Posts Tagged ‘bahar’

  • X’SER JAGĦMLU T-TFAL DAS-SAJF?

    Jingħad li t-tfal huma bħaż-żerriegħa. X’isir minnhom aktar il-quddiem jiddependi ħafna mill-art li jsibu ruħhom fiha u mill-kura li jingħataw b’mod regolari.

    Għaldaqstant issa li waslu l-vaganzi u bosta tfal għandhom ħafna ħin fuq ir-riħ, huwa għaqli li wieħed jinkoraġġihom biex jinvolvu ruħhom f’xi attività interessanti li idealment tkun tvarja mix-xogħol solitu tal-iskola. B’hekk it-tfal ikunu qed jieħdu l-messaġġ li għalkemm jeżisti ż-żmien ta’mistrieħ, dan ma jfissirx li wieħed għandu jinqata’ minn kollox u jgħaddi l-ġranet kollha jitgħażżen.

    Fortunatament illum jeżistu diversi opportunitajiet għat-tfal, ibda mill-iktar attivitajiet sempliċi u ibqa’ sejjer sal-aktar proġetti intensivi. Bosta drabi jiddependi mit-tfal u anki minn kemm għandhom ħin il-ġenituri li joqogħdu jiġru bihom minn post għall-ieħor u minn kemm għandhom flus x’jonfqu għall-affarijiet bħal dawn. Madanakollu jekk wieħed ifittex sewwa għandu jsib ukoll possibilitajiet oħra interessanti li mhux neċessarjament jiswew il-flus u lanqas ħafna ġiri ‘l hemm u ‘l hawn.

    Dan l-aħħar kont qed nitkellem mal-Prof.  Aldo Drago li huwa d-Direttur taċ-Ċentru Operattiv IOI-Malta.

    “IOI-Malta huwa wieħed minn 25 ċentru mxerrda mad-dinja fi ħdan l-International Ocean Institute (IOI) li huwa NGO internazzjonali li twaqqaf fl-1972 mill-Prof. Elisabeth Mann Borgese. L-uffiċċju prinċipali ta’ l-IOI jinsab fl-Università ta’ Malta.

    Filwaqt li l-IOI-Malta jaqsam maċ-ċentri l-oħra tal-IOI l-iskop prinċipali biex jitjieb l-immaniġġjar, ir-regolamentazzjoni, l-użu sostenibbli tar-riżorsi, il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-Prof. Aldo Dragobaħar, il-ħidma ta’ dan iċ-ċentru Malti huwa wkoll li jwettaq riċerka u studji relatati mal-baħar u li b’mod regolari jniedi diversi promozzjonijiet edukattivi u taħriġ biex jinkoraġixxi dejjem aktar il-kuxjenza pubblika dwar l-ambjent u l-ħlejjaq tal-baħar.”

    Prof. Aldo Drago huwa wkoll il-moħħ wara s-sit IOI-KIDS http://www.ioikids.net/; sit ikkulurit u frisk li jmur ħafna ma’ dawn iż-żminijiet sħan tas-sajf speċjalment minħabba li f’dawn il-ġranet il-baħar isir ħaġa waħda mill-ħajja tagħna l-Maltin.

    “Dan is-sit huwa mmirat għat-tfal tal-primarja u s-sekondarja u għandu l-għan li jwassal informazzjoni dwar l-ambjent tal-baħar u l-ħlejjaq li jgħixu fih permezz ta’ artikli edukattivi u viżwali, stħarriġ u logħob interattiv li jiġbed l-attenzjoni tat-tfal biex jitgħallmu waqt li jieħdu gost jilgħabu fuq l-internet.

    Huwa wkoll maħsub biex ikun ta’ għajnuna għall-għalliema billi jipprovdilhom materjal adattat biex ifasslu lezzjonijiet aktar wiesgħa u interessanti fuq it-tema tal-baħar u fl-istess ħin applikabbli għall-kurrikulu nazzjonali. Barra minn hekk is-sit joffri opportunita’ lill-għalliema u lill-esperti f’dawn l-oqsma sabiex jitħajjru jikkontribwixxu l-kitbiet tagħhom u jkomplu jkattru l-informazzjoni f’dan is-sit.

