• Kurżitajiet dwar Bormla

    Edwin Ciappara hdejn it-tripied fuq il-bejt tal-Forti Verdala Bini antik u prestiggjuz

    Saljaturi f'Bormla 1Il-grupp waqt l-attività li saret madwar Bormla bil-lejl

    Avviż li deher dan l-aħħar fuq il-Facebook mill-Cospicua Heritage Society, ġibidli l-attenzjoni u qanqalli l-kurżità. Dan peress illi l-pubbliku kien qiegħed jiġi mistieden biex fis-siegħat mudlama tal-lejl, jingħaqad ma’ grupp li kellu l-għan li jżur numru ta’ inħawi partikolari f’Bormla li huma magħrufa għall-leġġendi u l-misteri tagħhom. Akkost li x-xita kienet qed traxxax minn ħin għall-ieħor u l-bard ma naqasx, ma stajtx nitlef avventura bħal din, u flimkien ma’ għadd ta’ individwi oħra, inġbarna mal-membri ta’ din l-Għaqda u erħejnilha għal din l-esperjenza mhux tas-soltu. Ikolli nistqarr li qatt ma bsart li Bormla kienet kapaċi tidher daqstant romantika u attraenti taħt id-dawl bati tal-fanali mxerrdin ‘l hemm u ‘l hawn. U pass wara pass ħassejtni ninġibed aktar u aktar lejn din il-belt li tissemma’ tant fl-istorja ta’ Malta imma li rari tara attivitajiet bħal dawn isiru fiha. Kien għalhekk li wara din iż-żjara, iddeċidejt li niltaqa’ mal-president tal-Cospicua Heritage Society, Edwin Delceppo, ħalli did-darba fid-dawl tax-xemx, inkompli nagħraf il-valur ta’ dan il-post storiku u s-sinifikat u l-għan ta’ din l-Għaqda.

    L-idea tat-twaqqif ta’ Cospicua Heritage Society (CHS) nibtet permezz ta’ Tarcisio Bonnici u ta’ Edwin Delceppo minħabba li dawn xtaqu jagħmlu xi ħaġa biex jgħinu fil-konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali ta’ Bormla. Infatti din l-NGO, li twaqqfet uffiċċjalment f’April tal-2013, għandha l-iskop li tidentifika u li toħloq għarfien dwar l-oġġetti u s-siti ta’ importanza li jinsabu f’Bormla, li tipproteġihom u li taħdem biex issir il-konservazzjoni tagħhom, u anki biex tipprovdi aċċessibbilità adegwata għall-pubbliku li jkun interessat li jżurhom. Sfortunatament, huma jemmnu illi għal ħafna snin, dawn l-inħawi ftit li xejn ingħataw l-importanza li tixirqilhom u dan irriżulta f’ħafna ħsara u f’telf ta’ patrimonju li wara kollox mhuwiex biss tal-Bormliżi imma tal-pajjiż kollu. Ġara wkoll li maż-żmien, ċerti nħawi li qabel kienu jiffurmaw parti minn Bormla, bħal ngħidu aħna ż-żona popolari ta’ Cafe Riche, ġew assenjati lill-postijiet oħra, f’dal-każ lill-Birgu, liema fatti ma niżlu xejn tajjeb mal-abitanti Bormliżi. Iżda t-tgergir biss ma jwassal għal imkien, u naqqar minn hawn u naqqas minn hemm, is-CHG hija konxja li ftit ftit dan il-wirt kulturali tagħha se jintilef għal kollox jekk ma jittieħdux miżuri aktar konkreti f’dan il-qasam.

    Jingħad li l-inħawi fejn illum hemm Bormla kienu diġà abitati fi żmien megalitiku peress li nstab materjal arkeoloġiku li jmur lura għal dan il-perjodu. Evidenza oħra tal-antikità ta’ din iz-zona huma l-kwantità ta’ fossili li ġew skoperti mir-Royal Engineers meta dawn kienu qed jiskavaw f’partijiet antiki tal-baċir. Fatt kurjuż huwa illi fi żmien il-Feniċi ‘bir-mula’ kinet tfisser ‘il-bir tas-sid’ u minn hawn jemmnu li ħareġ l-isem ‘Bormla’. La qed insemmu l-baċir ma jistax jonqos li ninkludi wkoll li f’diversi dokumenti, is-CHG sabet illi dari, f’dawn l-inħawi, il-baħar kien jidħol ferm aktar il-ġewwa mill-llum. Barra minn hekk, riżultati ta’ tiftix bil-geo-radar waqt studju li sar mill-Università ta’ Malta f’dawn iż-żoni, kixfu illi fi żminijiet aktar imbiegħda, din il-parti ta’ Malta kienet magħmula mix-xmajjar u li fin-naħa ta’ fejn illum hemm il-Parroċċa Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata, kien hemm l-irdumijiet, bil-livell tal-baħar ferm aktar ‘l isfel.

