ħafna illi l-inħawi ta’ Bormla għandhom potenzjal kbir x’joffru, kemm lilna l-Maltin u kif ukoll anki lit-turisti li jiġu jżuru lill-pajjiżna. Għaldaqstant ikun tassew għaqli illi l-awtoritajiet involuti jaraw illi dawn l-inħawi għandhom jiġu inklużi fil-proġetti kulturali li jiġu organizzati minn żmien għal żmien sabiex b’hekk din il-belt li kienet tant grandjuża fiż-żminijiet antiki, tingħata l-prestiġju tagħha mill-ġdid. Irridu nżommu dejjem f’moħħna illi kull żona fil-gżejjer tagħna, tifforma ħolqa minn katina kbira li finalment tgħaqqadna u li tagħtina l-forza bħala pajjiż sħiħ.
Għal aktar informazzjoni dwar Cospicua Heritage Society u dwar l-attivitajiet tagħha, tistgħu tidħlu fuq Facebook, inkella tikkuntattjawhom fuq 79710092 jew permezz tal-email tourscospicuaheritage@gmail.com
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET fit-Torċa tas-16 ta’ Frar 2014)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | |
7 | 8 | 9 | 10 | 11 | 12 | 13 |
14 | 15 | 16 | 17 | 18 | 19 | 20 |
21 | 22 | 23 | 24 | 25 | 26 | 27 |
28 | 29 | 30 | 31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23