    Fl-istess waqt dan is-sit joffri kemm lit-tfal tal-iskola u lill-għalliema tagħhom mezz sabiex jaqsmu l-ideat, il-proġetti u l-esperjenzi tagħhom dwar il-baħar ma’ ħbieb oħra madwar id-dinja ħalli b’hekk jinħoloq ukoll djalogu internazzjonali dwar dawn is-suġġetti. Għaldaqstant tfal li jgħixu f’pajjiżi fejn m’hemmx baħar u forsi qatt ma kellhom iċ-ċans li jiġu f’kuntatt miegħu, jkunu jistgħu jesperjenzawh permezz tal-għajnejn ta’ sħabhom.

    Min-naħa l-oħra dan is-sit iservi wkoll biex sa minn ċkunithom it-tfal isiru aktar konxji dwar dak li huma għaddejjin minnu l-oċeani u l-ħlejjaq li jgħixu fihom. Jitgħallmu jsiru ċittadini tad-dinja u mhux ta’ pajjiżhom biss billi jinteressaw ruħhom f’suġġetti marbuta ma’ l-oċeani bħal per eżempju l-impatt uman u tal-klima fuq l-ibħra u l-ekosistemi. Bla dubju l-effett ta’ dan ikun li t-tfal isiru aktar konxji tar-responsabbiltà li għandhom biex iħarsu l-ambjent tal-baħar u jkattru l-użu għaqli tar-riżorsi tiegħu.”

    Minn żmien għal żmien l-IOI-KIDS torganizza wkoll proġetti ġodda li jservu bħala opportunitajiet affaxxinanti kemm għat-tfal u anki għall-ġenituri tagħhom peress li joħolqu skop għall-avventura u l-kreattività.

    “Għal dan is-sajf il-programm ta’ l-IOI-KIDS qiegħed jindirizza l-parteċipazzjoni diretta tat-tfal tal-primarja u tas-sekondarja flimkien ma’ l-għalliema u l-ġenituri tagħhom sabiex jagħmlu xi ħaġa tanġibbli għall-ambjent tal-baħar.

    Waħda minn dawn l-inizjattivi hija l-IOIKIDS ‘Spot the Jellyfish’. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiżdied l-għarfien dwar id-diversità lokali ta’ l-ispeċi ta’ bram billi t-tfal jinvolvu rwieħhom f’eżerċizzju Leaflet- Spot the Jellyfishinteressanti li jikkonsisti fir-rappurtaġġ ta’ dehriet ta’ bram li spiss naraw qrib xtutna u fil-bajjiet tagħna. B’hekk permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom it-tfal ikunu qed jgħinu sabiex ikun possibbli li tinġabar informazzjoni utli għal studji xjentifiċi kemm għall-awtoritajiet lokali u kif ukoll għall-pubbliku in ġenerali. Ta’ min jinnota li din l-informazzjoni apparti li tipprovdina bit-tagħrif, fl-istess ħin tkun qed twassal ukoll messaġġ siewi lil dawk li jkunu beħsiebhom iżuru x-xtut u l-ibħra ta’ madwarna billi jżommhom aġġornati ma’ l-inħawi fejn ikun hemm il-bram.”

    Ir-rappurtagg isir permezz ta’ fuljett ikkulurit u informattiv li jinkludi anki numru ta’ ritratti ta’ bram ta’ speċi differenti. Dan il-fuljett diġà tqassam f’bosta skejjel u tpoġġa anki f’diversi postijiet fix-xtut tal-gżejjer Maltin. Barra minn hekk l-paġni ddedkati fuq is-sit tal-IOIKIDS (www.ioikids.net/jellyfish) iservu biex iwasslu tagħrif interessanti dwar il-bram, kif ukoll mappa aġġornata kull jum ta’ fejn dehru l-bram.

    “Dan il-fuljett huwa mibni b’mod sempliċi imma attraenti biex jaghmilha ferm facli li wiehed jidentifika l-bram u għalhekk iħajjar aktar tfal biex jipparteċipaw. Biex wieħed jieħu sehem kull ma jrid jagħmel huwa illi jqabbel il-bram li jkun ra huwa stess mar-ritratti fuq il-fuljett, jinkludi wkoll id-dettalji tal-ġurnata u l-ħin tar-rapport, u n-numru ta’ bram li kien hemm fuq il-post.