    M’hemmx limitu ta’ kemm tiflaħ tiskopri materjal dwar kull naħa ta’ Bormla. Infatti, minn illustrazzjonijiet li saru f’nofs is-seklu dsatax minn Giovanni Schranz u C.F. von Brockdorff, instab illi fis-seklu tmintax, il-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu żebgħu l-imħażen marittimi tagħhom, li kienu jwasslu sal-Maċina li hemm fid-‘Dockyard creek’ eżatt ħdejn il-baċir Nru. 1., b’kuluri ċelesti u bojod li ċertament illum diffiċli nimmaġinawhom. Madanakollu fil-preżent hemm min qed jisħaq illi jekk għandu jsir restawr tajjeb ta’ dawn l-inħawi, dawn il-kuluri għandhom jerġgħu ilewwnu dawn l-istrutturi mill-ġdid.

    Intant, waħda mill-ideat żbaljati dwar Bormla li din l-Għaqda tixtieq tneħħi minn moħħ in-nies hija illi wara t-Tieni Gwerra Dinjija, din il-belt inqerdet għal kollox u li għalhekk ma fadalx bini storiku fiha. “Mhu veru xejn!” sostna aktar minn darba Edwin u bħala prova ta’ dan, huwa ħadni ndur fit-triqat ta’ Bormla. Nistqarr li qatt ma ġejt mogħtija dan il-privileġġ li Bormliż stess idawwarni ma’ beltu, li hu jaf xiber b’xiber, u li lejha hu għandu l-passjoni ta’ wieħed li jappartjeni għal dan il-post. Għaldaqstant, ħtaft l-okkażjoni biex nara b’għajnejh id-dettalji li jien qatt m’osservajt u biex nisma’ minn fommu r-rakkonti li jien qatt ma smajt. Kienu f’dawn il-mumenti li tneħħiet l-għata moderna minn quddiem għajnejja, li spiss kienet qed tostor l-istorja evidentissima li llum ngħaddi minn quddiemha u lanqas biss nintebaħ biha. Ngħidu aħna, min jaf kemm żort il-monti ta’ Bormla mingħajr qatt ma rrealizzajt li fir-realtà Triq il-Ġublew tal-Fidda mhiex ħlief parti minn foss li kien hemm wara s-swar. Xhieda oħra silenzjużi huma l-għadd ta’ saljaturi li wieħed jista’ jinnota taħt diversi galleriji tal-bini antik li permezz tagħhom dari, in-nies kienu jieħdu idea ta’ x’tip ta’ individwi kienu jabitaw ġo dawk il-postijiet. Fil-fatt, uħud kellhom simboli reliġjużi filwaqt li oħrajn kellhom sinjali ta’ xi sengħa partikolari, oħrajn kellhom xi arma tal-familja, mentri numru ieħor kienu jindividwaw ruħhom bir-rikkezza distinta tat-tiswir arkitettoniku tagħhom. Il-faċċati ta’ ċerti djar imżejjna b’mod arkitettoniku għani għadilli llum mitluq, jonqoshom biss ikellmuk biex ifhiemuk il-prestiġju li xi darba kellhom. U fiha tassew x’tifhem li bosta minn dawn id-djar maestużi f’dawn l-aħħar snin qegħdin jinxtraw mill-barranin sabiex jingħataw lura l-ħajja mill-ġdid, imma ftit li xejn iħajjru lill-Maltin jagħmlu l-istess.

    Ċertament ma setax jonqos li Edwin jeħodni nżur ukoll partijiet mis-swar li din il-belt hi mżejjna bihom, liema strutturi jiftakru mhux biss mexxejja u periti differenti imma anki t-tibdil li kull ġenerazzjoni applikat fuqhom. Għaldaqstant fosthom waqafna quddiem Verdala Gate fejn ammirajna x-xogħol sabiħ li dari twettaq mill-Ordni ta’ San Ġwann, filwaqt li llum din id-daħla storika qed titħalla tiswied, titmermer u taqa’ biċċa biċċa. Tkellimna dwar il-Firenzuola Lines (jew kif inhuma magħrufa aktar bħala l-Margherita Lines), liema xogħol fuqhom kien inbeda fl-1638 skont pjanta ta’ Fra Vincenzo Maculano da Firenzuola. Minn dokumenti li nstabu, jidher illi l-Gran Mastru Cottoner kien ippjana li jibni belt sħiħa fejn illum tinsab Bormla li kellha ġġib l-isem Civitas Cottonera. Imma din l-idea sfaxxat fix-xejn meta bejn l-1675 u l-1676 ħakmet il-pesta f’Malta u ħalliet numru kbir ta’ vittmi, apparti li fl-1680, miet il-Gran Mastru Cottoner innifsu.