    Il-fuljett bl-informazzjoni jista’ jintbagħat bil-posta jew billi jimtela’ rapport online fuq www.ioikids.net/jellyfish. Wieħed jista’ wkoll jibgħat ir-rapport permezz ta’ SMS fuq 79 222 278 jew email fuq ioi-moc@um.edu.mt. Ta’ min insemmi illi l-parteċipanti jkunu qed jidħlu biċ-ċans li jirbħu numru ta’ premijiet sbieħ!”

    Inizjattiva oħra tal-IOIKIDS tikkonsisti f’kompetizzjoni mmirata għat-tfal fejn dawn qed jiġu mitluba joħolqu xogħolijiet kreattivi b’suġġetti marbuta mal-baħar.

    “Dawk it-tfal fil-livell ta’ edukazzjoni primarja u sekondarja għandhom l-opportunità li jgħaqqdu l-ħiliet artistiċi u teknoloġiċi tagħhom biex jippreparaw kontribuzzjonijiet elettroniċi f’forma ta’ proġetti Using IOI Kids website informattivi u attraenti. Il-parteċipanti jistgħu jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni kemm b’mod individwali u kif ukoll fi gruppi f’waħda miż-żewġ kategoriji skont l-età: 5 sa 10 snin jew 11 sa 16 il-sena.

    Ix-xogħolijiet li jintbagħtu għandhom ikunu jikkonċernaw suġġetti dwar il-baħar jew dwar xatt il-baħar u jistgħu jieħdu diversi forom bħal artikli, ġabriet jew noti dwar ġrajjiet interessanti jew insoliti, skoperti xjentifiċi ġodda, speċi ta’ pjanti jew annimali, eko-sistemi jew postijiet ta’ interess, nies li x-xogħol tagħhom huwa konness mal-baħar u kontribuzzjonijiet kreattivi oħra.

    Il-proġetti għandhom ikunu ppreparati elettronikament bħala dokumenti tal-Word jew preżentazzjonijiet bil-PowerPoint. Jekk wieħed jagħżel li jibni sit għandu jkun fl-HTML filwaqt li r-ritratti għandhom ikunu fil-format .jpg, l-audio clips f’format wav/mp3 u animazzjonijiet u video clips fil-format flv jew avi.

    Naturalment ix-xogħolijiet ippreżentati jridu jkunu oriġinali u magħhom għandha tintbagħat il-formola ta’ reġistrazzjoni li tista’ titniżżel mill-website ta’ IOI-KIDS  http://www.ioikids.net/2010 jew permezz ta’ email: ioi-moc@um.edu.mt. Dawn għandhom jiġu indirizzati lil: Ms. Alicia Said, IOI-Malta Operational Centre, Room 315, Chemistry Building University of Malta, Msida MSD2080 jew permezz tal-email: ioi-moc@um.edu.mt u għandhom jaslu sal-31 ta’ Lulju 2010.

    Finalment il-proġetti rebbieħa jieħdu sehem ukoll f’kompetizzjoni internazzjonali billi jiġu ppubblikati fuq is-sit IOI-KIDS u tfal minn madwar id-dinja jivvutaw għalihom.”

    Apparti minn dawn il-proġetti l-IOI-KIDS toffri wkoll l-opportunità lit-tfal biex b’mod regolari jesprimu ruħhom permezz tal-kitba dwar fatti, aħbarijiet u attivitajiet relatati mal-baħar.