    Meta komplejna nimxu lejn Forti Verdala, li nbena fl-1853, sirt naf li waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija dan il-post kien serva bħala kamp għall-priġunieri tal-gwerra, li fosthom kien hemm l-ekwipaġġ tal-bastiment tal-gwerra Ġermaniż Emden u l-Ammirall Karl Doenitz li aktar il-quddiem, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, għal ftit tal-ġranet hu kien sar is-suċċessur ta’ Hitler. Illum, il-parti l-kbira minn dawn il-binjiet inbidlu f’residenzi u huma abitati. Iżda meta tlajna fuq il-bejt ta’ dawn il-binjiet, stajt nilmaħ sezzjoni oħra minn dan il-kamp li tidher li hi abbandunata. Ħafna aktar telqa teżisti fil-parti tar-rampa li permezz tagħha, dari kienu jtellgħu l-kanuni għal fuq l-iswar. Edwin stqarr li hija ħasra li ftit li xejn nies jafu jew jagħtu każ dwar dawn il-ġrajjiet u dawn l-inħawi. Intant, akkost li llum qiegħed jitħalla jissaddad, tripied tal-metall li jinsab fuq dan il-bejt ifakkar illi l-machine guns li kienu jitpoġġew fuqu, min jaf kemm sparaw, u forsi laqtu, ajruplani tal-għadu li kienu jersqu biex jattakkaw l-inħawi. Infatti, fuq il-faċċata tal-bastjun tal-Belvedere, wieħed għadu jista’ jara sal-llum il-marki tal-balal li ħalla wieħed minn dawn l-ajruplani meta dan ipprova jiddefendi ruħu u jirritalja għax-xita ta’ balal li kienu neżlin fuqu minn fuq is-swar.

    Naturalment sirt naf ħafna aktar informazzjoni minn hekk iżda huwa diffiċli li ndaħħal kollox f’dan l-artiklu. Imma peress li l-arkeoloġija hija tant għall-qalbi, u anki peress li dan is-sit bħalissa jinsab wara bieb magħluq, żgur li ma nistax inċaħħadkhom milli ninfurmakhom dwar il-kappella Biżantina li żorna waqt il-mawra li saret fil-għaxija f’Bormla. Infatti, flimkien mal-gwida Charmaine Borg, kulħadd rama b’xi torċ jew b’xi xemgħa u kollna kurżità nżilna żewġ sulari taħt l-art fejn hemm sibna din il-wesgħa antika li dari kienet meqjusa bħala art sagra. Jingħad li din il-knisja maqtugħa direttament fil-blat, tmur lura għad-9 seklu W.K. u oriġinarjament din kienet iddedikata lin-Nattività ta’ Ġesù Bambin. Maż-żmien bidlet diversi titli sakemm fi żmien il-Kavallieri, dan il-post ġie profanat u abbandunat sakemm intesa għal kollox u ntradam taħt il-bini ta’ djar oħra. Kien biss fis-snin ħamsinijiet li din il-knisja ġiet skoperta aċċidentalment meta tifel ċkejken tilef żarbuna minnhom fl-inħawi u hekk kif xi nies ramaw ineħħu xi terrapien biex jgħinuh isibha, f’ħin minnhom tfaċċat bokka kbira fl-art. Hemmhekk in-nies reġgħu sabu din il-knisja antika li matul is-snin laħqet ġabret bosta ilma fiha. Kien bis-saħħa tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla u ta’ membri minn din l-Għaqda li eventwalment dan is-sit ġie mnaddaf sabiex b’hekk ma ssirlux aktar ħsara. Il-kwadru titulari li kien jinsab f’din il-knisja illum qiegħed fil-Mużew tal-Kattidral fl-Imdina, filwaqt li xi kwadri oħra nżammu fis-sagristija tal- Parroċċa Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata.

    Minn dak li rrakkuntajtilkhom hawnhekk, huwa ċar ħafna illi l-inħawi ta’ Bormla għandhom potenzjal kbir x’joffru, kemm lilna l-Maltin u kif ukoll anki lit-turisti li jiġu jżuru lill-pajjiżna. Għaldaqstant ikun tassew għaqli illi l-awtoritajiet involuti jaraw illi dawn l-inħawi għandhom jiġu inklużi fil-proġetti kulturali li jiġu organizzati minn żmien għal żmien sabiex b’hekk din il-belt li kienet tant grandjuża fiż-żminijiet antiki, tingħata l-prestiġju tagħha mill-ġdid. Irridu nżommu dejjem f’moħħna illi kull żona fil-gżejjer tagħna, tifforma ħolqa minn katina kbira li finalment tgħaqqadna u li tagħtina l-forza bħala pajjiż sħiħ.

    Għal aktar informazzjoni dwar Cospicua Heritage Society u dwar l-attivitajiet tagħha, tistgħu tidħlu fuq Facebook, inkella tikkuntattjawhom fuq 79710092 jew permezz tal-email tourscospicuaheritage@gmail.com

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET fit-Torċa tas-16 ta’ Frar 2014)