    “Qegħdin nipprovdu lil dawk it-tfal li joħolmu li xi darba jkunu kittieba jew ġurnalisti bil-possibilità reali li jippubblikaw xogħolhom fuq l-internet billi jsiru parti mit-tim IOI-KIDS News. Bi ġżira bħal tagħna mdawwra bil-baħar u b’diversi xtut mill-isbaħ, il-possibilitajiet fuq hiex tikteb huma bla tarf. U għalhekk inħallu biss għall-imaġinazzjoni tal-kittieba tagħna!”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 ta’ Lulju 2010)

    2010.07.18 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • ILMA TAX-XITA MORMI L-BAĦAR

    F’dawn l-aħħar jiem, fil-gżejjer tagħna niżel ammont kbir ta’ xita. Uħud isostnu li din hija barka meta pajjiżna huwa tant nieqes mill-ilma. Imma fir-realtà x’qed jiġri mill-ilma tax-xita? Qegħdin ingawdu Inkonvenjent fit-triq u rimi tal-ilma l-baħarminnu jew il-biċċa l-kbira tiegħu qiegħed jintilef fix-xejn?

    Dorna ma’ diversi postijiet f’Malta u Għawdex u nnutajna li ħafna mill-ilma qiegħed letteralment jintrema l-baħar.

    Meta qed jintefqu tant flejjes biex jitħaddmu l-impjanti tar-reverse osmosis, għaliex qed nippermettu din il-ħela?

    Huwa evidenti illi ma jeżistix ippjanar tajjeb għall-immaniġġjar ta’ dan ir-riżors. Kull ġurnata, il-bini u t-triqat li jinbnew, qed jisirqu ftit aktar mill-art agrikola ta’ pajjiżna u jkomplu jżidu l-problema tal-Għajn ta' ilma mill-egħlieqi - San Blas li jispiċċa fil-baħarassorbiment tal-ilma. Dan huwa wkoll il-kaġun tal-għargħar li jikkawża diversi ħsarat f’postijiet bħal Bikirkara u l-Imsida.

    Jekk l-ilma tax-xita ma jkunx jista’ jiġi assorbit mill-art, dan jispiċċa jaqbad kors partikolari u jibqa’ nieżel lejn sors. Peress li Malta u Għawdex huma gżejjer, jekk dan l-ilma ma jiġix direzzjonat Ġabra ta' ilma viċin id-Dwejra li jterraq lejn il-baħarf’lokazzjoni apposta, finalment ser jasal sal-baħar u jintilef. Ir-riżultat huwa tnaqqis fl-ilma tal-pjan u nfiq ta’ flus biex niġġeneraw aktar ilma.

    Fatt ieħor huwa illi dan l-ilma jġorr kull ma jsib fi triqtu u jikkaġuna diversi konsegwenzi fosthom:

    (i)                         it-telf tal-ħamrija mill-egħlieqi;

    (ii)                      il-ġarr ta’ pestiċidi mill-egħlieqi bil-possibilità li jitħallat mal-bqija tal-ilma użat għax-xorb;

    (iii)                    il-ġbir ta’ skart bħall-karti, fliexken tal-plastik eċċ li jispiċċaw fil-baħar;

    (iv)                   inkonvenjenza għal min jgħix, jimxi jew isuq f’dawn it-triqat.Msida - Skart ġol-baħar li nġarr mal-ilma tax-xita

    Jeżistu diversi possibilitajiet biex jinġabar l-ilma tax-xita bħal:

    (i)                         infurzar li f’kull dar li tinbena jkun hemm bir;

    (ii)                      bini ta’ ‘catchment areas’ fejn l-ilma jinġabar u jitqassam fl-egħlieqi jew lura mal-ilma tal-pjan fosthom: ġibjuni taħt wesgħat kbar bħal roundabouts, bandli, parking areas, supermarkets u taħt it-triqat il-ġodda;

    (iii)                    tħawwil ta’ siġar mad-dawra ta’ wesgħat kbar (fejn possibbli) bħal bandli, parking areas, binjiet kbar u supermarkets.Kwantita' kbira ta' ilma ġieri mormi fit-triq

    Minflok ippjanar għall-ġbir tal-ilma tax-xita, mir-ritratti li ħadna, jidher ċar illi l-ilma qiegħed jitħalla jew wisq agħar – jiġi direzzjonat apposta – biex jintrema l-baħar.

    Nafu x’aħna nagħmlu?

    Meta ser issir strateġija serja biex il-problema tat-telf tal-ilma tax-xita tiġi indirizzata?

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-15 ta’ Marzu 2009)

    2009.03.15 / no responses / Category: Articles, Torca - Features & Articles